SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta' Ottubru 2006 (*)

"Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej – Artikolu 3 – Taxxi Indiretti – Deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali – Dazji ta' reġistrazzjoni"

Fil-kawża C-199/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour d’appel de Brussell (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta' Mejju 2005, fil-kawża

Il-Komunità Ewropea

vs

L-Istat Belġjan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, P. Kūris, E. Juhász (Relatur), J. Klučka, K. Schiemann, J. Makarczyk, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Frar 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Belġjan, minn E. Dominkovits u M. Wimmer, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avvocato dello Stato,

–       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn A. Vitro, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-F. Pasquier u I. Martínez del Peral, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni u t-tielet subparagrafi ta' l-Artikoli 3 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li inizjalment kien anness mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fit-8 ta' April 1965, u sussegwentement, bis-saħħa tat-Trattat ta' Amsterdam, mat-Trattat KE (iktar 'il quddiem il-"protokoll").

2       Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' kawża bejn il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Istat Belġjan, dwar l-irkupru ta' dazji ta' reġistrazzjoni li kellhom jitħlassu wara sentenzi jew deċiżjonijiet mogħtija minn qrati nazzjonali u li ordnaw il-ħlas ta' ammonti ta' flus jew il-kalkolu ta' titoli trasferibbli (iktar 'il quddiem id-"dazji ta' reġistrazzjoni").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, u, wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Amsterdam, l-Artikolu 291 KE, il-Komunità tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħha skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-protokoll.

4       Skond l-Artikolu 3 tal-protokoll:

"Il-Komunitajiet, l-assi, id-dħul finanzjarju u proprjetà oħra tagħhom ikunu eżenti minn kull taxxa diretta.

Il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri għandhom, kull meta possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa biex jirrinunzjaw għal jew iħallsu lura l-ammont ta’ taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ inklużi fil-prezz ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, meta l-Komunitajiet jagħmlu, għall-użu uffiċjali tagħhom, xirjiet sostanzjali li l-prezz tagħhom ikun jinkludi taxxi ta’ din ix-xorta. Dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx japplikaw, madankollu, b' mod illi jkollhom l-effett li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunitajiet.

L-ebda eżenzjoni m’għandha tingħata għar-rigward ta’ taxxi u ammonti dovuti li jkunu biss ħlasijiet għal servizzi ta’ utilità pubblika."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 35 tal-Code des droits d’enregistrement, d’hypothèque et de greffe belge (Kodiċi Belġjan tat-taxxi fuq l-ispejjeż ta' reġistrazzjoni, ta' l-ipoteki u tar-reġistru) jipprovdi li:

"L-obbligu li jitħallsu t-taxxi, meta dan jirriżulta mis-sentenzi u d-deċiżjonijiet tal-qrati u tat-tribunali li jirrigwardaw ordnijiet għall-ħlas, il-kalkolu ta' l-ammonti li għandhom jitħallsu jew l-ordni skond liema jitħallsu l-kredituri, jaqa' fuq:

1.      il-konvenuti, fil-proporzjon mogħti jew stabbilit kontra tagħhom mis-sentenza li tordna l-ħlas, il-kalkolu ta' l-ammonti li għandhom jitħallsu jew l-ordni skond liema jitħallsu l-kredituri, u l-konvenuti in solidum f'każ li jiġu ordnati jħallsu in solidum;

2.      ir-rikorrenti, fil-proporzjon miksub minn kull wieħed minnhom permezz tas-sentenza li tordna l-ħlas, il-kalkolu ta' l-ammonti li għandhom jitħallsu jew l-ordni skond liema jitħallsu l-kredituri, mingħajr ma jeċċedi, madankollu, in-nofs ta' l-ammonti jew titoli li kull wieħed minnhom jirċievi fi ħlas.

[…]

Id-dazji u, fejn applikabbli, il-multi għandhom jitħallsu fi żmien xahar mid-data li fiha jintbagħat, permezz ta' ittra rreġistrata, l-avviż ta' ħlas mill-persuna li għandha tagħmel ir-reġistrazzjoni."

6       L-Artikolu 142 ta' l-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

"Id-dazju huwa ta' 3% għas-sentenzi u d-deċiżjonijiet tal-qrati u t-tribunali, mogħtija fuq kull suġġett, fejn jiġi ordnat il-ħlas jew il-kalkolu ta' l-ammonti fi flus jew titoli li għandhom jitħallsu, kemm jekk dawn ikunu definittivi, proviżorji, prinċipali, sussidjarji jew kondizzjonali, inklużi d-deċiżjonijiet ta' l-awtorità ġudizzjarja li jistabbilixxu l-ordni skond liema għandhom jitħallsu l-kredituri ta' l-istess ammonti jew titoli.

Id-dazju huwa kkalkulat, f'każ ta' sentenzi li jordnaw il-ħlas jew il-kalkolu ta' l-ammonti u titoli trasferibbli li għandhom jitħallsu, fuq l-ammont prinċipali kumulattiv li jemana minn dawk is-sentenza u li għandu jitħallas mill-istess persuna, mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-imgħax, li mhuwiex ikkalkulat mill-imħallef, u l-ispejjeż. F'każ ta' deċiżjoni li tistabbilixxi l-ordni skond liema jitħallsu l-kredituri, id-dazju jiġi kkalkulat fuq l-ammont totali mogħti lill-kredituri."

7       L-Artikolu 150 ta' l-istess kodiċi jipprovdi li:

"Għandu jiġi stabbilit favur l-Istat, sabiex jiġi ggarantit l-irkupru tad-dazji u eventwalment tal-multi dovuti skond din il-parti, privileġġ fuq l-ammonti u t-titoli li huma s-suġġett ta' l-ordni ta' ħlas, tal-kalkolu ta' l-ammonti li għandhom jitħallsu jew ta' l-ordni skond liema jitħallsu l-kredituri.

Id-dazji u l-multi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jieħdu preċedenza fuq il-krediti tal-benefiċjarji ta' l-ordnijiet ta' ħlas, tal-kalkolu ta' l-ammonti li għandhom jitħallsu jew ta' l-ordnijiet skond liema jitħallsu l-kredituri."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8       L-eżekuzzjoni ta' kuntratt konkluż fl-1993 bejn il-Kummissjoni u l-kumpannija ta' responsabbiltà limitata MCFE tat lok għal kawża mressqa quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles (il-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Brussell). Permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Jannar 1994, din il-qorti ordnat lill-Kummissjoni tħallas lill-MCFE s-somma proviżorja ta' BEF 10 845 935, jiġifiieri ECU 269 589, li magħha riedu jiżdiedu l-interessi u l-ispejjeż.

9       Permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Ġunju 1994, il-kollettur tan-Neuvième bureau de l’Enregistrement de Bruxelles (id-disa' uffiċċju tad-drittijiet tar-reġistru u dazji ta' reġistrazzjoni ta' Brussell) stieden lill-Kummissjoni sabiex tħallas is-somma ta' BEF 325 470 bħala dazji ta' reġistrazzjoni, skond l-imsemmija ordni. Fit-2 ta' Awwissu 1995, l-Administration de l’Enregistrement belge (l-awtorità Belġjana tad-drittijiet tar-reġistru u dazji ta' reġistrazzjoni; iktar 'il quddiem l-"awtorità") stiednet il-Kummissjoni sabiex tħallas fi żmien ħmistax-il ġurnata l-ammont imsemmi, flimkien ma' multa għal ħlas tardiv kif ukoll l-imgħax legali u l-ispejjeż.

10     Fil-15 ta’ Jannar 1996, il-kollettur tan-Neuvième bureau de l’Enregistrement de Bruxelles stieden lill-Kummissjoni sabiex tħallas, sal-25 ta’ Jannar 1996, l-ammont totali ta’ BEF 363 470 u ħareġ ordni ta’ ħlas kontra din ta’ l-aħħar.

11     Permezz ta’ ittra rreġistrata tad-19 ta’ Jannar 1996, il-Kummissjoni wieġbet lill-awtorità, permezz ta’ l-avukat tagħha, li hija kienet eżentata milli tħallas dazji ta’ reġistrazzjoni kif ukoll kull taxxa indiretta skond l-Artikolu 3 tal-protokoll. Fil-25 ta’ Jannar 1996, l-awtorità rrispondiet li d-dazji in kwistjoni kellhom jiġu kkunsidrati mhux bħala taxxa fuq oġġetti tal-konsum, iżda bħala ħlas għas-servizzi tal-qorti.

12     Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ April 1997, l-avukat tal-Kummissjoni ġie infurmat li l-pożizzjoni ta’ l-awtorità fuq il-kwistjoni kienet ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni ministerjali tat-18 ta’ April 1997.

13     Fil-15 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni ressqet oppożizzjoni kontra l-ordni tal-15 ta’ Jannar 1996 u ħarrket l-Istat Belġjan sabiex jidher quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles, fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-annullament ta’ din l-ordni.

14     Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2001, it-Tribunal de première instance de Bruxelles ikkunsidra l-oppożizzjoni bħala ammissibbli, iżda infondata, u ddeċidiet kontra l-Kummissjoni. Din il-qorti ddeċidiet li d-dazji ta’ reġistrazzjoni li kellha tħallas il-Kummissjoni ma jikkostitwixxux sempliċi ħlas għal servizzi ta’ utilità pubblika, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll, peress illi huma jikkostitwixxu taxxa li hija intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ġenerali ta’ l-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, tali dazji mhumiex inklużi fil-prezz li għandu jitħallas għas-servizzi tal-kumpannija ta’ responsabbiltà limitata MCFE u jemanaw mis-sentenza li tordna l-ħlas mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mitluba minn din ta’ l-aħħar m’għandhiex tingħata. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti kkunsidrat li ma kienx neċessarju li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress illi, skond hi, ma jeżisti "ebda dubju raġjonevoli" li tali dazji ma jaqgħux taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll.

15     Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Cour d’appel de Bruxelles (Qorti ta’ l-Appell ta’ Brussell) fl-14 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni appellat minn din id-deċiżjoni.

16     Il-Cour d’appel de Bruxelles, billi kkunsidrat li, fil-qasam ta’ trattati u ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, anki dak li huwa ċar għandu jiġi interpretat u li mhuwiex il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tinterpreta l-protokoll, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll [...], li jipprovdi li l-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jirrinunzjaw għal jew iħallsu lura l-ammont ta’ taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu dazju proporzjonali miġbur fir-rigward tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet tal-qrati u t-tribunali mogħtija fuq kull suġġett, fejn jiġi ordnat il-ħlas jew il-kalkolu ta' l-ammonti fi flus jew titoli li għandhom jitħallsu?

2)      It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll [...], li jipprovdi li ebda eżenzjoni m’għandha tingħata għal dak li jirrigwarda s-sempliċi ħlas għal servizz ta’ utilità pubblika, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taxxa imposta fuq il-parti telliefa meta jintemmu proċedimenti, liema parti hija ordnata tħallas ammont speċifiku, tikkostitwixxi sempliċi ħlas għal servizz ta’ utilità pubblika?"

 Fuq id-domandi preliminari

17     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju, hi u tippreżenta l-fatti tal-kawża quddiemha, tosserva li t-Tribunal de première instance de Bruxelles ikkunsidra li d-dazji ta’ reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu taxxa indiretta, liema fatt mhuwiex ikkontestat mill-partijiet fil-proċedimenti nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju stess ikkonstatat li "l-Komunità Ewropea u l-Istat Belġjan ma jaqblux fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-subparagrafi 2 u 3 ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunità". Il-Gvern Belġjan u Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas ma kkontestaw tali karatterizzazzjoni. Għaldaqstant, huwa f’dan il-kuntest li ser jiġu eżaminati d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll.

 Fuq it-tieni domanda

18     Permezz ta’ din id-domanda, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dazji bħal dawk ta’ reġistrazzjoni jikkostitwixxux sempliċi ħlas għal servizzi ta’ utilità pubblika, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll, li għalihom ma tingħata ebda eżenzjoni.

19     Il-Gvern Belġjan, sostnut fuq dan il-punt mill-Gvern Taljan, isostni li d-dazji ta’ reġistrazzjoni jikkostitwixxu taxxi indiretti li jirrappreżentaw il-korrispettiv ta’ servizz speċifiku ta’ utilità pubblika, inkwantu r-raġuni li tiġġustifika l-eżistenza tagħhom tinsab fil-ħlas għas-servizz mogħti mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani. Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-ġurisprudenza u tad-duttrina Belgjana. Il-ħlas ta’ dawk id-dazji jista’ jintalab ukoll, sa ċertu punt, mir-rikorrent li lilu għandu jitħallas l-ammont stabbilit fis-sentenza, liema fatt juri li l-imsemmi servizz jingħata fir-rigward taż-żewġ partijiet u li l-ħlas għal dak is-servizz huwa proporzjonali għall-valur finanzjarju tal-kawża.

20     Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex taxxa tista’ tiġi kkunsidrata bħala sempliċi ħlas għal servizz ta’ utilità pubblika, huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta u proporzjonali bejn il-ħlas għal tali servizz u s-servizz mogħti. F’dan il-każ, tali rabta ma teżistix, għaliex kawża kumplessa tista’ tirriżulta fil-ħlas ta’ dazji ta’ reġistrazzjoni limitati, filwaqt li kawża sempliċi tista’ tinvolvi dazji kunsiderevoli. Barra minn hekk, skond il-prinċipji ta’ l-estimi ta’ universalità u ta’ nuqqas ta’ approprjazzjoni, il-qligħ mid-dazji in kwistjoni huwa allokat lill-baġit ġenerali ta’ l-Istat u ma jiffinanzjax speċifikament is-servizzi pubbliċi tal-qrati.

21     Kif sostniet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni bejn taxxa intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ġenerali ta’ l-awtoritajiet pubbliċi u drittijiet li jikkostitwixxi l-korrispettiv għal servizz speċifiku hija aċċettata espressament mill-Artikolu 3 tal-protokoll. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett stess ta’ korrispettiv għal servizz speċifiku jippresupponi li dak is-servizz jiġi pprovdut jew, għall-inqas, jista’ jiġi pprovdut lil dawk li jħallsu d-drittijiet (sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996, AGF Belgium, C-191/94, Ġabra p. I-1859, punti 25 u 26).

22     Anki jekk jiġi ammess li dan il-kriterju huwa l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita d-distinzjoni msemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li ma tantx huwa probabbli li dan il-kriterju jiġi sodisfatt f’dan il-każ, peress illi d-dazji in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu ordnati li jitħallsu minn persuni li bl-ebda mod ma jkunu rrikorrew għas-servizzi tal-qrati ta’ l-Istat Memrbu kkonċernat u li lanqas ma kellhom l-intenzjoni li jagħmlu dan. Hekk kif josserva l-Gvern Belġjan, anki jekk, abbażi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dazji ta’ reġistrazzjoni jistgħu jintalbu kemm mill-konvenut, kif ukoll mir-rikorrent, fil-prattika, dawn id-dazji huma, bħala regola, dejjem mitluba l-ewwel mill-parti telliefa.

23     Barra minn hekk, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju tal-korrispettiv għal servizz mogħti mhuwiex l-uniku wieħed li huwa determinanti f'dan il-każ.

24     Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata f'qasam tad-dritt Komunitarju li jinvolvi kunċett simili għal dak in kwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri l-kunċett ta’ "dazji mħallsa [bħala ħlasijiet] jew drittijiet" imsemmi fl-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta' Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25), dazju li l-ammont tiegħu jiżdied direttament u mingħajr limiti b’mod proporzjonali ma’ l-ammont nominali li fuqu huwa applikat ma jistax, minħabba n-natura tiegħu stess, jikkostitwixxi dazju mħallas bħala ħlas jew dritt għal servizz mogħti. L-ammont ta’ tali dazju, ġeneralment, ma jkollux x’jaqsam ma’ l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-awtorità għat-tfassil ta’ l-att in kwistjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2000, Modelo, C-19/99, Ġabra p. I-7213, punt 33, u tal-21 ta’ Ġunju 2001, SONAE, C-206/99, Ġabra p. I-4679, punt 34).

25     Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-karatterizzazzjoni ta’ dazju bħala ħlas għal servizz ta’ utilità pubblika tirrikjedi l-eżistenza ta’ rabta diretta u proporzjonali bejn il-valur reali ta’ dan is-servizz u d-dazju mħallas mill-persuna li tirċievi s-servizz, jiġifieri korrelazzjoni bejn il-prezz imħallas minn din ta’ l-aħħar bħala korrispettiv għal servizz speċifiku u l-ispiża konkreta li l-awtorità sostniet minħabba l-provvista ta’ dak is-servizz.

26     Dan il-kriterju tar-rabta diretta u proporzjonali bejn is-servizz mogħti u l-ħlas għal tali servizz, li jista’ jiġi applikat għat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll, mhuwiex sodisfatt f’dan il-każ.

27     Huwa fil-fatt paċifiku li, minn naħa, l-ammont tad-dazji ta’ reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali jiżdied direttament u mingħajr limiti b’mod proporzjonali ma’ l-ammont ta’ l-ordni ta’ ħlas mogħtija mill-qorti nazzjonali kompetenti, mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni l-valur reali tas-servizz mogħti mill-qrati. Għaldaqstant, il-korrelazzjoni meħtieġa bejn l-ammonti mħallsa u s-servizz mogħti hija nieqsa. Barra minn hekk, il-fatt li d-dazji ta’ reġistrazzjoni huma miġbura f’każ li parti titlef, filwaqt li l-valur reali tas-servizz mogħti mill-qrati għandu jkun l-istess jekk ir-rikors jiġi miċħud, jikkonferma li l-imsemmija dazji mhumiex intiżi li jkopru l-ispiża reali tas-servizz.

28     Min-naħa l-oħra, kif ikkonstata t-Tribunal de première instance de Bruxelles, l-imsemmija dazji jikkonstitwixxu taxxa intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ġenerali ta’ l-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, l-ammonti mħallsa permezz ta’ dawn id-dazji mhumiex, f’termini konkreti, użati għall-iffinanzjar tas-servizzi pubbliċi tal-qrati.

29     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-dazji bħal dawk ta’ reġistrazzjoni ma jikkostitwixxux is-sempliċi ħlas għal servizzi ta’ utilità pubblika, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll.

 Fuq l-ewwel domanda

30     Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll għandux jiġi interpretat fis-sens li dazji bħal dawk ta’ reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

31     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat li, bid-differenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll, li jipprovdi, inkundizzjonatament u b’mod ġenerali, l-eżenzjoni tal-Komunitajiet kif ukoll ta’ l-assi, id-dħul u proprjetà oħra tagħhom minn kull taxxa diretta fuq livell nazzjonali, l-immunità fiskali prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-istess artikolu mhijiex illimitata. Din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi, taħt ċerti kundizzjonijiet li huma mniżżla fl-istess dispożizzjoni b’mod ċar, ir-rinunzja għal jew il-ħlas lura ta’¯ taxxi indiretti u ta’ taxxi fuq il-bejgħ imposti fuq il-beni li l-Komunitajiet jixtru għall-użu uffiċjali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll fis-sens li kull tip ta’ xiri, inkluż meta jiġu pprovduti servizzi, li huwa neċessarju għat-twettiq tad-doveri tal-Komunitajiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (ara s-sentenza AGF Belgium, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 36).

32     Il-kundizzjoni l-iktar sinjifikanti fost dawk imniżżla fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll, li hija enfasizzata darbtejn f’din id-dispożizzjoni, hija dik li d-dazji u t-taxxi indiretti għandhom ikunu inklużi fil-prezz tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratti konklużi mill-Komunitajiet.

33     Il-Gvern Belġjan, li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din id-domanda b’mod sussidjarju, jirrileva, u fuq dan il-punt huwa sostnut mill-Gvern Taljan, li d-dazji ta’ reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, peress illi jinġabru wara deċiżjoni ġudizzjarja u mhux minħabba l-akkwist ta’ beni jew ta’ servizzi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti mill-prezz ta’ akkwist ta’ beni jew ta’ servizzi. Barra minn hekk, jirriżulta mill-kliem tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll li l-eżenzjoni tkopri esklużivament operazzjonijiet ta’ akkwist ta’ beni jew ta’ servizzi u ma tistax tapplika għal kull operazzjoni jew sitwazzjoni. Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, id-dazji in kwistjoni jirrigwardaw att ġudizzjarju li jippenalizza n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali.

34     Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa l-oħra, li l-intervent tal-qorti nazzjonali kompetenti f’kontroversja bħal dik fil-kawża prinċipali kien neċessarju fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi li hija kienet ikkonkludiet fit-twettiq tad-doveri tagħha. Għaldaqstant, is-sentenza mogħtija mill-qorti tar-rinviju toriġina mir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet, b’tali mod li d-dazji ta’ reġistrazzjoni marbuta ma’ din is-sentenza huma inklużi fil-prezz ta’ l-imsemmi kuntratt. Din l-interpretazzjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-objettiv ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll.

35     Dan l-aħħar raġunament ma jistax jiġi aċċettat.

36     Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li n-natura u l-impatt tad-dazji nazzjonali bħal dawk ta’ reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jinsabu u jiġu stabbiliti mhux biss abbażi ta’ l-applikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-Komunità, iżda billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni globali tagħhom, jiġifieri fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li, effettivament jew potenzjalment, huma jew jistgħu jsiru partijiet fi proċedimenti quddiem il-qrati jew tribunali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, il-proċedimenti li fihom il-Kumunità hija parti quddiem qorti nazzjonali jikkostitwixxu biss proporzjon żgħir ħafna tan-numru totali ta’ proċedimenti li jagħtu lok għall-ħlas ta’ tali dazji.

37     Jirriżulta mill-proċess li dawn id-dazji huma dovuti f’kull każ fejn relazzjoni ġuridika bejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha tagħti lok għal proċedimenti li jwasslu għal deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-ħlas ta’ ammont ta’ flus. B’hekk mhux biss ir-relazzjonijiet kuntrattwali huma affettwati, iżda wkoll ir-relazzjonijiet mhux kuntrattwali ta’ kull tip, li fihom ma tidħolx il-kwistjoni li l-ammont ta’ flus li għalih tirreferi l-ordni jiġi inkluż fil-prezz ta’ akkwist ta’ beni jew ta’ servizz.

38     It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-dazji indiretti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma inklużi fil-prezz ta’ akkwisti effettwati mill-Komunitajiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-protokoll, biss jekk huma prevedibbli u jekk l-ammont tagħhom jista’ jiġi kkalkulat minn qabel b’ċertu livell ta’ preċiżjoni, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jirrinunzjaw għalihom jew iħallsuhom lura fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji.

39     L-eżekuzzjoni ta’ kuntratt mhux dejjem tagħti lok għal kwistjonijiet bejn il-partijiet, u l-probabbiltà li dawn iqumu ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi evalwata fl-istadju tal-konklużjoni tal-kuntratt. Barra minn hekk, is-suġġett u l-estensjoni ta’ tali kwistjonijiet eventwali jibqgħu inċerti u l-mod kif jiġu riżolti m’għandux ikun bil-fors permezz ta’ azzjoni legali, billi rimedju mhux kontenzjuż jikkostitwixxi mezz ieħor ta’ kif jiġu riżolti. Fl-aħħar nett, ir-riżultat ta’ proċedimenti legali eventwali huwa wkoll inċert, kif inhu l-ammont ta’ l-ordni ta’ ħlas mogħtija kontra waħda mill-partijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prezz ta’ kuntratt ma jistax jinkludi, bħala taxxi indiretti li jitħallsu lura, element futur, inċert u mhux preċiż bħad-dazji ta’ reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

40     L-argument li l-Kummissjoni tinvoka meta tirreferi għall-punt 23 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza AGF Belgium, iċċitata iktar ‘il fuq, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat. Skond dan l-argument, l-Istat Membru kkonċernat li jiġbor tali dazji ta’ reġistrazzjoni, jibbenefika minn vantagġ mhux ġustifikat billi jpoġġi fil-Fond nazzjonali riżorsi li joriġinaw minn kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Komunitajiet. Minbarra l-fatt, imsemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li l-proċedimenti li għalihom hija parti l-Komunità fuq il-livell nazzjonali jikkostitwixxu biss persentaġġ żgħir ħafna tan-numru totali ta’ proċedimenti ġudizzjarji li jagħtu lok għall-ħlas ta’ tali dazji, ma jistax jiġi aċċettat li, f’tali proċedimenti, fejn in-numru, is-suġġett u l-estenzjoni tagħhom ma jistgħux ikunu magħrufa minn qabel, il-Komunità tiġi ordnata tħallas b’mod sistematiku.

41     Barra minn hekk, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża prinċipali, mhemm xejn li jġiegħel lill-Kummissjoni tmexxi r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha b'tali mod li l-qrati nazzjonali ta' l-istess Stat Membru jkunu kompetenti b'mod sistematiku fir-rigward tal-kawżi li fihom din ta' l-aħħar hija parti.

42     It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tal-protokoll fid-dawl ta' l-objettiv ta' dan l-Artikolu, għandu jiġi mfakkar li l-immunità fiskali neċessarja għat-twettiq tad-doveri tal-Komunità, li l-Komunità tgawdi abbażi ta' l-Artikolu 291 KE, hija mogħtija "skond il-kundizzjonijiet kif stabbiliti fil-protokoll". Interpretazzjoni fid-dawl tal-kuntest u ta' l-objettiv ta' dispożizzjoni ma jistax ikollha l-effett li tippriva l-kliem ċar u preċiż ta' dik id-dispożizzjoni minn kull effettività (ara f'dan is-sens, għal dak li jikkonċerna l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Bank Ċentrali Ewropew, is-sentenza tat-8 ta' Diċembru 2005, BCE vs Il-Ġermanja, C-220/03, Ġabra p. I-10595, punt 31).

43     Fi kwalunkwe każ, anki jekk jista’ jiġi aċċettat li l-eżenzjoni tad-dazji ta' reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi vantaġġ finanzjarju favur il-Komunità, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tat ebda prova determinanti li tistabbilixxi li l-ħlas ta' dawn id-dazji jista' jaffettwa l-indipendenza tal-Komunità u jostakola l-operat tajjeb tagħha.

44     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tal-protokoll għandu jiġi interpretat fis-sens li dazji bħal dawk ta' reġistrazzjoni ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

45     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Dazji bħal dawk ta’ reġistrazzjoni li għandhom jitħallsu wara sentenzi jew deċiżjonijiet mogħtija minn qrati nazzjonali u li jordnaw il-ħlas ta' ammonti ta' flus jew il-kalkolu ta' titoli trasferibbli, ma jikkostitwixxux is-sempliċi ħlas għal servizzi ta’ utilità pubblika, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej.

2)      It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 ta’ dan l-istess protokoll għandu jiġi interpretat fis-sens li dazji bħal dawk ta' reġistrazzjoni li għandhom jitħallsu wara sentenzi jew deċiżjonijiet mogħtija minn qrati nazzjonali u li jordnaw il-ħlas ta' ammonti ta' flus jew il-kalkolu ta' titoli trasferibbli, ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.