Kawża C-393/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija

“Regolament (KEE) Nru 2092/91 — Produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli — Entitajiet privati li jispezzjonaw — Rekwiżit ta’ stabbiliment jew ta’ infrastruttura permanenti fl-Istat Membru fejn jingħata s-servizz — Ġustifikazzjonijiet — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika — Artikolu 55 KE — Protezzjoni tal-konsumaturi”

Sommarju tas-sentenza

Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet

(Artikoli 45 KE, 49 KE u 55 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 2092/91)

Stat Membru li jirrikjedi mill-entitajiet privati li jispezzjonaw prodotti ġejjin mill-biedja organika approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fit-territorju nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz ta’ spezzjoni hemmhekk jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 49 KE.

Fil-fatt, minn naħa, ir-rwol anċillari u preparatorju mogħti lill-entitajiet privati mir-Regolament Nru 2092/91, dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel, fir-rigward ta’ l-awotorità ta’ superviżjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, fis-sens ta’ l-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE, li tiġġustifika eċċezzjoni skond dawn id-dispożizzjonijiet, iżda bħala attività supplementari li tista’ tiġi separata mill-eżerċizzju ta’ din l-awtorità. Min-naħa l-oħra, rekwiżit bħal dan imur lil hinn minn dak li hu oġġettivament neċessarju biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi li jista’ jiġġustifika ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

(ara l-punti 31-32, 42, 46, 52-54 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Novembru 2007 (*)

“Regolament (KEE) Nru 2092/91 – Produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli – Entitajiet privati li jispezzjonaw – Rekwiżit ta’ stabbiliment jew ta’ infrastruttura permanenti fl-Istat Membru fejn jingħata s-servizz – Ġustifikazzjonijiet – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika – Artikolu 55 KE – Protezzjoni tal-konsumaturi”

Fil-kawża C-393/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-4 ta’ Novembru 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u G. Braun, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi tirrikjedi mill-entitajiet privati li jispezzjonaw prodotti ġejjin minn biedja organika (iktar ’il quddiem l-“entitajiet privati”) stabbiliti u approvati fi Stat Membru ieħor, li jkollhom uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment permanenti fl-Awstrija sabiex iwettqu l-attività tagħhom hemmhekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1991, dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 198 p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1804/1999, tad-19 ta’ Lulju 1999 (ĠU L 222, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2092/91”), jistipula regoli minimi fir-rigward tal-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli, il-proċeduri ta’ spezzjoni tal-metodi ta’ produzzjoni kkonċernati u taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ġejjin minn din il-produzzjoni. Skond dan ir-Regolament, tista’ tiġi indikata fuq il-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fih il-frażi “Agrikoltura organika – Sistema ta’ spezzjoni KE”, b’mod partikolari permezz ta’ tikketta.

3        L-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 2092/91 jelenkaw il-prodotti kkonċernati u l-indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika, u jiddefinixxu diversi kunċetti. L-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li huwa japplika bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra jew dispożizzjonijiet nazzjonali, li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. L-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-ittikkettjar u r-reklamar ta’ prodott jista’ jirreferi għall-metodu ta’ produzzjoni organika, filwaqt li l-Artikolu 6 ta' dan l-istess Regolament jiddeskrivi r-regoli ta’ produzzjoni li jimplika l-kunċett ta’ metodu ta’ produzzjoni organika.

4        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2092/91 jgħid kif ġej:

“1.      Kull operatur li jipproduċi, li jipprepara jew li jimporta minn xi pajjiż terz prodotti kif speċifikati fl-Artikolu 1 bl-għan li jqiegħdhom fis-suq għandu:

a)       javża b’din l-attività lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih għandha titwettaq l-attività; dan l-avviż għandu jinkludi l-informazzjoni kif speċifikata fl-Anness IV;

b)       jibgħat l-impenn [jissuġġetta l-impriża] tiegħu għas-sistema tal-ispezzjonar referut fl-Artikolu 9.

2.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew il-korp biex jirċievi din l-informazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għat-twassil tat-tagħrif ta’ xi informazzjoni addizzjonali li jikkunsidraw meħtieġa għas-sorveljanza effettiva ta’ l-operaturi kkonċernati.

3.      L-awtorità kompetenti għandha tassigura li l-lista aġġornata bl-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-operaturi li jkunu suġġetti għas-sistema tal-ispezzjonar tkun disponibbli għal partijiet interessati.”

5        Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2092/91:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ spezzjonijiet li tkun imħaddma minn xi awtorità nominata, waħda jew iktar, u/jew minn entitajiet privati approvati li għalihom, l-operaturi li jipproduċu, jħejju jew jimpurtaw minn pajjiżi terzi prodotti kif riferiti fl-Artikolu 1, għandhom ikunu suġġetti.

2.      L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-operatur [li] ikun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jhallas il-kontribuzzjoni tiegħu għall-ispejjeż tal-ispezzjonjiet ikollu aċċess għas-sistema ta’ spezzjoni.

3.      Is-sistema tal-ispezzjoni għandha tinkludi mill-anqas l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ prekwazjoni u ta’ spezzjoni speċifikati fl-Anness III.

4.      Dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-ispezzjonijiet li tkun imħaddma minn organizzazzjonijiet privati, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni u s-sorveljanza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

5.      Ghall-approvazzjoni ta’ l-organizzazzjoni privata tal-ispezzjonijiet, għandu jitqies dan li ġej:

a)       il-proċedura normali tal-ispezzjonijiet li għandha tintuża, li tkun tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri dwar l-ispezzjonijiet u l-prekwazjonijiet li l-organizzazzjoni tintrabat li timponi fuq l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnha;

b)       il-penali li l-organizzazzjoni tkun bi ħsiebha timponi meta jinstabu xi irregolaritajiet u/jew ksur tal-liġi;

c)       id-disponabbiltà ta’ riżorsi xierqa f'dak li huma nies kwalifikati, faċilitajiet amministrattivi u tekniċi, esperjenza fl-ispezzjonijiet u kredibilità;

d)       l-oġġettività tal-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet vis-a-vis l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnha.

6.      Wara li organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet tkun approvata, l-awtorità kompetenti għandha:

a)       tassigura li l-ispezzjonijiet li jsiru mill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet ikunu oġġettivi;

b)       tivverifika l-effettività tal-ispezzjonijiet tagħha;

c)       tieħu nota ta’ xi irregolaritajiet u/jew ksur tal-liġi li jinstabu u l-penali li jkunu imposti;

d)       tirtira l-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tal-ispezzjonijet meta din tonqos milli tħares il-htiġiet referuti fi (a) u (b) jew ma tibqax tħares il-kriterji indikati fil-paragrafu 5 jew tonqos milli tħares il-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafi 7, 8, 9 u 11.

6 a.      Qabel l-1 ta’ Jannar 1996, l-Istati Membri għandhom joħorġu numru ta’ kodifika lil kull korp ta’ spezzjoni jew awtorità approvata jew nominata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. Għandhom javżaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan; il-Kummissjoni għandha tippubblika n-numri ta’ kodifika fil-lista riferita fl-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 15.

7.      L-awtorità tal-ispezzjonijiet u l-organizzazzjonijiet approvati tal-ispezzjonijiet referuri fil-paragrafu 1 għandhom:

a)       jassiguraw li mill-anqas il-miżuri dwar l-ispezzjonijiet u l-prekawzjonijiet speċifikati fl-Anness III jkunu applikati għal dawk l-impriżi li jkunu suġġetti għall-ispezzjonijiet minnhom;

b)       ma jiżvelawx informazzjoni u d-dettaljili jakkwistaw mill-attività tal-ispezzjonijiet tagħhom lil xi persuni apparti milli dik il-persuna li tkun risponsabbli għall-azjenda kkonċernata u lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

8.      Organizzazzjonijiet approvati tal-ispezzjonijiet għandhom:

a)       jagħtu lill-awtorità kompetenti, għall-għan tal-ispezzjonijiet, aċċess għall-uffiċċji u l-faċilitajiet tagħhom, flimkien ma' xi informazzjoni u għajnuna meqjusa bħala meħtie[ġ]a mill-awtorità kompetenti għat-twettiq ta’ l-obbligazzjonijiet tagħha skond dan ir-Regolament;

b)       jibagħtu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena lista ta’ l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnhom fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti u jippreżentaw lill-imsemmija awtorità rapport annwali fil-qosor.

9.      L-awtorità tal-ispezzjonar u l-organizzazzjonijiet tal-ispezzjonar referuti fil-paragrafu 1 għandhom:

a)       jassiguraw li, meta tinstab xi irregolarità rigward l-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 5, 6 u 7 jew tal-miżuri referuti fl-Anness III, l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika jiġu mneħħija kompletament mill-lott kollu jew mill-lott ta’ produzzjoni li jkun affettwat mill-irregolarità kkonċernata;

b)       meta jinstab li jkun hemm xi nuqqas jew nuqqas li jkollu effetti fit-tul, jipprojbixxu lill-operatur ikkonċernat milli jqiegħed fis-suq il-prodotti b’indikazzjonijiet li jirreferu għal metodu tal-produzzjoni organika għall-perjodu li jkun miftihem ma['] l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

[...]

11. Sa mill-1 ta’ Jannar 1998 u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 6, korpi ta’ spezzjoni approvati għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet imniżżla fil-kondizzjonijiet ta’ l-istandard EN 45011 tas-26 ta’ Ġunju 1989.

[…]”

6        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2092/91 jipprovdi għaż-żieda ta' indikazzjoni u/jew ta' logo b'mod konformi ma' l-Anness V ta' dan ir-Regolament fuq it-tikketta tal-prodotti suġġetti għall-iskema ta’ spezzjonijiet prevista mill-Artikolu 9 ta' l-imsemmi Regolament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(3) jimponi fuq l-entitajiet privati ta’ spezzjoni obbligi ta’ eżekuzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti mill-Artikolu 9(9) ta' l-istess Regolament.

7        Skond l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 2092/91, dwar il-miżuri ġenerali ta’ infurzar:

“1.      Fejn Stat Membru jikxef irregolaritajiet jew ksur tal-liġi li għandu x’jaqsam ma’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi prodott li jkun ġej minn Stat Membri ieħor u jkun iġorr indikazzjonijiet kif irriferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V għandu javża b’dan lill-Istat Membru li jkun ħatar l-awtorità ta’ spezzjoni jew approva l-korp ta’ spezzjoni u lill-Kummissjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura u azzjoni [m]eħtieġa biex [j]ipprevjen[u] l-użu frawdolenti ta’ l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V.”

8        L-Anness III tar-Regolament Nru 2092/91 jispeċifika l-ħtiġijiet minimi għall-ispezzjonijiet u l-miżuri ta’ prekawzjoni skond l-iskema ta’ l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament.

9        B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan l-Anness jipprovdu, fit-tieni paragrafu tal-punt 9 u fil-put 10, li l-entitajiet privati huma awtorizzati jeżiġu li operatur suġġett għal spezzjonijiet ma jkunx jista’, b’mod provviżorju, jikkummerċjalizza, bl-indikazzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni organika, prodott li jkun suspettat li ma jissodisfax l-istandards stabbiliti mill-imsemmi Regolament u li dawn l-entitajiet għandhom dritt ta’ aċċess għall-uffiċċji u għad-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ dan l-operatur.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      B’mod konformi ma’ l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2092/91, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija stabbilixxiet sistema ta’ spezzjoni tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika amministrata minn entitajiet privati. Skond il-prassi amministrattiva in kwistjoni li tapplika dan ir-Regolament, l-eżerċizzju, fl-Awstrija, ta’ attività ta’ spezzjoni minn entità privata jirrikjedi li din ikollha fit-territorju Awstrijak stabbiliment li jissodisfa r-rekwiżiti relattivi għar-riżorsi f’persunal u f’faċilitajiet amministrattivi u tekniċi definiti mill-imsemmi Regolament, u dan minkejja li tkun diġà approvata u, għalhekk, ikollha stabbiliment fi Stat Membru ieħor.

11      Il-liġi ta’ l-1975 dwar il-prodotti ta’ l-ikel (Lebensmittelgesetz 1975, BGBl. Nru 86/1975) tipprovdi, fl-Artikolu 35, li l-approvazzjoni u s-superviżjoni ta’ l-entitajiet privati jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Landeshauptmänner (il-kapijiet ta’ l-eżekuttiv reġjonali). Barra minn hekk, skond l-Artikolu 10(4) ta’ din il-liġi, dawn jadottaw, fost affarijiet oħra, il-miżuri ta’ projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 9(9)(b) tar-Regolament Nru 2092/91 fuq proposta ta’ dawn l-entitajiet.

 Il-proċedura prekontenzjuża

12      Fuq ilment imressaq minn entità privata approvata u stabbilita fil-Ġermanja, il-Kummissjoni bagħtet żewġ talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Awstrijaċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet li l-entitajiet privati approvati fi Stat Membru ieħor għandhom jissodisfaw sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-Awstrija. Dawn id-domandi kienu jirreferu b’mod partikolari għar-rekwiżit li entità jkollha stabbiliment jew infrastruttura permanenti fl-Awstrija. Fid-dawl tar-risposti mibgħuta, il-Kummissjoni, f’ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta fit-8 ta’ Novembru 2000 lir-Repubblika ta’ l-Awstrija, qajjmet il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 49 KE ta’ dan ir-rekwiżit.

13      Fid-dawl tar-risposta ta’ l-awtoritajiet Awstrijaċi għal din l-ittra, il-Kummissjoni bagħtet, fis-16 ta’ Ottubru 2002, opinjoni motivata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija, fejn stednitha tikkonforma ruħha ma’ l-obbligi tagħha fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni. F’din l-opinjoni, il-Kummissjoni sostniet li l-kundizzjoni imposta fuq l-entitajiet privati approvati u stabbiliti fi Stat Memrbu ieħor li jkollhom stabbiliment jew infrastruttura permanenti fl-Awstrija kienet tikser l-Artikolu 49 KE u li, għalkemm hu leġittimu għal kull Stat Membru li jassigura ruħu li dawn l-entitajiet ikunu effettivament approvati mill-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, proċedura ta’ awtorizzazzjoni sommarja tkun biżżejjed għal dan l-iskop.

14      Fir-risposta tagħha tat-23 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija rrispondiet li l-attività ta’ l-entitajiet privati taqa’ taħt id-deroga mill-Artikolu 49 KE prevista fl-Artikolu 55 KE moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE. Sussidjarjament, hija sostniet il-pożizzjoni li kienet esprimiet preċedentement, jiġifieri li hu fl-interess tal-produtturi u tal-konsumaturi tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika li l-entitajiet privati jkollhom stabbiliment jew infrastruttura permanenti fit-territorju Awstrijak sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jivverifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom isiru l-ispezzjonijiet effettwati minnhom.

15      Billi qieset li s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

16      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prassi amministrattiva in kwistjoni taqa’ taħt qasam armonizzat mir-Regolament Nru 2092/91. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, meta l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta dan ir-Regolament, huwa ma rreferiex għall-Artikolu 66 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 66 tat-Trattat KE, u, imbagħad, l-Artikolu 55 KE), moqri flimkien ma’ l-Artikolu 55 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 55 tat-Trattat KE, u, imbagħad, l-Artikolu 45 KE), b’mod li l-ispezzjoni u l-ittikkettjar tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika ma jikkostitwixxux attività eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi stabbilit fl-Artikolu 49 KE.

17      Din il-konklużjoni hi kkorroborata, barra minn hekk, mid-diversi fatturi li juru li l-attività ta’ l-entitajiet privati ma tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tirreferi għas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, Ġabra p. 631).

18      Minn naħa waħda, ir-relazzjoni ġuridika bejn l-entità li tispezzjona u l-operatur spezzjonat, li tista’ jew twassal jew ma twassalx għall-ħruġ ta’ sempliċi ċertifikat ta’ konformità, taqa’ strettament taħt id-dritt privat.

19      Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni fir-rigward ta’ operatur milli jagħti indikazzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni organika u l-miżuri l-oħra previsti fl-Artikoli 9(9) u 10(3) tar-Regolament Nru 2092/91 fil-każ li tiġi kkonstatata irregolarità jistgħu jiġu imposti, meta jitqies kollox, biss mill-awtoritajiet pubbliċi jew ġudizzjarji kompetenti u mhux mill-entitajiet privati stess. Barra minn hekk, il-projbizzjoni milli tingħata indikazzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni organika ma tostakolax il-kummerċjalizzazzjoni normali tal-prodotti kkonċernati.

20      Għal dak li jirrigwarda l-konformità tal-prassi amministrattiva in kwistjoni mal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, il-Kummissjoni tammetti li l-awtoritajiet Awstrijaċi għandhom il-fakoltà jassiguraw lilhom infushom li l-entitajiet privati jkunu effettivament approvati fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom permezz ta’, per eżempju, proċedura ta’ awtorizzazzjoni simplifikata. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ stabbiliment permanenti fl-Awstrija, minn naħa, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi kif inhi stabbilita mill-Artikolu 49 KE, inkwantu dan ir-rekwiżit irendi tali għoti ta’ servizz inqas attraenti għall-entitajiet privati li diġà jkollhom stabbiliment fi Stat Membru ieħor minħabba l-ispejjeż li dan ir-rewiżit jinvolvi, u, min-naħa l-oħra, jinjora l-fatt li din l-entità diġà tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 2092/91 fl-Istat Membru li approvaha. L-approvazzjoni maħruġa f’dan l-aħħar imsemmi Stat tiggarantixxi li l-entità privata kkonċernata għandha l-kompetenzi, l-esperjenza u l-mezzi neċessarji biex tipprovdi servizzi ta’ spezzjoni fl-Awstrija.

21      Fir-rigward tal-ħtieġa, invokata mill-Gvern ta’ l-Awstrija, li tkun tista’ tiġi vverifikata l-oġġettività u l-effettività ta’ l-ispezzjonijiet magħmula mill-entitajiet privati biex jiġu protetti l-konsumaturi, il-Kummissjoni tenfasizza li r-Regolament Nru 2092/91 jipprovdi sanzjonijiet speċifiċi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ spezzjoni u huma biss l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jkun approva l-entità li jistgħu jadottaw il-miżuri msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 9(5) (7) sa (9) u (11) ta’ dan ir-Regolament.

22      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma tikkontestax li r-rekwiżit impost fuq l-entitajiet privati stabbiliti u approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fl-Awstrija biex hemmhekk ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom jista’ jostakola l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE.

23      Hija ssostni, madankollu, li l-attività ta’ l-entitajiet privati kif prevista mir-Regolament Nru 2092/91 tikkostitwixxi parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 55 KE moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE.

24      Din il-perspettiva hi bbażata fuq dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament Nru 2092/91.

25      B’hekk, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li l-entitajiet privati għandhom joħorġu ċertifikati ta’ konformità. Skond id-dritt amministrattiv Awstrijak, il-ħruġ ta’ dokumenti pubbliċi huwa att ta’ setgħa pubblika, u mhux sempliċi servizz amministrattiv. Il-portata ta’ projbizzjoni milli tingħata indikazzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni organika hi determinanti wkoll, peress li tista’, f’ċerti każijiet, tekwivali għal projbizzjoni mill-kummerċjalizzazzjoni.

26      Barra minn hekk, is-setgħat wiesgħa ta’ spezzjoni, rikonoxxuti mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2092/91, moqri flimkien ma’ l-Anness III ta’ dan ir-Regolament, favur l-entitajiet privati juru parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-entitajiet privati huma responsabbli għall-aspetti amministrattivi u tekniċi ta’ l-ispezzjonijiet u li dawn l-entitajiet huma marbuta b’kuntratt irregolat mid-dritt privat ma’ l-operaturi li jispezzjonaw ma jaffettwax il-klassifikazzjoni ta’ l-attività tagħhom, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Schaik (C‑55/93, Ġabra p. I‑4837, punt 16).

27      Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li r-Regolament Nru 2092/91 ma jarmonizzax l-aspetti kollha tal-proċedura ta’ spezzjoni u ta’ approvazzjoni ta’ l-entitajiet privati, b’mod li kull Stat Membru jista’ jissuġġetta lil dawk li jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju tiegħu għal kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jimplementaw il-miżuri ta’ sorveljanza u superviżjoni ta’ dawn l-entitajiet previsti minn dan ir-Regolament. L-eżerċizzju ta’ sorveljanza jiġi reż diffiċli, jekk mhux impossibbli, li kieku l-imsemmija entitajiet ma jkollhomx stabbiliment permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jingħata s-servizz. Rekwiżit bħal dan hu ġġustifikat, b’mod partikolari, mill-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ prodotti ġejjin mill-biedja organika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li l-Istati Membri jkunu għażlu sistema fejn l-ispezzjoni tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika ssir minn entitajiet privati approvati, ir-Regolament Nru 2092/91 jiddetermina l-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ dawn l-entitajiet, il-modalitajiet ta’ spezzjoni li huma għandhom japplikaw kif ukoll il-proċedura ta’ superviżjoni li għaliha huma suġġetti fl-Istat Membru li japprovhom. Dan ir-Regolament madankollu ma fih ebda dispożizzjoni relattiva għall-għoti ta’ servizzi ta’ spezzjoni mill-entitajiet privati fi Stat Membru differenti minn dak li jkun approvhom.

29      Għalkemm, f’settur li mhuwiex kompletament armonizzat fuq il-livell Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu, bħala regola, kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’dan is-settur, jibqa’ l-fatt li huma għandhom jeżerċitaw l-kompetenzi tagħhom billi jirrispettaw il-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-514/03, Ġabra p. I-963, punt 23, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-257/05, Ġabra p. I-134, punt 18).

30      F’dan il-każ tqum il-kwistjoni jekk il-kundizzjoni li jkun hemm stabbiliment fit-territorju Awstrijak imposta mill-prassi amministrativa in kwistjoni fuq l-entitajiet privati li diġà jkunu approvati u, b’hekk, ikollhom stabbiliment fi Stat Membru ieħor, hijiex konformi ma’ l-Artikolu 49 KE.

31      Skond ġurisprudenza kostanti, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C‑452/04, Ġabra p. I‑9521, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ stabbiliment previst mill-prassi amministrattiva in kwistjoni jmur direttament kontra l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, safejn irendi impossibbli l-għoti, fl-Awstrija, tas-servizzi in kwistjoni minn entitajiet privati stabiliti biss fi Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-355/98, Ġabra p. I-1221, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għalqastant, għandu jiġi vverifikat jekk il-prassi amministrattiva in kwistjoni tistax tiġi ġġustifikata mid-derogi previsti mit-Trattat jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

34      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, li ma tikkontestax li dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, issostni, prinċipalment, li l-attività ta’ l-entitajiet privati tikkostitwixxi parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 55 KE moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE u, sussidjarjament, li l-prassi amministrattiva in kwistjoni hi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

35      Fir-rigward ta’ l-ewwel argument, għandu jiġi mfakkar li, bħala eċċezzjoni għar-regola fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, l-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b’mod li l-portata tiegħu tiġi limitata għal dak li hu strettament neċessarju biex jiġu salvagwardjati l-interessi li jippermetti lill-Istati Membri jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għaldaqstant, skond ġurisprudenza kostanti, l-eċċezzjoni prevista f’dawn l-Artikoli għandha tkun ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika (ara s-sentenza Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), li teskludi li jiġu kkunsidrati bħala parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika fis-sens ta’ din l-eċċezzjoni, il-funzjonijiet sempliċiment anċillari u preparatorji fir-rigward ta’ l-entità li teżerċita effettivament l-awtorità pubblika billi tagħti d-deċiżjoni finali (sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C‑42/92, Ġabra p. I‑4047, punt 22).

37      Jirriżulta mir-Regolament Nru 2092/91 li l-attività ta’ l-entitajiet privati u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tagħhom jistgħu jiġu deskritti kif ġej.

38      Fl-ewwel lok, l-entitajiet privati japplikaw, skond l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2092/91, il-miżuri ta’ spezzjoni u ta’ prekawzjoni msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

39      Fit-tieni lok, skond l-Artikolu 9(9)(a) u (b) ta’ l-imsemmi Regolament, dawn l-entitajiet jieħdu deċiżjoni abbażi ta’ l-ispezzjonijiet li jeffettwaw billi jippermettu jew ma jippermettux l-użu ta’ l-indikazzjonijiet relattivi għall-metodu ta’ produzzjoni organika għall-prodotti kkummerċjalizzati mill-operaturi li jispezzjonaw u, f’każ ta’ vjolazzjoni manifesta jew li jkollha effett fit-tul, billi jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ l-operatur in kwistjoni b’indikazzjonijiet li jirreferu għall-produzzjoni organika għal perijodu definit minn qabel ma’ l-awtorità pubblika kompetenti.

40      Fit-tielet lok, skond l-Artikolu 9(6)(c) u (8)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2092/91, l-imsemmija entitajiet għandhom jagħtu rendikont ta’ l-attività tagħhom lill-awtorità inkarigata mill-approvazzjoni u s-superviżjoni tagħhom rispettivament, billi jinfurmawha bl-irregolaritajiet u l-vjolazzjonijiet ikkonstatati kif ukoll bis-sanzjonijiet imposti, billi jagħtuha kull informazzjoni meħtieġa u jibagħtulha kull sena lista ta’ l-operaturi suġġetti għall-kontroll tagħhom u rapport fuq l-attività tagħhom. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 9(8)(a) jipprovdi li l-entitajiet privati għandhom jagħtu aċċess għall-uffiċċji u għall-faċilitajiet tagħhom lill-awtorità kompetenti li jaqgħu taħtha, għall-finijiet ta’ l-ispezzjoni, u għandhom jagħtu kull informazzjoni u kull għajnuna kkunsidrata neċessarja mill-imsemmija awtorità għat-twettiq ta’ l-obbligi tagħha.

41      Għalkemm jirriżulta minn dawn il-fatturi li l-attività ta’ l-entitajiet privati mhijiex limitata sempliċiment għall-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet fir-rigward tal-konformità tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika, iżda tinvolvi wkoll l-eżerċitar ta' poteri fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu abbażi ta’ dawn l-ispezzjonijiet, għandu madankollu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 2092/91 jipprovdi għas-superviżjoni ta’ dawn l-entitajiet mill-awotirità pubblika kompetenti. B’hekk, l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-Regolament jissuġġetta lill-imsemmija entitajiet għas-superviżjoni ta’ din l-awtorità. Fost dispożizzjonijiet oħra, il-paragrafu 6 ta’ l-istess Artikolu jispeċifika l-modalitajiet ta’ l-eżerċizzju ta’ din is-superviżjoni, billi jipprovdi b’mod partikolari li l-imsemmija awtorità, minbarra l-kompetenza tagħha għal dak li jirrigwarda l-ħruġ u l-irtirar ta’ l-approvazzjoni, tassigura l-oġġettività u tivverifika l-effettività ta’ l-ispezzjonijiet effettwati mill-entitajiet privati. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(8)(a) ta’ l-imsemmi Regolament jimponi fuq dawn l-entitajiet l-obbligu li jippermettu l-aċċess għall-uffiċċji u l-faċilitaijiet tagħhom lill-awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ l-ispezzjoni.

42      Jidher għalhekk li l-entitajiet privati jeżerċitaw l-attività tagħhom taħt is-superviżjoni attiva ta’ l-awtorità pubblika competenti li hi responsabbli, fl-aħħarnett, għall-ispezzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ l-imsemmija entitajiet, kif juru l-obbligi imposti fuq l-imsemmija awotirtà kompetenti, imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Din il-konklużjoni hi kkorraborata wkoll mis-sistema ta’ superviżjoni ta’ l-entitajiet privati stabbilita mil-liġi ta' l-1975 dawr il-prodotti ta' l-ikel, li tipprovdi li huma l-Landeshauptmänner, bħala awtoritajiet ta’ superviżjoni, li jadottaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(9)(b) tar-Regolament Nru 2092/91, filwaqt li f’dan il-qasam, dawn l-entitajiet għandhom biss il-kompetenza li jipproponu. Minn dan jirriżulta li r-rwol anċillari u preparatorju mogħti lill-entitajiet privati minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ l-awotorità ta’ superviżjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, fis-sens ta’ l-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE.

43      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni, madankollu, li l-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ konformità mill-entitajiet privati jikkorrispondi, skond id-dritt amministrattiv Awstrijak, għal att tas-setgħa pubblika. Barra minn hekk, l-imsemmija entitajiet għandhom poteri li jidderogaw mir-regoli ta’ dritt ġeneralment applikabbli sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom sew, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-poteri ta’ spezzjoni u ta’ sanzjoni mogħtija lilhom.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, kif ġie mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ Artikolu 45 KE, għandha tiġi interpretata b’mod li jillimita l-portata tagħha għal dak li hu strettament neċessarju biex jiġu mħarsa l-interessi li tippermetti lill-Istati Membri jipproteġu.

45      Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-Regolament Nru 2092/91 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jagħtu lill-entitajiet privati poteri tas-setgħa pubblika biex iwettqu l-attività ta’ spezzjoni tagħhom sew, jew jinkarigawhom b’attivitajiet oħra li, minnhom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, jirriżulta madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li estensjoni tad-deroga permessa mill-Artikoli 45 KE u 55 KE lil professjoni sħiħa ma tistax tiġi ammessa meta l-attivitajiet li eventwalment jagħmlu parti mill-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika jikkostitwixxu element li jista’ jiġi separat mill-attività professjonali in kwistjoni (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 45 KE, is-sentenza Reyner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

46      Għandu jiġi mfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-attività ta’ l-entitajiet privati kif definita mir-Regolament Nru 2092/91 ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, b’mod li kull attività oħra supplimentari li tikkostitwixxi parteċipazzjoni bħal din hi neċessarjament separabbli minnha.

47      Fl-aħħar lok, għandu jiġi rrilevat li s-sistema ta’ spezzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 2092/91 għandha tiġi distinta mis-sistema ta’ spezzjoni stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 77/143/KEE tad-29 ta’ Diċembru 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relattivi għall-kontroll tekniku tal-vetturi u t-trejlers tagħhom (ĠU L 47, p. 47), li kienet in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza van Schaik, iċċitata iktar ’il fuq, li tinvoka r-Repubblika ta’ l-Awstrija in sostenn ta’ l-argument tagħha.

48      Fil-fatt, filwaqt li l-Qorti kkonstatat fil-punt 22 ta’ dik is-sentenza li, minħabba n-natura parzjali ta’ l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta’ kontroll, id-Direttiva 77/143 ma tobbligax lil kull Stat Membru jirrikonoxxi, għal vetturi rreġistrati fit-territorju tiegħu, ċertifikati ta’ kontroll maħruġa minn Stati Membri oħra fid-dawl ta’ l-ammont kbir ta’ prattiki u proċeduri ta’ verifika, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 2092/91 hu intiż, kif jirriżulta mit-tlettax-il premessa tiegħu, biex jistabbilixxi sistema ta’ spezzjoni tal-prodotti agrikoli ġejjin minn metodi ta’ produzzjoni organika li jissodisfaw rekwiżiti Komunitarji minimi li l-osservanza tagħhom tagħti d-dritt għall-użu ta’ indikazzjoni Komunitarja ta’ konformità.

49      Għaldaqstant, safejn ir-Regolament Nru 2092/91 jarmonizza l-indikazzjonijiet ta’ konformità tal-prodotti agrikoli kkonċernati, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma tistax tinvoka s-sentenza van Schaik, iċċitata iktar ’il fuq, utilment.

50      Peress li l-Artikolu 55 KE ma jistax jiġi invokat utilment mir-Repubblika ta’ l-Awstrija f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat it-tieni argument żviluppat minn dan l-Istat Membru, relattiv għall-ġustifikazzjoni tal-prassi amministrattiva in kwistjoni minn għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

51      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni, b’mod partikolari, li r-rekwiżit li jkun hemm stabbilitment jew infrastruttura permanenti fit-territorju Awstrijak hu indispensabbli sabiex l-awtoritajiet Awstrijaċi, minn naħa, jassiguraw li l-entitajiet privati li jagħtu servizzi ta’ spezzjoni jkollhom effettivament l-infrastruttura u l-persunal neċessarju, u, min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu jagħmlu l-ispezzjonijiet fil-post proprju kif previst mir-Regolament Nru 2092/91.

52      F'dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, skond ġurisprudenza kostanti, il-protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tiġġustifika ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop, C‑34/95 sa C‑36/95, Ġabra p. I‑3843, punt 53; tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 67, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I-1891, punt 46).

53      Madankollu, għandu jiġi assgurat li l-miżuri meħuda għal dan il-għan ma jeċċedux dak li hu oġġettivament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑496/01, Ġabra p. I‑2351, punt 68).

54      Il-kundizzjoni imposta fuq l-entitajiet approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fit-territorju Awstrijak sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw hemmhekk l-attività tagħhom tmur lil hinn minn dak li hu oġġettivament neċessarju biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

55      Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 2092/91 jistipula kriterji minimi fir-rigward tas-superviżjoni ta’ l-imsemmija entitajiet. Dawn il-kriterji huma applikabbli fl-Istati Membri kollha, b’mod li hu ggarantit li tali entità approvata fi Stat Membru li tipprovdi servizz ta’ spezzjoni fl-Awstrija tissodisfa, b’mod partikolari, id-diversi kriterji previsti mill-imsemmi Regolament u, b’hekk, li l-protezzjoni tal-konsumaturi hi assigurata.

56      Għaldaqstant, billi teżiġi mill-entitajiet privati approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fl-Awstrija sabiex l-awtoritajiet Awstrijaċi jkunu jistgħu jissuperviżjonaw l-attività tagħhom, il-prassi amministrattiva in kwistjoni teskludi li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-obbligi u l-miżuri ta’ sorveljanza li għalihom huma diġà suġġetti dawn l-entitajiet fl-Istat Membru li jkun approvhom.

57      Hu possibbli għall-awtoritajiet Awstrijaċi li jiksbu l-garanziji meħtieġa mir-Regolament Nru 2092/91 u għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ miżuri inqas restrittivi.

58      B’hekk, minn naħa, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu, qabel kull għoti ta’ servizz, jeżiġu minn entità privata approvata fi Stat Memrbu ieħor il-prova li hi effettivament approvata fl-Istat Membru fejn hi stabbilita u li għandha hemmhekk l-infrastruttura u l-persunal meħtieġa biex tipprovdi s-servizzi li tixtieq tagħti fit-territorju Awstrijak. Dawn l-elementi jistgħu jiġu kkorroborati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn hi stabbilita li huma inkarigati mis-superviżjoni ta’ l-attività ta’ l-entità kkonċernata.

59      Min-naħa l-oħra, jekk tiġi kkonstatata irregolarità fl-ispezzjonijiet effettwati fl-Awstrija minn din l-entità, ir-Regolament Nru 2092/91 jipprovdi, fl-Artikolu 10a, għal sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, li tippermetti lill-awtoritajiet Awstrijaċi jinfurmaw lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ din l-entità b’din l-irregolarità, sabiex dawn jadottaw il-miżuri meħtieġa, jiġifieri, per eżempju, l-ispezzjoni ta’ l-uffiċċji ta’ din l-entità u, jekk ikun hemm bżonn, jirtiraw l-approvazzjoni tagħha.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit li jirriżulta mill-prassi amministrattiva in kwistjoni mhuwiex proporzjonat għall-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi invokat mir-Repubblika ta’ l-Awstrija.

61      Għalhekk, jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, billi tirrikjedi mill-entitajiet privati approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fit-territorju Awstrijak sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz ta’ spezzjoni hemmhekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta’ l-Awstrija tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi tirrikjedi mill-entitajiet privati li jispezzjonaw prodotti ġejjin mill-biedja organika approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fit-territorju Awstrijak sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz ta’ spezzjoni hemmhekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

2)      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.