SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
6 ta’ Diċembru 2007(*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 43 KE – Psikoterapewti reġistrati – Sistema ta’ kwoti – Regoli tranżitorji derogatorji – Proporzjonalità – Ammissibbiltà”
Fil-kawża C-456/05
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Diċembru 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u S. Grünheid, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. Klučka, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 43 KE meta rriżervat id-dispożizzjonijiet tranżitorji jew id-“drittijiet miksuba”, li jippermettu lill-psikoterapewti li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni jew minn approvazzjoni mogħtija indipendentement mir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni li huma fis-seħħ, għall-dawk il-psikoterapewti biss li jkunu wettqu l-attività tagħhom f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni tal-mard, u meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-attività professjonali paragunabbli jew simili eżerċitata mill-psikoterapewti fi Stati Membri oħrajn.
Il-kuntest ġuridiku
2 Il-liġi dwar il-professjonijiet tal-psikoterapewta psikologu u l-psikoterapewta speċjalista tat-tfal u ta’ l-adoloxxenti, li temenda l-ħames ktieb tal-kodiċi soċjali (iktar ’il quddiem il-“SGB V”) u ta’ liġijiet oħra (Gesetz über die Berufe des Psychologischen Psychotherapeuten und des Kinder- und Jugendlichenpsychotherapeuten, zur Änderung des Fünften Buches Sozialgesetzbuch und anderer Gesetze), tas-16 ta’ Ġunju 1998 (BGBl 1998 I, p. 1311, iktar ’il quddiem l-“liġi dwar il-psikoterapewti”), tirregola l-aċċess għall-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi tal-“psikoterapewta psikologu” u l-“psikoterapewta speċjalista tat-tfal u ta’ l-adolexxenti” (parti dwar il-professjoni, Artikolu 1, intitolat “[liġi dwar il-psikoterapewti]”) kif ukoll l-inklużjoni tal-professjonijiet mediċi l-ġodda fl-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard (parti dwar l-assigurazzjoni tal-mard, Artikolu 2, intitolat “Emenda għal [SGB V]”).
3 Il-liġi dwar il-psikoterapewti tipprovdi li, mill-1 ta’ Jannar 1999, il-psikoterapewti li jixtiequ jeżerċitaw taħt l-iskema tar-reġistrazzjoni huma suġġetti għal sistema ta’ kwoti għal reġjun. Il-psikoterapewta li jistabbilixxi ruħu f’reġjun jista’ jeżerċita taħt l-iskema tar-reġistrazzjoni biss jekk il-psikoterapewti li jeżerċitaw f’dan ir-reġjun ma jaqbżux dak in-numru li jikkorrispondi għall-bżonnijiet tar-reġjun.
4 Madankollu, il-liġi dwar il-psikoterapewti fiha dispożizzjonijiet li skondhom, anki jekk in-numru ta’ psikoterapewti li reġjun għandu bżonn jinqabżu, dawk li huma diġà stabbiliti f’dan ir-reġjun u li jeżerċitaw taħt l-iskema tar-reġistrazzjoni jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mir-reġistrazzjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 95(10) u (11) tas-SGB V (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet tranżitorji”).
5 Dan l-Artikolu 95(10), dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-psikoterapewti, huwa fformulat kif ġej:
“Huma awtorizzati li jagħtu trattamenti reġistrati dawk il-psikoterapewti li:
1. sal-31 ta’ Diċembru 1998 issodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni skond l-Artikolu 12 tal-liġi dwar il-psikoterapewti, u għall-kwalifika, skond il-punt 3 ta’ l-Artikolu 95ċ(2), u ppreżentaw talba għall-awtorizzazzjoni;
2. qabel il-31 ta’ Marzu 1999 ippreżentaw id-dokument ta’ approvazzjoni;
3. fil-perijodu bejn il-25 ta’ Ġunju 1994 sa l-24 ta’ Ġunju 1997 ipparteċipaw fit-trattament psikoterapewtiku ambulatorju tal-persuni assigurati mal-fond ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard.
Il-kummissjoni ta’ l-awtorizzazzjoni għandha tiddeċiedi fuq it-talbiet qabel it-30 ta’ April 1999.”
6 Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 95(11), dwar permessi mogħtija lill-psikoterapewti jipprovdu li:
“Jistgħu jagħtu trattamenti reġistrati, dawk il-psikoterapewti li:
1. sal-31 ta’ Diċembru 1998 issodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni skond l-Artikolu 12 tal-liġi dwar il-psikoterapewti, […] u ppreżentaw talba għall-awtorizzazzjoni;
2. qabel il-31 ta’ Marzu 1999 ippreżentaw id-dokument ta’ approvazzjoni;
3. fil-perijodu bejn il-25 ta’ Ġunju 1994 sa l-24 ta’ Ġunju 1997 ipparteċipaw fit-trattament psikoterapewtiku ambulatorju tal-persuni assigurati mal-fond ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard.
Il-kummissjoni ta’ l-awtorizzazzjoni għandha tiddeċiedi fuq it-talbiet għall-awtorizzazzjoni qabel it-30 ta’ April 1999.”
7 Il-kelma “ipparteċipaw”, fil-perijodu bejn il-25 ta’ Ġunju 1994 sa l-24 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”), fit-trattament psikoterapewtiku ambulatorju tal-persuni assigurati mal-fond ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard, previst fil-punt 3 u 11 ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V, ġie interpretat mill-Bundessozialgericht f’sentenza tat-8 ta’ Novembru 2000 (B 6 KA 52/00 R, iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-8 ta’ Novembru 2000”). Psikoterapewta huwa kkunsidrat li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn il-paragrafi billi matul il-perijodu ta’ referenza wettaq ammont ta’ 250 siegħa sħaħ ta’ trattament matul perijodu ininterrott ta’ sitt sa tnax-il xahar. Barra minn dan, il-post fejn twettaq dan l-ammont ta’ sigħat għandu jkun l-istess għal dak indikat fit-talba ppreżentata għall-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita.
Il-proċedura prekontenzjuża
8 Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE billi, fit-30 ta’ Ottubru 2000, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn hija sostniet li d-dispożizzjonijiet tranżitorji jiksru l-Artikolu 43 KE. Skond il-Kummissjoni, dan l-Istat Membru naqas mill-obbligi tiegħu skond dan l-Artikolu meta kkunsidra biss bħala attività preċedenti li teħtieġ protezzjoni, l-attività professjonali mwettqa fil-kuntest ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard Ġermaniża, u eskluda kull attività professjonali paragunabbli jew simili mwettqa fi Stat Membru ieħor.
9 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fi tweġiba għal din l-intimazzjoni b’ittra tat-12 ta’ Jannar 2001.
10 Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Diċembru 2001, bagħtet opinjoni motivata li biha stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma magħha fi żmien xahrejn minn meta jirċeviha.
11 B’ittra ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din l-opinjoni motivata fejn tenniet li ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.
12 Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
13 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq erba’ motivi, jiġifieri:
– in-nuqqas ta’ ksur attwali tat-Trattat KE;
– in-natura marġinali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat;
– in-nuqqas ta’ interess sabiex taġixxi, u
– l-estensjoni ta’ l-għan tal-kawża.
Fuq in-nuqqas ta’ ksur attwali tat-Trattat
14 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-rikors mhuwiex dirett kontra ksur attwali tar-regoli tat-Trattat, iżda li jirrigwarda biss fatti li seħħew fl-imgħoddi, bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998. Hija tenfasizza li minn kważi seba’ snin ’il hawn ma baqax possibbli li tittieħed deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ permess abbażi tad-dispożizzjonijiet tranżitorji. Għaldaqstant, mhemm l-ebda nuqqas li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skond l-Artikolu 226 KE.
15 Għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru, hekk kif kienet fit-tmiem tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (ara b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑525/03, Ġabra p. I‑9405, punt 14).
16 Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’din id-data, il-leġiżlazzjoni kkontestata baqgħetx tkompli tipproduċi l-effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑20/01 u C‑28/01, Ġabra p. I‑3609, punti 34 u 37; tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑125/03, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 12 u 13, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
17 F’dan ir-rigward, għandu jitqies li r-rikors tal-Kummissjoni jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tranżitorji jew “drittijiet miksuba” billi dawn jagħtu biss lill-psikoterapewti, li jkunu eżerċitaw f’reġjun tal-Ġermanja f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza, il-possibbiltà li jwettqu l-attività tagħhom taħt l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard u li jirifjutaw li jagħtu din il-possibbiltà lill-psikoterapewti li wettqu l-attività tagħhom matul l-istess perijodu barra mill-Ġermanja taħt skemi ta’ l-assigurazzjoni obbligatorji tal-mard ta’ Stat Membru ieħor.
18 Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li huwa impossibbli għal dawn ta’ l-aħħar li jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet tranżitorji mhuwiex limitat fiż-żmien. Għall-kuntrarju dan għandu natura permanenti u li tkompli fiż-żmien, b’mod partikolari wara li jiskadi t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata.
19 Din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 16 ta’ din is-sentenza, li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda biss digriet wieħed, li m’għadux applikabbli wara li skada t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, u mhux kontra l-kuntratti li setgħu ġew konklużi abbażi ta’ dan. Min-naħa l-oħra, dan ir-rikors jindirizza l-fatt li d-dispożizzjonijiet tranżitorji huma rriservati biss għall-psikoterapewti li wettqu l-attività tagħhom f’reġjun fil-Ġermanja f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni tal-mard u li ma jiħdux in kunsiderazzjoni l-attività professjonali paragunabbli jew simili eżerċitata mill-psikoterapewti fi Stati Membri oħrajn.
20 Isegwi minn dan, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji in kwistjoni f’din il-kawża, jibqgħu jipproduċu l-effetti legali fid-data rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors u li, għaldaqstant, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.
Fuq in-natura marġinali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
21 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fl-ipoteżi fejn jinsab li hemm ksur tar-regoli tat-Trattat, dan f’kull każ ikollu, natura marġinali, u għalhekk ma jkunx jista’ jiġġustifika proċedura għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
22 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni tista’ ġġib il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq xi obbligu tiegħu skond dan it-Trattat. Dan l-Artikolu ma fih l-ebda kundizzjoni li tirrigwarda l-livell ta’ gravità tan-nuqqas. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, hija l-Kummissjoni li hija responsabbli li tevalwa l-opportunità li tittieħed azzjoni kontra Stat Membru, li tivverifika d-dispożizzjonijiet li dan ikun kiser u li tagħżel il-mument meta hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, u l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jeffettwaw l-ammissibbiltà ta’ l-azzjoni (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑33/04, Ġabra p. I‑10629, punt 66). Isegwi minn dan, li kull ksur tat-Trattat, tkun xi tkun il-gravità ta’ dan, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors skond dan l-Artikolu.
23 Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-allegata natura marġinali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi miċħuda.
Fuq in-nuqqas ta’ interess sabiex taġixxi
24 Skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni m’għandhiex interess sabiex taġixxi f’din il-kawża. Permezz tar-rikors tagħha, hija fil-fatt tfittex li tieħu ħsieb l-interessi taż-żewġ psikoterapewti Awstrijaċi, li tiddeskrivi s-sitwazzjoni tagħhom, li kkontestaw l-awtoritajiet nazzjonali u li bdew il-proċeduri pendenti quddiem il-qrati nazzjonali. Il-Kummissjoni qed issostni l-interessi ta’ persuna kontra Stat Membru. Madankollu, dawn ta’ l-aħħar jiddisponu mill-possibbiltà li jagħmlu użu minn tipi ta’ azzjoni li huma disponibili għalihom quddiem il-qrati nazzjonali.
25 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-kompetenzi li hija għandha taħt l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni m’għandhiex bżonn turi l-eżistenza ta’ interess li tittieħed azzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-inkarigu li tiżgura ex officio, u kif ukoll fl-interess ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri u li tara, bil-ħsieb li dawn jintemmu, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi possibbli li jista’ jkun hemm (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65). Barra minn dan, hekk kif huwa mfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, huwa għall-Kummissjoni li tanalizza l-mument opportun biex taġixxi kontra xi Stat Membru.
26 Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess sabiex taġixxi għandha tiġi miċħuda.
Fuq l-estensjoni ta’ l-għan tal-kawża
27 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis ukoll li l-Kummissjoni ssostni għall-ewwel darba, biss fl-istadju tar-rikors, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji huma suxxettibbli li jikkostitwixxu preġudizzju għal-libertà ta’ stabbiliment tal-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja, billi huma jidhru li huma ta’ ostakolu għat-trasferiment ta’ dawn ta’ l-aħħar fi Stati Membri oħrajn matul il-perijodu ta’ referenza. L-argument tal-Kummissjoni jikkostitwixxi estensjoni ta’ l-għan tal-kawża hekk kif stabbilita fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża u għalhekk hija inammissibbli.
28 Għandu jitqies li, f’ittra ta’ l-10 ta’ Novembru 1999 indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li għaliha tirreferi l-ittra ta’ intimazzjoni, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni kienu diġà indikaw lil dan l-Istat Membru d-dubju tagħhom dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tranżitorji mar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, sa fejn dawn ma jipprevedux li l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti jieħdu in kunsiderazzjoni l-attività mwettqa mill-psikoterapewti fil-kuntest ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja ta’ l-Istati Membri l-oħra. Fl-ittra ta’ intimazzjoni hemm ukoll referenza, b’mod ġenerali, għan-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-attività mwettqa barra mill-kuntest ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja fil-Ġermanja. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment jikkonċerna kemm il-psikoterapewti li ġejjin mill-Istati Membri l-oħra kif ukoll il-psikoterapewti li ġejjin mill-Ġermanja li huma stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra.
29 Konsegwentement, anki jekk l-argumenti tal-Kummissjoni ppreżentati matul il-proċedura prekontenzjuża jirrigwardaw biss ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-psikoterapewti li ġejjin mill-Istati Membri l-oħra, ir-riferiment espliċitu, fl-istadju tar-rikors, għal preġudizzju għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċerti psikoterapewti li ġejjin mill-Ġermanja, ma jagħtix lok għal oġġezzjoni ġdida, distinta minn dik inizjalment imressqa, iżda din hija biss żvilupp ta’ dan.
30 Għaldaqstant, konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-estensjoni ta’ l-għan tal-kawża għandha tiġi miċħuda.
31 Billi l-motivi kollha ta’ inammissibbiltà ġew miċħuda, hemm lok li jiġi eżaminat ir-rikors fuq il-mertu.
Fuq il-mertu
Argumenti tal-partijiet
32 Il-Kummissjoni ssostni li l-ifformular tad-dispożizzjonijiet tranżitorji juri restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.
33 Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitiwixxu deroga mis-sistema ta’ kwoti, li minnha jistgħu jibbenefikaw il-psikoterapewti li, matul il-perijodu ta’ referenza pprovdew trattamenti lill-pazjenti fil-kuntest ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja Ġermaniża tal-mard. Min-naħa l-oħra, il-psikoterapewti li jkunu pprovdew trattamenti fil-kuntest ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ Stat Membru ieħor matul dan il-perijodu ma jistgħux jibbenefikaw minn din id-deroga.
34 Għaldaqstant, huma esklużi mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji l-psikoterapewti kollha li stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u u qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 1998, billi mill-1 ta’ Jannar 1997, dawn il-psikoterapewti ma setgħux iktar jissodisfaw il-kundizzjoni, fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja Ġermaniża, ta’ 250 siegħa ta’ xogħol matul il-perijodu kontinwu ta’ għallinqas sitt xhur matul il-perijodu ta’ referenza. Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-fatt, mill-1 ta’ Jannar 1997, sat-tmiem tal-perijodu ta’ referenza, stabbilit għall-24 ta’ Ġunju 1997, kien għad fadal perijodu ta’ żmien ta’ inqas minn sitt xhur.
35 Din l-esklużjoni taffettwa prinċipalment il-psikoterapewti stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra li għamlu użu mid-dritt tagħhom għal-libertà ta’ stabbiliment fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998. Dan jaffettwa wkoll il-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja li għamlu użu mid-dritt tagħhom għal-libertà ta’ stabbiliment billi stabbilixxew irwieħhom fi Stat Membru ieħor matul il-perijodu ta’ referenza u li marru lura fil-Ġermanja qabel l-1 ta’ Jannar 1999.
36 Il-Kummissjoni turi din l-esklużjoni billi tirreferi għas-sitwazzjoni taż-żewġ psikoterapewti Awstrijċi li stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja, rispettivament fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Ottubru 1998, f’reġjuni fejn l-iżvolġiment tat-trattamenti in segwitu ġie kkunsidrat bħala wieħed eċċessiv skond il-liġi dwar il-psikoterapewti. Minn dawn id-dati, il-persuni kkonċernati ħadmu għall-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard Ġermaniża iżda ma setgħux jiksbu l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw fir-reġjuni ta’ l-għażla tagħhom bħala psikoterapewti reġistrati skond l-Artikolu 95(10) tas-SGB V. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kkunsidrawx l-esperjenza professjonali ta’ dawn il-psikoterapewti fil-kuntest ta’ l-iskema tar-reġistrazzjoni Awstrijaka matul il-perijodu ta’ referenza, liema esperjenza tikkorrispondi għal volum ta’ sigħat mitlub mill-ġurisprudenza Ġermaniża.
37 Skond il-Kummissjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, Ġabra p. I‑2357) li l-attività mwettqa minn dawn il-psikoterapewti fl-Istati Membri l-oħra fil-kuntest tas-sigurtà soċjali ta’ dawn l-Istati Membri għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tranżitorji.
38 Iċ-ċirkustanza li d-dispożizzjonijiet suġġetti għal dan ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu jikkostitwixxu miżuri tranżitorji sabiex jiġu protetti drittijiet miksuba ma teżonerax lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-obbligu li tirrispetta r-regoli tat-trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għal ċerti psikoterapewti stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra ma tpoġġix fil-perikolu l-għanijiet imfittxija minn dawn ta’ l-aħħar. Il-fatt li l-benefiċċji minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġi limitat biss għal psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja, huwa konsegwentement sproporzjonat.
39 Il-Kummissjoni żżid, sussidjarjament, li n-natura diskriminatorja tad-dispożizzjonijiet tranżitorji fir-rigward tal-psikoterapewti stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra huwa partikolament evidenti fejn il-psikoterapewta stabbilit fil-Ġermanja mhuwiex dejjem mitlub, fil-prattika, li jkun ħadem diġà fir-reġjun fejn huwa jkun jixtieq jistabbilixxi ruħu. Fi kliem ieħor, sakemm huwa jkun ħadem fil-kuntest tas-sigurtà soċjali Ġermaniża matul is-snin rilevanti u li jkun għamel in-numru ta’ sigħat mitluba, il-psikoterapewta stabbilit fil-Ġermanja jista’ jitlob li jibbenefika mir-reġistrazzjoni, meta huwa jistabbilixxi ruħu f’reġjun ieħor.
40 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-dispożizzjonijiet tranżitorji mhumiex diskriminatorji. Dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsubin sabiex jipproteġu sitwazzjonijiet stabbiliti kkunsidrati bħala li jixirqilhom protezzjoni, jiġifieri dawk tal-psikoterapewti stabbiliti f’reġjun tal-Ġermanja, fejn huma ħadmu għal ċertu żmien taħt l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard. Il-leġiżlatur nazzjonali ħa ħsieb li dawn il-persuni ma jiġux sfurzati jiċċaqalqu u jitilfu l-klijentela tagħhom. Min-natura stess tas-sitwazzjonijiet in kwistjoni jirriżulta li dawn jistgħu jiġu stabbiliti biss f’post partikolari fuq it-territorju Ġermaniż.
41 Dan l-Istat Membru jenfasizza li, fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2000, il-Bundessozialgericht interpretat id-dispożizzjonijiet tranżitorji fis-sens li japplikaw biss għal persuni li jixtiequ jibqgħu jibbenefikaw mir-reġistrazzjoni fir-reġjun tal-Ġermanja fejn huma diġà stabbiliti u mhux għal persuni li jixtiequ jibdlu reġjun. Konsegwentement, il-Kummissjoni, b’mod żbaljat qed issostni li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ikun x’ikun ir-reġjun li fih il-psikoterapewta Ġermaniż jipprova jistabbilixxi ruħu u b’mod żbaljat qed tiddeduċi minn dan li l-post, u b’mod partikolari l-Istat Membru li fih twettaq ix-xogħol reġistrat, m’għandux ikun determinanti.
42 Skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, is-sentenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti. Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-esperjenza professjonali ta’ avukati fl-Istati Membri l-oħra. F’dan il-każ, l-esperjenza professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor tittieħed in kunsiderazzjoni kollha kemm hi sabiex il-psikoterapewta fil-Ġermanja jwettaq l-attività tiegħu u l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, hija għalhekk irrispettata bis-sħiħ. Il-problema li tinħoloq hija dik li jkun magħruf jekk, fil-kuntest tal-liġi dwar il-psikoterapewti, psikoterapewta jibbenefika jew le minn sitwazzjoni stabbilita, li teħtieġ protezzjoni, fi kliem ieħor, jekk wettaq jew le l-attività professjonali tiegħu f’post preċiż matul perijodu stabbilit. Din is-sentenza Vlassopoulou ma tirrigwardawx dan.
43 Dan l-Istat Membru jqis, li matul l-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet tranżitorji, ma kienx hemm il-bżonn li tittieħed in kunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba mill-psikoterapewti fi Stat Membru ieħor, billi attività preċedenti, imwettqa barra mill-Ġermanja, ma kinitx rilevanti għall-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet miksuba. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji humiex proporzjonati m’għandhiex tiddependi mit-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-psikoterapewti.
44 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li kieku wieħed kellu jestendi l-benefiċċju tad-deroga għall-psikoterapewti li ġejjin mill-Istati Membri l-oħra billi jittieħdu in kunsiderazzjoni s-sigħat ta’ xogħol irreġistrat magħmula fl-Istati Membri minn fejn ġejjin, hekk kif issostni l-Kummissjoni, dawn ta’ l-aħħar ikunu ffavoriti meta mqabbla mal-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja li ma jistgħux jagħmlu użu mis-sigħat ta’ xogħol irreġistrat imwettaq barra mir-reġjun fejn huma awtorizzati jeżerċitaw.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Osservazzjoni preliminari
45 Sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ma’ l-Artikolu 43 KE, dawn għandhom jiġu analizzati fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni li l-Bundessozialgericht tat fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2000.
46 Iċ-ċirkustanza li dawn id-dispożizzjonijiet setgħu jiġu applikati b’mod żbaljat mill-awtoritajiet Ġermaniżi qabel ma ngħatat din is-sentenza mhijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
47 Konsegwentement, hemm lok li tittieħed bħala punt tat-tluq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji mogħtija mill-Bundessozialgericht, li skondha l-post fejn il-psikoterapewta ħadem matul il-perijodu ta’ referenza għandu jkun identiku għal dak fejn jixtieq jeżerċita mill-1 ta’ Jannar 1999 sabiex jibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Fuq in-nuqqas allegat
48 Fuq in-nuqqas allegat jżommu, fil-prinċipju, l-kompetenza sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għal aċċess għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, għandhom jeżerċitaw l-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u b’mod partikolari, il-libertà ta’ stabbiliment iggarantit mill-Artikolu 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten, C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 31, u Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).
49 Skond ġurisprudenza kostanti, dan l-Artikolu jipprekludi kull miżura nazzjonali, li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini Komunitarji, inklużi dawk ta’ l-Istat Membru li huwa l-awtur tal-miżura, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Dan ikun differenti biss jekk miżura bħal din tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u li ma jeċċedux dak li hemm bżonn sabiex jintlaħaq l-istess għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punt 32; tas-17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et, C‑79/01, Ġabra p. I‑8923, punti 26 u 28, kif ukoll tal-21 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑140/03, Ġabra p. I‑3177, punti 27 u 34).
50 Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u, skond il-każ, jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.
– Fuq l-eżistenza tar-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment
51 B’referenza b’mod partikolari għas-sentenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkostitwixxu preġudizzju għal-libertà ta’ stabbiliment sa fejn ma jiħdux in kunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali miksuba, matul il-perijodu ta’ referenza, mill-psikoterapewti stabiliti fl-Istati Membri l-oħra fil-kuntest ta’ skema ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn l-Istati.
52 F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-psikoterapewti stabbiliti barra mit-territorju Ġermaniż, li wettqu l-attività professjonali tagħhom f’kuntest ta’ fondi oħra ta’ assigurazzjoni tal-mard li mhumiex dawk Germaniżi u li ttrasferixxew l-prattika tagħhom fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998, ma jistgħux jibbenefikaw mid-deroga prevista mid-dispożizzjonijiet tranżitorji. Barra minn dan, il-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja, li bejn dawn iż-żewġ dati wettqu l-attività professjonali tagħhom f’kuntest ta’ fondi ta’ assigurazzjoni tal-mard ta’ Stat Membru ieħor qabel ma’ ġew lura fil-Ġermanja, ukoll jinsabu f’din is-sitwazzjoni. F’każ jew ieħor, l-esperjenza miksuba f’kuntest ta’ l-iskema ta’ reġistrazzjoni ta’ Stat Membru ieħor mhuwiex meħud in kunsiderazzjoni.
53 Jekk, bħal fil-każ taż-żewġ psikoterapewti Awstrijaċi li l-Kummissjoni tirreferi għalihom, dawn il-psikoterapewti għażlu li jistabbilixxu ruħhom f’reġjun fil-Ġermanja fejn il-kwota massima li tirriżulta mil-liġi dwar il-psikoterapewti nqabżu, huma ma jistgħux jibqgħu jwettqu l-attività professionali tagħhom taħt l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard. Mingħajr il-benefiċċju ta’ din l-iskema, huma jistgħu joqgħodu biss fuq il-klijentela privata u joffru trattament li mhuwiex a spejjeż ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard, li jaf ifixkel b’mod sinjifikattiv l-attività professionali tagħhom, jew anki, iġiegħelhom iwaqqfu din ta’ l-aħħar.
54 Id-dispożizzjonijiet tranżitorji ċertament japplikaw għall-psikoterapewti kollha, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, b’mod illi anki l-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja huma effettwati minn dawn id-dispożizzjonijiet bħall-psikoterapewti stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra jekk huma bidlu reġjun u stabbilixxew ruħhom, bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998, f’reġjun tal-Ġermanja li fih inqabżu l-kwoti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ rekwiżiti għall-persuni kkonċernati, li jikkonsistu fi, minn naħa, li jkunu wettqu l-attività tagħhom f’reġjun tal-Ġermanja f’kuntest ta’ l-iskema Germaniża ta’ reġistrazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza u, min-naħa l-oħra, li jkunu ppreżentaw talba għal awtorizzazzjoni skond dan l-istess reġjun, huma ta’ natura li jiffavorixxu lill-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja milli dawk stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra matul dan il-perijodu.
55 Għaldaqstant, ir-rekwiżit impost minn dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji, jisfavorixxi persuni li għamlu użu mil-libertà tagħhom ta’ stabbiliment u għal kuntrarju, jiffavorixxu dawk li ma ttrasferewx l-attività tagħhom jew li ttrasferewha għal ġo reġjun Ġermaniż ieħor. Isegwi, illi dan ir-rekwiżit jipproduċi effetti, l-ewwel nett, b’dannu għall-psikoterapewti stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra u mhux fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, minkejja esperjenza f’kuntest ta’ l-iskema ta’ reġistrazzjoni ta’ l-Istat tagħhom ta’ oriġini li huma ekwivalenti f’numru ta’ sigħat u fit-tul ma’ dak previst fid-dispożizzjonijiet tranżitorji u li stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998 u, it-tieni nett, b’dannu tal-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja li wettqu l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor matul il-perijodu ta’ referenza u li reġgħu ttrasferixxew ruħhom fil-Ġermanja bejn dawn iż-żewġ dati.
56 Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar liġi, anki jekk applikabbli mingħajr distinzjoni, li tissuġġetta dritt għall-issodisfar ta’ kundizzjoni ta’ residenza f’reġjun ta’ Stat Membru u li għalhekk tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali b’dannu għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li jmur kontra l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni stabbilit mill-Artikolu 12 KE (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-dritt li tindirizza lill-qorti bil-lingwa materna, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz, C‑274/96, Ġabra p. I‑7637, punt 26).
57 Fid-dawl ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni li titlob li tkun wettaqt l-attività ta’ psikoterapewta f’reġjun tal-Ġermanja fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ reġistrazzjoni Ġermaniża, li titlob li tkun stabbilit f’reġjun tal-Ġermanja, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-psikoterapewti stabbiliti fi Stat Membru ieħor.
58 F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari t-tieni kategorija ta’ persuni msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja li għamlu użu mil-libertà tagħhom ta’ stabbiliment matul il-perijodu ta’ referenza billi stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea jista’ jiġi applikat lilu fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu trattament inqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat fil-qasam tal-moviment (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 30, u, f’dan is-sens, sentenza tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 20).
59 Dan ir-raġunament huwa applikabbli b’analoġija, għall-persuni li għamlu użu mil-libertà tagħhom ta’ stabbiliment. Sa fejn id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandom l-effett li jittrattaw inqas favorevolment il-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja li stabbilixxew ruħhom barra minn dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ referenza sabiex wara ġew lura f’dan ta’ l-ewwel qabel l-1 ta’ Jannar 1999 milli dawk li baqgħu f’dan l-Istat Membru matul l-istess perijodu, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, sa kemm dawn ma jistgħux jiġu ġġustifikati.
60 Għalhekk il-Kummissjoni ġustament tikkunsidra, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-psikoterapewti Komunitarji, inklużi l-psikoterapewti Ġermaniżi.
61 Għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux għallinqas ikunu ġġustifikati.
– Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni
62 Skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-psikoterapewti stabbiliti f’reġjun tal-Ġermanja matul il-perijodu ta’ referenza, li kkostitwixxu klijentela ta’ pazjenti a spejjeż ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard Ġermaniża, jixirqilhom protezzjoni partikolari. Din il-klijentela tikkostitwixxi dritt miksub. Għalhekk huwa importanti li dawn il-psikoterapewti ma jkunux imġiegħla jagħlqu l-prattika tagħhom mill-1 ta’ Jannar 1999 u jititlfu, konsegwentement, il-klijentela tagħhom.
63 Għandu jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni ta’ dritt miksub, jiġifieri ż-żamma ta’ klijentela ta’ pazjenti wara numru ta’ snin ta’ attività professjonali, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, Stat Membru jista’ jqis bħala bżonn, f’każ bħal dan, li jipproteġi l-klijentela u, permezz ta’ dan, l-attività tal-professjonisti kkonċernati bl-adozzjoni tal-miżuri xierqa.
64 Id-dispożizzjonijiet tranżitorji, li jintroduċu deroga għal-liġi dwar il-psikoterapewti sabiex jiġu protetti l-persuni li kienu stabbiliti fil-Ġermanja matul il-perijodu ta’ referenza u li eżerċitaw f’kuntest ta’ l-iskema ta’ reġistrazzjoni Ġermaniża, għandhom jiġu kkunsidrati bħala adatti sabiex iżommu d-drittijiet miksuba ta’ dawn il-persuni waqt illi jillimitaw in-numru ta’ psikoterapewti reġistrati independentement mill-bżonnijiet effettivi.
65 Madankollu, huwa importanti li dawn id-dispożizzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li hemm bżonn sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37).
66 Sabiex jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji humiex proporzjonati jew le, għandu jiġi vverifikat jekk kien hemm bżonn, sabiex jintlaħaq dan il-għan, li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati biss għall-psikoterapewti li wettqu l-attività tagħhom f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza u li ma jiħdux in kunsiderazzjoni attività simili mwettqa minn psikoterapewti f’kuntest ta’ l-iskema ta’ reġistrazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra.
67 Fi kliem ieħor, hemm lok li jiġi eżaminat jekk it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-attività ta’ dawn ta’ l-aħħar setgħat tippreġudika l-għan tad-dispożizzjonijiet derogatorji.
68 L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, dan it-teħid in kunsiderazzjoni ma effettwax il-protezzjoni tad-drittijiet miksuba tal-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja matul il-perijodu ta’ referenza. Fil-fatt, huwa ta protezzjoni lil psikoterapewti oħra u dan ma kellu l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn ta’ l-ewwel.
69 Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk din il-protezzjoni tfixkel l-għan, li jikkonsisti filli n-numru ta’ psikoterapewti reġistrati jiġi limitat indipendentement mill-bżonnijiet.
70 Mhuwiex ikkontestat f’dan ir-rigward li, din il-protezzjoni seta’ jkollha bħala konsegwenza li żżid in-numru ta’ psikoterapewti reġistrati indipendentement mill-bżonnijiet. Madankollu, malli ssir deroga għal-liġi dwar il-psikoterapewti, sabiex jiġu protetti l-psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tikkunsidra l-kwistjoni jekk kienx hemm il-bżonn li jibbenefikaw minn din id-deroga biss il-persuni li kienu stabbiliti fuq it-territorju tagħha matul il-perijodu ta’ referenza waqt illi teskludi lil dawk kollha li kienu stabbiliti f’Stat Membru ieħor matul dan il-perijodu. Fil-fatt, sa fejn dawn ta’ l-aħħar eżerċitaw biss id-dritt tagħhom għal libertà fundamentali, huma wkoll jixirqilhom, bħala prinċipju, li jibbenefikaw mill-protezzjoni ta’ l-attività rreġistrata tagħhom fil-Ġermanja. Seta’ biss jiġi konkluż f’mod ieħor kieku din il-protezzjoni tneħħi lid-dispożizzjonijiet tranżitorji l-għan tagħhom, jiġifieri li tippermetti lil numru limitat ta’ psikoterapewti li jiġu rreġistrati indipendentement mill-bżonnijiet.
71 Hekk kif il-Kummissjoni qieset u kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, in-numru ta’ psikoterapewti kkonċernati huwa limitat. Fil-fatt, jinkludi l-psikoterapewti li stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998 u, fost dawn, dawk li eżerċitaw f’kuntest ta’ fondi oħra ta’ assigurazzjoni tal-mard ta’ Stat Membru ieħor, attività simili għal dik mitluba skond l-Artikolu 95 tas-SGB V.
72 Għandu jiġi kkonstat ukoll, li d-definizzjoni tal-leġiżlatur Ġermaniż tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ma tinkludi l-ebda limitu numeriku massimu. Billi jitlob mill-psikoterapewti li jixtiequ jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tranżitorji li jkunu wettqu l-attività tagħhom f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza, jiġifieri perijodu ta’ tliet snin, dan il-leġiżlatur ħejja biss qafas li jista’ jinkludi numru ftit jew wisq għoli ta’ psikoterapewti. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pprovdiet l-ebda element li jindika li t-teħid in kunsiderazzjoni tal-psikoterapewti li wettqu l-attività tagħhom matul l-istess perijodu taħt l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja ta’ l-Istati Membri l-oħra kien jirrigwarda numru ta’ persuni tant għoli li kien ser jippreġudika l-għan tad-dispożizzjonijiet tranżitorji.
73 Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-psikoterapewti kollha li wettqu l-attività tagħhom barra mill-iskema Ġermaniża ta’ reġistrazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza.
74 Barra minn dan, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis, li applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għal dawn il-psikoterapewti għandu bħala effett li jiffavorixxi l-psikoterapewti stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti f’reġjuni oħra tal-Ġermanja.
75 Madankollu, dan l-argument mhuwiex wieħed determinanti. L-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għal residenti ta’ Stati Membri oħra li għamlu użu mil-libertà tagħhom ta’ stabbiliment tista’ tkun bżonjuża, sabiex jiġu rrispettati r-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, għalkemm il-psikoterapewti stabbiliti barra mit-territorju Ġermaniż matul il-perijodu ta’ referenza huma f’pożizzjoni ta’ vantaġġ meta mqabbla mal-psikoterapewti stabbiliti f’reġjun tal-Ġermanja matul dan il-perijodu u li sussegwentement bidlu reġjun, din iċ-ċirkustanza mhijiex biżżejjed sabiex titbiddel il-konstatazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji huma sproporzjonati.
76 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq illi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 43 KE billi rriżervat id-dispożizzjonijiet tranżitorji jew id-“drittijiet miksuba”, li jippermettu lill-psikoterapewti jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni jew minn approvazzjoni mogħtija indipendentement mir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni li huma fis-seħħ, għall-dawk il-psikoterapewti biss li jkunu wettqu l-attività tagħhom fi reġjun fil-Ġermanja f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni tal-mard, u billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-attività professjonali paragunabbli jew simili eżerċitata mill-psikoterapewti fi Stati Membri oħrajn.
Fuq l-ispejjeż
77 Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE billi rriżervat id-dispożizzjonijiet tranżitorji jew id-“drittijiet miksuba”, li jippermettu lill-psikoterapewti jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni jew minn approvazzjoni mogħtija indipendentement mir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni li huma fis-seħħ, għall-dawk il-psikoterapewti biss li jkunu wettqu l-attività tagħhom fi reġjun fil-Ġermanja f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni tal-mard, u billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-attività professjonali paragunabbli jew simili eżerċitata mill-psikoterapewti fi Stati Membri oħrajn.
2) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.