SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Importazzjoni ta’ apparat militari eżenti mid-dazju”
Fil-Kawża C-284/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-15 ta’ Lulju 2005,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wilms u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä u E. Bygglin kif ukoll minn J. Heliskoski u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent,
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.-M. Mamouna u K. Boskovits, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,
Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, bħala aġent,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, E. Levits u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2008,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26 KE, l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”) u, konsegwentement, it-tariffa doganali komuni billi eżentat mill-1998 sal-2002 l-importazzjoni ta’ apparat militari mid-dazji doganali u naqset ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2 u l-Artikolu 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/1989, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni (Euratom) 88/376/KEE, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 155, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1552/89”), kif ukoll taħt l-istess artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169) billi rrifjutat li tikkalkola, tiddikjara u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji relatati magħhom kif ukoll billi rrifjutat li tħallas l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-imsemmija riżorsi proprji. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 |
L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, Euratom, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 176), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 293, p. 9), jipprovdi: “Dħul minn dawn li ġejjin għandhom jikkonstitwixxu riżorsi tagħhom [proprji] imdaħħla fil-bilanċ tal-Komunitajiet: […]
[…]” |
3 |
L-Artikolu 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi: “1. Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej. […] 3. It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:
[…]” |
4 |
L-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi: “Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ’ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet). […]” |
5 |
Fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament Nru 1552/89, applikabbli fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża preżenti sat-30 ta’ Mejju 2000. Dan ir-regolament ġie sostitwit sa mill-31 ta’ Mejju 2000 bir-Regolament Nru 1150/2000 li kkodifika r-Regolament Nru 1552/89 mingħajr ma biddel il-kontenut tal-imsemmi regolament. |
6 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi: “1. Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Komunità għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom għandhom ikunu stabbiliti malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur. 1a. Id-data li għandha titqies għall-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-dħul fil-kontijiet prevista mir-regolamenti doganali.. […]” |
7 |
L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar. Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet.” |
8 |
Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament: “Wara tnaqqis ta’ 10% bħala spejjeż tal ġbir bi qbil ma’ l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fi[h] l-intitolament kien ġie stabbilit bi qbil ma’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.. […]” |
9 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi: “Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont msemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta’ imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta’ l-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal operazzjonijiet ta’ żmien qasir ta’ finanzjament pub[b]liku, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0,25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perjodu kollu tad-dewmien.” |
10 |
Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1150/2000: “Regolament (KEE [Euratom]) Nru 1552/89 għandu jkun imħassar. Referenzi għall-imsemmi Regolament għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw bi qbil mat-tabella ta’ korrelazzjoni esiġita f’Parti A ta’ dan l-Anness.” |
11 |
Għaldaqstant, apparti l-fatt li r-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 jirreferu, b’mod partikolari, wieħed għad-Deċiżjoni 88/376 u, l-ieħor għad-Deċiżjoni 94/728, l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma, essenzjalment, identiċi. |
12 |
Ir-rata ta’ 10% msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 ġiet miżjuda għal 25% permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3. p. 200). |
13 |
Il-punt 1 tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi: “Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Berlin fl-24 u l-25 ta’ Marzu 1999 ikkonkluda, fost oħrajn, li s-sistema tar-riżorsi tagħhom tal Komunità għandh[a] [t]kun ekw[a], trasparenti, effettiv[a] skond l-ispiża, sempliċi u bbażat[a] fuq kriterji li jesprimu l-aħjar abbiltà ta’ kull Stat Membru biex jikkontribwixxi.” |
14 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2003, tal-21 ta’ Jannar 2003, li jissospendi d-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 15), adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 26 KE, jipprovdi fil-premessa 5 tiegħu: “Sabiex tiġi protetta l-kunfidenzalità [militari] ta’ l-Istati Membri huwa neċessarju li jiġu stabbiliti proċeduri amministrattivi speċifiċi għall-għoti tal-benefiċċju tas-sospensjoni tad-dazji. Dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li [l-forzi armati tiegħu huma d-destinatarji ta] għalih huma ddestinati l-armamenti u l-apparat militari, li tista’ wkoll tintuża bħala dikjarazzjoni tad-dwana kif mitlub mill-Kodiċi Doganali, tikkonstitwixxi garanzija xierqa li dawn il-kondizzjonijiet jiġu mħarsa. Id-dikjarazzjoni għandha tingħata f’forma ta’ ċertifikat. Huwa xieraq li tiġi speċifikata l-forma, li biha ser isiru dawn iċ-ċertifikati u li jkun permess l-użu ta’ mezzi u metodi ta’ data processing għad-dikjarazzjoni.” |
15 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għas-sospensjoni awtonoma tad-dazji ta’ l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari importat minn jew f’isem l-awtoritajiet inkarigati mid-difiza militari ta’ l-Istati Membri minn pajjiżi terzi.” |
16 |
L-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Minkejja l-paragrafu 1, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenz[ja]zalità militari, iċ-ċertifikat u l-merkanzija impurtata jistgħu jinghataw lil awtoritajiet oħra nominati mill-Istat Membru għal dan il-għan. F’każijiet bhal dawn l-awtorità kompetenti lokali li toħrog iċ-ċertifikat għandha tibgħat rapport qasir fuq dawn l-importazzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Jannar u l-31 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-rapprt għandu jkopri perjodu ta’ 6 xhur li jippreċedu dak ix-xahar li fih ir-rapport irid jiġi sottomess. Għandu jkun fih in-numru u d-data tal-ħrug taċ-ċertifikati, id-data ta’ l-importazzjoni u l-valur totali u l-piż gross tal-prodotti mpurtati maċ-ċertifikati.” |
17 |
Skont l-Artikolu 8 tiegħu, ir-Regolament Nru 150/2003 japplika mill-1 ta’ Jannar 2003. |
Il-proċedura prekontenzjuża
18 |
Il-Kummissjoni kienet bdiet l-ewwel proċeduri kontra r-Repubblika tal-Finlandja, fis-sena 2001, li l-ewwel proċedura kienet tirrigwardaw l-importazzjoni ta’ materjal intiż għal użu militari eżenti mid-dazji doganali. Ġie stabbilit terminu għal din il-proċedura fl-2003, sena li fiha nbdiet il-proċedura li wasslet għall-kawża preżenti kontra l-imsemmi Stat Membru. |
19 |
Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Finlandja sabiex tagħmel il-kalkoli neċessarji sabiex tikkalkola l-ammont tar-riżorsi proprji li ma tħallsux lill-Komunità minħabba l-importazzjoni ta’ apparat militari eżenti mid-dazji doganali għas-snin finanzjarji mill-1998 sal-2002, sabiex tqiegħed dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u sabiex tħallas l-interessi moratorji dovuti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000. |
20 |
Fir-risposta tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika tal-Finlandja kkunsidrat li minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħha, hija kienet iġġustifikata li tidderoga mit-tariffa doganali komuni skont l-Artikolu 296(1)(b) KE meta l-importazzjoni tirrigwarda apparat intiż esklużivament għal użu militari, u dan sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha. |
21 |
Wara li saret taf bir-risposta tar-Repubblika tal-Finlandja, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, fis-7 ta’ Lulju 2004, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta rċieva l-ittra. L-imsemmi Stat Membru rrisponda għal din l-opinjoni motivata fit-2 ta’ Settembru 2004 fejn irrepeta u ppreċiża l-kunsiderazzjonijiet ippreżentati preċedentement. |
22 |
Fid-dawl tal-elementi hekk ipprovduti mir-Repubblika tal-Finlandja, il-Kummissjoni waqt li kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma kkonformax ruħu mal-opinjoni motivata, ippreżentat dan ir-rikors. |
23 |
Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Settembru 2007, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ l-intervent tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika Portugiża u tar-Renju tal-Isvezja in sostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Finlandja. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
24 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Finlandja żbaljat meta bbażat ruħha fuq l-Artikolu 296 KE sabiex tirrifjuta l-ħlas tad-dazji doganali għall-importazzjonijiet ikkonċernati, peress li l-ġbir tagħhom ma jippreġudikax l-interessi vitali tas-siġurtà ta’ dan l-Istat Membru. |
25 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra żbaljat ir-raġunament tar-Repubblika tal-Finlandja li jikkonsisti f’li jiġi sostnut li l-informazzjoni dwar importazzjonijiet ta’ apparat militari, u b’hekk li tirrigwarda s-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru, ma tistax tintbagħat lilha u li konsegwentement, hija ma kellhiex tħallasha d-dazji doganali inkwistjoni. |
26 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri li jistabbilixxu derogi jew eċċezzjonijiet, bħal b’mod partikolari l-Artikolu 296 KE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. B’hekk, l-Istat Membru kkonċernat, li jitlob l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, għandu juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan tal-aħħar meta huwa għandu l-intenzjoni jidderoga mill-Artikolu 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fejn jinsab il-prinċipju ġenerali tal-ġbir tad-dazji kif stabbilit fl-Artikolu 26 KE. |
27 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-fatt biss li prodotti li jidhru fil-lista stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58, tal-15 ta’ April 1958, lista li tiddefinixxi l-prodotti li għalihom l-Artikolu 296(1)(b) KE jista’ jiġi applikat, ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex iwassal għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha li jidhru f’din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. |
28 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Finlandja hija konsegwentement, responsabbli sabiex tipproduċi prova konkreta u dettaljata li l-ġbir tad-dazji doganali għall-importazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti jippreġudika l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru. |
29 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma rċevietx risposta dettaljata li turi, ibbażata sa fejn huwa possibbli fuq ċifri preċiżi, li, kieku r-Repubblika tal-Finlandja ġabret id-dazji doganali li tipprovdi għalihom il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja fuq l-importazzjonijiet inkwistjoni, hija ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tipproteġi b’mod sodisfaċenti l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha. La r-riferiment għall-klawżoli ta’ kunfidenzjalità kontenuti fil-Konvenzjonijiet Internazzjonali u lanqas l-argumenti ta’ dan l-Istat Membru li s-sigrieti militari jostakolaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja, ma jammontaw għal prova bħal din. |
30 |
Il-Kummissjoni ssostni li, fl-ebda mument, ma eżiġit li jinkisru l-klawżoli tal-kunfidenzjalità. Hija kienet talbet biss li d-dazji doganali inkwistjoni jinġabru u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha. Hija tikkunsidra li, b’mod konformi mal-leġiżazzjoni Komunitarja, il-proċedura tal-impożizzjoni tad-dazji doganali hija adattata li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tad-data pproċessata. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja hija responsabbli li tosserva l-obbligu tal-kunfidenzjalità, peress li din ma setgħetx tinvoka t-theddida għall-interessi tas-sigurtà tagħha billi ssostni li l-awtoritajiet doganali proprji tagħha ma jirrispettawx ir-regoli tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità f’dan il-qasam. |
31 |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-ebda Stat Membru li kien konformi mal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja ma lmenta dwar il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu ttrattaw l-informazzjoni dwar il-ġbir tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ apparat militari u l-ħlas tar-riżorsi korrispondenti għall-Komunità. |
32 |
Il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ ġbir tad-dazji doganali inkwistjoni mir-Repubblika tal-Finlandja jwassal għal inugwaljanza bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom għall-baġit Komunitarju. |
33 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li, taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar il-miżuri li huma jistgħu jieħdu sabiex jipproteġu l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom u li jikkonċernaw il-prodotti li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu 1(b). B’hekk, din id-dispożizzjoni tikkonferilhom il-possibbiltà li jidderogaw mill-Artikolu 26 KE u mill-Kodiċi Doganali tal-Komunità, f’każ ta’ importazzjoni dwar apparat esklużivament intiż għal użu militari, bil-għan li jipproteġu l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru kkonċernat. |
34 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li l-Artikolu 296 KE għandu kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u ma huwiex limitat għal ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat. Konsegwentement, dan jippermetti li ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26 KE, li hija dispożizzjoni intiża sabiex isservi ta’ bażi legali għal-leġiżlatur Komunitarju sabiex iwaqqaf il-leġiżlazzjoni doganali. |
35 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li hija għandha tevalwa l-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tal-interessi vitali tas-sigurtà tagħha u tikkunsidra li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li tivverifika li l-Istat Membru inkwistjoni ma jabbużax mid-drittijiet tiegħu, huwa dan l-Istat li għandu jippreċiża l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu li huwa jqajjem u li għandu juri li huwa ħa l-miżuri inkwistjoni bil-fehma li huma neċessarji għall-finijiet li jiġu mħarsa dawn l-interessi. |
36 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li hija ma setgħetx tosserva l-proċedura doganali Komunitarja għall-importazzjoni tal-materjal ta’ difiża inkwistjoni mingħajr ma jkun hemm riskju li xi informazzjoni vitali għas-sigurtà tagħha tasal għand terzi. Hija żżied ukoll li, sabiex tipproteġi s-sigurtà tal-provvista ta’ materjal ta’ difiża ta’ teknoloġija avvanzata, hija kellha tosserva b’mod strett il-ftehim ta’ kunfidenzjalità konklużi mal-Istati bejjiegħa qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea. |
37 |
Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-ħlas tad-dazji doganali, ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li l-ħtieġa li jsir riferiment għall-Artikolu 296 KE fl-importazzjoni ta’ apparat militari tiddependi essenzjalment mill-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru inkwistjoni għandux industrija militari ta’ ċertu portata, fuq it-tip ta’ materjal ta’ difiża li ser jiġi importat u fuq il-punt ta’ safejn dan l-Istat Membru huwa dipendenti fuq l-importazzjonijiet. Fil-fatt hija responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu u li jistabbilixxi liema dispożizzjonijiet tat-Trattat huwa obbligat li jidderoga fuq il-bażi tal-Artikolu 296 KE. |
38 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li l-lista ta’ apparat militari li hija teżenta mid-dazji doganali essenzjalment mhix iktar estiża minn dik prevista fl-Artikolu 296(2) KE. Hija żżid li, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 150/2003, il-ġbir tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ apparat bħal dan ġie wkoll eskluż sa mill-1 ta’ Jannar 2003. Sa minn din id-data, l-interessi tar-Repubblika tal-Finlandja għal dak li jirrigwarda l-materjal importat għad-difiża kienu ġew protetti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Madankollu teżisti ħtieġa ekwivalenti għall-prodotti importati qabel. Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li l-interessi tagħha fil-qasam tal-materjal ta’ difiża importat kienu identiċi kemm fix-xahar ta’ Diċembru 2002 kif ukoll fix-xahar ta’ Jannar 2003. |
39 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li l-fatt li Stat Membru jkun eżenta mid-dazji doganali fuq l-importazzjoni, il-materjal militari, fuq il-bażi tal-Artikolu 296 KE ma jiksirx neċessarjament il-prinċipju ta’ amministazzjoni finanzjarja tajba li jeħtieġ li ssir distribuzzjoni ġusta tal-piż fiskali bejn l-Istati Membri. |
40 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja hija wkoll tal-opinjoni li l-Artikolu 307 KE ma japplikax fil-każ preżenti, peress li l-imġieba tagħha kienet konformi mad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari mal-Artikolu 296 KE. Bħala risposta lill-Kummissjoni, u sussidjarjament, dan l-Istat Membru jsostni madankollu li l-klawżoli tal-kunfidenzjalità kontenuti fil-kuntratti konklużi qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, iżda parzjalment eżegwiti wara din l-adeżjoni, ma setgħewx jitqiegħdu inkwistjoni jew jiġu diskussi mill-ġdid bir-riskju li jipperikolaw l-eżekuzzjoni stess tal-kuntratti u b’hekk is-sigurtà tagħha. |
41 |
Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Finlandja titlob, għal dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ interessi moratorji eventwali, li dawn ikunu dovuti biss mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, fid-dawl tat-tul taż-żmien partikolarment twil tal-proċedura u għar-rifjut tal-Kummissjoni li tibda negozjati fuq ħlas kundizzjonali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 |
Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprevedi l-ġbir tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti għal użu militari, bħal dawk inkwistjoni provenjenti minn pajjiżi terzi. L-ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Komunità ma tipprovdi, għall-perijodu tal-importazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri dak mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2002, għal eżenzjoni speċifika tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ oġġetti. Konsegwentement, għal dan il-perijodu lanqas ma teżisti eżenzjoni speċifika għall-obbligu li jitħallsu lill-awtoritajiet kompetenti d-dazji dovuti, flimkien, f’ċerti każijiet, mal-interessi moratorji. |
43 |
Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003 li jipprovdi għas-sospensjoni tad-dazji doganali fuq ċerti armamenti u apparat militari mill-1 ta’ Jannar 2003, li l-leġiżlatur Komunitarju telaq mill-ipoteżi li kien jeżisti obbligu ta’ ħlas tal-imsemmija dazji qabel din id-data. |
44 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja fl-ebda mument ma nnegat l-eżistenza tal-importazzjonijiet ikkontestati fil-perijodu kkunsidrat. Hija llimitat ruħha li tikkontesta d-dritt tal-Komunità fuq ir-riżorsi proprji inkwistjoni billi argumentat li, taħt l-Artikolu 296 KE, l-obbligu tal-ħlas tad-dazji doganali fuq il-materjal ta’ armamenti importat minn Stati terżi jippreġudika b’mod gravi l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha. |
45 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C-273/97, Ġabra p. I-7403, punt 15, u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 15). Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, it-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jimminaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali li huma ddefiniti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju.(ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Dory, C-186/01, Ġabra p. I-2479, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Barra minn hekk, id-deroġi previsti fl-Artikoli 296 KE u 297 KE għandhom, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita għad-derogi mil-libertajiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-503/03, Ġabra p. I-1097, punt 45, tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 86 u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 50) jiġu interpretati b’mod strett. |
47 |
B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 296 KE, għandu jingħad li, għalkemm dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu jew tal-informazzjoni li t-tixrid tagħha jqisu bħala kuntrarju għal dawn l-interessi, huwa xorta waħda ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi. |
48 |
Barra minn hekk, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, Ġabra p. I-5585), ikkonstatat in-nuqqas inkwistjoni peress li r-Renju ta’ Spanja ma kienx wera li l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa fuq l-importazzjonijiet u x-xiri ta’ armamenti, ta’ munizzjoni u ta’ materjal għal użu esklużivament militari, eżenzjoni prevista mil-liġi Spanjola, kienet iġġustifikata, taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE, min-neċessità li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru. |
49 |
Konsegwentement, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 296 KE tal-Artikolu 296 KE li għandu jagħti prova tal-ħtieġa li juża d-deroga stabbilita f’dan l-artikolu bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu. |
50 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi aċċettat li Stat Membru jeċċepixxi ż-żieda fl-ispiża tal-materjal militari minħabba l-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ tali materjal provenjenti minn Stati terzi sabiex jipprova jevita, b’detriment għall-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, jiġbru u jħallsu d-dazji doganali konnessi ma’ tali importazzjonijiet, l-obbligi li timponi fuqu s-solidarjetà finanzjarja fir rigward tal-baġit Komunitarju. |
51 |
Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-proċeduri doganali tal-Komunità ma humiex ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà tar-Repubblika tal-Finlandja, fir-rigward tal-eżiġenzi tal-kunfidenzjalità kontenuti fil-ftehim konkluż mal-Istati esportaturi, għandu jingħad, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni, li l-applikazzjoni tas-sistema doganali tal-Komunità tinvolvi l-intervent ta’ aġenti, Komunitarji u nazzjonali, li huma marbuta, jekk ikun il-każ, mill-obbligu ta’ kunfidenzjalità, f’każ ta’ trattament ta’ informazzjoni sensittiva, ta’ natura li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri. |
52 |
Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jikkompletaw u jibgħatu lill-Kummissjoni b’mod regolari ma jimplikawx ksib ta’ livell ta’ preċiżjoni ta’ tip li jippreġudika l-interessi tal-imsemmija Stati kemm fil-qasam tas-sigurtà kif ukoll f’dak tal-kunfidenzjalità. |
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod konformi mal-Artikolu 10 KE dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti f’li tiżgura l-osservanza tat-Trattat, dawn huma marbuta jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni d-dokumenti neċessarji għall-verifika tar-regolarità tat-trasferiment tar-riżorsi proprji tal-Komunità. Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 168 tal-konklużjonijiet tiegħu, obbligu bħal dan ma jostakolax l-Istati Membri, każ b’każ u eċċezzjonalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 296 KE, milli jkunu jistgħu jillimitaw l-informazzjoni mibgħuta lil ċerti elementi ta’ dokument jew jirrifjutawha kompletament. |
54 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Finlandja ma urietx li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296 KE huma sodisfatti. |
55 |
Fir-rigward tat-talba tar-Repubblika tal-Finlandja intiża għal limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza preżenti fil-perijodu wara d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, għandu jingħad li, għal dak li jirrigwarda l-obbligu tal-ħlas tal-interessi moratorji, din it-talba hija motivata mit-tul taż-żmien partikolarment twil tal-proċedura u mir-rifjut tal-Kummissjoni li tibda negozjati fuq ħlas kundizzjonali. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss f’każ eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti għall-ordni ġuridiku Komunitarju, tiġi mwassla tillimita l-possibbiltà għal dawk kollha kkonċernati li jinvokaw dispożizzjoni li hija interpretat bil-għan li jiġu kkontestati r-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti bona fede (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39). |
57 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi minħabba, b’mod partikolari, in-numru għoli tar-relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti bona fede fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata li hija validament fis-seħħ, u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li għaliha kkontribwixxa eventwalment wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-359/97, Ġabra p. I-6355, punt 91). |
58 |
Anki jekk is-sentenzi mogħtija skont l-Artikolu 226 KE jkollhom l-istess effetti bħal dawk mogħtija skont l-Artikolu 234 KE u li, b’hekk, il-kunsiderazzjonijiet taċ-ċertezza legali jistgħu jrendu neċessarji, b’mod eċċezzjonali, il-limitazzjoni tal-effetti tagħhom fiż-żmien (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-178/05, Ġabra p. I-4185, punt 67; tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-475/07, punt 61, u tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-559/07, punt 78), huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Finlandja ma pprovatx, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha jew fis-seduta, turi l-eżistenza ta’ riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi. |
59 |
It-talba tar-Repubblika tal-Finlandja għal-limitazzjoni tal-effetti fiż-żmien tas-sentenza preżenti għandha konsegwentement tiġi miċħuda. |
60 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26 KE, l-Artikolu 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u, konsegwentement, it-tariffa doganali komuni billi eżentat l-importazzjoni tal-apparat militari mid-dazji doganali mill-1998 sal-2002 u naqset ukoll mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/89 kif ukoll taħt l-istess artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000 billi rrifjutat li tikkalkola, tiddikjara u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji konnessi magħhom kif ukoll meta rrifjutat li tħallas l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-imsemmija riżorsi proprji. |
Fuq l-ispejjeż
61 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Finlandja tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
62 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Portugiża u r-Renju tal-Isvezja, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.