Kawża C-195/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttivi 75/442/KEE u 91/156/KEE — Kunċett ta’ ‘skart’ — Fdal ta’ ikel li ġej mill-industrija agroalimentari intiż għall-produzzjoni ta’ l-għalf — Fdal li ġej minn preparazzjoni ta’ ikel fi kċejjen intiż għal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fit-22 ta’ Marzu 2007
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2007
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent — Skart — Direttiva 75/442 — Kunċett ta’ skart
(Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156, Artikolu 1(a))
2. Ambjent — Skart — Direttiva 75/442 — Kamp ta’ applikazzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156, Artikoli 1(a) u 2(1))
3. Ambjent — Skart — Direttiva 75/442 — Kunċett ta’ skart
(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156, Artikolu 1(a))
4. Ambjent — Skart — Direttiva 75/442 — Kamp ta’ applikazzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156, Artikoli 1(a) u 2(1))
5. Ambjent — Skart — Direttiva 75/442 — Kamp ta’ applikazzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156)
1. Il-kwalifika ta’ “skart ta’ sustanza” jew ta’ oġġett, skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tirriżulta qabel kollox mill-imġiba tal-pussessur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi”. Din il-kelma għandha tiġi interpretata mhux biss fid-dawl ta’ l-għan essenzjali tad-direttiva, li, skond it-tielet premessa tagħha hija l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mill-ħatt ta’ l-iskart, iżda wkoll fid-dawl ta’ l-għan ta’ l-Artikolu 174(2) KE li jipprovdi li l-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed. Għaldaqstant, l-imsemmi kelma “jarmi” m’għandhiex tingħata interpretazzjoni stretta.
(ara l-punti 34-35)
2. Peress li d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE ma tipprovdi ebda kriterju determinanti sabiex tiġi żvelata l-intenzjoni tal-pussessur li jarmi sustanza jew oġġett partikolari, l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, huma liberi fir-rigward ta’ l-għażla tal-metodi ta’ prova ta’ l-elementi varji ddefiniti fid-direttivi li huma jittrasponu sakemm din l-għażla ma tippreġudikax l-effettività tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, jiddefinixxu kategoriji differenti ta’ skart, b’mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ l-immaniġġjar tiegħu, safejn l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva u mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju dwar l-iskart jiġu osservati u li l-kategoriji eventwali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi intiżi għat-traspożizzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu konformi ma’ l-Artikolu 2(1) tagħha.
(ara l-punt 43)
3. Il-lista ta’ kategoriji ta’ skart li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ rimi u rkupru elenkati fl-Annessi II A u II B tiegħu juru li l-kunċett ta’ skart ma jeskludi fil-prinċipju ebda tip ta’ fdal jew sustanzi oħrajn li jirriżultaw mill-proċess ta’ produzzjoni.
Għaldaqstant, l-eżistenza vera ta’ “skart” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) ta’ l-imsemmija direttiva għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tagħha u billi jiġi assigurat li l-effettività tagħha ma tiġix ippreġudikata. Għalhekk, ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu indizzju ta’ azzjoni, intenzjoni jew obbligu li “tarmi” sustanza jew jintrema oġġett, fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizizjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta s-sustanza użata tkun fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, jiġifieri prodott li mhuwiex imfittex bħala tali, il-metodu ta’ estrazzjoni jew il-mod ta’ l-użu ta’ sustanza ma jiddeterminax jekk dan huwiex ikklassifikat bħala skart jew le. Minbarra l-kriterju bbażat fuq jekk sustanza hijiex jew le fdal minn produzzjoni, il-livell ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ din is-sustanza, mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel, jikkostitwixxi kriterju ieħor rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ jekk din is-sustanza hijiex jew le “skart” fis-sens tad-direttiva. Jekk, lil hinn mis-sempliċi possibbiltà li din is-sustanza tintuża mill-ġdid, hemm vantaġġ ekonomiku għall-pussessur li jagħmel hekk, il-probabbiltà ta’ użu mill-ġdid bħal dan hija qawwija. F’każ bħal dan, is-sustanza in kwistjoni ma tistax tibqa’ tiġi analizzata bħala piż li l-pussessur jixtieq jarmi iżda bħala prodott awtentiku. Barra minn dan, sabiex dawn il-materjali jistgħu jiġu kkunsidrati mhux bħala fdal tal-produzzjoni, iżda bħala prodotti sekondarji li l-possessur, minħabba l-intenzjoni manifesta li jerġgħu jintużaw, ma jfittix li “jarmi”, jeħtieġ li l-użu mill-ġdid ta’ oġġett, ta’ materjal jew ta’ materja prima, inkluż il-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi minbarra dak li pproduċieh, ma jkunx biss eventwali, imma ċert, ma jkollux bżonn ta’ trasformazzjoni minn qabel u jkun parti mill-proċess kontinwu ta’ produzzjoni jew ta’ użu. Konsegwentement, minn din is-sitwazzjoni biss ma jistax jitqies li l-materjali in kwistjoni li ser jiġu użati mill-ġdid ma jikkostitwixxux “skart” fis-sens tad-direttiva. Fil-fatt, dak li jseħħ fil-futur fuq oġġett jew fuq sustanza ma jiddeterminax, waħdu, in-natura eventwali tiegħu bħala skart, dan jiġi ddeterminat, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(a) tad-direttiva, meta jitqabbel ma’ l-azzjoni, ma’ l-intenzjoni jew ma’ l-obbligu tal-pussessur ta’ l-oġġett jew tas-sustanza li jarmih.
(ara l-punti 36-37, 40, 42, 44-46, 48-49)
4. L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, ma jipprovdix biss definizzjoni tal-kunċett ta’ “skart” fis-sens tad-Direttiva, imma jiddetermina wkoll, flimkien ma’ l-Artikolu 2(1) tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħhu. L-Artikolu 2(1) jindika liema tip ta’ skart huwa jew jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, u taħt liema kundizzjonijiet, filwaqt li, fil-prinċipju, kull skart li jikkorrispondi għal din id-definizzjoni huwa inkluż. Kull dispożizzjoni tad-dritt intern li tillimita b’mod ġenerali l-portata ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva lil hinn minn dak li huwa awtorizzat mill-Artikolu 2(1) neċessarjament tikser il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija direttiva.
(ara l-punt 53)
5. Id-Direttiva 75/442/KEE dwar l-Iskart, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, ma tistax titqies li tapplika b’mod residwu in konnessjoni mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali dwar is-sigurtà ta’ l-ikel dwar l-iskart prodotti ta’ l-ikel mormija mill-industrija agroalimentari u l-fdal mill-preparazzjoni fi kċejjen tat-tipi kollha ta’ ikel li huwa intiż ghall-produzzjoni ta’ l-għalf. Fil-fatt, anki jekk l-għanjiet ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni jistgħu eventwalment ikunu sovrapposti parzjalment għal dawk tad-direttiva, huma jibqgħu differenti ħafna. Barra minn hekk, barra mill-każ imsemmi espliċitament fl-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmija direttiva, m’hemm xejn f’din id-direttiva li jista’ jindika illi hija ma tapplikax b’mod kumulattiv ma’ leġiżlazzjonijiet oħrajn.
(ara l-punt 55)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Diċembru 2007 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttivi 75/442/KEE u 91/156/KEE – Kunċett ta’ ‘skart’ – Fdal ta’ ikel li ġej mill-industrija agroalimentari intiż għall-produzzjoni ta’ l-għalf – Fdal li ġej minn preparazzjoni ta’ ikel fi kċejjen intiż għal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi”
Fil-kawża C‑195/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-2 ta’ Mejju 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, bħala aġent, assistit minn G. Bambara, avvocato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li r-Repubblika Taljana,
– billi adottat struzzjonijiet operattivi li huma validi ghat-territorju nazzjonali kollu, stabbiliti b’mod partikolari fiċ-ċirkulari tal-Ministeru għall-Ambjent tat-28 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari ta’ Ġunju 1999”), li għandha gwida ta’ interpretazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ skart, u ċ-ċirkulari tal-Ministeru għas-Saħħa li għandu linji gwida dwar ir-rekwiżiti ta’ saħħa u iġjene dwar l-użu, fl-ikel ta’ l-annimali, ta’ materjali u ta’ prodotti sekondarji li ġejjin miċ-ċiklu produttiv u kummerċjali ta’ l-industrija agroalimentari, tat-22 ta’ Lulju 2002 (GURI Nru 180, tat-2 ta’ Awwissu 2002, rettifika, GURI Nru 245, tat-18 ta’ Ottubru 2002, iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari ta’ l-2002”), li jeskludu mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart prodotti ta’ l-ikel mormija mill-industrija agroalimentari li huma intiżi ghall-produzzjoni ta’ l-għalf; u
– billi eskludiet, permezz ta’ l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 179 tal-31 ta’ Lulju 2002, (GURI Nru 189, tat-13 ta’ Awwissu 2002, iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 179/2002”) mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart fdal mill-preparazzjoni fi kċejjen tat-tipi kollha ta’ ikel solidu, imsajjar jew nej, li ma jkunx daħal fil-katina ta’ tqassim u li huwa intiż ghal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi,
naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L 194, p.39), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU L 78, p.32) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Skond l-Artikolu 1(a) u (c) tad-Direttiva, għall-finijiet tagħha, għandu jinftiehem bi:
“a) skart: kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi.
Il-Kummissjoni, hija u taġixxi b’mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, se tfassal, mhux iktar tard mill-1 ta’ April 1993, lista ta’ l-iskartijiet li jappartjienu għall-kategoriji mniżżla fil-lista fl-Anness I. Din il-lista trid tiġi riveduta perjodikament u, jekk meħtieġ, riveduta bl-istess proċedura;
[…]
c) pussessur: il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li jkollha l-iskart fil-pussess tagħha”.
3 L-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ rimi u ta’ rkupru ta’ l-iskart bħala operazzjonijiet previsti fl-Annessi II A u II B tad-Direttiva rispettivament.
4 L-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva jelenka l-iskart li għandu jitħalla barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva: “fejn ikunu diġà koperti b’liġijiet oħra”.
5 L-Anness I tad-Direttiva 75/442, intitolat “Il-Kategoriji ta’ L-Iskart”, jinkludi, fil-kategorija Q14, “[i]Il-prodotti li għalihom il-pussessur ma jkollux iktar użu (per eżempuju l-iskart mill-biedja, mid-djar, mill-uffiċċji, mill-kummerċ u mill-ħwienet, eċċ.)” u, fil-kategorija Q16 “[k]ull materjal, sustanza jew prodott li ma jkunux inklużi fil-kategoriji ta’ hawn fuq”.
6 Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 94/3/KE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, li tistabbilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva [iktar ’il quddiem il-“lista Ewropea ta’ l-iskart”] (ĠU 1994, L 5, p. 15). Din il-lista ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE, tat-3 ta’ Mejju 2000, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE, li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, p. 3). Il-lista ta’ skart stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2000/532 ġiet emendata diversi drabi, l-aħħar darba bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/573/KE, tat-23 ta’ Lulju 2001 (ĠU L 203, p. 18). Din il-lista tinkludi klassifikazzjoni ta’ l-iskart skond min fejn ġejjin. Il-Kapitolu 2 huwa intitolat “Skart minn produzzjoni primarja agrikola, ortikulturali, tal-kaċċa, tas-sajd u akwakulturali, tas-silvikultura, kif ukoll mill-preparazzjoni u ta’ proċessar ta’ ikel”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 L-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22, li jimplementa d-Direttivi 91/156/KEE dwar l-iskart, 91/689/KEE fuq skart perikoluż u 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, tal-5 ta’ Frar 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97”), huwa fformulat kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ dan id-Digriet:
a) ‘skart’ tfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness A li l-pussessur iwarrab jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel jarmi.
[…]
8 L-Artikolu 8(1) ta’ l-imsemmi digriet jeskludi ċerti sustanzi jew materjali mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, sa fejn ikunu koperti minn leġiżlazzjoni speċifika, inkluż, taħt il-punt c), “karkassi ta’ annimali u skart agrikolu li ġej minn: ħmieġ ta’ l-annimali u sustanzi naturali mhux perikolużi oħra użati fil-biedja”.
9 L-Artikolu 23(1)(b) tal-liġi Nru 179/2002 daħħlet fl-Artikolu 8(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97 il-punt (ċ-a), li bih huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi digriet “il-fdal u l-ikel żejjed li ġej mill-preparazzjoni fi kċejjen ta’ ikel solidu ta’ kull tip, imsajjar jew nej, li ma jkunx daħal fis-sistema ta’ tqassim, intiż ghal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi kif imsemmija mil-Liġi Nru 281 ta’ l-14 ta’ Awwissu 1991, kif emendata iktar tard, skond il-leġizlazzjoni fid-seħħ”.
10 Iċ-ċirkulari ta’ Ġunju 1999 tippreċiża d-definizzjoni tal-kelma “skart” li hemm fl-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97 u tgħid fit-tielet paragrafu (b):
“il-materjali, is-sustanzi u l-oġġetti li ġejjin minn ċikli produttivi jew ta’ konsum minn qabel, li ma jiġux mormija mill-possessur tagħhom, li mhuwiex obbligat li jarmi u li mhux beħsiebu jarmi u li għaldaqstant, il-possessur ma jagħtix lis-sistemi ta’ ġbir jew ta’ trasport ta’ l-iskart, ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart sabiex ikun hemm rkupru jew rimi, huma suġġetti ghar-regoli ta’ materja prima, mhux għas-sistema ta’ l-iskart, sakemm ikollhom il-karatteristiċi ta’ materja prima sekondarja kif imsemmija permezz tad-digriet Ministerjali [dwar l-identifikazzjoni ta’ skart mhux perikoluż suġġett għall-proċedura ta’ valorizzazzjoni sempliċi skond l-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997], tal-5 ta’ Frar 1998 [(supplement ordinarju għall-GURI Nru 88, tas-16 ta’ April 1998)] u jkunu direttament iddestinati, b’mod oġġettiv u effettiv, għall-użu f’ċiklu produttiv”.
11 Iċ-ċirkulari ta’ l-2002 hija fformulata kif ġej:
“[...]
“Sakemm ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ iġjene jiġu sodisfatti, materjali u prodotti sekondarji li ġejjin mill-ipproċessar fl-industrija agroalimentari huma ‘materja prima għall-għalf’ fejn il-produttur jixtieq jużahom fiċ-ċiklu ta’ l-ikel żootekniku.
F’każ bħal dan, dawn il-materjali mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, iżda għad-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni u l-marketing ta’ l-għalf u, fil-każ ta’ prodotti li ġejjin minn annimali, għal-leġiżlazzjoni tas-saħħa rilevanti li tkun fis-seħħ. [...]
[...]
Fin-nuqqas tal-garanziji msemmija [fil-punt preċedenti] rigward id-destinazzjoni effettiva tagħhom għall-għalf, il-materjali u l-prodotti sekondarji li ġejjin miċ-ċiklu produttiv u kummerċjali ta’ l-industrija agroalimentari għandhom ikunu suġġetti ghas-sistema legali dwar l-iskart” [...]
[...]”
Il-proċedura prekontenzjuża
12 B’ittri tal-11 u tad-19 ta’ Ġunju, tat-28 ta’ Awwissu u tas-6 ta’ Novembru 2001 kif ukoll ta’ l-10 ta’ April 2002, l-awtoritajiet Taljani rrispondew għal ittra ta’ intimazzjoni tat-22 ta’ Ottubru 1999 u għall-ewwel opinjoni motivata tal-11 ta’ April 2001, li bihom il-Kummissjoni sostniet illi, billi adottat struzzjonijiet operattivi obbligatorji dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana fuq l-iskart li jeskludu mill-applikazzjoni tagħhom ċerti fdal u ikel żejjed – li ġej mill-industrija agroalimentari, minn canteens u ristoranti, u intiżi għall-għalf –, ir-Repubblika Taljana kienet qed tikser id-Direttiva.
13 Fid-dawl ta’ l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-adattament tal-leġiżlazzjoni Taljana għar-rekwiżiti ta’ l-opinjoni motivata kien jeħtieġ bdil sostanzjali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni bagħtet, fid-19 ta’ Diċembru 2002, ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Taljani, li għaliha ħadu pożizzjoni b’ittra tat-13 ta’ Frar 2003.
14 Il-Kummissjoni wara bagħtet, fil-11 ta’ Lulju 2003, opinjoni motivata, u talbet lir-Repubblika Taljna tikkonforma ruħha f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni.
15 Peress li, b’ittra ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, l-awtoritajiet Taljani baqgħu jikkontestaw il-validità ta’ l-argument tal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar ressqet dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
16 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, illi l-leġiżlazzjoni kontenzjuża nazzjonali tmur lil hinn mill-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ipoteżijiet li fihom ma tistax tikkunsidra bħala skart materjal li ġej minn proċess ta’ produzzjoni li mhuwex iddestinat prinċipalment li jipproduċihom.
F’dak li jikkonċerna l-fdal ta’ ikel li ġej mill-industrija agroalimentari u ddestinat għall-produzzjoni ta’ għalf.
17 Il-Kummissjoni ssostni li l-istruzzjonijiet operattivi fformulati fiċ-ċirkularijiet ta’ Ġunju 1999 u ta’ Lulju 2002 għandhom l-effett li jeskludu mir-regoli nazzjonali ta’ amministrazzjoni dwar skart il-fdal ta’ l-ikel użat fil-produzzjoni ta’ għalf suġġett għall-osservanza tar-regoli iġjeniċi u ta’ saħħa speċifiċi. Skond dawn l-istruzzjonijiet operattivi, ikun biżżejjed li fdal ta’ l-industrija agroalimentari jkun intiż għall-produzzjoni ta’ l-għalf skond il-ħsieb manifest tal-possessur tiegħu sabiex dan il-fdal jiġi eskluż mir-regoli ta’ l-iskart.
18 Issa, skond il-Kummissjoni, il-fatt li fdal ta’ produzzjoni jista’ jerġa’ jintuża mingħajr ipproċessar minn qabel ma jistax jitqies li jipprekludi lill-possessur milli jarmih jew milli jkollu l-ħsieb jew l-obbligu li jarmih.
19 Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, għal dak li jirrigwarda biss prodotti sekondarji, li jekk il-possessur jieħu vantaġġ ekonomiku, jista jiġi konkluż li dan ta’ l-aħħar ma “jarmix” il-prodott sekondarju, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-direttiva. Madankollu, peress li l-kunċett ta’ skart għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva tista’ tiġi aċċettata biss f’ċerti kundizzjonijiet flimkien, li bihom jista’ jitqies li l-użu mill-ġdid mhuwiex sempliċiment eventwali, iżda ċert, mingħajr ipproċessar minn qabel u parti integrali tal-proċess ta’ produzzjoni.
20 Skond il-Kummissjoni, għandu, barra minn dan, jiġi evalwat il-livell ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ materjal u fuq kollox, jiġi vverifikat li dan jiġi użat mill-ġdid fl-istess proċess ta’ produzzjoni minn dak li minnu jkun ħareġ. Issa, bil-kontra tat-teżi li tiddefendi r-Repubblika Taljana, ma jistax jkun hemm proċess uniku ta’ produzzjoni meta skart ta’ ikel ikun effettivament intiż li jiġi użat bħala għalf. Is-sempliċi fatt li dan l-iskart jiġi trasferit mill-operatur li pproduċihom għal min jużhom jippreżupponi li hemm numru ta’ operazzjonijiet (ħażna, ipproċessar u trasport) li d-direttiva hija intiża li tikkontrolla.
21 Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-materjali u l-prodotti sekondarji li joħorġu mill-proċess ta’ produzzjoni ta’ l-industrija agroalimentari huma “materja prima għall-għalf ta’ l-annimali” skond iċ-ċirkolari ta’ l-2002, meta l-produttur taghħom ikollu l-ħsieb jużahom fiċ-ċiklu ta’ ikel żootekniku, bir-riżerva li ċerti kundizzjonijiet ta’ iġjene u saħħa jitħarsu. Dan il-ħsieb, flimkien ma’ l-użu mill-ġdid ċert ta’ dawn il-prodotti sekondarji, jikkostitwixxi prova biżżejjed tan-nuqqas ta’ intenzjoni tal-possessur li “jarmi” l-materjal in kwistjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-direttiva.
22 Għal dan l-Istat Membru, l-eċċezzjoni prevista mill-istruzzjonijiet operattivi bl-ebda mod ma tikkostitwixxi eċċezzjoni a priori ta’ fdal ta’ l-ikel li ġej mill-industrija agroalimentari għar-regoli nazzjonali ta’ l-iskart, peress li din l-eċeezzjoni hija fir-realtà suġġetta għar-rieda manifesta tal-possessur ta’ dan l-iskart li jużahom fiċ-ċiklu ta’ produzzjoni ta’ l-għalf, iżda wkoll għall-użu mill-ġdid ċert ta’ l-imsemmi skart.
23 F’dan il-każ, l-iskart in kwistjoni ma jkunx suġġett għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, iżda għad-diispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni u l-marketing ta’ l-għalf, b’mod partikolari r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU L 31. p.1) kif ukoll, jekk jirrigwarda prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali, għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 273, p.1).
24 Huma wkoll applikabbli d-dispożizzjonijiet imsejħa “HACCP” [hazard analysis and critical control points (punti ta’ l-analiżi u l-kontroll kritiku tal-perikli)] prevista minn:
– ir-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 139, p.1), Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, p.55) u Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139. p.206 );
– ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005, li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene ta’ l-għalfl (ĠU L 35, p. 1), kif ukoll
– ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (ĠU L 165, p. 1).
25 Dawn ir-regolamenti dwar l-ikel, kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern marbuta magħhom huma intiżi, bħad-direttiva, għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ ħażna, ta’ pproċessar kif ukoll ta’ transport u, jiggarantixxu protezzjoni adegwat tas-saħħa, waqt li jkunu wkoll adatti li jħarsu l-ambjent.
26 Fil-fehma tar-Repubblika Taljana, il-kontrolli li saru fil-katina ta’ l-ikel, intiżi b’mod partikolari li jiggarantixxu r-rintraċċabbiltà tal-prodotti u l-materja prima għall-għalf ta’ l-annimali mill-unità ta’ produzzjoni, huma tali li hemm lok li jitqies li din il-katina hija proċess wieħed u uniku ta’ produzzjoni. Dan l-Istat Membru jfakkar ukoll illi, fl-Italja, l-attivitajiet dwar il-qasam agroalimentari u l-qasam ta’ l-għalf huma suġġetti għal awtorizzazzjoni li tingħata abbażi ta’ dokumenti xierqa li jiċċertifikaw li kemm il-persuni li jitolbu din l-awtorizzazzjoni kif ukoll l-istrutturi u l-mezzi ta’ trasport jissodisfaw il-kundizzjonijiet preskritti.
27 L-imsemmi Stat Membru jqis li l-Kummissjoni trid li tipprevali l-leġiżlazzjoni fuq l-iskart, li hija ġenerali iżda residwa, fuq ir-regoli sostanzjali u speċifiċi li jirregolaw l-industrija ta’l-ikel.
28 Barra minn dan, l-approċċ tal-Kummissjoni għandu bħala effett li jfixkel l-użu ta’ prodotti sekondarji ta’ l-ikel għall-produzzjoni ta’ l-għalf, peress li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-oġġetti ta’ l-ikel ma tippermettix li dawn il-prodotti sekondarji, li għandhom ikunu kklassifikati fil-kategorija ta’ skart u jkunu, għalhekk, ittrasportati minn vettura liċenzjata li ġġorr l-iskart, li jistgħu jiġu kkunsinnati lil industrija ta’ l-għalf. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni żżid il-produzzjoni u l-eliminazzjoni ta’ skart ta’ l-ikel billi tfixkel l-użu tagħhom mill-ġdid bħala prodotti.
F’dak li jikkonċerna l-fdal u l-ikel żejjed li ġej minn preparazzjoni ta’ ikel fi kċejjen intiż għal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi
29 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 179/2002 għandu l-effett li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97 il-“fdal u l-ikel żejjed li ġej mill-preparazzjoni fi kċejjen ta’ ikel solidu ta’ kull tip, imsajjar jew nej, li ma daħalx fis-sistema ta’ tqassim, intiż ghal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi”. Skond il-Kummissjoni, ma tistax tippretendi li l-possessur ta’ dan il-fdal m’għandux ħsieb li jarmih, kif barra dan huwa kkonfermat fl-Artikolu 8 ta’ l-imsemmi Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97.
30 Ir-Repubblika Taljana ssostni li, ukoll fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni intiża bit-tieni element tar-rikors tal-Kummissjoni, il-possessur għandu juri l-intenzjoni tiegħu li ma jarmix il-fdal jew l-ikel żejjed billi jistabbilixxi d-destinazzjoni effettiva tagħhom għal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi awtorizzati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn dan, l-esklużjoni mil-leġiżlazzjoni fuq l-iskart jikkonċerna dejjem, fir-realtà, ikel żejjed u mhux “fdalijiet” ta’ produzzjoni. Leġiżlazzjoni li tippreċiża dan qegħda fil-proċess li tiġi adottata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 Huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni Taljana msemmija minn dan ir-rikors teskludi, minn naħa, il-fdal ta’ l-ikel li ġej mill-industrija agroalimentari u, min-naħa l-oħra, il-fdal jew ikel żejjed li ġej minn prepazzjonijiet tal-kċejjen li ma daħalx fil-katina ta’ produzzjoni (iktar ’il quddiem, il-“materjali in kwistjoni”) mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-direttiva meta dawn il-materjali huma intiżi kemm għall-produzzjoni ta’ ikel għall-annimali kemm direttament, jew sabiex jittieklu mill-annimali fil-faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi.
32 Biż-żewġ elementi tar-rikors tagħha, illi għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni ssostni fis-sustanza li l-imsemmija leġiżlazzjoni tinterpeta ħażin il-kunċett ta’ skart kif iddefinit fl-Artikolu 1(a) tad-direttiva, billi tiddaħħal deroga ġenerali wisq fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iskart, li għandha l-effett li teskludi awtomatikament, u b’mod żbaljat, il-materjali in kwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq l-amministrazzjoni ta’ l-iskart li joħorġu mid-direttiva.
33 Ir-Repubblika Taljana tirrispondi, essenzjalment, li, meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni msemmija mir-rikors, il-materjali in kwistjoni ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ skart fis-sens tad-direttiva, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.
34 F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva jiddefinixxi l-iskart bħala “kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I [ta’ din id-direttiva], li l-pussessur jarmi jew ikun beħsiebu [...] li jarmi”. Dan l-Anness jippreċiża u jikkjarifika din id-definizzjoni billi jipproponi lista ta’ sustanzi u oġġetti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala skart. Madankollu, din il-lista hija sempliċement indikattiva peress li d-deskrizzjoni ta’ skart tirriżulta qabel kollox mill-imġiba tal-pussessur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 26; tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et, C‑1/03, Ġabra p. I‑7613, punt 42, kif ukoll ta’ l-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities, C‑252/05, Ġabra p. I-3883, punt 24).
35 Il-kelma “jarmi” għandha tiġi interpretata mhux biss fid-dawl ta’ l-għan essenzjali tad-Direttiva 75/442, li, skond it-tielet premessa tagħha hija “l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mill-ħatt ta’ l-iskart”, iżda wkoll fid-dawl ta’ l-għan ta’ l-Artikolu 174(2) KE. Dan jipprovdi li “[i]l-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Komunità. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed […]”. Għaldaqstant, il-kelma “jarmi” m’għandhiex tingħata interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C‑418/97 u C‑419/97, Ġabra p. I‑4475, punti 36 sa 40, kif ukoll Thames Water Utilities, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
36 Ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu indizzju ta’ azzjoni, intenzjoni jew obbligu ta’ “jarmi” ta’ sustanza jew jintrema oġġett, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva (sentenza ARCO Chemie Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta s-sustanza użata tkun fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, jiġifieri prodott li mhuwiex imfittex bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ARCO Chemie Nederland et, iċċitata aktar ’il fuq, punt 84, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2004, Niselli, C-457/02, Ġabra P. I-10853, punt 43).
37 Barra minn hekk, il-metodu ta’ estrazzjoni jew il-mod ta’ l-użu ta’ sustanza ma jiddeterminax jekk dan huwiex ikklassifikat bħala skart jew le (ara s-sentenzi ARCO Chemie Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64, u ta’ l-1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec, C-176/05, Ġabra p. I-1721, punt 52).
38 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li l-implementazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru msemmija rispettivament fl-Annessi II A jew II B tad-Direttiva ma tippermettix, waħedha, li tikklassifika sustanzi jew oġġetti użati f’dawn l-operazzjonijiet bħala skart (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Niselli, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37) u min-naħa l-oħra, li l-kunċett ta’ skart ma jeskludix is-sustanzi jew l-oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw ekonomikament mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Gunju 1997, Tombesi et, C-304/94, C-330/94, C-342/94 u C-224/95, Ġabra p. I-3561, punti 47 u 48). Fil-fatt, is-sistema ta’ sorveljanza u ta’ mmaniġġjar stabbilita mid-direttiva hija intiża li tkopri l-oġġetti u s-sustanzi kollha li s-sid jarmi, anki jekk għandhom valur kummerċjali u jinġabru kummerċjalment bl-għan ta’ riċiklaġġ, irkupru jew użu mill-ġdid (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C-9/00, Ġabra p. I-3533, aktar ’il quddiem “Palin Granit”, punt 29).
39 Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, f’ċerti sitwazzjonijiet, materjal, prodott jew materja prima minn proċess ta’ estrazzjoni jew ta’ manifattura li mhuwiex intiż għall-produzzjoni tiegħu ma jistax jikkostitwixxi fdal, imma prodotti sekondarji li l-pussessur ma jfittixx li “jarmi”, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, imma li jkollu l-intenzjoni li juża jew jikkummerċjalizza - inkluż, skond il-każ, għall-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi minbarra dak li jkun ipproduċih, f’kundizzjonijiet vantaġġużi għalih, fi proċess sussegwenti, bil-kundizzjoni li dan l-użu mill-ġdid ikun ċert, ma jkollux bżonn ta’ trasformazzjoni minn qabel u jkun jinsab fil-proċess tal-produzzjoni jew ta’ l-użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Palin Granit, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 sa 36; tal-11 ta’ Settembru 2003, AvestaPolarit Chrome, C-114/01, Ġabra I-8725, punti 33 sa 38; Niselli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-416/02, Ġabra p. I-7487, punti 87 sa 90, u Il-Kummissjoni vs Spanja, C-121/03, Ġabra p. I-7569, punti 58 u 61).
40 Wara kollox, minbarra l-kriterju bbażat fuq jekk sustanza hijiex jew le fdal minn produzzjoni, il-livell ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ din is-sustanza, mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel, jikkostitwixxi kriterju ieħor rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ jekk din is-sustanza hijiex jew le “skart” fis-sens tad-Direttiva. Jekk, lil hinn mis-sempliċi possibbiltà li din is-sustanza tintuża mill-ġdid, hemm vantaġġ ekonomiku għall-pussessur li jagħmel hekk, il-probbabiltà ta’ użu mill-ġdid bħal dan hija qawwija. F’każ bħal dan, is-sustanza in kwistjoni ma tistax tibqa’ tiġi analizzata bħala piż li l-pussessur jixtieq jarmi iżda bħala prodott awtentiku (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Palin Granit, punt 37, u Niselli, punt 46).
41 Madankollu, jekk dan l-użu mill-ġdid jimplika operazzjonijet ta’ ħażna fuq tul ta’ żmien, u għalhekk jikkostitwixxi piż fuq il-pussessur kif ukoll kawża potenzjali tat-tniġġis ta’ l-ambjent li d-direttiva tfittex li tillimita, dan ma jistax ikun ikkwalifikat bħala ċert u huwa biss imfittex għall-perijodu bejn wieħed u ieħor fit-tul, b’mod li, fil-prinċipju, is-sustanza in kwistjoni għandha titqies li hija skart (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Palin Granit, punt 38, u AvestaPolarit Chrome, punt 39).
42 Għaldaqstant, l-eżistenza vera ta’ “skart” fis-sens tad-Direttiva għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tagħha u billi jiġi assigurat li l-effettività tagħha ma tiġix ippreġudikata (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ARCO Chemie Nederland et, punt 88, u KVZ retec, punt 63, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Jannar 2004, Saetti u Frediani, C-235/02, Ġabra p. I-1005, punt 40).
43 Peress li d-Direttiva ma tipprovdi ebda kriterju determinanti sabiex tiġi żvelata l-intenzjoni tal-pussessur li jarmi sustanza jew oġġett partikolari, l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, huma liberi fir-rigward ta’ l-għażla tal-metodi ta’ prova ta’ l-elementi varji ddefiniti fid-direttivi li huma jittrasponu sakemm din l-għażla ma tippreġudikax l-effettività tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ARCO Chemie Nederland et, punt 41, kif ukoll Niselli, punt 34). Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, jiddefinixxu kategoriji differenti ta’ skart, b’mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ l-immaniġġjar tiegħu, safejn l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva u mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju dwar l-iskart jiġu osservati u li l-kategoriji eventwali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi intiżi għat-traspożizzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu konformi ma’ l-Artikolu 2(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-62/03, li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 12).
44 F’din il-kawża, ir-Repubblika Taljana tqis, sostanzjalment, li, bħall-eċċezzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni msemmija huma, fis-sens tagħha, suġġetti mhux biss għall-intenzjoni manifesta tal-possessur tal-materjali li għandhom ikunu intiżi għall-għalf, iżda wkoll għall-użu mill-ġdid ċert ta’ dawn il-materjali, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 39 u 40 tal-preżenti sentenza tapplika, hekk li dawn il-materjali jistgħu jiġu kkunsidrati mhux bħala fdal tal-produzzjoni, iżda bħala prodotti sekondarji li l-possessur, minħabba l-intenzjoni manifesta li jerġgħu jintużaw, ma jfittix li “jarmi” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-direttiva. Jibqa’ l-fatt, f’dan il-każ, ta’ regoli oħrajn, b’mod partikolari dawk dwar is-sigurtà ta’ l-ikel, li japplikaw. Issa, dawn l-aħħar regoli huma intiżi, huma wkoll, li jikkontrollaw il-ħażna, l-ipproċessar u t-trasport tal-materjali in kwistjoni u jkunu adatti, peress li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa, li jħarsu l-ambjent b’mod analogu għad-direttiva.
45 Għandu jiġi mfakkar mill-ewwel f’dan ir-rigward li l-lista ta’ kategoriji ta’ skart li tinsab fl-Anness I tad-direttiva kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ rimi u rkupru elenkati fl-Annessi II A u II B tiegħu juru li l-kunċett ta’ skart ma jeskludi fil-prinċipju ebda tip ta’ fdal jew sustanzi oħrajn li jirriżultaw mill-proċess ta’ produzzjoni (ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
46 Madankollu, fid-dawl ta’ l-obbligu mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li jiġi interpretat b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ skart u l-eżiġenzi tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 36 sa 41 ta’ din is-sentenza, l-argument tal-Gvern Taljan rigward prodotti sekondarji li l-pussessur ma jixtieqx jarmi, għandu jiġi limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid ta’ oġġett, ta’ materjal jew ta’ materja prima, inkluż il-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi minbarra dak li pproduċieh, ma jkunx biss eventwali, imma ċert, ma jkollux bżonn ta’ trasformazzjoni minn qabel u jkun parti mill-proċess kontinwu ta’ produzzjoni jew ta’ użu.
47 Issa, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana magħmula fil-punt 21 tal-preżenti sentenza li r-regoli msemmija fir-rikors jipprevedu l-possibbiltà li l-materjali in kwistjoni jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iskart ukoll meta dawn il-materjali jkunu suġġetti għal ipproċessar previst mil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali fis-seħħ.
48 Barra minn dan, anki jekk wieħed jassumi li jista’ jiġi assigurat li l-materjali in kwistjoni jkunu verament użati mill-ġdid għall-għalf – peress li l-intenzjoni biss li dawn il-materjali jkunu ddestinati għall-għalf, anki jekk dan ikun iċċertifikat bil-miktub minn qabel, mhuwiex madankollu assimilabbli ma’ użu effettiv tagħhom għal dan il-għan –, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza li l-mod ta’ kif tintuża sustanza ma jiddeterminax jekk din hijiex skart jew le. Konsegwentement, minn din is-sitwazzjoni biss ma jistax jitqies li l-materjali in kwistjoni li ser jiġu użati mill-ġdid ma jikkostitwixxux “skart” fis-sens tad-Direttiva.
49 Fil-fatt, dak li jseħħ fil-futur fuq oġġett jew fuq sustanza mhuwiex fin innifsu deċiżiv dwar in-natura eventwali tiegħu bħala skart, dan jiġi ddeterminat, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, meta jitqabbel ma’ l-azzjoni, ma’ l-intenzjoni jew ma’ l-obbligu tal-pussessur ta’ l-oġġett jew tas-sustanza li jarmih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, ARCO Chemie Nederland et, punt 64, kif ukoll KVZ retec, punt 52).
50 Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet ikkontestati jidher li fil-verità dawn jistabbilixxu preżunzjoni li tgħid li, fis-sitwazzjonijiet li huma jipprevedu, il-materjali in kwistjoni huma prodott sekondarju li fir-rigward tal-pussessur tiegħu, minħabba r-rieda tiegħu li jerġgħu jintużaw mill-ġdid, jimplikaw vantaġġ ekonomiku jew valur ekonomiku iktar milli piż li huwa jfittex jarmi.
51 Issa, anki jekk din is-sitwazzjoni tikkorrispondi għal sitwazzjonijet veri f’ċerti każijiet, ma jistax ikun hemm preżunzjoni ġenerali li l-pussessur tal-materjali in kwistjoni jkollu vantaġġ mill-użu mill-ġdid tagħhom li jmur lil hinn mis-sempliċi fatt li jista’ jarmihom.
52 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija leġiżlazzjoni twassal li tneħħi l-kwalifika ta’ skart fid-dritt Taljan il-fdal li jikkorrispondi għad-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva.
53 Din l-aħħar dispożizzjoni ma tipprovdix biss definizzjoni tal-kunċett ta’ “skart” fis-sens tad-Direttiva, imma tiddetermina wkoll, flimkien ma’ l-Artikolu 2(1) tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 2(1) jindika liema tip ta’ skart huwa jew jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u taħt liema kundizzjonijiet, filwaqt li, fil-prinċipju, kull skart li jikkorrispondi għal din id-definizzjoni huwa inkluż. Issa, kull dispożizzjoni tad-dritt intern li tillimita b’mod ġenerali l-portata ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva lil hinn minn dak li huwa awtorizzat mill-Artikolu 2(1) neċessarjament tikser il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata aktar ’il fuq, punt 11), u għalhekk tippreġudika l-effettività ta’ l-Artikolu 174 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il, ARCO Chemie Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
54 Rigward il-leġiżlazzjonijiet Komunitarji u nazzjonali msemmija fil-punti 23 sa 25 tal-preżenti sentenza, li fuqha r-Repubblika Taljana tibbaża ruħha sabiex issostni, fis-sustanza, li l-kuntest leġiżlattiv Komunitarju u nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà dwar oġġetti ta’ l-ikel u għalf jirrendi impossibbli l-klassifikazzjoni tal-materjali in kwistjoni bħala skart, biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn il-materjali ma jiġux ikklassifikati, fil-prinċipju, bħala sustanzi u oġġetti msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, b’mod li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tagħha prevista minn din id-dispożizzjoni ma tistax tikkonċerna l-imsemmija materjali. Għandu jiġi mfakkar barra dan illi xejn fid-direttiva ma jindika illi hija ma tikkonċernax l-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru li jagħmlu parti minn proċess ta’ produzzjoni industrijali meta din ma tidhirx li tikkostitwixxi periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent (sentenza Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
55 Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Taljana, id-Direttiva ma tistax titqies li tapplika b’mod residwu in konnessjoni mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali dwar is-sigurtà ta’ l-ikel. Fil-fatt, għalkemm l-għanjiet ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni jistgħu eventwalment ikunu sovrapposti parzjalment għal dawk tad-direttiva, huma jibqgħu differenti ħafna. Barra minn hekk, barra mill-każ imsemmi espliċitament fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, m’hemm xejn f’din id-direttiva li jista’ jindika illi hija ma tapplikax b’mod kumulattiv ma’ leġiżlazzjonijiet oħrajn.
56 Fl-aħħar nett, rigward l-argument tar-Repubblika Taljana li bih l-applikazzjoni tad-Direttiva tfixkel l-użu mill-ġdid ta’ fdal ta’ l-ikel peress li dan il-fdal għandu jiġi ttrasportat f’vetturi awtorizzati li jġorru skart li ma jissodisfawx ir-regoli indispensabbli ta’ iġjene, il-Kummissjoni ġustament enfasizzat li l-oriġini ta’ din is-sitwazzjoni tinsab fil-leġiżlazzjoni Taljana u mhux fid-Direttiva.
57 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.
58 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana,
– billi adottat struzzjonijiet operattivi li huma validi ghat-territorju nazzjonali kollu, stabbiliti b’mod partikolari fiċ-ċirkulari ta Ġunju 1999 u ċ-ċirkulari ta’ l-2002, li jeskludu mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart prodotti ta’ l-ikel mormija mill-industrija agroalimentari li huma intiżi ghall-produzzjoni ta’ l-għalf; u
– billi eskludiet, permezz ta’ l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 179/2002, mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart fdal mill-preparazzjoni fi kċejjen tat-tipi kollha ta’ ikel solidu, imsajjar jew nej, li ma daħalx fil-katina ta’ tqassim u li huwa intiż ghal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi,
naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
59 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-Repubblika Taljana,
– billi adottat struzzjonijiet operattivi li huma validi ghat-territorju nazzjonali kollu, stabbiliti b’mod partikolari fiċ-ċirkulari tal-Ministeru għall-Ambjent tat-28 ta’ Ġunju 1999 li għandha gwida ta’ interpretazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ skart, u ċ-ċirkulari tal-Ministeru għas-Saħħa li għandu linji gwida dwar ir-rekwiżiti ta’ saħħa u iġjene dwar l-użu, fl-għalf ta’ l-annimali, ta’ materjali u ta’ prodotti sekondarji li ġejjin miċ-ċiklu produttiv u kummerċjali ta’ l-industrija agroalimentari, tat-22 ta’ Lulju 2002, li jeskludu mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart prodotti ta’ l-ikel mormija mill-industrija agroalimentari li huma intiżi ghall-produzzjoni ta’ l-għalf; u
– billi eskludiet, permezz ta’ l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 179 tal-31 ta’ Lulju 2002, mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart, fdal mill-preparazzjoni fi kċejjen tat-tipi kollha ta’ ikel solidu, imsajjar jew nej, li ma daħalx fil-katina ta’ tqassim u li huwa intiż ghal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi,
naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L 194, p.39), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991.
2) Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.