SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta' Jannar 2007(*)

“Kuntratti pubbliċi –Direttiva 93/37/KE – Attribuzzjoni mingħajr sejħa għall-offerti – Ftehim ta’ twettiq ta' operazzjoni ta' żvilupp bejn żewġ awtoritajiet kuntrattar – Kunċetti ta' "kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet" u ta' "xogħol" – Modalitajiet ta' kalkolu tal-valur tal-kuntratt”

Fil-kawża C-220/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal administratif ta' Lyon (Franza), permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Mejju 2005, fil-kawża

Jean Auroux et,

vs

Commune de Roanne,

fil-preżenza ta':

Société d’équipement du département de la Loire (SEDL),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' April 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Jean Auroux et, minn J. Antoine, avocat,

–       għall-commune de Roanne, minn P. Petit u C. Xavier, avocats,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑C. Niollet, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–       għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54) kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE tat-13 ta' Ottubru 1997 (ĠU L 328, p.1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' rikors għall-annullament imressaq minn J. Auroux u tmien rappreżentanti oħra (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti fil-kawża prinċipali") kontra r-riżoluzzjoni tat-28 ta' Ottubru 2002 tal-kunsill muniċipali tal-commune de Roanne, li tawtorizza s-sindku tagħha jiffirma mas-Société d’équipement du département de la Loire (iktar 'il quddiem is-"SEDL") kuntratt għat-twettiq ta' ċentru ta' rikreazzjoni f'Roanne.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       Skond it-tieni premessa tad-Direttiva, "[…] l-ksib simultanju tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li tipprovdi servizz li għandu x'jaqsam mal-kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi mogħtija fi Stat Membru f'isem l-Istat, jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew korpi oħra mmexxija mil-liġi pubblika jinvolvi mhux biss it-tneħħija ta' restrizzjonijiet imma wkoll il-koordinament ta' proċeduri nazzjonali għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi".

4       Mis-sitt premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-kuntratti ta’ xogħlijiet ta’ anqas minn EUR 5 miljuni jistgħu jiġu eżenti mill-kompetizzjoni kif ipprovdut f’din id-Direttiva u li l-miżuri ta’ koordinament m'għandhomx japplikaw għalihom;

5       Skond l-għaxar premessa tad-Direttiva, "biex jiġi assigurat progress ta’ kompetizzjoni effettiva fil-kamp ta’ kuntratti pubbliċi, huwa meħtieġ li avviżi ta’ kuntratti magħmula minn awtoritajiet ta’ kuntrattar ta’ l-Istati Membri jiġu rriklamati fil-Komunità". Din l-istess premessa żżid li "l-informazzjoni f’dawn l-avviżi għandha tagħti l-opportunità lill-kuntratturi stabbiliti fil-Komunità li jiddeċiedu jekk il-kuntratti proposti huma ta’ interess għalihom".

6       L-Artikolu 1(a) sa (d) tad-Direttiva jipprevedi:

"Għall-għanijiet ta’ din id-Direttva:

a)      'kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi' ifissru kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn il-kuntrattur u l-awtorità ta’ kuntrattar kif definit f’(b), li għandhom bħala għan tagħhom jew l-attwazzjoni, jew l-attwazzjoni u d-disinn, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Anness II jew xogħol definit f’(ċ) taħt, jew l-attwazzjoni, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet speċifikati mill-awtorità ta’ kuntrattar;

b)      'awtoritajiet ta’ kuntrattar' għandhom ikunu l-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi mmexxija mill-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar awtoritajiet jew korpi mmexxija mil-liġi pubblika;

[…]

c)      'xogħol' ifisser ir-riżultat ta’ bini jew inġinerija ċivili, xogħlijiet kunsidrati bħala sħaħ li jilħqu funzjoni ekonomika u teknika;

d)      'konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi' huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal dak indikat f’(a) bl-eċċezzjoni tal-fatt li l-konsiderazzjoni biex isiru x-xogħlijiet tikkonsisti jew biss fid-dritt li jesplojtja l-kostruzzjoni jew bħal dan id-dritt flimkien mal-ħlas".

7       L-"attivitajiet imsemmija fl-Anness II", imsemmija fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, huma l-attivitajiet ta' bini u ta' inġinerija ċivili fil-klassi 50 tan-nomenklatura ġenerali ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Kumunitajiet Ewropej. Fost dawn l-attivitajiet tinsab espressament il-kategorija tal-kostruzzjoni ta' immobbli.

8       L-Artikolu 6 tad-Direttiva jiddisponi:

"1.      Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

a)      kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi li l-valur stmat tagħhom nett mit-taxxa ta’ valur miżjud (VAT) ma jkunx inqas mill-ekwivalenti f’[EUR] 5000000 dritt speċjali ta’ ġbid (SDRs);

b)      kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) li l-valur stmat tagħhom nett mill-VAT ma jkunx inqas minn [EUR] 5000000.

[…]

3.       Meta xogħol ikun maqsum f’diversi lottijiet, b’kuntratt għal kull wieħed, il-valur ta’ kull lott għandu jittieħed f’akkont għall-kalkolu ta’ l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1. Meta il-valur globali tal-lottijiet huwa anqas minn l-ammont msemmi fil-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu għandhom japplikaw għal-lottijiet kollha. L-awtoritajiet ta’ kuntrattar għandhom ikollhom il-permess li jitbiegħdu mid-dispożizzjonijiet għal-lottijiet li l-istima tal-valur nett ta’ VAT tagħhom hija anqas minn [EUR] 1000000, basta li l-istima tal-valur totali tal-lottijiet kollha eżentati ma taqbiżx, konsegwentement, il-20 % ta’ l-istima tal-valur totali tal-lottijiet kollha.

4.      L-ebda xogħol jew kuntratt ma jista’ jinqasam bl-intenzjoni li jevita l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

5.      Meta jiġu kkalkulati l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 7, għandu jittieħed akkont mhux biss ta’ l-ammont tal-kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi imma wkoll l-istima tal-valur tal-provvisti meħtieġa biex isir ix-xogħol mogħtija lil kuntrattur mill-awtorità ta’ kuntrattar.

6.       L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-kuntratturi varji."

 Id-dritt nazzjonali

9       Fiż-żmien tal-fatti, l-Artikolu L. 300-4 tal-code de l’urbanisme (Kodiċi ta’ l-Urbaniżmu), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 2000-1208 tat-13 ta' Diċembru 2000 (JORF ta' l-14 ta' Diċembru 2000, p. 19777), kien jiddisponi:

"L-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew l-istabbilimenti pubbliċi tagħhom jistgħu jagħtu l-istudju u t-twettiq ta' operazzjonijiet ta' żvilupp previsti minn dan il-ktieb lil kull persuna pubblika jew privata xierqa għal dan"

Meta jsir ftehim ma' stabbiliment pubbliku, kumpannija semipubblika lokali ddefinita mil-liġi Nru 83-597 tas-7 ta' Lulju 1983, jew kumpannija semipubblika li jkollha iktar min-nofs tal-kapital tagħha miżmum minn waħda jew mid-diversi persuni segwenti: Stati, reġjuni, départements, communes jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, dan jista' jieħu l-forma ta' ftehim pubbliku ta' żvilupp. F'dan il-każ, il-korp kontraenti jista' jingħata l-akkwisti permezz ta' esproprjazzjoni jew ta' prelazzjoni, it-twettiq ta' l-operazzjonijiet u azzjonijiet ta' żvilupp u installazzjoni li jikkontribwixxu għall-operazzjoni globali li hija s-suġġett tal-ftehim pubbliku ta' żvilupp.

Il-korpi msemmija fis-subparagrafu preċedenti jistgħu jiġu inkarigati mill-istudji preliminari neċessarji għad-definizzjoni tal-karatteristiċi ta’ l-operazzjoni fil-kuntest ta' kuntratt ta' mandat li jawtorizzahom jistipulaw kuntratti ta' studji f'isem u għan-nom tar-reġjun jew ta' l-assoċjazzjonijiet ta' reġjuni.

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tat-Titolu II tal-Liġi Nru 93-122 tad-29 ta' Jannar 1993, dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u dwar it-trasparenza tal-ħajja ekonomika u tal-proċeduri pubbliċi mhumiex applikabbli għall-ftehim pubbliċi ta' żvilupp stabbiliti skond dan l-Artikolu.

Il-ftehim pubbliku ta' żvilupp jista' jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom il-korp kontraenti jkun assoċjat ma' l-istudji dwar l-operazzjoni u b'mod partikolari mar-reviżjoni jew mal-bidla tal-pjan lokali ta' urbaniżmu."

10     Wara l-ftuħ mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta' proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Franċiża, l-Artikolu L. 300-4 tal-code de l’urbanisme ġie emendat mil-liġi Nru 2005-809 ta' l-20 ta' Lulju 2005, dwar il-konċessjonijiet ta' żvilupp (JORF tal-21 ta' Lulju 2005, p. 11833), b'dan il-mod:

"L-Istat u l-awtoritajiet reġjonali, kif ukoll l-istabbilimenti pubbliċi tagħhom, jistgħu jikkonċedu t-twettiq ta' l-operazzjonijiet ta' żvilupp previsti minn dan il-ktieb lil kull persuna approprjata għal dan l-iskop.

L-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet ta' żvilupp hija suġġetta minn dak li jagħti l-konċessjoni għal proċedura ta' riklamar li tippermetti l-preżentazzjoni ta' diversi offerti kompetittivi, taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-digriet tal-Conseil d’État.

Il-kunċessjonarju għandu jassigura l-kompetenza teknika tax-xogħlijiet u l-installazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-operazzjoni prevista fil-konċessjoni, kif ukoll it-twettiq ta' l-istudji u tax-xogħlijiet neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni tagħhom. Jista' jiġi inkarigat minn min jagħti l-konċessjoni li jakkwista beni neċessarji għat-twettiq ta' l-operazzjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, permezz ta' esproprjazzjoni jew ta' prelazzjoni. Huwa jipproċedi għall-bejgħ, għall-kiri jew għall-konċessjoni ta' beni immobbli li jinsabu fil-perimetru tal-konċessjoni."

11     L-Artikolu 11 ta' l-imsemmija Liġi Nru 2005-809 jiddisponi:

"Bla ħsara għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li mhumiex appellabbli, huma validi, meta l-legalità tagħhom tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-fatt li qabel in-nomina tal-persuna li ngħatat l-iżvilupp tat-territorju ma saritx proċedura ta' riklamar li tippermetti l-preżentazzjoni ta' diversi offerti kompetittivi:

1°      Il-konċessjonijiet ta' ppjanar, il-ftehim pubbliċi ta' żvilupp u l-ftehim ta' żvilupp iffirmati qabel il-pubblikazzjoni ta' din il-liġi".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Permezz ta' riżoluzzjoni tat-28 ta' Ottubru 2002, il-kunsill muniċipali tal-commune de Roanne awtorizza lis-sindku tiegħu jiffirma mas-SEDL ftehim għat-twettiq ta' ċentru ta' rikreazzjoni (iktar 'il quddiem il-"ftehim").

13     Il-ftehim, konkluż fil-25 ta' Novembru 2002, jipprevedi t-twettiq ta' ċentru ta' rikreazzjoni f'fażijiet suċċessivi. L-ewwel fażi tinkludi l-kostruzzjoni ta' kumpless ċinematografiku u ta' bini kummerċjali biex jingħata lil terzi, kif ukoll xogħlijiet intiżi sabiex jingħataw lill-awtorità ta' kuntrattar, jiġfieri parkeġġ kif ukoll toroq ta' aċċess u żoni pubbliċi. Il-fażijiet ta' wara, li jinvolvu l-konklużjoni ta' emenda fil-ftehim, jirrigwardaw essenzjalment il-kostruzzjoni ta' bini kummerċjali ieħor jew ta' servizzi u ta' lukanda.

14     Skond il-preambolu tal-ftehim, permezz ta' din l-operazzjoni, il-commune de Roanne għandu l-ħsieb li tbiddel is-settur urban li mhuwiex vjabbli u jiffavorixxi l-iżvilupp tar-rikreazzjoni u tat-turiżmu.

15     Skond l-Artikolu 2 tal-ftehim, is-SEDL ingħatat l-inkarigu, b'mod partikolari, li tipproċedi għall-akkwist ta' immobbli, li torganizza kompetizzjoni ta' arkitettura u/jew ta' inġenjerija, li tipproċedi għal studji, li twettaq xogħlijiet ta' kostruzzjoni, li tistabbilixxi u li taġġorna ċerti dokumenti kontabbli u amministrattivi, li tfittex il-fondi, li tistabbilixxi mezzi effikaċi biex tassigura l-kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet, kif ukoll li tassigura b'mod ġenerali l-amministrazzjoni u l-koordinazzjoni ta' l-operazzjoni u l-informazzjoni tal-commune.

16     Mit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 10 tal-ftehim jirriżulta li kull attribuzzjoni tax-xogħlijiet mis-SEDL lil terzi hija suġġetta għall-prinċipji ta' pubbliċità u t-tqegħid fil-kompetizzjoni previsti mill-code des marchés publics (Kodiċi tax-Xogħlijiet Pubbliċi) taħt l-Artikolu 48.1 tal-Liġi Nru 93-122, tad-29 ta' Jannar 1993 (JORF tat-30 ta' Jannar 1993).

17     Skond il-bilanċ provviżorju anness mal-ftehim, huwa previst li l-ammont totali tad-dħul jammonta għal EUR 10227103 għat-twettiq ta' l-ewwel fażi ta' l-operazzjoni u għal EUR 14268341 għat-twettiq komplet ta' l-operazzjoni. Minn dan l-aħħar ammont, ammont ta' EUR 2925000 ser joħorġu mill-belt bħala korrispettiv tat-trasferiment tal-parkeġġ. Huwa stmat, barra minn hekk, li s-SEDL ser tikseb EUR 8099000 bħala korrispettiv tat-traferiment ta' xogħlijiet intiżi għal terzi. Fl-aħħar nett, hemm stipulat li l-commune de Roanne ser jikkontribwixxi għall-finanzjament tax-xogħlijiet kollha li għandhom jitwettqu għal total li jammonta għal EUR 2443103 għall-ewwel fażi u għal EUR 3034341 għax-xogħlijiet kollha.

18     Mill-Artikoli 22 sa 25 tal-ftehim jirriżulta li, meta dan jiskladi, is-SEDL għandha tagħmel bilanċ ta' l-għeluq li għandu jiġi approvat mill-commune de Roanne. Kull bilanċ pożittiv li jidher fil-karta tal-bilanċ għandu jitħallas lill-commune de Roanne. Barra minn hekk, dan ta' l-aħħar isir awtomatikament proprjetarju ta' l-artijiet u x-xogħlijiet kollha intiżi li jiġu ttrasferiti lil terzi u li għadhom ma nbiegħux mill-ġdid. Il-commune de Roanne għandu jassigura wkoll l-eżekuzzjoni tal-kuntratti kurrenti, bl-esklużjoni tal-kuntratti ta' xogħol u għandu jassumi d-djun magħmul mis-SEDL.

19     Permezz ta' rikors ippreżentat quddiem it-tribunal administratif ta' Lyon fil-11 ta' Diċembru 2002, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors għall-annullament tar-riżoluzzjoni tal-kunsill muniċipali tat-28 ta' Ottubru 2002. F'dan ir-rikors, huma jikkontestaw il-validità ta' l-imsemmija riżoluzzjoni kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali kif ukoll fir-rigward tad-dritt Komunitarju. Għal dak li jikkonċerna dan ta' l-aħħar, huma sostnew li l-konklużjoni ta' l-ftehim kellha tkun ippreċeduta minn miżura ta' riklamar u tqiegħid fil-kompetizzjoni skond l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva.

20     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal administratif ta' Lyon iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      Ftehim, li bih awtorità ta' kuntrattar tinkariga awtorità ta' kuntrattar oħra sabiex twettaq, bil-għan ta' interess ġenerali, operazzjoni ta' żvilupp, li fil-kuntest tiegħu t-tieni awtorità ta' kuntrattar tagħti lil ta’ l-ewwel xogħlijiet intiżi sabiex jissodisfaw l-eżiġenzi tagħha, u li meta dan jiskadi l-ewwel awtorità ta' kuntrattar ssir awtomatikament proprjetarja ta' l-artijiet u tax-xogħlijiet li ma jkunux ġew ittrasferiti lil terzi, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva […]?

2)      Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda, għall-evalwazzjoni ta' l-imsemmi limitu ta' 5000000 [DTS] stabbilit mill-Artikolu 6 ta' din l-istess Direttiva, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni biss il-prezz imħallas bħala korrispettiv tat-trasferiment ta' xogħlijiet lill-ewwel awtorità ta' kuntrattar, jew it-total ta' dan il-prezz u l-kontribuzzjonijiet imħallsa, anki jekk dawn huma biss parzjalment allokati għat-twettiq ta' dawn ix-xogħlijiet, jew, finalment, il-valur totali tax-xogħlijiet, peress li l-beni li ma jkunux ġew ittrasferiti qabel l-iskadenza jsiru awtomatikament il-proprjetà ta' l-ewwel awtorità ta' kuntrattar li ssegwi mbagħad l-eżekuzzjoni tal-kuntratti kurrenti u tassumi d-dejn magħmul mit-tieni awtorità ta' kuntrattar?

3)      Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel żewġ domandi, l-ewwel awtorità ta' kuntrattar tista', sabiex tikkonkludi tali ftehim, ma tirrikorrix għall-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi previsti mill-istess Direttiva, minħabba li dan l-kuntratt jista' jingħata lil ċerti persuni ġuridiċi biss u li dawn l-istess proċeduri ser jiġu applikati mit-tieni awtorità ta' kuntrattar għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi tagħha?

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

21     Il-commune de Roanne, kif ukoll il-gvern Franċiż isostnu, preliminarjament, li d-domanda preliminari hija inammissibbli.

22     Il-commune de Roanne isostni li, billi ppromulga l-Liġi Nru 2005-809, il-leġiżlatur Franċiż ivvalida b'mod retroattiv il-kuntratti ta' żvilupp pubbliku li kienu ġew konklużi mingħajr ma ġew ippreċeduti minn proċedura ta' riklamar u ta' tqegħid fil-kompetizzjoni. Peress li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika l-liġi Franċiża u li tqis li l-kuntratt kien ġie vvalidat mill-imsemmija liġi, l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba mhijiex iktar neċessarja sabiex tiġi riżolta l-kawża prinċipali.

23     Il-gvern Franċiż isostni li d-domanda preliminari tikklassifika b'mod żbaljat il-kuntratt in kwistjoni bħala kuntratt ta' żvilupp fis-sens ta' l-Artikolu L. 300-4 tal-code de l’urbanisme, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien meta seħħu l-fatti. Skondu, dan jirrigwarda, fir-realtà, kostruzzjoni ta' xogħlijiet biss. Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk kuntratt li jirrigwarda t-twettiq ta' operazzjoni ta' żvilupp jikkostitwixxix kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva hija irrilevanti, peress li mhijiex relatata mas-suġġett u mar-realtà tal-kawża.

24     Huwa paċifiku li kemm il-commune de Roanne kif ukoll il-gvern Franċiż jikkonkludu li d-domanda preliminari hija inammissibbli peress li hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet relatati ma' l-interpretazzjoni tad-dritt Franċiż u l-klassifikazzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali fir-rigward ta' l-imsemmi dritt.

25     Issa, jekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 234 KE hija bbażata fuq separazzjoni totali bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja u din ta' l-aħħar hija biss kompetenti biex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ atti Komunitarji previsti mill-imsemmi Artikolu. F'dan il-kuntest, huwa biżżejjed li jitfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju hijiex korretta (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta' Ottubru 1974, Demag, 27/74, Ġabra p. 1037, punt 8; tas-16 ta' April 1991, Eurim Pharm, C 347/89, Ġabra p. I 1747, punt 16 u tat-12 ta' Jannar 2006, Turn und Sportunion Waldburg, C-246/04, Ġabra p. I 589, punt 20).

26     Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li għandha tingħata, li għandha tevalwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja. (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 2003, EVN u Wienstrom, C 448/01, Ġabra p. I 14527, punt 74 u tat-12 ta' April 2005, Keller, C 145/03, Ġabra p. I 2529, punt 33). Konsegwentement, minħabba li d-domandi miġjuba għandhom x'jaqsmu ma' l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tiddeċiedi.

27     Minn dan jirriżulta li l-argumenti ta' l-inammissibbiltà mqajma mill-commune de Roanne u mill-gvern Franċiż għandhom jiġu miċħuda u d-domanda preliminari ddikjarata ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

28     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ftehim jikkostitwixxix kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva.

29     Skond id-definizzjoni li tinsab f'din id-dispożizzjoni, il-kuntratti pubbliċi huma kuntratti onerużi konklużi bil-kitba bejn, minn naħa, il-kuntrattur u, min-naħa l-oħra, l-awtorità ta’ kuntrattar fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva, li għandhom bħala għan tagħhom jew l-eżekuzzjoni, jew l-eżekuzzjoni u d-disinn, ta’ xogħlijiet jew xogħol hekk kif iddefinit mid-Direttiva, jew it-twettiq, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi għall-eżiġenzi speċifikati mill-awtorità ta’ kuntrattar.

30     Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-commune de Roanne kif ukoll il-gvern Franċiż u dak Pollakk isostnu li l-ftehim ma jissodisfax din id-definizzjoni u ma jikkostitwixxix, għaldaqstant, kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva.

31     Skond il-commune de Roanne, il-ftehim ma jikkostitwixxix, fir-rigward ta' l-għan tiegħu, kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet, peress, bħala ftehim pubbliku ta' żvilupp, l-għan tiegħu jiżboq it-twettiq ta' xogħlijiet. Fil-fatt, skond id-dritt Franċiż, tali ftehim jirrigwardaw it-twettiq globali ta' proġett urban u ta' ċertu politika urbana fl-elementi tagħhom kollha, b'mod partikolari, l-istabbiliment tal-proġett, it-tmexxija amministrattiva u ġuridika, l-akkwist ta' artijiet permezz ta' esproprjazzjoni u l-istabbiliment ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti.

32     Bl-istess loġika, il-gvern Pollakk josserva li, skond il-ftehim, is-SEDL torbot lillha nfisha li twettaq proġett ta' investiment li fih diversi funzjonijiet. Dan il-gvern jenfasizza, f'dan ir-rigward, li s-SEDL mhijiex il-kuntrattur li ser iwettaq ix-xogħlijiet previsti mill-kuntratt iżda hija torbot lillha nfisha biss li tipprepara u tamministra għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi. Billi jqis li l-element tal-kuntratt l-iktar importanti jikkonsisti fl-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet u fis-sorveljanza tat-twettiq tagħhom, il-gvern Pollakk isostni li l-ftehim għandu jiġi kklassifikat bħala "kuntratt pubbliku ta' servizzi" fis-sens ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p.1).

33     Il-gvern Franċiż isostni li l-parti taċ-ċentru ta' rikreazzjoni li tirrigwarda t-twettiq tax-xogħlijiet li hemm ippjanat li ser jinbiegħu lil terzi ma tikkostitwixxix kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva. Fil-fatt, dan il-gvern iqis li, preċiżament minħabba l-fatt li din il-parti hija intiża għal terzi, din ma tistax tiġi meqjusa li tissodisfa l-eżiġenzi tal-commune. Huwa jżid li l-kostruzzjoni tal-parkeġġ f’isem il-commune de Roanne biss tista', bħala prinċipju, tikkostitwixxi kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet. Issa, l-imsemmija kostruzzjoni lanqas taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, peress li l-parkeġġ ser jiġi ttrasferit lill-commune biss wara li dan jinbena, skond proċedura partikolari prevista mid-dritt Franċiż, imsejħa "vente en l’état futur d’achèvement", b'mod li din tikkonsisti, għaldaqstant, f'akkwist ta' immobbli sempliċi li l-għan tiegħu mhuwiex ix-xogħlijiet, iżda l-bejgħ ta' xogħlijiet li għandhom jinbnew.

34     Il-gvern Litwan u dak Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li l-ftehim jikkostitwixxi kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li, anki kieku l-ftehim jinkludi ċerti xogħlijiet li huma prestazzjonijiet ta' servizzi, l-għan prinċipali ta' dan huwa t-twettiq ta' xogħol li jissodisfa l-eżiġenzi speċifikati mill-awtorità ta' kuntrattar fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) u (c) tad-Direttiva.

35     L-argumenti mqajma mill-commune de Roanne kif ukoll mill-gvern Franċiż u dak Pollakk ma jistgħux jintlaqgħu.

36     Ċertament, huwa minnu li, barra mill-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-ftehim jagħti lis-SEDL karigi addizzjonali li għandhom, bħal ma osservaw diversi partijiet intervenjenti, in-natura ta' prestazzjoni ta' servizzi. Madankollu, għall-kuntrarju ta' dak sostnut mill-commune de Roanne, ma jfissirx li dan huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva minħabba l-fatt li l-ftehim jinkludi elementi oħra barra l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet biss.

37     Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta kuntratt fih kemm elementi li jirrigwardaw kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet kif ukoll elementi li jirrigwardaw tip ieħor ta' kuntratt pubbliku, huwa l-għan prinċipali tal-kuntratt li jiddetermina liema Direttiva Komunitarja ta' kuntratti pubbliċi għandha, bħala prinċipju, tkun applikabbli (ara s-sentenza tad-19 ta' April 1994, Gestión Hotelera Internacional, C‑331/92, Ġabra p. I‑1329, punt 29).

38     Fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' din il-ġurisprudenza f'dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, għall-kuntrarju ta' dak li jsostni l-gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet tiegħu, skond il-ftehim, l-impenn tas-SEDL mhuwiex limitat għall-amministrazzjoni u l-organizzazzjoni tax-xogħlijiet iżda jkopri wkoll it-twettiq tax-xogħlijiet previsti fih. Barra minn hekk, skond ġurisprudenza ferm stabbilita, sabiex tiġi kklassifikata bħala kuntrattur inkarigat minn kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, m'hemmx bżonn li l-persuna li tikkonkludi l-kuntratt ma' awtorità ta' kuntrattar tkun hi stess f'pożizzjoni li twettaq direttament il-prestazzjoni miftehma bir-riżorsi proprji tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-14 ta' April 1994, Ballast Nedam Groep, C‑389/92, Ġabra p. I‑1289, punt 13 u tat-2 ta' Diċembru 1999, Holst Italia, C‑176/98, Ġabra p. I‑8607, punt 26). Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk l-għan prinċipali tal-ftehim huwiex l-eżekuzzjoni ta' xogħol, il-fatt li s-SEDL ma teżegwix hi stess ix-xogħlijiet u teżegwihom permezz ta' subappaltaturi mhuwiex rilevanti.

39     L-argument tal-gvern Franċiż li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 33, l-għan tal-ftehim ma jistax jitqies bħala t-twettiq ta' xogħol li jissodisfa l-eżiġenzi ppreċiżati mill-awtorità tal-kuntrattar, fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, għandu jiġi miċħud.

40     Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika magħmula mill-gvern Franċiż tal-parkeġġ, għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni ta' kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet taqa' fl-ambitu tad-dritt Komunitarju. Peress li l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva ma fiha l-ebda riferiment espressa għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jiddeterminaw is-sens u l-iskop tagħha, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-kuntratt fid-dritt Franċiż mhijiex rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk il-ftehim jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (ara, b'analoġija, is-sentenza ta' l-20 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-264/03, Ġabra p. I-8831, punt 36).

41     Mill-Artikolu 1(c) tad-Direttiva jirriżulta li l-eżistenza ta' xogħol għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-funzjoni ekonomika jew teknika tar-riżultat tax-xogħlijiet imwettqa (ara s-sentenza tas-27 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-187/04 u C-188/04, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26). Hekk kif jirriżulta b'mod ċar mid-diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim, it-twettiq taċ-ċentru ta' rikreazzjoni huwa intiż għall-attivitajiet kummerċjali u ta' servizzi, b'mod li l-ftehim għandu jitqies li jissodisfa funzjoni ekonomika.

42     Barra minn hekk, it-twettiq taċ-ċentru ta' rikreazzjoni għandu jitqies li jissodisfa l-eżiġenzi speċifikati mill-commune de Roanne fil-ftehim. Għandu jiġi enfasizzat li, f'dan ir-rigward, ix-xogħol previst mill-ftehim huwa ċentru ta' rikreazzjoni fl-elementi kollha tiegħu, li jinkludi l-kostruzzjoni ta' kumpless ċinematografiku, postijiet ta' servizzi konnessi mar-rikreazzjoni, parkeġġ u eventwalment lukanda. Minn diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim jirriżulta li, bit-twettiq ta' ċentru ta' rikreazzjoni komplet, il-commune de Roanne qed jipprova jbiddel u jagħti nifs ġdid lid-distrett ta' l-istazzjon.

43     Għal dak li jikkonċerna l-elementi l-oħra li jaqgħu taħt id-definizzjoni "kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet" hekk kif previst fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li mhuwiex ikkontestat li l-commune de Roanne, li huwa awtorità reġjonali, għandu l-kwalità ta' "awtorità ta' kuntrattar" fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva u li jeżisti kuntratt bil-miktub.

44     It-tieni nett, huwa paċifiku li s-SEDL, bħala operatriċi ekonomika attiv fis-suq li impenja ruħu li jwettaq ix-xogħlijiet previsti mill-ftehim, għandha titqies li hija kuntrattur fis-sens tad-Direttiva. Hekk kif inhu mfakkar fil-punt 38 ta' din is-sentenza, il-fatt li s-SEDL tirrikorri għal subappaltaturi sabiex tassigura d-disinn u l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet mhuwiex rilevanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2001, Ordine degli Architetti et, C‑399/98 Ġabra p. I‑5409, punt 90).

45     Fl-aħħar nett, huwa evidenti li l-ftehim kien ġie konkluż taħt ħlas. In-natura tal-ħlas ta' kuntratt tirreferi għall-korrispettiv offert lill-kuntrattur għat-twettiq tax-xogħlijiet previsti mill-awtorità ta' kuntrattar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Ordine degli Architetti et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 77). Skond id-dispożizzjonijiet tal-ftehim, is-SEDL tirċievi ammont mill-commune de Roanne bħala korrispettiv tat-trasferiment tal-parkeġġ. Il-commune timpenja ruħha wkoll li tikkontribwixxi għall-ispejjeż tax-xogħlijiet kollha li għandhom jitwettqu. Fl-aħħar nett, bis-saħħa tal-ftehim, SEDL għandha d-dritt li tiġbor djun ta’ terzi bħala korrispettiv għat-trasferiment tax-xogħlijiet imwettqa.

46     Mill-analiżi tal-ftehim jirriżulta li l-għan prinċipali tiegħu, hekk kif sostnut mill-Kummissjoni, huwa l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet kollha li jwasslu għat-twettiq ta' xogħol fis-sens ta' l-Artikolu 1 (c) tad-Direttiva, jiġifieri ċentru ta' rikreazzjoni. L-elementi ta' servizzi previsti mill-ftehim, bħall-akkwist ta' immobbli, it-tfittxija għall-fondi, l-organizzazzjoni ta' kompetizzjoni ta' arkitettura u/jew ta' inġenjerija, kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni tal-bini, huwa parti mit-twettiq ta' dan ix-xogħol.

47     Fid-dawl ta' dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ftehim li bih awtorità ta' kuntrattar tinkariga awtorità ta' kuntrattar oħra sabiex twettaq xogħol jikkostitwixxi kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, indipendentement mill-fatt li jkun previst jew le li l-ewwel awtorità ta' kuntrattar tkun jew issir il-proprjetarja tax-xogħol kollu, jew parti minnu.

 Fuq it-tieni domanda

48     Permezz tat-tieni domnda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-modalitajiet li jiddeterminaw il-valur tal-kuntratt in kwistjoni, sabiex tiddeċiedi jekk il-limitu previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva ntlaħaqx.

49     Il-qorti tar-rinviju tipproponi tliet bażijiet possibbli għall-kalkolu ta' dan il-limitu. L-ewwel nett, il-valur tal-kuntratt għandu jiġi stabbilit biss abbażi ta' l-ammonti mħallsa mill-awtorità ta' kuntrattar bħala korrispettiv tax-xogħlijiet li ngħatawlha. It-tieni nett, il-valur tal-kuntratt huwa kkostitwit mit-totalità ta' l-ammonti mħallsa mill-awtorità ta' kuntrattar, jiġifieri l-korrispettiv tax-xogħlijiet li ser jingħatawlha kif ukoll il-kontribuzzjoni finanazjarja mħallsa għax-xogħlijiet kollha li għandhom jitwettqu. It-tielet nett, għad-determinazzjoni tal-valur tal-kuntratt għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-valur totali tax-xogħlijiet imħallsa mill-awtorità ta' kuntrattar kif ukoll dawk irċevuti minn terzi bħala korrispettiv għax-xogħlijiet imwettqa f’isimhom.

50     Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, skond il-kliem ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva, id-dispożizzjonijiet tiegħu huma applikabbli għall-kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet li l-valur tagħhom jilħaq il-limitu previst mill-imsemmi Artikolu. Dan ma jistabbilixxi ebda regola li tillimita l-ammonti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur ta' kuntratt għal dawk li joħorġu mill-awtorità ta' kuntrattar.

51     Barra minn hekk, jekk tali regola tiġi dedotta mill-imsemmi Artikolu 6, dan imur kontra l-ispirtu u l-għan tad-Direttiva.

52     Hekk kif jirriżulta mit-tieni u l-għaxar premessa tagħha, id-Direttiva hija intiża sabiex jiġu eliminati r-restrizzzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment u għal-libertà li tipprovdi servizzi fil-qasam ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet, sabiex tali settur jinfetaħ għal kompetizzjoni effettiva (sentenza Ordine degli Architetti et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52). It-tieni premessa tispeċifika li l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva jeħtieġ avviżi ta’ kuntratti rriklamati fil-Komunità li fihom biżżejjed informazzjoni sabiex tippermetti lill-kuntratturi tal-Komunità Ewropea jiddeċiedu jekk il-kuntratti proposti humiex ta’ interess għalihom. F'dan ir-rigward, il-limitu previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva jservi sabiex jassigura li l-kuntratti pubbliċi, li għandhom valur suffiċjentement għoli sabiex tiġi ġġustifikata parteċipazzjoni intrakomunitarja, jiġu kkomunikati lill-offerenti potenzjali.

53     Peress li l-għan tal-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet previsti mid-Direttiva huwa preċiżament li jiġi ggarantit lill-offerenti potenzjali stabbiliti fil-Komunità Ewropea l-aċċess għall-kuntratti pubbliċi li jinteressawhom, isegwi li huwa mill-perspettiva tagħhom li għandu jiġi kkalkulat jekk il-valur ta' kuntratt jilħaqx il-limitu stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva.

54     F'dan ir-rigward, huwa evidenti li jekk il-valur ta' kuntratt huwa kkonstitwit mill-irċevuti li ġejjin kemm mill-awtorità ta' kuntrattar kif ukoll minn terzi, l-interess ta' offerenti f'tali kuntratt huwa l-valur globali tiegħu.

55     Għall-kuntrarju, it-teżi li l-ammonti mħallsa mill-awtorità ta' kuntrattar biss għandhom jittieħdu in kusiderazzjoni fil-kalkolu tal-valur ta' kuntratt fis-sens ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva tmur kontra l-għan tagħha. Minn dan jirriżulta li l-awtorità ta' kuntrattar tkun f'pożizzjoni li tattribwixxi kuntratt li jkollu valur globali li jiżboq il-limitu stabbilit fl-Artikolu 6 u li jista' jinteressa negozjanti oħra attivi fis-suq, mingħajr ma jiġu applikati l-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet previsti mid-Direttiva.

56     Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva, il-konċessjonijiet ta' xogħlijiet pubbliċi huma suġġetti għar-regoli ta' riklamar previsti mid-Direttiva fil-każ fejn il-limitu previst mill-imsemmija dispożizzjoni jintlaħaq. Peress li karatteristika essenzjali ta' dawn il-konċessjonijiet hija li l-korrispettiv tax-xogħlijiet ikun ġej kollu kemm hu jew parti minnu minn terzi, imur kontra l-għan u s-sistema li huma l-bażi tad-Direttiva, fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet, li l-ammonti li jiġu minn terzi jkunu esklużi mill-kalkolu tal-valur tal-kuntratt għall-finijiet ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva.

57     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, sabiex jiġi ddeterminat il-valur ta' kuntratt għall-finijiet ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-valur totali tal-kuntratt ta' xogħlijiet mill-aspett ta' offerent potenzjali, u dan jinkludi mhux biss l-ammonti kollha li l-awtorità ta' kuntrattar ikollha tħallas, iżda wkoll l-irċevuti kollha li ġejjin minn terzi.

 Fuq it-tielet domanda

58     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex jiġi konkluż ftehim bħal dak fil-kawża prinċipali, awtorità ta' kuntrattar tkunx iġġustifikata li ma tirrikorrix għall-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet previsti mid-Direttiva minħabba li, skond id-dritt nazzjonali, dan il-ftehim seta' jiġi konkluż ma ċerti persuni ġuridiċi biss, li huma stess għandhom in-natura ta' awtorità ta' kuntrattar u li ser ikunu obbligati, min-naħa tagħhom, japplikaw l-istess proċeduri għall-għoti ta' kuntratti eventwali suċċessivi.

59     Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-uniċi eċċezzjonijiet permessi għall-applikazzjoni tad-Direttiva 93/36 huma dawk li huma msemmija espressament u b'mod eżawrjenti fiha (ara, b'analoġija, is-sentenzi tat-18 ta' Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 43 u tal-11 ta' Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C‑340/04, Ġabra p. I‑4137, punt 45).

60     Issa, id-Direttiva 93/36 ma għandhiex dispożizzjoni komparabbli ma' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50, li teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha kuntratti pubbliċi mogħtija, f'ċerti kundizzjonijiet, lill-awtoritajiet ta' kuntrattar (ara, b'analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Teckal, punt 44, kif ukoll Carbotermo u Consorzio Alisei, punt 46).

61     Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE tal-31 ta' Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p.114), jipprevedi eċċezzjoni għal dak li jikkonċerna l-awtoritajiet ta' kuntrattar li jixtru, b'mod partikolari, xogħlijiet permezz ta' korp ta' xiri ċentrali, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 1(10) ta' din l-istess Direttiva. Mandankollu, din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali.

62     Minn dan isegwi li awtorità mhijiex eżentata milli ma tirrikorrix għall-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet previsti mid-Direttiva għar-raġuni li hija qed tippjana li tikkonkludi l-kuntratt in kwistjoni ma' awtorità ta' kuntrattar oħra (ara, b'analoġija, is-sentenzi Teckal, iċċitata iktar 'il fuq; tas-7 ta' Diċembru 2000, ARGE, C‑94/99, Ġabra . p. I‑11037, punt 40, u tal-11 ta' Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, Ġabra p. I‑1, punt 47). Din il-konstatazzjoni ma taffettwax, barra minn hekk, l-obbligu ta' din l-aħħar awtorità ta' kuntrattar li tapplika, min-naħa tagħha, il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti previsti mid-Direttiva (ara, b'analoġija, is-sentenza Tecknal, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45).

63     Huwa minnu li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sejħa għal offerti mhijiex obbligatorja għall-kuntratti konklużi bejn awtorità reġjonali u persuna ġuridikament distinta minnha, fil-każ fejn, fl-istess ħin, l-awtorità reġjonali teżerċita fuq il-persuna in kwistjoni kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti proprji tagħha u fejn din il-persuna twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew awtoritajiet li jikkontrollawha (ara s-sentenzi Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50 u tat-13 ta' Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑84/03, Ġabra p. I‑139, punti 38 u 39).

64     Issa, il-fatt li s-SEDL hija kumpannija semipubblika li fil-kapital tagħha jinsabu fondi privati jeskludi li l-commune de Roanne jista' jitqies li jeżerċita kontroll fuqha simili għal dak li huwa jeżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull investiment ta’ kapital privat f’kumpannija jsegwi kunsiderazzjonijiet proprji għall-interessi privati u jħaddan għanijiet ta’ natura differenti minn dawk imħaddma minn awtorità pubblika (ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar 'il fuq, punti 49 u 50). Ir-raġunament sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar 'il fuq, fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi ta' servizzi huwa applikabbli wkoll fir-rigward ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet.

65     Mill-osservazzjonijiet tal-commune de Roanne kif ukoll tal-gvern Franċiż u tal-gvern Pollakk jirriżulta li, skondhom, l-effett utli tad-Direttiva huwa protett f'kull każ, bħal f'dan il-każ, fejn awtorità ta' kuntrattar tkun obbligata tirrikorri għall-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi tax-xogħlijiet previsti mid-Direttiva għal kull kuntratt sussegwenti. Sabiex tiġi assigurata kompetizzjoni effettiva, mhuwiex rilevanti jekk tali proċedura tkunx organizzata mill-ewwel awtorità ta' kuntrattar jew mit-tieni.

66     Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li d-Direttiva ma fihiex dispożizzjonijiet li jippermettu li tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha fil-każ ta' kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet li għadda bejn żewġ awtoritajiet ta' kuntrattar, anki jekk it-tieni awtorità ta' kuntrattar tkun obbligata tagħti b’subappalt il-valur totali tal-kuntratt lill-kuntratturi suċċessivi u, għal dan il-għan, tirrikorri għall-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttiva.

67     Barra minn hekk, f'dan il-każ, mhuwiex previst mill-ftehim li s-SEDL tkun obbligata tagħti b’subappalt il-valur totali tal-kuntratt oriġinali lill-kuntratturi suċċessivi. Barra minn hekk, hekk kif l-Avukat ġenerali tosserva, ġustament, fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, meta t-tieni awtorità ta' kuntrattar tirrikorri għas-subappaltaturi, ħafna drabi hemm ir-riskju li s-suġġett ta' kull kuntratt suċċessiv jirrappreżenta biss parti mill-kuntratt globali. Jista' jirriżulta li l-valur ta' kuntratti sussegwenti mogħti mit-tieni awtorità ta' kuntrattar ikun inqas minn dak li jinsab fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva. B'hekk, permezz ta' l-istabbiliment ta' serje ta' kuntratti suċċessivi, l-applikazzjoni tad-Direttiva tista' tiġi evitata.

68      Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li awtorità ta' kuntrattar mhijiex eżentata milli ma tirrikorrix għall-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet previsti mid-Direttiva minħabba li, skond id-dritt nazzjonali, dan il-ftehim seta' jiġi konkluż ma' ċerti persuni ġuridiċi biss, li huma stess ikollhom in-natura ta' awtorità ta' kuntrattar u li jkunu obbligati, min-naħa tagħhom, li japplikaw l-istess proċeduri għall-għoti ta' kuntratti eventwali suċċessivi.

 Fuq l-ispejjeż

69     Peress illi dawn il-proċedimenti għandhom, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni li tqajmet quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ftehim li bih awtorità ta' kuntrattar tinkariga awtorità ta' kuntrattar oħra sabiex twettaq xogħol jikkostitwixxi kuntratt pubbliku ta' xogħlijiet fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE tat-13 ta' Ottubru 1997, indipendentement mill-fatt li jkun previst jew le li l-ewwel awtorità ta' kuntrattar tkun jew issir il-proprjetarja ta' dan ix-xogħol kollu jew parti minnu.

2)      Sabiex jiġi ddeterminat il-valur ta' kuntratt għall-finijiet ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-valur totali tal-kuntratt ta' xogħlijiet mill-aspett ta' offerent potenzjali, u dan jinkludi mhux biss l-ammonti kollha li l-awtorità ta' kuntrattar ikollha tħallas, iżda wkoll l-irċevuti kollha li ġejjin minn terzi.

3)      Awtorità ta' kuntrattar mhijiex eżentata milli ma tirrikorrix għall-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet previsti mid-Direttiva 93/37, hekk kif emendata mid-Direttiva 97/52, minħabba li, skond id-dritt nazzjonali, dan il-ftehim seta' jiġi konkluż ma' ċerti persuni ġuridiċi biss, li huma stess ikollhom in-natura ta' awtorità ta' kuntrattar u li jkunu obbligati, min-naħa tagħhom, li japplikaw l-istess proċeduri għall-għoti ta' kuntratti eventwali suċċessivi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.