SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta' Jannar 2007 (*)

"Appell – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà"

Fil-kawża C-229/05 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fid-9 ta' Mejju 2005,

Osman Ocalan, f'isem il-Kurdistan Workers’ Party (PKK),

Serif Vanly, f'isem il-Kurdistan National Congress (KNK),

irrappreżentati minn M. Muller, QC, E. Grieves u P. Moser, barristers, kif ukoll minn J. G. Peirce, solicitor,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn R. Caudwell, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħhom, Osman Ocalan, f'isem il-Kurdistan Workers' Party (PKK) (Partit tal-ħaddiema tal-Kurdistan), u Serif Vanly, f'isem il-Kurdistan National Congress (KNK) (Kungress nazzjonali tal-Kurdistan), qegħdin jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Frar 2005, PKK u KNK vs Il-Kunsill (T-229/02, Ġabra p. II-539, aktar 'il quddiem id-"digriet ikkontestat"), li permezz tiegħu dik il-Qorti ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/334/KE, tat-2 ta' Mejju 2002, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927/KE (ĠU L 116, p. 33), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/460/KE, tas-17 ta' Ġunju 2002, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/334/KE (ĠU L 160, p. 26).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

2       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (aktar 'il quddiem il-KEDB"), intitolat "Dritt għal proċess ġust", jipprovdi li:

"1      Kull persuna għandha d-dritt, kemm fi kwistjonijiet ta’ drittijiet u ta’ obbligi ċivili tagħha kemm fuq il-fondatezza jew le ta’ akkuża ta’ natura kriminali kontra tagħha, għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf bil-liġi. Is-sentenza għandha tingħata pubblikament iżda l-istampa u l-pubbliku jistgħu jiġu esklużi mill-proċeduri kollha jew minn parti minnhom fl-interess tal-morali, ta’ l-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali f’soċjetà demokratika, meta l-interessi tal-minuri jew il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-partijiet hekk jeħtieġu, jew safejn ikun rigorożament meħtieġ fil-fehma tal-qorti f’ċirkustanzi speċjali meta l-pubbliċità tista’ tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]"

3       L-Artikolu 13 tal-KEDB, intitolat "Dritt għal rimedju effettiv", jipprovdi li:

"Kull min ikollu miksura d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kkontemplati f’din il-Konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali anki jekk dak il-ksur ikun twettaq minn persuni li jkunu qed jaġixxu fil-kariga uffiċjali tagħhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Skond l-Artikolu 34 tal-KEDB, intitolat "Rikorsi individwali":

"Il-Qorti [Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem] tista' tirċievi rikorsi minn kull persuna fiżika, kull organizzazzjoni mhux governattiva jew kull grupp ta' individwi li jallegaw li huma vittma ta' ksur minn waħda mill-Partijiet Kontraenti Għolja tad-drittijiet irrikonoxxuti fil-Konvenzjoni u fil-Protokolli tagħha. Il-Partijiet Kontraenti Għolja jintrabtu li ma jfixklu bl-ebda mod l-eżerċizzju effettiv ta' dan id-dritt." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Komunitarju

5       Fis-27 ta' Diċembru 2001, peress li qies li kienet meħtieġa azzjoni min-naħa tal-Komunità Ewropeea sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjonijiet Komuni 2001/930/PESK, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, p. 90), u 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 93).

6       L-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprovdi li:

"1.      Din il-Pożizzjoni Komuni hija applikabbli, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artikoli segwenti, għall-persuni, gruppi u entitajiet involuti f'atti ta' terroriżmu u li huma mniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness.

[…]

4.      Il-lista fl-Anness għandha tiġi stabbilita abbażi ta' informazzjoni preċiża jew ta' elementi fl-inkartament rilevanti li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-persuni, gruppi jew entitajiet ikkonċernati, irrispettivament minn jekk din id-deċiżjoni tikkonċernax il-bidu ta' investigazzjoni jew ta' prosekuzzjoni għal att ta' terroriżmu, attentat li jitwettaq, parteċipazzjoni fi jew faċilitazzjoni ta' att bħal dan, ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli, jew jekk din id-deċiżjoni tikkonċernax kundanna għal fatti bħal dawn. Il-persuni, gruppi u entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħala marbuta mat-terroriżmu u li kontrihom huwa ordna li jittieħdu sanzjonijiet jistgħu jiġu inklużi f'din il-lista.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, "awtorità kompetenti" tfisser awtorità ġudizzjarja, jew, meta l-awtoritajiet ġudizzjarji ma jkollhomx kompetenza fil-qasam kopert minn dan il-paragrafu, awtorità kompetenti ekwivalenti f'dan il-qasam.

5.      Il-Kunsill għandu jassigura li l-ismijiet tal-persuni fiżiċi u legali, tal-gruppi jew entitajiet elenkati fl-Anness ikollhom magħhom dettalji suffiċjenti sabiex l-individwi, il-persuni legali, l-entitajiet jew il-korpi jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod preċiż b'tali mod li jiġi ffaċilitat il-liberazzjoni mill-akkuża ta' dawk li għandhom ismijiet identiċi jew simili.

6.      L-ismijiet tal-persuni u entitajiet imniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid b'intervalli regolari u minn ta' l-anqas darba kull sitt xhur sabiex jiġi assigurat li ż-żamma tagħhom fuq il-lista tkun iġġustifikata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprovdi li:

"Il-Komunità Ewropea, filwaqt li taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandha tordna l-iffriżar tal-fondi u ta' assi finanzjarji jew ta' riżorsi ekonomiċi oħra ta' persuni, gruppi u entitajiet imniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Fis-27 ta' Diċembru 2001, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 70).

9       Skond l-Artikolu 2 ta' dan ir-regolament:

"1.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

a)      Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’ jew [huma] miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

b)      L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u ri[ż]orsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

2.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li [jiġu pprovduti] servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

3.      Il-Kunsill, [filwaqt li] jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi [u] entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK; din il-lista għandha tinkludi:

i)      persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

ii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

iii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew [huma k]kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

iv)      persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii)."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10     Id-digriet ikkontestat fih il-konstatazzjonijiet segwenti:

" 1      Mill-proċess tal-kawża jirriżulta li l-[PKK] twaqqaf fl-1978 u kien involut fi ġlieda bl-armi kontra l-Gvern Tork bil-għan li jiġi rrikonoxxut id-dritt tal-Kurdi għall-indipendenza. Skond ix-xhieda bil-miktub ta' [Osman] Ocalan, f'Lulju 1999, il-PKK iddikjara waqfien mill-ġlied unilaterali filwaqt li rriżerva d-dritt għad-difiża tiegħu nnifsu. Skond din l-istess xhieda, f'April 2002, sabiex jirrifletti dan ir-riorjentament, il-Kungress tal-PKK iddeċieda li 'l-attivitajiet kollha eżerċitati bl-isem ta' 'PKK' għandhom jieqfu fl-4 ta' April 2002 u l-attivitajiet kollha mwettqa f'isem il-PKK għandhom jiġu kkunsidrati bħala illeġittimi' (Anness 2 tar-rikors, punt 16). Grupp ġdid, il-Kongreya AzadÓ š Demokrasiya Kurdistan (Kungress għad-Demokrazija u l-Libertà tal-Kurdistan – KADEK), twaqqaf bil-għan li jintlaħqu, b'mod demokratiku, objettivi politiċi f'isem il-minoranza Kurda. [Abdullah] Ocalan inħatar president tal-KADEK.

2      Il-[KNK] hija federazzjoni li tiġbor fiha madwar tletin organizzazzjoni differenti. L-għan tal-KNK huwa li "jsaħħaħ l-unità u l-kooperazzjoni bejn il-Kurdi fil-partijiet kollha tal-Kurdistan u li jsostni l-ġlieda tagħhom fid-dawl ta' l-interessi superjuri tan-nazzjon Kurd" (Artikolu 7(A) tal-Karta Kostituzzjonali tal-KNK). Skond ix-xhieda bil-miktub ta' [Serif] Vanly, President tal-KNK, il-mexxej onorarju tal-PKK kien fost dawk li kienu favur il-ħolqien tal-KNK. Il-PKK kien membru tal-KNK u l-membri individwali tal-PKK kienu jiffinanzjaw parzjalment lill-KNK."

11     Fit-2 ta' Mejju 2002, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/334. Din id-deċiżjoni żiedet lill-PKK mal-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (aktar 'il quddiem il-"lista in kwistjoni").

12     Permezz ta' rikors irreġistrat bin-numru T-206/02, il-KNK ressaq rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2002/334. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli permezz ta' digriet tal-15 ta' Frar 2005. Dan id-digriet ma kienx appellabbli.

13     Fis-17 ta' Ġunju 2002, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/460. Din id-deċiżjoni żammet lill-PKK fuq il-lista in kwistjoni. Din il-lista ġiet sussegwentament aġġornata b'mod regolari minn diversi deċiżjonijiet tal-Kunsill.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

14     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Lulju 2002, il-PKK, irrappreżentat minn Osman Ocalan, u l-KNK, irrappreżentat minn Serif Vanly, ressqu rikors għal annullament kontra d-Deċiżjonijiet 2002/334 u 2002/460. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T-229/02.

15     Dan ir-rikors kellu miegħu mandat f'isem il-PKK, li kien miktub bil-mod segwenti:

"Bil-preżenti, jiena Osman Ocalan, ex membru ta' u f'isem l-organizzazzjoni li qabel kienet magħrufa bl-isem ta' PKK, nagħti mandat lil

Mark Muller, avukat ma' 10-11 Gray’s Inn Square

Edward Grieves, avukat ma' 10-11 Gray’s Inn Square

Gareth Pierce, soċju fl-uffiċju ta' l-avukati Birnberg Pierce

sabiex iressqu u jmexxu rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2002/334 u tar-Regolament Nru 2580/2001 u sabiex iwettqu kull ma jkun meħtieġ għal dan il-għan, inkluż sabiex jiddelegaw kull aspett tal-mandat lil persuna oħra, sabiex jitolbu miżuri provviżorji u sabiex iressqu kwalunkwe appell li jirriżulta neċessarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej."

16     Permezz ta' att ippreżentat fis-27 ta' Novembru 2002, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. L-intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq kif ukoll tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej in sostenn tal-Kunsill ġie milqugħ. Il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà. Ir-Renju Unit irrinunzja għad-dritt tiegħu li jippreżenta osservazzjonijiet dwar din l-eċċezzjoni.

17     Filwaqt li ddeċidiet dwar din l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-imsemmi rikors bħala inammissibbli permezz tad-digriet ikkontestat.

 Id-digriet ikkontestat

18     Fir-rigward tar-rikors imressaq minn Osman Ocalan f'isem il-PKK, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li kien inammissibbli minħabba l-motivi segwenti:

"27      L-ewwel nett, peress li jissemma fihom, għandu jiġi kkonstatat li l-PKK għandu jitqies bħala kkonċernat direttament u individwalment mid-Deċiżjonijiet [2002/334 u 2002/460].

28      It-tieni nett, għandu jiġi ppreċiżat li r-regoli dwar l-ammissibbiltà ta' rikors għal annullament fir-rigward ta' persuna li tissemma fil-lista in kwistjoni – jiġifieri l-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom huma applikabbli miżuri restrittivi fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – għandhom jinftiehmu skond iċ-ċirkustanzi tal-każ. Fil-fatt, fir-rigward b'mod partikolari ta' dawn il-gruppi jew entitajiet, jista' jkun li dawn m'għandhomx eżistenza legali, jew li huma ma kinux f'pożizzjoni li jirrispettaw ir-regoli ġuridiċi normalment applikabbli għall-persuni legali. Għaldaqstant, formaliżmu eċċessiv iwassal sabiex f'ċerti każijiet tiġi mċaħħda kull possibbiltà li jitressaq rikors għal annullament anki meta dawn il-gruppi u entitajiet kienu s-suġġett ta' miżuri restrittivi Komunitarji.

[…]

32      Skond il-prinċipji identifikati fil-punt 28 aktar 'il fuq, [Osman] Ocalan, persuna fiżika, huwa intitolat li juri, permezz ta' kull prova disponibbli, li huwa qiegħed jaġixxi b'mod validu f'isem il-persuna legali, il-PKK, li tagħha huwa jallega li huwa r-rappreżentant. Madankollu, dawn il-provi għandhom minn ta' l-anqas juru li l-PKK verament kellu l-intenzjoni li jressaq dan ir-rikors u li l-PKK ma ntużax bħala strument minn persuna terza, anki jekk din kienet, jekk ikun il-każ, waħda mill-membri tiegħu.

33      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fil-kuntest ta' dan l-eżami ta' l-ammissibbiltà tar-rikors, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tiddeċiedi dwar jekk verament jeżistix il-PKK. Il-kwistjoni li tqum fil-kuntest ta' dan l-eżami hija strettament limitata għal jekk Osman Ocalan għandux il-kapaċità li jressaq rikors f'isem il-PKK.

34      Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li r-rikors huwa formalment imressaq minn [Osman] Ocalan, f'isem ('on behalf') il-PKK.

35      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsostnu b'mod ferm li l-PKK kien ġie xolt f'April 2002. Barra minn hekk, skond ix-xhieda mogħtija minn [Osman] Ocalan bħala anness mar-rikors, il-Kungress tal-PKK, wara li ħabbar ix-xoljiment tiegħu, adotta, fl-istess ħin, id-dikjarazzjoni li "l-attivitajiet kollha mwettqa f'isem il-PKK għandhom [mil-lum 'il quddiem] jiġu kkunsidrati bħala illeġittimi".

36      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li fl-ebda parti mill-kitbiet tar-rikorrenti [Osman] Ocalan ma jissemma b'xi mod ieħor għajr bħala rappreżentant tal-PKK. B'mod partikolari, qatt ma ġie allegat li huwa jista' jkollu xi tip ta' interess individwali fl-annullament tad-deċiżjonijiet [2002/334 u 2002/460].

37      Ir-rikorrenti, mhux talli ma jipprovawx il-kapaċità ġuridika ta' [Osman] Ocalan sabiex jirrappreżenta lill-PKK, iżda jsostnu, għall-kuntrarju, li dan ta' l-aħħar m'għadux jeżisti. Issa, mhuwiex possibbli li jiġi aċċettat li persuna legali li m'għadhiex teżisti, jekk tiġi preżunta bħala tali, tista' taħtar rappreżentant b'mod validu.

38      L-impossibbiltà li jiġi aċċettat li [Osman] Ocalan jirrappreżenta b'mod validu lill-PKK hija msaħħa wkoll mix-xhieda tiegħu stess fis-sens li kull azzjoni f'isem il-PKK kellha tkun illeġittima wara April 2002. Skond din ix-xhieda, l-azzjoni li [Osman] Ocalan jippretendi li qiegħed jieħu f'isem il-PKK kienet ġiet iddikjarata bħala illeġittima mill-mandant tiegħu stess.

39      Għaldaqstant, ir-rikorrenti jqiegħdu lill-Qorti tal-Prim'Istanza quddiem is-sitwazzjoni paradossali fejn il-persuna fiżika meqjusa li tirrappreżenta persuna legali mhux biss mhijiex kapaċi turi li hija qiegħda tirrappreżentaha b'mod validu iżda, barra minn hekk, tesponi r-raġunijiet għalxiex hija ma tistax tirrappreżentaha.

40      Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-ineżistenza ta' rimedji oħra, dan l-argument ma jistax iwassal sabiex jintlaqa' r-rikors ta' kwalunkwe persuna li tkun tixtieq tiddefendi l-interessi ta' persuna terza.

41      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza jkollha tikkonstata li [Osman] Ocalan, bl-awtorità tiegħu stess, ressaq rikors f'isem il-PKK. Għaldaqstant, ir-rikors imressaq minn [Osman] Ocalan f'isem il-PKK huwa inammissibbli."

19     Fir-rigward tar-rikors imressaq minn Serif Vanly f'isem il-KNK, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li kien inammissibbli minħabba l-motivi segwenti:

" 43      […] il-KNK diġà kkontesta d-Deċiżjoni 2002/334 fir-rikors tiegħu rreġistrat bin-numru T-206/02. Għaldaqstant, minħabba l-identiċità bejn is-suġġett, il-kawża u l-partijiet, dan ir-rikors, inkwantu huwa mressaq mill-KNK kontra d-Deċiżjoni 2002/334, huwa inammissibbli minħabba l-eċċezzjoni ta' lis alibi pendens.

         […]

45      Fir-rigward tar-rikors imressaq kontra d-Deċiżjoni 2002/460 mill-KNK, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li assoċjazzjoni mwaqqfa sabiex tippromwovi l-interessi kollettivi ta' kategorija ta' persuni ma tistax titqies li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, minn att li jolqot l-interessi ġenerali ta' din il-kategorija u, għaldaqstant, ma tistax tressaq rikors għal annullament meta l-membri tagħha ma jkunux jistgħu jagħmlu dan b'mod individwali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 1962, Fédération nationale de la boucherie en gros et du commerce en gros des viandes et vs Il-Kunsill, 19/62 sa 22/62, Ġabra p. 943, 960, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2001, Hamburger Hafen- und Lagerhaus et vs Il-Kummissjoni, T-69/96, Ġabra p. II-1037, punt 49).

46      F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skond l-Artikolu 7(A) tal-Karta Kostituzzjonali tal-KNK, l-għan ta' dan ta' l-aħħar huwa li jsaħħaħ l-unità u l-kooperazzjoni bejn il-Kurdi fil-partijiet kollha tal-Kurdistan u li jsostni l-ġlieda tagħhom fid-dawl ta' l-interessi superjuri tan-nazzjon Kurd. Għaldaqstant, il-KNK għandu jitqies li huwa assoċjazzjoni mwaqqfa sabiex tippromwovi l-interessi kollettivi ta' kategorija ta' persuni.

47      Din il-konklużjoni hija kkorroborata wkoll mill-argument tar-rikorrenti li l-inklużjoni tal-PKK fil-lista għandha 'effetti demoralizzanti' fuq il-kapaċità tal-KNK li jilħaq dan il-għan. Skond il-ġurisprudenza mfakkra aktar 'il fuq, il-KNK ma jistax ikun ikkonċernat individwalment minħabba din ir-raġuni.

48      Sussegwentament, għandu jiġi vverifikat jekk il-KNK jistax jinvoka l-fatt li wieħed jew diversi mill-membri tiegħu jistgħu jressqu rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni [2002/460].

49      Fir-rigward tal-PKK, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, billi jallegaw li dan ta' l-aħħar m'għadux jeżisti, jirrikonoxxu, minn ta' l-anqas, li l-PKK m'għadux membru tal-KNK. F'dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat li s-sħubija fil-passat ta' persuna f'assoċjazzjoni tippermetti lil din ta' l-aħħar li tinvoka d-dritt ta' azzjoni eventwali ta' din il-persuna. Fil-fatt, jekk raġunament bħal dan jiġi aċċettat, assoċjazzjoni tkun qiegħda tingħata dritt perpetwu sabiex tressaq azzjoni u dan minkejja l-fatt li din l-assoċjazzjoni ma tistax tibqa' tippretendi li qiegħda tirrappreżenta l-interessi ta' l-ex membru tagħha.

50      Fir-rigward tal-KADEK, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt, essenzjalment, li dan, membru potenzjali tal-KNK, intlaqat mid-Deċiżjoni 2002/460 safejn ma jistax jissieħeb fil-KNK. Anki jekk jiġi preżunt li l-KADEK seta' kien intitolat jikkontesta d-Deċiżjoni 2002/460 fid-data ta' meta tressaq dan ir-rikors, sitwazzjoni li tidher possibbli, b'mod partikolari jekk seta' jitqies li huwa s-suċċessur fid-dritt u/jew fil-fatt tal-PKK, il-KNK ma jistax jinvoka s-sħubija tal-KADEK fl-organizzazzjoni tiegħu, peress li huwa ma jagħmilx parti minnha.

51      Finalment, ir-rikorrenti jallegaw li l-KNK kif ukoll il-membri tiegħu b'mod ġenerali huwa kkonċernati individwalment minħabba li l-attivitajiet tagħhom huma ristretti minħabba l-biża li l-assi tagħhom jiġu ffriżati minħabba kollaborazzjoni ma' entità imniżżla fil-lista in kwistjoni. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-projbizzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni [2002/460] fir-rigward tat-tqegħid ta' fondi għad-dispożizzjoni tal-PKK għandha portata ġenerali safejn hija indirizzata lill-persuni kollha suġġetti għad-dritt tal-Komunità Ewropea. Id-Deċiżjoni [2002/460] hija applikabbli għalhekk għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u tinvolvi effetti ġuridiċi fir-rigward ta' kategoriji ta' persuni kkunsidrati b'mod ġenerali u astratt (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 1982, Alusuisse Italia vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 307/81, Ġabra p. 3463, punt 9).

52      Għandu jiġi mfakkar li persuna fiżika jew legali tista' tippretendi li hija kkonċernata individwalment minn att ta' portata ġenerali biss jekk hija affetwata minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' April 1995, CCE de Vittel et vs Il-Kummissjoni, T-12/93, Ġabra p. II-1247, punt 36). Issa, il-KNK u l-membri tiegħu huma marbuta jirrispettaw il-projbizzjoni stabbilita mid-Deċiżjoni [2002/460] fir-rigward tal-PKK l-istess bħall-persuni l-oħra kollha fil-Komunità. Il-fatt li, minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħhom, il-KNK u l-membri tiegħu aktarx iħossu l-effetti ta' din il-projbizzjoni aktar minn persuni oħra mhuwiex ta' natura li jiddistingwihom minn kull persuna oħra fil-Komunità. Fil-fatt, il-fatt li att ta' portata ġenerali jista' jkollu effetti konkreti differenti għad-diversi persuni li għalihom huwa applikabbli l-att mhuwiex ta' natura li jiddistingwihom fir-rigward tal-persuni l-oħra kollha kkonċernati, sakemm dan l-att jiġi applikat abbażi ta' sitwazzjoni ddeterminata oġġettivament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Frar 2000, ACAV et vs Il-Kunsill, T-138/98, Ġabra p. II-341, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

[…]

56      Peress li l-KNK ma jistax jinvoka l-fatt li wieħed mill-membri tiegħu jista' jressaq rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni [2002/460], għandu jiġi konkluż li l-KNK mhuwiex ikkonċernat individwalment minn din ta' l-aħħar.

57      Għaldaqstant, ir-rikors, safejn imressaq mill-KNK kontra d-Deċiżjoni 2002/460, huwa inammissibbli."

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

20     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta' Mejju 2005, Osman Ocalan, f'isem il-PKK, u Serif Vanly, f'isem il-KNK, ressqu appell kontra d-digriet ikkontestat. Huma qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-imsemmi digriet u tiddikjara ammissibbli r-rikors imressaq minn Osman Ocalan f'isem il-PKK u minn Serif Vanly f'isem il-KNK, kif ukoll li tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-proċedura dwar l-ammissibbiltà.

21     F'anness ma' l-appell tagħhom, ir-rikorrenti jissottomettu dikjarazzjoni magħmula fid-9 ta' Mejju 2005 minn Mark Muller, wieħed mill-avukati li qegħdin jirrappreżentawhom f'din il-proċedura, li hija miktuba kif ġej:

"1.      Jiena, Mark Muller, qiegħed bil-preżenti nikkonferma li jiena nirrappreżenta lil Abdullah Ocalan fi proċedura pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

2.      Matul dik il-proċedura kollha, jiena żort b'mod regolari lil [Abdullah] Ocalan fil-ħabs fuq il-gżira ta' Imrali fit-Turkija. Jiena nikkonferma li, qabel l-introduzzjoni ta' dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, [Abdullah] Ocalan inkarigani nikkontesta l-proskrizzjoni tal-PKK fl-Ewropa. Barra minn hekk, jiena kelli l-okkażjoni niltaqa', fl-Ewropa, ma' rappreżentanti oħra f'pożizzjoni għolja tal-PKK u ta' l-organizzazzjoni li allegatament ħadet postu, il-KADEK. Għal darb'oħra, jiena ġejt inkarigat immexxi din il-proċedura.

3.      Sabiex jiġu rrispettati r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jiena tlabt li jinkiseb mandat min-naħa ta' Osman Ocalan, li f'dak iż-żmien kien rappreżentant f'pożizzjoni għolja kemm ta' l-organizzazzjoni li qabel kienet magħrufa bl-isem ta' PKK u kemm tal-KADEK.

4.      Li kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza talbet xi kjarifiki dwar din il-kwistjoni, jiena kont immedjatament nieħu miżuri sabiex nikseb il-provi kollha meħtieġa sabiex nikkonferma l-affermazzjonijiet preċedenti. Jiena ma kkunsidrajtx li dan kien meħtieġ peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet aċċettat il-mandat li kien ġie prodott u kienet innotifikat ir-rikors lill-konvenut."

22     Il-Kunsill qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell taż-żewġ rikorrenti bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat, sabiex jekk ikun il-każ tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u sabiex tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

23     Il-Kummissjoni u r-Renju Unit, intervenjenti fl-ewwel istanza, ma ssottomewx osservazzjonijiet bil-miktub.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-appell imressaq minn Osman Ocalan f'isem il-PKK

24     Osman Ocalan, li qiegħed jaġixxi f'isem il-KPP (aktar 'il quddiem l-"ewwel rikorrent"), iressaq seba' motivi in sostenn ta' l-appell imressaq minnu. Jaqbel li l-ewwel nett jiġi eżaminat ir-raba' motiv.

 Fuq ir-raba' motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

25     Permezz tar-raba' motiv tiegħu, l-ewwel rikorrent isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat l-elementi ta' provi li huwa ppreżenta fir-rigward tax-xoljiment tal-PKK. Minn qari b'attenzjoni tad-dikjarazzjoni ta' Osman Ocalan ippreżentata lill-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistax jiġi konkluż li l-PKK kien ġie xolt għall-iskopijiet kollha, inkluż għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-proskrizzjoni tiegħu. Għall-kuntrarju, Osman Ocalan, f'dik id-dikjarazzjoni, jirreferi sistematikament għaż-żamma ta' l-eżistenza tal-PKK u għall-ħolqien min-naħa tiegħu ta' organizzazzjoni alleata, il-KADEK. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat l-element ta' prova dwar ix-xoljiment tal-PKK u dwar l-eżistenza tiegħu.

26     Il-Kunsill jallega, prinċipalment, li r-raba' motiv huwa inammissibbli minħabba li, minn naħa, jikkonsisti f'repetizzjoni ta' l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, jikkonċerna konstatazzjoni ta' fatt magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, jiġifieri li l-PKK ma setax ħatar b'mod validu lil Osman Ocalan bħala r-rappreżentant tiegħu għall-finijiet tal-proċedura fl-ewwel istanza.

27     Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li dan il-motiv huwa manifestament infondat.

28     L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat espressament, fil-punt 33 tad-digriet ikkontestat, li ma kienx ir-rwol tagħha li tiddeċiedi dwar jekk il-PKK jeżistix verament. Il-kwistjoni, li għaliha l-Qorti tal-Prim'Istanza wieġbet fin-negattiv, kienet sempliċement jekk Osman Ocalan kellux il-kapaċità li jressaq rikors f'isem il-PKK.

29     Kienu r-rikorrenti stess li ppreċiżaw li l-PKK kien ġie uffiċjalment xolt. Il-punt 16 tad-dikjarazzjoni ta' Osman Ocalan mehmuża mar-rikors ta' l-ewwel istanza jindika b'mod ċar li l-attivitajiet kollha mwettqa f'isem il-PKK kellhom jiġu kkunsidrati bħala illeġittimi wara l-4 ta' April 2002.

30     It-tieni nett, l-allegazzjonijiet ta' l-ewwel rikorrent huma konfużi minn diversi aspetti. Per eżempju, fil-punt 25 ta' l-appell, huwa ppreċiżat li Osman Ocalan qiegħed iressaq ir-rikors f'isem organizzazzjoni li għadha teżisti u li sa dak il-mument kienet magħrufa bl-isem PKK. Din id-dikjarazzjoni tagħti x'tifhem li r-rikors huwa fil-fatt imressaq f'isem organizzazzjoni oħra, li mhijiex indikata, li m'għadhiex il-PKK innifsu. Madankollu, ir-rikors ma jindikax liema organizzazzjoni oħra tista' tkun involuta.

31     Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet eżami dettaljat ta' l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti. Il-Kunsill iqis li l-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 37 sa 41 tad-digriet ikkontestat, jiġifieri li l-PKK ma setax jaħtar rappreżentant b'mod validu, hija ġġustifikata fid-dawl ta' l-elementi ta' prova li kellha quddiemha u jsostni li l-ewwel rikorrent, fil-kuntest ta' dan l-appell, ma invoka l-ebda argument ġdid li jista' joħloq xi dubju dwar din il-konklużjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell ikun inammissibbli meta, mingħajr ma jkun jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta' dritt li bih tkun ivvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b'kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Għall-kuntrarju, meta rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-punti ta' dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mil-ġdid matul il-proċedura ta' appell. Fil-fatt, li kieku rikorrenti ma tkunx tista' tibbaża l-appell tagħha fuq il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ntużaw quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta' Ġunju 2006, Storck vs L-UASI, C-25/05 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 u 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33     Ir-raba' motiv isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta kkunsidrat li Osman Ocalan kien sostna l-inkapaċità tal-PKK li jressaq rikors. Dan il-motiv jinvolvi kritika dettaljata tad-digriet ikkontestat. Barra minn hekk, dan il-motiv jikkonċerna konstatazzjoni li saret mill-Qorti tal-Prim'Istanza fid-digriet ikkontestat b'tali mod li ma setax jitqajjem fl-ewwel istanza.

34     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kunsill li r-raba' motiv għandu jiġi miċħud minħabba li jammonta għal repetizzjoni ta' l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza mhuwiex fondat u għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

35     Fir-rigward ta' l-argument tal-Kunsill li r-raba' motiv huwa inammissibbli minħabba li jikkonċerna konstatazzjoni ta' fatt magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istadju ta' l-appell huma ammissibbli lmenti dwar il-konstatazzjoni ta' fatti u dwar l-evalwazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata meta r-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-elementi fil-proċess tal-kawża jew li dik il-Qorti żnaturat l-elementi ta' prova li kienu ġew sottomessi quddiemha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-24 ta' Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C-82/01 P, Ġabra p. I-9297, punt 56). Issa, dan huwa eżattament il-każ f'din il-kawża.

36     Għaldaqstant, il-motiv huwa ammissibbli.

37     Fir-rigward tal-fondatezza ta' dan il-motiv, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturatx l-elementi ta' prova. Kif l-Avukat Ġenerali indikat fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, żnaturazzjoni bħal din teżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal elementi ta' prova ġodda, l-evalwazzjoni ta' l-elementi ta' prova eżistenti tidher manifestament żbaljata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta' April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 54).

38     Fid-dawl ta' dan il-kriterju, għandu jiġi osservat li l-elementi ta' prova li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward ta' l-eżistenza tal-PKK jinkludu d-dikjarazzjoni ta' Osman Ocalan annessa mar-rikors fl-ewwel istanza, il-mandat li dan ta lill-avukati sabiex jirrappreżentaw lill-ewwel rikorrent, il-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill u d-dikjarazzjoni ta' Serif Vanly, ukoll annessa ma' l-imsemmi rikors.

39     Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' Osman Ocalan, fiha huwa jesponi, fil-punt 1, li "il-PKK kien u jibqa' organizzazzjoni politika ta' importanza ċentrali għall-poplu Kurd".

40     Fil-punt 11 ta' din (l-istess) dikjarazzjoni, Osman Ocalan jiddikjara:

"F'Lulju 1999, il-PKK iddikjara waqfien mill-ġlied unilaterali. L-għan ta' dan il-waqfien kien li tintlaħaq soluzzjoni demokratika u paċifika għall-kwistjoni tad-drittijiet tal-Kurdi. Il-PKK iddikjara li l-attivitajiet kollha ta' ġlied kellhom jieqfu sakemm tingħata ordni ġdida."

41     Il-punti 15 sa 19 ta' din l-istess dikjarazzjoni huma miktuba kif ġej:

"15.      [It-tmien Kungress tal-PKK, li nżamm bejn l-4 u l-10 ta' April 2002,] iddeskriva lill-PKK bħala l-isem simboliku tal-moviment 'Apoist' ['Apo' huma terminu użat sabiex jidentifika lil Abdullah Ocalan] matul il-perijodu tal-qawmien nazzjonali u tar-reżistenza Kurda. Dan il-kungress iddikjara wkoll li l-PKK kien jissimbolizza l-ispirtu nazzjonali, il-kuxjenza u l-identità Kurdi.

16.      Dan il-kungress iddeċieda li, sabiex jiġu riflessi l-bidliet kbar magħmula fil-PKK, l-attivitajiet kollha eżerċitati taħt l-isem ta' 'PKK' għandhom jieqfu fl-4 ta' April 2002 u l-attivitajiet kollha mwettqa f'isem il-PKK għandhom jiġu kkunsidrati bħala illeġittimi.

17.      Dan il-kungress iddeċieda li jsegwi l-iżviluppi li kienu saru b'mod ippjanat minn wara l-waqfien mill-ġlied [ta' l-1999] u wara l-okkażjoni tas-seba' Kungress. ['Il-proġett għall-paċi' li jinkorpora l-pożizzjoni tal-PKK kif adottata matul is-seba' Kungress ta' l-10 ta' Jannar 2000 huwa anness ma' din id-dikjarazzjoni.]

18.      Ġiet adottata kostituzzjoni ġdida li bidlet l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-PKK u li esponiet l-istrateġija tal-moviment Apoist. Organizzazzjoni ta' koordinazzjoni kellha tiġbor id-diversi organizzazzjonijiet li kellhom jinħolqu f'partijiet tal-Kurdistan u fil-pajjiżi tal-madwar. Għaldaqstant, ġie deċiż li jitwaqqaf il-[KADEK].

19.      Ġie elett kumitat ta' ġestjoni ġdid u Abdullah Ocalan ġie elett bħala president tal-KADEK."

42     Aktar milli jiddikjara x-xoljiment tal-PKK, dan it-test pjuttost jafferma li l-PKK progressivament abbanduna l-metodi ta' azzjoni vjolenti favur metodi ta' azzjoni oħra. Osman Ocalan jesponi b'mod partikolari li l-PKK iddikjara waqfien mill-ġlied unilaterali f'Lulju 1999, ipparteċipa fi "proġett għall-paċi" matul is-seba' Kungress tiegħu, li nżamm fl-10 ta' Jannar 2000, u ddeċieda, matul it-tmien Kungress tiegħu, li nżamm bejn l-4 u l-10 ta' April 2002, li jwaqqaf "l-attivitajiet kollha" mill-4 ta' April 2002. Moqrija fil-kuntest tagħhom, dawn il-kliem "l-attivitajiet kollha" jistgħu sempliċement jirreferu għall-abbandun, min-naħa tal-PKK, ta' l-attivitajiet vjolenti kollha tiegħu.

43     Barra minn hekk, mill-punti 18 u 19 tad-dikjarazzjoni ta' Osman Ocalan jirriżulta li l-istruttura kif ukoll l-organizzazzjoni tal-PKK sempliċement inbidlu u li l-PKK baqa' jeżisti bl-isem tal-KADEK, dejjem b'Abdullah Ocalan bħala president.

44     Bl-istess mod, il-verb "jibqa'" użat fil-punt 1 ta' l-imsemmija dikjarazzjoni jindika li l-PKK baqa' jeżisti.

45     Fi kwalunkwe każ, fl-ebda parti mid-dikjarazzjoni tiegħu Osman Ocalan ma jiddikjara espressament li t-tmien Kungress tal-PKK iddikjara x-xoljiment tiegħu.

46     Għaldaqstant, meta tinqara fl-intier tagħha, din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi leġittimament interpretata fis-sens li tafferma x-xoljiment sħiħ tal-PKK.

47     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mandat mogħti lill-avukati sabiex jirrappreżentaw lill-ewwel rikorrent, Osman Ocalan jippreċiża, fil-mandat stess, li dan il-mandat kien "f'isem l-organizzazzjoni li qabel kienet magħrufa bl-isem ta' PKK" ("on behalf of the organisation formerly known as the PKK"). Issa, din l-espressjoni tindika biss bidla fl-isem u mhux ix-xoljiment tal-PKK.

48     Fit-tielet lok, fir-rigward tal-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill, jidher li, minn wara t-2 ta' April 2004, id-deċiżjonijiet li suċċessivament ħadu post id-Deċiżjonijiet 2002/334 u 2002/460 jiddeskrivu lill-PKK bħala: "Il-Partit tal-Ħaddiema Kurdi (PKK) (a.k.a. KADEK, a.k.a. KONGRA-GEL)" [ara, b'mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/306/KE, tat-2 ta' April 2004, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar certi miżuri restrittivi speċifiċi mmirati lejn ċerti persuni u entitajiet bil-ħsieb li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/902/KE (ĠU L 99, p. 28)]. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill iqis li l-PKK għadu jeżisti, iżda b'ismijiet oħra.

49     Fl-aħħar lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' Serif Vanly, president tal-KNK, annessa mar-rikors fl-ewwel istanza, għalkemm huwa minnu li dan jirreferi f'din id-dikjarazzjoni għax-xoljiment tal-PKK, huma jagħmel dan, madankollu, fil-kuntest ta' l-estratt segwenti:

"Mill-ħolqien tal-KNK, il-PKK dejjem kien organizzazzjoni membru tiegħu. Il-PKK beda u mexxa l-ħolqien tal-KNK u minn dak iż-żmien kien element influwenti importanti fi ħdan il-KNK, bl-għanijiet u l-obbjettivi tiegħu fuq l-istess linji bħal dawk tal-KNK. Il-PKK ma baqax membru uffiċjali tal-KNK wara x-xoljiment tiegħu f'April 2002. Madankollu, l-organizzazzjoni li ħarġet mill-PKK, KADEK, qiegħda titlob li tissieħeb fil-KNK. Il-president onoraju tal-KNK għadu Abdullah Ocalan."

50     Issa, dan l-estratt ma jimponix il-konklużjoni li l-PKK ma baqax jeżisti kompletament f'April 2002. Fil-fatt, moqri fl-intier tiegħu, dan it-test pjuttost jissuġġerixxi li l-PKK żamm ċerta eżistenza wara dan iż-żmien f'forma riorganizzata u b'isem ieħor. Id-dikjarazzjoni ta' Serif Vanly, għaldaqstant, ma tikkontradixxix l-elementi ta' prova l-oħra li għadhom kemm ġew eżaminati.

51     Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni li, "skond ix-xhieda mogħtija minn [Osman] Ocalan bħala anness mar-rikors, il-Kungress tal-PKK […] ħabbar ix-xoljiment tiegħu", li tinsab fil-punt 35 tad-digriet ikkontestat, hija ineżatta u kuntrarja għat-termini tad-dikjarazzjoni ta' Osman Ocalan li għaliha tirreferi din il-konstatazzjoni.

52     Bl-istess mod, l-istqarrija, fil-punt 37 tad-digriet ikkontestat, li, "[i]r-rikorrenti, mhux talli ma jipprovawx il-kapaċità ġuridika ta' [Osman] Ocalan sabiex jirrappreżenta lill-PKK, iżda jsostnu, għall-kuntrarju, li dan ta' l-aħħar m'għadux jeżisti" mhijiex konformi ma' l-elementi ta' prova li kellha quddiemha l-Qorti tal-Prim'Istanza.

53     Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ta' fatt li jinsabu fil-punti 35 u 37 tad-digriet ikkontestat huma ineżatti u jikkostitwixxu żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova li kienu għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Minn dan jirriżulta li r-raba' motiv huwa fondat.

54     Minn dan isegwi li d-digriet ikkontestat għandu jiġi annullat safejn jiddikjara bħala inammissibbli r-rikors ta' l-ewwel rikorrent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati minnu.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq minn Serif Vanly f'isem il-KNK

55     Serif Vanly, li qiegħed jaġixxi f'isem il-KNK (aktar 'il quddiem it-"tieni rikorrent"), iqajjem żewġ motivi in sostenn ta' l-appell imressaq minnu (it-tmien u d-disa' motivi).

 Fuq it-tmien motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

56     Permezz tat-tmien motiv, it-tieni rikorrent ifakkar li, fid-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li r-rikors ma kienx ammissibbli safejn kien imressaq mill-KNK minħabba li dan ta' l-aħħar ma kienx ikkonċernat individwalment, fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, mid-Deċiżjoni 2002/460. It-tieni rikorrent iqis li dan il-kriterju huwa wisq restrittiv f'sitwazzjoni fejn huma involuti drittijiet fundamentali ggarantiti taħt il-KEDB. Huwa jsostni li l-kriterju ta' l-ammissibbiltà, f'kuntest bħal dan, għandu jiġi applikat b'mod aktar wiesa', b'konformità mal-kriterji ta' ammissibbiltà stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex ma jingħalaqx l-aċċess għal rimedju effettiv.

57     It-tieni rikorrent iqis li, jekk f'din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-rikors tal-KNK huwa inammissibbli, filwaqt li fl-istess ċirkustanzi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet tikkonkludi li rikors imressaq quddiemha huwa ammissibbli, it-tieni rikorrent ikun imċaħħad minn rimedju effettiv li għandu dritt għalih, jiġifieri r-rikors intiż sabiex jiġi eżaminat jekk ir-Regolament Nru 2580/2001 u d-Deċiżjoni 2002/460 jippreġudikawx id-drittijiet fundamentali tiegħu kif ifformulati fil-KEDB. Iċ-ċaħda ta' eżami bħal dan meta jeżistu argumenti raġonevoli u ammissibbli taħt il-KEDB tikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 13 ta' din il-Konvenzjoni inkwantu r-rimedji li għalihom it-tieni rikorrent għandu dritt ikunu purament u sempliċement miċħuda.

58     Il-Kunsill josserva li t-tieni rikorrent mhuwiex ifittex li jipprova li l-Qorti tal-Prim'Istanza applikat b'mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, kif interpretati mill-ġurisprudenza Komunitarja, meta ddeċidiet li l-KNK ma kienx ikkonċernat individwalment mid-Deċiżjoni 2002/460. Fil-verità, it-tieni rikorrent qiegħed jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinjora d-dispożizzjonijiet tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, kif interpretati mill-ġurisprudenza Komunitarja, u minflokhom tadotta d-dispożizzjonijiet dwar il-kapaċità ta' persuna li tressaq rikors previsti fil-KEDB.

59     Safejn dan il-motiv jikkonċerna l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li t-tieni rikorrent ma kienx ikkonċernat individwalment, fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, mid-Deċiżjoni 2002/460, il-Kunsill iqis li t-tieni rikorrent ma invokax argumenti ġodda fl-appell u li, għaldaqstant, din il-parti ta' l-appell hija inammissibbli. Sussidjarjament, il-Kunsill jallega li din il-parti ta' l-appell mhijiex fondata peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza debitament applikat ġurisprudenza stabbilita.

60     Safejn dan il-motiv jiżviluppa argument abbażi tal-KEDB, il-Kunsill iqis li dan l-argument huwa inammissibbli fl-istadju ta' l-appell peress li ma kienx is-suġġett ta' trattazzjoni bejn il-partijiet fl-ewwel istanza u peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ppronunzjatx ruħha fir-rigward tiegħu. Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li dan l-argument mhuwiex fondat peress li l-Unjoni Ewropea u l-Komunità joffru protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ekwivalenti għal dik assigurata mill-KEDB.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61     Fir-rigward ta' l-ammissibbiltà ta' dan il-motiv, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 42(2) ta' l-istess Regoli, li fil-prinċipju jipprojbixxi l-produzzjoni ta' motivi ġodda matul il-kawża, huwa applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li s-suġġett tagħha jkun appell kontra deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-kuntest ta' appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-eżami ta' l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-motivi li kienu ġew diskussi quddiemha (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, IPK-München vs Il-Kummissjoni, C-199/01 P u C-200/01 P, Ġabra p. I-4627, puunt 52).

62     Fl-ewwel istanza, il-Kunsill qajjem, fl-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà tiegħu, motiv ibbażat fuq l-argument li t-tieni rikorrent ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE. Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, it-tieni rikorrent wieġeb li din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata b'tali mod li huwa jiġi kkunsidrat li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. F'dan il-kuntest, it-tieni rikorrent sostna, fost affarijiet oħra, li rimedju effettiv huwa meħtieġ fil-każ ta' att maħruġ mill-istituzzjonijiet Komunitarji li jikser id-drittijiet fundamentali u d-dritt Komunitarju. Permezz tad-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-argumenti tat-tieni rikorrent mingħajr ma ppronunzjat ruħha, madankollu, fuq il-kunsiderazzjoni li r-rikors li kellha quddiemha kien jikkonċerna d-difiża tad-drittijiet fundamentali tat-tieni rikorrent.

63     Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE u l-applikazzjoni tiegħu għas-sitwazzjoni tat-tieni rikorrent ġew diskussi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza matul il-proċedura fl-ewwel istanza. Dan il-motiv huwa intiż li jikkontesta b'mod dettaljat l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' din id-dispożizzjoni fir-rigward tat-tieni rikorrent. Minn dan isegwi li dan il-motiv mhuwiex motiv ġdid li l-produzzjoni tiegħu fl-istadju ta' l-appell hija projbita mill-Artikoli 42(2) u 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

64     Fil-kuntest ta' motiv li huwa ammissibbli, huwa fil-prinċipju r-rikorrent li għandu jiżviluppa l-argumenti in sostenn ta' dan il-motiv kif huwa jidhirlu xieraq, jew billi jibbaża ruħu fuq argumenti użati diġà quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jew billi jiżviluppa argumenti ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Jekk ikun mod ieħor, il-proċedura ta' appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Storck vs L-UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65     Minn dan isegwi li t-tieni rikorrent mhuwiex obbligat isostni dan il-motiv esklużivament b'argumenti ġodda dwar l-interpretazzjoni tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE mill-ġurisprudenza Komunitarja. L-argument tal-Kunsill f'dan is-sens mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

66     Fir-rigward ta' l-ammissibbiltà ta' l-argumenti bbażati fuq il-KEDB, mid-dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, fil-kuntest ta' appell, ir-rikorrent jista' jinvoka kwalunkwe argument rilevanti bl-unika kundizzjoni iżda li l-appell ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Kuntrarjament għal dak li jallega l-Kunsill, ma jeżisti l-ebda obbligu li kull argument invokat fil-kuntest ta' l-appell irid ikun ġie diskuss qabel fl-ewwel istanza. Restrizzjoni f'dan is-sens ma tistax tiġi aċċettata peress li jkollha l-effett li ċċaħħad lill-proċedura ta' appell minn parti importanti tas-sens tagħha.

67     Peress li huwa evidenti li dan il-motiv ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-argument tal-Kunsill dwar l-ammissibbiltà ta' dan il-motiv safejn jirreferi għall-KEDB mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

68     Minn dan jirriżulta li dan il-motiv huwa ammissibbli fl-intier tiegħu.

69     Fir-rigward tal-fondatezza ta' dan il-motiv, it-tieni rikorrent isostni li huwa kkonċernat mid-Deċiżjonijiet 2002/334 u 2002/460 safejn, b'mod partikolari, il-KNK jikkostitwixxi pjattaforma rappreżentattiva għall-PKK u għal kull organizzazzjoni oħra li preżumibbilment ħaditlu postu.

70     Skond ġurisprudenza stabbilita, konnessjoni bħal din mhijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li entità hija kkonċernata individwalment fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, assoċjazzjoni li tirrappreżenta kategorija ta' persuni fiżiċi jew legali ma tistax titiqes bħala kkonċernata individwalment, fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni, minn att li jolqot l-interessi ġenerali ta' din il-kategorija (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Fédération nationale de la boucherie en gros et du commerce en gros des viandes et vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, p. 960, u d-digriet tal-5 ta' Novembru 1986, UFADE vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 117/86, Ġabra p. 3255, punt 12).

71     Barra minn hekk, it-tieni rikorrent isostni li l-KNK jieħu r-riskju li l-fondi tiegħu jiġu ffriżati, b'applikazzjoni tad-deċiżjonijiet 2002/334 u 2002/460, jekk ikollu x'jaqsam mal-PKK.

72     Skond ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew legali tista' tippretendi li hija kkonċernata individwalment minn att ta' portata ġenerali biss jekk hija affetwata minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, p. 223, u tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 36).

73     Issa, għalkemm il-KNK jirriskja li l-fondi tiegħu jiġu ffriżati, dan huwa minħabba projbizzjoni ddefinita oġġettivament li tolqot bl-istess mod lill-persuni kollha suġġetti għad-dritt Komunitarju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-KNK ma jistax jippretendi li huwa kkonċernat individwalment mid-deċiżjonijiet 2002/334 u 2002/460, fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

74     Meta kkonkludiet, b'mod partikolari fil-punti 45, 46, 51 u 52 tad-digriet ikkontestat, li l-KNK ma kienx ikkonċernat individwalment fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet applikazzjoni eżatta ta' din id-dispożizzjoni, kf interpretata mill-ġurisprudenza.

75     Madankollu, it-tieni rikorrent jargumenta li r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, interpretat b'dan il-mod, jimponi kundizzjoni ta' ammissibbiltà li tant hija restrittiva li mhijiex konformi mal-KEDB.

76     Id-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura r-rispett tagħhom. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom. F'dan ir-rigward, il-KEDB għandha sinjifikat partikolari (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 71, u tas-27 ta' Ġunju 2006, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill, C-540/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).

77     Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) UE jipprovdi li:

"L-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-[KEDB] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità."

78     Huwa f'dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat dan l-argument.

79     Skond l-Artikolu 34 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista' tirċievi rikorsi minn kull persuna fiżika, kull organizzazzjoni mhux governattiva jew kull grupp ta' individwi li jallegaw li huma vittma ta' ksur minn waħda mill-Partijiet Kontraenti Għolja tad-drittijiet irrikonoxxuti fil-KEDB.

80     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 34 tal-KEDB jeżiġi, bħala regola ġenerali, li, sabiex jikkwalifika bħala vittma fis-sens ta' dan l-artikolu, rikorrent irid jallega li kien il-vittma ta' ksur tal-KEDB li diġà seħħ (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Klass et vs Il-Ġermanja, tas-6 ta' Settembru 1978, serje A Nru 28, § 33). Huwa biss f'ċirkustanzi verament eċċezzjonali li r-riskju ta' ksur fil-futur jista' madankollu jikkonferixxi fuq rikorrent il-kwalità ta' vittma ta' ksur tal-KEDB (ara l-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiżjoni Noël Narvii Tauira et vs Franza ta' l-4 ta' Diċembru 1995, rikors Nru 28204/95, Deċiżjonijiet u rapporti (DR) 83-A, p. 112, 130). Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li persuni li jallegaw li huma marbuta ma' entità mniżżla fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, iżda li ma jkunux inklużi huma stess, m'għandhomx il-kwalità ta' vittmi ta' ksur tal-KEDB fis-sens ta' l-Artikolu 34 tagħha u li, għaldaqstant, ir-rikorsi tagħhom huma inammissibbli (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiżjoni Segi et u Gestoras Pro-Amnistia et vs Il-15-il Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Mejju 2003, rikorsi Nri 6422/02 u 9916/02, Ġabra ta' sentenzi u deċiżjonijiet 2002-V).

81     Issa, is-sitwazzjoni tal-KNK hija komparabbli ma' dik tal-persuni marbuta ma' l-entitajiet Segi u Gestoras Pro-Amnistia msemmija aktar 'il fuq. Fil-fatt, il-KNK mhuwiex imniżżel fil-lista in kwistjoni u għaldaqstant mhuwiex suġġett għall-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 2580/2001.

82     F'dawn iċ-ċirkustanzi jidher li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-istat li tinsab bħalissa, tindika li l-KNK ma jistax jistabbilixxi li huwa għandu l-kwalità ta' vittma fis-sens ta' l-Artikolu 34 tal-KEDB u, għaldaqstant, ma jistax iressaq rikors quddiem dik il-qorti.

83     Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, jirriżulta li m'hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-KEDB u r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

84     Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq id-disa' motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

85     It-tieni rikorrent isostni li l-punt 49 tad-digriet ikkontestat huwa vvizzjat minn żball safejn huwa bbażat fuq l-ipoteżi li l-PKK m'għadux jeżisti b'tali mod li ġiet deċiża minn qabel kwistjoni ta' mertu sabiex jiġi miċħud argument dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

86     Il-Kunsill josserva li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ppronunzjatx ruħha dwar jekk il-PKK jeżistix verament. Sabiex tiddetermina jekk il-KNK setax jinvoka l-fatt li wieħed jew diversi mill-membri tiegħu għandhom locus standi sabiex iressqu rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, din il-Qorti sempliċement ikkonstatat li, billi allega li l-PKK m'għadux jeżisti, it-tieni rikorrent, minn ta' l-anqas, irrikonoxxa li l-PKK m'għadux membru tal-KNK.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87     Mill-punti 69 sa 82 ta' din is-sentenza jirriżulta li l-KNK la huwa kkonċernat individwalment mid-Deċiżjonijiet 2002/334 u 2002/460 fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE u lanqas ma huwa vittma tagħhom fis-sens ta' l-Artikolu 34 tal-KEDB u dan irrispettivament mill-fatt li l-PKK effettivament jeżisti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza affermat b'mod żbajlat li l-PKK ma jeżistix fl-ebda każ ma' jista' jwassal għall-annullament tad-digriet ikkontestat fir-rigward tat-tieni rikorrent.

88     Għaldaqstant, dan il-motiv huwa mingħajr effett.

89     Minn dan jirriżulta li l-appell tat-tieni rikorrent mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

90     Peress li t-tieni rikorrent tilef fuq il-motivi tiegħu, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż ta' l-appell imressaq minnu, skond l-Artikoli 69(2) u 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

91     Skond it-tieni sentenza ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-Qorti tista', fil-każ ta' l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, taqta' definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ fil-kawża bejn l-ewwel rikorrent u l-Kunsill fir-rigward ta' l-ammissibbiltà tar-rikors.

92     Il-Kunsill jinvoka żewġ motivi in sostenn tat-talba tiegħu li r-rikors ta' l-ewwel rikorrent għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Minn naħa, safejn jikkonċerna d-Deċiżjoni 2002/334, dan ir-rikors tressaq wara li skadew it-termini allokati. Min-naħa l-oħra, il-PKK m'għandux il-kapaċità li jkun parti fi proċedimenti ġudizzjarji peress li m'għadux jeżisti.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

93     Skond il-Kunsill, it-terminu allokat sabiex jitressaq rikors kontra d-Deċiżjoni 2002/334 kien jiskadi fid-29 ta' Lulju 2002. Il-verżjoni oriġinali tar-rikors kienet ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Lulju 2002. Għaldaqstant, ir-rikors, safejn jikkonċerna din id-deċiżjoni, tressaq wara t-terminu allokat.

94     Il-Kummissjoni, intervenjenti fl-ewwel istanza, sostniet dan ir-raġunament tal-Kunsill u żiedet li l-inammissibbiltà tar-rikors imressaq kontra d-Deċiżjoni 2002/334 timplika l-inammissibbiltà tar-rikors kontra d-Deċiżjoni 2002/460 peress li din ta' l-aħħar kienet biss deċiżjoni li tikkonferma l-ewwel waħda.

95     L-ewwel rikorrent iwieġeb li r-rappreżentanti tiegħu huma konvinti li huma ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza l-verżjoni oriġinali tar-rikors, flimkien ma’ ħames kopji, fl-24 ta' Lulju 2002, anki jekk ippreżentaw verżjoni oriġinali sabiex jissostitwixxu l-ewwel verżjoni oriġinali fil-31 ta' Lulju 2002. F'dawn iċ-ċirkustanzi, u safejn huma involuti drittijiet fundamentali, jekk l-ewwel rikorrent ma jitħalliex jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2002/334 ikun qiegħed jiġi applikat formaliżmu inadegwat.

96     Fi kwalunkwe każ, skond l-ewwel rikorrent, id-Deċiżjoni 2002/460 hija deċiżjoni awtonoma li ġiet ikkontestata fit-termini allokati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97     Id-Deċiżjoni 2002/334 ġiet adottata fit-2 ta' Mejju 2002 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-3 ta' Mejju 2002. Minbarra t-terminu ta' xahrejn sabiex jitressaq rikors għal annullament previst fil-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni terminu ta' erbatax-il jum li jiddekorri mid-data ta' pubblikazzjoni ta' l-att ikkontestat, skond l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, u terminu fiss ta' għaxart ijiem mogħti għal raġunijiet ta' distanza, skond l-Artikolu 102(2) ta' l-istess Regoli. L-aħħar jum tat-terminu stabbilit skond dawn ir-regoli huwa s-27 ta' Lulju 2002. Peress li dan il-jum kien is-Sibt, l-iskadenza tat-terminu sabiex jitressaq rikors ġie pprorogat għat-tmiem tat-Tnejn 29 ta' Lulju 2002, skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 101(2) ta' l-imsemmija Regoli.

98     L-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza jeżiġi li għandhom jiġu ppreżentati l-oriġinali ta' l-atti kollha tal-proċedura.

99     Mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li kienu biss kopji mingħajr l-oriġinal li ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Lulju 2002. Anki jekk l-ewwel rikorrent jafferma li r-rappreżentanti tiegħu ppreżentaw l-oriġinal tar-rikors flimkien mal-kopji ppreżentati f'dak il-jum, huwa ma jippreżenta l-ebda prova ta' dan. Barra minn hekk, it-test ta' l-oriġinal ippreżentat fil-31 ta' Lulju 2002 għandu numru ta' differenzi meta mqabbel mal-kopji ppreżentati fl-24 ta' Lulju 2002. Għandu jiġi kkonstatat li l-oriġinal tar-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Lulju 2002, kif juri t-timbru magħmul mir-Reġistru.

100   Peress li l-oriġinal tar-rikors ma ġiex ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-termini mitluba, ir-rikors ta' l-ewwel rikorrent, safejn imressaq kontra d-Deċiżjoni 2002/334, huwa inammissibbli.

101   Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-fatt, allegat mill-ewwel rikorrent, li huma involuti drittijiet fundamentali. Fil-fatt, ir-regoli dwar it-termini sabiex jitressaq rikors huma regoli ta' ordni pubbliku u għandhom jiġu applikati mill-Qorti b'mod li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-persuni quddiem il-liġi.

102   Mill-banda l-oħra, hemm qbil li l-ewwel rikorrent ikkontesta d-Deċiżjoni 2002/460 fit-termini mogħtija.

103   Kif ikkonkludiet ġustament il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 44 tad-digriet ikkontestat, din id-deċiżjoni hija deċiżjoni ġdida fir-rigward tad-Deċiżjoni 2002/334. Fil-fatt, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kull deċiżjoni li tirrevedi l-lista in kwistjoni tirriżulta minn eżami ġdid, min-naħa tal-Kunsill, tas-sitwazzjoni tal-persuni, gruppi jew entitajiet imsemmija.

104   Minn dan jirriżulta li d-Deċiżjoni 2002/460 mhijiex sempliċement konferma tad-Deċiżjoni 2002/334 u li l-inammissibbiltà tar-rikors safejn huwa mressaq kontra d-Deċiżjoni 2002/334 ma tipprekludix lill-ewwel rikorrent milli jikkontesta d-Deċiżjoni 2002/460.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

105   Il-Kunsill isostni li l-PKK m'għandux il-kapaċità li jressaq rikors għal annullament peress li, skond id-dikjarazzjonijiet ta' l-ewwel rikorrent stess, il-PKK kien ġie xolt. L-ineżistenza tiegħu tidher mill-fatt li m'għandux karti bl-isem u bl-indirizz tiegħu stampati fuqhom. Fil-fatt, il-mandat mogħti lill-avukati sabiex jirrappreżentawh huwa sempliċement stabbilit fuq karta mingħajr ebda marka bil-firma ta' Osman Ocalan.

106   L-ewwel rikorrent jallega, minn naħa, li huwa ma ddikjarax li l-PKK kien ġie xolt u, min-naħa l-oħra, li l-PKK għad għandu minn ta' l-anqas kapaċità residwa suffiċjenti sabiex jikkontesta l-inklużjoni tiegħu fil-lista in kwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107   Kif ġie kkonstatat fil-punti 38 sa 52 ta' din is-sentenza, l-elementi ta' prova disponibbli huma intiżi sabiex jindikaw li l-PKK ma kienx ġie xolt matul il-Kungress tiegħu bejn l-4 u l-10 ta' April. Fil-fatt, mill-eżami ta' dawn l-elementi ta' prova, jidher li l-PKK baqa' jopera wara dan il-kungress, probabbilment taħt forma organizzata mill-ġdid u b'ismijiet oħra.

108   Anki jekk il-kamp ta' attivitajiet tal-PKK wara l-4 ta' April 2002 ma jistax jiġi ddefinit bi preċiżjoni perfetta fid-dawl ta' l-imsemmija elementi, huwa ċert, fi kwalunkwe każ, li l-PKK żamm eżistenza suffiċjenti sabiex jikkontesta l-inklużjoni tiegħu fil-lista in kwistjoni.

109   Fil-fatt, il-Komunità Ewropea hija komunità ta' dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità ta' l-atti tagħhom mat-Trattat KE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt li minnhom jagħmlu parti d-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku Komunitarju peress li d-dritt għal protezzjoni bħal dan jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Dan id-dritt ġie rrikonoxxut ukoll fl-Artikoli 6 sa 13 tal-KEDB (ara s-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punti 38 sa 39).

110   L-effikaċja ta' din il-protezzjoni ġudizzjarja hija aktar u aktar importanti minħabba li l-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament Nru 2580/2001 jinvolvu konsegwenzi gravi. Mhux biss kull operazzjoni finanzjarja u kull servizz finanzjarju huma preklużi fir-rigward tal-persuni, gruppi jew entitajiet koperti minn dan ir-regolament, iżda r-reputazzjoni u l-azzjoni politika tagħhom huma ppreġudikati mill-fatt li huma kkwalifikati bħala terroristi.

111   Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, moqri flimkien ma' l-Artikolu 1(4) sa (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, persuna, grupp jew entità jistgħu jiġu inklużi fil-lista in kwistjoni jekk ikun hemm ċerti elementi probatorji biss u bil-kundizzjoni li dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet jiġu identifikati b'mod preċiż. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat li l-isem ta' persuna, grupp jew entità jista' jinżamm fuq l-imsemmija lista biss permezz ta' eżami perijodiku ġdid tas-sitwazzjoni tagħhom mill-Kunsill. Dawn l-elementi kollha għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa minn qorti.

112   Minn dan jirriżulta li, jekk, permezz tad-Deċiżjoni 2002/460, il-leġiżlatur Komunitarju qies li l-PKK kien baqagħlu eżistenza suffiċjenti sabiex ikun is-suġġett tal-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament Nru 2580/2001, il-koerenza u l-ġustizzja jimponu li għandu jiġi rrikonoxxut li din l-entità għad baqgħalha eżistenza suffiċjenti sabiex tikkontesta din il-miżura. Kull konklużjoni oħra jkollha bħala riżultat li organizzazzjoni tista' tiġi inkluża fil-lista in kwistjoni mingħajr ma tkun tista' tressaq rikors kontra din l-inklużjoni.

113   Sabiex jiġi aċċettat rikors imressaq f'isem organizzazzjoni bħal din, huwa meħtieġ li jintwera li l-organizzazzjoni kkonċernata verament għandha l-intenzjoni li tressaq ir-rikors u li l-avukati li allegatament jirrappreżentawha verament ingħataw mandat għal dan il-għan.

114   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari l-Artikolu 38 tagħhom, u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod partikolari l-Artikolu 44 tagħhom, ma kinux maħsuba sabiex jipprovdu għall-introduzzjoni ta' rikors minn organizzazzjonijiet li m'għandhomx personalità legali, bħalma huwa l-PKK. F'din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, ir-regoli proċedurali dwar l-ammissibbiltà ta' rikors għal annullament għandhom jiġu applikati billi jiġu adattati safejn ikun meħtieġ għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Kif il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat ġustament fil-punt 28 tad-digriet ikkontestat, f'dan il-każ huwa meħtieġ li jiġi evitat formaliżmu eċċessiv li jista' jwassal sabiex tiġi mċaħħda kull possibbiltà li jitressaq rikors għal annullament anki meta l-entità in kwistjoni kienet is-suġġett ta' miżuri restrittivi Komunitarji.

115   Minn dan isegwi li Osman Ocalan huwa intitolat li juri permezz ta' kwalunkwe mezz ta' prova li huwa qiegħed jaġixxi b'mod validu f'isem il-PKK li tiegħu huwa jippretendi li huwa r-rappreżentant.

116   Fir-rigward tal-validità tar-rappreżentazzjoni tal-PKK minn Osman Ocalan, jirriżulta dubju mill-fatt li, fil-mandat li huwa ta lill-avukati, huwa jippreżenta lilu nnifsu bħala ex membru tal-PKK, mingħajr xi titolu ta' leġittimazzjoni ieħor sabiex jirrappreżenta lil dan ta' l-aħħar.

117   Madankollu, fil-kuntest ta' l-appell, l-ewwel rikorrent issottometta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dikjarazzjoni ta' Mark Muller, avukat, li hija intiża li tilleġittima l-imsemmi mandat. Kif ikkonfermat fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-12 ta' Mejju 2005, Abdullah Ocalan vs It-Turkija (rikors Nru 46221/99, li għadha ma ġietx ippubblikata), Mark Muller jirrappreżenta quddiem dik il-Qorti lil Abdullah Ocalan, li kien il-kap tal-PKK u li ilu f'ħabs fit-Turkija mill-1999. Mark Muller jiddikjara li, matul żjara li huwa għamel lil Abdullah Ocalan fil-ħabs, dan ta' l-aħħar inkarigah jikkontesta l-proskrizzjoni tal-PKK fl-Ewropa. Mark Muller jiddikjara wkoll li diversi rappreżentanti oħra li jinsabu f'pożizzjonijiet għolja fil-KPP u fis-suċċessur tiegħu, il-KADEK, inkarigawh imexxi l-proċedura mibdija bir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

118   Barra minn hekk, Mark Muller jiddikjara li, meta ffirma l-mandat mogħti lill-avukati sabiex jippreżentaw dan ir-rikors, Osman Ocalan kien rappreżentant f'pożizzjoni għolja kemm tal-PKK u kemm tal-KADEK.

119   Dawn id-dikjarazzjonijiet, magħmula minn membru ta' l-avukatura ta' wieħed mill-Istati Membri, suġġett bħala tali għal kodiċi ta' etika professjonali, huma biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, sabiex jistabbilixxu li Osman Ocalan huwa kkwalifikat sabiex jirrappreżenta lill-PKK u b'mod partikolari sabiex jagħti mandat lil avukati sabiex jaġixxu f'isem dan ta' l-aħħar.

120   Din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mill-argument tal-Kunsill dwar in-nuqqas ta' karti bl-isem u bl-indirizz tal-KPP stampati fuqhom.

121   Huwa minnu li fil-każ ta' persuna legali stabbilita taħt id-dritt privat huwa normali li l-mandat mogħti lill-avukati tagħha jkun ippreżentat fuq karta bl-isem u bl-indirizz tagħha stampati fuqhom, għalkemm dan mhuwiex mitlub mid-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti tal-Prim'Istanza. Madankollu, fil-każ ta' organizzazzjoni li mhijiex stabbilita skond ir-regoli ġuridiċi normalment applikabbli għall-persuni legali, l-importanza probatorja ta' dan l-element hija minima.

122   F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li Osman Ocalan huwa awtorizzat jirrappreżenta lill-PKK u jagħti mandat lil avukati għal dan il-għan.

123   Minn dan isegwi li r-rikors ta' l-ewwel rikorrent huwa ammissibbli safejn huwa mressaq kontra d-Deċiżjoni 2002/460. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

124   Peress li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex titkompla l-proċedura fir-rigward ta' l-ewwel rikorrent, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati fir-rigward tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Frar 2005, PKK u KNK vs Il-Kunsill (T-229/02) huwa annullat safejn jiċħad ir-rikors ta' Osman Ocalan f'isem il-Kurdistan Workers' Party (PKK).

2)      Il-bqija ta' l-appell huwa miċħud.

3)      Serif Vanly, f'isem il-Kurdistan National Congress (KNK), huwa kkundannat ibati l-ispejjeż ta' l-appell imressaq minnu.

4)      Ir-rikors ta' Osman Ocalan, f'isem il-PKK, huwa miċħud bħala inammissibbli safejn huwa mressaq kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/334/KE, tat-2 ta' Mejju 2002, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927/KE.

5)      Ir-rikors ta' Osman Ocalan, f'isem il-PKK, huwa ammissibbli safejn huwa mressaq kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/460/KE, tas-17 ta' Ġunju 2002, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/334/KE. Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu.

6)      L-ispejjeż ta' Osman Ocalan f'isem il-PKK huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.