Keywords
Summary

Keywords

1. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji

(Artikoli 56 KE u 58 KE; Direttiva tal-Kunsill 90/435, Artikolu 5(1))

2. Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Limiti

(Artikolu 234 KE)

3. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji

(Artikolu 56 KE)

Summary

1. L-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ meta l-limitu minimu ta’ ishma mill-kumpannija prinċipali fil-kapital tal-kumpannija sussidjarja stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, ma jintlaħaqx, tipprovdi taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija prinċipali f’dan l-Istat Membru lil kumpannija benefiċjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li teżonera minn din it-taxxa d-dividendi mħallsa lil kumpannija benefiċjarja li hija suġġetta, fl-ewwel Stat Membru, għal taxxa fuq il-kumpanniji jew li għandha, f’dan l-Istat Membru, stabbiliment permanenti li għandu l-ishma fil-kumpannija li tħallas id-dividendi.

Fil-fatt, trattament żvantaġġjuż bħal dan tad-dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta mqabbel mat-trattament riżervat għad-dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, jista’ jiddiswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jinvestu fl-Istat Membru kkonċernat, u konsegwentement, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li, fil-prinċipju, huwa pprojbit mill-Artikolu 56 KE.

Huwa veru li, fir-rigward ta’ miżuri previsti minn Stat Membru sabiex jimpedixxi jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ serje ta’ taxxi, jew it-tassazzjoni doppja ekonomika, fuq profitti mqassma minn kumpanniji residenti, l-azzjonisti residenti li jirċievu d-dividendi ma jinsabux neċessarjament f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ azzjonisti li jirċievu dividendi u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor. Madankollu, mill-mument li Stat Membru, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, jimponi t-taxxa fuq id-dħul mhux biss fuq l-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq azzjonisti mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ l-imsemmija azzjonisti mhux residenti toqrob għal dik ta’ l-azzjonisti residenti. Fil-fatt, huwa biss l-eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ serje ta’ taxxi jew ta’ tassazzjoni doppja ekonomika. F’każ bħal dan, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex residenti ma jiġux suġġetti għal restrizzjoni pprjobita fuq il-libertà ta’ stabbiliment, l-Istat li fih tirrisjedi l-kumpannija li tqassam id-dividendi għandu jassigura li, meta mqabbla mal-proċedura prevista fid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ serje ta’ taxxi jew tat-tassazzjoni doppja ekonomika, il-kumpanniji azzjonisti li mhumiex residenti jkunu suġġetti għal trattament ekwivalenti għal dak applikabbli għall-kumpanniji azzjonisti residenti. Dan mhuwiex il-każ meta tassazzjoni doppja ekonomika, li għaliha huma suġġetti dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija li tħallas id-dividendi, tirriżulta mill-eżerċizzju waħdieni minn dan l-Istat Membru tal-kompetenza fiskali tiegħu, li jissuġġetta dawn id-dividendi għat-taxxa fuq id-dividendi, filwaqt li għażel li jipprevjeni din it-tassazzjoni ekonomika doppja għall-kumpanniji benefiċjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment permanenti fl-istess Stat Membru u li għandhom ishma fil-kumpanija li tqassam id-dividendi.

Tali leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata la mill-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali u lanqas mill-ħtieġa li jiġi mħares it-tqassim bejn l-Istati Membri tas-setgħa ta’ tassazzjoni. Meta Stat Membru jkun iddeċieda li ma jintaxxax il-kumpanniji benefiċjarji li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul, ma tistax tiġi invokata l-ħtieġa li jiġi assigurat tqassim bilanċjat bejn l-Istati Membri tas-setgħa tat-tassazzjoni bil-għan li tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tal-kumpanniji benefiċjarji fi Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 28, 37-40, 59-61 u d-dispożittiv 1)

2. Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-imħallef nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li huwa responsabbli li jiddefinixxi, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali hija biss possibbli meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma’ jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li huma mressqa quddiemha. Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet tal-kawża prinċipali tikkontesta ċertu fatti, li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-kawża in kwistjoni.

(ara l-punti 64-65)

3. Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ kreditu ta’ taxxa sħiħ, mogħti unilateralment minn Stat Membru ieħor lil kumpannija benefiċjarja stabbilita f’dan l-Istat, sabiex jevita l-obbligu li jipprevjeni t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi li tirriżulta mill-eżerċizzju tas-setgħa tat-tassazzjoni tiegħu, f’każ fejn l-ewwel Stat Membru jipprevjeni t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi mqassma lil kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fit-territorju tiegħu. Meta Stat Membru jinvoka ftehim intiż sabiex jevita t-tassazzjoni doppja konkluż ma Stat Membru ieħor, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk għandux jittieħed in kunsiderazzjoni dan il-ftehim fil-kawża prinċipali, u skond il-każ, li jiġi vverifikat jekk din tippermettix in-newtralizzazzjoni ta’ l-effetti tar-restrizzjoni fuq il-movement liberu tal-kapital.

(ara l-punt 84 u d-dispożittiv 2)