SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja ─ Artikolu 98(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ─ Atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ─ Obbligu għal qorti ta’ trade marks Komunitarji li toħroġ ordni sabiex twaqqaf terz milli jwettaq atti bħal dawn ─ Kunċett ta’ ‘raġunijiet speċjali’ għalfejn m’għandhiex tordna projbizzjoni bħal din ─ Obbligu għal qorti ta’ trade marks Komunitarji li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li tiġi osservata projbizzjoni bħal din ─ Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni flimkien ma’ sanzjonijiet kriminali"

Fil-kawża C-316/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2005, fil-kawża

Nokia Corp.

vs

Joacim Wärdell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, K. Schiemann u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Nokia Corp., minn H. Wistam, advokat,

–       għal J. Wärdell, minn B. Stanghed, advokat,

–       għar-Repubblika Franċiża, minn G. de Bergues u J.-C. Niollet, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 98(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-"regolament").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       L-Artikolu 9 tar-regolament, intitolat "Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja", jiddisponi li:

"1.      It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a)      kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

[…]

2.      Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

(a)      it-twaħħil ta’ sinjal mal-prodotti jew ma’ l-imballaġġ tiegħu;

[…]

(ċċċ)      l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti b’dak is-sinjal;

[…]"

3       L-Artikolu 14 tar-regolament, intitolat "L-applikazzjoni kumplimentari tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ vjolazzjoni", jippreċiża li:

"1.      L-effetti ta’ trade marks Komunitarji għandhom jiġu regolati biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. F’aspetti oħrajn, il-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi irregolata mill-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-vjolazzjoni ta’ trade marks nazzjonali skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X.

[…]

3.      Ir-regoli ta’ proċedura applikabbli għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X."

4       It-Titolu X tar-regolament, intitolat "Il-ġurisdizzjoni u l-proċedura f’kawżi li jirrigwardaw trade marks komunitarji" jinkludi l-Artikoli 90 sa 104.

5       Skond l-Artikoli 91(1) u 92(a) tar-regolament, l-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom qrati u tribunali nazzjonali ta’ l-ewwel u tat-tieni istanza, msejħa "il-qrati tat-trade marks Komunitarji", li għandhom ġurisdizzjoni esklużiva fuq kull kawża ta’ vjolazzjoni u – jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

6       L-Artikolu 97 tar-regolament jipprovdi li:

"1.      Il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.      Fil-kwistjonijiet kollha li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika l-liġi nazzjonali tagħha, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat tagħha.

3.      Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn hija għandha s-sede tagħha."

7       L-Artikolu 98 tar-regolament jiddisponi li:

"1.      Meta l-qorti tat-trade marks Komunitarji ssib li l-konvenut għamel vjolazzjoni jew hedded li jagħmel vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja, hija għandha, sakemm ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor, toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu għamlu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jagħmlu vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja. Għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri skond il-liġi nazzjonali li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.

2.      F’kull aspett ieħor il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika l-liġi ta’ l-Istati Membru fejn twettqet il-vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat."

 Il-leġiżlazzjoni Żvediża

8       SkondSkond l-Artikolu 4 tal-liġi (1960:644) dwar it-trade marks (varumärkeslagen, iktar ‘il quddiem il-"liġi dwar it-trade marks"), id-dritt li jitwaħħal sinjal distintiv fuq il-merkanziji tagħha jimplika li persuna oħra li mhijiex il-proprjetarja tas-sinjal, ma tistax, matul il-kummerċ, tuża’ bħala sinjal għall-merkanziji tagħha indikazzjonijiet li jistgħu joħolqu konfużjoni, kemm jekk dawn il-merkanziji jitqiegħdu għall-bejgħ jew huma ddestinati li jitqiegħdu għall-bejgħ fl-Iżvezja jew barra mill-pajjiż jew jekk ikunu ġew importati.

9       L-Artikolu 37 tal-liġi dwar it-trade marks jistabbilixxi li pieni jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ vjolazzjoni, kemm jekk din tkun intenzjonata jew jekk tirriżulta minn negliġenza gravi.

10     L-Artikolu 37a tal-liġi dwar it-trade marks jipprovdi li qorti tista’, fuq talba tal-proprjetarju tat-trade mark, tipprojbixxi taħt piena ta’ ammenda lill-awtur tal-vjolazzjoni milli jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni. Il-qorti tar-rinviju indikat li din id-dispożizzjoni hija fakultativa.

11     L-Artikolu 66 tal-liġi dwar it-trade marks jiddisponi li, minn naħa, l-Artikolu 37 ta’ din il-liġi hija applikabbli fil-każ ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Huwa jippreċiża, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 37a ta’ l-istess liġi huwa applikabbli safejn ir-regolament ma jgħidx mod ieħor.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Nokia Corp. (iktar ‘il quddiem "Nokia") hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali Nokia, irreġistrata kemm bħala trade mark nazzjonali Żvediż kif ukoll bħala trade mark Komunitarja, b’mod partikolari, għall-prodotti tat-"telefonijiet ċellulari u l-aċċessorji tagħhom".

13     Fl-2002, J. Wärdell importa mill-Filippini "flash stickers". Dawn huma stikers li jitqiegħdu fuq it-telefonijiet ċellulari u fihom light emitting diode li tpetpet meta t-telefon idoqq.

14     WaqtWaqt kontroll tad-dwana, deher li parti minn dawn il-"flash stickers" kellhom it-trade mark Nokia, mwaħħla kemm fuq l-istess prodott, kemm fuq l-imballaġġ. J. Wärdell indika li kien żball fil-kunsinna mwettaq, mingħajr l-għarfien tiegħu, mill-fornitur.

15     BillBilli tallega li J. Wärdell kien ħati ta’ vjolazzjoni, Nokia bdiet proċedimenti legali kontra dan ta’ l-aħħar quddiem is-Stockholms tingsrätt sabiex tipprojbixxilu, taħt piena ta’ ammenda, li juża fl-attivitajiet kummerċjali tiegħu sinjali suxxettibbli li joħolqu konfużjoni mat-trade mark Żvediża u Komunitarja Nokia.

16     It-tingsrätt iddeċidiet li kien hemm provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-vjolazzjoni. Peress li J. Wärdell indika li kien ikkunsidra jimporta "flash stickers" oħra, din il-qorti kkunsidrat li jeżisti riskju ta’ repetizzjoni ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni u ddikjarat fir-rigward tiegħu l-projbizzjoni taħt piena ta’ l-ammenda mitluba.

17     Wara appell ta’ J. Wärdell, is-Svea hovrätt iddeċidiet li dan ta’ l-aħħar wettaq att li jikkostitwixxi vjolazzjoni u li kien jeżisti riskju li ‘l quddiem ikun ħati ta’ l-istess atti fir-rigward tat-trade marks ta’ Nokia. Madankollu, billi kkonstatat illi J. Wärdell qatt ma wettaq atti bħal dawn qabel u li negliġenza biss tista’ tiġi attribwita lilu, din il-qorti kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tiġi imposta projbizzjoni taħt piena ta’ ammenda.

18     Nokia għalhekk ressqet appell quddiem il-Högsta domstolen. Hija tqis li s-sempliċi fatt li J. Wärdell wettaq oġġettivament vjolazzjoni kontra d-dritt ta’ trade mark tagħha huwa biżżejjed sabiex tikkundannah għal projbizzjoni taħt piena ta’ ammenda.

19     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

" "1)      Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet speċjali’ li jinsab fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk qorti ssib il-konvenut ħati ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, hija tista’, irrispettivament mill-fatti l-oħra, tastjeni milli tordna projbizzjoni speċifika milli jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jekk tqis li r-riskju li dawn l-atti jirrepetu ruħhom mhuwiex manifest jew li dan ir-riskju huwa, b’xi mod, limitat?

2)      Dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li, jekk qorti ssib il-konvenut ħati ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, hija tista’, anki fin-nuqqas ta’ motiv ta’ astensjoni bħal dak imsemmi fl-ewwel domanda, tastjeni milli tordna projbizzjoni bħal din peress illi t-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni huwa kopert b’mod ċar minn projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li sanzjoni kriminali tista’ tiġi imposta fuq il-konvenut fil-każ ta’ atti illegali, kemm jekk huma intenzjonati jew jekk jirriżultaw minn negliġenza gravi?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, hemm lok f’dan il-każ li jiġu adottati miżuri speċjali, fejn per eżempju l-projbizzjoni tingħaqad flimkien ma’ ammenda, sabiex jassiguraw li tiġi osservata din il-projbizzjoni, minkejja l-fatt li t-twettiq ta’ l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni huwa kopert b’mod ċar minn projbizzjoni legali ġenerali tal-vjolazzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li sanzjoni kriminali tista’ tiġi imposta fuq il-konvenut fil-każ li jwettaq atti illegali, kemm jekk huma intenzjonati jew jekk jirriżultaw minn negliġenza gravi?

4)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda, din tapplika wkoll fil-każ fejn il-kundizzjonijiet sabiex jittieħdu miżuri speċjali bħal dawn fil-każ ta’ vjolazzjoni simili ta’ trade mark nazzjonali mhumiex ikkunsidrati bħala sodisfatti?"

 Fuq l-ewwel domanda

20     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li r-riskju li jerġgħu jitwettqu atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja mhuwiex manifest jew li huwa, b’xi mod, limitat jikkostitwixxi raġuni speċjali, għal qorti ta’ trade marks Komunitarji, għalfejn m’għandhiex tordna lill-konvenut jieqaf milli jwettaq dawn l-atti.

21     Issa, jirriżulta mill-ħtiġijiet kemm ta’ l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludu ebda riferiment speċifiku għad-dritt ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; u tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Feron, C‑170/03, Ġabra p. I‑2299, punt 26).

22     Dan huwa l-każ għal dak li jirrigwarda l-kliem "raġunijiet speċjali" li jinsabu fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament.

23     Huwa minnu li l-Artikolu 14(1) tar-regolament jiddisponi li "il-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi irregolata mill-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-vjolazzjoni ta’ trade marks nazzjonali skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X".

24     Madankollu, minn naħa, din ir-riferenza għal-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri ma teskludix li jiġu stabbiliti, mil-leġiżlatur Komunitarju, ċertu numru ta’ regoli li jirregolaw b’mod uniformi l-kwistjoni tal-vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji, kif ukoll tindika l-preċiżazzjoni "skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X".

25     Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mit-tieni premessa, is-sistema Komunitarja tat-trade marks stabbilita mir-regolament hija intiża, b’mod partikolari, sabiex l-impriżi "[jkunu jistgħu jiksbu] trade mark Komunitarja […] li […] tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fil-Komunità kollha".

26     Huwa essenzjali, għall-fini tal-pttal-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji, li tiġi osservata l-projbizzjoni tal-vjolazzjoni ta’ dawn it-trade marks.

27     Jekk il-kunċett ta’ "raġunijiet speċjali" għandu jiġi interpretat b’mod differenti fl-Istati Membri differenti, l-istess fatti jistgħu jagħtu lok għal projbizzjonijiet li jitwettqu dawn l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni f’ċertu Stati u mhux f’oħrajn. Għalhekk, il-protezzjoni ggarantita lit-trade marks Komunitarji mhijiex uniformi fuq it-territorju kollu tal-Komunità.

28     Il-kunċett ta’ ""raġunijiet speċjali" għandu jingħata interpretazzjoni uniformi fl-ordinament ġuridiku Komunitarju.

29     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel l-ewwel nett, li, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament hija fformulata f’termini imperattivi (ara, b’mod partikolari, fl-Ispanjol, "dictará providencia para prohibirle", fil-Ġermaniż, "verbietet", fl-Ingliż, "shall […] issue an order prohibiting", fil-Franċiż, "rend […] une ordonnance lui interdissant", fit-Taljan, "emette un’ordinanza vietandogli" u, fl-Olandiż, "verbiedt").

30     Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, it-0il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha toħroġ ordni sabiex twaqqaf it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni u, għaldaqstant, li l-kunċett ta’ "raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor" – li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-ifformular ta’ din l-istess dispożizzjoni, jikkostitwixxi deroga għal dan l-obbligu (ara, b’mod partikolari, fl-Ispanjol, "[n]o habiendo", fil-Ġermaniż, "sofern […] nicht […] entgegenstehen", fl-Ingliż, "unless there are", fil-Franċiż, "sauf s’il y a", fit-Taljan, "a meno che esistano" u, fl-Olandiż, "tenzij er […] zijn") – għandu jiġi interpretat b’mod ristrett.

31     It-tieni nett, l-Artikolu 98(1) tar-regolament jikkostitwixxi dispożizzjoni essenzjali sabiex jinkiseb l-għan, li r-regolament jipprova jilħaq, ta’ protezzjoni tat-trade marks Komunitarji fil-Komunità. 

32     Hekk kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk l-ordni ta’ projbizzjoni li jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja hija suġġetta għall-eżistenza ta’ riskju manifest jew mhux limitat ta’ repetizzjoni ta’ atti bħal dawn, l-applikant ikollu probabbilment jagħti prova ta’ dan ir-riskju. Prova bħal din dwar l-possibbiltà ta’ aġir futur tal-konvenut hija diffiċli li tingħata mill-applikant u toħloq ir-riskju li jitneħħa l-effett tad-dritt esklużiv mogħti lilu mit-trade mark Komunitarja tiegħu.

33     It-tielet nett, kif ġie enfasizzat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni tat-trade marks Komunitarji għandha tkun uniformi fuq it-territorju kollu tal-Komunità.

34     Interpretazzjoni li tgħid li ordni ta’ projbizzjoni tat-twettiq ta’ l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja hija suġġetta għall-eżistenza ta’ riskju manifest jew mhux limitat ta’ repetizzjoni ta’ atti bħal dawn mill-konvenut għandha bħala konsegwenza li l-portata tal-protezzjoni ta’ din it-trade mark tvarja minn qorti għall-oħra, kif ukoll minn proċedura għall-oħra, skond l-evalwazzjoni li titwettaq fir-rigward ta’ dan ir-riskju.

35     Il-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ‘il fuq ma jipprekludux b’mod evidenti li qorti ta’ trade marks Komunitarji milli ma tiddikjarax projbizzjoni bħal din meta hija tikkonstata li t-twettiq mill-konvenut ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni huwa minn issa ‘l quddiem impossibbli. Dan huwa b’mod partikolari l-każ jekk, wara li twettqu dawn l-atti, jinbdew proċedimenti legali kontra l-proprjetarju tat-trade mark li fir-rigward tagħha saret il-vjolazzjoni li jwasslu għar-revoka tad-drittijiet tiegħu.

36     Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li r-riskju li l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jitwettqu mhuwiex manifest jew huwa b’xi mod limitat jikkostitwixxi raġuni speċjali, għal qorti ta’ trade marks Komunitarji, għalfejn m’għandhiex toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq dawn l-atti.

 Fuq it-tieni domanda

37     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fiha projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji u tipprovdi l-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, kemm jekk huwa intenzjonat jew jekk jirriżulta minn negliġenza gravi, jikkostitwixxi raġuni speċjali, għal qorti ta’ trade marks Komunitarji, għalfejn m’għandhiex toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq dawn l-atti.

38     L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-għażla tal-kliem użati mil-leġiżlatur KomuniKomunitarju fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament (ara, b’mod partikolari, fl-Ispanjol, "razones especiales", fil-Ġermaniż, "besondere Gründe", fl-Ingliż, "special reasons", fil-Franċiż, "raisons particulières", fit-Taljan, "motivi particolari" u, fl-Olandiż, "speciale redenen"), il-kunċett ta’ "raġunijiet speċjali" jirrigwarda fatti għal każ partikolari.

39     Il-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprovdi projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni kif ukoll tal-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala speċifiku għal kull rikors għal vjolazzjoni jew theddida ta’ vjolazzjoni ppreżentat lill-qrati tat-trade marks Komunitarji ta’ dan l-Istat.

40     Barra minn hekk, skond l-Artikoli 44(1) u 61 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (Ftehim TRIPS – fil-lingwa Ingliża "TRIPs" –), li jinsab fl-Anness 1 Ċ tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (Ftehim WTO), approvat f’isem il-Komunità Ewropea, f’dak li jirrigwarda l-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/CE tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 336, p. 1), l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet ċivili u kriminali, inkluż il-projbizzjoni, għall-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali. L-eżistenza ta’ sanzjonijiet bħal dawn fid-dritt nazzjonali għalhekk, a fortiori, ma jikkostitwixxix raġuni speċjali fis-sens ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament.

41     It-tieni nett, jekk il-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprovdi projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni kif ukoll tal-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala raġuni speċjali, fis-sens ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament, l-applikazzjoni tal-prinċipju ─ ipprovdut f’din id-dispożizzjoni ─ li jgħid li l-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom, mingħajr eċċezzjoni, joħorġu ordni sabiex iwaqqfu t-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, tkun tiddependi fuq il-kontenut tad-dritt nazzjonali applikabbli.

42     Fil-fatt, il-qrati tat--trade marks Komunitarji ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tipprovdi projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni kif ukoll tal-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti bħal dawn huma għalhekk sistematikament dispensati milli joħorġu ordni sabiex iwaqqfu lill-konvenut milli jwettaq l-atti in kwistjoni, mingħajr ma jikkunsidraw l-fatti speċifiċi ta’ kull kawża, u, għaldaqstant, l-Artikolu 98(1) tar-regolament huwa nieqes minn kull effett fuq it-territorju ta’ dan l-Istat.

43     Konsegwenza bħal din tkun inkompatibbli kemm mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju kif ukoll mal-ħtiġijiet ta’ l-applikazzjoni uniformi tagħha.

44     Fl-aħħar nett, kif qiesu Nokia u l-Gvern Franċiż, kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tagħha, l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali applikabbli, ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni u l-eventwalità ta’ sanzjoni kriminali fil-każ li jitwettqu tali atti m’għandhomx l-istess effett dissważiv ta’ projbizzjoni speċifika għall-konvenut li jwettaq dawn l-atti, flimkien ma’ miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li tali projbizzjoni tiġi osservata, fejn din ta’ l-aħħar tkun diġà ġiet stabbilita permezz ta’ deċiżjoni eżegwibbli. Għaldaqstant, id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li fir-rigward tagħha saret il-vjolazzjoni mhuwiex protett b’mod komparabbli fin-nuqqas ta’ projbizzjoni speċifika bħal din.

45     Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-liġi nazzjonali fiha projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji u tipprovdi l-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, kemm jekk huwa intenzjonat jew jekk jirriżulta minn negliġenza gravi, ma jikkostitwixxix raġuni speċjali, għal qorti ta’ trade marks Komunitarji, għalfejn m’għandhiex toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq dawn l-atti.

 Fuq it-tielet domanda

46     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ trade marks Komunitarji li ħarġet ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha l-obbligu li tieħu, skond il-liġi nazzjonali, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li tiġi osservata din il-projbizzjoni, anki jekk din il-liġi fiha projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji u tipprovdi l-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, kemm jekk huwa intenzjonat jew jekk jirriżulta minn negliġenza gravi.

47     F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament hija fformulata f’termini imperattivi (ara, b’mod partikolari, fl-Ispanjol, "adoptará las medidas", fil-Ġermaniż, "trifft […] die […] Maßnahmen", fl-Ingliż, "shall […] take […] measures", fil-Franċiż, "prend […] les mesures", fit-Taljan, "[p]rende le misure" u, fl-Olandiż, "treft […] maatregelen").

48     Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-obbligu li toħroġ ordni sabiex twaqqaf it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ─ previst fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament ─ flimkien ma’ deroga f’każ ta’ "raġunijiet speċjali", l-obbligu li tgħaqqad din il-projbizzjoni ma’ miżuri neċessarji sabiex tassigura l-osservanza ─ prevista fit-tieni sentenza ta’ l-istess dispożizzjoni ─ ma fiha l-ebda eċċezzjoni.

49     Jirriżulta li, meta l-qorti tat-trade marks Komunitarji ta’ Stat Membru tkun tat ordni sabiex twaqqaf it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, hija għandha l-obbligu li tieħu, fost il-miżuri previsti fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, dawk li huma adegwati sabiex jiggarantixxu l-osservanza ta’ din il-projbizzjoni.

50     Interpretazzjoni bħal din hija wkoll konformi ma’ l-għan ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament, li jikkonsisti fil-protezzjoni tad-dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja.

51     Hekk kif jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fiha projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji u tipprovdi l-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, kemm jekk huwa intenzjonat jew jekk jirriżulta minn negliġenza gravi, ma tiddispensax lill-qorti ta’ trade marks Komunitarji milli toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq dawn l-atti.

52     Għalhekk, dan l-istess fatt ma jiddispensax lil din qorti milli tieħu, skond d-dritt nazzjonali, il-miżuri neċessarji sabiex tiġi assigurata l-osservanza ta’ din il-projbizzjoni.

53     Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ trade marks Komunitarji li ħarġet ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha l-obbligu li tieħu, skond il-liġi nazzjonali, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li tiġi osservata din il-projbizzjoni, anki jekk din il-liġi fiha projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji u tipprovdi l-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, kemm jekk huwa intenzjonat jew jekk jirriżulta minn negliġenza gravi.

 Fuq ir-raba’ domanda

54     Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ trade marks Komunitarji li ħarġet ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha l-obbligu li tieħu, skond il-liġi nazzjonali, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li tiġi osservata din il-projbizzjoni, meta dawn il-miżuri ma jistgħux, skond din il-liġi, jittieħdu fil-każ ta’ vjolazzjoni simili ta’ trade mark nazzjonali.

55     Jirriżulta mir-risposti għat-tieni u t-tielet domandali l li l-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa l-obbligu, għall-qrati tat-trade marks Komunitarji, minn naħa, li jipprojbixxu, ħlief għal raġunijiet speċjali, it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi l-osservanza ta’ din il-projbizzjoni.

56     skonSkond l-Artikolu 14(1) tar-regolament, "il-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi irregolata mill-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-vjolazzjoni ta’ trade marks nazzjonali skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X [tar-regolament]".

57     Għaldaqstant, in-natura tal-miżuri msemmija fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament hija stabbilita mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li trid tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, kif jirriżulta mir-referenza speċifika għal din il-liġi magħmula minn din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, kif tqis l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom miżuri effikaċji sabiex jiġi evitat it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

58     Min-naħa l-oħra, billi stabbilixxa obbligu assolut, impost fuq il-qrati tat-trade marks Komunitarji, li jieħdu miżuri bħal dawn meta joħorġu ordni sabiex iwaqqfu t-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju eskluda li d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jissuġġetta d-deċiżjoni dwar dawn il-miżuri għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet addizzjonali.

59     Għaldaqstant, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandħa tiġi interpretata fis-sens li hija ma tirreferix għal-liġi nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-miżuri previsti f’din il-liġi li huma adegwati sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-projbizzjoni tat-twettiq ta’ l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, iżda tirrikjedi li dawn il-miżuri jiġu stabbiliti malli tinħareġ ordni ta’ projbizzjoni ta’ twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni. B’mod partikolari, jirriżulta li l-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom jieħdu dawk l-miżuri mingħajr ma jieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet mitluba għall-implementazzjoni tagħhom mil-liġi nazzjonali applikabbli.

60     Jekk dan ma kienx il-każ, l-għan ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament, li jikkonsisti fil-protezzjoni uniformi fuq it-territorju kollu tal-Komunità tad-dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja kontra r-riskju ta’ vjolazzjoni, ma kienx jintlaħaq. Fil-fatt, projbizzjoni ta’ twettiq ta’ l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni li ma tiġix adottata flimkien ma’ miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-osservanza tkun, fil-biċċa l-kbira, nieqsa minn effett dissważiv.

61     Huwa għalhekk irrilevanti a fortiori li, f’cirkustanzi ta’ fatt ekwivalenti, il-liġi nazzjonali ma tippermettix lill-qorti nazzjonali żżid ma’ miżuri bħal dawn projbizzjoni ta’ twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali. Għandu jiġi mfakkar li, f’dan ir-rigward, l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), armonizzat ċertament il-kontenut tad-drittijiet mogħtija mit-trade marks nazzjonali, iżda mhux l-azzjonijiet legali intiżi sabiex dawn id-drittijiet jiġu osservati minn terzi.

62     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 98(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ trade marks Komunitarji li ħarġet ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha l-obbligu li tieħu fost il-miżuri previsti fil-liġi nazzjonali, dawk li huma adegwati sabiex jiggarantixxu l-osservanza ta’ din il-projbizzjoni, anki jekk dawn il-miżuri ma jistgħux, skond din il-liġi, jittieħdu fil-każ ta’ vjolazzjoni simili ta’ trade mark nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

63     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 98(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li r-riskju li l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jitwettqu mhuwiex manifest jew huwa b’xi mod limitat jikkostitwixxi raġuni speċjali, għal qorti ta’ trade marks Komunitarji, għalfejn m’għandhiex toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq dawn l-atti.

2)      L-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-liġi nazzjonali fiha projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji u tipprovdi l-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, kemm jekk huwa intenzjonat jew jekk jirriżulta minn negliġenza gravi, ma jikkostitwixxix raġuni speċjali, għal qorti ta’ trade marks Komunitarji, għalfejn m’għandhiex toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq dawn l-atti.

3)      L-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ trade marks Komunitarji li ħarġet ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha l-obbligu li tieħu, skond il-liġi nazzjonali, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li tiġi osservata din il-projbizzjoni, anki jekk din il-liġi fiha projbizzjoni ġenerali tal-vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji u tipprovdi l-possibbiltà li tissanzjona kriminalment it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni, kemm jekk huwa intenzjonat jew jekk jirriżulta minn negliġenza gravi.

4)      L-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ trade marks Komunitarji li ħarġet ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jwettaq l-atti li jikkostitwixxu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha l-obbligu li tieħu fost il-miżuri previsti fil-liġi nazzjonali, dawk li huma adegwati sabiex jiggarantixxu l-osservanza ta’ din il-projbizzjoni, anki jekk dawn il-miżuri ma jistgħux, skond din il-liġi, jittieħdu fil-każ ta’ vjolazzjoni simili ta’ trade mark nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.