SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta' Jannar 2007 (*)

"Libertà ta' stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital –Artikoli 43 KE u 56 KE – Restrizzjonijiet għall-akkwist ta' installazzjonijiet agrikoli – Obbligu ta' l-akkwirent li jistabbilixxi r-residenza fissa tiegħu fuq proprjetà agrikola"

Fil-kawża C-370/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta' deċiżjoni ta' 5 ta' Ottubru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-10 ta' Ottubru 2005, fil-proċedura kriminali kontra

Uwe Kay Festersen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, J. Malenovský (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' Lulju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ppreżentati:

–       għal M. Festersen, minn K. Berning, advokat,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn P. Biering, advokat,

–       għall-Gvern Norveġiż, minn K. Moen u I. Holten, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta' Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura kriminali kontra U. Festersen minħabba li ma osservax l-obbligu li jistabbilixxi r-residenza fissa tiegħu fuq il-proprjetà agrikola li huwa kien akkwista fuq it-territorju tal-komun ta' Bov, fid-distrett tan-Nofsinhar ta' Jutland (id-Danimarka).

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3       Skond l-Artikolu 2 tal-liġi Daniża dwar l-agrikoltura (landbrugsloven) fil-verżjoni tagħha li toħroġ mill-adozzjoni ta' Liġi Nru 598 (lovbekendtgørelse nr. 598) tal-15 ta' Lulju 1999 (iktar 'il quddiem il-"liġi dwar l-agrikoltura"):

"1. Kull proprjetà agrikola hija suġġetta għal obbligu ta' użu agrikolu skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi preżenti.

2. Proprjetà agrikola tfisser proprjetà indikata bħala tali fir-reġistru ta' l-artijiet.

[…]"

4       L-Artikolu 4(6) tal-liġi dwar l-agrikoltura jipprovdi li:

"Meta proprjetà agrikola tiġi mqassma jew b'xi mod ieħor titnaqqas għal superfiċji li hija inqas minn 2 ettari, l-obbligu ta' użu agrikolu ma jibqax applikabbli, sakemm il-proprjetarju jixtieq li jibqa' japplika. […]"

5       Skond l-Artikolu 7 ta' l-istess liġi:

"1. Kull proprjetà agrikola għandha tiġi użata b'mod indipendenti u jkollha abitazzjonijiet adegwati, li minnhom l-artijiet jiġu kkultivati mill-abitanti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(4) u (6), ta' l-Artikolu 9(1) u (2) u ta' l-Artikolu 10.

2. Il-proprjetà għandha tintuża b'mod approprjat, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-possibbilitajiet li minnha jsir profitt ekonomiku, il-ħtiġijiet fir-rigward tas-saħħa ta' l-annimali domestiċi, kif ukoll in-natura u l-ambjent.

[…]".

6       L-Artikolu 16 ta' l-imsemmija liġi jiddisponi li:

"1. Kull persuna fiżika tista' takkwista proprjetà agrikola li tinsab f'żona rurali u li s-superfiċji tagħha tabqeż 30 ettaru, bil-kundizzjoni li:

[…]

4) l-akkwirent jistabilixxi residenza fissa fuq il-proprjetà fis-sitt xhur wara l-akkwist,

5) l-akkwirent juża huwa stess il-proprjetà

[…].

2. Proprjetà agrikola li s-superfiċji tagħha ma taqbiżx 30 ettaru tista' tiġi akkwistata sakemm l-akkwirent jissodisfa il-kundizzjonijiet previsti f'subparagrafu 1(1) sa (4).

[…]".

7       Skond l-Artikolu 18 tal-liġi dwar l-agrikoltura:

"1. Minbarra l-każijiet previsti fl-Artikoli 16, 17 u 17a, proprjetà agrikola li tinsab f'żona rurali ma tistax tiġi akkwistata mingħajr il-permess tal-Ministru ta' l-Alimentazzjoni, ta' l-Agrikoltura u tas-Sajd.

[…]

4. Il-Ministru jista' jawtorizza persuna takkwista proprjetà agrikola f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

1)      l-akkwist isir fid-dawl ta' l-użu previst fl-Artikolu 4(1)(1), u fejn jista' jkun mistenni li, fil-futur viċin, din il-proprjetà ser tiġi użata għal dan il-għan;

2)      l-akkwist isir għal skopijiet ta' qligħ fid-dawl ta' użu mhux agrikolu li tista' tiġi kkunsidrata bħala mixtieqa mill-perspettiva ta' l-interess pubbliku;

3)      l-akkwist isir sabiex jintlaħqu għanijiet speċifiċi, bħalma huma, b'mod partikolari, l-użu tal-proprjetà għal finijiet xjentifiċi, edukattivi, soċjali, terapewtiċi jew rikreattivi;

4)      l-akkwist isir fil-kuntest ta' operazzjoni bħalma hija l-ħolqien ta' witat ta’ art umdi jew ir-riabilitazzjoni ta' l-artijiet f'żoni naturali, jew

5)      fejn ċirkustanzi partikolari oħra jiġġustifikaw li jsir hekk.

[…]"

8       L-Artikolu 27(2) tal-liġi dwar l-agrikoltura jipprovdi li:

"Fejn talba għal awtorizzazzjoni sabiex wieħed jakkwista jew jikri proprjetà agrikola ma tkunx sottomessa fiż-żmien preskritt, il-[…] Ministru kompetenti jista' jordna lil proprjetarju jittrasferixxi l-proprjetà f'terminu ta' mill-inqas sitt xhur iżda mhux iktar minn sena, jew sabiex il-kerrej jew il-lokatarju itemm ir-relazzjoni kuntrattwali tiegħu fl-istess żmien. L-istess japplika fejn il-permess ġie miċħud jew skada, jew fejn il-kundizzjonijiet tal-permess ma ġewx sodisfatti. […]".

9       Skond l-Artikolu 33 ta' din il-liġi:

"1. Jista' jiġi ordnat iħallas multa kull min:

[…]

3) ma jikkonformax ruħu ma' inġunzjoni li ġiet indirizzata lilu skond l-Artikolu 8(5) u (7), l-Artikolu 9(5) jew l-Artikolu 27.

[…]"

10     Skond l-Artikolu 62 taċ-Ċirkolari Nru 26, tat-22 ta' Frar 2000, li tirrigwarda l-liġi dwar l-agrikoltura:

"Awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 18 tal-liġi [dwar l-agrikoltura] fid-dawl ta' akkwist ta' proprjetà agrikola b'eżenzjoni għal żmien indeterminat ta' l-obbligu ta' residenza previst fl-Artikolu 16(1)(4), ma tistax tingħata ħlief f'ċirkustanzi speċifiċi ħafna. Per eżempju, fil-każ fejn huwa impossibbli, minħabba l-karatteristiċi tal-post, li jiġi osservat l-obbligu ta' residenza matul il-parti 'l kbira tas-sena. Id-dispożizzjoni għandha jkollha applikazzjoni restrittiva."

11     Skond l-Artikolu 4(1) ta' l-Ordni Nru 627, tas-26 ta' Lulju 1999, dwar il-kundizzjonijiet ta' taħriġ u ta' residenza marbuta mal-liġi dwar l-agrikoltura (bekendtgørelse nr. 627 af 26. juli 1999 om uddannelseskrav og bopælskrav m.v. i henhold til landbrugsloven), l-obbligu ta' residenza fissa fuq proprjetà agrikola jippresupponi li l-persuna tgħix b'mod stabbli u kontinwu fuqha u li jorqod hemm, ħlief f'ċirkustanzi speċifiċi għal żmien determinat. L-imsemmija persuna jkollha tiġi rreġistrata fir-reġistru tar-residenti tal-komun bħala li jirrisjedi fl-imsemmija proprjetà, b'tali mod li din tikkonsisti fir-residenza prinċipali tiegħu għal skopijiet fiskali.

12     L-Artikolu 4(2) ta' l-istess ordni jipprovdi li l-akkwirent irid jissodisfa l-obbligu ta' residenza għal tmien snin mid-data ta' l-akkwist ta' proprjetà agrikola.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     U. Festersen, ċittadin Ġermaniż, kien akkwista, fl-1998, fid-distrett tan-Nofsinhar ta' Jutland proprjetà deskritta, skond ir-reġistru ta' l-artijiet, bħala proprietà agrikola. Din kienet tikkonsisti f'żewġ plottijiet, wieħed ta' 24 ettaru li jinsab f'żona urbana u li jista' jinbena, u l-oħra ta' 3,29 ettari f'żona rurali u li hija wita.

14     Peress illi l-persuna kkonċernata ma ssodisfatx l-obbligu li tistabbilixxi r-residenza tagħha fuq din il-proprjetà, il-Kummissjoni Agrikola tad-distrett tan-Nofsinhar ta' Jutland intimatha sabiex tirregola s-sitwazzjoni tagħha, u ordnatha, fit-8 ta' Settembru 2002, li tittrasferixxi l-proprjetà tagħha f'terminu ta' sitt xhur, sakemm ma tkunx, sadanittant, irregolarizzat is-sitwazzjoni tagħha billi tottjeni eżenzjoni mill-obbligu ta' użu agrikolu jew billi tissodisfa l-kundizzjoni ta' residenza.

15     Fis-16 ta' Lulju 2001, l-imsemmija kummissjoni tat lil U. Festersen terminu ġdid ta' sitt xhur sabiex jittrasferixxi l-propretà tiegħu, sakemm ma jieħux, qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu, il-miżuri neċessarji jew billi jnaqqas il-proprjetà għal inqas minn 2 ettari u jottjeni, fl-istess żmien, eżenzjoni mill-obbligu ta' użu agrikolu, jew inkella billi jistabbilixx r-residenza tiegħu hemmhekk.

16     Fit-18 ta' Awwissu 2003, U. Festersen ġie kkundanat mill-qorti lokali ta' Gråsten għal multa ta' 5 000 DKK talli kiser l-Artikoli 33(1)(3) u 27(2) tal-liġi dwar l-agrikoltura, safejn huwa ma kkonformax ruħu ma' l-inġunzjoni tal-Kummissjoni Agricola tad-distrett tan-Nofsinhar ta' Jutland. Huwa ġie ikkundannat ukoll għal pagament ta' penalità ta' 5 000 DKK għal kull xahar li jittardja jekk ma jkunx ikkonforma ruħu ma' din l-inġunzjoni qabel l-ewwel ta' Diċembru 2003.

17     U. Festersen, li kien stabbilixxa ruħu fil-proprjetà fit-12 ta' Ġunju 2003, huwa rreġistrat fir-reġistru tar-residenti tal-komun ta' Bov bħala li jirrisjedi f'dan l-indirizz mit-12 ta' Settembru 2003.

18     Huwa appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Vestre Landsret u talab li tiġi annullata. L-uffiċċju tal-prosekutur talab il-konferma tad-deċiżjoni mogħtija fil-prim'istanza.

19     U. Festersen u l-uffiċċju tal-prosekutur ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-obbligu ta' residenza previst mil-liġi dwar l-agrikoltura huwiex kompatibbli mal-prinċipji tal-libertà ta' stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital previsti fl-Artikoli 43 KE u 56 KE.

20     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vestre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludu Stat membru milli jissuġġetta l-akkwist ta' proprjetà agrikola għall-kundizzjoni li min jakkwistaha jkollu jistabbilixxi r-residenza fissa tiegħu fiha?

2)      Hemm għalfejn ukoll, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-proprjetà ma tistax tikkonsisti f'installazzjoni agrikola li topera b'mod indipendenti, u li l-bini għall-użu residenzjali jinsab f'żona urbana?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju issaqsi essenzjalment jekk id-dispożizzjonijiet tar-Trattat KE dwar id-dritt ta' stabbiliment (Artikolu 43 KE) u l-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56 KE) jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali milli tissuġġetta l-akkwist ta' proprjetà agrikola għall-kundizzjoni li min jakkwistaha jkollu jistabbilixxi r-residenza fissa tiegħu fiha.

22     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li wieħed jakkwista, li juża u jneħħi proprjetà immobbli fuq it-territorju ta' Stat membru ieħor, li huwa parti neċessarja tal-libertà ta' stabbiliment, kif jirriżulta mill-Artikolu 44(2)(e) KE (sentenza tat-30 ta' Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 305/87, Ġabra p. 1461, punt 22), jiġġenera, meta dan jintuża, movimenti ta' kapital (sentenza tal-5 ta' Marzu 2002, Reisch et, C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra. p. I-2157, punt 29).

23     Il-moviment ta' kapital jinkludi l-operazzjonijiet li bihom persuni li mhumiex residenti jidħlu għal investimenti immobbiljari fit-territorju ta' Stat Membru, kif jirriżulta min-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, ta' l-24 ta' Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu abrogat permezz tat-Trattat ta' Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5), fejn din in-nomenklatura għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta' movimenti tal-kapital (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Marzu 1999, Trummer u Mayer, C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 21, tal-11 ta' Jannar 2001, Stefan, C-464/98, Ġabra p. I-173, punt 5; Reisch et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30, u ta' l-14 ta' Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22).

24     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment tal-kapital. F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza kostanti li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu wkoll dawk li huma ta' natura li jiddisswadu dawk li mhumiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu r-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stat Membru ieħor (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta' Frar 2006, Van Hilten-van der Heijden, C-513/03, Ġabra. p. I-1957, punt 44).

25     Jekk il-leġiżlazzjoni Daniża dwar l-agrikoltura ma tiddiskriminax bejn iċ-ċittadini Daniżi u ċ-ċittadin minn Stati membri oħra ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, xorta jibqa' l-fatt li l-kundizzjoni ta' residenza li timponi u li ma tistax tingħata eżenzjoni minnha ħlief bil-permess tal-Ministru għall-Agrikoltura tirrestrinġi l-libertà tal-moviment tal-kapital.

26     Tali miżura tista' madankollu tiġi ammessa bil-kundizzjoni li hija tipprova tilħaq għan ta' interess pubbliku, li tiġi applikata b'mod mhux diskriminatorju u li tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, jiġifieri għandha tkun tali li tiggarantixxi li l-għan li jrid jintlaħaq jiġi milħuq u ma teċċeddix dak li hu neċessarju għal dan l-iskop (sentenzi ta' l-1 ta' Ġunju 1999, Konle, C-302/97, Ġabra p. I 3099, punt 40; Reisch et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, u tat-23 ta' Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C-452/01, Ġabra p. I 9743, punt 34).

27     Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar it-tilħiq ta' għan ta' interess pubbliku, il-Gvern Daniż isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija intiża, l-ewwel nett, sabiex tippreserva l-ħidma fl-artijiet agrikoli permezz ta' okkupazzjoni diretta tal-proprjetà, li tikkostitwixxi waħda mill-forom ta' biedja tradizzjonali fid-Danimarka, u li twassal sabiex il-proprjetajiet agrikoli huma b'mod predominanti okkupati u maħduma mill-proprjetari tagħhom, it-tieni nett, sabiex iżżomm, bħala miżura ta' ippjanar tat-territorju, popolazzjoni permanenti f'post rurali, u t-tielet nett, sabiex tiffavorixxi użu raġonevoli ta' l-artijiet disponibbli fil-ġlieda kontra l-pressjoni fuq l-artijiet.

28     Tali għanijiet jippreżentaw fihom infushom karattru ta' interess pubbliku u jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għall-libertà tal-moviment tal-kapital (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Konle, punt 40; Reisch et, punt 34, kif ukoll Ospelt u Schlössle Weissenberg, punti 38 et 39). Barra minn hekk, kif isostnu l-Gvern Daniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, dawn l-għanijiet jikkorrispondu għal dawk tal-politika agrikola komuni, liema politika hija, skond l-Artikolu 33(1) KE, intiża sabiex "tassigura [...] livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola" u li tfassil tagħha għandha tieħu in kunsiderazzjoni, skond l-Artikolu 33(2)(a), "il-karattru partikolari ta' l-attivita agrikola, li joħroġ mill-istruttura soċjali agrikola u mid-disparità strutturali u naturali ta' bejn id-diversi reġjuni agrikoli" (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Ospelt u Schlössle Weissenberg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

29     Fir-rigward tal-kundizzjoni ta' proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta' l-akkwirent li jistabbilixxi r-residenza fissa tiegħu fuq il-proprjetà agrikola akkwistata jikkostitwixxix, kif isostnu l-Gvern Daniż u l-Gvern Norveġjiż, miżura approprjata u neċessarja għat-tilħiq ta' l-għanijiet imsemmija fil-punt 27 tal-kawża preżenti.

30     F'dak li jirrigwarda n-natura xierqa tal-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li din ma tirrigwarda xejn ħlief obbligu ta’ residenza, u ma tikkostitwixxix, għall-akkwirent ta’ proprjetà agrikola li hija inqas minn 30 ettaru, obbligu li juża l-proprjetà huwa stess. Għaldaqstant, ma jidhirx li tali miżura tiggarantixxi fiha nfisha t-tilħiq ta’ l-għan allegat intiż għall-preżervazzjoni tal-forma ta’ biedja tradizzjonali permezz ta' okkupazzjoni diretta tal-proprjetà.

31     Huwa minnu illi, għal dak li jirrigwarda t-tieni għan li għandha l-liġi dwar l-agrikoltura, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ residenza jista’ jwassal sabiex jikkontribwixxi, skond id-definizzjoni tiegħu, għaż-żamma tal-populazzjoni f’lok rurali u huwa maħsub, barra minn hekk, sabiex jiġi ssodisfatt mill-ħaddiema agrikoli, b'konformità ma' waħda mill-għanijiet ġenerali tal-liġi dwar l-agrikoltura intiżi li jiffavorixxu l-metodu ta’ biedja permezz ta' okkupazzjoni diretta tal-proprjetà sabiex b’hekk jużaw huma stess il-mezzi ta’ produzzjoni tagħhom.

32     Madankollu, għandu jiġi osservat li, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fenomeni simultanji tat-tnaqqis fin-numru ta’ installazzjonijiet agrikoli u tar-raggruppament tagħhom, kif jirrizultaw mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li ma ġewx ikkontestati waqt is-seduta, l-għan intiż għaż-żamma tal-popolazzjoni f’lok rurali ma jistax jintlaħaq meta l-operazzjoni ta’ akkwist issir preċiżament minn ħaddiem agrikolu li jirrisjedi diġà fuq installazzjoni agrikola oħra. F’tali sitwazzjoni, l-obbligu ta’ residenza ma jiggarantixxix li jintlaħaq tali għan u, għaldaqstant, ma jidhirx li tali obbligu huwa fir-realtà approprjat sabiex jilħaq tali għan.

33     Fir-rigward tat-tielet għan li tipprova tilħaq il-liġi dwar l-agrikoltura, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ residenza huwa intiż sabiex jitnaqqas in-numru ta’ akkwirenti potenzjali tal-proprjetatjiet agrikoli u li, bħala konsegwenza, jista’ jnaqqas il-pressjoni fuq l-artijiet. Għaldaqstant, jista’ jiġi aċċettat li leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha tali obbligu, intiż sabiex jevita l-akkwist ta’ art agrikola għal raġunijiet purament spekulattivi, u li b'hekk twassal sabiex jiffaċilita l-approprazzjoni ta’ dawn l-artijiet preferibbilment minn persuni li jixtiequ jikkultivawhom, tipprova tilħaq għan ta' interess pubbliku fi Stat Membru fejn l-artijiet agrikoli jikkostitwixxu inkontestabbilment riżorsa naturali limitata.

34     Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta' residenza jikkostitwixxix miżura li ma tmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan.

35     F'tali evalwazzjoni, għandha tiġi kkunsidrata ċ-ċirkustanza fejn l-imsemmi obbligu jostakola mhux biss il-libertà tal-moviment tal-kapital iżda wkoll id-dritt ta' l-akkwirent li jagħżel liberament ir-residenza tiegħu, dritt li huwa madankollu ggarantit lilu mill-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (aktar 'il quddiem il-"KEDB").

36     Skond l-Artikolu 6(2) UE, ""[l-]Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB], u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità" (sentenza tas-27 ta' Ġunju 2006, Il-Paralment vs Il-Kunsill, C-540/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).

37     Għaldaqstant, l-obbligu ta' residenza jfixkel dritt fundamentali ggarantit mill-KEDB u għalhekk jirriżulta bħala partikolarment restrittiv. Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit jekk jistgħux jiġu adottati xi miżuri inqas restrittivi minn dan l-obbligu.

38     F'dan ir-rigward, il-Gvern Daniż isostni li l-obbligu in kwistjoni ma jistax jiġi ssostitwit minn miżuri inqas restrittivi u li jippreżentaw l-istess effikaċja biex jevitaw li l-prezzijiet ta' l-artijiet agrikoli ddestinati għall-produzzjoni jiġu affettwati minn talba mmotivata biss mix-xewqa li jsiru xi investimenti għad-dannu tal-bdiewa professjonali.

39     Għalkemm dan il-Gvern isostni li l-unika soluzzjoni li tibqa’ sabiex jinżammu l-prezzijiet għal-livell mixtieq hija li l-Istat jirregola l-prezzijiet, huwa ma jippreċiżax, madankollu, għalfejn tali miżura tkun iktar restrittiva mill-obbligu ta' residenza. Lanqas ma ġġustifika għalfejn miżura oħra, imsemmija fil-proċess, ta' inċentivi għall-kiri ta' residenzi akkwistati fuq proprjetà agrikola tirriżulta bħala iktar restrittiva minn dan l-obbligu. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-imsemmi Gvern la pprovda għal u lanqas evalwa xi miżuri oħrajn li jistgħu jkunu, jekk ikun il-każ, ta' inqas preġudizzju għall-moviment liberu tal-kapital, bħalma huma d-dispożizzjonijiet ta' taxxa iktar għolja għal min jerġa jbiegħ l-artijiet wara ftit żmien biss li jkun akkwistahom, jew ukoll il-ħtieġa ta' terminu minimu sinjifikattiv għall-kuntratti ta' kiri ta' l-artijiet agrikoli.

40     Għalhekk, xejn minn dak li ntqal qabel jista' jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li l-obbligu ta' residenza huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan in kwistjoni.

41     Anki jekk jiġi meqjus li l-imsemmi obbligu huwa rikonoxxut bħala miżura neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan in kwistjoni peress illi huwa jipproduċi, fih innifsu, effetti pożittivi fis-suq ta' l-artijiet (fid-dawl tar-restrizzjonijiet involuti fil-bidla ta’ residenza li bħala konsegwenza jiskoraġġixxu l-operazzjonijiet ta' spekulazzjoni fuq l-artijiet), għandu jiġi rrilevat li, billi dan l-obbligu jinvolvi wkoll il-kundizzjoni li r-residenza tinżamm għal mill-inqas tmien snin, tali kundizzjoni supplementari tmur evidentement lilhinn minn dak li jista' jiġi kkunsidrat bħala neċessarju, b'mod partikolari għaliex timplika s-sospenzjoni għal żmien twil tal-libertà li wieħed jagħżel ir-residenza tiegħu.

42     Huwa minnu illi, kif isostni l-Gvern Daniż, l-Artikolu 18 tal-liġi dwar l-agrikoltura jippermenti lill-Ministru ta' l-Alimentazzjoni, ta' l-Agrikoltura, u tas-Sajd li jawtorizza l-akkwist ta' proprjetà agrikola flimkien ma' eżenzjoni għal żmien indefinit ta' l-obbligu ta' residenza. Madankollu, skond iċ-ċirkolari Nru 26, l-eżerċizzju ta' din il-kompetenza hija limitata b'mod strett għal "Ċirkustanzi speċifiċi ħafna" u titlob "applikazzjoni restrittiva".

43     Barra minn hekk, billi jipprovdi eżempju wieħed biss ta' tali ċirkustanzi, l-imsemmi ċirkolari ma jindikax lill-akkwirenti potenzjali s-sitwazzjonijiet speċifiċi u oġġettivi li fihom deroga mill-obbligu ta' residenza tingħata jew tiġi miċħuda. Tali nuqqas ma jippermettix lill-persuni jkunu jafu l-estent tad-drittijiet u ta' l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 56 KE, b’mod li tali sistema għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-4 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99, Ġabra p. I-4781, punt 50; kif ukoll tat-13 ta' Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-463/00, Ġabra p. I-4581, punti 74 u 75). F'kull każ, ma jidhirx li din is-sistema tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni li mhumiex residenti fid-Danimarka, sabiex tevita applikazzjoni diskriminatorja.

44     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu ta' residenza, speċjalment għaliex jinvolvi fil-kawża preżenti kundizzjoni ta' terminu ta' tmien snin, li għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-akkwist ta' proprjetà agrikola ta' inqas minn 30 ettaru, ma jidhirx li huwa miżura proporzjonata ma' l-għan in kwistjoni u jikkostitwixxi għaldaqstant restrizzjoni tal-libertà tal-moviment tal-kapital li hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 56 KE.

45     Għandu jiġi kkunsidrat li l-Gvern Daniż isostni wkoll li l-obbligu ta' residenza in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi wkoll aċċettat minħabba d-deroga prevista fil-Protokoll Nru 16 anness mat-Trattat li tgħid li "[m]inkejja d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, id-Danimarka tista' żżomm il-leġiżlazzjoni tagħha fis-seħħ fir-rigward ta' l-akkwist ta' residenzi sekondarji".

46     F'dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-obbligu ta' stabbiliment ta' residenza fuq il-proprjetà agrikola akkwistata japplika indipendentement mill-fatt li r-residenza in kwistjoni hijiex prinċipali jew sekondarja. Għaldaqstant, il-Protokoll Nru 16 ma jistax jiġi invokat b'mod utli sabiex jiġi ġġustifikat tali obbligu.

47     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, mhuwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-kwistjonijiet ta' interpretazzjoni li jirrigwardaw l-Artikolu 43 KE.

48     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 56 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali milli tissuġetta l-akkwist ta' proprjetà agrikola għall-kundizzjoni li l-akkwirent jistabbilixxi r-residenza fissa tiegħu fuq din il-proprjetà.

 Fuq it-tieni domanda

49     Permezz tat-tieni domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment dwar jekk l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 56 KE li titlob l-ewwel domanda tkunx differenti fil-każ fejn il-proprjetà agrikola akkwistata ma tikkonsistix f'installazzjoni agrikola vijabbli u fejn il-bini għall-użu residenzjali jinsab f'żona urbana.

50     Jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda li l-Artikolu 56 KE jipprekludi l-obbligu ta' residenza in kwistjoni indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari marbuta mal-karatteristiċi proprji tal-proprjetà agrikola kkonċernata. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi bħal dawk invokati mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha huma irrilevanti għall-interpretazzjoni ta' l-imsemmi artikolu.

51     Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li din l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 56 KE ma tkunx differenti fil-każ fejn il-proprjetà agrikola akkwistata ma tikkonsistix f'installazzjoni agrikola vijabbli u fejn il-bini għall-użu residenzjali jinsab f'żona urbana.

 Fuq l-ispejjeż

52     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 56 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali milli tissuġetta l-akkwist ta' proprjetà agrikola għall-kundizzjoni li l-akkwirent jistabbilixxi r-residenza fissa tiegħu fuq din il-proprjetà.

2)      Din l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 56 KE ma tkunx differenti fil-każ fejn il-proprjetà agrikola akkwistata ma tikkonsistix f'installazzjoni agrikola vijabbli u fejn il-bini għall-użu residenzjali jinsab f'żona urbana.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.