SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

tas-7 ta' Settembru 2006 (*)

"Redundancies kollettivi – Direttiva 75/129/KEE – Artikolu 1(2)(d) – Twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja – Twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment li jirriżulta mill-inizjattiva ta' min iħaddem biss"

Fil-kawżi magħquda C-187/05 sa C-190/05,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Areios Pagos (il-Greċja), permezz ta' deċiżjonijiet tas-17 ta' Marzu 2005, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' April 2005, fil-kawżi

Georgios Agorastoudis et. (C‑187/05),

Ioannis Pannou et. (C‑188/05),

Kostandinos Kotsabougioukis et. (C‑189/05),

Georgios Akritopoulos et. (C‑190/05)

vs

Goodyear Hellas ABEE,

fil-preżenza ta':

Geniki Synomospondia Ergaton Elladas (GSEE),

Ergatoypalliliko kentro Thessalonikis (C‑187/05 u C‑189/05),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, E. Juhász (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' April 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sur Agorastoudis et, minn A. Kazakos, dikigoros,

–       għas-Sur Pannou et, minn A. Kazakos, dikigoros,

–       għas-Sur Kotsabougioukis et, minn A. Kazakos, dikigoros,

–       għas-Sur Akritopoulos et, minn A. Kazakos, dikigoros,

–       għal Goodyear Hellas ABEE, minn K. Kremalis u I.-D. Filiotis, dikigori,

–       għal Geniki Synomospondia Ergaton Elladas (GSEE), minn A. Kazakos, dikigoros,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, li ttieħdet wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 48, p. 29).

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' kawżi bejn ħaddiema li tkeċċew u min kien iħaddimhom qabel, rigward ir-regolarità tar-redundancy kollettiv tagħhom li seħħ wara t-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment deċiż biss minn min kien iħaddimhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-Direttiva 75/129, li hija bbażata fuq l-Artikolu 100 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 100 tat-Trattat KE u li iktar tard sar l-Artikolu 94 KE), hija intiża, skond l-ewwel premessa tagħha, sabiex "ikun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta' redundancies kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta' żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat fil-Komunità" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fit-tieni premessa ta' din id-Direttiva, huwa kkonstatat li "minkejja ż-żieda ta' konverġenza, għad hemm differenzi bejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri dwar il-modalitajiet u l-proċedura għar-redundancies kollettivi u l-miżuri li jistgħu jtaffu l-konsegwenzi ta' dawn ir-redundancies għall-ħaddiema" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal din raġuni, il-ħames premessa ta' l-imsemmija Direttiva tipprovdi li huwa neċessarju li l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri tiġi inkoraġġuta waqt li jitkompla l-progress, fis-sens ta' l-Artikolu 117 tat-Trattat KEE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE).

4       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/129 jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tagħha b'dan il-mod:

"1.      Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

a)      "redundancies kollettivi" ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta' l-Istati Membri, in-numru tar- redundancies huwa:

–       jew, fuq perijodu ta' 30 ġurnata:

1.      mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

2.      mill-inqas 10 % tan-numru ta' ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

3.      mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

–       jew, fuq perijodu ta' 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta' impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti in kwistjoni;

[…]

2.      Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

a)      redundancies kollettivi effettwati taħt kuntratti tax-xogħol konklużi għal perijodi limitati taż-żmien jew għal xogħlijiet speċifiċi ħlief meta dawn ir-redundancies iseħħu qabel id-data ta' skadenza jew l-ikkompletar ta' dawn il-kuntratti;

b)      ħaddiema impjegati minn korpi amministrattivi jew minn stabbilimenti regolati minn liġi pubblika (jew, fl-Istati Membri fejn dan il-kunċett mhux magħruf, minn korpi ekwivalenti);

c)      l-ekwipaġġi ta' bastimenti fuq il-baħar;

d)      ħaddiema milquta mit-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment meta dan jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       Id-Direttiva 75/129 tipprovdi fl-Artikolu 2 tagħha ċerti obbligi ta' min iħaddem li jkun qed jikkontempla li jeffettwa redundancies kollettivi. L-ewwel nett dan għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema li għandhom, mill-inqas, jirrigwardaw il-possibbiltajiet sabiex jiġu evitati r-redundancies kollettivi jew sabiex jitnaqqas in-numru ta' impjegati affettwati, u sabiex jittaffew il-konsegwenzi. Barra minn hekk, sabiex huma jkunu jistgħu jagħmlu proposti kostruttivi, huwa għandu jagħtihom l-informazzjoni utli kollha u, f'kull każ, bil-miktub, ir-raġunijiet għar-redundancies, in-numru ta' ħaddiema li ser jisfaw bla xogħol, in-numru ta' ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu meta r- redundancies ipproġettati ser jiġu effettwati.

6       L-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttva jiddisponi:

"Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta' redundancies kollettivi.

Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni utli kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta' ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta' ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih ir-redundancy ipproġettat ser jiġi effettwat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi:

"Ir-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m'għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) […]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Fl-aħħar nett l-Artikolu 5 ta' din l-istess Direttiva jiddisponi li din "ma għandhiex taffetwa d-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Id-Direttiva 75/129 kienet ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/56/KEE ta' l-24 ta' Ġunju 1992 (ĠU L 245, p. 3), wara l-adozzjoni tal-Karta tal-Komunità dwar id-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema, li ġiet adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strasbourgu fid-9 ta' Diċembru 1989. Din l-emenda tinkludi essenzjalment tisħiħ ta' l-obbligi ta' min iħaddem fil-qasam ta' informazzjoni u konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 75/129 kif ukoll, permezz ta' l-inklużjoni ta' l-Artikolu 5(a) f'din l-aħħar Direttiva, l-obbligu ta' l-Istati Membri li jipprovdu li r-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew il-ħaddiema jiddisponu minn proċeduri amministrattivi u/jew ġudizzjarji sabiex tiġi rrispettata l-applikazzjoni ta' l-obbligi previsti mid-Direttiva 75/129.

10     Fil-kuntest ta' dawn l-emendi, il-punt (d) ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 75/129, ġie abrogat.

11     F'dan l-istess kuntest, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 75/129, is-segwenti subparagrafu ġie inkluż wara l-ewwel subparagrafu:

"Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li f'każ ta' redundancies kollettivi ppjanati kkawżati mit-terminu ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment bħala riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja, min iħaddem għandu jkun obbligat jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub biss jekk hi titlob hekk." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12     Id-Direttiva 92/56 ipprovdiet ukoll, fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/129, għall-inklużjoni ta' raba' paragrafu li huwa fformulat kif ġej:

"L-Istati Membri m'għandhomx bżonn japplikaw dan l-Artikolu għar-redundancies kollettivi kkawżati mit-tmiem ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment meta dawn huma r-riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13     Id-direttiva 75/129 ġiet trasposta fid-dritt Elleniku permezz tal-liġi Nru 1387/1983.

14     Din il-liġi tiddisponi, fl-Artikolu 3 tagħha, dwar in-notifika kompleta bil-miktub tal-ħaddiema minn min iħaddimhom fuq ir-redundancies kollettivi pproġettati u fuq ir-raġunijiet għal dawn, kif ukoll l-obbligu ta' da' min iħaddem li jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u li jagħti lil dawn ta' l-aħħar kull informazzjoni utli sabiex ikunu jistgħu jagħmlu proposti kostruttivi. Hija tipprovdi wkoll dwar l-obbligu ta' min iħaddem li jagħti din l-informazzjoni lill-awtorità pubblika kompetenti. Barra minn hekk, f'din il-liġi tinsab, fl-Artikolu 5(3) tagħha, dispożizzjoni li tiffavorixxi lill-ħaddiema li tipprovdi li, jekk il-partijiet ma jaslux għal ftehim, il-préfet jew il-Ministru tax-Xogħol jistgħu, skond is-sitwazzjoni tas-suq u ta' l-impriża in kwistjoni, jew itawlu l-konsultazzjonijiet għal għoxrin ġurnata addizzjonali, jew ma japprovawx it-totalità jew parti mir-redundancies ipproġettati.

15     L-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 75/129 kien ġie traspost fid-dritt nazzjonali permezz ta' l-Artikolu 2(2)(c) tal-liġi Nru 1387/1983 u jipprovdi:

"Id-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi m'għandhomx japplikaw għall-ħaddiema li jkunu tkeċċew minħabba t-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-impriża jew ta' l-istabbiliment meta dan jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja ta' l-ewwel istanza."

16     L-emendi li ddaħħlu mid-Direttiva 92/56 kienu ġew trasposti fid-dritt nazzjonali permezz tal-liġijiet Nru 2736/1999 u Nru 2874/2000, jiġifieri wara l-fatti tal-kawżi prinċipali li seħħew f'Lulju 1996. It-terminu għat-traspożizzjoni ta' l-imsemmija emendi fid-dritt nazzjonali, stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/56, kien skada fl-24 ta' Ġunju 1994, jiġifieri qabel dawn il-fatti.

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

17     Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu jaħdmu, fil-kuntest ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien mhux stabbilit, fil-fergħa industrijali tal-kumpannija Goodyear Hellas SA li tinsab fiż-żona industrijali ta' Tessalonika. L-attività ta' din il-fabbrika kienet tikkonsisti, essenzjalment, fil-produzzjoni ta' tajers u ta' tubijiet ta' ġewwa għall-karozzi, kif ukoll ta' materjali għat-tiswija ta' tajers u materjali biex it-tajers jingħataw wiċċ ġdid. L-imsemmija fabbrika, li kienet tikkostitwixxi korp organizzat ta' riżorsi umani u teknoloġiċi, kienet tifforma l-fergħa industrijali ta' l-impriża in kwistjoni, kienet distinta mill-fergħa kummerċjali ta' din stabbilita f'Ateni u kienet ekonomikament awtonoma minn din ta' l-aħħar.

18     Fid-19 ta' Lulju 1996, il-laqgħa ġenerali ta' l-azzjonisti tal-kumpannija prinċipali Goodyear, stabbilita fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, iddeċidiet li twaqqaf l-attività industrijali u li twaqqaf b'mod definittiv l-attività tal-fabbrika ta' Tessalonika mit-22 ta' Lulju 1996. Il-kuntratti ta' xogħol tal-persunal impjegat mill-fergħa industrijali ta' l-impriża, jiġifieri madwar 340 persuni, ġew mitmuma mill-istess data, mingħajr ma ġew osservati l-modalitajiet u l-proċedura ta' redundancy kollettiv previsti mill-liġi Nru 1387/1983 li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. L-iżmembrament ta' din il-fergħa industrijali beda f'Ottubru 1996.

19     Ir-rikorsi mressqa mill-impjegati li tkeċċew kontra d-deċiżjonijiet meħuda wara dan it-twaqqif ta' attività kienu ġew miċħuda fl-ewwel istanza kif ukoll, fl-appell, mill-Efeteio (Qorti ta' l-Appell ta' Ateni). Din il-qorti qieset li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-qrati Elleniċi, peress li d-dritt Elleniku ma jipprovdix li għandha tingħata deċiżjoni ġudizzjarja fil-każ ta' twaqqif definittiv ta' l-attivitajiet ta' impriża li jirriżulta biss mill-inizjattiva ta' min iħaddem, dan mhuwiex suġġett għall-obbligi previsti mid-Direttiva 75/129 u mil-liġi nazzjonali ta' traspożizzjoni.

20     Huwa f'dawn iċ-ċikustanzi li l-Areios Pagos, li quddiemha tressqu l-appelli, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-erba' kawżi prinċipali, id-domanda preliminari li ġejjin:

"Peress li d-dritt Elleniku ma jipprovdix li deċiżjoni ġudizzjarja għandha tingħata qabel it-twaqqif definittiv ta' l-impriża jew ta' l-istabbiliment li jirriżulta biss mill-inizjattiva ta' min iħaddem, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/129, skond l-Artikolu 1(2)(d) ta' din, japplikaw għar-redundancies kollettivi kkawżati mit-twaqqif definittiv ta' l-operazzjoni ta' impriża jew ta' stabbiliment, deċiż biss fuq l-imizjattiva ta' min iħaddem, fin-nuqqas ta' deċiżjoni ġudizzjarja minn qabel fuq il-kwistjoni?"

21     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Ġunju 2005, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domanda preliminari

22     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fil-każ ta' redundancies kollettivi kkawżati mit-twaqqif definittiv ta' l-operazzjoni ta' impriża jew ta' stabbiliment, deċiż biss fuq l-inizjattiva ta' min iħaddem, mingħajr ma dan ikun ippreċedut minn deċiżjoni ġudizzjarja, id-Direttiva 75/129 tapplikax u, b'mod iktar partikolari, jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 1(2)(d) ta' din tistax tiġġustifika li tiġi eliminata l-applikazzjoni din id-Direttiva.

23     Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija mnissla mill-ġurisprudenza kostanti tal-qrati Elleniċi fil-qasam ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 75/129 u tal-liġi nazzjonali li tittrasponi lil din ta' l-aħħar.

24     Skond din il-ġurisprudenza, jekk id-deċiżjoni ta' twaqqif definittiv ta' l-attivitajiet ta' impriża sseħħ biss fuq l-inizjattiva ta' min iħaddem, skond il-libertà ekonomika u finanzjarja kostituzzjonalment garantita li jiddisponi minnha dan ta' l-aħħar, independentement mill-intervent ta' deċiżjoni ġudizzjarja, id-Direttiva 75/129 mhijiex applikabbli. L-applikazzjoni ta' din hija fil-fatt suġġetta għall-fatt li l-impriża in kwistjoni tkun għadha qed topera.

25     Din l-interpretazzjoni ma hija fondata, la mill-kliem tad-Direttiva 75/129, la mill-għan u l-objettiv imħaddan minnha u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva.

26     L-ewwel nett, il-kliem tad-Direttiva 75/129, b'mod partikolari l-paragrafi (1)(a) u (2)(d) ta' l-Artikolu1 tagħha, huma ċari u ma jħallu l-ebda dubju raġonevoli rigward il-kamp u l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva.

27     Skond l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 75/129, ""redundancies kollettivi" ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-definizzjoni hija, fiha nfisha, biżżejjed preċiża u ma fiha ebda ambigwità.

28     Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat dan il-kunċett ta' "redundancy" billi osservat li dan għandu portata Komunitarja u għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri kull terminazzjoni tal-kuntratt ta' xogħol mhux mixtieqa mill-ħaddiem, u għaldaqstant mingħajr il-kunsens tiegħu (sentenza tat-12 ta' Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-55/02, Ġabra p. I-9387, punti 49 et 50).

29     Fid-dawl tar-regola stabbilita fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 75/129, l-erba' każijiet li għalihom mhijiex applikabbli din id-Direttiva, imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta' din ta' l-aħħar, għandhom jiġu kkunsidrati bħala elenkati b’mod restrittiv u eżawrjenti. Barra minn hekk, bħala derogi għall-imsemmija regola, huma għandhom jiġi interpretati b'mod restrittiv (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta' Diċembru 1998, Lauge et, C-250/97, Ġabra p. I‑8737, punt 19).

30     Ir-raba' waħda minn dawn id-derogi, jiġifieri dik prevista fl-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 75/129, li tirreferi għaliha d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, tikkonċerna n-nuqqas ta' applikabbiltà ta' l-imsemmija Direttiva għar-redundancies ikkawżati mit-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment "meta dan jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja".

31     Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata ħlief fis-sens li n-nuqqas ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva huwa permess biss meta t-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, per eżempju, minn sentenzi li jiddikjaraw il-falliment jew ix-xoljiment ta' impriża.

32     F'kull każ ieħor, b'mod partikolari meta t-twaqqif definittiv ta' l-attivitajiet ta' impriża kkonċernata jirriżulta biss mill-inizjattiva ta' min iħaddem u jkun ibbażat fuq evalwazzjonijiet ta' natura ekonomika jew oħrajn, l-obbligi ta' dan, li jirriżultaw mid-Direttiva 75/129, jibqgħu sħaħ. Il-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju, ma jipprovdux li għandha tingħata deċiżjoni ġudizzjarja qabel it-twaqqif definittiv ta' l-impriża jew ta' l-istabbiliment li jirriżulta biss mill-inizjattiva ta' min iħaddem, huwa irrilevanti f'dan ir-rigward.

33     Għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjoni derogatorja li tinsab fl-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 75/129 kienet ġiet abrogata, b'effett mill-24 ta' Ġunju 1994, permezz tad-Direttiva 92/56, li kienet b'hekk irrinforzat l-għan imħaddan. Għaldaqstant, fid-data tal-fatti fil-kawżi prinċipali, fil-każijiet kollha ta' redundancies kollettivi li jirriżultaw mit-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' stabbiliment, anki meta dan jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, min iħaddem kellu l-obbligu li jinforma u jikkonsulta lill-ħaddiema.

34     It-tieni nett, rigward l-għan imħaddan mid-Direttiva 75/129, għandu jiġi osservat, hekk kif jingħad fl-ewwel premessa tagħha, li din id-Direttiva hija intiża sabiex ikun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta' redundancies kollettivi. Dan l-għan ta' protezzjoni tal-ħaddiema ġie ripetutament imfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tas-7 ta' Diċembru 1995, Rockfon, C-449/93, Ġabra p. I-4291, punt 29 u Lauge et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).

35     Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-Direttiva 75/129 ma taffettwax il-libertà ta' min iħaddem li jipproċedi jew li ma jipproċedix għar-redundancies kollettivi u li l-għan uniku tagħha huwa li dawn ir-redundancies ikunu ppreċeduti minn konsultazzjonijiet tal-junjins u minn notifika lill-awtorità pubblika kompetenti (sentenza tat-12 ta' Frar 1985, Nielsen & Søn, 284/83, Ġabra p. 553, punt 10).

36     Dan huwa indubbjament il-każ meta min iħaddem jippjana li jtemm, għal raġunijiet personali tiegħu, l-attivitajiet ta' l-istabbilimet tiegħu. Barra minn hekk, kif osservat, ġustament, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, id-Direttiva 75/129 ma tarmonizzax il-modalitajiet tat-twaqqif definittiv ta' l-attivitajiet ta' impriża, jiġifieri s-sitwazzjonijiet li fihom deċiżjoni ġudizzjarja tkun neċessarja jew le, iżda tarmonizza l-proċedura li għandha tiġi osservata waqt ir- redundancies kollettivi.

37     Fid-dawl ta' l-għan imħaddan mid-Direttiva 75/129, il-Qorti tal-Ġustizzja tat definizzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta' "stabbiliment" li jinsab f'din ta' l-aħħar, sabiex tillimita kemm jista' jkun il-każijiet ta' redundancies kollettivi li mhumiex suġġetti għall-imsemmija Direttiva minħabba definizzjoni legali ta' dan il-kunċett fuq livell nazzjonali (ara s-sentenza Rockfon, iċċitata iktar 'il fuq, punti 31 u 32).

38     Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li d-Direttiva 75/129 kienet ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 100 u 117 tat-Trattat KEE u li din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda l-ħtieġa għall-Istati Membri li jippromwovu t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema sabiex tkun possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla l-progress (ara is-sentenza Rockfon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29).

39     It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni esposta hawn fuq u l-kunsiderazzjonijiet relatati magħha diġà joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40     Fis-sentenza tagħha tat-28 ta' Marzu 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (215/83, Ġabra p. 1039, punti 13 sa 19), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat preċiżament li l-Istat Membru kkonċernat kien naqas mill-obbligi tiegħu minħabba li huwa ma kienx assigura l-protezzjoni prevista mid-Direttiva 75/129 fil-każijiet kollha ta' redundancies kollettivi kkawżati mill-għeluq ta' impriżi li ma rriżultawx minn deċiżjoni ġudizzjarja. Is-sens tad-dispożizzjoni derogatorja prevista fl-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 75/129 ma kellu jagħti lok għal ebda dubju iktar wara din is-sentenza.

41     Id-dispożizzjonijiet derogatorji li jinsabu fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 75/129 li ddaħħlu mid-Direttiva 92/56 kienu ġew spjegati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lauge et, iċċitata iktar 'il fuq, (punt 18), li fiha ġie deċiż li, sabiex id-derogi in kwistjoni jkunu applikabbli, it-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment u r-redundancies kollettivi m'għandhomx iseħħu qabel ma tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddikjara falliment.

42     Barra minn hekk, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar 'il fuq (punt 66 u l-parti operattiva), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Istat Membru kkonċernat kien naqas mill-obbligi imposti fuqu mid-Direttiva 75/129, peress li huwa llimita l-kunċett ta' redundancies kollettivi għal redundancies minħabba raġunijiet ta' natura strutturali, teknoloġika jew ekonomika u ma estendiex dan il-kunċett għal redundancies minħabba kull raġuni li mhijiex relatata mal-ħaddiema individwali kkonċernati.

43     Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-obbligu ta' l-Istati Membri li jiksbu r-riżultat previst minn Direttiva, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 249 KE, huwa impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha inklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji. Dawn, imsejħa sabiex jinterpretaw u japplikaw il-liġi nazzjonali, huma obbligati li jagħmlu dan sa fejn hu possibbli fid-dawl tat-test u tal-finijiet ta' din id-Direttiva sabiex jiksbu r-riżultat previst minnha (ara, f'dan is-sens, fl-aħħar nett, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44     L-approċċ segwit mill-qrati Elleniċi jnaqqas mill-protezzjoni rikjesta mid-Direttiva 75/129 tan-numru ta' każijiet ta' twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-impriżi li għandhom bħala konsegwenza redundancies massivi ta' ħaddiema u għalihom huwa ġustament ikar importanti l-bżonn ta' protezzjoni ta' dawn il-ħaddiema. Dan huwa nuqqas ta' osservanza ta' l-għan imħaddan mill-imsemmija Direttiva. Tali approċċ, li jippreġudika wkoll l-eżiġenza ta' applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 75/129, jista' jneħħi, b'mod konsiderevoli, s-sinjifikat ta' din id-Direttiva.

45     Min dak li ntqal qabel jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 75/129 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli fil-każ ta' redundancies kollettivi li jirriżultaw mit-twaqqif definittiv ta' l-operazzjoni ta' impriża jew ta' stabbiliment li jirriżultaw biss mill-inizjattiva ta' min iħaddem, fin-nuqqas ta' deċiżjoni ġudizzjarja minn qabel fuq il-kwistjoni, mingħajr ma d-deroga prevista fl-Artikoli 1(2)(d) ta' din id-Direttiva tista' telimina l-applikazzjoni tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

46     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti ta’ rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqa’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli fil-każ ta' redundancies kollettivi li jirriżultaw mit-twaqqif definittiv ta' l-operazzjoni ta' impriża jew ta' stabbiliment li jirriżultaw biss mill-inizjattiva ta' min iħaddem, fin-nuqqas ta' deċiżjoni ġudizzjarja minn qabel fuq il-kwistjoni, mingħajr ma d-deroga prevista fl-Artikoli 1(2)(d) ta' din id-Direttiva tista' telimina l-applikazzjoni tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.