Keywords
Summary

Keywords

1. Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kunċett ta’ skart

(Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva 91/156, Artikolu 1(a))

2. Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kunċett ta’ skart

(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva 91/156, Artikolu 1(a))

3. Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva 91/156, Artikoli 1(a) u 2(1))

Summary

1. Il-klassifikazzjoni bħala “skart” ta’ sustanza jew oġġett, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva 91/156, tirriżulta qabel xejn mill-imġiba tal-pussessur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi”. Din il-kelma għandha tiġi interpretata mhux biss fid-dawl ta’ l-għan essenzjali tad-direttiva, li skond it-tielet premessa huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mill-ħatt ta’ l-iskart, iżda wkoll fid-dawl ta’ l-Artikolu 174(2) KE, li jipprovdi li l-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-prekawzjoni u ta’ l-azzjoni preventiva. Minn dan isegwi li l-imsemmija kelma, u għalhekk il-kunċett ta’ “skart”, m’għandhomx jiġu interpretati ristrettivament.

(ara l-punti 32-33)

2. L-eżistenza vera ta’ “skart” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/422 dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva 91/156, għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tagħha u billi jiġi assigurat li l-effettività tagħha ma tiġix ippreġudikata.

Għaldaqstant, ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu indizzju ta’ azzjoni, intenzjoni jew obbligu li tintrema sustanza jew jintrema oġġett, fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta s-sustanza użata tkun fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, jiġifieri prodott li mhuwiex imfittex bħala tali, peress li l-metodu ta’ estrazzjoni jew il-mod ta’ l-użu ta’ sustanza ma jiddeterminawx jekk dan huwiex ikklassifikat bħala skart jew le.

Minbarra l-kriterju bbażat fuq jekk sustanza hijiex jew le fdal minn produzzjoni, il-livell ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ din is-sustanza, mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel, jikkostitwixxi kriterju ieħor rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ jekk din is-sustanza hijiex jew le skart skond id-direttiva. Jekk, lil hinn mis-sempliċi possibbiltà li din is-sustanza tintuża mill-ġdid, hemm vantaġġ ekonomiku għall-pussessur li jagħmel hekk, il-probbabiltà ta’ użu mill-ġdid bħal dan hija qawwija. F’każ bħal dan, is-sustanza in kwistjoni ma tistax tibqa’ tiġi analizzata bħala piż li l-pussessur jixtieq jarmi iżda bħala prodott awtentiku.

Madankollu, il-fatt biss li sustanza hija intiża għall-użu mill-ġdid jew tista’ tiġi użata mill-ġdid ma jiddeterminax il-klassifikazzjoni tagħha bħala skart jew le. Materjal, prodott jew materja prima minn proċess ta’ manifattura li mhuwiex intiż għall-produzzjoni tiegħu ma jistax jikkostitwixxi prodott sekondarju li l-pussessur ma jixtieqx jarmi, jekk l-użu mill-ġdid tiegħu, inkluż il-bżonnijiet ta’ l-operaturi ekonomiċi minbarra dak li pproduċih, mhuwiex sempliċiment eventwali, iżda huwa ċert, ma jkollux bżonn ta’ trasformazzjoni minn qabel u jkun jinsab fil-proċess tal-produzzjoni jew ta’ l-użu.

(ara l-punti 34-35, 38, 40, 49-50)

3. Peress li d-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, ma tipprovdi ebda kriterju determinanti sabiex tiġi żvelata l-intenzjoni tal-pussessur li jarmi sustanza jew oġġett partikolari, l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, huma liberi fir-rigward ta’ l-għażla tal-metodi ta’ prova ta’ l-elementi varji ddefiniti fid-direttivi li huma jittrasponu sakemm din l-għażla ma tippreġudikax l-effettività tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, jiddefinixxu kategoriji differenti ta’ skart, b’mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ l-immaniġġjar tiegħu, safejn l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva u mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju dwar l-iskart jiġu osservati u li l-kategoriji eventwali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi intiżi għat-traspożizzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu konformi ma’ l-Artikolu 2(1) tagħha.

(ara l-punt 41)