SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
8 ta’ April 2008 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE — Taxxi interni fuq prodotti ta’ Stati Membri oħra — Taxxi ta’ natura li jipproteġu indirettament produzzjonijiet oħra — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn prodotti importati u prodotti nazzjonali li jikkompetu bejniethom — Dazji tas-sisa — Trattament ta’ taxxa differenti tal-birra u ta’ l-inbid — Oneru tal-prova”
Fil-Kawża C-167/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-14 ta’ April 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Ström van Lier, K. Gross, K. Simonsson u R. Lyal, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, irrappreżentat minn K. Wistrand, bħala aġent,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn E. Balode-Buraka u E. Broks, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, A. Rosas, K. Lenaerts u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Mejju 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi applika taxxi interni ta’ natura li jipproteġu indirettament il-birra, essenzjalment prodotta fl-Iżvezja, meta mqabbla ma’ l-inbid, essenzjalment importata minn Stati Membri oħra, ir-Renju ta’ l-Iżvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-liġi 1994:1564 dwar id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol
2 |
Il-leġiżlazzjoni Żvediża fil-qasam tas-sisa applikabbli għax-xarbiet alkoħoliċi, li għaliha jirreferi dan ir-rikors, tinsab fil-liġi 1994:1564 dwar il-liġi tas-sisa fuq l-alkoħol [lagen (1994:1564) om alkoholskatt], tal-15 ta’ Diċembru 1994 (SFS, 1994 Nru 1564), kif emendata bil-liġi 2001:822 (iktar ’il quddiem il-“ligi dwar id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol”). |
3 |
L-Artikolu 2 tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku hija fformulata kif ġej: “Dazji tas-sisa huma dovuti fuq il-birra li taqa’ taħt il-kategorija 2203 jekk il-qawwa alkoħolika tagħha taqbeż 0.5 % tal-volum ta’ alkoħol. Għandhom jitħallsu wkoll dazji tas-sisa fuq il-prodotti li fihom taħlita ta’ birra u xarbiet mhux alkoħliċi li jaqgħu taħt il-kategorija 2006 jekk il-qawwa alkoħolika tat-taħlita taqbez 0.5 % tal-volum ta’ alkoħol. Id-dazji tas-sisa għal kull litru japplikaw b’[SEK] 1.47 għal kull unità ta’ perċentwali ta’ volum ta’ alkoħol. Il-birer li l-qawwa alkoħolika tagħhom hija ta’ 2.8 % volum alkoħoliku massimu huma eżentati.” |
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din l-istess liġi huwa fformulat kif ġej: “Dazji tas-sisa huma dovuti fuq l-inbid li jaqa’ taħt il-kategoriji 2204 u 2205 jekk il-qawwa alkoħolika tirriżulta esklużivament minn fermentazzjoni u
Id-dazji tas-sisa japplikaw għal kull litru:
L-inbejjed li l-qawwa alkoħolika tagħhom hija 2.25 % volum ta’ alkoħol massimu huma eżentati.” |
Il-proċedura prekontenzjuża
5 |
Sussegwentement għal ilmenti dwar is-sistema Żvediża f’dak li jikkonċerna d-dazji tas-sisa fuq l-inbid, allegatament diskriminatorji meta mqabbla ma’ dawk applikabbli għall-birra, il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni in kwisjtoni u waslet għall-konklużjoni li r-Renju ta’ l-Iżvezja applika taxxi interni ta’ natura li jipproteġu indirettament il-birra, essenjalment prodotta fl-Iżvezja, għad-dannu ta’ l-inbid, essenzjalment importat minn Stati Membri oħra, bi ksur tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE. |
6 |
Wara li bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, permezz ta’ ittri nnotifikati fit-28 ta’ Frar 2000 u l-1 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ħarġet, wara dawn in-notifiki, opinjoni motivata u opinjoni motivata addizzjonali fid-19 ta’ Ġunju 2001 u fis-7 ta’ Lulju 2004 rispettivament. |
7 |
Peress li l-emendi leġiżlattivi magħmula wara d-19 ta’ Ġunju 2001 mil-liġijiet 2001:517 u 2001:822 ma kinux ġew ikkunsidrati bħala sodisfaċenti mill-Kummissjoni u peress illi r-Renju ta’ l-Iżvezja sostna li ma kellux jaċċetta l-argument sostnut minnha fl-opinjoni motivata addizzjonali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
8 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2005, ir-Repubblka tal-Latvja ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ l-Iżvezja. |
Fuq ir-rikors
Osservazzjonijiet preliminari
9 |
Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ l-Iżvezja jaqblu sabiex jikkunsidraw li, fl-Iżvezja:
|
10 |
Madankollu, f’dak li jikkonċerna dak li jintqal fit-tieni u l-ħames subinċiżi msemmija iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jifformula b’ċerta sfumatura ta’ tifsiriet. B’hekk dan l-Istat Membru jikkunsidra li l-birra u l-inbid huma parjalment biss jikkompetu bejniethom u li t-tassazzjoni hija biss waħda mill-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tal-konsumatur. |
11 |
Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ l-Iżvezja jaqblu wkoll meta jgħidu li, meta dan l-Istat Membru aderixxa ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995, it-tassazzjoni tal-perċentwali ta’ alkoħol skond il-volum tal-birra qawwija, bħal dik iddefinita mil-liġi 1994:1738 dwar ix-xarbiet alkoħoliċi [alkohollagen (1994:1738)], tas-16 ta’ Diċembru 1994 (SFS 1994, Nru 1738), bħala li hija l-birra li l-qawwa alkoħolika tagħha hija ogħla minn 3.5 % volum ta’ alkoħol, u t-tassazzjoni tal-perċentwali ta’ alkoħol skond il-volum ta’ l-inbid ta’ madwar 11 % volum ta’ alkoħol kienu bejn wieħed u ieħor identiċi. |
12 |
Sa mill-1 ta’ Jannar 1997, id-dazji tas-sisa fuq il-birra tnaqqsu b’madwar 40 %. |
13 |
F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jippreċiża li, fl-1996, il-Gvern tiegħu kkonstata li l-kummerċ fuq il-fruntieri tal-birra mad-Danimarka, fid-dawl ta’ differenza ta’ tassazzjoni ta’ dan il-prodott fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati, kien ħa proporzjonijiet tali li tnaqqis tat-tassazzjoni tal-birra kien meħtieġ. |
14 |
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jippreċiża wkoll li ebda kummerċ fuq il-fruntieri ekwivalenti għal dak ikkonstatat f’dak li jikkonċerna l-birra ma kien żviluppa għall-inbid, għalkemm it-tassazzjoni Żvediża hija, ukoll għal dan il-prodott, b’mod kunsiderevolment iktar għolja mit-tassazzjoni Daniża. B’hekk, skond dan l-Istat Membru, ma teżisti ebda neċessità sabiex id-dazji tas-sisa jiġu aġġustati fuq l-inbid u ma kien hemm ebda raġuni sabiex it-tassazzjoni applikabbli għal dan il-prodott tiġi rriveduta parallelament mat-tnaqqis tad-dazji tas-sisa fuq il-birra meta dan ġie deċiż. Madankollu dan l-Istat Membru jżid jgħid li, wara pressjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, id-dazji tas-sisa fuq l-inbid tnaqqsu b’18.8 % sa mill-1 ta’ Diċembru 2001 skond il-liġi 2001:822 u li, minħabba l-fatt ta’ dan it-tnaqqis, ir-relazzjoni li kienet teżisti qabel bejn it-tassazzjoni tal-birra qawwija u dik tal-birra ġiet stabbilita mill-ġdid. B’hekk, illum dawn iż-żewġ taxxi huma ekwivalenti. |
15 |
Fl-Iżvezja, il-bejgħ bl-imnut ta’ l-inbid, tal-birra qawwija u ta’ l-ispirti huwa soġġett għal monopolju, mogħti lil kumpannija joint-stock għal kollox miżmuma mill-Istat Żvediż, is-Systembolaget AB (iktar ’il quddiem is-“Systembolaget”). Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju ta’ l-Iżvezja, mhux ikkontestati mill-Kummissjoni, jirriżulta li din is-sistema tikkostitwixxi l-istrument prinċipali tal-politika ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tal-ġlieda kontra l-alkoħoliżmu, intiża sabiex tirregola l-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi sabiex tiggarantixxi l-kontroll ta’ l-età tal-konsumaturi u r-rispett tal-projbizzjonijiet ta’ bejgħ fis-seħħ filwaqt li tassigura l-aċċessibbiltà tal-prodotti kkonċernati. |
L-argumenti tal-partijiet
16 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-birra Żvediża, prodott dominanti fil-bejgħ ta’ l-alkoħol fis-suq Żvediz, hija milquta mid-dazji tas-sisa iktar dgħajfa mill-inbid tal-kategorija kompetittiva. Fil-fehma tagħha, id-differenza ta’ tassazzjoni tinfluwenza l-għażla tal-konsumatur, peress li l-istruttura u l-karatteristiċi tas-sistema fiskali in kwisjtoni jsaħħu l-preferenza, ikkunsidrata bħala waħda storika, tal-konsumatur Żvediż għall-birra. Tali sitwazzjoni hija ta’ żvantaġġ għall-inbid, essenzjalment importat minn Stati Membri oħra, u b’konsegwenza teżerċita, għall-benefiċċju tal-birra, essenjzalment prodott fl-Iżvezja, effett protettur ipprojbit skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE. |
17 |
Filwaqt li teżamina l-konfigurazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali Żvediżi kkonċernati, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja t-tnaqqis tad-dazji tas-sisa fuq l-inbid sa mill-1 ta’ Diċembru 2001 skond il-liġi 2001:822, dan il-prodott jibqa’ mhux biss soġġett għad-dazji tas-sisa iktar għoljin minn dawk fuq il-birra, iżda minbarra dan huwa ntaxxat b’mod progressiv skond il-qawwa alkoħolika tiegħu, skond l-iskala tad-dazji tas-sisa prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol. B’hekk, fuq inbid ta’ qawwa alkoħolika ta’ 12.5 % volum ta’ alkoħol, li hija tippreżenta bħala normali, il-Kummissjoni ssostni li d-dazji tas-sisa korrispondenti jogħlew għal SEK 1.77 għal kull perċentwali ta’ volum ta’ alkoħol, jiġifieri differenza ta’ madwar 20 % meta mqabbla mad-dazji tas-sisa fuq il-birra (SEK 1.47 għal kull perċentwali ta’ volum ta’ alkoħol). |
18 |
Hija ssostni li l-prezz final jinkludi wkoll it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ta’ 25 %, ikkalkulata fuq il-prezz bis-sisa inkluża, b’konsegwenza li, peress li l-inbid huwa milqut minn dazji tas-sisa ogħla minn dawk tal-birra, id-differenza hija mmoltiplikata mill-VAT, fejn jiġi msaħħaħ l-effett protettur tas-sistema fiskali in kwistjoni. |
19 |
Jirriżulta li l-inbid huwa ntaxxat iktar mill-birra u li l-proporzjon ta’ taxxa hija ogħla fil-prezz ta’ l-inbejjed l-iktar mibjugħa (b’qawwa alkoħolika minn 8.5 % sa 15 % ta’ volum ta’ alkoħol u li jappartjenu għal sensiela ta’ prezzijiet ta’ bejgħ finali minn SEK 49 sa 70, iktar ’il quddiem il-“kategorija intermedjarja”) milli fuq il-prezz tal-birra. |
20 |
F’dak li jikkonċerna r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-birra u l-inbid, il-Kummissjoni hija tal-fehma li fl-Iżvezja teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-birra qawwija, prodott dominanti fil-bejgħ fis-suq Żvediż, u l-inbejjed tal-kategorija intermedjarja. Fil-fatt, hija tirrileva li l-inbid għandu jinxtara fil-punti ta’ bejgħ tas-Systembolaget, bl-istess mod bħall-birra qawwija, filwaqt li l-birra li l-qawwa alkoħolika tagħha hija inqas minn 3.5 % hija disponibbli fil-kummerċ ta’ l-alimentazzjoni. B’hekk il-birra qawwija u l-inbid jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin fl-istess punti ta’ bejgħ. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li l-konsumatur huwa obbligat li jindirizza ruħu għand is-Systembolaget sabiex jixtri l-birra qawwija u l-inbid huwa element li jista’ jsaħħaħ is-sostitwibbiltà u, għaldaqstant, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ prodotti. Barra minn hekk, hija tippreċiża li l-inbid u l-birra huma disponibbli biss fir-ristoranti u fl-istabbilimenti ta’ ristorazzjoni li għandhom liċenzja speċjali fejn, għaldaqstant, iż-żewġ xarbiet jistgħu wkoll jikkompetu ma’ xulxin. |
21 |
Il-Kummissjoni tkompli billi tqabbel l-effett tas-sistema fiskali in kwistjoni fid-dawl tal-prezz, il-livell akoħoliku u l-volum rispettivi tal-birra u ta’ l-inbid, sabiex issostni li, indipendentement mill-metodu ta’ paragun utilizzat, l-imposta fiskali fuq l-inbid hija b’mod ċar superjuri għal dik applikabbli għall-birra. F’dan il-kuntest, hija tosserva li huwa għall-inbejjed li l-prezz finali tagħhom ivarja minn SEK 41 sa 70, li jikkostitwixxu l-maġġoranza kbira tal-bejgħ bl-imnut ta’ dan il-prodott (78.7 % fl-2003), li l-effett tat-tassazzjoni jinħass l-iktar. |
22 |
Sabiex tevalwa, fid-dawl tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, in-natura protettiva tas-sistema fiskali in kwistjoni, il-Kummissjoni tqis li huwa determinanti mhux biss li tiġi stabbilita n-natura protettriċi ta’ din is-sistema, iżda wkoll li jintwera l-effett ta’ din in-natura fuq il-konsumatur, li jista’ jiġi persważ direttament jew indirettament, realment jew potenzjalment, sabiex jagħżel prodott nazzjonali li, fin-nuqqas ta’ dan l-element, ikun ekwivalenti għal prodott importat u, għaldaqstant, li jikkompeti miegħu. |
23 |
Hija tikkunsidra li s-sistema fiskali in kwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għandha l-istess għan bħal dak li jinsab fil-punt 27 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (170/78, Ġabra p. 2265), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kellha bħala effett li tissoġġetta l-inbid ta’ provenjenza minn Stati Membri oħra għal piż fiskali ieħor ta’ natura li jassigura protezzjoni għall-produzzjoni nazzjonali tal-birra, inkwantu dan jikkostitwixxi l-kriterju ta’ referenza l-iktar qrib mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (170/78, Ġabra p. 417, punt 14), tqis li din is-sistema tikkristallizza l-abitudnijiet tal-konsum billi ssaħħaħ il-vantaġġ tal-birra, il-prodott nazzjonali, u billi tistabbilixxi diskriminazzjoni fir-rigward tal-kummerċ potenzjali ta’ l-inbid, prodott ta’ provenjenza minn Stati Membri oħra. |
24 |
Il-Kummissjoni ssostni li b’hekk ir-Renju ta’ l-Iżvezja jutilizza t-tassazzjoni sabiex jinfluwenza l-aġir tal-konsumatur f’dak li jikkonċerna mhux biss l-għażla tal-prodotti, iżda wkoll l-għażla bejn il-prodotti li jikkompetu bejniethom. Fil-fehma tagħha, jirriżulta mill-istatistika ppubblikata mis-Systembolaget li, qabel it-tnaqqis ta’ 40 % tad-dazji tas-sisa fuq il-birra u ż-żieda żgħira konkomitatni tat-taxxa fuq l-inbid fl-1 ta’ Jannar 1997, il-volumi ta’ bejgħ tal-birra u ta’ l-inbid kienu relattivament jixxiebhu u li, sussegwentement għal dawn il-bidliet, il-bejgħ ta’ l-inbid mar lura bi 3.7 %, filwaqt li l-bejgħ tal-birra żdied bi 8.9 %. Wara t-tnaqqis, ikkunsidrat bħala żgħir, tad-dazji tas-sisa fuq l-inbid li ġie applikat mill-1 ta’ Diċembru 2001, il-bejgħ ta’ l-inbid kien żdied bi 11 %, jiġifieri l-iktar progress qawwi kkonstatat matul il-perijodu bejn l-1995 sa l-2004. Madankollu, l-istess statistika tindika wkoll li, parallelament ma’ dan il-progress tal-bejgħ ta’ l-inbid, il-bejgħ tal-birra għadda minn żieda b’mod ċar iktar b’saħħitħa bħala perċentwali. Il-Kummissjoni żżid tgħid li din id-data għandha tiġi analizzata fid-dawl li r-Renju ta’ l-Iżvezja juża’ t-tassazzjoni bħala strument sabiex isaħħaħ direzzjoni lejn il-konsumazzjoni tal-prodotti kkonċernati. |
25 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bidla fil-volumi ta’ bejgħ ta’ dawn iż-żewġ xarbiet issib l-oriġini u l-ispjegazzjoni tagħha fid-differenza ta’ trattament fiskali introdott bejniethom fl-1997 u li kienet b’mod ċar iddestinata sabiex tipproteġi l-produzzjoni nazzjonali tal-birra. Dan l-effett ta’ protezzjoni qed jiġi dejjem segwit. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm id-dazji tas-sisa applikati għall-inbid kienu ġew imnaqqsa wkoll, it-tnaqqis tagħhom ma kienx ogħla minn dak tad-dazji tas-sisa fuq il-birra u dawn ta’ l-ewwel jibgħu minkejja kollox b’mod sinjifikattiv iktar għoljin mit-tieni, b’mod li s-sistema fiskali in kwistjoni għandha dejjem bħala effett li tippromwovi l-birra fir-rigward ta’ l-inbid. |
26 |
Fil-konklużjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li, mingħajr ma r-Renju ta’ l-Iżvezja għandux jintaxxa l-birra u l-inbid b’rata stabbilita, huwa għandu jiffissa d-dazji tas-sisa fuq dawn il-prodotti li jikkompetu bejniethom b’tali mod li l-prodotti nazzjonali ma jsibux ruħhom f’vantaġġ, fuq kwalunkwe pjan li jkun. Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, matul is-seduta, li tnaqqis ġdid tat-tassazzjoni ta’ l-inbid ta’ l-istess natura ta’ daqs bħal dak applikat sa mill-1 ta’ Diċembru 2001 għandu jseħħ. |
27 |
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jikkontesta wkoll in-nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligi tiegħu skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE. Fil-fatt, ir-regoli fiskali in kwistjoni, li mhumiex minnhom infushom identiċi, m’għandhomx la bħala għan u lanqas bħala effett li jipproteġu indirettament il-kummerċ tal-birra mill-kompetizzjoni ta’ l-inbid. |
28 |
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jikunsidra li l-evalwazzjoni tas-sistema fiskali in kwistjoni fid-dawl tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għandha tiġi fondata fuq paragun bejn, minn naħa, il-birra qawwija l-iktar mibjugħa u, min-naħa l-oħra, l-inbejjed l-iktar mibjugħa u li huma l-orħos li jippreżentaw qawwa akoħolika ta’ madwar 11 % volum ta’ alkoħol. |
29 |
Skond dan l-Isat Membru, il-kwistjoni determinati hija jekk l-imposta fiskali fuq dawn il-prodotti li jikkompetu bejniethom hijiex tali li tista’ tinfluwenza s-suq rilevanti billi tnaqqas il-konsum potenzjali tal-prodotti importati għall-benefiċċju tal-prodotti nazzjonali. |
30 |
L-effetti tar-regoli fiskali nazzjonali għandhom jiġu evalwati f’żewġ stadji. L-ewwel nett, għandu jsir paragun tal-prezzjijiet fid-dawl ta’ l-influwenza li dawn jeżerċitaw fuq l-għażla tal-konsumatur bejn il-birra u l-inbid u, sussegwentement, li tiġi studjata l-istatistika fuq il-konfigurazzjoni tal-bejgħ fid-dawl ta’ l-għażla bejn dawn il-prodotti. |
31 |
Fir-rigward tal-paragun tal-prezzijiet ta’ inbid u ta’ birra f’kompetizzjoni ma’ xulxin, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jikkunsidra li l-għażla tal-bażi ta’ kalkolu li għandha tintuża sabiex jiġi applikat dan il-paragun mhijiex evidenti u li lanqas ma huwa faċli li wieħed isir jaf liema paragun ta’ prezz jagħti x-xbieha l-iktar fidila tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni. |
32 |
Peress illi, fi proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li turi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, dan l-Istat Membru ma jqisx li hu neċessarju li tittieħed kunsiderazzjoni tal-paraguni maħsuba tal-prezz ta’ bejgħ finali tal-prodotti in kwistjoni. Huwa jikkunsidra bħala suffiċjenti li jirreferi f’dan il-każ, bħall-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (356/85, Ġabra p. 3299), għar-riżultati tal-paragun tal-prezz ta’ bejgħ ta’ litru birra u ta’ litru inbid. F’din il-kawża, tali paragun juri wkoll li mhuwiex possibbli li ma tiġix ikkunsidrata d-differenza essenzjali ta’ prezz bejn il-birra u l-inbid, minkejja d-differenza ta’ l-imposta fiskali applikata għal dawn il-prodotti. |
33 |
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jikkunsidra li paragun ta’ prezz ta’ bejgħ ta’ litru tal-birra qawwija l-iktar mibjugħa u ta’ litru ta’ l-inbid l-iktar mibjugħ u li huwa l-orħos li jippreżenta qawwa alkoħolika ta’ madwar 11 % volum ta’ alkoħol juri li d-differenza ta’ imposta fiskali bejn dawn il-prodotti mhijiex tali li din tista’ tiġi kkunsidrata li hija ta’ influwenza fuq l-aġir tal-konsumatur. Fil-fatt, dan l-inbid, anki jekk intaxxat b’mod identiku bħall-birra qawwija li huwa pparagunat magħha, huwa darbtejn ogħla minnha. B’hekk paragun rilevanti tal-prezzijiet ma jistax isostni l-konklużjoni li r-regoli fiskali Żvediżi in kwistjoni huma ta’ natura li jaffettwaw l-għażla tal-konsumatur billi jiffavorixxu l-kummerċ tal-birra, prodott nazzjonali, għad-dannu ta’ dak ta’ l-inbid, prodott ta’ importazzjoni. |
34 |
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mir-Repubblika tal-Latvja, jikkunsidra li, permezz tal-paraguni ta’ prezz li hija tapplika, il-Kummissjoni ma turix li d-differenza ta’ prezz bejn birer u nbejjed ta’ kwalità paragunabbli hija tant żgħira li d-differenza ta’ l-imposta fiskali bejn dawn iż-żewġ prodotti hija ta’ natura li tinfluwenza l-aġir tal-konsumatur. |
35 |
Huwa sussegwentement isostni li l-istatistika li tikkonċerna t-tendenzi tal-konsum ta’ birra u ta’ inbid, invokata mill-Kummissjoni, ma tagħti ebda indikazzjoni fid-dawl ta’ l-effett protettur li r-regoli fiskali Żvediżi għandhom fuq il-kummerċ tal-birra. F’dan ir-rigard, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li eżami ta’ l-istatistika kollha tas-Systembolaget, tas-Skatteverket (amministrazzjoni Żvediża tal-kontribuzzjonijiet diretti u indiretti) u tas-Svenska Bryggareförenigen (federazzjoni Żvediża tal-birriera) jagħti x-xbieha l-iktar fidila tas-sitwazzjoni. Huwa jippreċiża li, sa mill-1996, il-volum tal-bejgħ ta’ birra qawwija qabeż b’mod relattivament kostanti l-volum tal-bejgħ ta’ inbid b’madwar 100000000 l fis-sena. |
36 |
Dan l-Istat Membru jaqsam l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-istatistika tal-bejgħ juru li l-konsumatur huwa, fl-assolut, sensittiv għat-tassazzjoni, peress li din tinfluwenza l-prezz tal-prodott li għalih tapplika, filwaqt li huwa kkunsidrat li l-istrument tal-prezzijiet huwa importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tiegħu ta’ glieda kontra l-abbuż ta’ l-alkoħoliżmu. Madankollu, il-fatt li l-konsumatur jirreaġixxi għal tnaqqis tal-prezzijiet permezz ta’ konsum iktar sinjifikattiv ma jurix li dan ibiddel, minħabba dan il-fatt, l-aġir tiegħu matul l-għażla bejn il-kategoriji differenti ta’ xarbiet alkoħoliċi. Bil-kontra, is-sensittività għall-prezzijiet tisħaq kontra l-fatt li aġġustament’l isfel tal-prezz ta’ l-inbid, li jirriżulta minn tassazzjoni kompletament simili ta’ l-inbid u tal-birra qawwija, jista’ jimplika żieda fil-konsum ta’ l-inbid għad-dannu ta’ dak tal-birra, peress illi, jekk l-inbid jiswa d-doppju tal-birra qawwija u minkejja tnaqqis tat-tassazzjoni li tolqtu, il-konsumatur, li huwa sensittiv għall-prezz, mhux ser idur għall-inbid. |
37 |
Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja tikkunsidra li huwa essenzjali li wieħed jistaqsi dwar l-elastiċità trażversali tat-talba ta’ l-inbid u dik tal-birra. Madankollu, fil-fehma tagħha, it-talba għal dawn iż-żewġ prodotti hija relattivament mhux elastika, peress illi t-talba mhijiex sensittiva għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet. Hija tikkonkludi li l-prezz tal-birra u dak ta’ l-inbid mhumiex fattur determinanti ta’ l-għażla tal-konsumatur. |
38 |
Minbarra dan, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jqis li l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-mod kif id-dazji tas-sisa jinfluwenzaw l-għażla tal-konsumatur bejn il-birra u l-inbid hija wisq simplistika. Fil-fatt, dawn iż-żewġ prodotti ma jistgħux jitbiddlu totalment ma’ xulxin, peress illi fatturi oħra barra t-tassazzjoni jistgħu jinfluwenzaw l-għażla tal-konsumatur. |
39 |
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mir-Repubblika tal-Latvja, jikkunsidra wkoll li l-kunsiderazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-evoluzzjoni ta’ l-użanzi ta’ konsum ta’ inbid u ta’ birra mhumiex biżżejjed sabiex juru b’ċertezza l-eżistenza ta’ rabta bejn il-bidliet tal-konsum u l-fatt li t-tassazzjoni ta’ l-inbid hija, b’mod marġinali, iktar sinjifikattiva minn dik tal-birra. B’hekk il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li s-sistema fiskali Żvediża għandha, fil-fatt, effett protettur għall-kummerċ tal-birra. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
40 |
L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 95 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 90 KE) kollu kemm hu, għandu bħala għan li jassigura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni permezz ta’ l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward ta’ prodotti ta’ l-Istati Membri l-oħra, u li jiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti nazzjonali u prodotti importati (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 6). |
41 |
F’din il-perspettiva, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għandu bħala funzjoni li jelimina kull forma ta’ protezzjoniżmu fiskali indirett fil-każ ta’ prodotti importati li, mingħajr ma huma simili għall-prodotti nazzjonali, skond l-ewwel subparagrafu, madankollu jinsabu, flimkien ma’ wħud minnhom, f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni anki jekk biss parzjali, indiretta jew potenzjali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7, kif ukoll tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et, C-367/93 sa C-377/93, Ġabra p. I-2229, punt 38). |
42 |
B’konsegwenza, għall-finijiet ta’ l-eżami tal-kompatibbiltà tas-sistema fiskali kkritikata mill-Kummissjoni fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, fl-ewwel lok għandu jiġi ppreċiżat safejn il-birra u l-inbid jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prodotti li jikkompetu bejniethom fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. |
43 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-inbid u l-birra huma, sa ċertu punt, ta’ natura li jissodisfaw bżonnijiet identiċi, b’mod li jista’ jiġi aċċettat bejniethom ċertu livell ta’ sostituzzjoni, madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, fid-dawl tad-differenzi kbar fil-kwalità u, għaldaqstant, fil-prezz li jeżistu bejn l-inbejjed, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni determinanti bejn il-birra, xarba popolari kkunsmata f’ammont kbir, u l-inbid għandha tiġi stabbilita ma’ l-inbejjed l-iktar aċċessibbli għall-pubbliku wiesa`, li huma, ġeneralment, l-iktar ħfief u li huma l-orħos, u li b’hekk huwa fuq dan il-bażi li għandhom isiru l-paraguni fiskali (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Filwaqt li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-elementi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma juru ebda partikolarità tas-suq Żvediż li tista’ tiġġustifika evalwazzjoni differenti. B’konsegwenza, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, huma biss l-inbejjed tal-kategorija intermedjarja, li jistgħu jinbiegħu bl-imnut biss mis-Systembolaget, li jippreżentaw biżżejjed karatteristiċi in komuni mal-birra qawwija, b’qawwa alkoħolika ugwali għal jew iktar minn 3.5 % volum alkoħol, li wkoll tinbiegħ bl-imut biss mis-Systembolaget, sabiex jikkostitwixxu għażla alternattiva għall-konsumatur u b’hekk li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-birra qawwija fid-dawl tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE. |
45 |
Fit-tieni lok, għandu jsir paragun bejn is-sistemi ta’ tassazzjoni li għalihom huma soġġetti dawn il-prodotti, sabiex tiġi stabbilita l-eventwali differenza ta’ tassazzjoni li huma soġġetti għaliha kif ukoll il-kobor ta’ din id-differenza. |
46 |
Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ l-Iżvezja ma jaqblux fuq dak li jikkonċerna r-rilevanza ta’ l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-metodi ta’ xebh utilizzati mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju sabiex tiġi evalwata r-relazzjoni ta’ tassazzjoni bejn il-birra u l-inbid. |
47 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-paragrun l-iktar rilevanti, f’din il-kawża, huwa dak tad-dazji tas-sisa ffissati skond il-qawwa akoħolika volumika ta’ dawn iż-żewġ xarbiet. |
48 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-livell ta’ alkoħol huwa l-kriterju ta’ evalwazzjoni l-iktar rilevanti f’dan il-każ, peress li huwa utilizzat fl-Iżvezja bħala bażi għad-determinazzjoni tad-dazji tas-sisa. Minbarra dan, huwa kriterju oġġettiv li jirrifletti l-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati. |
49 |
Skond l-Artikolu 2 tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol, id-dazji tas-sisa fuq il-birra huma fissi, filwaqt li, skond l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, dawk applikati għall-inbid huma progressivi, u ivarjaw skond il-kategoriji previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, huwa paċifiku lil r-rata tal-VAT hija ta’ 25 % tal-prezz ta’ bejgħ, inkluża s-sisa, għaż-żewġ prodotti. |
50 |
B’hekk, jirriżulta mill-paragun tal-livelli ta’ tassazzjoni fir-rigward tal-livell alkoħoliku li inbid li jinsab f’kompetizzjoni mal-birra qawwija, li għandu qawwa alkoħolika ta’ 12.5 % volum ta’ alkoħol, jiġi ntaxxat għal kull unità ta’ perċentwali ta’ volum ta’ alkoħol għal kull litru madwar 20 % iktar minn dik tal-birra qawwija (SEK 1.77 kontra SEK 1.47), fejn din id-differenza tiżdid b’36 % għal inbid li għandu qawwa alkoħolika ta’ 11 % volum ta’ alkoħol (SEK 2 kontra SEK 1.47) u għal 50 % għal inbid li għandu qawwa alkoħolika ta’ 10 % volum ta’ alkoħol (SEK 2.208 kontra SEK 1.47). |
51 |
L-inbid li jinsab f’kompetizzjoni mal-birra qawwija huwa b’hekk soġġett għal tassazzjoni ogħla minnha. |
52 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk din it-taxxa ogħla ta’ l-inbid meta pparagunata mal-birra qawwija hijiex ta’ natura li tinfluwenza s-suq in kwistjoni, billi tnaqqas il-konsum potenzjali tal-prodotti importanti għall-vantaġġ tal-prodotti nazzjonali li jikkompetu bejniethom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 15, kif ukoll Roders et, punt 39). |
53 |
F’dan ir-rigward, għandha tittieħed kunsiderazzjoni tad-differenza eżistenti bejn il-prezz ta’ bejgħ tal-prodotti in kwistjoni u l-effett ta’ din id-differenza fuq l-għażla tal-konsumatur kif ukoll ta’ l-evoluzzjoni tal-konsum ta’ dawn il-prodotti (sentenza Roders et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). |
54 |
Sabiex naslu għal din l-evalwazzjoni, hemm lok li jintuża metodu komparattiv finalment aċċettat miż-żewġ partijiet, fir-rigward ta’ litru birra u ta’ litru inbid, peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx ir-rilevanza, għal din il-kawża, ta’ metodu ieħor. |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ l-Iżvezja, ir-relazzjoni bejn il-prezz ta’ bejgħ finali, it-taxxi kollha inklużi, ta’ litru birra qawwija u dak ta’ litru inbid li qed jikkompeti magħha hija ta’ proporzjon ta’ 1: 2. |
56 |
B’hekk, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk jiġi presuppost li d-dazji tas-sisa bħal dawk previsti għall-birra qawwija, jiġifieri SEK 1.47 għal kull unità ta’ perċentwali ta’ volum ta’ alkoħol għal kull litru, jiġu applikati għall-inbid li huwa f’kompetizzjoni magħha, bħala inbid li jippreżenta 12.5 % volum ta’ alkoħol, it-tnaqqis tal-prezz ta’ bejgħ finali, it-taxxi kollha inklużi, ta’ litru ta’ dan l-inbid huwa ta’ SEK 4.63 (EUR 0,5) jew ta’ 6.65 %. Minkejja dan it-tnaqqis, ir-relazzjoni bejn il-prezz ta’ bejgħ finali, it-taxxi kollha inklużi, tal-birra qawwija u dak ta’ l-inbid f’kompetizzjoni magħha tibqa’ bi proporzjoni ta’ 1: 2. Iktar preċiżament, din ir-relazzjoni ta’ prezz ta’ bejgħ finali hija stabbilita għal 1: 2.1, kontra 1: 2.3. |
57 |
Il-paragun tar-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ litru birra qawwija u ta’ litru inbid f’kompetizzjoni magħha b’hekk turi li d-differenza fil-prezz bejn dawn iż-żewġ prodotti hija kważi identika qabel u wara t-tassazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk id-differenza eżistenti bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ rispettivi tal-birra u ta’ l-inbid li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin hija inqas minn dik li ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi enfasizzat li d-differenza ta’ prezz ta’ bejgħ irrilevata f’din il-kawża hija madankollu tali li d-differenza ta’ tassazzjoni bejn dawn iż-żewġ prodotti mhijiex ta’ natura li tinfluwenza fuq l-aġir tal-konsumatur fis-settur ikkunsidrat. |
58 |
Minn dan kollu jirriżulta li l-Kummissjoni ma ressqitx provi li, f’dan il-każ, id-differenza bejn il-prezzijiet rispettivi tal-birra qawwija, ta’ qawwa alkoħolika ugwali jew akbar minn 3.5 % volum ta’ alkoħol, u ta’ l-inbid tal-kategorija intermedjarja, f’kompetizzjoni magħha, hija f’dan il-punt tant imnaqqsa li d-differenza tad-dazji tas-sisa applikabbli għal dawn il-prodotti fl-Iżvezja tista’ tinfluwenza l-aġir tal-konsumatur. Fid-dawl tal-konstatazzjoni dwar ir-relazzjoni ta’ prezz ta’ bejgħ finali effettwata fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni in kwistjoni ma tidhirx li għandha bħala effett li tipproteġi indirettament il-birra Żvediża, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, mill-fatt biss li hija timplika li l-inbid, essenzjalment importat minn Stati Membri oħra, huwa intaxxat iktar mill-birra, prodott essenzjalment nazzjonali. |
59 |
F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-istatistika dwar il-bejgħ tal-prodotti kkonċernati ppreżentata mill-Kummissjoni tippermetti wkoll li tintwera ċerta sensittività tal-konsumatur għall-varjazzjonijiet tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti unikament għal perijodu qasir, bl-esklużjoni ta’ bidliet fit-tul ta’ l-abitudnijiet tal-konsum għall-vantaġġ tal-birra u għad-dannu ta’ l-inbid. |
60 |
Huwa ċert li, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 10 tas-sentenza tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, li ma jistax jiġi meħtieġ, għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, f’kull każ, li titressaq prova statistika ta’ effett protettur ta’ sistema ta’ taxxi interni, iżda huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li mekkaniżmu fiskali partikolari, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tiegħu stess, jista’ jwassal għal tali effett. |
61 |
Madankollu, f’din il-kawża, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wrietx biżżejjed fid-dritt li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tista’ twassal għal tali effett protettur. |
62 |
B’hekk dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju ta’ l-Iżvezja. |
64 |
Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(4) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li r-Repubblika tal-Latvja għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.