Kawża C-331/05 P
Internationaler Hilfsfonds eV
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Rabta kawżali — Spejjeż relatati mal-proċeduri quddiem l-Ombudsman Ewropew”
Sommarju tas-Sentenza
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet
(Artikolu 288(2) KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 91( b))
Il-fatt li l-ispejjeż relatati mal-proċeduri quddiem l-Ombudsman Ewropew ma jinġabrux lura skond l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa bħala prinċipju mingħajr rilevanza għall-kwistjoni dwar jekk dawn l-ispejjeż jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE. L-imsemmi Artikolu 91 huwa applikabbli biss għall-ispejjeż magħmula fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, bl-esklużjoni tal-fażi li tippreċedi din. Id-dritt li l-ispejjeż tal-proċedura jinġabru lura u d-dritt għad-danni huma bħala prinċipju suġġetti għal kundizzjonijiet differenti u b’hekk, huma indipendenti wieħed mill-ieħor.
F’dak li jikkonċerna r-rabta kawżali meħtieġa, kemm ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll dawk tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdu li l-ispejjeż tal-proċedura esposti mill-partijiet jistgħu jinġabru lura biss jekk kienu meħtieġa għall-finijiet tal-proċedura. Bil-kontra, ir-rabta kawżali meħtieġa fil-kuntest ta’ l-Artikolu 288(2) KE, hija stabbilita peress li d-dannu huwa l-konsegwenza diretta ta’ l-att illegali in kwistjoni.
Madankollu, il-kompetenza ta’ l-Ombudsman Ewropew tirriżulta mill-għażla libera tal-persuni interessati. L-ispejjeż, hekk magħmula b’mod liberu mill-persuna li għamlet l-ilment, ma jistgħux, għalhekk, jiġu kkunsidrati bħala dannu li jista’ jiġi impost fuq l-istituzzjoni in kwistjoni.
(ara l-punti 22-23, 27)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
28 ta’ Ġunju 2007 (*)
“Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rabta kawżali – Spejjeż relatati mal-proċeduri quddiem l-Ombudsman Ewropew”
Fil-kawża C-331/05 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-2 ta’ Settembru 2005,
Internationaler Hilfsfonds eV, stabbilita f’Rosbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Kaltenecker u S. Krüger, Rechtsanwälte,
rikorrenti
il-parti l-oħra fil-kawża li hija
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M.-J. Jonczy u S. Fries, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, P. Kūris, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen u J.-C. Bonichot, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ l-appell tagħha, l-Internationaler Hilfsfonds eV (aktar ’il quddiem “IH”) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (T‑294/04, Ġabra p. II‑2719, aktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”), li permezz tiegħu l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha bħala manifestament mhux fondat, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, intiż li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tiġi ordnata tikkumpensa d-dannu allegatament subit, dannu kkostitwit mill-ispejjeż ta’ l-avukati sostnuti matul it-tliet proċeduri ta’ lment quddiem l-Ombudsman Ewropew.
Il-kuntest ġuridiku
2 Fid-9 ta’ Marzu 1994 il-Parlament Ewropew adotta d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta’ l-obbligi ta’ l-Ombudsman (ĠU L 113, p. 15).
3 Skond l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 94/262 l-Ombudsman ma jistax jintervjeni f’każijiet quddiem il-qorti jew iressaq dubju dwar il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-qorti.
4 Skond l-Artikolu 2(6) ta’ din id-deċiżjoni l-ilmenti sottomessi lill-Ombudsman ma jaffettwawx it-terminu għall-appell fi proċeduri amministrattivi jew proċedurali.
5 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 2(7) ta’ din l-imsemmija deċiżjoni, meta l-Ombudsman, minħabba proċeduri ġudizzjarji pendenti jew konklużi li jikkonċernaw il-fatti li tressqu, għandu jiddikjara l-ilment inammissibbli jew itemm il-kunsiderazzjoni tiegħu, u l-eżitu ta’ kwalunkwe inkjesta li għamel sa dak il-punt tkun irreġistrata mingħajr iktar azzjoni.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
6 Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fid-digriet ikkontestat kif ġej:
“6 Ir-rikorrenti hija organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) Ġermaniża li tgħin ir-rifuġjati, vittmi ta’ gwerer u ta’ katastrofi. Bejn l-1993 u l-1997, hija ppreżentat sitt talbiet għal kofinanzjament ta’ azzjonijiet quddiem il-Kummissjoni.
7 Matul l-eżami ta’ l-ewwel talbiet, is-servizzi tal-Kummissjoni qiesu li r-rikorrenti, peress li hija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet ġenerali għall-kofinanzjament ta’ proġetti, ma kinitx eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuniet mogħtija lill-NGO. Ir-rikorrenti ġiet infurmata b’dan b’ittra tat-12 ta’ Ottubru 1993. B’ittra tad-29 ta’ Lulju 1996, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet prinċipali li kienu wassluha tikkonkludi li r-rikorrenti ma setgħetx titqies li kienet NGO eliġibbli.
8 Fil-5 ta’ Diċembru 1996, ir-rikorrenti ppreżentat proġett ġdid quddiem il-Kummissjoni. Verżjoni emendata ta’ dan il-proġett ġiet ippreżentata quddiem il-Kummissjoni peremzz ta’ talba ġdida, f’Settembru 1997. Il-Kummissjoni ma ddeċidietx fuq dawn it-talbiet ġodda għal kofinanzjament, peress li kkunsidrat li d-deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 1993 dwar l-ineliġibbiltà baqgħet valida.
9 B’hekk ir-rikorrenti ressqet tliet ilmenti quddiem l-Ombudsman, waħda fl-1998 [Ilment Nu 338/98/VK] u tnejn oħra fl-2000 [Ilmenti Nri 1160/2000/GG u 1613/2000/GG]. Dawn l-ilmenti kienu jirrigwardaw essenzjalment żewġ aspetti, jiġifieri l-kwistjoni ta’ l-aċċess tar-rikorrenti għall-inkartament u l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx eżaminat it-talbiet tar-rikorrenti kif xieraq.
10 F’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-inkartament, l-Omdudsman ikkonkluda, b’deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2001, illi l-lista ta’ dokumenti proposti mill-Kummissjoni għar-rikorrenti għal konsultazzjoni ma kinitx sħiħa, illi l-Kummissjoni kienet żammet ċerti documenti mingħajr raġuni u li, għalhekk, din l-attitudni tal-Kummissjoni setgħet tikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina. Huwa ssuġġerixxa lill-Kummissjoni tawtorizza aċċess xieraq għall-inkartament. Dan l-aċċess għall-inkartament seħħ fil-bini tal-Kummissjoni fis-26 ta’ Ottubru 2001. L-Ombudsman ikkonstata, barra minn hekk, każ ta’ amministrazzjoni ħażina mill-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex l-opportunità tinstema’ formalment dwar l-informazzjoni rċevuta minn terz mill-Kummissjoni, informazzjoni li kienet ġiet użata sabiex tittieħed deċiżjoni kontra tagħha.
11 F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk it-talbiet tar-rikorrenti kinux is-suġġett ta’ eżami xieraq, l-Ombudsman ikkonkluda b’deċiżjoni oħra mogħtija fit-30 ta’ Novembru 2001, dwar it-teħid in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerta informazzjoni li ġejja minn terz, fin-nuqqas ta’ tali eżami. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2000, l-Omdudsman għamel rimarka kritika f’dak li jikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni kienet ħalliet jgħaddi terminu ta’ żmien eċċessiv qabel ma tat bil-miktub ir-raġunijiet li kienu wassluha fl-1993 tikkonkludi l-ineliġibbiltà tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet deċiżjoni formali fuq it-talbiet mir-rikorrenti ppreżentati f’Diċembru 1996 u f’Settembru 1997, l-Ombudsman kien, fid-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta’ Lulju 2001, irrakkomanda lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq dawn it-talbiet qabel il-31 ta’ Ottubru 2001.
12 Sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni ta’ l-Ombudsman, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti fis-16 ta’ Ottubru 2001 fejn irrifjutat iż-żewġ proġetti ppreżentati f’Diċembru 1996 u f’Settembru 1997 minħabba ineliġibbiltà għal kofinazjament tar-rikorrenti.
13 B’att ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors kontra l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2001. B’sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (T‑321/01, Ġabra p. II‑3225), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2001 li rrifjutat it-talbiet għal kofinanzjament tar-rikorrenti għax-xhur ta’ Diċembru 1996 u ta’ Settembru 1997 u kkundannat lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
14 Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti kienet ukoll talbet il-ħlas lura, mill-konvenuta, ta’ l-ispejjeż sostunti matul il-proċedura quddiem l-Ombudsman. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-ispejjeż relatati mal-proċeduri quddiem l-Omdudsman ma setgħux jitqiesu li kienu spejjeż indispensabbli skond l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u, għalhekk, ma jistgħux jinġabru lura.”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet ikkontestat.
7 B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Lulju 2004, IH ippreżentat rikors sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tħallasha s-somma ta’ EUR 54 037 bħala kumpens għad-dannu materjali subit li kien kompost mill-ispejjeż ta’ l-avukati sostnuti matul it-tliet proċeduri ta’ lment quddiem l-Ombudsman.
8 Bid-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ta’ IH bħala manifestament infondat.
9 Il-Qorti tal-Prim’Istanza motivat din iċ-ċaħda fis-sustanza minħabba nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ l-istituzzjoni u d-dannu invokat peress illi, minn naħa, l-għażla li tmur għand l-Omudsman qabel ma tersaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet għażla libera minn naħa ta’ IH u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ l-avukati ma kinux neċessarji sabiex jitressqu proċeduri quddiem l-Ombudsman.
10 Fid-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza mill-ewwel bdiet ir-raġunament tagħha billi rrilevat illi, permezz ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Ombudsman, it-Trattat KE fetaħ liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni triq alternattiva għal dak ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom. Din it-triq alternattiva extra ġudizzjarja tirrispondi għal kriterji speċifiċi u m’għandhiex neċessarjament l-istess għan bħal dik ta’ rikors quddiem qorti. Minbarra dan, dawn iż-żewġ toroq ma jistgħux jiġu segwiti b’mod parallel. Fil-fatt, għalkemm l-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman ma jinterrompux it-terminu ta’ rikors applikabbli quddiem il-qorti Komunitarja, l-Ombudsman għandu madankollu jtemm il-kunsiderazzjoni tiegħu u jiddikjara l-ilment inammissibbli jekk iċ-ċittadin ikkonċernat ikun simultanjament ippreżenta rikors quddiem il-qorti Komunitarja dwar l-istess fatti. B’hekk huwa ċ-ċittadin li għandu jevalwa liema waħda miż-żewġ toroq disponibbli tista’ sservi l-aħjar għall-interessi tiegħu.
11 In segwitu, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat illi l-ispejjeż relatati mal-proċeduri quddiem l-Ombudsman ma jistgħux jitqiesu li huma spejjeż indispensabbli skond l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u, għaldaqstant, ma jistgħux jinġabru lura skond din id-dispożizzjoni. Hija kkunsidrat illi f’din il-kawża, IH riedet tieħu lura, permezz ta’ rikors għal kumpens, dawn l-imsemmija spejjeż ta’ l-avukati li hija ħallset fil-kuntest ta’ proċedura quddiem l-Omudsman u li r-rikonoxximent ta’ dawn l-ispejjeż bħala danni jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-natura mhux rimborżabbli inkwantu spejjeż.
12 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset illi, kuntrarjament għall-proċeduri mibdija quddiem il-qrati Komunitarji, il-proċedura mressqa quddiem l-Ombudsman hija mfassla b’mod li mhuwiex neċessarju li wieħed imur għand avukat. Huwa biżżejjed li wieħed jippreżenta l-fatti fl-ilment mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsiru sosttomissjonijiet ta’ dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-għażla libera taċ-ċittadin li jkun irrappreżentat minn avukat fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Ombudsman timplika li huwa għandu jbati personalment l-ispejjeż.
13 Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, (54/77, Ġabra p. 585, punti 45 sa 50) illi l-fatt li wieħed iqabbad avukat quddiem il-qrati Komunitarji huwa riżultat ta’ l-għażla ta’ l-interessati stess li ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi imposta fuq l-istituzzjoni konvenuta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull rabta kawżali bejn id-dannu allegat, jiġifieri l-ispejjeż ta’ l-avukati li wieħed iħallas, u l-azzjoni Komunitarja, hija nieqsa skond id-dritt.
14 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat illi IH kienet libera li tmur għand l-Ombudsman qabel ma tersaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
15 Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-ispejjeż ta’ l-avukati sostnuti quddiem l-Ombudsman ma jistgħux jitħallsu lura bħala danni fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens u ddeċidiet li tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat.
Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
16 B’ittra li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2007, IH talbet, skond l-Artikolu 61 u 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Din it-talba hija motivata mill-allegata inkoerenza tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali.
17 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li m'għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kwistjoni għandha tkun deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex dibattut bejn il-partijiet (ara d-digriet ta’ l-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18, u s-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25).
18 Madankollu, dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, minn naħa, IH, fis-sustanza, tillimita ruħha li tikkummenta fuq il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali mingħajr ma tinvoka elementi ta’ fatt jew dispożizzjonijiet legali li fuqhom din ta’ l-aħħar kienet ibbażat ruħha u li ma kinux ġew diskussi bejn il-partijiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija għandha f’din il-kawża l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi. Għalhekk, m’hemmx bżonn li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
Fuq l-appell
19 Fl-appell tagħha, IH titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet ikkontestat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew li tordna lill-Kummissjoni tħallasha EUR 54 037. IH titlob ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
20 Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li IH tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
21 IH tqajjem tliet motivi illi, peress li huma strettament marbuta, għandhom jiġu eżaminati flimkien. Fis-sustanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond IH, fittxet grad ta’ intensità eċċessiva tar-rabta kawżali meħtieġa sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Konsegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ivverifikat il-mertu ta’ l-argument espost mir-rikorrenti sabiex tispjega r-raġunijiet materjali u legali li kienu obbligawha teħtieġ l-għajnuna ta’ avukat fil-proċeduri ta’ lment illi hija bdiet.
22 Huwa veru, kif sostniet ġustament IH, illi l-fatt li l-ispejjeż relatati mal-proċeduri quddiem l-Ombudsman ma jinġabrux lura skond l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa bħala prinċipju mingħajr rilevanza għall-kwistjoni dwar jekk dawn l-ispejjeż jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE. Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza stess ikkonstatat fid-digriet ikkontestat, l-imsemmi Artikolu huwa applikabbli biss għall-ispejjeż magħmula fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, bl-esklużjoni tal-fażi li tippreċedi din. Madankollu, id-dritt li l-ispejjeż tal-proċedura jinġabru lura u d-dritt għad-danni huma bħala prinċipju suġġetti għal kundizzjonijiet differenti u huma indipendenti wieħed mill-ieħor.
23 F’dak li jikkonċerna r-rabta kawżali meħtieġa, huwa barra minn hekk stabbilit li kemm ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll dawk tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdu li l-ispejjeż tal-proċedura sostnuti mill-partijiet jistgħu jinġabru lura biss jekk kienu meħtieġa għall-finijiet tal-proċedura. Bil-kontra, ir-rabta kawżali meħtieġa, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 288(2) KE, hija stabbilita peress li d-dannu huwa l-konsegwenza diretta ta’ l-att illegali in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier frères et vs Il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, u tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs il-Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, Ġabra p. I‑359, punt 25).
24 Fir-rigward ta’ talba għal kumpens tad-dannu materjali li r-rikorrenti allegat li sofriet minħabba spejjeż sostnuti sabiex tassigura l-pariri ta’ avukat fl-istadju tal-fażi prekontenzjuża irregolati mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat illi, peress li b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-ilmenti amministrattivi magħmula skond din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat u miftiehem mill-amministrazzjoni bid-diliġenza kollha li organizzazzjoni kbira mgħammra tajjeb għandha tagħti lil dawk li għandhom kuntatti magħha, inklużi l-membri tal-persunal tagħha, għalkemm ma jistax jiġi pprojbit lill-persuni interessati li jassiguraw ruħhom, diġà f’din il-fażi, permezz ta’ pariri ta’ avukat, din hija għażla li tirrigwarda lilhom biss, li ma tistax, għalhekk, tiġi imposta fuq l-istituzzjoni kkonċernata. Minbarra dan, rabta kawżali bejn id-dannu allegat, jiġifieri l-ispejjeż ta’ l-avukat, u l-att ta’ l-istituzzjoni kkonċernata hija nieqsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Herpels vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punti 47 sa 49).
25 Bl-istess mod, l-ispejjeż magħmula fil-kuntest tal-kompetenza ta’ l-Ombudsman għandhom jiġu distinti minn dawk magħmula matul il-proċedura kontenzjuża.
26 Il-kompetenza ta’ l-Ombudsman, min-naħa tippermetti li tidentifika u li tfittex li tneħħi l-każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina f’isem l-interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, hija tista’ tippermetti li jiġi evitat rikors ġuridiku jekk l-Omudsman jasal li jsolvi l-kwistjoni bejn il-konvenut u l-istituzzjoni kkonċernata.
27 Hija tirriżulta mill-għażla libera tal-persuni interessati. L-ispejjeż, hekk magħmula b’mod liberu mill-persuna li għamlet l-ilment, ma jistgħux, għalhekk, jiġu kkunsidrati bħala dannu li jista’ jiġi impost fuq l-istituzzjoni in kwistjoni.
28 Dawn huma differenti mill-ispejjeż magħmula mir-rikorrenti illi ddeċidiet li tibda proċedura ġuridika, li twassal, jekk ikun il-każ, permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li tirrikonoxxi d-drittijiet tagħha u tobbliga l-istituzzjoni li hija parti mill-kawża li tbati l-konsegwenzi.
29 Għalhekk, fid-dritt, kull rabta kawżali bejn l-allegat dannu subit minn IH u l-aġir tal-Kummissjoni hija nieqsa.
30 Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, għal dan il-motiv u mingħajr ma tagħmel żball ta’ dritt, tiċħad ir-rikors ta’ IH permezz ta’ digriet, li minbarra dan huwa motivat biżżejjed .
31 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-unika ċirkustanza, imqajma minn IH, li d-digriet ikkontestat ingħata minkejja sentenza reċenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza li fiha hija kkundannat lill-Kummissjoni tikkumpensa dannu li kien jikkorrispondi, fost oħrajn, għall-ispejjeż sostnuti mill-kontroparti fil-kuntest ta’ lmenti quddiem l-Ombudsman (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punti 104 sa 107).
32 Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
33 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn kienu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub minn IH.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi :
1) L-appell huwa miċħud.
2) Internationaler Hilfsfonds eV hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.