Kawża C-237/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/50/KEE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Servizzi ta’ għajnuna lill-bdiewa għas-sena 2001 – Regolament (KEE) Nru 3508/92 – Implementazzjoni fil-Greċja tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (SIAK) – Nuqqas ta’ sejħa għal offerti – Inammissibbiltà tar-rikors”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fil-15 ta’ Frar 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-sentenza

Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas eliminat qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata – Inammissibbiltà

(Artikolu 226 KE)

Fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli jekk, fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, il-kuntratt in kwistjoni jkun diġà ġie kompletament eżegwit.

(ara l-punt 29)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Ottubru 2007(*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/50/KEE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Servizzi ta’ għajnuna lill-bdiewa għas-sena 2001 – Regolament (KEE) Nru 3508/92 – Implementazzjoni fil-Greċja tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (SIAK) – Nuqqas ta’ sejħa għal offerti – Inammissibbiltà tar-rikors”

Fil-kawża C-237/05,

li għanda bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-30 ta’ Mejju 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia u X. Lewis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn G. Kanellopoulos u S. Charitaki, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, G.Arestis, L. Bay Larsen, R. Schintgen u P. Kūris, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, minħabba l-prassi segwita mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ kompilazzjoni u ġbir ta’ l-applikazzjonijiet u tad-dikjarazzjonijiet tal-produtturi taċ-ċereali u affarijiet oħra fil-kuntest tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għas-sena 2001, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU L 209, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. l, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”), b’mod partikolari, mill-Artikoli 2, 7, 11(1) u 15(2) ta’ din id-Direttiva, kif ukoll mill-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 92/50

2       Skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, il-“‘kuntratti ta’ servizz pubbliku’ [kuntratti pubbliċi għal servizzi] huma kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti”, bl-esklużjoni ta’ kuntratti li jissemmew f’din l-istess dispożizzjoni fil-punti (i) sa (ix).

3       L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi li:

“1.      Fl-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] jew fl-organizzazzjoni ta’ kuntesti tad-disinn, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw proċeduri adattati għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti”.

4       Skond l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 92/50:

“1. a) Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

–       […] kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] li għandhom x'jaqsmu ma['] servizzi msemmija fl-Anness I B, […], mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti msemmija fl-Artiklu 1(b), fejn il-valur nett tat-taxxa miżjuda fuq il-valur [tat-taxxa fuq il-valur miżjud] (VAT) stmat ma jku[n]x inqas minn 200000 ECU;

–       kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] fir-rigward tas-servizzi msemmija fl-Anness I A […]:

(i)      mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 93/36/KEE fejn l-istima tal-valur nett mill-VAT ma tkunx anqas mill-ekwivalenti f’ecus ta’ 130000 dritt speċjali ta’ ġbid (SDRs);

(ii)      mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Artikolu 1(b) għajr dawk li hemm referenza għalihom fl-Anness I tad-Direttiva 93/36/KEE u fejn l-istima tal-valur nett mill-VAT ma tkunx inqas mill-ekwivalenti f’ecus ta’ 200000 SDRs”.

5       Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, “[k]untratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I A għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI” ta’ l-istess Direttiva.

6       L-Artikolu 9 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi li:

“Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I B għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16”.

7       L-Artikolu 11(1) ta’ l-istess Direttiva jipprovdi li, fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri miftuħa, ristretti jew negozjati kif definiti fl-Artikolu 1(d), (e) u (f) ta’ din id-Direttiva.

8       Skond l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 92/50:

“L-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jagħtu kuntratt ta’ servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi] bi proċedura negozjata miftuħa, jew ristretta jew taħt kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11, għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ notifika”.

 Ir-Regolament (KEE) Nru 3508/92

9       Mit-tielet u mir-raba' premessi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità (ĠU L 355, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1593/2000, tas-17 ta’ Lulju 2000 (ĠU L 182, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3508/92”), jirriżulta li, fil-kuntest tar-riforma tal-politika agrikola komuni u sabiex l-amministrazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ kontroll jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida u jsaħħu l-effettività u l-produttività tagħhom, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll ġodda li jkopru l-iskemi ta’ għajnuna finanzjarja fis-setturi ta’ l-uċuħ tar-rabà, tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, il-laħam tal-muntun u tal-mogħża (iktar ’il quddiem is-“SIAK”).

10     L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3508/92 jipprovdi li:

“Is-[SIAK] tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)      database ikkompjuterizzata;

(b)      sistema ta’ identifikazzjoni alfanumerika għall-qatgħat agrikoli;

(ċ)      sistema ta’ identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem;

(d)      applikazzjonijiet għall-għajnuna;

(e)      sistema integrata tal-kontroll.

11     Skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmi Regolament:

“Id-database ikkompjuterizzata għandha tirreġistra, għal kull azjenda agrikola, l-informazzjoni miġbura mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Din id-database għandha b’mod partikolari tippermetti konsultazzjoni diretta u immedjata, permezz ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru, ta’ l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma’ mill-inqas it-tliet snin kalendarji preċedenti u/jew it-tliet snin konsekuttivi tas-suq”.

12     L-Artikolu 4 ta’ l-istess Regolament jipprovdi li:

“Sistema ta’ identifikazzjoni għal qatgħat agrikoli għandha tkun stabbilita fuq il-bażi ta’ mapep jew dokumenti tar-reġistrazzjoni ta’ l-artijiet jew referenzi kartografiċi oħra. Għandu jsir użu mit-teknika ta’ sistemi kkompjuterizzati ta’ informazzjoni ġeografika preferibbilment ta’ orto-imaġerija mill-arja jew spazjali, bi standard omoġeni li tiggarantixxi preċiżjoni ekwivalenti għall-inqas għall-kartografija fuq skala ta’1:10 000”.

13     Skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3508/92:

“Sabiex ikun eliġibbli taħt waħda jew iktar mill-iskemi Komunitarji rregolati minn dan ir-Regolament, kull bidwi għandu jissottometti, għal kull sena, applikazzjoni għall-għajnuna għall-'erja' li tindika:

–       il-qatgħat agrikoli, inklużi l-erji taħt l-uċuħ tal-mergħa, u l-qatgħat agrikoli koperti b’miżura għar-raba’ mserraħ u għall-art mhix maħduma,

–       fejn japplika, kwalunkwe tagħrif ieħor meħtieġ ipprovdut jew mir-Regolamenti li għandhom x'jaqsmu ma’ l-iskemi Komunitarji, jew mill-Istat Membru interessat”.

14     L-Artikolu 7 ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi li:

“Is-sistema integrata ta’ kontroll għandha tkopri l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna ssottomessi, b’mod partikolari rigward il-kontrolli amministrattivi, il-kontrolli fuq il-post, u, jekk meħtieġ, il-verifika permezz tar-remote sensing bl-aerial jew bis-satellita”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

15     Il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar allegat ksur, fid-dawl tad-Direttiva 92/50, ta’ ftehim qafas u ta’ kuntratti ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim qafas li jirrigwardaw il-provvista ta’ ċerti servizzi fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni tas-SIAK fil-Greċja fis-sena 2001.

16     L-imsemmi ftehim qafas ġie konkluż fl-20 ta’ Frar 2001 bejn il-Ministeru Grieg ta’ l-Intern, il-Ministeru Grieg ta’ l-Agrikoltura, l-Unjoni ta’ l-Amministrazzjoni tal-prefetturi tal-Greċja u l-Konfederazzjoni Panellenika tal-Kooperattivi Agricoli (iktar ’il quddiem il-"ftehim qafas").

17     Il-ftehim qafas kien jirrigwarda l-koordinazzjoni tas-segwenti servizzi mill-imsemmija Konfederazzjoni, li l-eżekuzzjoni tagħhom kienet fdata f’idejn il-membri ta’ din il-konfederazzjoni, jiġifieri l-għaqdiet lokali tal-kooperattivi agrikoli (iktar ’il quddiem l-“UCA”), li kellhom:

–       jinformaw lill-bdiewa dwar l-adozzjoni ta’ formularji ġodda għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna u għad-dikjarazzjonijiet fuq l-azjendi u l-kultivazzjonijiet agrikoli, maħsuba biex jimlew id-databases tas-SIAK;

–       jipprovdu lill-bdiewa għajnuna bit-tniżżil ta’ l-informazzjoni fil-formularji relattivi, inkluża għajnuna teknika għall-identifikazzjoni tal-qatgħat u tal-kultivazzjonijiet fuq ortoritratti, ritratti mill-ajru jew mapep topografiċi;

–       jiġbru l-formularji u jibagħtuhom, f’forma bil-miktub u elettronika, lill-awtoritajiet reġjonali kompetenti.

18     F’dan ir-rigward, il-ftehim qafas kien jipprovdi għall-għoti ta’ kuntratti ta’ eżekuzzjoni bejn l-amministratturi tal-prefetturi u UCA fuq livell ta’ kull prefettura. Sussegwentement, kuntratti bħal dawn ġew effettivament mogħtija (iktar ’il quddiem il-“kuntratti in kwistjoni”).

19     Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Ellenika sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq il-fatt li hija ma rrispettatx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) tagħha, kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi għaddiet għall-għoti dirett tal-kuntratti pubbliċi għas-servizzi kkonċernati lil UCA, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel.

20     Billi l-Kummissjoni kkunsidrat li l-osservazzjonijiet ippreżentati fir-risposta għall-imsemmija ittra kienu insuffiċjenti, hija ħarġet opinjoni motivata fid-19 ta’ Diċembru 2003 fejn talbet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.

21     Peress li l-Kummissjoni ma kinitx konvinta mir-risposta tal-Gvern Elleniku għall-opinjoni motivata, hija ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

22     Ir-Repubblika Ellenika tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors tal-Kummissjoni, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-Kummissjoni li tressaq din il-kawża u fuq il-fatt li r-rikors huwa nieqes minn kull skop.

23     F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni, fl-ewwel lok, li huwa ħa l-miżuri neċessarji sabiex iwaqqaf l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, li dan ma kienx għadu jeżisti meta skada t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, peress li:

–       matul is-sena 2003, ma kienx hemm għoti dirett tas-servizzi in kwistjoni u entitajiet oħra minbarra UCA kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw offerta;

–       permezz tad-dikjarazzjoni uffiċjali nru 5767 tas-Segretarju Ġenerali tal-Ministeru ta’ l-Agrikultura, tas-6 ta’ Novembru 2003, l-awtoritajiet Elleniċi impenjaw ruħhom “li jirrikorru, jekk hemm bżonn, għal proċeduri miftuħa għall-kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratti għal servizzi in kwistjoni bil-kundizzjoni li dawn is-servizzi jaqgħu, għal kollox jew in parti, taħt l-Anness I A tad-Direttiva 92/50”.

24     Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, meta skada t-terminu indikat sabiex tikkonforma ma’ l-opinjoni motivata, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fir-rigward tas-sena 2001, ma kienx għadu jeżisti u ma kellux iktar effett.

25     Il-Kummissjoni ssostni li huwa neċessarju li jiġi kkonstatat l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu peress li m'hemm ebda garanzija li d-Direttiva 92/50 ser tiġi applikata b’mod effikaċi u korrett, la f’din il-kawża fir-rigward tas-sena 2001 u lanqas fil-futur.

26     Qabel kollox, id-dikjarazzjoni Nru 5767 hija mhux biss insuffiċjenti għaliex mhijiex vinkolanti legalment, iżda lanqas hija ċara peress li tinkludi l-espressjoni “jekk hemm bżonn”.

27     Sussegwentement, in-nuqqas ta’ qbil bejn ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni dwar in-natura unika tal-kuntratti in kwistjoni kif ukoll fir-rigward ta’ l-inklużjoni tas-servizzi kkonċernati fl-Anness I A tad-Direttiva 92/50 mhijiex teoretika u timplika riskju ta’ reċidività min-naħa ta’ dan l-Istat Membru.

28     Fl-aħħar lok, m'hemmx garanzija li d-Direttiva 92/50 ser tiġi applikata b’mod korrett fil-futur peress li fis-snin wara l-2001 dawn is-servizzi kienu mogħtija direttament lil UCA.

29     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli jekk, fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, il-kuntratt in kwistjoni jkun diġà ġie kompletament eżegwit (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-362/90, Ġabra. p. I-2353, punti 11 u 13, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-394/02, Ġabra. p. I-4713, punt 18).

30     Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, jiġifieri fid-19 ta’ Frar 2004, il-kuntratti in kwistjoni kinux, anki jekk ta’ l-inqas parzjalment, fil-proċess ta’ eżekuzzjoni jew jekk, kuntrarjament, ix-xogħlijiet ta’ għajnuna li għalihom ġew konklużi dawn il-kuntratti, kinux diġà saru kollha, b’tali mod li l-effetti tagħhom kienu kompletament eżawriti.

31     F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni, kif jirriżulta espressament mit-talbiet tar-rikors li ta bidu għall-kawża, jikkonċerna s-servizzi ta’ għajnuna pprovduti minn UCA fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni tas-SIAK għas-sena 2001 biss, kif dawn is-servizzi huma indikati b’mod preċiż fil-kuntratti in kwistjoni li ġew konklużi, f’din l-istess sena, għall-eżekuzzjoni tal-ftehim qafas. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li r-rikors tagħha kien jirrigwarda biss is-sena 2001.

32     Ix-xogħlijiet ta’ għajnuna previsti mill-kuntratti in kwistjoni jikkonċernaw it-tħejjija ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati mill-bdiewa bil-għan li l-informazzjoni fuq l-applikazzjonijiet tiġi inkluża fid-database tas-SIAK, skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 3508/92. Dawn l-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati kull sena sabiex tkun tista’ tingħata l-għajnuna għas-sena kkonċernata. Għaldaqstant, huma kkonċernati servizzi relatati ma’ eżerċizzju annwali li jispiċċa mal-ħlas ta’ l-għajnuna mogħtija.

33     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1) tal-ftehim qafas, li jissemma fil-kuntratti in kwistjoni, jistabbilixxi li dawn jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata li fiha jiġu ffirmati u ma jibqgħux fis-seħħ meta tingħata l-għajnuna finanzjarja kollha lill-bdiewa li jkunu applikaw għaliha.

34     Madankollu, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tirribatti l-argument tar-Repubblika Ellenika, li ġie affermat mir-rappreżentant tagħha waqt is-seduta, li l-għoti ta’ għajnuna matul is-sena 2001 sar kollu matul is-sena konsekuttiva, jiġifieri ħafna qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata.

35     Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijijet kuntrarji min-naħa tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li fid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, l-effetti kollha tal-ftehim qafas u tal-kuntratti in kwistjoni li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim qafas għas-sena 2001 kienu diġà eżawriti.

36     Matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet li, kuntrarjament għall-ksur in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’din il-kawża, jiġifieri l-għoti dirett u mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tas-servizzi ta’ għajnuna kkonċernati lil UCA, seħħ matul is-snin wara s-sena 2001, jiġifieri qabel tressaq dan ir-rikors.

37     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx tirribatti l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika li pprovdew li matul l-imsemmija snin, dawn is-servizzi ta’ għajnuna ġew ipprovduti fil-kuntest ta’ proċedura li hija radikalment differenti minn dik li ġiet segwita fis-sena 2001.

38     B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tpoġġi f’dubju l-affermazzjoni tar-rappreżentant tal-Gvern Elleniku li fis-seduta sostna, abbażi ta’ provi ppreżentati minn dan il-Gvern bħala risposta għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li matul is-snin wara s-sena 2001, ebda remunerazzjoni ma kienet prevista fil-baġit ta’ l-Istat Membru bħala korrispettiv għas-servizzi ta’ għajnuna pprovduti minn UCA, peress li minn dakinhar ’il quddiem dawn ta’ l-aħħar irċevew ħlas minn kull bidwi għas-servizz ipprovdut lilu.

39     Minn dan isegwi li fid-dawl ta’ l-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi suffiċjentement skond il-liġi, li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat minnha fil-konfront tar-Repubblika Ellenika li seħħ matul is-sena 2001, seħħ ukoll fis-snin konsekuttivi.

40     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli minħabba kwistjoni persistenti bejnha u bejn r-Repubblika Ellenika dwar l-interpretazzjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratti pubbliċi in kwistjoni, tad-Direttiva 92/50, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkustanza waħedha ma tirrendix ir-rikors ammissibbli.

41     F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

42     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika Ellenika.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.