SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
30 ta' Novembru 2006 (*)
"Kompetizzjoni – Ftehim ta' distribuzzjoni ta' vetturi bil-mutur – Eżenzjoni skond il-kategorija –Regolament (KE) Nru 1475/95 – Artikolu 5(3) – Rexissjoni mill-fornitur – Organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk –Dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 – Artikolu 4(1) – Restrizzjonijiet intranżiġenti – Konsegwenzi"
Fil-kawżi magħquda C-376/05 u C-377/05,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjonijiet tas-26 ta' Lulju 2005, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Ottubru 2005, fil-proċeduri
A. Brünsteiner GmbH (C-376/05),
Autohaus Hilgert GmbH (C-377/05)
vs
Bayerische Motorenwerke AG (BMW),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, A. Borg Barthet, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: K. Sztranc-Slawiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Settembru 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal A. Brünsteiner GmbH u Autohaus Hilgert GmbH, minn F. C. Genzow u C. Bittner, Rechtsanwälte,
– għal Bayerische Motorenwerke AG (BMW), minn R. Bechtold, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Whelan, K. Mojzesowicz u M. Schneider, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Settembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1475/95 tat-28 ta' Ġunju 1995, fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] (3) tat-Trattat lil ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni u servizz ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 145, p. 25) u ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE), Nru 1400/2002, tal-31 ta' Lulju 2002, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU L 203, p. 30).
2 Dawn id-domandi tressqu fil-kuntest ta' kawżi bejn A. Brünsteiner GmbH (iktar 'il quddiem "Brünsteiner"), Autohaus Hilgert GmbH (iktar 'il quddiem "Hilgert") u Bayerische Motorenwerke AG (iktar 'il quddiem "BMW") dwar il-legalità tar-rexissjoni, minn din ta' l-aħħar, bi preavviż ta' sena, tal-ftehim li hija kienet ikkonkludiet ma' Brünsteiner u Hilgert (iktar 'il quddiem "ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali") għad-distribuzzjoni fil-Ġermanja ta' vetturi bil-mutur tad-ditta BMW.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skond id-dsatax-il premessa tar-Regolament Nru 1475/95:
"Il-punti 2 u 3 ta' l-Artikoli 5(2) u 5(3) jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi ta' eżenzjoni għat-tul taż-żmien u r-rexissjoni tal-ftehim ta' distribuzzjoni u ta' servizz ta' bejgħ u ta' wara l-bejgħ peress li, minħabba l-investimenti tad-distributur sabiex itejjeb l-istruttura tad-distribuzzjoni u tas-servizz tal-prodotti kuntrattwali, id-dipendenza tad-distributur fuq il-fornitur tiżdied b'mod kunsiderevoli fil-każ ta' ftehim ta' terminu qasir jew li jkun jista’ jintemmu fi żmien qasir. Mandankollu, sabiex ma jiġix ostakolat l-iżvilupp ta' strutturi flessibbli u effikaċi ta' distribuzzjoni, il-fornitur għandu jingħata dritt straordinarju li jirrexxindi l-ftehim fil-każ ta' neċessità ta' organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk kollu jew parti sostanzjali tiegħu.[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1475/95 jeżenta, mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, il-ftehim li bihom fornitur jinkariga bejjiegħ bl-imnut awtorizzat sabiex jippromwovi d-distribuzzjoni tal-prodotti kuntrattwali f'territorju speċifiku u jimpenja ruħu li jirriżervalu, f'dan it-territorju, il-provvista ta' vetturi u ta' spare parts.
5 L-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmi Regolament jipprevedi li l-impenn li bih id-distributur jobbliga ruħu li josserva l-ħtiġijiet minimi fid-distribuzzjoni u fis-servizz ta' bejgħ u ta' wara l-bejgħ li jirrigwardaw, b'mod partikolari, it-tagħmir tal-bini kummerċjali jew it-tiswija u l-manutenzjoni tal-prodotti kuntrattwali ma jipprekludix l-eżenzjoni.
6 L-Artikolu 5(2) u l-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament nru 1475/95 jipprevedi:
"2. Meta d-distributur assuma l-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1) sabiex itejjeb l-istruttura tad-distribuzzjoni u tas-servizz ta' bejgħ u ta' wara l-bejgħ, l-eżenzjoni tapplika bil-kundizzjoni:
[…]
2) li t-tul taż-żmien tal-ftehim jkun mill-inqas ta' ħames snin jew li t-terminu ta' rexissjoni normali tal-ftehim konkluż għall-perijodu indeterminat ikun mill-inqas ta' sentejn għaż-żewġ partijiet; […]
[…]
3. Il-kundizzjonijiet ta' l-eżenzjoni previsti fil-paragrafi 1 u 2 ma jippreġudikawx:
– id-dritt tal-fornitur li jirrexxindi l-ftehim permezz ta' preavviż ta' mill-inqas sena fil-każ li tkun neċessarja l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk kollu jew parti sostanzjali tiegħu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Fil-fuljett ta' spjegazzjoni tagħha dwar ir-Regolament Nru 1475/95, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tiddikjara dan li ġej, fir-risposta għad-domanda 16(a) intitolata "Huwa possibbli li l-ftehim jintemm qabel?":
"Il-manufattur għandu d-dritt li jirrexxindi l-ftehim qabel (bi preavviż ta' sena) meta huwa għandu jorganizza mill-ġdid in-netwerk tiegħu kollu jew parti sostanzjali tiegħu. In-neċessità ta' organizzazzjoni mill-ġdid hija stabbilita bi ftehim komuni bejn il-partijiet jew, jekk id-distributur hekk jitlob, minn espert terz jew minn arbitru. Ir-rikors għal espert terz jew għal arbitru ma jippreġudikax id-dritt tal-partijiet li jressqu kawża quddiem qorti nazzjonali, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali [Artikolu 5(3)]. Meta l-fornitur jagħti lilu nnifsu fil-kuntratt dritt ta' rexissjoni unilaterali li jeċċedi l-limiti stabbiliti mir-regolament, huwa jitlef awtomatikament il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni skond il-kategorija [Artikolu 6(1)(5), ara l-punt 1.2 hawn fuq].
Din il-possibbiltà ta' rexissjoni minn qabel kienet ġiet introdottta sabiex il-manufattur ikun jista' jadatta mill-ġdid b'mod flessibbli s-sistema ta' distribuzzjoni tiegħu [premessa 19]. Jista' jkun neċessarju li ssir organizzazzjoni mill-ġdid minħabba l-imġiba ta' kompetituri jew minħabba l-iżvilupp ta' ċirkustanzi ekonomiċi, kemm jekk dan l-iżvilupp ikun ikkważat mid-deċiżjonijiet interni ta' manufattur kif ukoll minn avvenimenti esterni, bħall-għeluq ta' impriża li kienet timpjega ħafna ħaddiema f'reġjun partikolari. Minħabba l-ħafna sitwazzjonijiet li jistgħu jinħolqu, ma jkunx realistiku li jiġu elenkati r-raġunijiet possibbli kollha għal organizzazzjoni mill-ġdid.
Huwa l-eżami ta' l-organizzazzjoni speċifika tan-netwerk ta' manufattur li jippermetti li jiġi deċiż, f'kull każ, jekk parti "sostanzjali" tan-netwerk hijiex effettwata jew le. "Sostanzjali" timplika aspett kemm ekonomiku kif ukoll ġeografiku, li jista' jkun limitat għan-netwerk ta' Stat Membru partikolari, jew għal parti minn dan. F'kull każ, il-manufattur għandu jasal għal ftehim, kemm jekk ikun ma' l-espert terz, l-arbitru kif ukoll mad-distributur tiegħu li l-kuntratt ta' distribuzzjoni tiegħu ser jintemm, mingħajr ma jiġu kkonsultati d-distributuri l-oħra indirettament effettwati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Mill-1 ta' Ottubru 2002, ir-Regolament Nru 1475/95 ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE), Nru 1400/2002.
9 Skond it-tnax-il premessa ta' dan l-aħħar Regolament:
"Irrespettivament mill-qasam tas-suq tal-impriżi kkonċernati, dan ir-Regolament ma jkopriex ftehim vertikali li jinkludi ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severi u anti-kompetittivi (restrizzjonijiet intransiġenti/hardcore restrictions) li ġeneralment jirrestrinġu sew il-kompetizzjoni anke meta l-qasam tas-suq ikun baxx u li mhumiex indispensabbli għall-ottjeniment tal-effetti posittivi msemmija hawn fuq. Dan partikolarment jikkonċerna ftehim vertikali li jinkludu restrizzjonijiet bħala prezzijiet minimi jew stabbiliti ta’ dak li jista’ jerga’ jinbiegħ u, b’ċerti eżenzjonijiet, restrizzjonijiet tat-territorju f’liema, jew tal-klijenti għall-liema, distributur jew sewwej jista’ jbiegħ il-merkanzija appaltata jew servizzi. L-imsemmija ftehim m’għandhomx jibbenefikaw mill-eżenzjoni".
10 L-istess Regolament jipprovdi:
"Ir-[Regolament Nru. 1475/95] huwa applikabbli sat-30 ta’ Settembru 2002. Sabiex tippermetti l-operaturi kollha żmien biżejjed biex jaddattaw fteħim vertikali li hu kompatibbli ma’ dak ir-regolament u li għadu attwali meta l-eżenzjoni pprovduta hemmhekka tiskadi, huwa xieraq li dawn l-imsemmija fteħim jibbenefikaw minn perjodu transitorju sal-1 ta’ Ottubru 2003, matul dan iż-żmien għandhom ikunu eżenti mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) taħt dan ir-Regolament".
11 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1400/2002, intitolat "Restrizzjonijiet intransiġenti", jipprevedi fl-ewwel sentenza ta' l-ewwel paragrafu tiegħu, li l-eżenzjoni ma tapplikax għall-ftehim vertikali li għandhom bħala għan direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt ċerti restrizzjonijiet imniżżla f'din id-dispożizzjoni.
12 L-Artikolu 10 ta' dan l-istess Regolament jiddisponi:
"Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) mhux se tapplika waqt il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sat-30 ta’Settembru 2003 fir-rigward ta’ fteħim ga attwali fit-30 Settembru 2002 li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet ghall-eżenzjoni pprovduta f’dan ir-Regolament, imma li ssodisfaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni pprovduta fir-Regolament (KE) Nru 1475/95".
13 Fil-fuljett ta' spjegazzjoni tagħha dwar ir-Regolament Nru 1400/2002, il-Kummissjoni, fir-risposta għad-domanda 20, intitolata "Kif tipproċedi, matul il-perijodu tranżitorju, għar-rexissjoni ta' kuntratti li jikkonformaw mar-Regolament Nru 1475/95?", tiddikjara, b'mod partikolari, li:
"Il-fatt li r-Regolament Nru 1475/95 ma baqax fis-seħħ fit-30 ta' Settembru 2002 u ġie ssostitwit minn regolament ġdid, ma jimplikax li n-netwerk għandu de facto jiġi organizzat mill-ġdid. Mandankollu, manufattur ta' vetturi jista' jiddeċiedi li jorganizza mill-ġdid parti sostanzjali tan-netwerk tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament il-ġdid. Sabiex josserva r-Regolament Nru 1475/95 u, konsegwentement, jibbenefika mill-perijodu tranżitorju, il-preavviż ta' rexissjoni tal-kuntratt għandu jkun ta' sentejn, ħlief meta jiġi deċiż li ssir organizzazzjoni mill-ġdid jew meta jkun hemm obbligu ta' kumpens." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
14 Barra minn hekk, il-paragrafu 4 tar-rispsota għad-domanda 68, intitolata "Ir-Regolament jipprevedi terminu ta' rexissjoni minimu?", jipprovdi:
"In-neċessità ta' l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk hija kwistjoni oġġettiva u l-fatt li l-fornitur jiddeċiedi li din l-organizzazzjoni mill-ġdid hija neċessarja ma tirrisolvix il-kwistjoni fil-każ ta' kontroversja. F'dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali jew huwa l-arbitru li għandhom jiddeċiedu l-kwistjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
15 Fl-1996, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew ma' BMW ftehim ta' distribuzzjoni ta' vetturi bil-mutur immanifatturati minn din ta' l-aħħar. L-artikolu 11.6. ta' dan il-kuntratt jipprevedi dan li ġej:
"11.6. Rexissjoni minħabba organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta' distribuzzjoni
Jekk organizzazzjoni totali jew ta' parti essenzjali tan-netwerk ta' distribuzzjoni ta' BMW tkun neċessarja, BMW hija awtorizzata tirrexxindi l-kuntratt bi preavviż ta' tnax-il xhar.
Dan ikun il-każ ukoll meta s-sitwazzjoni ġuridika ġenerali li fiha qed iseħħ dan il-kuntratt tinbidel fuq punti essenzjali."
16 Fix-xahar ta' Settembru 2002, BMW irrexxindiet il-kuntratti kollha ta' distribuzzjoni tan-netwerk tagħha b'effett mit-30 ta' Settembru 2003, minħabba li r-Regolament Nru 1400/2002 involva bidliet ġuridiċi u strutturali kbar fis-settur tad-distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur. In segwitu ta' dan, BMW ikkonkludiet mal-biċċa l-kbira ta' l-ex distributuri tagħha kuntratti ġodda, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2003 u li ġew adattati għall-ħtiġijiet tar-Regolament Nru 1400/2002.
17 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ġewx offruti tali kuntratti. Għaldaqstant, huma ressqu rikorsi quddiem il-qrati Ġermaniżi sabiex jikkontestaw il-legalità tar-rexissjoni tal-kuntratti tad-distribuzzjoni, billi allegaw li dan seta' jsir biss wara l-iskadenza tat-terminu ta' preavviż ta' sentejn li kien seħħ fit-30 ta' Settembru 2004.
18 Fis-26 ta' Frar 2004, dawn ir-rikorsi ġew miċħuda fl-appell mill-Oberlandesgericht München minħabba li l-modifiki li rriżultaw mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 1400/2002 irrendew neċessarja organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta' distribuzzjoni ta' BMW. Skond din il-qorti, ir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni li, sa dak iż-żmien, kienu konformi mar-Regolament Nru 1475/95, issa jikkostitwixxu fil-fatt restrizzjonijiet intranżiġenti fis-sens ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1400/2002, b'tali mod li, anki mingħajr ir-rexissjoni tal-kuntratti ta' distribuzzjoni fit-30 ta' Settembru 2003, il-klawżoli kollha li jillimitaw il-kompetizzjoni inklużi fl-imsemmija kuntratti kienu jsiru invalidi fl-1 ta' Ottubru 2003. Issa, BMW ma setgħetx taċċetta, anki jekk sat-30 ta' Settembru 2004 biss, kuntratti ta' distribuzzjoni mingħajr il-klawżoli tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jew in-nuqqas ta' kwalunkwe kuntratt ta' distribuzzjoni jekk dawn kienu kollha invalidi skond id-dritt nazzjonali.
19 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof kontra dawn id-deċiżjonijiet.
20 Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, din il-qorti, filwaqt li osservat li, skond interpretazzjoni stretta bbażata fuq il-fuljetti ta' spjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolamenti Nri 1475/95 u 1400/2002, in-neċessità ta' organizzazzjoni mill-ġdid ma tistax tiġi ġġustifikata biss mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1400/2002, iżda minn żviluppi ekonomiċi, tqis li l-imsemmi dħul fis-seħħ jipproduċi inevitabbilment effetti fuq l-istruttura interna tas-sistemi ta' distribuzzjoni. Fil-fatt, mhux biss raġunijiet ekonomiċi, iżda wkoll raġunijiet ġuridiċi jistgħu jirrendu neċessarja l-organizzazzjoni mill-ġdid ta' netwerk ta' distribuzzjoni. Barra minn hekk, is-sistema ta' distribuzzjoni hija element strutturali ta' l-imsemmi netwerk. Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 1400/2002 irrenda n-neċessità ta' bidla ta' daqs mhux magħruf meta huwa waqaf jeżenta t-tagħqid tad-distribuzzjoni esklużiva mad-distribuzzjoni selettiva, sa dak iż-żmien mifruxa sew. Il-manifatturi kellhom jagħżlu waħda minn dawn iż-żewġ sistemi. Issa, fil-kuntest tad-distribuzzjoni selettiva, li kważi dejjem intgħażlet, il-limiti territorjali u l-protezzjoni tat-territorju tal-kunċessjonarji ma jistgħux jibqgħu jiġu awtorizzati. Barra minn hekk, il-bejgħ u s-servizz ta' wara l-bejgħ għandhom jiġu sseparati u l-esklużività tad-ditta hija fil-biċċa l-kbira eliminata.
21 Issa, jekk manifattur ma adattax il-kuntratti tiegħu jew ma rrexxindihomx u ma kkonkludiex oħrajn ġodda qabel l-iskadenza tal-fażi tranżitorja, il-klawżoli kollha li jirrestrinġu l-kompetizzjoni kienu jsiru, permezz ta' l-Artikolu 81 KE, invalidi mill-1 ta' Ottubru 2003, peress li r-restrizzjonijiet permessi mir-Regolament Nru 1475/95 jikkostitwixxu, in parti, restrizzjonijiet intranżiġenti fis-sens ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1400/2002, li jwasslu b'hekk għall-invalidità ta' l-eżenzjoni tal-klawżoli kollha li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ta' l-imsemmija kuntratti. Minn dan jirriżulta li, fi ħdan in-netwerk ta' distribuzzjoni, sitwazzjoni ġuridika doppja, li fiha d-distributuri li ma jkunux lesti jilħqu ftehim fuq adattament tal-kuntratt tagħhom mar-Regolament il-ġdid ikunu iktar liberi. Manifattur ma jistax jaċċetta tali problemi, anki għal sena.
22 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi anki jekk il-kwistjoni tal-legalità tat-rexissjoni tal-kuntratti ta' distribuzzjoni mhijiex, fil-verità, mingħajr skop. Fil-fatt, skond id-dritt nazzjonali, l-invalidità tal-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni tinvolvi l-invalidità totali tal-kuntratti in kwistjoni mill-1 ta' Ottubru 2003. Skond din il-qorti, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fil-fuljett tagħha ta' spjegazzjoni dwar ir-Regolament Nru 1400/2002 imorru, madankollu, kontra tali konsegwenza u jitolbu interpretazzjoni restrittiva ta' l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.
23 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, f'kull kawża li qed tidher quddiema:
1) L-[ewwel] inċiż ta’ l-[ewwel subparagrafu] ta' l-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 1475/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li n-neċessità ta' l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta' distribuzzjoni, jew parti sostanzjali tiegħu, u d-dritt tal-manifattur li jirrexxindi għal din ir-raġuni, bi preavviż ta' sena, il-kuntratti konklużi mal-kunċessjonarji tiegħu, jistgħu jirriżultaw ukoll mill-fatt li d-dħul fis-seħħ tar-[Regolament Nru 1400/2002] irrenda neċessarji l-bidliet kbar lis-sistema ta' distribuzzjoni li qabel kienu użati mill-manifattur u l-konċessjonarji tiegħu, sistema bbażata fuq ir-[Regolament Nru 1475/95] u awtorizzata minn dan ir-Regolament?
2) Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1400/2002] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni li jinsabu f'kuntratt ta' konċessjoni li jikkostitwixxu, skond dan ir-Regolament, restrizzjonijiet intranżiġenti ("black list" tal-klawżoli pprojbiti) ma wasslux, eċċezzjonalment, fl-iskadenza tal-perijodu ta' sena previst fl-Artikolu 10 ta' l-istess Regolament (30 ta' Settembru 2003), għall-invalidità, għall-klawżoli kuntrattwali kollha li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, ta' l-eżenzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, jekk dan il-kuntratt kien ġie konkluż matul il-validità tar-[Regolament Nru 1475/95], skond il-ħtiġijiet ta' dan ir-Regolament u eżenti minnu? Dan jgħodd f'kull każ, anki meta l-invalidità tal-klawżoli kuntrattwali kollha li jirrestrinġu l-kompetizzjoni għandha bħala konsegwenza, skond id-dritt Komunitarju, l-invalidità tal-kuntratt ta' konċessjoni kollu?"
24 Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Jannar 2006, il-kawżi C-376/05 u C-377/05 ġew magħquda għall-iskopijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
25 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fis-seduta, BMW ikkontestat il-validità tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Nru 1475/95, minħabba, essenzjalment, li dawn imorru kontra l-Artikolu 81(3) KE b'mod partikolari, minn naħa, peress li huma jissuġġettaw l-applikazzjoni ta' l-eżenzjoni skond il-kategorija għal restrizzjonijiet addizzjonali ta' kompetizzjoni li la huma indispensabbli u lanqas ta' vantaġġ għall-konsumaturi u, min-naħa l-oħra, peress li dawn huma motivati minn kunsiderazzjonijiet ta' ordni soċjali mingħajr ma huma konnessi mal-kompetizzjoni.
26 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tkun trid tagħmel. Fil-fatt huma l-qrati nazzjonali biss li għandhom il-każ quddiemhom li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li jintervjenu, biex jevalwaw, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta' kull kawża, kemm in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari biex ikunu f'pożizzjoni li jagħtu s-sentenza tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Marzu 1999, Castelletti, C‑159/97, Ġabra p. I‑1597, punt 14, u tas-6 ta' Lulju 2006, Kersbergen-Lap u Dams-Schipper, C-154/05, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).
27 Issa, permezz tad-domandi tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb biss l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 5 (2) u (3) tar-Regolament Nru 1475/95. Hija ma tindikax li hija tesprimi dubji rigward il-validità ta' dawn id-dispożizzjonijiet jew li tali kwistjoni tqajmet quddiemha fil-kontroversji fil-kawżi prinċipali.
28 F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Artikolu 234 KE ma jikkostitwixxix mezz ta' rikors miftuħ għall-partijiet fil-kontroversja pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi obbligata tevalwa l-validità tad-dritt Komunitarju għas-sempliċi raġuni li din il-kwistjoni kienet tqajmet quddiemha minn waħda mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta' Lulju 2000, ATB et, C-402/98, Ġabra p. I-5501, punti 30 u 31 u ta' l-10 ta' Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I-403, punt 28).
29 Konsegwentement, hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, mhemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Nru 1475/95, imqajma minn BMW.
Fuq l-ewwel domanda
30 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1400/2002 kienx ta' natura li jirrendi neċessarja l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta' distribuzzjoni kollu tal-fornitur jew ta' parti sostanzjali tiegħu fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1475/95 u, għaldaqstant, li tiġġustifika l-applikazzjoni tad-dritt ta' rexissjoni bi preavviż ta' sena previst f'din id-dispożizzjoni.
31 Għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tas-7 ta' Settembru 2006, Vulcan Silkeborg (C-125/05, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet diġà għal din id-domanda, billi ddeċidiet li jekk id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1400/2002 ma rrendiex, fih innifsu, neċessarja l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta' distribuzzjoni ta' fornitur fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 1475/95, l-imsemmi dħul fis-seħħ seta', madankollu, skond l-organizzazzjoni speċifika tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ kull fornitur, jirrendi neċessarji bidliet tant importanti li jikkostitwixxu organizzazzjoni mill-ġdid reali ta' l-imsemmi netwerk jew ta' parti sostanzjali tiegħu fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.
32 F'dan ir-rigward, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punti 59 sa 61 ta' din l-istess sentenza li, jekk ir-Regolament Nru 1400/2002 daħħal emendi sostanzjali fir-rigward tas-sistema ta' eżenzjoni skond il-kategorija stabbilita mir-Regolament Nru 1475/95, il-bidliet li jistgħu jsiru mill-fornituri fil-ftehim ta' distribuzzjoni tagħhom sabiex jassiguraw li dawn ikomplu jaqgħu taħt l-eżenzjoni skond il-kategorija, jistgħu jirriżultaw minn adattament sempliċi tal-kuntratti fis-seħħ fid-data li fiha dan l-aħħar Regolament ma baqax iktar applikabbli matul il-perijodu tranżitorju ta' sena previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1400/2002. Tali adattament la jinvolvi awtomatikament in-neċessità, fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli, tar-rexissjoni ta’ dawn il-kuntratti u lanqas, f’kull każ, dik ta’ l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta’ distribuzzjoni kollu jew ta’ parti sostanzjali tiegħu.
33 Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 64 tas-sentenza Vulcan Silkeborg, iċċitata iktar 'il fuq, huma l-qrati nazzjonali u l-korpi ta' arbitraġġ li għandhom jevalwaw, abbażi ta' l-elementi konkreti kollha tal-kawża mressqa quddiemhom, jekk il-bidliet mwettqa minn fornitur jikkostitwixxux, skond l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 1475/95, organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta' distribuzzjoni tiegħu jew parti sostanzjali tiegħu u jekk din kinitx neċessarja minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1400/2002.
34 F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punt 29 u 39 ta' din l-istess sentenza li, "l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk kollu jew ta’ parti sostanzjali tiegħu" fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-imsemmi Artikolu 5(3) teħtieġ modifika sinjifikattiva, kemm fuq livell materjali kif ukoll fuq livell ġeografiku, ta' l-istrutturi ta' distribuzzjoni tal-fornitur ikkonċernat, li tista' tirrigwarda, b'mod partikolari, in-natura jew il-forma ta' dawn l-istrutturi, l-għan tagħhom, l-allokazzjoni ta' karigi interni fi ħdan tali strutturi, il-modalitajiet tal-fornitura tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, in-numru jew il-kwalità tal-parteċipanti fl-imsemmija strutturi kif ukoll il-kopertura ġeografika tagħhom.
35 Għall-kuntrarju ta' dak sostnut f'dan il-każ mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jekk xejn ma jagħmilha neċessarja, xejn ma jeskludi li tali organizzazzjoni mill-ġdid tista' tirriżulta mill-modifika tal-klawżoli ta' ftehim ta' distribuzzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta' Regolament ġdid ta' eżenzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza Vulcan Silkeborg, iċċitata iktar 'il fuq, li r-Regolament Nru 1400/2002 daħħal emendi sostanzjali fir-rigward tas-sistema ta' eżenzjoni skond il-kategorija stabbilita mir-Regolament Nru 1475/95, billi jipprevedi regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti minnu għall-eżenzjoni ta' ċerti restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni li jirriżultaw mill-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 81(1) KE.
36 Fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1475/95 dwar in-"neċessità" ta' organizzazzjoni mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 37 tas-sentenza Vulcan Silkeborg, iċċitata iktar 'il fuq, li din il-kundizzjoni teħtieġ li l-organizzazzjoni mill-ġdid tkun tista' tiġi ġġustifikata b'mod plawżibbli minħabba raġunijiet ta' effikaċja ekonomika bbażati fuq ċirkustanzi oġġettivi interni jew esterni għall-impriża tal-fornitur li, fin-nuqqas ta' organizzazzjoni mill-ġdid malajr tan-netwerk ta' distribuzzjoni, jistgħu, fid-dawl ta' l-ambjent kompetittiv li fih jopera l-fornitur, jaffettwaw l-effikaċja ta' l-istrutturi eżistenti ta' l-imsemmi netwerk.
37 Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt biss li l-fornitur iqis, billi jibbaża ruħu fuq evalwazzjoni kummerċjali suġġettiva tas-sitwazzjoni tan-netwerk tiegħu ta' distribuzzjoni, li organizzazzjoni mill-ġdid ta' dan hija neċessarja, mhuwiex biżżejjed biex juri n-neċessità ta' tali organizzazzjoni fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1475/95. Min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi ekonomiċi sfavorevoli eventwali li fornitur jista' jsostni fil-każ fejn huwa jirrexxindi l-ftehim ta' distibuzzjoni permezz ta' preavviż ta' sentejn, huma, f'dan ir-rigward, rilevanti.
38 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1400/2002 ma jirrendix, fih innifsu, neċessarja l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta' distribuzzjoni ta' fornitur fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 1475/95. Madankollu, dan id-dħul fis-seħħ seta', skond l-organizzazzjoni speċifika tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ kull fornitur, jirrendi neċessarji l-bidliet tant importanti li jikkostitwixxu organizzazzjoni mill-ġdid reali ta' l-imsemmi netwerk fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Huma l-qrati nazzjonali u l-korpi ta' arbitraġġ li għandhom jevalwaw, abbażi ta' l-elementi konkreti kollha tal-kawża mressqa quddiemhom, jekk dan huwiex il-każ.
Fuq it-tieni domanda
39 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixitieq tkun taf jekk il-fatt li ftehim ta' distribuzzjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni previsti mir-Regolament Nru 1475/95 fih restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni pprojbiti mill-Artikolu 4 tar-Regolament jimplikax neċessarjament li, wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 10 ta' dan l-aħħar Regolament, l-eżenzjoni skond il-kategorija prevista minnu ssir inapplikabbli għar-restrizzjonijiet kollha ta' kompetizzjoni li jinsabu f'dan il-ftehim, b'mod partikolari meta, taħt dritt nazzjonali, jirriżulta li dan il-ftehim ikun kompletament invalidu.
40 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kwistjoni tqum fil-każ fejn ir-rexissjoni ta' ftehim bi preavviż ta' sena mwettqa wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1400/2002, bħal dik imwettqa minn BMW f'dan il-każ, hija meqjusa li tmur kontra l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 1475/95. Fil-fatt, skond il-qorti tar-rinviju, jekk tali ftehim, fin-nuqqas li jiġi rexiss legalment mill-fornitur, xorta jkun, taħt id-dritt nazzjonali, kompletament invalidu mill-1 ta' Ottubru 2003, dan ma jistax f'kull każ ikun eżekuttiv, kif qed jitolbu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għall-perijodu li jibqa' jiddekorri sat-30 ta' Settembru 2004. Din il-Qorti tistaqsi għaldaqstant jekk, eċċezzjonalment, l-Artikolu 4 tar-Regolament 1400/2000 m'għandux jiġi interpretat fis-sens li, fit-tali każ, din id-dispożizzjoni twassalx l-inapplikabbiltà ta' l-eżenzjoni skond il-kategorija għall-imsemmi ftehim.
41 Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1400/2002 jista', f'ċerti każijiet, jiġġustifika l-applikazzjoni tad-dritt ta' rexissjoni bi preavviż ta' sena previst fl-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 1475/95. Madankollu, hekk kif inhu indikat fil-punt 38 ta' din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju biss li tista' tevalwa, abbażi ta' l-elementi konkreti kollha tal-kawżi mressqa quddiemha, jekk il-kundizzjonijiet previsti f'din l-aħħar dispożizzjoni humiex sodisfatti fil-kawżi prinċipali.
42 F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ma jistax jiġi eskluż li r-rexissjoni tal-ftehim bi preavviż ta' sena mwettaq f'dan il-każ ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, għandha tingħata risposta wkoll għat-tieni domanda sabiex din il-qorti tingħata l-elementi kollha li jistgħu jkunu utli għas-sentenza tal-kawża mressqa quddiemha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta' April 2004, Weigel, C-387/01, Ġabra p. I‑4981, punt 44, u ta' l-21 ta' Frar 2006, Ritter‑Coulais, C‑152/03, Ġabra p. I‑1711, punt 29).
43 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1400/2002 huwa intiż, hekk kif jirriżulta mis-sitta u tletin premessa ta' l-imsemmi Regolament, li jistabbilixxi perijodu tranżitorju sabiex jagħti lill-operaturi kollha żmien biżejjed biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament il-ftehim li kienu kompatibbli mar-Regolament Nru 1475/95, li kienu għadhom fis-seħħ fid-data li fiha dan ikun waqaf li jkun applikabbli. Għal dan l-iskop, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 81(1) KE mhijiex applikabbli għal tali ftehim matul il-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2002 sat-30 ta' Settembru 2003.
44 B'hekk, mit-termini stess ta' l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1400/2002, jirriżulta b'mod ċar li l-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 81(1) KE kienet applikabbli mill-1 ta' Ottubru 2003 għall-ftehim li ma ġewx adattati biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni previsti mill-imsemmi Regolament.
45 Issa, skond il-kliem stess ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1400/2002, u hekk kif jirriżulta mit-tnax-il premessa tiegħu, l-eżenzjoni prevista mill-imsemmi Regolament ma tibbenefikax lill-ftehim li għandhom bħala għan minn ta' l-inqas waħda mir-restrizzjonijiet intranżiġenti elenkati fl-imsemmi Artikolu 4(1).
46 Minn dan jirriżulta, li għall-kuntrarju ta' dak li ssuġġerixxiet il-qorti tar-rinviju, u kif sostnew il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, wara l-iskadenza ta' l-imsemmi perijodu tranżitorju, l-eżenzjoni skond il-kategorija prevista mir-Regolament Nru 1400/2002 kienet, hekk kif indika ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, inapplikabbli għall-ftehim li, għalkemm konklużi skond ir-Regolament Nru 1475/95, kellhom bħala għan waħda mill-imsemmija restrizzjonijiet intranżiġenti.
47 Meta ftehim ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament ta' eżenzjoni, il-klawżoli kuntrattwali li jinsabu fih jistgħu jiġu pprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, jekk il-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti u jekk il-kundizzjoni ta' eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE ma jkunux sodisfatti.
48 Il-konsegwenzi tal-projbizzjoni tal-klawżoli kuntrattwali inkompatibbli ma' l-Artikolu 81 KE għall-elementi l-oħra tal-ftehim jew għal obbligi oħra li jirriżultaw minnhom ma jaqgħux, madankollu, taħt id-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skond id-dritt nazzjonali applikabbli, il-portata u l-konsegwenzi, għar-relazzjonijiet kuntrattwali kollha, ta’ projbizzjoni eventwali ta' ċerti klawżoli skond l-Artikolu 81 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta' Diċembru 1986, VAG France, 10/86, Ġabra. p. 4071, punti 14 u 15, u tat-30 ta' April 1998, Cabour, C-230/96, Ġabra p. I-2055, punt 51).
49 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu madankollu li, fid-dawl tas-supremazija ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1475/95 kif ukoll ta' l-Artikoli 4 u 10 tar-Regolament Nru 1400/2002, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat skond id-dritt Komunitarju, b'tali mod li l-projbizzjoni tal-klawżoli kuntrattwali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ma jimplikawx awtomatikament l-invalidità tal-ftehim sħiħ. Skondhom, tali konsegwenza tista' sseħħ biss jekk id-distributur jirrifjuta mingħajr raġuni serja l-klawżoli kuntrattwali proposti mill-fornitur sabiex jadatta ruħu għall-bidla tas-sitwazzjoni ġuridika.
50 Din it-teżi ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, meta ftehim għandu bħala għan waħda mir-restrizzjonijiet intranżiġenti mniżżla fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1400/2002, il-fatt li l-projbizzjoni tal-klawżoli restrittivi ta' dan il-ftehim tinvolvi, skond id-dritt nazzjonali, l-invalidità tal-ftehim sħiħ ma tmurx kontra d-dritt Komunitarju, peress li din id-dispożizzjoni, minn naħa tirrigwarda, hekk kif jirriżulta mit-tnax-il premessa ta' l-imsemmi Regolament, ir-restrizzjonijiet l-iktar severi għall-kompetizzjoni fis-settur in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, tiprevedi hi stess l-inapplikabblità ta' l-eżenzjoni skond il-kategorija għall-imsemmi ftehim kollu.
51 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1400/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst f’dan l-aħħar Regolament, l-eżenzjoni skond il-kategorija prevista minnu kienet inapplikabbli għall-kuntratti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni skond il-kategorija previsti mir-Regolament 1475/95 li kellhom bħala għan minn ta' l-inqas waħda mir-restrizzjonijiet intranżiġenti mniżżla fl-imsemmi Artikolu 4(1), b'tali mod li l-klawżoli kuntrattwali kollha li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jinsabu f'tali kuntratti setgħu jiġu pprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, jekk il-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE ma kinux sodisfatti.
Fuq l-ispejjeż
52 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE), Nru 1400/2002, tal-31 ta' Lulju 2002, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur, ma jirrendix, fih innifsu, neċessarja l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk ta' distribuzzjoni ta' fornitur fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1475/95 tat-28 ta' Ġunju 1995, fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] (3) tat-Trattat lil ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni u servizz ta’ vetturi bil-mutur. Madankollu, dan id-dħul fis-seħħ seta', skond l-organizzazzjoni speċifika tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ kull fornitur, jirrendi neċessarji bidliet tant importanti li jikkostitwixxu organizzazzjoni mill-ġdid reali ta' l-imsemmi netwerk fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Huma l-qrati nazzjonali u l-korpi ta' arbitraġġ li għandhom jevalwaw, abbażi ta' l-elementi konkreti kollha tal-kawża mressqa quddiemhom, jekk dan huwiex il-każ.
2) L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1400/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst f'dan l-aħħar Regolament, l-eżenzjoni skond il-kategorija prevista minnu kinitx inapplikabbli għall-kuntratti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni skond il-kategorija previsti mir-Regolament 1475/95, li kellhom bħala għan minn ta' l-inqas waħda mir-restrizzjonijiet intranżiġenti mniżżla fl-imsemmi Artikolu 4(1), b'tali mod li l-klawżoli kuntrattwali kollha li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jinsabu f'tali kuntratti setgħu jiġu pprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, jekk il-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE ma kinux sodisfatti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.