SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
26 ta’ Ottubru 2006 (*)
"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 90/427/KEE – Kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-equidae – Obbligu li fl-Iżvezja ż-żwiemel mhux imsewwija miżmumin għar-razza jiġu sottoposti għal stima tal-valur ġenetiku tagħhom"
Fil-kawża C-206/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-2 ta’ Mejju 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Erlbacher u K. Simonsson, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, irrappreżentat minn K. Norman, bħala aġent,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. E. Juhász (Relatur), President tat-Tmien Awla, aġent President tar-Raba' Awla, MM. K. Schiemann u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi fis-sistema ġuridika interna tiegħu stabbilixxa l-obbligu li fl-Iżvezja ż-żwiemel mhux imsewwija miżmumin għar-razza jiġu sottoposti għal stima tal-valur ġenetiku tagħhom sabiex ikunu jistgħu jintużaw għat-tgħammir lil hemm mir-razzett tagħhom, ir-Renju ta’ l-Iżvezja naqas, prinċipalment, mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/427/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar il-kundizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju f’equidae (ĠU L 224, p. 55, iktar ’il quddiem id-"direttiva"), u, sussidjarjament, dawk taħt l-Artikolu 28 KE.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 It-tieni u s-sitt premessi tad-direttiva jistabbilixxu li:
"billi sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni ta’ equidae, li b’hekk tiżdied il-produttività f’dak is-settur, regoli li jirregolaw il-moviment ta’ equidae f’kummerċ intra-Komunitarju jiġu [stabbiliti] fil-livell tal-Komunità;
[…]
Billi kummerċ intra-Komunitarju f’equidae reġistrat għand[u] jiġ[i] liberalizza[t] progressivament; billi liberalizzazzjoni kompleta ta’ kummerċ [t]eħtieġ armonizzazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari rigward approvazzjoni għal għan ta’ tgħammir lil hemm mir-razzett u l-użu ta’ semene u ova skond il-karatteristiċi ta’ kull ktieb tar-razza".
3 L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-direttiva jipprovdi:
"Kummerċ intra-Komunitarju f’equidae u s-semene, ova u embrijoni tagħhom ma jistgħux jiġu pprojbiti jew restritti fuq prinċipji żootekniċi jew ġenealoġiċi oħra għajr dawk li jirriżultaw minn applikazzjoni ta’ din id-Direttiva."
4 L-Artikolu 7 tad-direttiva jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, safejn meħtieġ għall-applikazzjoni uniformi tad-direttiva, li tistabbilixxi, skond proċedura u b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-direttiva:
"(a) il-metodi ta’ monitoraġġ tal-ħiliet u tagħmel stima tal-valur ġenetiku ta’ l-annimali tat-tgħammir;
(b) fuq il-bażi tal-metodi li saret referenza għalihom fil-punt (a), il-kriterji ġenerali għall-approvazzjoni ta’ annimal maskili miżmum għar-razza jew, jekk ikun xieraq, ta’ kull annimal femminili miżmum għar-razza għall-għanijiet ta’ tgħammir u bl-użu tas-semene, ova jew embrijoni tagħhom".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Fl-Iżvezja, l-obbligu li ż-żwiemel mhux imsewwija miżmumin għar-razza jiġu sottoposti għal stima tal-valur ġenetiku tagħhom kif ukoll ir-regoli dettaljati li jikkonċernaw lil dan l-obbligu huma pprovduti fid-direttivi ta’ l-amministrazzjoni nazzjonali ta’ l-agrikoltura dwar l-equidae użati għat-tgħammir u għall-identifikazzjoni ta’ l-equidae [Statens jordbruksverks föreskrifter (SJVFS 1994:82) om hästdjur som används till avel och om identifiering av hästdjur, iktar ’il quddiem il-"leġiżlazzjoni applikabbli għal equidae"].
6 L-Artikolu 29 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal equidae jgħid hekk:
"Żiemel mhux imsewwi miżmum għar-razza għandu jkun sottopost għal stima tal-valur ġenetiku tiegħu fl-Iżvezja sabiex ikun jista’ jiġi użat għat-tgħammir lil hemm mir-razzett tagħhom. L-istima tal-valur ġenetiku li tagħti dritt għall-użu ta’ żiemel mhux imsewwi miżmum għar-razza hija kkunsidrat li sseħħ meta jkun ġie mwettaq monitoraġġ tal-ħiliet skond l-Artikoli 20 sa 22, jew meta ż-żiemel mhux imsewwi miżmum għar-razza jkun sottopost għal verifika biss tal-proġenija skond l-Artikoli 24 sa 26 u meta jiġi stabbilit ċertifikat ta’ valur ġenetiku skond l-Artikolu 27 imsemmi iktar ’il fuq."
7 L-Artikoli 20 u 21 ta’ dik il-leġiżlazzjoni telenka l-kriterji ta’ stima li għandhom jintużaw fil-kuntest ta’ monitoraġġ tal-ħiliet ta’ equidae. Dawn il-kriterji jinkludu, b’mod partikolari, il-ġenealoġija, il-ħiliet, l-aspett estern, kemm hu robust u s-saħħa ta’ kull wieħed miż-żwiemel. Skond l-Artikolu 22 ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni, l-informazzjoni dwar equidae barranin ikkomunikata minn organizzazzjoni barranija ta’ min irabbi jew assoċjazzjoni barranija rikonoxxuta, li żżomm il-kotba tar-razza, għandha wkoll tittieħed in kunsiderazzjoni.
8 L-Artikoli 24 u 25 ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni jipprovdu r-regoli dettaljati dwar kif għandha tiġi vverifikata l-proġenija ta’ equidae. Skond l-Artikolu 26 ta’ din l-istess leġiżlazzjoni, l-informazzjoni dwar il-proġenija ta’ equidae barranin, ikkomunikata minn organizzazzjoni barranija ta’ min irabbi jew minn assoċjazzjoni barranija rikonoxxuta, li żżomm il-kotba tar-razza, għandha wkoll tittieħed in kunsiderazzjoni.
9 Skond l-Artikolu 27 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-equidae, ċertifikat tal-valur ġenetiku huwa stabbilit għall-equidae kollha fejn il-valur ġenetiku jkun sottopost għal stima. Dan iċ-ċertifikat għandu jinkludi għal kull equidae, b’mod partikolari, l-isem, l-identifikazzjoni, il-ġenealoġija, ir-riżultat tal-monitoraġġ tal-ħiliet u, fejn meħtieġ, ir-riżultat tal-verifika tal-proġenija.
Il-proċedura kontenzjuża
10 Ġie mressaq ilment quddiem il-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 29 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-equidae, li jipprovdi l-obbligu li fl-Iżvezja ż-żwiemel mhux imsewwija miżmuma għar-razza jiġu sottoposti għal stima tal-valur ġenetiku tagħhom sabiex huma jkunu jistgħu jintużaw għat-tgħammir lil hemm mir-razzett tagħhom.
11 Peress li kkunsidrat li dik id-dispożizzjoni kienet inkompatibbli mad-direttiva u, fi kwalunkwe każ, ma’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, il-Kummissjoni irrikorriet, fir-rigward tar-Renju ta’ l-Iżvezja, għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE, billi intimat lil dan l-Istat Membru, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2002, sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta ta’ dan ta’ l-aħħar, fil-25 ta’ Lulju 2003 il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha hija sostniet il-pożizzjoni tagħha fuq l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni mad-dritt Komunitarju, u stiednet lir-Renju ta’ l-Iżvezja sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.
12 Fir-risposta tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2003 għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Gvern Żvediż sostna li s-sistema implementata fil-livell nazzjonali għal dak li jikkonċerna t-tgħammir ta’ l-equidae ma tmurx kontra d-dritt Komunitarju. Madankollu, dan il-gvern indika li, wara r-reviżjoni u l-evalwazzjoni mwettqa, huwa seta’ jikkonstata li l-leġiżlazzjoni Żvediża setgħet tiġi emendata b’mod li tkun inqas restrittiva.
13 Fis-sena 2004, ir-rappreżentanti tal-Gvern Żvediż u tal-Kummissjoni ltaqgħu darbtejn sabiex tiġi eżaminata proposta ta’ leġiżlazzjoni ġdida. Madankollu, peress li ma kinitx konvinta mill-kompatibbiltà ta’ dik il-proposta mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
14 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 29 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-equidae jikkostitwixxi restrizzjoni għal kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-equidae pprojbita mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-direttiva. Fil-fatt, skond l-imsemmi Artikolu 29, żiemel mhux imsewwi miżmum għar-razza li joriġina minn Stat ieħor barra mir-Renju ta’ l-Iżvezja u approvat għat-tgħammir skond id-dispożizzjonijiet applikabbli fl-imsemmi Stat, għandu jiġi sottopost għal stima tal-valur ġenetiku tiegħu fl-Iżvezja sabiex ikun jista’ jintuża għat-tgħammir. Minn dan tirriżulta spiża addizzjonali li trid titħallas, skond il-każ, mis-sid taż-żiemel mhux imsewwi miżmum għar-razza jew minn sid id-debba.
15 Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala kriterju għall-approvazzjoni taż-żwiemel mhux imsewwija miżmuma għar-razza għat-tgħammir skond l-Artikolu 7 tad-direttiva. B’hekk, l-imsemmija dispożizzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva u tifforma parti mill-qasam armonizzat minnha.
16 Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 7 tad-direttiva jawtorizzaha espressament, safejn huwa neċessarju għall-applikazzjoni uniformi tad-direttiva u b’konformità mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 4(1) tagħha, li tistabbilixxi l-metodi ta’ monitoraġġ tal-ħiliet u li ta’ stima tal-valur ġenetiku ta’ l-annimali tat-tgħammir il-metodi tal-monitoraġġ tal-ħiliet u stima tal-valur ġenetiku tal-annimali maskili tat-tgħammir u, abbażi tal-metodi msemmija, li tistabbilixxi l-kriterji ġenerali għall-approvazzjoni ta’ annimal maskili miżmum għar-razza.
17 Il-Kummissjoni tgħid li hija ma qisitx neċessarju li jiġu adottati dispożizzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 7 tad-direttiva u ssostni li l-fatt li hija ma stabbilixxietx dispożizzjonijiet bħal dawn ma jfissirx li Stat Membru jista’ jimponi dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip, li, bħal fil-każ tad-dispożizzjoni in kwistjoni, jammontaw għal restrizzjoni għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-equidae.
18 Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni ma tirriżultax mill-applikazzjoni tad-direttiva u li din hija inkompatibbli ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tagħha.
19 Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dik id-dispożizzjoni nazzjonali mhix kuntrarja għad-direttiva, din tkun, fi kwulunkwe każ, kuntrarja għall-Artikolu 28 KE u ma tistax tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 30 KE.
20 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, kif jirriżulta kemm mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Żvediż li l-obbligu pprovdut fl-Artikolu 29 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-equidae huwa intiż sabiex itejjeb il-karatteristiċi ta’ kull razza iktar milli sabiex jipproteġi s-saħħa u l-ħajja ta’ l-annimali. Din il-pożizzjoni hija sostnuta mill-fatt li, minn dan l-Artikolu 29 jirriżulta li l-obbligu li ż-żwiemel mhux imsewwija miżmuma għar-razza jiġu sottoposti għal stima tal-valur ġenetiku tagħhom ma japplikax għaż-żwiemel mhux imsewwija miżmuma għar-razza u użati għat-tgħammir fir-razzett tagħhom. Kieku dan l-obbligu kellu verament l-għan li jipproteġi s-saħħa u l-ħajja ta’ l-equidae, huwa kellu jkun japplika wkoll għal dawn ta’ l-aħħar.
21 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li mill-Artikolu 29 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-equidae jirriżulta li, żiemel mhux imsewwi miżmum għar-razza mhux mistenni jikseb riżultat partikolari mill-istima tal-valur ġenetiku tiegħu sabiex ikun approvat għat-tgħammir, imma huwa suffiċjenti li l-imsemmija stima tkun saret. Madankollu, sabiex tiġi protetta s-saħħa u l-ħajja ta’ l-equidae, kien ikun neċessarji li jiġi ppovdut li żiemel mhux imsewwi miżmum għar-razza li ma jiksibx riżultat sodisfaċenti jkun iżolat mit-tgħammir, sabiex ikun evitat li jkunu trażmessi difetti ġenetiċi serji lill-proġenija tiegħu.
22 Il-Gvern Żvediż jammetti l-mertu tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu li d-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 3 tad-direttiva, kif ukoll il-mertu tat-talbiet tal-Kummissjoni li jwasslu sabiex huwa jbati l-ispejjeż tal-proċedura.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 L-Artikolu 29 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-equidae, li jistabbilixxi kriterju ta’ approvazzjoni ta’ l-annimal miżmum għar-razza għat-tgħammir skond l-Artikolu 7 tad-direttiva, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
24 Skond l-Artikolu 3 tad-direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-equidae, tas-semene, ta’ l-ova u ta’ l-embrijoni tagħhom għal raġunijiet żootekniċi jew ġenealoġiċi oħra għajr dawk li jirriżultaw minn applikazzjoni tad-direttiva.
25 Madankollu, l-Artikolu 29 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-equidae għandu effett restrittiv. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta, mingħajr ma jkun ikkontestat mill-Gvern Żvediż, li l-equidae li joriġinaw minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu sottoposti għal stima tal-valur ġenetiku tagħhom fl-Iżvezja sabiex ikunu jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ tgħammir lil hemm mir-razzett tagħhom, u dan jikkawża lill-utenti, spiża akbar li twassal sabiex tostakola l-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-equidae għad-destinazzjoni ta’ l-Iżvezja.
26 Skond l-Artikolu 7 tad-direttiva, il-Kummissjoni tikkonferixxi lilha nnifisha l-kompitu li tistabbilixxi, jekk neċessarju għall-applikazzjoni uniformi tad-direttiva, il-metodi ta’ monitoraġġ tal-ħiliet u ta’ stima tal-valur ġenetiku ta’ l-annimali tat-tgħammir u li tistabbilixxi l-kriterji ġenerali għall-approvazzjoni ta’ l-annimali maskili miżmuma għar-razza jew, jew jekk meħtieġ, ta’ l-annimali femminili miżmuma għar-razza kif ukoll il-kriterji ġenerali ta’ użu tas-semene, ta’ l-ova u ta’ l-embrijoni tagħhom.
27 Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija dispożizzjoni ħallietx, u jekk dan huwa l-każ, safejn, ċerti kompetenzi lill-Istati Membri sabiex jintroduċu jew jżommu liġijiet li ma jammontawx għal projbizzjoni jew għal restrizzjoni ta’ kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-equidae, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tkunx użat is-setgħa tagħha, mill-kliem inekwivoku ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-direttiva xorta jirriżulta fi kwalunkwe każ li kull liġi li tintroduċi projbizzjoni bħal din jew restrizzjoni tista’, fir-rigward tagħha, tirriżulta biss mill-applikazzjoni tad-direttiva. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Żvediża in kwistjoni li tinkludi, kif jirriżulta mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, restrizzjoni bħal din, ma tirriżultax mill-applikazzjoni tad-direttiva.
28 Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jammetti l-mertu tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-inkompatibbiltà ta’ l-Artikolu 29 tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-equidae ma’ l-Artikolu 3 tad-direttiva.
29 Konsegwentement, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala infondat.
30 Għalhekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit li, billi fis-sistema legali interna ġie pprovdut l-obbligu li fl-Iżvezja ż-żwiemel mhux imsewwija miżmuma għar-razza jiġu sottoposti għal stima tal-valur ġenetiku tagħhom sabiex ikunu jistgħu jintużaw għat-tgħammir, ir-Renju ta’ l-Iżvezja naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 3 tad-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
31 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ l-Iżvezja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi fis-sistema legali interna ġie stabbilit l-obbligu li fl-Iżvezja ż-żwiemel mhux imsewwija miżmuma għar-razza jiġu sottoposti għal stima tal-valur ġenetiku tagħhom sabiex ikunu jistgħu jintużaw għat-tgħammir lil hemm mir-razzett tagħhom, ir-Renju ta’ l-Iżvezja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/427/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar il-kundizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju f’equidae.
2) Ir-Renju ta’ l-Iżvezja huwa ordnat ibati l-ispejjeż.
Firem
*Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.