SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta' Frar 2007(*)

“Redundancies kollettivi – Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE – Artikolu 1(1)(a) – Tmiem ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment dovut għar-rieda ta' min iħaddem – Kunċett ta' ‘stabbiliment'”

Fil-kawża C-270/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Areios Pagos (il-Greċja), permezz ta' Deċiżjoni tat-9 ta' Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta' Lulju 2005, fil-proċedura

Athinaïki Chartopoïïa AE

vs

L. Panagiotidis et,

fil-preżenza ta':

Geniki Synomospondia Ergaton Elládas (GSEE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, E. Juhász (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, K. Schiemann u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta' Ottubru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Athinaïki Chartopoïïa AE, minn I.-D. Filiotis, K. Keramefs, M. Merola u C. Santacroce, dikigori,

–       għal L. Panagiotidis et, minn A. Vagias u E. Dibanidoy‑Vraka, dikigori,

–       għal Geniki Synomospondia Ergaton Elládas (GSEE), minn A. Kazakos, dikigoros,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "stabbiliment" li jinsab, b'mod partikolari, fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, p. 16).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-ħaddiema mkeċċija u l-kumpannija preċedenti tagħhom li impjegathom, il-kumpannija Athinaïki Chartopoïïa AE (iktar 'il quddiem il-"kumpannija"), fir-rigward tar-regolarità tar-redundancies kollettivi tagħhom li seħħew wara t-tmiem ta' l-attivitajiet ta' wieħed mill-unitajiet ta' produzzjoni ta' din il-kumpannija fuq deċiżjoni ta' din ta' l-aħħar.

 Il-kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Jirriżulta mill-ewwel premessa tad-Direttiva 98/59 li, bil-ħsieb ta' ċarezza u razzjonalità, din ta' l-aħħar pproċediet għal kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 48, p. 29), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/56/KEE, ta' l-24 ta' Ġunju 1992 (ĠU L 245, p. 3). B'applikazzjoni tat-tieni premessa tagħha, id-Direttiva 98/59 timmira biex "jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta' redundancies kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta' żvilupp ibbilanċjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità".

4       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tagħha kif ġej:

"1.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      "redundancies kollettivi" ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta' l-Istati Membri, in-numru tar- redundancies huwa:

i)      jew, fuq perijodu ta' 30 ġurnata:

–       mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

–       mill-inqas 10 % tan-numru ta' ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

–       mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

ii)      jew, fuq perijodu ta' 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta' impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

[…]"

5       L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/59 telenka l-każijiet li fihom din id-Direttiva mhijiex applikabbli. Fil-kuntest tad-Direttiva 75/129, l-Artikolu 1(2)(d) ippreveda li din id-Direttiva ma applikatx "għall-impjegati milquta bit-tmiem ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment meta huwa jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan il-punt (d) ġie mħassar bid-Direttiva 92/56 u ma ġiex inkluż bid-Direttiva 98/59.

6       Id-Direttiva 98/59 tipprevedi, fl-Artikolu 2(1), (2) u (3) tagħha, xi obbligi għall-kap ta' min iħaddem li jkun qed jikkontempla redundancies kollettivi. L-ewwel nett, dan huwa obbligat li jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema bl-iskop li mill-inqas ikopru mezzi u miżuri li jevitaw jew inaqqsu redundancies u biex jittaffew il-konsegwenzi tagħhom. Huwa wkoll obbligat li jinnotifikahom bil-miktub bir-raġunijiet tar-redundancies, bin-numru tal-kategoriji ta' ħaddiema li se jispiċċaw bla xogħol; bin-numru tal-ħaddiema normalment impjegati; bil-perijodu meta r-redundancies ipproġettati għandhom jiġu effettwati; bil-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li għandhom jitkeċċew u bil-metodu ta' kalkolu propost għal kull indennizz eventwali.

7       L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi li min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta' redundancies kollettivi u li jikkomunikalha wkoll l-informazzjoni kollha li huwa għandu jipprovdi għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema. It-tieni subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni jipprovdi:

"Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li f'każ ta' redundancies kollettivi ippjanat ikkawżat mit-terminu ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment bħala riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja, min iħaddem għandu jkun obbligat jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub biss jekk hi titlob hekk."

8       L-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

"1.       Il-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m'għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) [...].

[...]

2.      Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir- redundancies kollettivi proġettati.

3.       Meta l-perijodu inizjali previst fil-paragraph 1 huwa iqsar minn 60 ġurnata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorià pubblika kompetenti biex testendi l-perijodu inizjali ta' 60 ġurnata wara n-notika meta l-problemi kkawżati mill-pjanijiet proġettati ta' redundancies kollettivi x'aktarx ma tinstabx soluzzjoni għalihom fil-perijodu inizjali.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti poteri iktar wiesgtra ta' estenzjoni.

Min iħaddem għandu jkun infurmat bl-estenzjoni u l-bażi tagħha qabel ma jiskadi l-perijodu tal-bidu msemmi fil-paragrafu 1.

4.       L-Istati Membri m'għandhomx bżonn japplikaw dan l-Artikolu għar- redundancies kollettivi kkawżati mit-tmiem ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment meta dawn huwa r-riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja."

9       L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi fl-aħħar nett li din id-Direttiva "ma għandhiex taffetwa d-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema".

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     Id-Direttiva 75/129, fil-verżjoni inizjali tagħha, kienet ġiet trasposta fid-dritt Elleniku bil-Liġi Nru 1387/1983. L-emendi miġjuba bid-Direttiva 92/56 kif ukoll il-verżjoni kkodifikata ppreżentata permezz tad-Direttiva 98/59 ġew trasposti fid-dritt Elleniku, il-Liġi Nru 1387/1983 li ġiet emendata permezz tal-Liġijiet Nru 2736/1999 u Nru 2874/2000 (iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 1387/1983"). L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 1387/1983 jipprevedi l-informazzjoni kompluta bil-miktub lill-impjegati minn min iħaddem fuq ir-redundancies kollettivi proposti, l-obbligu ta' dan ta' l-aħħar li jipproċedi għal konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, u l-obbligu tiegħu ta' notifika u ta' informazzjoni fir-rispett ta' l-awtorità pubblika kompetenti.

11     L-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 1387/1983 jipprovdi:

"B'redundancies kollettivi wieħed għandu jifhem redundancies imwettqa minn stabbilimenti jew kumpanniji li jimpjegaw aktar minn 20-il ħaddiem, għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna tal-ħaddiema, u li jaqbżu, f'kull xahar tas-sena, il-limiti previsti fil-paragrafu segwenti."

12     L-Artikolu 5 (2) sa (4) tal-Liġi Nru 1387/1983 jipprevedi li jekk ftehim jiġi konkluż bejn il-ħaddiema u min iħaddem f'perijodu preskritt ta' għoxrin ġurnata previst għan-negozjati bejn dawn il-partijiet, ir-redundancies kollettivi huma effettwati b'applikazzjoni tal-kontenut ta' dan il-Ftehim u għandhom effett għaxart ijiem wara d-data ta' remissjoni tal-proċess verbali li jġib dan il-Ftehim għall-attenzjoni tal-Prefett jew tal-Ministru għax-Xogħol. Fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet, il-Prefett jew il-Ministru għax-Xogħol jista', wara li jkun eżamina d-dokumenti ta' l-inkartament u evalwa l-informazzjoni tas-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni ta' l-istabbiliment u l-interess ta' l-ekonomija nazzjonali, jestendi l-konsultazzjonijiet għal għoxrin ġurnata supplementari jew ma japprovax it-totalità jew parti mir-redundancies proposti. Min iħaddem jista' jeffettwa xi redundancies kollettivi fil-proporzjonijiet stabbiliti permezz tad-deċiżjoni tal-Prefett jew tal-Ministru għax-Xogħol.

13     B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 5(5) ta' din il-liġi:

"Il-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu mhumiex applikabbli għar-redundancies kollettivi li huma kkawżati bit-tmiem ta' l-attività ta' l-istabbiliment jew ta' l-isfruttament wara deċiżjoni ġudizzjarja."

14     Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 1387/1983 jipprevedi li r-redundancies kollettivi effettwati bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi huma nulli u bla effett.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kumpannija tippossjedi tliet unitajiet ta' produzzjoni separati, li jinsabu fi tliet lokalitajiet differenti, jiġifieri l-ewwel unità ta' produzzjoni tal-karta għall-kitba, tal-karta ta' l-istampar, tal-bord magħmul minn partikli u minn sulfat ta' l-aluminju, li timpjega 420 ħaddiem, it-tieni unità tirrigwarda l-produzzjoni ta' karta ratba tal-kċina, karta iġjenika, boroż, eċċ., u t-tielet unità li tirrigwarda t-trattament ta' karta ratba.

16     Kull waħda minn dawn l-unitajiet ta' produzzjoni tiddisponi minn tagħmir u minn persunal speċjalizzat ta' ħaddiema distinti, u minn direttur tal-produzzjoni li jassigura l-eżekuzzjoni tax-xogħol, is-superviżjoni tal-funzjonament ta' l-istallazzjonijiet kollha ta' l-unità u s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet tekniċi. Il-funzjonament ta' kull waħda minn dawn l-unitajiet ta' produzzjoni mhuwiex influwenzat minn dak ta' l-oħrajn. Barra dan, id-deċiżjonijiet dwar l-ispejjeż għall-funzjonament tagħhom, għall-bejgħ tal-materjali u għall-kalkolu ta' l-ispejjeż tal-prodotti jittieħdu, abbażi ta' l-informazzjoni mibgħuta mill-unitajiet in kwistjoni, lill-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija, fejn dipartiment kompatibbli komuni jassigura l-ħlas tas-salarji u l-iffissar ta' dokumenti u ta' bilanċ uniku.

17     Fit-18 ta' Lulju 2002, il-Bord ta' amministrazzjoni tal-kumpannija ddeċieda t-tmiem ta' attività ta' l-ewwel unità ta' produzzjoni għar-raġunijiet ta' telf u t-tkeċċija kważi totali ta' l-impjegati ta' din l-unità. Barra dan, b'ittra tat-22 ta' Lulju 2002, huwa stieden ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għal konsultazzjonijiet legali u nnotifika din l-istedina lill-Prefett u l-Ispettorat tax-Xogħol kompetenti. Madankollu, huwa ma pprovdiex lir-rappreżentanti tal-persunal il-bilanċi u d-dokumenti ġenerali soċjali kollha li juru n-neċessità li jintemm il-funzjonament ta' l-unità in kwistjoni, iżda huwa limita ruħu għar-riżultati preġudikanti ta' din l-unità matul l-aħħar tliet snin, jiġifieri mill-1999 sa 2001.

18     F'dan l-istadju, u billi n-negozjati ma wasslu għal ebda ftehim fiż-żmien preskritt, il-Ministru għax-Xogħol estenda n-negozjati għal 20 ġurnata supplementari. Madankollu, il-kumpannija ma pparteċipatx għal dawn in-negozjati, iddenunzjat il-kuntratti ta' xogħol għal żmien indeterminat tal-ħaddiema u ħalsithom l-indenizzi previsti bil-liġi.

19     Ir-rikors tal-ħaddiema kontra d-deċiżjoni ta' redundancies ġie milqugħ fl-ewwel istanza. L-Efeteio Thrakis (qorti ta' appell ta' Thrace), li quddiemha din il-kumpannija ressqet l-appell, iddeċidiet l-ewwel nett li l-unità ta' produzzjoni in kwistjoni li temmet l-attività tagħha ma kinitx awtonoma meta mqabbla mal-kumpannija appellanti u li hija ma taqax għalhekk taħt l-eċċezzjoni prevista skond l-Artikolu 5(5) tal-Liġi Nru 1387/83. Minkejja li hija tirrigwarda, abbażi tat-termini tagħha, biss il-każijiet fejn tmiem ta' attività jirriżulta f'deċiżjoni ġudizzjarja, din id-dispożizzjoni hija fil-fatt interpretata mill-qrati nazzjonali li hja applikabbli wkoll meta dan it-tmiem jirriżulta f'deċiżjoni unilaterali ta' min iħaddem.

20     L-Efeteio Thrakis iddeċidiet, sussegwentement, li:

–       il-kumpannija appellanti naqset mill-obbligu tagħha li tinforma l-ħaddiema b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 tal-liġi fuq imsemmija, u

–       hija ddenunzjat il-kuntratti ta' xogħol matul il-perijodu ta' titwil tal-konsultazzjonijiet, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(3) tal-liġi Nru 1387/1983. Konsegwentement, id-denunzja tal-kuntratti ta' xogħol kienet nulla, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tal-liġi kkonċernata.

21     Billi tqajmet kwistjoni ta' interpretazzjoni ta' att ta' istituzzjoni Komunitarja u li d-deċiżjoni tagħha ma kinitx appellabbli skond id-dritt nazzjonali, l-Areios Pagos, li quddiemha tressaq appell fil-kassazzjoni mill-kumpannija, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"Il-fatti iktar 'il fuq, ammessi mill-Efeteio, jaqgħu taħt il-kunċett ta' dritt Komunitarju ta' "stabbiliment" fl-applikazzjoni tad-direttivi tal-Kunsill, imsemmija f'dak li hu mistenni minn dan id-digriet, u mil-liġi Nru 1387/1983 li tirrigwarda "verifika tar-redundancies kollettivi u dispożizzjonijiet oħra?"

 Fuq id-domanda preliminari

22     Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza ta' Efeteio Thrakis, li permezz tagħha l-unità ta' produzzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx awtonoma meta mqabbla mal-kumpannija, u titlob essenzjalment jekk din l-unità ta' produzzjoni taqax taħt il-kunċett ta' "stabbiliment" għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59.

23     Għandu jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta' "stabbiliment", li mhuwiex iddefinit f'din id-Direttiva, jikkostitwixxi kunċett tad-dritt Komunitarju u ma jistax jiġi ddefinit b'riferiment għal-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri (sentenza tas-7 ta' Diċembru 1995, Rockfon, C-449/93, Ġabra p. I-4291, punti 23 u 25). Huwa għandu għalhekk jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-ordinament ġuridiku Komunitarju.

24     Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li t-termini użati fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 98/59 sabiex jiddefinixxu l-kunċett ta' "stabbiliment" jiddifferenzjaw xi ftit u li għandhom konnotazzjoni differenti, jiġifieri, skond il-każ, stabbiliment, impriża, ċentru tax-xogħol, unità lokali jew post tax-xogħol (ara s-sentenza Rockfon, iċċitata iktar 'il fuq, punti 26 u 27).

25     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet u b'applikazzjoni tal-finalità ta' din id-Direttiva li, kif jirriżulta mit-tieni premessa tagħha, tirrigwarda b'mod partikolari t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta' redundancies kollettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta' "stabbiliment" li jinsab fid-Direttiva 98/59 u b'mod partikolari fl-Artikolu 1(1)(a) tagħha, bħala li jindika, skond iċ-ċirkustanzi, l-unità li fiha l-ħaddiema kkonċernati bir-redundancies huma allokati biex jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom (sentenza Rockfon, iċċitata iktar 'il fuq, punti 31 u 32, u l-ġurisprudenza ċitata).

26     Billi tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tat definizzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta' "stabbiliment" sabiex tillimita kemm jista' jkun il-każijiet ta' redundancies kollettivi li mhumiex suġġetti għad-Direttiva 98/59 minħabba definizzjoni legali ta' dan il-kunċett fuq livell nazzjonali (ara b'mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta' Settembru 2006, Agorastoudis et, C-187/05 sa C-190/05, li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, punt 37). Madankollu, minħabba n-natura ġenerali ta' din id-definizzjoni, din ta' l-aħħar ma tistax waħedha tkun deċiżiva għall-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża prinċipali.

27     Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, tista' wkoll b'mod partikolari tikkostitwixxi "stabbiliment", fil-kuntest ta' impriża, entità distinta, li tippreżenta ċerta permanenza u stabbiltà, li lilha tiġi assenjata l-eżekuzzjoni ta' waħda jew diversi funzjonijiet iddeterminati u li tiddisponi minn grupp ta' ħaddiema, mezzi tekniċi u ċerta struttura ta' organizzazzjoni li tippermetti t-twettiq ta' dawn il-funzjonijiet.

28     Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni li l-għan imfittex permezz tad-Direttiva 98/59 jikkonċerna b'mod partikolari l-effetti soċjoekonomiċi li r-redundancies kollettivi jistgħu jikkawżaw f'kuntest lokali u f'ambjent soċjali partikolari, l-entità kkonċernata m'għandhiex neċessarjament ikollha xi tip ta' awtonomija legali u lanqas awtonomija ekonomika, finanzjarja, amministrattiva jew teknoloġika sabiex tkun tista' tiġi kkwalifikata bħala "stabbiliment".

29     Huwa għalhekk f'din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhuwiex essenzjali għad-definizzjoni tal-kunċett ta' "stabbiliment" il-fatt li l-unità in kwistjoni tiddisponi jew le minn amministrazzjoni li tista' twassal b'mod indipendenti għal redundancies kollettivi (sentenza Rockfon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34, u punt 2 tad-disposittiv). Ma hija lanqas meħtieġa separazzjoni ġeografika bejn unitajiet u stallazzjonijiet oħra ta' l-impriża.

30     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-fatt li l-liġi Ellenika Nru 1387/1983 tuża alternattivament it-termini "stabbiliment" u "kumpannija" mhuwiex, fih innifsu, kuntrarju għad-Direttiva 98/59, bil-kundizzjoni li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta' "stabbiliment" jiġi osservat u li l-użu ta' żewġ termini ma jkunx jista' jwassal għall-esklużjoni ta' kategoriji ta' ħaddiema mill-protezzjoni mixtieqa b'din id-Direttiva.

31     Sussegwentement, fid-dawl tan-natura ta' l-unità ta' produzzjoni kkonċernata fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-inkartament li din l-unità hija waħda mit-tliet unitajiet ta' produzzjoni separati li tippossjedi l-kumpannija. Hija timpjega 420 ħaddiem, hija tiddisponi minn tagħmir u persunal speċjalizzat distinti, il-funzjonament tagħha mhuwiex influwenzat minn dak ta' l-unitajiet l-oħra u hija għandha direttur tal-produzzjoni li jassigura l-eżekuzzjoni tajba tax-xogħol u s-superviżjoni tal-funzjonament kollu ta' l-istallazzjonijiet ta' l-unità, u s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet tekniċi.

32     Dawn l-elementi jagħtu manifestament lil unità bħal din il-karatteristika ta' "stabbiliment" għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, b'applikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 27 sa 29 ta' din is-sentenza, u jdaħħlu l-unità kkonċernata taħt dan il-kunċett Komunitarju. Il-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-ispejjeż għal funzjonament ta' kull waħda mit-tliet unitajiet, ix-xiri tal-materjali u l-kalkolu ta' l-ispejjeż tal-prodotti huma meħuda fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija, fejn jeżisti dipartiment kontabbli komuni, mhuwiex rilevanti f'dan ir-rigward.

33     Bil-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi nnotat ukoll li, kif jirriżulta mill-inkartament, l-Efeteio Thrakis ddeċidiet li billi l-unità ta' produzzjoni kkonċernata fil-kawża prinċipali mhijiex awtonoma mill-kumpannija, ma tikkostitwixxix "stabbiliment" u, għaldaqstant, ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(5) tal-liġi Nru 1387/1983 li tassigura t-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-dispożizzjoni derogatorja ta' l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 98/59.

34     Fi kliem ieħor, skond il-perspettiva ta' din il-qorti, li kieku din l-unità ta' produzzjoni kienet awtonoma u kienet tikkostitwixxi "stabbiliment", id-deroga fuq imsemmija għandha tiġi applikata, peress li t-tmiem ta' l-attivitajiet ta' din l-unità kienet dovuta għar-rieda biss ta' min iħaddem.

35     Din il-pożizzjoni tirrigwarda l-kuntest ta' l-istess approċċ ġurisdizzjonali nazzjonali li kien fl-oriġini tas-sentenza Agorastoudis et, iċċitata iktar 'il fuq, u mhijiex ibbażata fuq id-Direttiva 98/59. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi ppreċiżat f'dan ir-rigward, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew, li, anki jekk l-awtonomija ta' l-unità kkonċernata fil-kawża prinċipali ġiet ikkonstatata u din kienet tikkostitwixxi "stabbiliment", id-deroga fuq imsemmija mhijiex applikabbli.

36     Fil-fatt, għall-istess raġunijiet li ġew esposti fil-punti 25 sa 45 tas-sentenza Agorastoudis et, iċċitata iktar 'il fuq, id-dispożizzjoni derogatorja in kwistjoni hija applikabbli biss u esklużivament meta t-tmiem ta' l-attivitajiet ta' impriża jew kumpannija huwa dovut għal deċiżjoni ġudizzjarja. Fil-każijiet l-oħra kollha, u b'mod partikolari meta t-tmiem ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment huwa dovut għar-rieda biss ta' min iħaddem, dan għandu l-obbligu li jikkonsulta mal-ħaddiema għal perijodu supplementari quddiem l-awtorità pubblika kompetenti.

37     Fl-aħħar nett għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet evokata b'insistenza l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-Direttiva 98/59 u l-Artikolu 43 KE ta' l-intervent ta' l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, jiġifieri tal-Prefett jew tal-Ministru tax-Xogħol, previst fil-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 5 tal-liġi Nru 1387/1983. Din il-kwistjoni madankollu ma kinitx is-suġġett ta' din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

38     Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-Direttiva 98/59, u b'mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) tagħha għandha tiġi interpretata fis-sens li unità ta' produzzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta' "stabbiliment" għall-iskopijiet ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

39     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, u b'mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li unità ta' produzzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta' "stabbiliment" għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.