Kawża C-325/05

Ismail Derin

vs

Landkreis Darmstadt-Dieburg

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula

mill-Verwaltungsgericht Darmstadt)

“Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali — Artikoli 6, 7 u 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 — Dritt ta’ aċċess liberu għall-impjieg skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 — Dritt ta’ residenza li huwa d-dritt korollarju tad-dritt ta’ aċċess liberu għall-impjieg — Ċittadin Tork ta’ aktar minn 21 sena li ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu — Kundanni penali — Kundizzjonijiet għat-telf tad-drittijiet miksuba — Kompatibbiltà mar-regola li r-Repubblika tat-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament aktar favorevoli minn dak applikabbli bejn l-Istati Membri”

Sommarju tas-sentenza

Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 — Riunifikazzjoni tal-familja — Wild ta’ ħaddiem Tork li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal attività bi ħlas

(Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 59; Deċizjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE- Turkija, Artikolu 7(1), u (14)(1))

Hemm lok li jiġi konkluż li, mill-iskema ġenerali kif ukoll mill-finalità tad- Deċiżjoni Nru. 1/80, dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, ċittadin Tork, awtorizzat li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, meta kien minuri, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni, jitlef id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li huwa korollarju ta’ l-imsemmi dritt ta’ aċċess liberu f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri

- sakemm il-preżenza ta’ l-imsemmi immigrant fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-imġiba personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skond l-Artikolu 14(1) ta’ l-istess deċiżjoni, jew

- meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għal perijodu sinjifikattiv u bla raġunijiet leġittimi,

anki jekk huwa jkollu aktar minn 21 sena, ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu iżda jgħix b’mod indipendenti fl-Istat Membru kkonċernat, u ma jkunx disponibbli fis-suq tax-xogħol għal diversi snin minħabba li matul tali perijodu jkun serva piena ta’ priġunerija li għaliha jkun ġie kkundannat mingħajr il-benefiċċju ta’ sospensjoni.

Din l-interpretazzjoni mhijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li bih it-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament aktar favorevoli minn dak li huwa applikabbli bejn l-Istati Membri.

(ara l-punti 54, 57, 75 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Lulju 2007 (*)

“Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali – Artikoli 6, 7 u 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 - Dritt ta’ aċċess liberu għall-impjieg skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 – Dritt ta’ residenza li huwa d-dritt korollarju tad-dritt ta’ aċċess liberu għall-impjieg – Ċittadin Tork ta’ aktar minn 21 sena li ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu − Kundanni penali − Kundizzjonijiet għat-telf tad-drittijiet miksuba − Kompatibbiltà mar-regola li r-Repubblika tat-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament aktar favorevoli minn dak applikabbli bejn l-Istati Membri”

Fil-kawża C‑325/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (l-Ġermanja), b’deċiżjonijiet tas-17 ta’ Awwissu u tal-21 ta’ Settembru 2005, li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Awwissu u fid-29 ta' Settembru 2005 rispettivament, fil-proċedura

Ismail Derin

vs

Landkreis Darmstadt-Dieburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, R. Schintgen (Relatur), A. Tizzano, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ 16 ta’ Novembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Nwaokolo, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u I. Kaufmann-Bühler, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal- 11 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), kif ukoll l-Artikoli 6, 7 u 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li stabbilixxa Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 217, 1964, p. 3685, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Derin, ċittadin Tork, u l-Landkreis Darmstadt-Dieburg fir-rigward ta’ proċedura ta’ tkeċċija mit-territorju Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-Assoċjazzjoni KEE-Turkija

3        L-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, skond l-Artikolu 2(1) tiegħu, huwa li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, b’mod partikolari permezz tat-twettiq progressiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 12 ta’ dan il-ftehim), bil-għan li jittejjeb il-livell tal-ħajja tal-poplu Tork u li tiġi ffaċilitata s-sħubija eventwali tar-Repubblika tat-Turkija fil-Komunità (ir-raba’ premessa tal-preambolu u l-Artikolu 28 ta’ l-istess Ftehim).

4        Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinvolvi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim), fażi tranżitorja, li matulha għandu jiġi assigurat l-istabbiliment progressiv ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim), u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (Artikolu 5 ta’ dan il-ftehim).

5        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula dan li ġej:

“Sabiex jassiguraw l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ Assoċjazzjoni, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiltaqgħu f’Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li għandu jaġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu permezz tal-Ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab taħt it-Titolu II tiegħu, iddedikat għall-“Implementazzjoni tal-fażi tranżitorja”, Kapitolu 3, intitolat “Dispożizzjonijiet oħra ta’ natura ekonomika”, jistipula:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skond l-Artikolu 22(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-ftehim u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni. Kull waħda miż-żewġ partijiet għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Il-Protokoll Addizzjonali li, skond l-Artikolu 62 tiegħu, jagħmel parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skond l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, l-arranġamenti u r-ritmi tat-twettiq tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim.

9        Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, intitolat “Moviment ta’ persuni u ta’ servizzi”, li l-Kapitolu I tiegħu jikkonċerna “[i]l-ħaddiema”.

10      L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li jifforma parti minn dan il-Kapitolu I, jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija għandu jintlaħaq progressivament, skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn l-aħħar tat-tnax u tat-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ta’ l-aħħar u li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti neċessarji għal dan il-għan.

11      L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab taħt it-Titolu IV ta’ dan ta’ l-aħħar, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali u finali”, jipprovdi kif ġej:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri japplikaw bejniethom skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Id-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha l-iskop, skond it-tielet premessa tagħha, li ttejjeb, fil-qasam soċjali, it-trattament li jgawdu minnu l-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom f’paragun mat-trattament previst permezz tad-Deċiżjoni Nru 2/76 li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kien adotta fl-20 ta’ Diċembru 1976.

13      L-Artikoli 6, 7 u 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jinsabu fil-Kapitolu II tagħha, iddedikat għad-“Dispożizzjonijiet soċjali”, bis-sezzjoni I, intitolata “Kwistjonijiet rigward l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”.

14      Skond l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80:

“1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu ma’ l-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor ta’ l-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartiment tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru;

–        għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju ta’ l-għażla tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprevedi:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

–      għandhom id-dritt, bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn ta’ l-anqas tliet snin;

–      għandhom igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn ta’ l-anqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn ta’ l-anqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistipula:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom jiġu applikabbli bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju

17      L-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1, aktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”), jipprovdi:

“1. Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

(a)       il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

(b)       qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu.

2.       Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.”

18      Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1612/68:

“Fejn ċittadin ta’ xi Stat Membru jkun qed iwettaq attività bħala mpjegat jew persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-konjuġi tagħha u t-tfal li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuqu għandu jkollhom id-dritt li jidħlu għal kwalunkwe attività bħala persuna mpjegata fit-territorju kollu ta’ dak l-istess Stat, anki jekk ma jkunux persuni ċittadini ta’ xi Stat Membru.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li I. Derin, imwieled fit-30 ta’ Settembru 1973, ġie awtorizzat fl-1 ta’ Lulju 1982 sabiex jingħaqad mal-ġenituri tiegħu fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.

20      Il-missier u l-omm ta’ I. Derin legalment eżerċitaw attività bħala impjegati f’dan l-Istat Membru matul 6 u 24 sena rispettivament.

21      Wara l-wasla tiegħu fil-Ġermanja, I. Derin attenda, mix-xahar ta’ Awwissu 1982 sax-xahar ta’ Lulju 1988, l-iskola primarja u, mix-xahar ta’ Awwissu 1988 sax-xahar ta’ Lulju 1990, skola professjonali. Huwa spiċċa l-edukazzjoni tiegħu fis-sens 1991 bil-kisba ta’ ċertifikat ta’ edukazzjoni sekondarja ta’ livell medju inferjuri (“mittlere Reife”).

22      Wara t-taħriġ tiegħu, l-individwu kkonċernat ħadem regolarment għal diversi prinċipali suċċessivament, iżda t-tul ta’ l-impjieg tiegħu kien dejjem inqas minn sena ma’ l-istess prinċipal.

23      Matul is-snin 1992 sa 1996, I. Derin legalment eżerċita attività ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu.

24      Fit-3 ta’ Settembru 2001, huwa beda taħriġ bil-għan li jitħarreġ mill-ġdid bħala xufier professjonali, iżda huwa kellu jwaqqaf dan it-taħriġ minħabba li ġie arrestat. Madankollu, huwa ġie impjegat mill-ġdid mis-17 ta’ Jannar 2005.

25      Mill-10 ta’ Diċembru 1990, I. Derin huwa titulari fil-Ġermanja ta’ permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat.

26      Fil-ħarifa tas-sena 1994, I. Derin telaq mid-dar tal-ġenituri u stabbilixxa d-dar tiegħu. Il-mara tiegħu, ta’ nazzjonalità Torka, ġiet awtorizzata tingħaqad miegħu fil-Ġermanja fl-24 ta’ Frar 2002.

27      Mix-xahar ta’ Awwissu tas-sena 1994, I. Derin ġie kkundannat diversi drabi b’multi għal diversi ksur u, b’sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2002, ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn sentejn u nofs talli daħħal klandestinament barranin fil-Ġermanja.

28      Fl-24 ta’ Novembru 2003, ittieħdet deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju Ġermaniż kontra tiegħu għal perijodu indeterminat. Huwa kellu jiġi mwassal sal-fruntiera malli jinħareġ mill-ħabs.

29      L-awtorità nazzjonali kompetenti tqis li I. Derin jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex, fil-prinċipju, ikun suġġett għal tkeċċija skond il-punt 1 ta’ l-Artikolu 47(2) tal-Liġi fuq il-barranin (Ausländergesetz, iktar ’il quddiem l-“AuslG”), dispożizzjoni li skondha barrani, bħala regola ġenerali, għandu jitkeċċa jekk ikun ġie kkundannat b’sentenza li saret res judicata għal piena ta’ priġunerija, mingħajr sospensjoni tas-sentenza, għal reat jew reati intenzjonati. Madankollu, billi r-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat fil-Ġermanja u billi daħal f’dan l-Istat Membru meta kien minuri, huwa jibbenefika minn protezzjoni addizzjonali kontra t-tkeċċija skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 48(1) ta’ l-AuslG u għaldaqstant jista jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija biss għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku. F’dan il-każ, din l-awtorità kienet obbligata tieħu d-deċiżjoni dwar it-tkeċċija billi tagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 47(3) ta’ l-AuslG.

30      F’dan ir-rigward, l-awtorità nazzjonali kompetenti kkunsidrat li, għalkemm huwa minnu li I. Derin ilu minn meta kien minuri jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż, huwa madankollu ma rnexxilux jintegra ruħu fis-soċjetà Ġermaniża. Huwa kien ġie kkundannat għall-ewwel darba fl-1994 u sussegwentement kien kontinwament reċidiv. Huwa ma kellu l-ebda sentiment li kien qed jagħmel ħażin, billi l-pieni li għalihom ġie kkundannat ma wasslux għal bdil fl-imġiba tiegħu. Għaldaqstant, kien hemm lok li jiġi preżunt li l-ewwel kundanna tiegħu għal piena ta’ priġunerija lanqas ma kienet ser twassal għal titjib f’din l-imġiba. It-tkeċċija ta’
I. Derin jista’ jkollha wkoll effett dissważiv fuq ċittadini barranin oħra li b’hekk jintebħu bil-konsegwenzi serji li twassal għalihom l-introduzzjoni klandestina ta’ barranin fi Stat Membru. Fil-fatt, fid-dawl tal-problema tal-preżenza fil-Ġermanja ta’ numru sinjifikattiv ta’ barranin f’sitwazzjoni irregolari, għandhom jittieħdu miżuri iebsa kontra l-persuni li jorganizzaw l-immigrazzjoni klandestina. Barra minn dan, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jibbenefika minn ebda dritt taħt l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jew taħt l-Artikolu 7 ta’ din ta’ l-aħħar, billi, minn naħa, huwa qatt ma kien impjegat mingħajr waqfien għal aktar minn sena ma’ l-istess prinċipal u billi, min-naħa l-oħra, huwa m’għadux jgħix mal-ġenituri tiegħu u m’għadux dipendenti fuq dawn ta’ l-aħħar.

31      Peress li l-appell li I. Derin ressaq kontra din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ġie miċħud fil-15 ta’ Settembru 2004, fil-5 ta’ Ottubru 2004 huwa ressaq rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Darmstadt fejn sostna li huwa jagħmel parti mill-grupp ta’ persuni protetti taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Huwa għalhekk jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14 ta’ din ta’ l-aħħar, li jissuġġetta t-tkeċċija għall-eżistenza ta’ periklu reali ta’ ksur ġdid serju ta’ l-ordni pubbliku, kundizzjoni li madankollu mhijiex sodisfatta f’dan il-każ.

32      Min-naħa l-oħra, skond il-konvenuta fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipproteġi biss l-ulied ta’ ħaddiema Torok ta’ inqas minn 21 sena u li huma dipendenti fuq il-ġenituri tagħhom.

33      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li I. Derin effettivament jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jikseb id-drittijiet previsti fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, minħabba r-residenza legali tiegħu matul aktar minn ħames snin taħt l-istess saqaf tal-ġenituri tiegħu, li huma ħaddiema Torok li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti.

34      Dik il-qorti tistaqsi madankollu dwar il-kundizzjonijiet li fihom ċittadin Tork f’sitwazzjoni bħal dik ta’ I. Derin jista’ jitlef id-drittijiet li huwa jkun kiseb abbażi ta’ l-imsemmi tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7.

35      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli (C-373/03, Ġabra p. I-6181), filwaqt li tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li r-raġunijiet għat-telf tad-drittijiet mogħtija permezz ta’ din id-dispożizzjoni huma limitati għal tnejn biss, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li l-preżenza ta’ l-immigrant Tork fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxi, minħabba l-imġiba personali tiegħu, periklu reali u serju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skond l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-persuna kkonċernata telqet mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi.

36      F’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ I. Derin ma taqa’ taħt ebda minn dawn iż-żewġ raġunijiet għat-telf tad-drittijiet mogħtija mit-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

37      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, skond l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, għandu jiġi vverifikat jekk tali limitazzjoni tar-raġunijiet għat-telf tad-drittijiet miksuba abbażi tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tistax twassal sabiex tiffavorixxi ċ-ċittadini Torok meta mqabbla mal-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru li, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, għandhom id-dritt li jistabbilixxu ruħhom ma’ dan il-ħaddiem, meta jkollhom inqas minn 21 sena jew ikunu dipendenti fuqu. F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ possibbiltajiet oħra li jiġu limitati d-drittijiet tiegħu b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, I. Derin, li mill-ħarifa tas-sena 1994 ma baqax jgħix mal-ġenituri tiegħu, għandu iktar minn 30 sena u mhuwiex aktar dipendenti fuq il-familja tiegħu, jinsab f’pożizzjoni aktar favorevoli mid-dixxendent ta’ ħaddiem immigrant Komunitarju.

38      Fit-tieni lok, fl-ipoteżi fejn I. Derin ikun effettivament tilef id-drittijiet li huwa għandu taħt it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, minħabba li għandu aktar minn 21 sena, minħabba li m'għadux jgħix mal-ġenituri tiegħu u minħabba li dawn ta’ l-aħħar ma jattendux aktar għall-bżonnijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-persuna kkonċernata tistax tibbaża ruħha fuq dispożizzjoni oħra ta’ din id-deċiżjoni sabiex tikseb protezzjoni kontra l-miżura ta’ tkeċċija meħuda abbażi ta’ l-Artikolu 14(1) ta’ din ta’ l-aħħar, u tistaqsi, b’mod iktar partikolari, safejn I. Derin jista’ jiġi mqabbel mal-persuni li kienu kisbu drittijiet b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess deċiżjoni.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Darmstadt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Huwa kumpatibbli ma’ l-Artikolu 59 tal-[Protokoll Addizzjonali] li ċittadin Tork, li daħal bħala wild fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, ma jitlifx id-dritt ta’ residenza korollarju għad-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu li huwa għandu taħt it-tieni inċiż ta’ [l-ewwel subparagrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] – ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv, bla raġunijiet leġittimi – anki meta ma jgħix aktar mal-ġenituri tiegħu, wara l-età ta’ 21 sena u meta l-ġenituri tiegħu ma jattendux aktar għall-bżonnijiet tiegħu?

2)      Dan iċ-ċittadin Tork ikompli – minkejja t-telf tad-drittijiet li huwa għandu taħt it-tieni inċiż ta’ [l-ewwel subparagrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] – jibbenefika mill-protezzjoni speċjali li jagħtih l-Artikolu 14 ta’ [din id-]Deċiżjoni […], meta, wara li waqaf jgħix taħt l-istess saqaf bħall-ġenituri tiegħu, ġie impjegat b’mod mhux kontinwu, bla ma akkwista fil-kwalità ta’ impjegat il-benefiċċju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u billi eżerċita attività indipendenti b’mod eżklużiv fuq perijodu ta’ diversi snin?”

 Fuq l-ewwel domanda

40      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li l-ewwel domanda tirreferi għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jibbenifika mid-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu kif ukoll mid-dritt ta’ residenza, li huwa l-korollarju ta’ l-ewwel dritt, mogħtija taħt it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

41      Għalkemm huwa paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali effettivament kiseb tali drittijiet abbażi ta’ l-imsemmija dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Gvern Taljan u l-Gvern tar-Renju Unit madankollu qajmu l-kwistjoni ta’ jekk is-sitwazzjoni ta’ l-individwu kkonċernat taqax pjuttost taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni.

42      Fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali kif irrapportati fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa fil-fatt probabbli li I. Derin, li, bħala wild ta’ missier u omm Torok li kienu eżerċitaw attività professjonali regolari għal 6 u 24 sena rispettivament fl-Istat Membru ospitanti, temm fit-territorju ta’ dan ta’ l-aħħar taħriġ professjonali, jista’ jinvoka drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg kif ukoll ta’ residenza f’dan l-Istat Membru b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 7, li jikkostitwixxi, meta mqabbel ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-istess Artikolu 7, dispożizzjoni iktar favorevoli (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1998, Akman, C-210/97, Ġabra p. I-7519, punti 35 u 38, u tas-16 ta’ Frar 2006, Torun, C‑502/04, Ġabra p. I‑1563, punti 22 sa 24).

43      Madankollu, hija biss il-qorti tar-rinviju li hija responsabbli sabiex tikkonstata l-fatti li huma l-bażi tal-kawża li għandha quddiemha u sabiex tevalwa liema waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti għandha tapplika fil-kawża prinċipali.

44      Għandu jingħad ukoll li d-domanda magħmula hija sostanjalment intiża sabiex jiġu ddeterminati r-raġunijiet li għalihom ċittadin Tork bħal I. Derin jista’ jitlef id-drittijiet li huma mogħtija lilu, fl-Istat Membru ospitanti, permezz tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fir-rigward ta’ l-aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu u, korrelattivament, ta’ residenza.

45      Issa, kif l-Avukat Ġenerali jinnota tajjeb fil-punti 35 u 78 tal-Konklużjonijiet tiegħu, id-drittijiet miksuba skond l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jintilfu taħt l-istess kundizzjonijiet, irrispettivament mill-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni konkreta li waslet għal kontroversja taqax taħt l-ewwel jew it-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Torun, iċċitata aktar ’il fuq, punti 21 sa 25).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li ċittadin Tork bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel jew tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa irrilevanti għall-eżami ta’ l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

47      Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, għandu jiġi kkonstatat mill-ewwel li mhuwiex ikkontestat li, minn naħa, bħall-Artikolu 6(1) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-istess Artikolu 7 għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’tali mod li ċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tiegħu jistgħu jinvokaw direttament id-drittijiet li jagħtihom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Torun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19), u li, min-naħa l-oħra, id-drittijiet li din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar tagħti lill-wild ta’ ħaddiem Tork f’dak li jirrigwarda l-impjieg fl-Istat Membru kkonċernat jimplikaw neċessarjament l-eżistenza ta’ dritt korrelattiv ta’ residenza għall-persuna kkonċernata, altrimenti d-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u li tiġi eżerċitata attività b’salarju b’mod effettiv jiġi pprivat minn kull effett (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C-467/02, Ġabra p. I-10895, punt 31).

48      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplika għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li, bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jappartjeni jew li kien jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti, jew ġie awtorizzat li jingħaqad ma’ l-imsemmi ħaddiem għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew twieled u rrisjeda dejjem f’dak l-Istat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Aydinli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikabbiltà ta’ l-imsemmija dispożizzjoni għal dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet hija indipendenti mill-fatt li, fid-data tal-fatti li wasslu għall-kawża, il-persuna kkonċernata kienet maġġorenni u ma kinitx tirrisjedi aktar f’konvivenza mal-familja tagħha, iżda kienet tgħix b’mod indipendenti mill-ħaddiem fl-Istat Membru kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Aydinli, punt 22, kif ukoll, b’analoġija, Torun, punti 27 u 28).

50      Għalhekk, tali ċittadin Tork ma jistax jitlef dritt akkwistat abbażi ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minħabba li ċ-ċirkustanzi jinbidlu fis-sens deskritt fil-punt preċedenti. Fil-fatt, id-dritt tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jkollhom aċċess, wara ċertu żmien, għal impjieg fl-Istat Membri ospitati huwa intiż, preċiżament, sabiex jikkonsolida l-pożizzjoni tagħhom f’dak l-Istat Membru billi joffrilhom il-possibbiltà li jsiru indipendenti (ara s-sentenza Aydinli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

51      Minbarra dan, għalkemm l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jeżiġi, fil-prinċipju, li l-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork ikun effettivament jgħix ma’ dan il-ħaddiem għal perijodu ta’ tliet snin li matulu l-persuna kkonċernata ma tissodisfax hija stess il-kundizzjonijiet sabiex ikollha aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman, C-351/95, Ġabra p. I‑2133, punti 33, 37, 40, 41 u 44; tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C-329/97, Ġabra p. I-1487, punti 36 u 37; tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp, C-65/98, Ġabra p. I-4747, punti 28 u 29, kif ukoll Cetinkaya, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30), dan ma jbiddilx il-fatt li l-Istati Membri ma jibqgħalhomx id-dritt li jimponu kundizzjonijiet fuq ir-residenza ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork wara dan il-perijodu ta’ tliet snin u dan japplika iktar u iktar għal immigrant Tork li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ergat, punti 37 sa 39; Cetinkaya, punt 30, u Aydinli, punt 24).

52      Kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 u 31, kif ukoll fil-punti 120 sa 123 tal-Konklużjonijiet tiegħu, f’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod aktar partikolari, fil-konfront tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li, bħal I. Derin, wara ħames snin ta’ residenza legali jibbenefikaw mid-dritt ta’ aċċess liberu għall-impjieg fl-Istat Membru ospitanti kif previst mit-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, li mhux biss l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni għandu bħala konsegwenza li l-persuni kkonċernati jiksbu dritt individwali f’dak li jirrigwarda impjieg direttament mid-Deċiżjoni Nru 1/80, iżda, barra minn dan, l-effett reali ta’ dan id-dritt neċessarjament jimplika l-eżistenza ta’ dritt korrelattiv għal residenza li huwa indipendenti miż-żamma tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għal dawn id-drittijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenżi ċċitati iktar ’il fuq Ergat, punt 40; Cetinkaya, punt 31, u Aydinli, punt 25).

53      Konsegwentement, il-fatt li l-kundizzjoni sabiex wieħed ikun eleġibbli għad-dritt in kwistjoni, f’dan il-każ il-konvivenza mal-ħaddiem Tork għal ċertu perijodu, tispiċċa wara li l-membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem jakkwista d-dritt imsemmi mhuwiex ta’ natura tali li jista’ jqajjem dubju dwar it-tgawdija ta’ dan id-dritt (ara s-sentenza Aydinli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Interpretazzjoni differenti ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tkunx konformi ma’ l-iskema ġenerali u ma’ l-għan ta’ din id-deċiżjoni, li hija intiża sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni gradwali fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u li, għaldaqstant, jibbenefikaw mid-drittijiet li din id-deċiżjoni tagħtihom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam, C-171/01, Ġabra p. I‑4301, punt 79).

54      Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-limiti għad-drittijiet li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirrikonoxxi lill-membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu jistgħu jkunu biss ta’ żewġ tipi, jiġifieri, jew il-fatt li l-preżenza ta’ l-immigrant Tork fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-imġiba personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skond l-Artikolu 14(1) ta’ l-istess deċiżjoni, jew il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ergat, punti 45, 46 u 48; Cetinkaya, punti 36 u 38; Aydinli, punt 27, u Torun, punt 21).

55      Peress li d-Deċiżjoni Nru 1/80 tagħmel distinzjoni netta bejn is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema Torok li jkunu eżerċitaw impjieg legali matul perijodu determinat fl-Istat Membru kkonċernat (Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni) u dik tal-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema li jkunu legalment preżenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat (Artikolu 7 ta’ l-istess deċiżjoni) u peress li, fl-iskema ġenerali ta’ l-imsemmija deċiżjoni, dan l-artikolu ta’ l-aħħar jikkostitwixxu lex specialis fir-rigward tad-drittijiet gradwalment estiżi skond il-perijodu ta’ twettiq ta’ attività b’salarju legali, imsemmija fit-tliet inċiżi ta’ l-imsemmi Artikolu 6(1) (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C-317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I-12301, punt 78; Aydinli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, u Torun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17), id-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jistgħux jiġu limitati fl-istess ċirkustanzi bħal dawk mogħtija mill-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Aydinli, punt 31, u Torun, punt 26).

56      B’mod iktar partikolari, iċ-ċittadin Tork li jkun ingħata drittijiet abbażi ta’ l-imsemmi Artikolu 7 ma jistax jiddekadi minnhom minħabba nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ impjieg dovut għal kundanna għal piena ta’ priġunerija, anki jekk din tkun piena ta’ diversi snin u tingħata mingħajr sospensjoni, u lanqas minħabba li huwa f’ebda mument ma akkwista drittijiet relatati ma’ impjieg u ma’ residenza skond l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Aydinli, punt 28, u Torun, punt 26). Fil-fatt, b’differenza mill-ħaddiema Torok li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, l-istatus ta’ membri tal-familja tagħhom imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ l-istess deċiżjoni ma jiddependix mill-eżerċizzju ta’ attività b’salarju.

57      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li mill-iskema ġenerali kif ukoll mill-finalità tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li ċittadin Tork f’sitwazzjoni tali bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jibbenefika mid-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu abbażi tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, ma jitlifx id-dritt għar-residenza li huwa korollarju ta’ l-imsemmi dritt ta’ aċċess liberu ħlief f’żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14(1) ta’ l-istess deċiżjoni jew meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u bla raġunijiet leġittimi. Għall-kuntrarju, tali ċittadin Tork ma jitlifx dan id-dritt għar-residenza la minħabba l-assenza tiegħu fit-tul mis-suq tax-xogħol dovut għal priġunerija, anki jekk din tkun piena ta’ diversi snin u tingħata mingħajr sospensjoni, u lanqas minħabba l-fatt li, fid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, huwa kellu aktar minn 21 sena, ma kienx jirrisjedi aktar mal-ħaddiem Tork li minħabba fih huwa jgawdi d-dritt ta’ residenza tiegħu u ma kienx aktar dipendendenti fuq dan ta’ l-aħħar, iżda kien jgħix b’mod indipendenti minn dan il-ħaddiem (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Aydinli, punt 32, u, b’analoġija, Torun, punt 29).

58      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt preċedenti hijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

59      Peress li ma kinitx konvinta min-natura eżawrjenti tal-kawżi ta’ dekadenza tad-drittijiet mogħtija abbażi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li jirriżultaw minn interpretazzjoni tali, dik il-qorti tissuġġerixxi fil-fatt li, barra mill-kundizzjonijiet elenkati mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza sabiex jinżammu d-drittijiet kweżiti, il-wild ta’ ħaddiem Tork għandu jissodisfa wkoll il-kriterji previsti mid-dritt Komunitarju derivat u, b’mod partikolari, l-Artikoli 10(1) u 11 tar-Regolament Nru 1612/68 li jkopru biss it-tfal ta’ inqas minn 21 sena jew dipendenti fuq il-ħaddiem.

60      Konsegwentement, it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu, skond il-qorti tar-rinviju, jiġi interpretat fis-sens li ċittadin Tork, li ġie awtorizzat sabiex jidħol, qabel ma għalaq il-21 sena, fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu f’dan l-Istat, jitlef id-dritt għall-impjieg kif ukoll id-dritt korollarju ta’ residenza f’dan l-Istat meta jilħaq l-età ta’ 21 sena jew meta ma jibqax dipendenti aktar fuq il-familja tiegħu.

61      Interpretazzjoni differenti ta’ l-imsemmija dispożizzjoni jkollha bħala konsegwenza li l-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru jkun jinsab f’sitwazzjoni iktar favorevoli mid-dixxendent ta’ ħaddiem immigrant Komunitarju.

62      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel bidu nett jiġi kkonstatat li, skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1612/68, it-tfal li għandhom inqas minn 21 sena jew li jkunu dipendenti fuq ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li jkun impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jibbenefikaw mid-dritt inkundizzjonali li jinstallaw ruħhom ma’ dan il-ħaddiem immigrant Komunitarju.

63      Għall-kuntrarju, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jissuġġetta espressament ir-riunifikazzjoni tal-familja għall-awtorizzazzjoni li wieħed jingħaqad mal-ħaddiem immigrant Tork li għandha tingħata in konformità mal-preskrizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz, C‑275/02, Ġabra p. I-8765, punti 34 u 35).

64      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija − salv fis-sitwazzjoni partikolari fejn iċ-ċittadin Tork twieled u dejjem irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti − ir-riunifikazzjoni tal-familja ma tikkostitwixxix dritt għall-membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork, iżda tiddependi, għall-kuntrarju, minn deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali meħuda biss b’applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat, bla ħsara għall-kundizzjoni li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali kif stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 72).

65      It-tieni nett, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1612/68, it-tfal li għandhom id-dritt li jinstallaw ruħhom mal-ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li jkun impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jibbenefikaw, minn dan il-fatt biss, mid-dritt ta’ aċċess għal kull attività b’salarju fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li d-dritt ta’ l-ulied ta’ ħaddiem immigrant Tork li jeżerċitaw impjieg huwa rregolat speċifikament fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dispożizzjoni li f’dan ir-rigward tipprevedi kundizzjonijiet differenti li jvarjaw skond it-tul tal-perijodu tar-residenza legali ma’ dan il-ħaddiem immigrant li permezz tiegħu huma jibbenefikaw minn drittijiet. Għalhekk, matul l-ewwel tliet snin ta’ residenza, l-ebda dritt bħal dan ma jingħata liċ-ċittadini Torok, filwaqt li, wara tliet snin ta’ residenza legali mal-familja tagħhom, huma jkollhom id-dritt li jirrispondu għal offerta ta’ xogħol, bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri. Huwa biss wara ħames snin ta’ residenza legali li huma jibbenefikaw minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tagħhom.

66      Fl-aħħar nett, skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri, iċ-ċittadini Torok ma jibbenefikawx minn moviment liberu ġewwa l-Komunità, iżda jistgħu jgawdu biss minn ċerti drittijiet fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti biss (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik, C-171/95, Ġabra p. I-329, punt 29; tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas, C-37/98, Ġabra p. I-2927, punt 59, u Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

67      Barra minn dan, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet ibbażati fuq l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu ristretti tipprovdi, barra mill-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, li tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini Torok u għaċ-ċittadini Komunitarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Nazli, C‑340/97, Ġabra p. I‑957, punti 55, 56 u 63), kawża ulterjuri ta’ dekadenza ta’ l-imsemmija drittijiet li tolqot biss lill-immigranti Torok, jiġifieri l-fatt li dawn ta’ l-aħħar jitilqu mill-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi (ara l-punti 54 u 57 ta’ din is-sentenza). F’sitwazzjoni tali, l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat huma intitolati li jeżiġu li, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun tixtieq terġa’ tinstalla ruħha f’dan l-Istat, hija għandha tressaq applikazzjoni ġdida bil-għan li tiġi awtorizzata sabiex jew tingħaqad mal-ħaddiem Tork jekk hija għadha dipendenti fuq dan ta’ l-aħħar, jew sabiex tkun aċċettata bil-għan li teżerċita impjieg f’dak l-Istat abbażi ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-istess deċiżjoni (ara s-sentenza Ergat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni tal-wild ta’ ħaddiem immigrant Tork ma tistax tiġi raġonevolment imqabbla ma’ dik ta’ dixxendent ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, minħabba d-differenzi kunsiderevoli li jeżistu bejn is-sitwazzjoni legali rispettiva tagħhom, billi n-natura aktar favorevoli tas-sitwazzjoni li minnha jibbenefika dan ta’ l-aħħar tirriżulta fuq kollox mit-termini stess tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

69      Għaldaqstant, kuntrarjament għall-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi validament sostnut li, minħabba l-limitazzjoni tal-kawżi tat-telf tad-dritt ta’ residenza tiegħu kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punti 54 u 57 ta’ din is-sentenza), membru tal-familja ta’ ħaddiem immigrant Tork li ġie awtorizzat sabiex jingħaqad ma’ dan ta’ l-aħħar fi Stat Membru jinsab f’sitwazzjoni aktar favorevoli minn dik irriżervata lil membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, b’tali mod li jkun hemm ksur tar-regola stabbilita fl-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

70      Barra minn dan, l-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 huma miktuba b’mod differenti.

71      Barra minn dan, tali interpretazzjoni jkollha inevitabbilment bħala effett li tirrendi l-istatus legali ta’ l-ulied ta’ ħaddiema immigranti Torok iktar prekarju skond l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu, għall-kuntrarju, l-għan ta’ konsolidazzjoni gradwali tas-sitwazzjoni tal-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema fl-Istat Membru kkonċernat billi jippermettilhom, wara ċertu żmien, li jgħixu b’mod indipendenti.

72      Barra minn dan, kif jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija qorti, kif spjegata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, hija essenzjalment ibbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 52 tal-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja li l-kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip mhumiex riprodotti fil-motivazzjoni ta’ l-imsemmija sentenza.

73      Peress li l-qorti tar-rinviju espressament ifformulat mill-ġdid l-ewwel domanda tagħha wara li ngħatat is-sentenza Aydinli, iċċitata iktar ’il fuq, bil-għan li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina mill-ġdid ir-rilevanza ta’ din id-domanda, għandu jerġa’ jiġi rrilevat li, minn naħa, l-interpretazzjoni mogħtija fl-imsemmija sentenza tal-portata tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tagħmilx ħlief tikkonferma dik diġà mogħtija fir-rigward ta’ l-istess dispożizzjoni fil-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ergat u Cetinkaya). Minn naħa l-oħra, din l-istess interpretazzjoni ġiet estiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi ta’ motivi identiċi, għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ l-imsemmija deċiżjoni (sentenza Torun, iċċitata iktar ’il fuq). Barra minn dan, m’huwa invokat l-ebda element ta’ natura li jiddistingwi b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni fattwali u legali tal-kawża prinċipali minn dik tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ergat, Cetinkaya, Aydinli u Torun, b’tali mod li f’dan il-każ ma teżisti ebda raġuni valida li tiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha fuq dan il-punt.

74      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin Tork kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti wara li ġie kkundannat, f’dak l-Istat, għal diversi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jiġi ppreċiżat li huwa l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li jipprovdi l-kuntest legali adegwat li jippermetti lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri li huma meħtieġa, filwaqt li huwa mifhum, madankollu, li l-imsemmija awtoritajiet huma obbligati jagħmlu evalwazzjoni ta’ l-imġiba personali ta’ l-awtur ta’ ksur kif ukoll tan-natura attwali, reali u suffiċjentement gravi tal-periklu li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika u li, barra minn dan, huma għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nazli, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 sa 61, u, b’analoġija, tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C-100/01, Ġabra p. I-10981, punti 39, 43 u 44). B’mod aktar partikolari, miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq l-Artikolu 14(1) tad-deċiżjoni msemmija tista’ tittieħed biss jekk l-imġiba individwali tal-persuna kkonċernata tindika riskju reali ta’ ksur ġdid u serju ta’ l-ordni pubbliku. Miżura bħal din, għalhekk, ma tistax tiġi ordnata awtomatikament wara kundanna penali u bil-għan ta’ prevenzjoni ġenerali (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Dogan, C-383/03, Ġabra p. I-6237, punt 24).).

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li ċittadin Tork, awtorizzat sabiex jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, meta kien minuri, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1/80, jitlef id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li huwa korollarju ta’ l-imsemmi dritt ta’ aċċess liberu f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri

–        fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni jew

–        meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi,

anki jekk huwa jkollu aktar minn 21 sena, ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu iżda jgħix b’mod indipendenti fl-Istat Membru kkonċernat, u ma jkunx disponibbli fis-suq tax-xogħol għal diversi snin minħabba li matul tali perijodu jkun serva piena ta’ priġunerija li għaliha jkun ġie kkundannat mingħajr il-benefiċċju ta’ sospensjoni. Interpretazzjoni tali mhijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

 Fuq it-tieni domanda

76      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni domanda preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

77      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Ċittadin Tork, awtorizzat sabiex jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, meta kien minuri, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, jitlef id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li huwa korollarju ta’ l-imsemmi dritt ta’ aċċess liberu f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri:

–        fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14(1) ta' din id-deċiżjoni jew

–        meta jitlaq mit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi,

anki jekk huwa jkollu aktar minn 21 sena, ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu iżda jgħix b'mod indipendenti fl-Istat Membru kkonċernat, u ma jkunx disponibbli fis-suq tax-xogħol għal diversi snin minħabba li matul tali perijodu jkun serva piena ta' priġunerija li għaliha jkun ġie kkundannat mingħajr il-benefiċċju ta' sospensjoni. Interpretazzjoni tali mhijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta' Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta' Diċembru 1972.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.