Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑307/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social nº 1 de San Sebastián (Spanja), permezz ta’ Deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2005, fil-proċedura

Yolanda Del Cerro Alonso

vs

Osakidetza-Servicio Vasco de Salud,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen (Relatur), J. Klučka, J. Makarczyk u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

– għal Y. Del Cerro Alonso, minn A. Angoitia López, abogado,

– għal Osakidetza-Servicio Vasco de Salud, minn R. Navajas Cardenal, abogado,

– għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

– għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, A. Kerr, BL, F. O’Dubhghaill, BL, M. Heneghan, state’s solicitor, u J. Gormley, advisory counsel,

– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Massella Ducci Teri, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent, assistita minn T. Ward u K. Smith, barristers,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li tinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU L 175, p. 43).

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kontroversja bejn Y. Del Cerro Alonso u min jimpjegaha, l-Osakidetza-Servicio Vasco de Salud (iktar ’il quddiem l-“Osakidetza”), rigward l-għoti ta’ premji ta’ rtirar.

Il-kuntest Ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. Skond il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, “l-iskop [tiegħu] hu:

(a) li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

(b) li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

4. Il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas jipprovdi:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f' kull Stat Membru.”

5. Skond il-klawżola 3 tal-ftehim qafas, “[G]ħall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:

1. ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjega u ħaddiem meta l-aħħar [t-tmiem] tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2. ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. […]”

6. Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tipprovdi:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7. Il-leġiżlazzjoni neċessarja applikabbli għall-persunal statutorju tas-sistema tas-saħħa Spanjola tinsab fil-liġi 55/2003 dwar statut qafas tal-persunal statutorju tad-dipartimenti tas-saħħa (Ley 55/2003 del Estatuto Marco del personal estatutario de los servicios de salud), tas-16 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 301, tas-17 ta’ Diċembru 2003, p. 44742).

8. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-liġi 55/2003, din ta’ l-aħħar hija intiża tistabbilixxi r-regoli bażiċi tas-sistema speċjali tas-servizz pubbliku li tirregola l-persunal statutorju tas-servizzi li jiffurmaw is-sistema nazzjonali tas-saħħa.

9. L-Artikolu 2(1) tal-liġi 55/2003 jipprovdi li:

“Din il-liġi hija applikabbli għall-persunal statutorju impjegat fiċ-ċentri jew istituzzjonijiet sanitarji tas-servizzi tas-saħħa tal-komunitajiet awtonomi, jew fiċ-ċentri u servizzi tas-saħħa ta’ l-amministrazzjoni ġenerali ta’ l-Istat.”

10. Fl-Artikoli 8 u 9 tagħha, il-liġi 55/2003 tagħmel distinzjoni bejn il-“persunal statutorju permanenti” u l-“persunal statutorju temporanju”.

11. L-Artikolu 41(1) tal-liġi 55/2003 jipprovdi li “is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-persunal statutorju hija komposta minn pagi bażiċi u minn benefiċċji”. Skond l-Artikolu 42(1) ta’ l-istess liġi, il-pagi bażiċi jinkludu l-paga nnifisha, il- bonuses u l-premji trijennali, liema premji jingħataw għal kull perijodu ta’ tliet snin xogħol.

12. L-Artikolu 44 tal-liġi 55/2003 jgħid li:

“Il-persunal statutorju temporanju jirċievi l-paga bażika kollha u benefiċċji li, fis-servizz tas-saħħa kkonċernata, huwa dovut lilu, bl-eċċezzjoni tal-premji trijennali.”

13. Fil-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, il-leġiżlazzjoni neċessarja applikabbli għall-persunal statutorju ġiet implementata permezz tad-Digriet 231/2000 dwar l-approvazzjoni tal-ftehim li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal ta’ l-Osakidetza-Servicio Vasco de Salud (Decreto 231/2000, de 21 de noviembre, por el que se aprueba el Acuerdo regulador de las condiciones de trabajo del personal de Osakidetza-Servicio Vasco de Salud) tal-21 ta’ Novembru 2000 (BOPV Nru 234, tas-7 ta’ Diċembru 2000, p. 21912). L-Artikolu 74 tal-Ftehim li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal ta’ l-Osakidetza, anness ma’ l-imsemmi digriet, jipprovdi li, biex jirċievi l-premji trijennali, huwa neċċessarju li wieħed jagħmel parti mill-kategorija ta’ “persunal statutorju permanenti”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14. Jirriżulta mill-inkartament mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li Y. Del Cerro Alonso ħadmet, bejn l-1 ta’ Frar 1990 u t-30 ta’ Ġunju 2004, għal iktar minn tnax-il sena bħala uffiċjal amministrattiv f’diversi sptarijiet tas-sistema ta’ saħħa pubblika tal-Pajjiż Bask u li matul dan il-perijodu kollu hija kienet tagħmel parti mill-“persunal statutorju temporanju”.

15. Wara li għaddiet mill-eżamijiet ta’ selezzjoni relatati, Y. Del Cerro Alonso okkupat, mill-1 ta’ Jannar 2004, impjieg ta’ uffiċjal amministrattiv fi sptar tas-sistema tas-saħħa pubblika tal-Pajjiż Bask bħala membru tal-“persunal statutorju permanenti”.

16. Fis-7 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti talbet li jiġu rrikonoxxuti tnax-il sena servizz mogħtija preċedentement, li jirrappreżentaw l-ekwivalenti ta’ erba’ trijennali. Min jimpjegaha, l-Osakidetza, aċċetta t-talba tagħha u stabbilixxa l-irtirar tagħha mis-17 ta’ April 1992. Il-paga ta’ Y. Del Cerro Alonso ġiet għaldaqstant miżjuda b’erba’ premji trijennali mill-1 ta’ Lulju 2004, id-data ta’ l-intitolament tagħha.

17. Fit-12 ta’ Novembru 2004, Y. Del Cerro Alonso ressqet talba ġdida bil-għan li tikseb il-ħlas ta’ premji trijennali li skadew fis-sena li ppreċediet l-intitolament tagħha, liema premji kienu jammontaw għal EUR 1167,94. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq it-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Irjali 1181/1989 li jadotta regoli għall-applikazzjoni tal-liġi 70/1978 tas-26 ta’ Diċembru, ta’ rikonoxximent tas-servizzi preċedenti li ngħataw fl-amministrazzjoni pubblika lill-persunal ta’ l-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa (Real Decreto 1181/1989 por el que se dictan normas de aplicación de la Ley 70/1978, de 26 de diciembre, de Reconocimiento de servicios previos en la Administración Pública al personal estatutario del Instituto Nacional de la Salud) tad-29 ta’ Settembru 1989 (BOE Nru 237, tat-3 ta’ Ottubru 1989, p. 30952), li jipprovdi li l-effetti ekonomiċi li jirriżultaw mir-rikonoxximent ta’ l-irtirar fis-servizz jista’ jiġi estiż b’mod retroattiv għall-perijodu ta’ sena li tippreċedi t-talba ta’ rikonoxximent tas-servizzi preċedenti.

18. Peress li din it-talba baqgħet mingħajr tweġiba, il-parti interessata marret quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet, essenzjalment, li r-rifjut li tgawdi retroattivament mill-effetti ekonomiċi li jirriżultaw mir-rikonoxximent tal-benefiċċji ta’ rtirar fis-servizz tikkostitwixxi diskriminazzjoni tal-“persunal statutorju temporanju” meta mqabbel mal-“persunal statutorju permanenti”.

19. L-Osakidetza tikkontesta din l-allegazzjoni minħabba li d-Digriet 231/2000 jipprovdi, bħala kundizzjoni indispensabbli għall-kisba tal-premji trijennali, li l-persuna in kwistjoni jkollha l-kwalità ta’ “persuna statutorja permanenti”. Peress li Y. Del Cerro Alonso kisbet din il-kwalità biss fl-1 ta’ Lulju 2004, hija tista’ tibbenefika mill-imsemmija premji minn din id-data ’l quddiem biss.

20. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hijiex initolata, abbażi tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni msemmi fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, li tibbenefika minn soluzzjoni iżjed favorevoli minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

21. F’dan ir-rigward, jinħtieġ madankollu li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, taħt l-imsemmija klawżola, jinkludix il-paga li jirċievi ħaddiem.

22. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward jekk differenza ta’ trattament bejn il-“persunal statutorju temporanju” u l-“persunal statutorju permanenti” prevista minn leġiżlazzjoni jew minn ftehim bejn sieħba soċjali tikkostitwixxix “raġuni oġġettiva” skond din l-istess klawżola tal-ftehim qafas.

23. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social n° 1 de San Sebastián iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) Meta d-Direttiva 1999/70/KE tgħid li l-ħaddiema b’terminu fiss mhumiex ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema b’terminu mhux fiss, din tirreferi wkoll għall-kundizzjonijiet ekonomiċi?

Jekk iva:

2) Il-fatt li l-Artikolu 44 tal-liġi 55/2003 […] jgħid li huwa impossibbli li jinġabar benefiċċju ekonomiku relatat ma’ l-irtirar li huwa mogħti lil ħaddiema b’terminu mhux fiss jikkostitwixxi raġuni oġġettiva suffiċjenti?

3) Il-ftehim iffirmat bejn ir-rappreżentanti sindakali tal-persunal u l-amministrazzjoni jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi suffiċjenti biex ma jingħatax il-benefiċċju relatat ma’ l-irtirar lill-persunal temporanju?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

24. Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat, qabel kollox, jekk ħaddiema bħal ma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70 u taħt dak tal-ftehim qafas.

25. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tad-Direttiva 1999/70 u minn dik tal-ftehim qafas kemm mill-istruttura kif ukoll l-għanijiet tagħhom, li r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fihom għandhom jiġu applikati wkoll għall-kuntratti u relazzjonijiet ta’ xogħol b’terminu fiss konklużi ma’ l-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku (sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et , C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punti 54 sa 57, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punti 40 sa 43, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, Ġabra p. I‑7251, punti 32 sa 35).

26. Għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-klawżola 1 tal-ftehim qafas, l-għan ta’ dan il-ftehim mhuwiex biss li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni ta’ l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol b’terminu fiss suċċessivi, iżda wkoll biex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ non- diskriminazzjoni f’dak li jikkonċerna x-xogħol b’terminu fiss.

27. B’hekk, fid-dawl ta’ l-importanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non- diskriminazzjoni, li jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, lid-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 1999/70 u mill-ftehim qafas bil-għan li jiggarantixxu lill-ħaddiema b’terminu fiss il-benefiċċju ta’ l-istess vantaġġi li jgawdu minnhom il-ħaddiema b’terminu mhux fiss għal xogħol komparabbli, ħlief jekk trattament differenti jkun iġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi, għandu jiġi rrikonoxxut portata ġenerali ladarba dawn jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali Komunitarju ta’ importanza partikolari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem, peress li huma dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni.

28. Għaldaqstant, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg b’terminu fiss li jorbothom ma’ min jimpjegahom.

29. Is-sempliċi ċirkustanza li impjieg jiġi kkwalifikat bħala “statutorju” taħt id-dritt nazzjonali u jippreżenta ċerti aspetti li jikkaratterizzaw is-servizz pubbliku ta’ l-Istat Membru kkonċernat hija nieqsa minn rilevanza f’dan ir-rigward, taħt piena li jiġi ppreġudikat b’mod serju l-effett utli tad-Direttiva 1999/70 u dak tal-ftehim qafas kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri, billi lil dawn ta’ l-aħħar tingħata l-possibbiltà li jneħħu skond ix-xewqa tagħhom ċerti kategoriji ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni meħtieġa minn dawn l-istrumenti legali Komunitarji (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C-151/02, Ġabra p. I‑8389, punti 58 u 59, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et , C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 99). Kif jirriżulta mhux biss mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, iżda wkoll mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, interpretat fid-dawl tas-sbatax-il premessa ta’ din id-direttiva, l-Istati Membru għandhom fil-fatt jiggarantixxu r-riżultat impost mid-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Adeneler et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

30. Ladarba ġie stabbilit li Y. Del Cerro Alonso ħadmet għal iktar minn tnax-il sena f’diversi sptarijiet tas-sistema tas-saħħa pubblika tal-Pajjiż Bask bħala membru tal-persunal temporanju u li, barra minn hekk, il-kawża prinċipali tittratta x-xebh bejn membru tal-persunal statutorju temporanju u membru tal-persunal statutorju permanenti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70 u taħt dak tal-ftehim qafas.

Fuq l-ewwel domanda

31. Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” imsemmija fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jservi bħala bażi għal talba bħal dik fil-kawża prinċipali li tikkonċerna l-attribuzzjoni lil ħaddiem b’terminu fiss ta’ premju ta’ rtirar li d-dritt nazzjonali jirriżerva biss lill-ħaddiema b’terminu mhux fiss.

32. Il-Gvern Spanjol, l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li għandha tingħata risposta negattiva lil din id-domanda minħabba l-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 137(5) KE kif interpretata mis-sentenza ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, Ġabra p. I‑10253, punt 39).

33. Għandu jiġi l-ewwel nett ikkonstatat li l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, meta adotta d-Direttiva 1999/70 bl-intenzjoni li jimplementa l-ftehim qafas, ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 139(2) KE, li jipprovdi li l-implementazzjoni tal-ftehim konkluża fil-livell Komunitarju għandha ssir skond il-materji koperti mill-Artikolu 137 KE.

34. Fost l-oqsma li fihom l-Artikolu 137(2) jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, permezz ta’ direttivi, fuq preskrizzjonijiet minimi bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 136 KE, fost liema jinsabu t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xoħgol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni soċjali adegwata fil-konfronti tagħhom, l-istess Artikolu 137(1)(b) jelenka l-“kundizzjonijiet tax-xogħol”.

35. Madankollu, skond il-paragrafu 5 tiegħu, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 137 KE, “m’għandhomx japplikaw għall-paga, għad-dritt ta’ l-assoċjazzjoni, għad-dritt ta’ l- istrike jew għad-dritt ta’ l-impożizzjoni ta’ lock-outs ”.

36. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li, skond il-klawżola 1(a) tal-ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa “li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”. Bl-istess mod, il-preambolu tal-ftehim qafas jenfasizza li dan “juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. L-erbatax-il premessa tad-Direttiva 1999/70 tenfasizza f’dan ir-rigward li l-għan tal-ftehim qafas jikkonsisti b’mod partikolari li titjieb il-kwalità tax-xogħol b’terminu fiss billi jiġu ffissati preskrizzjonijiet minimi li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.

37. Isegwi li l-ftehim qafas huwa intiż japplika l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni għall-ħaddiema b’terminu fiss sabiex tiġi prekluża l-possibbiltà li relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan it-tip tintuża minn min jimpjega biex iċaħħad lill-ħaddiema drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal terminu mhux fiss.

38. B’hekk, dan il-prinċipju tad-dritt soċjali Komunitarju ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv.

39. Fit-tieni lok, ladarba l-Artikolu 137(5) KE jipprovdi dispożizzjoni li tidderoga mill-paragrafi 1 sa 4 ta’ l-istess Artikolu, il-materji rriżervati mill-imsemmi paragrafu għandhom jiġu suġġetti għal interpretazzjoni stretta b’mod li minn naħa, ma tiġix effettwata indebitament il-portata ta’ l-imsemmija paragrafi 1 sa 4 u, min-naħa l-oħra, ma jiġux ippreġudikati l-għanijiet segwiti mill-Artikolu 136 KE.

40. Għal dak li jikkonċerna b’mod iżjed partikolari l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-“pagi” msemmija fl-Artikolu 137(5) KE, din hija dovuta għall-fatt li l-iffissar tal-livell tal-pagi jaqa’ taħt l-awtonomija kuntrattwali ta’ l-imsieħba soċjali fuq skala nazzjonali kif ukoll taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri fil-qasam. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġie deċiż li huwa approprjat, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, li tiġi eskluża d-determinazzjoni tal-livell tal-pagi minn armonizzazzjoni taħt l-Artikoli 136 KE et seq .

41. L-imsemmija eċċezzjoni ma tistax għaldaqstant tiġi estiża għal kull kwistjoni li tippreżenta kwalunkwe konnessjoni mal-pagi, taħt piena li tiġi invalidata parti kbira mis-sustanza ta’ ċerti oqsma msemmija fl-Artikolu 137(1) KE.

42. Minn dan jirriżulta li r-riżerva li jagħmel l-Artikolu 137(5) KE ma tistax iżżomm lil ħaddiem b’terminu fiss milli jitlob, abbażi tal-prinċipju ta’ non- diskriminazzjoni, li jibbenefika minn kundizzjoni ta’ impjieg intiża biss għall-ħaddiema b’terminu mhux fiss, meta l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tagħti lok għall-ħlas ta’ paga differenti.

43. Bil-kontra ta’ l-allegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, ta’ l-Irlanda u tal-Gvern tar-Renju Unit, l-interpretazzjoni li tippreċedi mhux qed tiġi kkontestata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li ma jistgħux japplikaw għall-pagi l-preskrizzjonijiet minimi li l-Kunsill jista’ jadotta b’direttiva abbażi ta’ l-Artikolu 137 KE (ara s-sentenza Dellas et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 39), minkejja li d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18) ma tapplikax għall-paga tal-ħaddiema (ara s-sentenza Dellas et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, u d-digriet tal-11 ta’ Jannar 2007, Vorel, C‑437/05, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 32).

44. Jirriżulta fil-fatt mingħajr ambigwità mill-kuntest li fih jidħlu dawn il-motivi tas-sentenza Dellas et , iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll mid-digriet Vorel, iċċitat iktar ’il fuq, li, fil-kawżi li taw lok għal dawn id-deċiżjonijiet, tqajmet il-kwistjoni ta’ l-effett li l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “ħin tal-mistrieh” skond id-Direttiva 93/104 jista’ jkollha fuq il-“livell” tal-pagi li jirċievu l-ħaddiema li jipprovdu servizzi ta’ sigurtà (ara s-sentenza Dellas et , iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38, kif ukoll id-digriet Vorel, iċċitat iktar ’il fuq, punt 32).

45. Hija għaldaqstant b’konfromità sħiħa ma’ l-interpretazzjoni tar-riżerva ta’ l-Artikolu 137(5) KE msemmija fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li l-metodi ta’ remunerazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol ta’ għassa ma jistgħux, fl-istat attwali ta’ l-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, ikunu suġġetti għal armonizzazzjoni. Il-qrati nazzjonali jibqgħu fil-fatt l-uniċi kompetenti li jipproċedu għall-iffissar ta’ l-ammont ta’ salarji u pagi dovuti f’dan ir-rigward lil kull ħaddiem, peress li d-Direttiva 93/104 ma tostakolax fil-prinċipju l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ leġiżlazzjoni li, fir-rigward tas-servizz ta’ għassa mogħti mill-ħaddiem, tipprovdi paga differenti mill-perijodi li fihom servizzi ta’ xogħol ikunu realment ingħataw u minn dawk li matulhom l-ebda xogħol effettiv ma jkun sar (ara d-digriet Vorel, iċċitat iktar ’il fuq, punti 35 u 36).

46. B’hekk, għall-istess raġunijiet, id-determinazzjoni tal-livell ta’ l-elementi differenti li jikkostitwixxu l-paga ta’ ħaddiem bħal tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinsab inkontestabbilment fir-riżultat tal-qrati kompetenti fid-diversi Stati Membri. Dan mhuwiex madankollu s-suġġett tal-kontroversja li tinsab quddiem il-qorti tar-rinviju.

47. Min-naħa l-oħra, kif ġie diġà enfasizzat fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 137(1)(b) KE u, għaldaqstant, tad-Direttiva 1999/70 kif ukoll mill-ftehim qafas magħmul abbażi tiegħu, toħroġ il-kwistjoni dwar jekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazjoni, imsemmija fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, waħda mill-elementi tar-rimunerazzjoni għandhiex, in kwantu kundizzjoni ta’ impjieg, tingħata lil ħaddiem b’terminu fiss bl-istess mod bħal ħaddiem b’terminu mhux fiss.

48. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” imsemmi fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jservi bħala bażi għal talba bħal dik fil-kawża prinċipali li tikkomporta l-attribuzzjoni lil ħaddiem b’terminu fiss ta’ premju ta’ rtirar li d-dritt nazzjonali jirriżerva biss għall-ħaddiema b’terminu mhux fiss.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

49. Dawn id-domandi jikkonċernaw essenzjalment l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” li, skond il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, jippermettu l-ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti tal-ħaddiema b’terminu fiss u tal-ħaddiema b’terminu mhux fiss.

50. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari jekk tistax tikkostitwixxi t-tali raġuni oġġettiva s-sempliċi ċirkustanza li t-trattament differenti eżistenti f’dan il-każ bejn il-ħaddiema b’terminu fiss u l-ħaddiema b’terminu mhux fiss għal dak li jikkonċerna l-premju ta’ rtirar ikun previst minn liġi jew minn ftehim sottoskritt bejn ir-rappreżentati sindikali tal-persunal u l-amministrazzjoni.

51. F’dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tieni u t-tielet domandi.

52. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha opportunità tagħti deċiżjoni fuq kwistjoni simili fir-rigward ta’ l-istess kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” li, skond il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, jiġġustifikaw it-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet suċċessivi tax-xogħol għal terminu fiss.

53. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmi kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” għandu jinftiehem bħala li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol b’terminu fiss suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari min-natura partikolari tax-xogħlijiet li għat-twettiq tagħhom it-tali kuntratti kienu ġew konklużi u minn karatteristiċi inerenti tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (ara s-sentenza Adeneler et , iċċitata iktar ’il fuq, punti 69 u 70).

54. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kif ippreċiżati fil-punt preċedenti (ara s-sentenza Adeneler et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

55. B’mod aktar partikolari, ir-rikors għal kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss fuq l-uniku bażi ta’ dispożizzjoni legali jew regolamentari ġenerali, mingħajr relazzjoni mal-kontenut konkret ta’ l-attività in kwistjoni, ma jippermettix li jsiru kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissoddisfax effettivament il-bżonn veru, jistax jilħaq l-għan imfittex u huwiex neċessarju f’dan ir-rigward (ara s-sentenza Adeneler et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

56. B’hekk, l-istess interpretazzjoni hija neċessarja, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna l-kunċett identiku ta’ “raġunijiet oġġettivi” skond il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

57. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li ma jawtorizzax ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti bejn il-ħaddiema b’terminu fiss u l-ħaddiema b’terminu mhux fiss minħabba l-fatt li dan l-aħħar huwa previst minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal ma hija liġi jew konvenzjoni kollettiva.

58. Bil-kontra, l-imsemmi kunċett jeħtieġ li n-nuqqas ta’ trattament ugwali in kwistjoni jkun iġġustifikat bl-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg in kwistjoni, fil-kuntest partikolari li fih huwa jidħol u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissoddisfax il-ħtieġa vera, huwiex abilitat biex jikseb l-għan imfittex u huwiex neċessarju f’dan ir-rigward.

59. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domanda hija li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-introduzzjoni ta’ trattament differenti bejn il-ħaddiema b’terminu fiss u l-ħaddiema b’terminu mhux fiss li tkun iġġustifikata biss biċ-ċirkustanza li hija prevista minn dispożizzjoni legali jew regolamentari ta’ Stat Membru jew minn konvenzjoni kollettiva konkluża bejn ir-rappreżentanti sindakali tal-persunal u l-persuna kkonċernata li timpjega.

Fuq l-ispejjeż

60. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) Il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” imsemmi fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jservi bħala bażi għal talba bħal dik fil-kawża prinċipali li tikkomporta l-attribuzzjoni lil ħaddiem b’terminu fiss ta’ premju ta’ rtirar li d-dritt nazzjonali jirriżerva biss għall-ħaddiema b’terminu mhux fiss.

2) Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-introduzzjoni ta’ trattament differenti bejn il-ħaddiema b’terminu fiss u l-ħaddiema b’terminu mhux fiss li tkun iġġustifikata biss biċ-ċirkustanza li hija prevista minn dispożizzjoni legali jew regolamentari ta’ Stat Membru jew minn konvenzjoni kollettiva konkluża bejn ir-rappreżentanti sindakali tal-persunal u l-persuna kkonċernata li timpjega.