SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla)

1 ta' Marzu 2007 (*)

“Dazji tas-sisa – Eżenzjoni tat-taxxa fuq iż-żjut minerali – Direttiva 92/81/KEE – Kunċett ta' ‘navigazzjoni f'ibħra Komunitarji’”

Fil-kawża C-391/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta' Deċiżjoni tat-30 ta' Awwissu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta' Ottubru 2005, fil-proċedura

Jan De Nul NV

vs

Hauptzollamt Oldenburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta' Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Novembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Jan De Nul NV, minn W. Meven, Rechtsanwalt,

–       għall-Hauptzollamt Oldenburg, minn A. Gessler, bħala aġent,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Diċembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE tat-22 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 365, p. 46, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 92/81").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Jan De Nul NV (iktar 'il quddiem "Jan De Nul") u l-Hauptzollamt Oldenburg (iktar 'il quddiem il-"Hauptzollamt") rigward rifjut minn dan ta' l-aħħar li jeżenta, mit-taxxa fuq iż-żjut minerali (iktar 'il quddiem it-"taxxa"), ċerti kwantitajiet ta' żjut minerali użati għat-tħaddim ta' dreġer li jġorr u jbattal il-ħama.

 Kuntest Ġuridiku

 Id-Direttiva 92/81

3       L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 92/81 jipprovdi kif ġej:

"1.      Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 92/12/KEE dwar l-użijiet eżenti ta' prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti segwenti mid-dazju tas-sisa armonizzat, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta' dawn l-eżenzjonijiet u li jimpedixxu l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi:

[…]

ċ)      iż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f'ibħra Komunitarji (inkluż is-sajd), iżda mhux f'dgħajjes privati użati għad-divertiment.

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, 'dgħajjes privati użati għad-divertiment' tfisser kull dgħajsa użata mill-proprjetarju tagħha jew mill-persuna fisika jew ġuridika li tista' tużaha b'titolu ta' kiri jew b'titolu ieħor, għal finijiet mhux kummerċjali u b'mod partikolari għal finijiet oħra minbarra t-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija jew il-prestazzjoni ta' servizzi b'titolu oneruż jew għall-bżonnijiet ta' l-awtoritajiet pubbliċi.

[…]

2.      Bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri jistgħu japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis totali jew parzjali tar-rata tad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali jew fuq prodotti oħra intiżi għall-istess użu li jkunu użati taħt kontroll fiskali:

[…]

b)      għan-navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni, b'eċċezzjoni tan-navigazzjoni għad-divertiment;

[…]

g)      għall-operazzjonijiet ta' tħammil tal-ħama tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-portijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       Fil-Ġermanja, id-dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għall-eżenzjoni fiskali taż-żjut minerali jinsabu fil-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali (Mineralölsteuergesetz), tal-21 ta' Diċembru 1992 (BGBl. 1992 I, p. 2150 u 2185, iktar 'il quddiem il-"MinöStG"), kif ukoll fir-regolament li jimplementa l-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali (Mineralölsteuer-Durchführungsverordnung), tal-15 ta' Settembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 1602, iktar 'il quddiem il-"MinöStV" ).

5       L-Artikolu 4(1)(4) tal-MinöStG jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikolu 12 ta' din l-istess liġi, iż-żjut minerali jistgħu jiġu użati b'eżenzjoni mit-taxxa, bħala karburant għall-propulsjoni u għat-tisħin, fil-bastimenti li huma intiżi esklużivament għan-navigazzjoni kummerċjali u għall-attivitajiet anċillari li huma marbuta magħha, bħall-pilotaġġ, l-irmonk u servizzi simili, jew għat-trasport proprju, kif ukoll fil-bastimenti tal-gwerra u ta' l-awtoritajiet pubbliċi, fid-dgħajjes ta' salvataġġ fil-baħar u fil-bastimenti tas-sajd fuq bażi professjonali.

6       B'mod konformi mas-setgħa leġiżlattiva mogħtija lill-awtorità regolatorja mill-Artikolu 31(2)(5) tal-MinöStG, l-Artikolu 17(5)(2) tar-regolament li jimplementa l-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali eskluda ċerti tipi ta' inġenji ta’ wiċċ l-ilma mill-kunċett ta' "bastimenti" fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(4) tal-MinöStG. Għaldaqstant, il-gafef, il-krejnijiet u l-magni ta’ l-irfigħ tal-qamħ mhumiex meqjusa li huma "bastimenti" fis-sens ta' dan l-aħħar dispożittiv, b'mod li l-karburanti li huma użati abbord għall-propulsjoni u għat-tisħin ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7       Jan de Nul, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u li teżerċita attivitajiet ta' inġinerija idrawlika, talbet il-benefiċċju ta' eżenzjoni mit-taxxa fil-konfront ta' xi kwantitajiet ta' żjut minerali użati fit-tħaddim tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama bl-isem ta' "Cristoforo Colombo", inġenju b'kapaċità ta' 10,062 tunnellata, f'operazzjoni ta' tħammil tal-ħama li saret bejn id-19 ta' Ottubru 1999 u s-17 ta' Diċembru 1999 fl-Elbe, f'settur li jinsab bejn Hamburg u Cuxhaven.

8       Dreġer li jġorr u jbattal il-ħama jintuza sabiex jiġbed ir-ramel li jinsab f'qiegħ l-ilma, iż-żrar u materjali simili oħra billi jqegħdhom fl-istiva tad-dreġer flimkien ma' l-ilma miġbud. Wara, dawn il-materjali jiġu ttrasportati lejn postijiet fejn jinħattu sabiex jiġu skarikati.

9       Fit-3 ta' April 2000, Jan de Nul iddikjarat il-kwantità ta' żjut minerali li kienu ġew ikkunsmati matul ix-xogħlijiet ta' ġbid ta' l-ilma u tal-materjal. Sussegwentement, il-Hauptzollamt informa lil din il-kumpannija li t-taxxa kellha titħallas ukoll fuq il-kwantitajiet ta' żjut minerali użati matul il-vjaġġi ta' l-inġenju mingħajr tagħbija u l-manuvri magħmula minn dan waqt l-operazzjonijiet tiegħu.

10     Id-dikjarazzjoni addizzjonali dwar it-taxxa, magħmula fil-15 ta' Novembru 2000 minn Jan de Nul, wasslet għal debitu fiskali fl-ammont ta' DEM 183,127.02.

11     B'deċiżjoni tat-3 ta' Lulju 2002, il-Hauptzollamt ċaħad it-talba li Jan de Nul kienet ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2000 biex tikseb tnaqqis fl-ammont imsemmi. Fit-2 ta' Awwissu 2002, din il-kumpannija ppreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg sabiex tikseb l-eżenzjoni tat-taxxa fir-rigward tal-kwantitajiet ta' żjut minerali li ma ġewx użati fit-tħaddim tad-dreġer stess, iżda fit-trasferimenti tagħha stess.

12     Quddiem il-qorti tar-rinviju, Jan de Nul sostniet li l-attività tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama hija simili għal dik ta' bastiment speċjalizzat ta' navigazzjoni kummerċjali, li l-konsum tal-kombustibbli tiegħu taqgħa taħt l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81, u dan indipendentement mill-għan tal-vjaġġ ta' dan id-dreġer.

13     Il-Hauptzollamt sostna, quddiem din l-istess qorti, li s-settur li fih seħħ it-tħaddim tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama jikkostitwixxi passaġġ fuq l-ilma intern, b'mod li l-eżenzjoni li jistgħu japplikaw l-Istati Membri, kif prevista fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 92/81, taqa' taħt is-setgħa regolatorja ta' l-awtoritajiet nazzjonali.

14     Permezz ta' avviż ta' rettifika tas-27 ta' Diċembru 2004, il-Hauptzollamt emenda d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Novembru 2000 billi ħa in kunsiderazzjoni sentenza mogħtija fit-3 ta' Frar 2004 mill-Bundesfinanzhof, u aċċetta li l-konsum ta' żjut minerali matul il-vjaġġi bla tagħbija tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama għandu jibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa prevista mill-Artikolu 4(1)(4) tal-MinöStG. Konsegwentement, id-debitu fiskali ġie mnaqqas għall-ammont ta' DEM 164,372.74.

15     Għaldaqstant, il-partijiet fil-kawża prinċipali qablu li r-rikors kien sar bla skop għal dak li jirrigwarda l-elementi ta' l-ammont taxxabbli li taw lok għal dan it-tnaqqis fl-ammont ta' taxxa, u li l-kawża kienet limitata għall-kwistjoni jekk Jan de Nul għandhiex tħallas din it-taxxa fuq il-kwantità ta' żjut minerali kkunsmata matul il-manuvri dovuti għall-operazzjonijiet ta' tħammil tal-ħama.

16     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg ikkunsidra li, peress illi s-soluzzjoni għall-kwistjoni mressqa quddiemu kienet teħtieġ interpretazzjoni tal-kunċett ta' "navigazzjoni fl-ibħra Komunitarji", iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"a)      X'interpretazzjoni għandha tingħata lill-kunċett ta' ibħra Komunitarji fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81 meta mqabbel mal-kunċett ta' passaġġ fuq l-ilma intern fis-sens ta' l-Artikolu 8(2)(b), […] ta' l-imsemmija Direttiva?

b)      It-tħaddim fl-ibħra Komunitarji ta' dreġer li jiġbed u jistiva l-ħama (imsejjaħ dreġer li jġorr u jbattal il-ħama) għandu jitqies li huwa kollu kemm hu navigazzjoni fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81 jew għandha ssir distinzjoni bejn id-diversi tipi ta' attivitajiet li jitwettqu meta dan jitħaddem?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta' "ibħra Komunitarji", fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81, meta mqabbel mal-kunċett ta' "passaġġi fuq l-ilma interni", fis-sens ta' l-Artikolu 8(2)(b) ta' l-istess Direttiva.

18     Sabiex tingħata risposta għad-domanda li saret, għandu jiġi mfakkar, b'mod preliminari, li d-Direttiva msemmija ġiet adottata bis-saħħa ta' l-Artikolu 99 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 93 KE), li jagħti l-fakultà lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li jwaqqaf, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar id-dazji tas-sisa sa fejn din l-armonizzazzjoni tkun neċessarja sabiex tassigura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

19     Fil-kuntest tas-sistema armonizzata ta' l-istrutturi tad-dazji tas-sisa implementati fuq livell Komunitarju, id-Direttiva 92/81 tistipula, fl-Artikolu 8(1) tagħha, ċertu numru ta' eżenzjonijiet obbligatorji, bħal dik fir-rigward taż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f'ibħra Komunitarji, inkluż is-sajd, iżda mhux f'dgħajjes privati użati għad-divertiment.

20     Fir-rigward tal-kunċett ta' ibħra Komunitarji, li jidher fl-imsemmi paragrafu (1)(ċ), u li mhuwiex iddefinit, għandu jingħad li l-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għandha b'mod partikolari tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest u l-għan aħħari tal-liġi li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tas-7 ta' Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra. p. I-4983, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21     F'dan ir-rigward, jirriżulta mit-tielet u l-ħames premessa tad-Direttiva 92/81 li din għandha l-għan, minn naħa waħda, li tistabbilixxi ċertu numru ta' definizzjonijiet komuni għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija ta' żjut minerali li huma suġġetti għas-sistema ġenerali ta' dazji tas-sisa, kif ukoll, minn naħa l-oħra, li tistipula ċerti eżenzjonijiet fir-rigward ta' dawn il-prodotti u li huma mandatorji fuq livell Komunitarju.(ara s-sentenza ta' l-1 ta' April 2004, Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, C-389/02, Ġabra p. I-3537, punti 17 u 18). Jirriżulta wkoll, kemm mill-imsemmija premessi kif ukoll mit-titolu tad-Direttiva 92/81, li dawn id-definizjonijiet komuni u l-eżenzjonijiet stipulati huma mmirati biex jippromwovu l-istabbiliment u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u biex tiġi stabbilita sistema armonizzata ta' strutturi ta' dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali fuq livell Komunitarju.

22     Konsegwentement, id-definizzjonijiet relattivi għall-prodotti rregolati mid-Direttiva 92/81 u l-eżenzjonijiet applikabbli għal dawn ta' l-aħħar għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq il-kliem tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni kif ukoll fuq il-finalitajiet li għandha din id-Direttiva (ara s-sentenza Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).

23     Din l-interpretazzjoni awtonoma ta' l-imsemmija eżenzjonijiet hija essenzjali, b'mod partikolari għaliex l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81 jistipula l-obbligu ta' l-Istati Membri li ma jissuġġettawx għas-sisa armonizzata ż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għal-ċertu numru ta' attivitajiet imsemmija f'din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi ta' l-10 ta' Ġunju 1999, Braathens, C-346/97, Ġabra p. I-3419, punt 31, u Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20). Kull interpretazzjoni diverġenti fuq livell nazzjonali ta' l-obbligi ta' eżenzjoni stabbiliti mid-Direttiva 92/81 mhux biss tippreġudika l-għanijiet ta' armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u taċ-ċertezza legali, iżda tirriskja li tintroduċi inugwaljanzi fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati (ara s-sentenza Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

24     Dwar id-dispożizzjoni msemmija, għandu jingħad li l-eżenzjoni obbligatorja għaż-żjut minerali, użati bħala karburant għan-navigazzjoni f'ibħra Komunitarji, għandha l-iskop li tiffaċilita l-kummerċ intrakomunitarju, b'mod partikolari t-tranżitu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jistgħu jsiru fl-ibħra msemmija.

25     Permezz ta' l-eżenzjoni in kwistjoni, il-leġiżlatur Komunitarju ried jippromwovi l-ugwaljanza ta' ċerti kundizzjonijiet fiskali li fihom joperaw l-impriżi tat-trasport jew servizzi oħra li jużaw l-ibħra msemmija.

26     Isegwi li l-kunċett ta' ibħra Komunitarji għandu jinftiehem bħala li jinkludi l-ilmijiet kollha li fihom tiġi pprattikata normalment in-navigazzjoni marittima għal finijiet kummerċjali. In-navigazzjoni msemmija tirrigwarda l-bastimenti marittimi kollha, inklużi dawk li għandhom l-ikbar kapaċità.

27     Barra minn hekk, hekk kif qalet il-Kummissjoni, hija biss din l-interpretazzjoni li għandha n-natura li tiżgura l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ekonomiċi bejn il-portijiet marittimi tal-Komunità, indipendentement mis-sitwazzjoni ġeografika ta' kull port meta mqabbel ma' l-eqreb kosta, li minnha jseħħu l-attivitajiet imsemmija iktar 'il fuq.

28     Fl-aħħar nett, għandu jingħad li d-Direttiva 92/81 għandha wkoll l-għan li tassigura l-moviment liberu taż-żjut minerali fis-suq intern, kif ukoll li tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw mill-fatt li l-istrutturi tad-dazji tas-sisa huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-240/01, Ġabra. p. I-4733, punti 39 u 44).

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/81, li tirrigwarda l-applikazzjoni eventwali, mill-Istati Membri, ta' eżenzjonijiet u ta' tnaqqis totali jew parzjali tar-rata tas-sisa fuq iż-żjut minerali jew fuq prodotti oħra intiżi għall-istess użu li huma użati taħt kontroll fiskali, u b'mod partikolari l-kunċett ta' navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni, li jidher fl-imsemmi paragrafu 2(b), mhumiex elementi ta' interpretazzjoni determinanti fir-rigward tal-portata ta' l-eżenzjonijiet obbligatorji stipulati fil-paragrafu (1) ta' l-imsemmi Artikolu.

30     Fil-fatt, huwa stabbilit li bastimenti li huma adatti għan-navigazzjoni għal finijiet kummerċjali fuq ibħra marittimi jistgħu wkoll jipprattikaw dan fuq ċerti passaġġi fuq l-ilma interni sa ċerti portijiet bi tradizzjonijiet marittimi, għalkemm ma jinsabux fil-kosta. L-esklużjoni mill-kamp ta' l-eżenzjoni obbligatorja tan-navigazzjoni prattikata mill-mument meta din isseħħ fuq dawn il-passaġġi lejn il-portijiet bi tradizzjonijiet marittimi jkun ta' ħsara għall-kummerċ intrakomunitarju, peress li din l-esklużjoni, billi tiżvantaġġja lill-operaturi ekonomiċi relatati ma' din it-tip ta' navigazzjoni, għandha r-riskju li twaqqaf minn dawn il-portijiet parti mit-traffiku marittimu. Għaldaqstant, din tpoġġi lill-imsemmija operaturi f'sitwazzjoni sfavorevoli meta mqabbla ma' dawk li joperaw f'portijiet li jinsabu mal-kosta.

31     Għaldaqstant, l-iskema fakultattiva stabbilita mill-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 92/81 ma jistax ħlief ikollha karattru residwu, fis-sens li ma tkunx applikabbli għan-navigazzjoni minn passaġġi fuq l-ilma interni ħlief sakemm din issir barra mill-ibħra li fihom tista’ tiġi pprattikata n-navigazzjoni marittima għal finijiet kummerċjali.

32     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li l-kunċett ta' "ibħra Komunitarji", skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81, jirreferi għall-ilmijiet kollha li jistgħu jiġu użati mill-bastimenti marittimi kollha, inklużi dawk li għandhom l-ikbar kapaċità, li jistgħu jgħaddu minn passaġġi marittimi għal finijiet kummerċjali.

 Fuq it-tieni domanda

33     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ċerti operazzjonijiet ta' tħaddim ta' dreġer li jġorr u jbattal il-ħama humiex kapaċi li jitqiesu li jiffurmaw parti mill-kunċett ta' "navigazzjoni" skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81.

34     Kif jirriżulta mill-punt 15 ta' din is-sentenza, il-kwistjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali hi limitata għall-kwistjoni dwar jekk il-kwantità ta' żjut minerali kkunsmata matul il-manuvri dovuti għall-operazzjonijiet ta' tħammil humiex kapaċi li jibbenifikaw mill-eżenzjoni stipulata mill-imsemmija dispożizzjoni, peress li Jan de Nul aċċettat it-taxxa fuq il-kwantitajiet ta' żjut minerali użati għall-operazzjonijiet ta' ġbid u tar-rimi tal-materjali.

35     Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konsum taż-żjut minerali matul il-vjaġġi bla tagħbija tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama ġie aċċettat għall-benefiċċju ta' l-eżenzjoni tad-dazji tas-sisa.

36     Fir-rigward tal-kunċett ta' "navigazzjoni" fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 23 tas-sentenza tagħha Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq, qieset li kull attività ta' navigazzjoni għal finijiet kummerċjali tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa armonizzat previst minn din id-dispożizzjoni. Fil-punt 25 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-istess dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda distinzjoni fir-rigward ta' l-għan tan-navigazzjoni previst, peress li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija għandhom l-għan li jevitaw jistgħu jseħħu, tkun xi tkun it-tip ta' navigazzjoni kummerċjali in kwistjoni.

37     Għaldaqstant, jirriżulta mis-sentenza Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq, li l-għan tal-vjaġġ magħmul hu nieqes mir-rilevanza peress li jikkonsisti f'navigazzjoni li tinvolvi l-provvista ta' servizzi bi ħlas.

38     Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa stabbilit li d-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama għandu sistema ta' propulsjoni li tagħtih awtonomija fil-manuvri ta' l-ivjaġġar tiegħu. Għaldaqstant dan l-inġenju għandu l-karatteristiċi tekniċi neċessarji għan-navigazzjoni li jippermettulu li jagħmel din il-provvista ta' servizzi.

39     Fir-rigward ta’ l-iskema stipulata fl-Artikolu 8(2)(g) tad-Direttiva 92/81, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis totali jew parzjali tar-rata tad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali għal-operazzjonijiet ta' tħammil tal-ħama tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-portijiet, biżżejjed li jingħad, kif diġa ntqal fil-punt 29 ta' din is-sentenza, li din il-fakultà ta' eżenzjoni mogħtija lill-Istati Membri ma tistax taffettwa l-interpretazzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' l-istess Artikolu li għandha ssir.

40     Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda tkun li l-manuvri magħmula minn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama waqt operazzjonijiet ta' ġbid u tar-rimi tal-materjali, jiġifieri l-vjaġġi relatati ma' l-eżekuzzjoni ta' l-attivitajiet ta' tħammil, jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "navigazzjoni", skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81.

 Fuq l-ispejjeż

41     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba' Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta' "ibħra Komunitarji", skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE tat-22 ta' Diċembru 1994, jirreferi għall-ilmijiet kollha li jistgħu jiġu użati mill-bastimenti marittimi kollha, inklużi dawk li għandhom l-ikbar kapaċità, li jistgħu jgħaddu minn passaġġi marittimi għal finijiet kummerċjali.

2)      Il-manuvri magħmula minn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama waqt operazzjonijiet ta' ġbid u tar-rimi tal-materjali, jiġifieri l-vjaġġi relatati ma' l-eżekuzzjoni ta' l-attivitajiet ta' tħammil, jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "navigazzjoni", skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81, kif emendata mid-Direttiva 94/74.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.