Keywords
Summary

Keywords

1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Suġġett tal-kawża – Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża

(Artikolu 226 KE)

2. Trasport – Trasport bl-ajru – Direttiva 2002/30 – Restrizzjonijiet fuq l-operat marbuta mal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità

(Artikoli 10(2)KE u 249(3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 925/1999; Direttiva tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill 2002/30)

Summary

1. Fil-kuntest ta’ rikors skond l-Artikolu 226 KE, l-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jitwessa’ iżjed. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li m’hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat u l-osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża.

F’dan ir-rigward, ma tistax tikkostitwixxi lment ġdid, anki jekk saret biss fl-istadju tar-rikors, l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li Stat Membru ma ħassarx leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-titjiriet ta’ bil-lejl ta’ xi ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili meta ttraspona d-Direttiva 2002/30, dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità, u li, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali baqgħet fis-seħħ. Fil-fatt, din hija sempliċi konstatazzjoni ta’ fatt min-naħa tal-Kummissjoni, li tista’ tagħmel użu minnha safejn is-sitwazzjoni deskritta tkun tista’ tipprova, minn naħa, li l-istat ta’ fatt ma nbidilx mill-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata u, min-naħa l-oħra, li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx miżura tranżitorja intiża li tiżgura l-kontinwità wara t-tħassir tar-Regolament Nru 925/1999, dwar ir-reġistrazzjoni u l-użu fit-territorju tal-Komunità ta’ ċerti tipi ta’ ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew immodifikati u ċċertifikati mill-ġdid bħala li jilħqu l-livelli stabbiliti fil-Volum I, Parti II, Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tielet edizzjoni.

(ara l-punti 25, 27)

2. It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, kif ukoll id-Direttiva 2002/30, dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità, jimponu li, matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li jistgħu jikkompromettu b’mod serju l-kisba tar-riżultat preskritt minn din id-Direttiva. B’hekk, dawn ma jistgħux jadottaw, matul it-terminu msemmi, dispożizzjonijiet li, għalkemm isegwu l-istess għanijiet, jiġifieri t-tnaqqis tan-numru ta’ persuni li jbatu mill-effetti noċivi tal-ħoss ta’ l-ajruplani, jostakolaw l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat omoġenji fil-Komunità kollha.

Tista’ tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat preskritt minn din id-direttiva l-adozzjoni minn Stat Membru, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva, ta’ leġiżlazzjoni dwar it-titjiriet ta’ bil-lejl ta’ xi ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili, li kienet intiża mhux sabiex tittrasponi d-direttiva msemmija, iżda biex tistabbilixxi qafas regolatorju armonizzat fuq livell nazzjonali sabiex titnaqqas il-ħsara derivanti mill-ħoss maħluq mill-ajruplani, ibbażat fuq il-metodu stabbilit mir-Regolament Nru 925/1999, dwar ir-reġistrazzjoni u l-użu fit-territorju tal-Komunità ta’ ċerti tipi ta’ ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew immodifikati u ċċertifikati mill-ġdid bħala li jilħqu l-livelli stabbiliti fil-Volum I, Parti II, Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tielet edizzjoni, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat abbażi tal-bypass ratio tal-magni bil-għan li jiġi pprojbit b’mod definittiv l-użu ta’ l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid.

F’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, li daħlet fis-seħħ inqas minn tliet xhur qabel id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva, ħolqot trattament indebitament sfavorevoli ta’ ċerti kategoriji ta’ ajruplani u affettwat fit-tul il-kundizzjonijiet ta’ traspożizzjoni u ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-Komunità. Fil-fatt, minħabba l-projbizzjoni fuq numru ta’ ajruplani milli joperaw, b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-evalwazzjoni ta’ l-effetti tal-ħoss stabbilita mill-imsemmija Direttiva ma tistax tikkunsidra l-ħoss prodott mill-ajruplani kollha li huma konformi mar-regoli stabbiliti fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u, konsegwentement, it-titjib bl-aħjar mod ta’ l-amministrazzjoni tal-ħoss ma jistax jintlaħaq b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 63-65, 68)