Kawża C-330/05

Proċeduri kriminali

kontra

Fredrik Granberg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hovrätten för Övre Norrland)

“Dazju tas-sisa — Żjut minerali — Mod ta’ trasport atipiku”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Dazji tas-sisa — Direttiva 92/12 — Prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa — Determinazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jiġi impost dan id-dazju

(Direttiva tal-Kunsill 92/12, Artikolu 9(3))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Dazji tas-sisa — Direttiva 92/12 — Prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa — Determinazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jiġi impost dan id-dazju

(Direttiva tal-Kunsill 92/12, Artikolu 9(3))

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Dazji tas-sisa — Direttiva 92/12 — Prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa — Determinazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jiġi impost dan id-dazju

(Direttiva tal-Kunsill 92/12, Artikoli 7(4) u 9(3))

1.        L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, ma jippermettix li jiġi ssuġġettat, b’mod ġenerali, għall-ħlas ta’ dazju tas-sisa fl-Istat Membru kkonċernat ta’ konsum, iż-żejt għat-tisħin akkwistat fi Stat Membru ieħor minn individwu privat għall-użu tiegħu, u ttrasportat minnu stess lejn l-imsemmi Stat Membru, ikun xi jkun il-mezz li dan l-individwu privat ikun uża għal dan it-trasport.

Fil-fatt, Stat Membru jista jeżerċita l-għażla prevista f’din id-dispożizzjoni biss meta t-trasport tal-merkanzija jkun sar minn individwu privat permezz ta’ trasport li jaqa’ fil-kunċett ta’ “modi ta’ trasport atipiċi” kif inhu ddefinit fl-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punti 31-32 u d-dispożittiv 1)

2.        It-trasport minn individwu privat ta’ 3 000 litru żejt għat-tisħin fi tliet GRV mgħobbija fuq vann jikkostitwixxi “mod ta’ trasport atipiku” skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 92/12, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti.

(ara l-punt 41 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 92/12, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni li fiha d-dazju jiġi impost, kif inhu permess taħt l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, li timponi fuq kull individwu privat li jakkwista personalment u għall-użu tiegħu żejt għat-tisħin fi Stat Membru ieħor fejn din il-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għall-konsum, u li jittrasporta huwa stess l-imsemmija merkanzija lejn dan l-Istat Membru ta’ destinazzjoni permezz ta’ “mod ta’ trasport atipiku” skond l-imsemmi Artikolu 9(3), li jikkostitwixxi garanzija sabiex jiggarantixxi l-ħlas ta’ dazju tas-sisa u li jkollu dokument mehmuż kif ukoll dokument li jiċċertifika l-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija.

Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tielet premessa u mill-Artikolu 18 tad-direttiva, l-għan tad-dokument mehmuż huwa b’mod partikolari li jidentifika l-merkanzija ttrasportata kif ukoll li tkun magħrufa l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-dejn fiskali li huma jkollhom ; għal dan il-għan ma jistax għalhekk jiġi eskluż illi Stat Membru ta’ destinazzjoni jkun jista’ jimponi, fil-każ ta’ trasport ta’ żejt għat-tisħin minn individwu privat skond mod ta’ trasport atipiku, li dan ta’ l-aħħar ikollu tali dokumenti.

(ara l-punti 54-56 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

15 ta’ Novembru 2007 (*)

“Dazju tas-sisa – Żjut minerali – Mod ta’ trasport atipiku”

Fil-kawża C‑330/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hovrätten för Övre Norrland (l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Awwissu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2005, fil-proċeduri kriminali kontra

Fredrik Granberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, A. Tizzano (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal Frederik Granberg, minn L. Lindström, advokat,

–        għall-Gvern Żvediż, minn K. Norman u A. Kruse, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn S. Spyropoulos, N. Dafniou, Z. Chatzipavlou u S. Trekli, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn
G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras, bħala aġent,

–        għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u M.‑M. Josephides, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls u L. Ström van Lier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 7(4) u (9) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1992 (ĠU L 390, p. 124, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), kif ukoll il-validità ta’ din it-tieni dispożizzjoni.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kontra F. Granberg dwar dħul illegali fl-Iżvezja ta’ żejt għat-tisħin, jiġifieri żejt minerali skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva.

I –  Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        Il-ħames sas-seba’, it-tnax u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva jistabbilixxu dan li ġej :

“Billi kull tqassim, bil-għan li tqassim jew provvista għall-skopijiet ta’ negozjant li jwettaq indipendentement attivita ekonomika jew għall-għanijiet ta’ korp regolat bil-liġi pubblika, li jseħħ fi Stat membru li ma jkunx dak li fiħ il-prodott jkun rilaxxat għall-konsum jagħti lok għad-dritt tal-ħlas tad-dazju tas-sisa f’dak l-Istat Membru l-ieħor;

Billi fil-każ ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa akkwistati minn individwi privati għall-użu proprju tagħhom u trasportati minnhom, id-dazju għandu jitħallas fil-pajjiż fejn kienu akkwistati;

Billi biex jiġi stabbilit li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jinżammux għal għanijiet privati iżda għal dawk kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jagħtu każ ta’ numru ta’ kriterji;

[…]

Billi għandha ssir dispożizzjoni, biex jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxi bir-rati stabbiliti mill-Istati Membri, biex tiġi stabbilita proċedura għaċ-ċaqliq ta’ oġġetti bħal dawk taħt is-sospensjoni tad-dazju;

Billi f’dan ir-rigward għandha l-ewwel issir dispożizzjoni biex kull konsenja tkun faċilment identifikata; billi għandha ssir dispożizzjoni biex l-istatus tat-taxxa tal-konsenja ikun minnufih identifikabbli; billi huwa għalhekk meħtieġ li ssir dispożizzjoni għal dokument mehmuż li jilħaq dawn il-ħtiġijiet, li jista’ jkun jew dokument amministrattiv jew wieħed kummerċjali; billi d-dokument kummerċjali wżat għandu jkun fih l-elementi essenzali li jidhru fuq id-dokument amministrattiv”.

4        Skond l-Artikolu 3(1) tiegħu, id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell Komunitarju għaż-żjut minerali, għal alkoħol u xorb alkoħoliku u tabakk maħdum.

5        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprevedi:

“Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3) […]

Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:

a)      kull tluq, inkluż tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni;

b)      kull manifattura, inkluża manifattura irregolari, ta’ dawk il-prodotti barra arranġament ta’ sospensjoni;

(ċ) kull importazzjoni ta’ dawk il-prodotti, inkluża importazzjoni irregolari, meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta’ sospensjoni. ”

6        L-Artikolu 7 tad-Direttiva jiddisponi :

“1.      Fil-każ ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u ġa rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed waqt li jkunu miżmuma għal għanijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, id-dazju tas-sisa għandu jiġi mpost fl-Istat Membru li fih ikunu miżmuma dawk il-prodotti.

[…]

4.      Il-prodotti riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiċċaqalqu bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri varji taħt il-kopertura ta’ dokument mehmuż li jelenka t-tagħrif prinċipali mid-dokumnent riferit fl-Artikolu 18(1). Il-forma u l-kontenut ta’ dan id-dokument għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 24 ta’ din id-Direttiva.

[...]”

7        Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tad-direttiva:

“Fir-rigward ta’ prodotti akkwistati minn individwi privati għall-użu proprju tagħhom u trasportati minnhom, il-prinċipju li jirregola s-suq intern jipprovdi li d-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat membru li fih ikunu ġew akkwistati.”

8        L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jiddisponi :

“L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu li d-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fl-Istat membru ta’ konsum fuq l-akkwist ta’ żjut minerali ġa rilaxxati għall-konsum fi Stat membru ieħor jekk dawk il-prodotti jiġu trasportati b’modi ta’ mezzi ta’ trasport atipiċi minn individwi privati jew għan-nom tagħhom. Trasport atipiku għandu jfisser it-trasport ta’ karburanti barra minn f’tankijiet ta’ vetturi jew f’kontenituri addattati ta’ riżerva ta’ karburanti u t-trasport ta’ prodotti likwidi għat-tisħin barra mill-mezz ta’ tankers użati għan-nom ta’ negozjanti professjonali.”

9        L-Artikolu 18 tad-Direttiva jipprevedi :

“1. Minkejja l-użu possibbli ta’ proċeduri kompjuterizzati, il-prodotti kollha soġġetti għal sisa li jiċċaqalqu taħt arranġamenti ta’ sospensjoni ta’ dazju bejn Stati Membri, inkluż ċaqliq bil-baħar jew bl-ajru direttament minn port jew ajruport tal-Komunità għal ieħor, għandhom ikollhom mehmuż dokument kompletat mill-konsenjatur. Dan id-dokument jista’ jew ikun dokument amministrattiv jew dokument kummerċjali. Il-forma u l-kontenut ta’ dan id-dokument, u l-proċedura li għandha tkun segwita fejn l-użu huwa oġġettivament mhux xieraq, għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24.

2.      Sabiex jiġu identifikati l-oġġetti u jitwettqu l-verifiki, il-pakketti għandhom ikunu numerati u l-prodotti deskritti bl-użu tad-dokument riferiti fil-paragrafu 1. Jekk jinqala’ l-każ, kull kontenitur għandu jkun siġillat mill-konsenjatur meta l-mezzi tat-trasport ikunu rikonoxxuti bħala addattati għall-issiġillar mill-Istati Membri tat-tluq jew il-pakketti għandhom ikunu ssiġillati mill-konsenjatur.

3.      Fil-każi fejn il-konsenjatarju ma jkunx magazzinier awtorizzat jew negozjant reġistrat u minkejja l-Artikolu 17, id-dokument riferit fil-paragrafu 1 għandu jkollu ukoll dokument ieħor li jkun jiċċertifika li jkun tħallas id-dazju tas-sisa fl-Istat membru ta’ destinazzjoni jew li kull proċedura oħra għall-ġbir tad-dazju tkun ġiet imħarsa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat membru ta’ destinazzjoni.

Dan id-dokument għandu juri:

–        l-indirizz ta’ l-uffiċċju konċernat ta’ l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat membru ta’ destinazzjoni,

–        id-data u r-referenza tal-ħlas jew ta’ l-aċċettazzjoni tal-garanzija tal-ħlas minn dan l-uffiċċju.

[…]”.

 Id-dritt nazzjonali

10      L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 1 tal-liġi dwar il-kontroll, fil-kuntest ta’ meta jkun dovut id-dazju tas-sisa, tat-trasport, f’operazzjonijiet oħra, ta’ prodotti alkoħoliċi, ta’ tabakk immanifatturat u ta’ żjut minerali [lag (1998:506) om punktskattekontroll av transporter m.m. av alkoholvaror, tobaksvaror och mineraloljeprodukter, iktar ’il quddiem il-‘LPK’] jiddisponi kif ġej :

“suġġett għat-taxxa tfisser li tiġi ntaxxata s-sisa skond

[…]

3.      Il-punti 1 sa 5 jew 7 ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1, Kapitolu 4 jew l-Artikolu 2 tal-liġi (1994:1776) dwar it-taxxa fuq l-enerġija [lag (1994:1776) om skatt på energi, iktar ’il quddiem il-‘LSE’].”

11      L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 4 tal-LSE jipprevedi:

“Hija suġġeta għat-taxxa fuq l-enerġija […]:

[...]

5.      kull persuna […] li ddaħħal jew tirċievi kombustibbli fl-Iżvezja, li ġej minn Stat Membru ieħor tal-Komunità Ewropea;

[...]”

12      L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 4 tal-LSE jiddisponi:

“It-taxxa mhijiex dovuta skond l-Artikolu 1(5),

[…]

3.      għall-karburanti mdaħħal fl-Iżvezja għall-għanijiet privati fit-tank tal-karozza, ta’ vapur jew ajruplan, jew f’ċilindri ta’ riżerva ta’ volum massimu ta’ 10 litri.”

13      Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 1 tal-LPK:

“Prodott suġġett għad-dazju jista’ jiġi ttrasportat biss jekk l-obbligi dwar id-dokument li jkun miegħu, fuq il-garanzija [sabiex ikopri l-ħlas tad-dazju], tal-prova tal-garanzija u d-dikjarazzjoni li tirriżulta mil-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 2 jew ta’ dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5a jiġu ssodisfati.”

14      Skond l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 5 tal-LPK, kull persuna li xjentement iddaħħal prodotti suġġetti għas-sisa fl-Iżvezja minn Stat li huwa parti miż-żona koperta bil-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-sisa, bi ksur ta’ l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 1 ta’ din il-liġi, u li, b’dan il-mod, tirriskja li tikkomplika serjament l-eżerċizzju tal-kontrolli fiskali relattivi għat-trasport tal-merkanzija, għandha tiġi kkundannata, taħt l-akkuża ta’ trasport illegali ta’ prodotti, għal piena ta’ ħabs ta’ mhux iżjed minn sentejn. Il-persuna li twettaq dan ir-reat teħel multa jekk dan jitqies li huwa ħafif.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fis-7 ta’ Diċembru 2003, F. Granberg, li kien qiegħed għaddej fuq vann li kien ġej mill-Finlandja, ġie interċettat mid-dwana Żvediża ta’ Övertorneå. L-awtoritajiet tad-dwana kkonstataw li fil-vettura kien hemm 3 000 litru żejt li ġie prodott fil-Finlandja bħala prodott ta’ tisħin. Dan iż-żejt kien ittrasportat fil-kompartiment ta’ wara magħluq u kien qiegħed fi tliet recipjenti komumement imsejħa “recipjenti kbar għal oġġetti mhux maħduma” (iktar ’il quddiem, il-“GRV”). Dawn il-GRV kienu ta’ kwalità użata minn operaturi professjonali, b’mod partikolari għat-trasport ta’ żjut idrawliċi. L-imsemmi żejt kellu jservi sabiex isaħħan id-dar ta’ F. Granberg u għalhekk kien ddestinat għall-użu privat tiegħu. B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 4 ta' l-LSE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 1 ta' l-LPK, il-merkanizzja kkonċernata tqieset li kienet suggetta għall-ħlas ta’ dazju tas-sisa.

16      F. Granberg tressaq kriminalment mill-Prosekutur Pubbliku talli fixkel b’mod serju l-eżerċizzju tal-kontrolli fiskali, sa fejn ma għamilx id-dikjarazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana kompetenti qabel it-trasport ta’ l-imsemmi żejt, ma kienx għamel garanzija għall-ħlas ta’ dazju applikabbli, u la kellu l-prova ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija u lanqas ta’ dokument mehmuż simplifikat. B’deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Mejju 2004, il-Haparanda tingsrätt [qorti distrettwali ta’ Haparanda] sabitu ħati u kkundannatu jħallas multa għal trasport illegali ta’ prodotti suġġetti għas-sisa.

17      F. Granberg appella minn din is-sentenza quddiem il-Hovrätten för Övre Norrland (Qorti ta’ l-Appell tan-Norrland tat-tramuntana). Huwa ammetta l-fatti li bihom ġie akkużat, iżda kkontesta li dawn jikkostitwixxu ksur ta’ liġi. Huwa allega, fil-fatt, illi, meta jiġi impost dazju tas-sisa fuq l-importazzjoni kollha ta’ żejt għat-tisħin, mingħajr ma jkun hemm eċċezzjoni għal importazzjonijiet li jsiru barra mill-“modi ta’ trasport atipiċi” skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, il-leġiżlatur Żvediż ma ttrasponiex – jew, għall-anqas, ittraspona b’mod żbaljat – id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

18      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hovrätten för Övre Norrland iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-Artikolu 9(3) tad-[Direttiva] […] jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jwarrbu, b’dispożizzjoni ġenerali, iż-żejt għat-tisħin mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tad-direttiva, b’mod li [l-leġiżlazzjoni ta’] Stat Membru tkun tista’ tipprevedi li individwu, peress li jkun xtara huwa nnifsu, u għall-użu tiegħu, żejt għat-tisħin fi Stat Membru ieħor, fejn l-imsemmija merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għall-konsum, u tkun ġiet ittrasportata […] minnu stess lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, ikun marbut li jħallas id-dazju tas-sisa f’dan l-aħħar Stat, ikun x’ikun il-mod ta’ kif ikun ġie ttrasportat iż-żejt għat-tisħin?

2)      Jekk l-ewwel domanda jkollha risposta pożittiva, l-Artikolu 9(3) tad-[Direttiva] huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija mwaqqaf bit-Trattat KE, kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 9(3) tad-direttiva jidher li għandu bħala għan li jżomm lill-individwi privati milli jittrasportaw żjut minerali, billi jipprevedi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tgħid illi, għall-prodotti akkwistati minn individwi privati, għall-użu tagħhom u li huma stess jittrasportaw, id-dazju tas-sisa huwa dovut fl-Istat Membru fejn il-prodott inxtara? Dan l-għan huwa kompatibbli mal-bażi ġuridika tad-direttiva invokata mill-Kunsill [ta’ l-Unjoni Ewropea], jew l-Artikolu 9(3) tad-direttiva huwa illegali?

3)      Jekk l-ewwel domanda tirċievi risposta negattiva, it-trasport minn individwu ta’ 3 000 litru żejt għat-tisħin fi tliet reċipjenti li jissejħu komunement ‘[GRV]’ – li jistgħu jiġu adattati għat-trasport professjonali ta’ merkanzija perikoluża, b’mod partikolari taħt forma likwida – mgħobbija fuq vann, jikkostitwixxi mod ta’ trasport atipiku skond l-Artikolu 9(3) tad-[direttiva]?

4)      Huwa konformi ma’ l-Artikolu 7(4) tad-[direttiva] illi Stat Membru jadotta dispożizzjoni li biha individwu li kien akkwsita hu stess, u għall-użu tiegħu, żejt għat-tisħin fi Stat Membru ieħor, fejn l-imsemmija merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għall-konsum, u tkun ġiet ittrasportata minnu stess lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni b’mod ta’ trasport atipiku, skond l-Artikolu 9(3) tad-direttiva, ikun marbut li jikkostitwixxi garanzija sabiex ikopri l-ħlas ta’ dazju tas-sisa, kif ukoll li jkollu, waqt it-trasport, dokument mehmuż simplifikat u prova tal-kostituzzjoni ta’ garanzija għall-ħlas tad-dazju tas-sisa?”

 Fuq id-domandi preliminari


 Fuq l-ewwel domanda

19      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 9(3) tad-direttiva jippemettix li jiġi ssuġġettat, b’mod ġenerali, għall-ħlas ta’ dazju tas-sisa fl-Istat Membru ta’ konsum, iż-żejt għat-tisħin akkwistat fi Stat Membru minn individwu privat għall-użu tiegħu u ttrasportat minnu stess lejn l-Istat Membru ta’ konsum, ikun xi jkun il-mod kif sar dan it-trasport.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

20      Il-Gvern Pollakk, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ipproponew li tingħata risposta għal din id-domanda fin-negattiv.

21      Huma jsostnu li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva ż-żejt għat-tisħin li jiddaħħal fit-territorju tagħhom minn individwu privat għall-użu tiegħu bil-kundizzjoni biss illi dan ta’ l-aħħar juża, għal dan il-għan, “mod ta’ transport atipiku” fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 9(3).

22      Skond il-gvern Pollakk u l-Kunsill, din l-aħħar dispożizzjoni, li tikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 8 tad-Direttiva, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jippreċiża illi, jekk il-leġiżlatur Komunitarju kellu jippermetti lill-Istati Membri jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 8 kull trasport ta’ żejt tat-tisħin magħmul minn individwu privat, kien jipprovdi għal dan espressament.

23      B’fehma opposta il-gvernijiet ta' l-Iżvezja, il-Greċja u l-Italja jikkunsidraw illi l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva l-prodotti ta’ tisħin likwidi ttrasportati minn individwi privati, u għalhekk jimponu s-sisa fuq dawn il-prodotti fl-Istat Membru ta’ konsum, independentement mill-mod ta’ trasport magħżul.

24      Il-Gvern Żvediż isostni prinċipalment illi jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva illi, f’dak li jikkonċerna ż-żejt għat-tisħin, ma teżisti ebda possibbiltà għal individwu privat li jittrasporta dan it-tip ta’ prodott b’mod “tipiku”, u għalhekk li jkun eżenti mill-ħlas ta’ dazju tas-sisa fl-Istat Membru ta’ konsum. Fil-fatt, din id-dispożizzjonijiet hija intiża li tippermetti lill-Istati Membri jimpedixxu, b’mod ġenerali, it-trasport ta’ żejt għat-tisħin minn individwi privati.

25      Il-gvernijiet tal-Greċja u l-Italja josservaw, min-naħa tagħhom, illi, fid-dawl tan-natura partikolari tagħhom, il-prodotti ta’ tisħin likwidi huma esklużi mil-leġiżlatur Komunitarju mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tad-direttiva. Fil-fatt, b’differenza minn prodotti oħrajn suġġetti għas-sisa, bħalma huma t-tabakk u x-xorb alkoħoliku, il-prodotti ta’ tisħin likwidi normalment ma jiġux ittrasportati minn individwi privati għall-użu tagħhom personali. Għalhekk huwa possibbli li jiġi preżunt li dan it-tip ta’ prodott jiġi ttrasportat biss għal skopijiet kummerċjali.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, id-Direttiva hija intiża li tistabbilixxi ċertu numru ta’ regoli f’dak li jikkonċerna ż-żamma, ċ-ċaqliq u l-monitoraġġ ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dan, b’mod partikolari sabiex tassigura li d-dazju tas-sisa jkun jista’ jitħallas b’mod identiku fl-Istati Membri kollha (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C-296/95, Ġabra p. I-1605, punt 22 ; tal-5 ta’ April 2001, Van de Water, C‑325/99, Ġabra p. I‑2729, punt 39 ; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani, C‑395/00, Ġabra p. I‑11877, punt 4, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Joustra, C‑5/05, Ġabra p. I‑11075, punt 27).

27      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li jgħid illi d-dazju tas-sisa fuq prodotti akkwistati minn individwi privati għall-użu tagħhom u li t-trasport tagħhom ikun sar minnhom huwa dovut fl-Istat Membru li fih ikunu ġew akkwistati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Joustra, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 33).

28      Madankollu, fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ żjut minerali li diġà jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru, l-Artikolu 9(3) tad-direttiva jippermetti deroga għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, u li għalhekk tipprevedi li s-sisa tiġi wkoll imposta fi Stat Membru ieħor fejn dawn iż-żjut ikunu ġew ittrasportati sabiex isir il-konsum tagħhom.

29      L-Istati Membri jistgħu madankollu jużaw dan id-dritt biss jekk ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, iż-żjut minerali li fuqhom ġie impost dazju tas-sisa skond l-imsemmi Artikolu 9(3), għandhom jiġu ttrasportati minn individwi privati jew f’isimhom “b’modi ta’ trasport atipiċi”, li huma ddefiniti minn din id-dispożizzjoni bħala “it-trasport ta’ karburanti barra minn f’tankijiet ta’ vetturi jew f’kontenituri addattati ta’ riżerva ta’ karburanti u t-trasport ta’ prodotti likwidi għat-tisħin barra mill-mezz ta’ tankers użati għan-nom ta’ negozjanti professjonali”.

30      Għandu jiġi rrilevat illi, bħala deroga għal regola ġenerali, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑83/99, Ġabra p. I‑445, punt 19; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑5/01, Ġabra p. I‑11991, punt 56 u tas-26 ta’ Mejju 2005, Stadt Sundern,
C-43/04, Ġabra p. I 4491, punt 27).

31      Isegwi illi, kuntrarjament għal dak li sostna l-gvern Żvediż, l-Artikolu 9(3) tad-direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi ssuġġettata għas-sisa wkoll fl-Istat Membru ta’ konsum l-importazzjoni kollha ta’ żejt għat-tisħin minn individwu privat għall-użu personali, independentement mill-mod ta’ trasport użat. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jeżerċita l-għażla prevista f’din id-dispożizzjoni meta t-trasport tal-merkanzija jkun sar minn dan l-individwu privat permezz ta’ trasport li ma jaqax fil-kunċett ta’ “modi ta’ trasport atipiċi” kif inhu ddefinit fl-imsemmija dispożizzjoni, kif imfakkar fil-punt 29 tal-preżenti sentenza.

32      Għandha, għalhekk, tingħata risposta lill-ewwel domanda magħmula illi l-Artikolu 9(3) tad-direttiva ma jippermettix li jiġi ssuġġettat, b’mod ġenerali, għall-ħlas ta’ dazju tas-sisa fl-Istat Membru kkonċernat ta’ konsum, iż-żejt għat-tisħin akkwistat fi Stat Membru ieħor minn individwu privat għall-użu tiegħu u ttrasportat minnu stess lejn l-imsemmi Stat Membru, ikun xi jkun il-mezz li dan l-individwu privat ikun uża għal dan it-trasport.

 Fuq it-tieni domanda

33      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula.

 Fuq it-tielet domanda

34      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-trasport minn individwi privat ta’ 3 000 litru żejt għat-tisħin fi tliet GRV mgħobbija fuq vann jikkostitwixxix “mod ta’ trasport atipiku” skond l-Artikolu 9(3) tad-direttiva.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

35      Il-Kummissjoni tirrileva illi d-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ l-Artikolu 9(3) tad-direttiva ma jaqblux eżattament fuq dan il-punt. Hija ssostni, għalhekk, illi din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kontenut tagħha, tal-kuntest ta’ l-adozzjoni tagħha u tal-prinċipju ta’ intepretazzjoni restrittiva ta’ l-eċċezzjonijiet. Għalhekk, it-trasport ta’ żejt għat-tisħin biss li jsir minn trasportatur professjonali f’isem individwu privat u permezz ta’ tanker ma jidħolx fil-kunċett ta’ mod ta’ trasport atipiku. Bil-kontra, it-trasport ta’ dan il-prodott minn individwu privat permezz ta’ GRV jidhol manifestament f’dan il-kunċett.

36      Il-gvernijiet ta' l-Italja u l-Polonja, filwaqt li waslu għall-istess konklużjoni tal-Kummissjoni, jenfasizzaw il-mod ċar u l-preċiżjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 9(3), fejn l-interpretazzjoni ma tqajjem ebda dubju.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Gustizzja

37      Kif ġie mfakkar fil-punt 29 tal-preżenti sentenza, skond id-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 9(3) tad-direttiva, trasport atipiku jfisser bħala “it-trasport ta’ karburanti barra minn f’tankijiet ta’ vetturi jew f’kontenituri addattati ta’ riżerva ta’ karburanti u t-trasport ta’ prodotti likwidi għat-tisħin barra mill-mezz ta’ tankers użati għan-nom ta’ negozjanti professjonali”.

38      Jirriżulta mill-imsemmi test ta’ din id-dispożizzjoni li kull trasport ta’ prodotti ta’ tisħin likwidi li ma jseħħx permezz ta’ tankers għandu jitqies li huwa mod ta’ trasport atipiku.

39      Din l-interpretazzjoni hija wkoll imsaħħa mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ l-imsemmija dispożizzjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fl-espressjonijiet “tankers”, li hemm fil-verżjoni Ingliża, “autocisterne”, fil-verżjoni Taljana, u “cystern”, fil-verżjoni Pollakka.

40      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-trasport ta’ żejt għat-tisħin magħmul minn individwu privat meta juża sempliċi vann żgħir, u mhux tanker, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi “mod ta’ trasport atipiku” skond l-Artikolu 9(3) tad-direttiva. Iċ-ċirkustanza li, f’din il-kawża, l-imsemmi żejt kien qiegħed fi tliet GRV ma jpoġġix f’dubju din il-konklużjoni.

41      Għalhekk, hemm lok li tingħata risposta lit-tielet domanda magħmula illi t-trasport minn individwu privat ta’ 3 000 litru żejt għat-tisħin fi tliet GRV mgħobbija fuq vann jikkostitwixxi “mod ta’ trasport atipiku” skond l-Artikolu 9(3) tad-direttiva.

 Fuq ir-raba’ domanda

42      Bir-raba’domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 7(4) tad-direttiva jippermettix lil Stat membru li jeżiġi minn individwu privat, li jittrasporta għall-użu tiegħu żejt għat-tisħin permezz ta’ mod ta’ trasport atipiku, li jikkostitwixxi garanzija għall-ħlas ta’ dazju tas-sisa u jkollu, waqt it-trasport, prova tal-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija kif ukoll dokument mehmuż.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

43      Il-Kummissjoni tispjega li l-Artikolu 7(1) tad-direttiva, li jiddefinixxi l-prodotti kkonċernati bl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, isemmi biss il-prodotti “miżmuma għal għanijiet kummerċjali”. Hija tqis, għaldaqstant, li din l-aħħar dispożizzjoni ma tikkonċernax il-prodotti akkwistati minn individwi għall-użu tagħhom u, għalhekk, ma tapplikax għall-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li jirriżulta mit-tielet, mill-ħames, mis-sitt u mill-ħdax-il premessa tad-direttiva illi hija stabbilixxiet distinzjoni netta bejn, minn naħa, il-merkanziji miżmuma għal skopijiet kummerċjali u li waqt it-trasport tagħhom għandu jkollhom magħhom dokumenti u, min-naħa l-oħra, il-merkanziji miżmuma għal skopijiet personali, li għalihom ebda dokument ma hu meħtieġ għat-trasport tagħhom lejn Stat Membru ieħor.

44      Il-Kummissjoni żżid li ebda dispożizzjoni tad-direttiva ma tiprevedi li l-prodotti msemmija fl-Artikolu 9(3) tiegħu għandhom jiċċaqlaqu taħt il-kopertura ta’ kwalunkwe dokument jew li tkun oġġett ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija.

45      Bil-kontra, skond il-gvernijiet ta' l-Iżvezja u l-Polonja, jirriżulta mill-Artikolu 9 tad-direttiva li kull trasport magħmul skond mod ta’ trasport atipiku huwa magħmul għal skopijiet kummerċjali. L-ewwel wieħed minn dawn il-gvernijiet iżid li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li l-individwi privati ma għandhomx jittrasportaw żejt minerali. Għalhekk, kull trasport ta’ dawn il-prodotti, anki dak imwettaq minn individwu privat għall-użu tiegħu, għandu jitqies li huwa ta’ natura kummerċjali, u għaldaqstant ikun suġġett għall-obbligi ta’ l-Artikolu 7(4) tad-direttiva.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat illi l-Artikolu 7(4) tad-direttiva, dwar iċ-ċaqliq ta’ prodotti suġġetti għas-sisa taħt il-kopertura ta’ dokument mehmuż, jirreferi għall-Artikolu 18(1) ta’ l-istess direttiva, li jipprevedi li kull prodott suġġett għas-sisa li jiċċaqlaq taħt arranġamenti ta’ sospensjoni bejn it-territorji ta’ Stati Membri differenti għandu jkollu miegħu dokument amministrattiv jew dokument kummerċjali stabbilit minn min jibagħtu.

47      L-Artikolu 18(3) tad-direttiva jipprevedi l-possibbiltà illi l-imsemmi dokument għandu jkollu wkoll dokument ieħor li jkun jiċċertifika li jkun tħallas id-dazju tas-sisa fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jew li kull proċedura oħra għall-ġbir tad-dazju tkun ġiet imħarsa skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Skond l-istess dispożizzjoni, dan id-dokument għandu juri d-data u r-referenza tal-ħlas tad-dazji jew l-aċċettazzjoni tal-garanzija tal-ħlas mill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

48      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1) tad-direttiva, li jsemmi l-prodotti li għandhom jiċċaqilqu taħt il-kopertura ta’ dokument mehmuż kif preskritt fil-paragrafu 4 ta’ l-istess Artikolu, isemmi biss il-prodotti “miżmuma għal għanjiet kummerċjali”.

49      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, id-Direttiva hawn tistabbilixxi distinzjoni bejn, minn naħa, dawn il-prodotti u, min-naħa l-oħra, il-prodotti miżmuma għal skopijiet personali, fejn it-trasport ma jeħtieġ ebda dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, EMU Tabac et, punti 23, u Joustra, punt 28).

50      Fil-fatt, safejn l-Artikolu 8 tad-direttiva tipprevedi illi, għall-prodotti miżmuma għal skopijiet personali, id-dazju tas-sisa jkun dovut fl-Istat Membru li fih ikunu ġew akkwistati, din id-dispożizzjoni ma tinħtieġ ebda dokument għat-trasport tagħhom lejn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EMU Tabac et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

51      Issa, għandu jiġi rrilevat illi ż-żejt għat-tisħin akkwistat minn individwu privat għall-użu tiegħu u ttrasportat minnu stess skond mod ta’ trasport atipiku huwa prodott miżmum għal skopijiet personali. Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, l-Artikolu 7(4) tad-direttiva ma jeħtieġx, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li dan il-prodott jiċċaqlaq taħt il-kopertura ta’ dokument mehmuż.

52      Ma jistax madankollu jiġi dedott minn din il-konklużjoni li Stat Membru ma jistax jimponi li t-trasport ta’ żejt għat-tisħin miżmum għal skopijiet personali jsir taħt il-kopertura ta’ dokument ta’ din il-kwalità.

53      Obbligu bħal dan jista’ ikun meħtieġ fil-każ ta’ trasport ta’ żjut minerali skond mod ta’ trasport atipiku, meta l-Istat Membru ta’ konsum, meta jeżerċita l-għażla prevista fl-Artikolu 9(3) tad-direttiva, jeżiġi l-ħlas ta’ dazju tas-sisa, hekk li tkun tista’ tikkontrolla l-pożizzjoni fiskali ta’ dawn il-prodotti.

54      Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tielet premessa u mill-Artikolu 18 tad-direttiva, l-għan tad-dokument mehmuż huwa b’mod partikolari li jidentifika l-merkanzija ttrasportata kif ukoll li tkun magħrufa l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-dejn fiskali li huma jkollhom.

55      Għal dan il-għan ma jistax għalhekk jiġi eskluż illi Stat Membru ta’ destinazzjoni jkun jista’ jimponi, fil-każ ta’ trasport ta’ żejt għat-tisħin minn individwu privat skond mod ta’ trasport atipiku, li dan ta’ l-aħħar ikollu dokument mehmuż li jiċċertifika l-kostituzzjoni ta’ garanzija tal-ħlas ta’ dazju tas-sisa.

56      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandha tingħata risposta lir-raba’ domanda magħmula li l-Artikolu 7(4) tad-direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni li fiha d-dazju jiġi impost, kif inhu permess taħt l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, li timponi fuq kull individwu privat li jakkwista personalment u għall-użu tiegħu żejt għat-tisħin fi Stat Membru ieħor fejn din il-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għall-konsum, u li jittrasporta huwa stess l-imsemmija merkanzija lejn dan l-Istat Membru ta’ destinazzjoni permezz ta’ “mod ta’ trasport atipiku” skond l-imsemmi Artikolu 9(3), li jikkostitwixxi garanzija sabiex jiggarantixxi l-ħlas ta’ dazju tas-sisa u li jkollu dokument mehmuż kif ukoll dokument li jiċċertifika l-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1992, ma jippermettix li jiġi ssuġġettat, b’mod ġenerali, għall-ħlas ta’ dazju tas-sisa fl-Istat Membru kkonċernat ta’ konsum, iż-żejt għat-tisħin akkwistat fi Stat Membru ieħor minn individwu privat għall-użu tiegħu, u ttrasportat minnu stess lejn l-imsemmi Stat Membru, ikun xi jkun il-mezz li dan l-individwu privat ikun uża għal dan it-trasport.

2)      It-trasport minn individwu privat ta’ 3 000 litru żejt għat-tisħin fi tliet GRV mgħobbija fuq vann jikkostitwixxi “mod ta’ trasport atipiku” skond l-Artikolu 9(3) tad-direttiva 92/12, kif emendata bid-direttiva 92/108.

3)      L-Artikolu 7(4) tad-direttiva 92/12, kif emendat bid-direttiva 92/108, ma jipprekludix lill-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni li fiha d-dazju huwa impost, kif inhu permess taħt l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, li timponi fuq kull individwu privat li jakkwista personalment u għall-użu tiegħu żejt għat-tisħin fi Stat Membru ieħor fejn din il-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għall-konsum, u jittrasporta hu stess l-imsemmija merkanzija lejn dan l-Istat Membru ta’ destinazzjoni permezz ta’ “mod ta’ trasport atipiku” skond l-imsemmi Artikolu 9(3), li jikkostitwixxi garanzija sabiex jiggarantixxi l-ħlas ta’ dazju tas-sisa u li jkollu dokument mehmuż kif ukoll dokument li jiċċertifika l-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.