Keywords
Summary

Keywords

Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 — Riunifikazzjoni tal-familja — Wild ta’ ħaddiem Tork li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal attività bi ħlas

(Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 59; Deċizjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE- Turkija, Artikolu 7(1), u (14)(1))

Summary

Hemm lok li jiġi konkluż li, mill-iskema ġenerali kif ukoll mill-finalità tad- Deċiżjoni Nru. 1/80, dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, ċittadin Tork, awtorizzat li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, meta kien minuri, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni, jitlef id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li huwa korollarju ta’ l-imsemmi dritt ta’ aċċess liberu f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri

- sakemm il-preżenza ta’ l-imsemmi immigrant fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-imġiba personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skond l-Artikolu 14(1) ta’ l-istess deċiżjoni, jew

- meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għal perijodu sinjifikattiv u bla raġunijiet leġittimi,

anki jekk huwa jkollu aktar minn 21 sena, ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu iżda jgħix b’mod indipendenti fl-Istat Membru kkonċernat, u ma jkunx disponibbli fis-suq tax-xogħol għal diversi snin minħabba li matul tali perijodu jkun serva piena ta’ priġunerija li għaliha jkun ġie kkundannat mingħajr il-benefiċċju ta’ sospensjoni.

Din l-interpretazzjoni mhijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li bih it-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament aktar favorevoli minn dak li huwa applikabbli bejn l-Istati Membri.

(ara l-punti 54, 57, 75 u d-dispożittiv)