SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla)
8 ta' Marzu 2007 (*)
“Kodiċi Doganali Komunitarju – Miżuri ta' applikazzjoni – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Anness 11 – Oriġini mhux preferenzjali tal-merkanziji – Riċevituri tat-televiżjoni – Kunċett ta' trasformazzjoni jew ta' xogħol sostanzjali – Kriterju tal-valur miżjud – Validità”
Fil-kawżi magħquda C-447/05 u C-448/05
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour d'appel de Paris (Franza), permezz ta' Deċiżjoni tat-18 ta' Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta' Diċembru 2005, fil-proċeduri
Thomson Multimedia Sales Europe(C-447/05),
Vestel France(C-448/05)
vs
Administration des douanes et droits indirects,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta' l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Novembru 2006,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal Thomson Multimedia Sales Europe, minn F. Goguel, avukat,
– għal Vestel France, minn F. Goguel, avukat, u P. de Baere, avukat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u G. Le Bras, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White u K. Beal, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u J. Hottiaux, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li taqta' l-kawża mingħajr Konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità tad-dispożizzjonijiet li jidhru fit-tielet kolonna, fil-pożizzjoni 8528 tan-nomenklatura kkombinata, imsemmija fl-Anness 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, p.1, iktar 'il quddiem id-"dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93").
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' kawżi li jirrigwardaw l-oriġini ta' riċevituri tat-televiżjoni kif iddeterminata mill-administration française des douanes et droits indirects (Awtorità tad-Dwana u tat-Taxxi Indiretti Franċiża, iktar 'il quddiem l-"Awtorità tad-Dwana") fil-kuntest ta' talbiet għall-informazzjoni mandatorji dwar l-oriġni mhux preferenzjali (aktar ’il quddiem l-"BOI") magħmula fl-2003 fuq talba tal-kumpannija Thomson Sales Europe, li qabel kien jisimha Thomson Multimedia Sales Europe (aktar 'il quddiem "Thomson"), u tal-kumpannija Vestel France (iktar 'il quddiem "Vestel").
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-Kodiċi Doganali Komunitarju
3 L-Artikolu 24 ta' l-ewwel taqsima bit-titolu "Oriġini mhux preferenzjali", tal-Kapitolu 2 tat-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali Komunitarju), jgħid hekk:
"Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f'impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta' prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura."
4 L-Artikolu 249 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju jistabbilixxi li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dan il-Kodiċi.
Ir-Regolament Nru 2454/93
5 Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 39 tar Regolament Nru 2454/93:
"Fil-każ ta' prodotti riżultati li huma elenkati fl-Anness 11, ix-xogħol u l-ipproċessar imsemmija fil-kolonna 3 ta' l-Anness għandhom jiġu meqjusa bħala proċess jew operazzjoni li jikkonferixxi l-oriġini taħt l-Artikolu 24 tal-Kodiċi [Doganali Komunitarju]."
6 L-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93 jgħid:
kodiċi NM |
Deskrizzjoni tal-prodott |
Operazzjonijiet tax-xogħol jew ipproċessar li saru fuq materjali non-oriġinanti li jikkonferixxu l-istatus ta’ prodotti oriġinanti |
(1) |
(2) |
(3) |
[…] ex 8528 |
[…] Riċevituri tat-televiżjoni, (esklużi videotuners, apparat ta’ projezzjoni televiżiva u monitors tal-video), kemm jekk kombinati u kemm jekk le, fl-istess kolokazzjoni, riċevituri tax-xandiriet tar-radju jew apparat li jirrekordja jew jirriproduċi l-ħoss. |
[…] Manifattura meta ż-żieda fil-valur akkwistata bħala riżultat ta’ l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u, meta applikabbli, l-inkorporazzjoni ta’ partijiet li joriġinaw fil-pajjiż ta’ l-assemblaġġ jirrapprexentaw mill-anqas 45% tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott Meta r-regola tal-45% ma tintlaħaqx, l-apparat għandu jiġI ttrattat bħala li joriġina mill-pajjiż ta’ l-oriġini tal-partijiet li l-prezz mill-fabbrika tagħhom jirrapprexenta aktar minn 35% tal-prezz mill-fabbrika ta’ l-apparat Meta r-regola tal-35% tintlaħaq minn żewġ pajjiżi, l-apparat għandu jiġi ttrattat bħala li joriġina mill-pajjiż ta’ l-oriġini tal-partijiet li jirrapprexentaw l-akbar perċentwali ta’ valur" |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Fil-kawża C‑447/05
7 Thomson tikkummereċjalizza fi Franza riċevituri tat-televiżjoni mmanifatturati fil-Polonja minn komponenti li joriġinaw mill-Polonja u minn pajjiżi oħra. It-tubu vakwu [cathode ray tube], li joriġina mill-Korea, jirrappreżenta 42.43% tal-preżż mill-fabbrika [ex-works] ta' riċevitur tat-televiżjoni. Il-komponenti tar-riċevituri tat-televiżjoni li joriġinaw mill-Polonja u l-operazzjonijiet ta' manifattura magħmula f'dan il-pajjiż jirrappreżentaw 31.49% tal-prezz mill-fabbrika.
8 Fuq talba ta' Thomson, l- Awtorità tad-Dwana, abbażi ta' l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju kif ukoll ta' l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 2454/93 u ta' l-Anness 11 ta' dan ta' l-aħħar, ħarġet, fil-11 ta' Lulju 2003, BOI li jqis lill-Korea bħala l-pajjiż ta' l-oriġini tar-riċevituri tat-televiżjoni msemmija.
9 Għaldaqstant, Thomson, sabiex tikkontesta l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93 fir-rigward ta' l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, ippreżentat rikors quddiem it-tribunal d’instance du 7e arrondissement de Paris sabiex dan jannulla dan il-BOI u jiddikjara li l-pajjiż ta' l-oriġini ta' l-apparat in kwistjoni huwa l-Polonja.
10 L-imsemmi tribunal d’instance caħad din it-talba permezz ta' sentenza tat-8 ta' Ġunju 2004, minn liema Thomson appellat quddiem il-qorti ta' l-appell ta' Pariġi. Peress li wriet dubji fuq il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Għandu l-Anness 11 tar-Regolament […] Nru 2454/93 […] jiġi kkunsidrat bħala invalidu peress li jmur kontra l-Artikolu 24 tal-[…] Kodiċi Doganali Komunitarju, safejn dan iwassal sabiex riċevitur tat-televiżjoni mmanifatturat fil-Polonja, fil-kundizzjonijiet deskritti fil-proċedura, jiġi kkunsidrat li joriġina mill-Korea?"
Fil-kawża C‑448/05
11 Vestel tikkummereċjalizza fi Franza riċevituri tat-televiżjoni mmanifatturati fit-Turkija minn komponenti li joriġinaw mit-Turkija u minn pajjiżi oħra. It-tubu vakwu, li joriġina miċ-Ċina, jirrappreżenta 43.1141% tal-preżż mill-fabbrika ta' riċevitur tat-televiżjoni. Il-komponenti tar-riċevituri tat-televiżjoni li joriġinaw mit-Turkija u l-operazzjonijiet ta' manifattura magħmula f'dan il-pajjiż jirrappreżentaw 38.47% tal-prezz mill-fabbrika.
12 Fuq talba ta' Vestel, l-Awtorità tad-Dwana, abbażi ta' l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju kif ukoll ta' l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 2454/93 u ta' l-Anness 11 ta' dan ta' l-aħħar, ħarġet, fl-24 ta' Marzu 2003, BOI li jqis liċ-Ċina bħala l-pajjiż ta' l-oriġini tar-riċevituri tat-televiżjoni msemmija.
13 Għaldaqstant, Vestel, sabiex tikkontesta l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93 fir-rigward ta' l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, ippreżentat rikors quddiem it-tribunal d’instance du 7e arrondissement de Paris sabiex dan jannulla dan il-BOI u jiddikjara li l-pajjiż ta' l-oriġini ta' l-apparat in kwistjoni huwa t-Turkija.
14 L-imsemmi tribunal d’instance caħad din it-talba permezz ta' sentenza tat-8 ta' Ġunju 2004, minn liema Vestel appellat quddiem il-qorti ta' l-appell ta' Pariġi. Peress li wriet dubji fuq il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Għandu l-Anness 11 tar-Regolament […] Nru 2454/93 […] jiġi kkunsidrat bħala invalidu peress li jmur kontra l-Artikolu 24 tal-[…] Kodiċi Doganali Komunitarju, safejn dan iwassal sabiex riċevitur tat-televiżjoni li hu mmanifatturat fit-Turkija, fil-kundizzjonijiet deskritti fil-proċedura, jiġi kkunsidrat li joriġina miċ-Ċina,?"
15 Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Marzu 2006, il-kawżi C-447/05 u C-448/05 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
16 Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93 humiex invalidi, safejn dawn jeżiġu li l-valur akkwistat mill-fatt ta' l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u, eventwalment, ta' l-inkorporazzjoni ta’ partijiet li joriġinaw fil-pajjiż ta’ l-assemblaġġ jirrappreżentaw mill-anqas 45% tal-prezz mill-fabbrika tar-riċevituri tat-televiżjoni sabiex il-manifattura tagħhom tagħtihom l-oriġini tal-pajjiż fejn iseħħ dan l-assemblaġġ.
17 Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali essenzjalment isostnu li, billi użat kriterju bbażat fuq il-valur miżjud, li huma jikkwalifikaw bħala "kwantitattiv" u li mhuwiex kumpatibbli mal-kriterji, fil-fehma tagħhom "kwalifikattivi", li jinsabu fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea sabiex timplementa r-regoli li dan stipula fl-imsemmi Kodiċi.
18 B'mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93, ġiet imqajma fil-kuntest tal-kawżi prinċipali li kienu intiżi sabiex jikkontestaw il-legalità tal-BOI relattivi għal riċevituri tat-televiżjoni li huma s-suġġett ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ fil-Polonja fil-konfront ta' xi wħud u fit-Turkija fil-konfront ta' oħrajn. L-applikazzjonijiet li taw lok għal dawn il-BOI ġew ippreżentati, fl-2003, minn impriżi stabbiliti fi Franza u li kienu jixtiequ jsiru jafu l-oriġini mhux preferenzjali ta' dan l-apparat, hekk kif definit fit-tħaddim tar-regoli stipulati fl-Artikoli 22 sa 26 tal-Kodiċi Doganali Komuntarju.
19 Dawn l-applikazzjonijiet ma kienux intiżi sabiex issir magħrufa l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija, kif definit fl-Artikolu 27 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, u għaldaqstant ma kienux intiżi sabiex isir magħruf jekk il-merkanzija msemmija kinitx tibbenifika mill-miżuri tariffarji preferenzjali li jinsabu fil-ftehimijiet li kkonkludiet il-Komunità Ewropea ma' xi pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi.
20 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tat-Turkija kienu jibbenifikaw, fid-data ta' meta ngħataw il-BOI in kwisjoni, minn stat speċifiku fir-relazzjonijiet doganali tagħhom mal-Komunitajiet Ewropej, dan il-fatt minnhu nnifshu mhuwiex ta' natura tali li jikkontesta r-rilevanza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
21 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li skond l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f'impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta' prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.
22 Dan l-Artikolu jirrepeti t-termini ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 802/68, tas-27 ta' Ġunju 1968, dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett ta' oriġini tal-merkanziji [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 148, p. 1), applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi Kodiċi. Għall-interpretazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minn dan l-Artikolu 5 jirriżulta li l-kriterju determinanti huwa dak ta' l-aħħar operazzjoni tax-xogħol jew ipproċessar sostanzjali (sentenza tat-13 ta' Diċembru 1989, Brother International, C‑26/88, Ġabra. p. 4253, punt 15).
23 Għandu jiġi mfakkar, it-tieni nett, li l-Artikolu 249 tal-Kodiċi Doganali Kumunitarju jikkostitwixxi bażi ta' abilitazzjoni suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Kummissjoni li tadotta l-metodi ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi Kodiċi (sentenza tal-11 ta' Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, Ġabra. p. I‑7877, punt 35).
24 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta l-miżuri kollha ta' applikazzjoni meħtieġa jew utli għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' bażi, sakemm dawn ma jmorrux kontriha jew kontra l-leġiżlażżjoni ta' applikazzjoni tal-Kunsill (ara, b'mod partikolari, s-sentenza Söhl & Söhlke, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).
25 Barra minn hekk, il-Kummissjoni, sabiex teżerċita s-setgħa mogħtija lilha mill-Kunsill għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, tiddisponi minn marġni wiesa' ta’ diskrezzjoni li jippermettilha tippreċiża l-kunċetti astratti ta' din id-dispożizzjoni fir-rigward ta' l-operazzjoniet tax-xogħol jew ipproċessar speċifiċi (ara s-sentenza tat-23 ta' Marzu 1983, Cousin et, 162/82, Ġabra. p. 1101, punt 17).
26 F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta' jekk operazzjoni ta' assemblaġġ ta' diversi komponenti tikkostitwixxix operazzjoni tax-xogħol jew ipproċessar sostanzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li operazzjoni bħal din tista' tiġi kkunsidrata bħala kostituttiva ta' l-oriġini peress li tirrappreżenta, meta kkunsidrata minn perspettiva teknika u fid-dawl tad-definizzjoni tal-merkanzija in kwistjoni, l-istadju ta' produzzjoni determinanti matul liema tiġi kkonkretizzata d-destinazzjoni tal-komponenti wżati u matul liema l-merkanzija in kwistjoni tingħata l-proprjetajiet kwalitattivi speċifiċi tagħha (sentenzi tal-31 ta' Jannar 1979, Yoshida, 114/78, Ġabra. p. 151, u Brother International, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).
27 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-varjetà ta' l-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta' assemblaġġ, jeżistu sitwazzjonijiet fejn l-eżami abbażi tal-kriterji ta' natura teknika jistgħu ma jkunux konklussivi fid-determinazzjoni ta' l-oriġini ta' merkanzija. F'dan il-każ, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni il-valur miżjud mill-assemblaġġ bħala kriterju sussidjarju (sentenza Brother International, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20).
28 Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-rilevanza ta' dan il-kriterju kienet barra minn hekk ikkonfermata mill-Konvenzjoni internazzjonali dwar is-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta' proċeduri doganali (Konvenzjoni Kyoto), minn liema ġew aċċettati diversi annessi f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/415/KEE, tat-3 ta' Ġunju 1977 (ĠU L 166, p. 1 u 3), u fejn in-noti li jirrigwardaw ir-regola 3 ta' l-Anness D.1 tgħid li l-kriterju ta' proċessar sostanzjali jista' jiġi espress, fil-prattika, mir-regola tal-perċentaġġ ad valorem, meta l-perċentaġġ tal-valur tal-prodotti użati jew il-perċentaġġ taż-żieda fil-valur akkwistata tkun konformi ma livell iddeterminat.
29 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li, permezz tad-deċiżjoni tiegħu 94/800/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, f'dak li jirrigwarda affarijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, tal-ftehim milħuq fin-negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1), b'mod partikolari l-Kunsill approva l-ftehim dwar ir-regoli ta' l-oriġini annessi mad-dokument finali ffirmat f'Marrakech fil-15 ta' April 1994 (ĠU L 336, p. 144), li jgħid li, waqt l-iżvilupp tar-regoli msemmija, jista' jintuża il-kriterju tal-perċentaġġ ad valorem.
30 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ftehimijiet internazzjonali, b'effett mid-dħul fis-seħħ tagħhom, jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja (ara, b'mod partikolari, s-sentenza ta' l-10 ta' Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra. p. I‑403, punt 36). Skond ġurisprudenza stabbilita, it-test tad-dritt Komunitarju dderivat għandu jiġi interpretat, sa fejn hu possibbli, b'mod konformi ma' dawn il-ftehimijiet (ara, b'mod partikolari, s-sentenza tad-9 ta' Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C‑76/00 P, Ġabra. p. I‑79, punt 57).
31 Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li l-għażla tal-kriterju tal-valur miżjud mhiex minnha nnifisha inkompatibbli ma' l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju u li l-użu ta' dan il-kriterju ma jistax, minnhu nnifshu, jistabbilixxi li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa ta' eżekuzzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 249 tal-Kodiċi msemmi.
32 Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala li bl-istess mod iqisu li s-sitwazzjoni fis-settur industrijali tal-manifattura tar-riċevituri tat-televiżjoni hija tali li l-eżami ta' l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ ta' l-apparat imsemmi abbażi ta' kriterji ta' natura teknika jista' jkun konklussiv fid-determinazzjoni ta' l-oriġini ta' din il-merkanzija u għaldaqstant topponi li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni, kif hija għamlet fid-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93, il-kriterju tal-valur miżjud li ma għandux ħlief karattru sussdjarju.
33 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 802/68, il-Kummissjoni kienet adottat ir-Regolament (KEE) Nru 2632/70, tat-23 ta' Diċembru 1970 dwar id-determinazzjoni ta' l-oriġini tar-riċevituri tax-xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni (ĠU L 279, p. 35), fejn id-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-kriterju tal-valur miżjud ġew sostanzjalment meħuda mid-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93.
34 Skond it-tieni premessa tar-Regolament Nru 2632/70, l-ssemblaġġ tar-riċevituri tax-xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni jista' jinvolvi proċessi ftit jew wisq elaborati skond it-tipi ta' apparat assemblat u skond il-metodi użati u l-kundizzjonijiet li fihom dan isseħħ. It-tielet premessa tar-Regolament imsemmi tgħid ukoll li l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ, "fl-istat preżenti tat-teknika f'din il-fergħa industrijali" [traduzzjoni mhux uffiċjali], ġeneralment ma jikkostitwixxux minnhom infushom stadju ta' manifattura importanti fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 802/68, iżda li jista' jkun mod ieħor f'ċerti każijiet, bħal per eżempju, meta dawn l-operazzjonijiet jirrigwardaw apparat ta' standard għoli jew li jirrikjedi kontroll rigoruż tal-komponenti użati jew meta dawn jinkludu wkoll l-assemblaġġ tal-komponenti ta' l-apparat. Ir-raba premessa tar-Regolament Nru 2632/70 żżid li l-varjetà ta' l-operazzjonijiet li jiffurmaw parti mill-kunċett ta' assemblaġġ ma jippermettux li jiġu ddeterminati abbażi ta' kriterju ta' natura teknika il-każijiet fejn dawn l-operazzjonijiet jirrappreżentaw stadju ta' manifattura importanti u li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tinżamm is-sistema tal-valur miżjud minħabba l-fatt ta' dawn ta' l-aħħar.
35 Dawn ir-raġunijiet huma ta' natura tali li jiġġustifikaw iż-żamma tal-kriterju tal-valur miżjud fid-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93.
36 Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha, fil-kuntest tal-marġni wiesa' ta’ diskrezzjoni li għandha sabiex tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, u b'mod partikolari ta' dawk li jirrigwardaw l-oriġini tal-merkanziji, li tadotta dispożizzjonijiet ta' karattru ġenerali li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jieħdu in kunsiderazzjoni, fit-tul, is-sitwazzjoni sħiħa ta' settur industrijali u li, konsegwentement, ma jistgħux jiġu affettwati mis-sitwazzjoni partikolari, f'mument partikolari, minn impriża jew oħra f'dan is-settur.
37 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-teħid in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-varjetà kbira ta' l-operazzjonijiet li jiffurmaw parti mill-kunċett ta' assemblaġġ fis-settur industrijali sħiħ ikkonċernat tiġġustifika l-użu tal-kriterju tal-valur miżjud.
38 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali stess jenfasizzaw, fl-osservazzjoniet bil-miktub tagħhom, li l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ tad-diversi komponenti ta' l-apparat in kwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqaw taħt proċess industrijali kumpless. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' l-inkartament ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li dan il-proċess huwa identiku għall-manifatturi kollha tar-riċevituri tat-televiżjoni. F'kull każ, dawn ma jippermettux li jiġi konkluż li l-varjetà kbira ta' l-operazzjonijiet li jiffurmaw parti mill-kunċett ta' assemblaġġ fis-settur industrijali sħiħ ikkunċernat ma teżistix.
39 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħtieġa ta' applikazzjoni uniformi tar-regoli doganali fuq it-territorju kollu tal-Komunità jimplika li l-kunċetti astratti ta' l-aħħar manifattura jew ipproċessar sostanzjali li jirreferi għalihom, fil-konfront tal-merkanzija kollha, l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju jiġu ppreċiżati, għal prodotti speċifiċi bħar-riċevituri tat-televiżjoni, permezz ta' dispożizzjonijiet partikolari li jkunu jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni d-diversità tal-proċessi ta' manifattura ta' dan l-apparat. Bħala konsegwenza, l-użu ta' kriterju ċar u oġġettiv, bħal dak tal-valur miżjud, li jippermetti li jiġi espress, fil-konfront ta' dan it-tip ta' merkanziji b'kompożizzjoni kumplessa, fiex jikkonsisti l-ipproċessar sostanzjali li jikkonferixxi l-oriġini tagħhom, ma jistgħax iwassal għal żball ta' liġi.
40 Iċ-ċirkustanza li wasslet lill-Kummissjoni, minħabba r-raġunijiet imsemmija, sabiex tispeċifika b'dan il-mod ir-regoli relatati mad-determinazzjoni ta' l-oriġini tar-riċevituri tat-televiżjoni bl-użu tal-kriterju tal-valur miżjud, bl-ebda mod ma jimplika li dan il-kriterju huwa minnhu nnifshu, u b'mod ġenerali, iktar strett mill-kriterji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, u li neċessarjamernt ipoġġi dawn il-prodotti f'sitwazzjoni inqas favorevoli minn dawk, anki jekk ta' karattru kumparabbli, fil-konfront ta' liema jiġu applikati dawn il-kriterji ġenerali jew kriterji oħra. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma jistgħux jikkontestaw b'mod effettiv il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93 billi jirreferu għall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cousin et, iċċitata iktar 'il fuq, fuq dispożizzjonijiet ta' Regolament li l-karattru diskriminatorju tagħhom kien jirriżulta mill-użu ta' kriterji konsiderevolment iktar stretti għad-definizzjoni ta' l-oriġini ta' ċertu prodott minn dawk ta' prodott ieħor kumparabbli.
41 Barra minn hekk, mill-inkartament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżultax li t-tħaddim ta' dan il-kriterju tal-valur miżjud huwa, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, iktar diffiċli minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kunċetti ta' karattru ġenerali li jirreferi għaliħ l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju. F'dan ir-rigward, mhemmx rapporti ta' xi diffikultà li ltaqgħet magħha l-Awtorità tad-Dwana inkarigata bl-evalwazzjoni ta' l-applikazzjonijiet tal-BOI ippreżentati mill-partijiet interessati, meta l-awtorità msemmija ħaddmet, f'dan il-każ, il-kriterju tal-valur miżjud stipulat fid-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93.
42 Għalkemm huwa minnu li, kif isostnu wkoll ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, it-tubu vakwu jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 35% tal-prezz mill-fabbrika tar-riċevituri tat-televiżjoni, l-oriġini ta' dan il-komponent iġġib magħha r-riskju li b'mod ġenerali tikkonferixxi lill-apparat imsemmi l-oriġini tiegħu. Madankollu, huwa biss jekk it-tubu vakwu jirrappreżenta mill-inqas 55% tal-prezz mill-fabbrika li l-kundizzjoni mfakkra aktar 'il fuq ma tkunx tista', fl-ebda każ, tiġi sodisfatta. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet invokati quddiem il-qorti tar-rinviju ma' jimmplikawx li, f'kull każ, din il-kundizzjoni ma tistax tiġi sodisfatta. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93 ma jistgħax ikollha l-effett li tassimila l-oriġini tas-riċevituri tat-televiżjoni ma' l-oriġini tat-tubi vakwi.
43 Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma espressi f'termini ġenerali u ma jistabbilixxu l-ebda importanza deċiżiva, fid-determinazzjoni ta' l-oriġini tal-prodott ikkunċernat, lil komponent speċifiku ta' dan, bħal ma hu t-tubu vakwu. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet imsemmija, bil-kontra ta' dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, mhumiex kumparabbli ma' dawk li kienu kkontestati fil-kwistjoni li tgħat lok għas-sentenza Yoshida, iċċitata aktar 'il fuq, u li, preċiżament, kienu jgħatu importanza kbira lill-wieħed mill-komponenti tal-prodott ikkunċernat f'din il-kawża.
44 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li jekk is-sitwazzjoni invokata mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali tirriżulta mill-evoluzzjoni tat-teknika ta' manifattura tar-riċevituri tat-televiżjoni, ma jidhirx li din is-sitwazzjoni jkollha, f'dawn iċ-ċirkostanzi, karattru ieħor ħlief ċirkostanzjali, filwaqt li, barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati waqt is-seduta, l-iżvilupp tat-teknika attwali ta' manifattura bħal dik ta' monitors plasma hija ta' natura tali li, jekk hemm bżonn, terġa tikkuntesta s-sitwazzjoni allegata. Minn dan jirriżulta li din ma tistax tiġi użata b'mod effettiv sabiex tikkontesta l-fondatezza ta' l-użu tal-kriterju tal-valur miżjud.
45 Fl-aħħarnett, għandu jiġi kkonstatat li, billi jeżiġu li l-valur akkwistat mill-operazzjonijiet ta' assemblaġġ u, eventwalment, mill-inkorporazzjoni tal-komponenti oriġinarji jkun jirrappreżenta mill-inqas 45% tal-prezz mill-fabbrika ta' l-apparat sabiex il-manifattura tagħhom tagħtihom l-oriġini tal-pajjiż fejn seħħ dan l-assemblaġġ minn materjali li jkunu ġejjin minn diversi pajjiżi, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93, għalhekk, jistipulaw perċentaġġ suffiċjenti sabiex dawn l-operazzjonijiet ikunu kkunsidrati li jinvolvu żieda sensibbli tal-valur kummerċjali tal-prodott lest (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Brother International, iċċitata aktar 'il fuq, punt 22). Bħala konsegwenza, perċentaġġ bħal dan ma jidhirx li hu affetwat minn żball manifest ta' evalwazzjoni.
46 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula aktar 'il fuq, ir-risposti għad-domandi magħmula għandha tkun li mill-evalwazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jista' jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta' l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93.
Fuq l-ispejjeż
47 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba' Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) Mill-evalwazzjoni tad-domandi magħmula ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jista' jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tielet kolonna fil-pożizzjoni 8528 tan-nomenklatura kkombinata, imsemmija fl-Anness 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità .
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.