SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Frar 2008 ( *1 )

“Politika kummerċjali komuni — Dazji kumpensatorji — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidji — Regolament (KE) Nru 1599/1999 — Wajers ta’ l-istainless steel — Dannu għall-industrija Komunitarja — Rabta kawżali”

Fil-Kawża C-398/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Novembru 2005, fil-proċeduri

AGST Draht- und Biegetechnik GmbH

vs

Hauptzollamt Aachen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis (Relatur), R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AGST Draht- und Biegetechnik GmbH, minn P. Henseler u T. Lieber, Rechtsanwälte,

għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. Scharf u K. Gross, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr Konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1599/1999, tat-12 ta’ Lulju 1999, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju impost fuq wajers ta’ l-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja u jtemm il-proċeduri li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ wajers ta’ l-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew aktar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 189, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn AGST Draht- und Biegetechnik GmbH (iktar ’il quddiem “AGST”) u l-Hauptzollamt Aachen (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”), li bih dan ta’ l-aħħar impona lil AGST dazju kumpensatorju fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ wajers ta’ l-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew aktar ikklassifikati taħt is-subintestatura 72230019 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li joriġinaw fl-Indja.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji mill-Komunità Ewropea jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97, tas-6 ta’ Ottubru 1997, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 288, p 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004, (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”).

4

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Bażiku jipprovdi kif ġej:

“Dazju ta’ kumpens jista’ jkun impost għall-iskop ta’ tpaċija ta’ xi sussidju mogħti, direttament jew indirettament, għall-manufattura, il-produzzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasport ta’ xi prodott li r-rilaxx tiegħu fiċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità toħloq ħsara.”

5

L-Artikolu 8(7) ta’ dan ir-Regolament jiddisponi:

“Fatturi magħrufa, minbarra l-importazzjoni sussidjata li tkun qed tagħmel ħsara lill-industrija tal-Komunità fl-istess żmien, għandhom jiġu eżaminati sabiex jassiguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi ma tkunx attribwita għall-importazzjoni sussidjata skond il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jkunu kunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni li ma tkunx sussidjata, nuqqas fit-talba jew tibdil fix-xejra tal-konsum, prattiċi tal-kummerċ restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, pajjiżi terzi u l-produtturi tal-Komunità, żviluppi fit-teknoloġija u l-prestazzjoni ta’ l-esportazjoni u l-produttività ta’ l-industrija tal-Komunità.”

Ir-Regolament Nru 1599/1999

6

Fit-23 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament (KE) Nru 618/1999, li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ wajers ta’ l-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja u fir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 79, p. 25, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Provviżorju”).

7

Wara, fit-12 ta’ Lulju 1999, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 1599/1999, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Indja u jtemm il-proċeduri li jikkonċernaw l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea.

8

F’proċeduri oħra, dwar vireg ta’ l-istainless steel, il-Kunsill kien adotta, fit-13 ta’ Novembru 1998, ir-Regolament (KE) Nru 2450/1998, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ vireg ta’ l-istainless steel li joriġinaw fl-Indja u l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju (ĠU L 304, p. 1). Dan ir-regolament ġie annullat bis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-19 ta’ Settembru 2001, Mukand et vs Il-Kunsill (T-58/99, Ġabra p. II-2521).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

AGST tagħmel parti mill-produtturi Ġermaniżi prinċipali ta’ wajers flessibili ta’ l-istainless steel. Fis-7 ta’ Awwissu u fis-17 ta’ Novembru 2000, din il-kumpannija ddikkjarat mal-Hauptzollamt wajers ta’ l-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew aktar, li jikkorrispondu għas-subintestatura 72230019 tan-NM bil-għan tar-rilaxx tagħhom fiċ-ċirkolazzjoni libera.

10

AGST indikat l-Emirati Għarab Magħquda bħala l-post minn fejn toriġina l-merkanzija u, barra minn hekk ippreżentat fatturi li kienet indirizzatilha l-kumpannija Link Middle East Ltd, kif ukoll ċertifikati ta’ oriġini fuq formoli tat-tip A, skond liema l-prodotti kienu ġew immanifatturati fl-Emirati Għarab magħquda.

11

Investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) weriet madankollu li l-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti importati kien fir-realtà l-Indja. Fil-fatt, skond l-OLAF, il-wajers ta’ l-istainless steel importati fil-Komunità minn Link Middle East Ltd, bejn ix-xahar ta’ Ġunju 1999 u ta’ Diċembru 2000, kienu ġew immanifatturati mill-kumpannija Venus Wire Industries Ltd, stabbilita f’Mumbai (l-Indja).

12

B’deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2003, il-Hauptzollamt impona a posteriori, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1599/1999, dazju doganali u dazju kumpensatorju fuq dawn id-dikjarazzjonijiet doganali rispettivament ta’ ammont ta’ DEM 4034.79 u ta’ DEM 59513.21.

13

B’deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2004, il-Hauptzollamt ċaħad rikors ta’ AGST dwar l-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji. Fil-21 ta’ Lulju 2004, din ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf, fejn invokat, b’mod partikolari, li l-impożizzjoni a posteriori tad-dritt kumpensatorju huwa illegali, minħabba li r-Regolament Nru 1599/1999 huwa invalidu.

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-Regolament […] Nru 1599/1999 […] huwa inapplikabbli, safejn bis-saħħa ta’ dan, hemm lok li jiġi miġbur dazju kumpensatorju għal wajers ta’ l-istainless steel [ikklassifikati taħt is-subintestatura] 72230019 tan-[NM] immanifatturati f’Mumbai (l-Indja) mill-kumpannija Venus Wire Industries Ltd?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Jirriżulta mill-proċess, li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk ir-Regolament Nru 1599/1999 huwiex invalidu, safejn l-evalwazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja kif ukoll tar-rabta kawżali bejn dan u l-importazzjonijiet issussidjati ta’ wajers ta’ l-istainless steel hija vvizzjata bi żball manifest. F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni li jsir magħruf jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’istanza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li annullat ir-Regolament Nru 2450/1998, dwar vireg ta’ l-istainless steel li joriġinaw fl-Indja kklassifikati taħt is-subintestaturi 72222011, 72222021, 72222031 u 72222081 tan-NM, hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali sabiex tiġi evalwata l-validità tar-Regolament Nru 1599/1999.

L-argumenti tal-partijiet

16

AGST tikkunsidra li r-Regolament Nru 1599/1999 huwa awtomatikament null u bla effett minħabba li l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja u r-rabta kawżali bejn dan u l-importazzjonijiet issussidjati ta’ wajers ta’ l-istainless steel hija vvizzjata bi żball manifest. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma ħadux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-oġġezzjoni tal-produtturi esportaturi Indjani, skond liema l-produtturi Komunitarji ta’ prodotti ċatti ta’ l-istainless steel kienu kkawżaw dannu lill-industrija Komunitarja billi ffurmaw “akkordju dwar ħlas addizzjonali fuq il-liga”.

17

Matul is-seduta, AGST sostniet li, għall-prodotti ċatti, il-ħlas addizzjonali fuq il-liga, li huwa koeffiċjent inkluż fil-kalkolu tal-prezz tal-prodotti ta’ l-istainless steel, żdied b’mod artifiċjali permezz ta’ fattur ta’ rendiment ta’ 1.35. Il-ħlas addizzjonali fuq il-liga applikat għall-wajers ta’ l-istainless steel kien ġie ffissat billi ġie mmultiplikat il-ħlas addizzjonali fuq il-liga għall-prodotti ċatti wkoll b’fattur ta’ 1.35, li inevitabbilment żied dan il-ħlas addizzjonali fuq il-liga għall-wajers ta’ l-istainless steel.

18

Barra minn dan, AGST tqis, li għandha tiġi applikata, b’analoġija, is-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u li r-Regolament Nru 1599/1999 jiġi ddikjarat invalidu.

19

F’dan ir-rigward, AGST ssostni li, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ l-akkordju dwar ħlas addizzjonali fuq il-liga għal prodotti ċatti, huwa irrilevanti li l-wajer ta’ l-istainless steel ma jkunx immanifatturat minn prodotti ċatti jew li l-produtturi rispettivi ma jkunux dejjem identiċi. Il-Kummissjoni diġà kkonstatat l-eżistenza ta’ dan l-akkordju li, hekk kif iddeċidiet dwaru l-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, influwenza l-prezzijiet ta’ l-istainless steel f’vireg.

20

AGST issostni li dan l-akkordju influwenza wkoll il-prezzijiet tal-wajer ta’ l-istainless steel. Fil-fatt, xejn ma jiddistingwi l-istainless steel f’vireg mill-wajer ta’ l-istainless steel, billi t-tnejn li huma jagħmlu parti minn prodotti twal. Għaldaqstant, minħabba l-importanza tal-prodotti ċatti, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet fis-swieq ta’ l-istainless steel hija ferm spiss iddeterminata mid-deċiżjonijiet dwar il-prezz meħuda mill-produtturi ta’ dawn il-prodotti.

21

AGST ssostni li r-Regolament Nru 1599/1999 jinkludi fil-premessi tiegħu l-istess motivi bħar-Regolament Nru 2450/1998, li ġie annullat bis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

22

Skond AGST, billi xejn ma jiddistingwi l-istainless steel f’vireg mill-wajer ta’ l-istainless steel, l-akkordju dwar ħlas addizzjonali fuq il-liga influwenza l-prezzijiet tal-wajers ta’ l-istainless steel fl-istess mod bħal dawk ta’ l-istainless steel f’vireg. Għalhekk, ir-Regolament Nru 1599/1999 huwa bl-istess mod ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni bħar-Regolament Nru 2450/1998, dwar l-importazzjonijiet issussidjati ta’ stainless steel f’vireg.

23

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji eżaminaw, kemm fir-Regolament Provviżorju kif ukoll fir-Regolament Nru 1599/1999, l-oġġezzjonijiet tal-produtturi Indjani dwar l-eżistenza ta’ akkordju dwar ħlas addizzjonali fuq il-liga bejn il-produtturi Komunitarji ta’ prodotti ċatti.

24

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li hija kkonstatat, b’mod partikolari, fil-premessi mitejn u tnax sa mitejn u sittax tar-Regolament Provviżorju, li l-wajers ta’ l-istainless steel ma kinux immanifatturati minn prodotti ċatti u li l-paragun tal-prezzijiet ta’ bejgħ ipprattikati mill-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja juri li dawn ivarjaw għal referenzi identiċi.

25

Barra minn dan, dawn il-premessi jippreċiżaw li l-akkordju dwar ħlas addizzjonali fuq il-liga jirrappreżenta biss perċentwali żgħira tal-prezz totali tal-prodotti tal-wajers ta’ l-istainless steel. Wara, il-Kunsill ikkonferma dawn il-konstatazzjonijiet fit-tlieta u disgħin premessa tar-Regolament Definittiv Nru 1599/1999.

26

Barra minn dan, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, mhumiex trasponibbli fil-kawża prinċipali sabiex tiġi evalwata l-validità tar-Regolament Nru 1599/1999. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet Komunitarji ġustament ikkonkludew, f’dan ir-regolament, li l-applikazzjoni ta’ ħlas addizzjonali fuq il-liga, li jirrappreżenta perċentwali żgħira biss tal-prezz totali tal-prodotti in kwistjoni, ma kinitx qiegħdet f’dubju l-affidabbiltà tal-prezzijiet finali medji kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat dannu lill-industrija Komunitarja.

27

F’kull każ, dawn l-istituzzjonijiet jindikaw li l-osservazzjonijiet ibbażati fuq il-prezzijiet finali medji kkunsidrati li jinstabu fir-Regolament Nru 1599/1999 u li jirrigwardaw d-dannu kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan u l-importazzjonijiet issussidjati tal-prodotti in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

28

Fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ dan id-dannu, iż-żewġ fatturi essenzjali kienu minn naħa, tnaqqis sostanzjali fil-prezz ta’ l-importazzjonijiet li ġejjin mill-Indja, u min-naħa l-oħra, tnaqqis sinjifikanti fil-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja. Konsegwentement, anki jekk wieħed jissupponi li l-applikazzjoni tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga għolla l-prezzijiet netti kollha fil-Komunità u li, barra minn dan, din iż-żieda kienet kollha kemm hija dovuta għal aġir anti-kompetittiv, jibqa’ tnaqqis fil-prezz ta’ madwar 17 % ta’ dawn l-importazzjonijiet.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Għandu jiġi kkunsidrat jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji wettqux żball manifest meta kienu qed jevalwaw l-eżistenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja u tar-rabta kawżali bejn dan u l-importazzjonijiet issussidjati ta’ wajers ta’ l-istainless steel.

30

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament Nru 1599/1999 juża l-istess ġustifikazzjonijiet imsemmija fir-Regolament Nru 2450/1998, sabiex tiġi miċħuda l-oġġezzjoni tal-produtturi esportaturi Indjani dwar prattiki restrittivi tal-produtturi Komunitarji, jiġifieri l-applikazzjoni uniformi tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga.

31

Minn naħa, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Bażiku, il-fatturi magħrufa, minbarra l-importazzjonijiet issussidjati, li jikkawżaw simultanjament dannu lill-industrija tal-Komunità huma eżaminati b’mod sabiex id-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jkunx attribwit lill-importazzjonijiet issussidjati skond il-paragrafu 6 ta’ dan l-istess Artikolu.

32

Bħala indikazzjoni, dan l-Artikolu jipprovdi, fost l-oħrajn, li l-fatturi li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala rilevanti f’dan ir-rigward jinkludu l-prattiki tal-kummerċ restrittivi tal-produtturi ta’ pajjiżi terzi u tal-Komunità kif ukoll il-kompetizzjoni bejn dawn l-istess produtturi.

33

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita, li d-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara, is-sentenza Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw dannu lill-industrija Komunitarja fil-kuntest ta’ proċeduri anti-sussidji.

35

Fil-konstatazzjoni tad-dannu, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li huma għandhom il-ħsieb li jieħdu in kunsiderazzjoni jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet issussidjati u li jiskartaw kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra u, b’mod partikolari, dak ikkawżat mill-aġir proprju tal-produtturi komunitarji (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C-358/89, Ġabra p. I-3813, punt 16).

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, sabiex jiġi miċħud l-argument ta’ AGST, skond liema l-oġġezzjonijiet tal-produtturi Indjani dwar l-akkordju dwar ħlas addizzjonali fuq il-liga għal prodotti ċatti ma ġewx eżaminati mill-istituzzjonijiet Komunitarji, dawn l-istituzzjonijiet irreferew, fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għat-tlieta u disgħin premessa tar-Regolament Nru 1599/1999, li kkonfermat il-konklużjonijiet esposti fil-mitejn u disgħa sal-mitejn u sittax-il premessa tar-Regolament Provviżorju, billi l-ebda parti kkonċernata ma ppreżentata argumenti ġodda dwar l-oġġezzjonijiet tal-produtturi esportaturi Indjani skond liema d-data kollha ppreżentata mill-industrija Komunitarja fil-kuntest tal-proċeduri anti-sussidji hija mkabbra artifiċjalment bħala riżultat ta’ l-applikazzjoni uniformi tas-sistema ta’ ħlas addizzjonali fuq il-liga.

37

Fil-mitejn u għaxra u fil-mitejn u ħdax-il premessa tar-Regolament Provviżorju, ġie rrilevat li d-deċiżjoni li kkonstatat il-prattika anti-kompettiva tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga tirrigwarda l-prodotti ċatti b’kuntrast għall-prodotti twal, li minnhom jagħmlu parti l-wajers ta’ l-istainless steel in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-produtturi esportaturi sostnew li l-prattika illegali eżistenti għall-prodotti ċatti kellha wkoll effetti ta’ sinerġija u konsegwenzi fuq il-prodotti twal.

38

F’dan ir-rigward, fil-mitejn u tnax-il premessa tar-Regolament Provviżorju, il-Kummissjoni, sabiex tiċħad dawn l-argumenti tal-produtturi esportaturi, qieset li l-wajers ta’ l-istainless steel mhumiex immanifatturati, għal raġunijiet tekniċi, minn prodotti ċatti u li, għalhekk, huwa permissibbli li jiġi ddubbitat li l-prattika miftiehma stabbilita għal dawn ta’ l-aħħar jista’ jkollha konsegwenzi fuq ta’ l-ewwel. Hija żiedet li l-produtturi ta’ prodotti ċatti u l-produtturi ta’ prodotti twal mhumiex l-istess, u li t-tieni huma iktar numerużi minn ta’ l-ewwel.

39

Jirriżulta minn dawn il-premessi li, kuntrarjament għal dak illi ssostni AGST, l-istituzzjonijiet Komunitarji, konformement mar-rekwiżit tar-Regolament Bażiku li jikkonsisti f’li jiskartaw kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet issussidjati, eżaminaw jekk id-data kollha ppreżentata mill-industrija Komunitarja fil-kuntest tal-proċeduri anti-sussidji setgħetx kienet influwenzata mill-applikazzjoni miftiehma tas-sistema ta’ ħlas addizzjonali fuq il-liga mill-produttri ta’ prodotti ċatti.

40

In sostenn ta’ l-argumenti tagħha, AGST tikkonstata li l-mitejn u disa’ premessa sal-mitejn u sittax-il premessa tar-Regolament Provviżorju, permezz ta’ liema l-Kummissjoni kienet ċaħdet l-oġġezzjoni tal-produtturi Indjani dwar l-eżistenza ta’ akkordju dwar ħlas addizzjonali fuq il-liga, flimkien, jikkorrispondu, għat-tlieta u erbgħin, sitta u erbgħin u sebgħa u erbgħin premessa tar-Regolament Nru 2450/1998, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, iddikjarat li fihom żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

41

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess li r-Regolamenti Nru 1599/1999 u Nru 2450/1998 jirrigwardaw prodotti ta’ l-istainless steel li jiffurmaw parti mill-kategorija tal-prodotti twal. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga applikat għall-wajers ta’ l-istainless steel kien ġie ffissat bl-istess mod mill-produtturi ta’ vireg ta’ l-istainless steel, billi jiġi mmultiplikat il-ħlas addizzjonali fuq il-liga applikat għall-prodotti ċatti ta’ l-azzar b’ fattur ta’ 1.35.

42

Għalhekk, il-kwistjoni li titqajjem hija dik li jkun magħruf jekk l-imġiba anti-kompetittiva tal-produtturi ta’ prodotti ċatti ta’ l-azzar, marbuta ma’ l-applikazzjoni uniformi ta’ l-akkordju dwar ħlas addizzjonali fuq il-liga, tikkostitwixxix, għas-settur tal-wajers ta’ l-istainless steel, fattur magħruf fis-sens ta’ l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Bażiku.

43

F’dan il-kuntest, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, invokata minn AGST, tirrigwarda l-iffissar anti-kompetittiv ta’ l-ammont tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga, applikat mill-produtturi Komunitarji għall-prodotti ċatti ta’ l-istainless steel, li effettwa b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet tal-vireg ta’ l-azzar u pprovoka artifiċjalment iż-żieda tagħhom, b’mod li renda dawn il-prezzijiet mhux affidabbli għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

44

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li, minkejja li ma kienx stabbilit li l-prezzijiet tal-bejgħ finali tal-vireg ta’ l-istainless steel kienu ġew stabbiliti fuq ftehim bejn il-produtturi Komunitarji, l-istituzzjonijiet Komunitarja, billi ma ħadux in kunsiderazzjoni l-prattika industrijali uniformi u kostanti tal-produtturi Komunitarji ta’ vireg ta’ l-istainless steel, li l-effett oġġettiv tagħhom kien li jiġu riflessi b’mod awtomatiku, fis-swieq ta’ dawn il-prodotti, iż-żidiet artifiċjali tal-prezz miksuba permezz tal-ftehim bejn il-produtturi ta’ prodotti ċatti, naqsu milli jieħdu in kunsiderazzjoni fattur magħruf, għajr l-importazzjonijiet issussidjati, li seta’ fl-istess ħin ikkawża dannu lill-industrija Komunitarja.

45

Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni miftiehma tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga mill-produtturi ta’ prodotti ċatti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset fis-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iccitata iktar ’il fuq, li setgħet kellha influwenza sinjifikattiva fuq il-prezzijiet ta’ l-istainless steel fil-vireg, setgħet ukoll kellha influwenza tali fuq il-prezzijiet tal-wajers ta’ l-istainless steel fis-sens ta’ l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Bażiku.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-istituzzjonijiet Komunitarji indikaw li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga għall-wajers ta’ l-istainless steel kien diġà ġie kkunsidrat bħala element tal-prezz finali.

47

Skond dawn l-istituzzjonijiet, il-ħlas addizzjonali fuq il-liga għall-wajers ta’ l-istainless steel, matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni, kien jinsab f’perċentwali medja inferjuri għal 5 % tal-prezz nett medju kkunsidrat għal dawn il-prodotti. Anki jekk kellu jiġi supponut li l-ammont tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga kien influwenzat mill-imġiba anti-kompetittiva tal-produtturi ta’ prodotti ċatti, l-effett taż-żieda artifiċjali tal-ħlas addizjonali fuq il-liga fuq il-prezzijiet medji netti kkunsidrati tal-wajers ta’ l-istainless steel, ikun tant dgħajjef li ma jkunx jista’ jqiegħed f’dubju l-affidabbiltà ta’ dawn il-prezzijiet.

48

AGST ssostni li jekk il-ħlas addizzjonali fuq il-liga għall-vireg ta’ l-istainless steel żied b’mod artifiċjali l-prezzijiet tagħhom, billi ġie mmultiplikat b’fattur ta’ rendiment ta’ 1.35, dan ukoll inevitabbilment żied b’mod artifiċjali l-prezz tal-wajers ta’ l-istainless steel. F’dan ir-rigward, matul is-seduta, AGST sostniet li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga għall-wajers ta’ l-istainless steel, matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni, kien, f’kull każ, għola mill-4 jew 5 % ippreżentati mill-Kummissjoni.

49

Il-produtturi esportaturi indikaw, matul il-proċeduri amministrattivi, li l-produtturi Komunitarji li kienu applikaw ħlas addizzjonali fuq il-liga għall-wajers ta’ l-istainless steel kienu ffissaw l-ammont tiegħu, bħall-produtturi tal-vireg ta’ l-istainless steel, billi mmultiplikaw il-ħlas addizzjonali fuq il-liga b’fattur ta’ 1.35, li l-effett oġġettiv tiegħu kien li jiġu riflessi b’mod awtomatiku, fis-swieq ta’ dawn il-prodotti, iż-żidiet artifiċjali tal-prezzijiet miksuba permezz tal-ftehim bejn il-produtturi ta’ prodotti ċatti.

50

AGST ma tat l-ebda indikazzjoni dwar il-parallelliżmu bejn l-evoluzzjoni tal-prezz tal-prodotti ċatti u dak tal-prezz tal-wajers ta’ l-istainless steel minħabba fl-applikazzjoni uniformi tal-koeffiċjent ta’ rendiment ta’ 1.35 mill-produtturi tal-wajers fuq il-ħlas addizzjonali fuq il-liga applikata għal prodotti ċatti li tista’ tindika li l-imġiba anti-kompetittiva tal-produtturi ta’ prodotti ċatti seta’ kellha riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq il-livell tal-prezzijiet tal-wajers ta’ l-istainless steel b’mod illi dawn isiru artifiċjalment għolja.

51

Fil-kawża prinċipali, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma naqsux milli jieħdu in kunsiderazzjoni fattur magħruf bħal ma hija s-sistema ta’ applikazzjoni tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Fil-fatt, dawn l-istituzzjonijiet eżaminaw il-fattur ta’ l-applikazzjoni tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga u minn dan ikkonkludew li din tirrappreżenta perċentwali żgħira tal-prezz finali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-partijiet li qed jinvokaw l-invalidità tar-regolament li għandhom jippreżentaw l-elementi ta’ prova ta’ natura li juru li l-applikazzjoni miftiehma tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga mill-produtturi ta’ prodotti ċatti seta’ kellha effett tant sinjifikattiv li l-prezzijiet finali tal-wajers ta’ l-istainless steel ma setgħux jiġu iktar użati sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dannu għall-industrija Komunitarja kif ukoll tar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-importazzjonijiet issussidjati.

52

Il-proċess ma fih l-ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet Komunitarji wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni billi bbażaw ruħhom, fid-determinazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-importazzjonijiet issussidjati, fuq in-nuqqas ta’ fatturi, barra minn dawn l-importazzjonijiet, li, skond AGST, jikkawżaw simultanjament dannu għall-industrija Komunitarja.

53

AGST ibbażat ruħha biss fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex issostni li l-konklużjonijiet ta’ din kellhom japplikaw għar-Regolament Nru 1599/1999, billi l-wajers ta’ l-istainless steel jaqgħu, bħall-vireg ta’ l-istainless steel, fil-kategorija tal-prodotti magħrufa bħala twal, kif ukoll minħabba fix-xebh tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga bejn iż-żewġ prodotti.

54

L-ebda indikazzjoni ma ngħatat fir-rigward tal-fatt li l-applikazzjoni miftiehma tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga għall-prodotti ċatti wasslet għal żieda fil-livell globali tal-prezzijiet tal-wajers ta’ l-istainless steel b’mod li l-prezzijiet finali ta’ dawn l-aħħar prodotti ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala indikatur affidabbli sabiex jiġi ddeterminat id-dannu subit mill-industrija Komunitarja minħabba fl-importazzjonijiet issussidjati.

55

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tad-domanda magħmula ma wera ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1599/1999.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domanda magħmula ma wera ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1599/1999, tat-12 ta’ Lulju 1999, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju impost fuq wajers ta’ l-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja u jtemm il-proċeduri li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ wajers ta’ l-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew aktar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.