Kawża C-134/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Dritt ta’ stabbiliment — Irkupru extraġudizzjarju ta’ djun”
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Irkupru extraġudizzjarju ta’ djun
(Artikolu 43 KE u 49 KE)
Billi jimponi l-obbligu fuq kull impriża li teżerċita l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun:
– li titlob, għalkemm l-impriża jkollha liċenzja maħruġa mill-Questore ta’ provinċja, liċenzja ġdida f’kull provinċja fejn hija tixtieq teżerċita l-attivitajiet tagħha, ħlief fil-każ meta jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat f’din il-provinċja l-oħra, Stat Membru jonqos mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 43 KE u 49 KE;
– li jkollha uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja u li twaħħal hemmhekk tabella ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lill-klijenti, Stat Membru jonqos mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 49 KE;
– li jkollha uffiċċju f’kull provinċja fejn hija għandha l-intenzjoni teżerċita l-attivitajiet tagħha, Stat Membru jonqos mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 43 KE.
(ara l-punti 47, 64, 66, 87 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Lulju 2007 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dritt ta’ stabbiliment – Irkupru extraġudizzjarju ta’ djun”
Fil-kawża C-134/05,
li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-22 ta’ Marzu 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, Avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, K. Schiemann u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ssuġġettat l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun għal numru ta’ kundizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
Il-kuntest ġuridiku
2 It-Test Uniku tal-Liġijiet dwar is-Sigurtà Pubblika (Testo Unico delle Leggi di Pubblica Sicurezza), approvat mid-Digriet Irjali Nru 773 tat-18 ta’ Ġunju 1931 (GURI Nru 146, tas-26 ta’ Ġunju 1931, iktar ’il quddiem it-“Test Uniku”), jipprovdi dan li ġej.
3 Skond l-Artikolu 115 tat-Test Uniku:
“Ma jistgħux jinfetħu jew jitmexxew aġenziji ta’ self fuq garanzija jew aġenziji oħrajn ta’ negozju, irrispettivament mis-suġġett u mit-tul ta’ żmien, anki jekk fil-forma ta’ aġenziji ta’ bejgħ, ta’ espożizzjoni, ta’ wirjiet jew ta’ fieri kummerċjali u simili, ħlief bl-liċenzja maħruġa mill-Questore [l-awtorità tal-pulizija lokali].
Il-liċenzja hija wkoll neċessarja għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ broker jew ta’ intermedjarju.
L-aġenziji indikati f’dan l-artikolu jinkludu b’mod partikolari l-aġenziji intiżi sabiex jiġbru informazzjoni bl-għan li tiġi mqassma permezz ta’ bullettini jew ta’ mezzi simili oħrajn.
Il-liċenzja tapplika esklużivament għall-postijiet li huma hemm indikati.
Ir-rappreżentazzjoni hija awtorizzata”.
4 Skond l-Artikolu 8 tat-Test Uniku:
“Il-liċenzji tal-pulizija huma personali: ma jistgħux f’ebda każ jiġu ttrasferiti u lanqas jagħtu lok għal relazzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni, minbarra fil-każijiet espressament previsti fil-liġi.
Fil-każijiet fejn ir-rappreżentazzjoni hija possibbli fil-kuntest ta’ liċenzja tal-pulizija, ir-rappreżentant għandu jkollu l-kwalitajiet neċessarji sabiex jikseb il-liċenzja u jingħata approvazzjoni ta’ l-awtorità tal-pulizija li tkun ħarġet il-liċenzja”.
5 L-Artikolu 9 tat-Test Uniku jipprovdi li:
“Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, kull persuna li tkun kisbet liċenzja tal-pulizija għandha tosserva l-istruzzjonijiet li l-awtorità tas-sigurtà pubblika jidrilha li għandha timponi fuqha fl-interess pubbliku”.
6 L-Artikolu 11 tat-Test Uniku jiddisponi li:
“Mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet partikolari previsti fil-liġi f’każijiet speċifiċi, il-liċenzji tal-pulizija għandhom jiġi miċħuda:
1. lil persuni kkundannati għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn tliet snin għal reat imwettaq b’mod intenzjonali u li ma jkunux kisbu riabilitazzjoni;
2. lil persuni li kienu s-suġġett ta’ twissija jew ta’ miżura ta’ sigurtà personali, li ġew iddikjarati delinkwenti abitwali jew professjonali, jew li jkollhom tendenzi kriminali.
Il-liċenzji tal-pulizija jistgħu jiġi rrifjutati lil persuni li jkunu ġew ikkundannati għal reati kontra l-Istat jew kontra l-ordni pubblika, jew għal reati kontra l-persuni mwettqa bi vjolenza, jew ukoll għal serq, serq b’aggravju, estorsjoni, sekwestru ta’ persuna għall-finijiet ta’ serq jew ta’ estorsjoni, jew għal vjolenza jew reżistenza għall-awtorità kif ukoll lil kull persuna li ma tistax tagħti prova tal-kondotta tajba tagħha.
Il-liċenzji għandhom jiġu rrevokati meta ma jibqgħux jiġu sodisfatti, mill-persuna awtorizzata, il-kundizzjonijiet kollha jew parti minnhom li għalihom huma suġġetti u jistgħu jiġu rrevokati meta jseħħu jew jirriżultaw ċirkustanzi li kienu jimponu jew jippermettu r-rifjut tal-liċenzja”.
7 L-Artikolu 16 tat-Test Uniku jipprovdi li:
“L-uffiċjali u l-aġenti tas-sigurtà pubblika għandhom il-fakultà li jaċċedu fi kwalunkwe ħin fil-postijiet fejn issir l-attività suġġetta għal xi liċenzja tal-pulizija u li jassiguraw l-osservanza ta’ l-obbligi imposti mil-liġi, mir-regolamenti jew mill-awtoritajiet”.
8 L-Artikolu 120 tat-Test Uniku jgħid li ġej:
“In-negozjanti u l-aġenziji pubbliċi msemmija fl-artikoli preċedenti huma obbligati li jżommu reġistru ta’ kuljum tan-negozju bil-mod li ser jiġi ddeterminat mir-regolament, u li jżommu mwaħħla b’mod permanenti fl-uffiċċji ta’ l-aġenzija, b’mod viżibbli, it-tabella ta’ l-operazzjonijiet li huma jagħmlu, flimkien mat-tariffa tal-prezzijiet relatati.
L-imsemmija negozjanti ma jistgħux iwettqu operazzjonijiet differenti minn dawk indikati fit-tabella ċċitata iktar ’il fuq u lanqas jitolbu prezzijiet ogħla minn dawk indikati fit-tariffa […]”
9 Iċ-ċirkulari tal-Ministeru ta’ l-Intern 559/C 22103.12015, tat-2 ta’ Lulju 1996 (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari”), indirizzata lill-Questori kollha ta’ l-Istat Taljan, tissupplementa u tinterpreta ċerti dispożizzjonijiet tat-Test Uniku.
10 Din iċ-ċirkulari tindika, fost affarijiet oħrajn, li, sabiex jiġi evitat li t-tariffi pprattikati huma estremament differenti minn provinċja għal oħra, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti parametri oġġettivi u omoġenji.
11 Għal dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun ma’ dak ta’ attivitajiet oħrajn suġġetti għal regoli differenti, iċ-ċirkulari jippreċiża li l-aġenziji ta’ rkupru ta’ djun “għandhom jitqiesu li m’għandhomx id-dritt li jeffettwaw l-operazzjonijiet finanzjarji rregolati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/93 [dwar Test Uniku tal-liġijiet għal dak li jirrigwarda l-qasam bankarju u ta’ krediti (Testo unico delle legi in materia bancaria e creditizia), ta’ l-1 ta’ Settembru 1993 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 230, tat-30 ta’ Settembru 1993, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu”)], li huma rriżervati esklużivament għall-intermedjarji finanzjarji mniżżla espressament fir-reġistru ad hoc tal-Ministru tat-Teżor”.
Il-proċedura prekontenzjuża
12 Il-Kummissjoni, billi hija tal-fehma li ċerti dispożizzjonijiet tat-Test Uniku kif interpretati u kkompletati permezz taċ-ċirkulari huma inkompatibbli ma’ l-Artikolu 43 KE u 49 KE, bagħtet, fil-21 ta’ Marzu 2002, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana.
13 Filwaqt li jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-artikoli msemmija iktar ’il fuq tat-Trattat KE, l-awtoritajiet Taljani wieġbu li grupp ta’ ħidma ġie mitlub jeżamina b’mod dettaljat il-leġiżlazzjoni in kwistjoni sabiex tiġi rriveduta.
14 Wara li talbet lill-imsemmija awtoritajiet sabiex jibagħtulha r-riżultati tal-ħidma ta’ dan il-grupp, il-Kummissjoni rċeviet, f’Mejju 2004, ittra li tħabbar il-preparazzjoni ta’ abbozz ta’ liġi sabiex tiġi rriveduta l-leġiżlazzjoni in kwistjoni.
15 Madankollu, peress illi ma rċeviet la t-test u lanqas d-dati meta ser jiġi adottat dan l-abbozz, il-Kummissjoni bagħtet, fis-7 ta’ Lulju 2004, opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana, li permezz tagħha stiednet dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn minn meta tirċeviha. Bil-fehma li s-sitwazzjoni kienet għadha mhijiex sodisfaċenti, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
16 In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem tmien ilmenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Italja sabiex tiġi eżerċitata l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun f’dan l-Istat Membru.
17 Dawn l-ilmenti huma bbażati, rispettivament:
– fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikolu 49 KE tal-kundizzjoni dwar il-ksib ta’ liċenzja maħruġa mill-Questore;
– fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tal-limitazzjoni territorjali tal-liċenzja;
– fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE ta’ l-obbligu li jkun hemm uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja;
– fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE ta’ l-obbligu li jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat sabiex jeżerċita l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun fi provinċja li għaliha l-operatur m’għandhux liċenzja;
– fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikolu 49 KE ta’ l-obbligu li titwaħħal, fl-uffiċċji, tabella ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lill-klijenti;
– fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tas-setgħa mogħtija lill-Questore li jimponi rekwiżiti addizzjonali sabiex jiggarantixxi l-osservanza tas-sigurtà pubblika fl-interess ġenerali;
– fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tal-limitazzjoni fuq il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi, u
– fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tal-projbizzjoni li jiġu eżerċitati wkoll l-attivitajiet irregolati mil-liġi dwar l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu.
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikolu 49 KE tal-kundizzjoni dwar il-ksib ta’ liċenzja maħruġa mill-Questore
L-argumenti tal-partijiet
18 Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Taljana, billi tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun għall-ksib ta’ liċenzja maħruġa mill-Questore, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Din ir-restrizzjoni mhijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 49 KE, minħabba l-fatt li hija tapplika għall-operaturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni l-osservanza, minn dawn l-operaturi, ta’ l-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom għall-ħarsien ta’ l-interess pubbliku.
19 F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tafferma qabel kollox li l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun hija ta’ interess ġenerali kbir. Dan jiġġustifika l-fatt li l-Artikolu 115 tat-Test Uniku jimponi, kemm fuq iċ-ċittadini Taljani kif ukoll fuq dawk ta’ Stati Membri oħrajn, l-obbligu li jkollhom liċenzja sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw din l-attività. Tali liċenzja hija maħruġa minn Questore.
20 L-imsemmi Gvern jippreċiża sussegwentement li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini Taljani kif ukoll għaċ-ċittadini li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn, u li bl-ebda mod ma hija bbażata fuq kundizzjonijiet, bħar-residenza, li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni indiretta kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn meta mqabbla maċ-ċittadini Taljani. Huwa jinsisti, barra minn hekk, fuq il-fatt li la l-Artikolu 115 tat-Test Uniku u lanqas iċ-ċirkulari ma jipprovdu, jekk xejn b’mod impliċitu, li m’għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna konċernata fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-liċenzja.
21 Fil-prattika, is-sitwazzjoni hija s-segwenti: kull persuna li tixtieq teżerċita attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun, ta’ irkantijiet pubbliċi, ta’ relazzjonijiet pubbliċi jew ta’ aġenzija matrimonjali għandha tagħmel talba lil Questore għal liċenzja skond l-Artikolu 115 tat-Test Uniku. Din it-talba ssir bil-preżentata ta’ formola, disponibbli fl-Internet u li eżemplari tagħha ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2006, li permezz tagħha l-persuna kkonċernata tiddikjara, essenzjalment, li fil-konfront tagħha ma tapplika ebda raġuni ta’ impediment prevista fl-Artikolu 11 tat-Test Uniku.
22 Skond l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 241/90 li tistabbilixxi regoli ġodda fil-qasam amministrattiv u għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi (nuove norme in materia di procedimento amministrativo e di diritto di accesso ai documenti amministrativi), tas-7 ta’ Awwissu 1990 (GURI Nru 192, tat-18 ta’ Awwissu 1990, p. 7), din id-dikjarazzjoni hija eżaminata fi żmien 30 jum mid-data meta ssir it-talba għall-liċenzja. Meta ebda element ma jġiegħel lill-Questore jiddubita l-eżattezza ta’ l-imsemmija dikjarazzjoni, il-liċenzja tinħareġ. F’każ kuntrarju, isiru l-verifiki li huma kkunsidrati neċessarji. Għal dan il-għan, il-Questore jirreferi, jekk ikun il-każ, għall-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ min qed jagħmel it-talba. L-informazzjoni jew id-dokumenti mogħtija f’dan il-każ minn dawn ta’ l-aħħar jittieħdu in kunsiderazzjoni mingħajr ma jiġu eżaminati mill-ġdid jew b’xi mod jitqiegħdu fid-dubju.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi fuq it-territorju nazzjonali minn impriża stabbilità fi Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-189/03, Ġabra p. I-9289, punt 17, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-168/04, Ġabra p. I-9041, punt 40).
24 Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti tikser, bħala prinċipju, l-Artikolu 49 KE u, għaldaqstant, hija pprojbita minn dan l-artikolu, ħlief jekk hija ġġustifikata, b’mod partikolari, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
25 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta teskludi l-kunsiderazzjoni ta’ l-obbligi diġà applikabbli għal minn joffri s-servizzi barra mill-pajjiż fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, li huwa dak li jiġi assigurat kontroll strett fuq l-attivitajiet in kwistjoni (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-171/02, Ġabra p. I-5645, punt 60, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
26 Għandu jiġi osservat li, waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana ppreżentat bi preċiżjoni l-prattika segwita fil-kuntest ta’ l-għoti ta’ liċenzja skond l-Artikolu 115 tat-Test Uniku. Din il-prattika, spjegata fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, tillimita ruħha fir-realtà li titlob lill-persuna kkonċernata li jippreżenta, permezz ta’ formola disponibbli fl-Internet, sempliċi dikjarazzjoni ta’ “kondotta tajba” fis-sens ta’ l-Arikolu 11 tat-Test Uniku, il-kontenut ta’ liema l-awtorità kompetenti għandha tivverifika fi żmien 30 jum.
27 L-eżistenza tal-prattika hekk deskritta ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni waqt is-seduta u l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandha l-ebda element li jippermettilha tiddubita l-eżistenza ta’ din il-prattika.
28 Peress li l-formola in kwistjoni hija disponibbli fl-Internet, is-sistema għall-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun tista’ tiġi kkkunsidrata bħala li għandha pubbliċità adegwata.
29 Issa, ir-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni ta’ “kondotta tajba” fis-sens ta’ l-Artikolu 11 tat-Test Uniku huwa inqas oneruż minn dak li jiġu ppreżentati dokumenti lill-awtorità kompetenti. Sa fejn hija r-responsabbiltà ta’ min jipprovdi s-servizzi li jiddikjara li huwa ma jaqax taħt waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet msemmija f’dan l-artikolu, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ persuna stabbilita fl-Italja u dik ta’ persuna stabbilita fi Stati Membri oħrajn, ma jistax jingħad li l-imsemmija proċedura ma tieħux in kunsiderazzjoni l-osservanza, minn dan il-prestatarju, ta’ l-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat ta’ orġini tiegħu.
30 Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-prattika Taljana tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż, jiġifieri li jiġi assigurat kontroll strett ta’ l-attivitajiet ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun. Din il-prattika hija, għalhekk, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
31 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-kundizzjoni dwar il-ksib ta’ liċenzja minn qabel imposta għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun prevista fil-leġiżlazzjoni Taljana u implementata fil-prattika hija ġġustifikata minħabba raġunijiet marbuta ma’ l-interess ġenerali.
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni mhuwiex fondat.
Fuq is-sitt ilment, ibbażata fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tas-setgħa mogħtija lill-Questore li jimponi rekwiżiti addizzjonali sabiex jiggarantixxi l-osservanza tas-sigurtà pubblika fl-interess ġenerali
L-argumenti tal-partijiet
33 Skond il-Kummissjoni, il-fatt li l-Questore jista’, skond l-Artikolu 9 tat-Test Uniku, jimponi rekwiżiti addizjonali għal dawk previsti fil-liġi, li ma jkunux magħrufa minn qabel mill-operaturi kkonċernati, intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tas-sigurtà pubblika fl-interess ġenerali jikser l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
34 Fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, imniżżla taħt it-titolu “Twissijiet”, fil-formola msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Taljana tosserva li, billi d-diskrezzjoni ta’ l-amministrazzjoni hija limitata b’mod ċar mill-Artikolu 11 tat-Test Uniku, l-istruzzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tat-Test Uniku huma marġinali u residwi. Għaldaqstant, mhumiex ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni kkonċernati milli joperaw fl-Italja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ ċirkustanzi imprevedibbli u li jinbidlu, huwa inevitabbli li l-amministrazzjoni tista’ ssib ruħha fin-neċessità li teffettwa evalwazzjonijiet partikolari skond il-każ. Għaldaqstant, huwa eċċessiv li jiġi mitlub li l-liġi tipprovdi b’mod ezawrjenti l-kriterji kolla li għandhom jiġu osservati mill-amministrazzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
35 Mhemmx dubju, kif issostni r-Repubblika Taljana, li l-awtorità nazzjonali għas-siġurtà pubblika għandha tgawdi minn ċerta diskrezzjoni sabiex tevalwa sitwazzjonijiet skond il-każ u li jista’ jkollha timponi istruzzjonijiet fuq persuni li għandhom liċenzja maħruġa mill-pulizija mingħajr ma dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti minn qabel.
36 Kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 9 tat-Test Uniku, dan jipprovdi li kull persuna li tkun kisbet liċenzja maħruġa mill-pulizija għandha tosserva l-istruzzjonijiet li l-awtorità għas-sigurtà pubblika hija tal-fehma li għandha timponi fuq tali persuna fl-interess ġenerali.
37 Anki jekk din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-kundizzjonijiet li għalihom persuna tista’ tiġi suġġetta fl-eżerċizzju ta’ attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun fl-Italja, il-Kummissjoni ma werietx li teżisti sitwazzjoni ta’ inċertezza ġuridika b’mod li jiġi affettwat l-aċċess għas-suq Taljan tas-servizzi ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun.
38 Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tippreżenta ebda eżempju ta’ eżerċizzju ta’ l-imsemmija diskrezzjoni abbażi ta’ liema jista’ jiġi sostnut li l-istabbiliment fl-Italja ta’ impriżi li jixtiequ jeżerċitaw hemmhekk l-attivitajiet ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun u l-eżerċizzju ta’ tali attivitajiet f’dan l-Istat Membru minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor huma ostakolati.
39 Issa, l-eżistenza ta’ ostaklu għal-libertajiet ta’ moviment u ta’ stabbiliment ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li awtorità nazzjonali tiddisponi mis-setgħa li tissupplementa l-kuntest ġuridiku li jirregola attività ekonomika f’mument partikolari billi tissuġġetta ulterjorment din l-attività għal kundizzjonijiet addizzjonali.
40 Minn dan jirriżulta li s-sitt ilment tal-Kummissjoni huwa wkoll infondat.
Fuq it-tielet (parti minnu) u l-ħames ilment, ibbażati fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 49 KE ta’ l-obbligu li jkun hemm uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja u li titwaħħal hemmhekk tabella ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lill-klijenti
L-argumenti tal-partijiet
41 Il-Kummissjoni tosserva li l-obbligu li jkun hemm uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja, li jirriżulta mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 115 tat-Test Uniku, jammonta għar-rekwiżit li l-operatur jistabbilixxi ruħu hemmhekk, li jikser b’mod ċar, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE. Minn dan jirriżulta, skond il-Kummissjoni, li l-obbligu sussidjajru li titwaħħal fl-uffiċċju tabella ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lill-klijenti, impost mill-Artikolu 120 tat-Test Uniku, jikser ukoll l-Artikolu 49 KE.
42 Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-obbligu li jkun hemm uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja huwa ġġustifikat min-neċessità, fl-interess ġenerali, li l-awtorità għas-sigurtà pubblika tkun tista’ taċċedi, għal skopijiet ta’ verifika, għad-dokumenti li jirrigwardaw l-operazzjonijiet imwettqa fl-Italja. Għaldaqstant, l-obbligu sussidjarju li titwaħħal tabella ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti, impost fuq l-aġenziji pubbliċi kollha li l-attivitajiet tagħhom huma suġġetti għall-ħruġ ta’ liċenzja, huwa wkoll kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mit-Trattat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 Għandu jiġi mfakkar qabel kollox li hija ġurisprudenza kostanti li l-kundizzjoni skond liema minn jipprovdi s-servizz għandu jkollu s-sede ta’ l-attività ekonomika tiegħu fl-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz jikser direttament il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn tirrendi impossibbli l-provvista, fl-imsemmi Stat, ta’ servizzi minn persuni stabbiliti fi Stati Membri oħrajn (sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-257/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax li l-obbligu li jkun hemm uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja jikkostitwixxi ostaklu, bħala prinċipju pprojbit, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE.
44 Issa dan l-ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jistax jiġi ġġustifikat mill-objettiv invokat mir-Repubblika Taljana.
45 Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri li jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jistgħux ikunu ġġustifikati b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ħlief jekk ikunu neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi li huma għandhom l-għan li jiggarantixxu u sa fejn dawn l-objettivi ma jistgħux jiġu milħuqa permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 u l-ġurispridenza ċċitata).
46 Issa, il-verifika ta’ attivitajiet ta’ impriżi ta’ rkupru ta’ djun u tad-dokumenti tagħhom li jirrigwardaw l-operazzjonijiet imwettqa fl-Italja bl-ebda mod ma tiddependi fuq l-eżistenza ta’ uffiċċju li l-imsemmija impriżi jrid ikollhom f’dan l-Istat Membru. Bl-istess mod, is-servizzi mogħtija minn dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiġu kkomunikati lill-klijenti b’mezzi inqas restrittivi mit-twaħħil fl-uffiċċji maħluqa, fost oħrajn, għal dan l-iskop, bħal, per eżempju, l-pubblikazzjoni f’ġurnal lokali jew pubbliċità adegwata.
47 Għandu jiġi kkonstatat li, billi tobbliga lill-persuni li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun ikollhom uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja u jwaħħlu f’dawn l-uffiċċji tabella ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lill-klijenti, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 49 KE.
Fuq it-tieni u r-raba’ lment, ibbażati fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tal-limitazzjoni territorjali tal-liċenzja għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun u ta’ l-obbligu li jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat sabiex jeżerċita din l-attività fi provinċja li għaliha l-operatur m’għandhux liċenzja, kif ukoll fuq it-tielet ilment billi huwa bbażat fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE ta’ l-obbligu li jkun hemm uffiċċju f’kull provinċja
L-argumenti tal-partijiet
48 Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-liċenzja maħruġa mill-Questore hija valida biss fil-provinċja li taqa’ taħt l-awtorità ta’ din ta’ l-aħħar jikkostitwixxi restrizzjoni kemm għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Peress illi t-territorju Taljan huwa maqsum fi 103 provinċji, in-numru ta’ liċenzji li jkollhom jinħarġu sabiex persuna tkun tista’ teżerċita l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun f’dan it-territorju sħiħ jirrappreżenta ostaklu li operatur ekonomiku ta’ Stat Membru ieħor ma jkunx jista’ jegħleb.
49 Skond il-Kummissjoni, din ir-restrizzjoni, flimkien mal-konsegwenzi għal dak li jirrigwarda kemm ir-rappreżentazzjoni kif ukoll l-uffiċċji li l-operatur irid ikollu f’kull provinċja, mhijiex iġġustifikata minn rekwiżiti marbuta mas-sigurtà pubblika, b’mod partikolari effettività akbar tal-verifika ta’ l-attivitajiet ikkonċernati.
50 Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li din il-verifika tista’ tiġi organizzata fuq livell nazzjonali, billi eventwalment jsiru verifiki fuq il-livell lokali, iżda mingħajr il-bżonn li l-operaturi jkunu suġġetti għall-obbligu li jkollhom liċenzja għal kull provinċja fejn jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom. Barra minn hekk, l-imsemmija verifika tista’ ssir b’mod effettiv permezz ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet għas-sigurtà pubblika tad-diversi provinċji fejn l-operaturi għandhom l-intenzjoni jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom.
51 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-kapaċità tas-sistema Taljana li tilħaq l-objettiv intiż, peress li n-numru ta’ korpi amministrattivi involuti fir-rigward tal-liċenzji kollha neċessarji u n-numru ta’ uffiċċji li jkollhom jiġu vverifikati fil-konfront ta’ l-istess operatur jista’ jkun kontroproduċenti għall-finijiet ta’ verifika effettiva.
52 Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-fehma tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura speċifika tagħha, l-attività kkonċernata hija marbuta mal-kundizzjonijiet ekonomiċi lokali. Għaldaqstant, huwa indispensabbli li l-Questore jevalwa, qabel l-għoti ta’ liċenzja, is-sitwazzjoni fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tiegħu. Jekk il-liċenzji kellhom validità ġeografika aktar estiża mit-territorju tal-provinċja li għaliha ssir it-talba, l-imsemmija evalwazzjoni tista’ ma ssirx fi provinċja oħra fejn is-sitwazzjoni taf tkun differenti.
53 Ir-Repubblika Taljana żżid li, filwaqt li huwa paċifiku li l-attività in kwistjoni tista’ tiġi vverifikata minn awtorità għas-sigurtà pubblika, liema fatt mhuwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, m’għandhiex tkun din ta’ l-aħħar jew il-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-modalitajiet tekniċi u konkreti li fid-dawl tagħhom għandha ssir tali verifika.
54 Għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ korpi involuti fl-imsemmija verifika, ir-Repubblika Taljana ma tarax kif din l-informazzjoni tista’ taffettwa l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ sistema ta’ verifika li tilħaq l-objettiv tagħha.
55 Ir-Repubblika Taljana tikkonkludi li s-sistema ta’ liċenzji territorjali hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u hija proporzjonata fir-rigward ta’ l-objettiv intiż anki jekk jeżistu sistemi oħrajn li jistgħu jintużaw.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
56 Skond il-leġiżlazzjoni in kwistjoni, impriża tista’ teżerċita attivitajiet ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun biss fil-provinċja li għaliha nħarġitilha l-liċenzja, ħlief jekk jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet fi provinċja oħra. Barra minn hekk, impriża tista’ tikseb liċenzja għall-eżerċizzju ta’ l-imsemmija attivitajiet fi provinċji oħrajn biss jekk hija għandha uffiċċju f’kull waħda minn dawn il-provinċji.
57 Għalkemm dawn ir-regoli japplikaw b’mod identiku kemm għall-operaturi stabbiliti fi provinċja Taljana u li jkunu jixtiequ jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi provinċji oħrajn kif ukoll għall-operaturi li jiġu minn Stati Membri oħrajn li jixtiequ jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’diversi provinċji Taljani, huma jikkostitwixxu madankollu, għal kull operatur li mhuwiex stabbilit fl-Italja, ostaklu serju għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tiegħu f’dan l-Istat Membru li jaffettwa l-aċċess tiegħu għas-suq.
58 Fil-fatt, sa fejn dawn ir-regoli jirrikjedu li operatur li jiġi minn Stat Membru ieħor u li jixtieq jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’diversi provinċji Taljani, ma jkollux biss uffiċċju wieħed biss fit-territorju Taljan, iżda jkollu uffiċċji f’kull waħda minn dawn il-provinċji, ħlief f’każ li jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat, huma jqiegħduh f’sitwazzjoni żvantaġġuża meta mqabbel ma’ operaturi Taljani stabbiliti fl-Italja, li għandhom diġà uffiċċju ġewwa mill-inqas waħda mill-imsemmija provinċji u jiddisponu normalment minn faċilitajiet akbar mill-operaturi barranin sabiex jistabbilixxu kuntatti ma’ operaturi awtorizzati jeżerċitaw fi provinċji oħrajn bl-għan li jagħtuhom, jekk ikun il-każ, mandat ta’ rappreżentanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Caixa Bank France, C-442/02, Ġabra p. I-8961, punti 12 u 13).
59 Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-motivi mqajma mir-Repubblika Taljana sabiex jiġġustifika din ir-restrizzjoni għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, għandu jiġi kkonstatat qabel xejn li la l-limitazzjoni territorjali tal-liċenzja u lanqas l-obbligu li operatur ikollu uffiċċju fil-provinċja li għaliha nħarġet il-liċenzja ma jistgħux jiġu kkunsidrati immedjatament bħala inadegwati sabiex jilħqu l-għan ta’ effettività tal-verifika ta’ l-attivitajiet ikkonċernati assenjat lilhom.
60 Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, dawn ir-regoli jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, sa fejn dan ta’ l-aħħar jista’ jinkiseb b’mezzi inqas restrittivi.
61 Kif ġie kkonstatat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, is-sistema Taljana tipprovdi għall-għoti ta’ liċenzja territorja abbażi ta’ dikjarazzjoni ta’ “kondotta tajba” fis-sens ta’ l-Artikolu 11 tat-Text Uniku. Jekk din id-dikjarazzjoni tkun ġiet ivverifikata mill-awtorità kompetenti fil-provinċja fejn din tkun ġiet ippreżentata u din l-awtorità tkun ħarġet liċenzja lill-persuna kkonċernata, il-preżentata ta’ l-istess dikjarazzjoni lil awtoritajiet provinċjali oħrajn tkun mingħajr skop.
62 Fil-fatt, liċenzja maħruġa mill-Questore ta’ provinċja għandha tkun biżżejjed sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun fit-territorju Taljan kollu, sakemm id-dikjarazzjoni li abbażi tagħha tkun inħarġet l-liċenzja ssir ineżatta, f’liema każ il-persuna li ngħatatilha l-liċenzja għandha l-obbligu tiddikjara tali fatt.
63 Sa fejn ir-Repubblika Taljana ssostni li r-rikonoxximent, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ provinċja, ta’ liċenzja maħruġa fi provinċja oħra huwa ostakolat mill-fatt li l-għoti ta’ tali liċenzja jiddependi, barra minn hekk, mill-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi lokali mill-Questore ta’ kull provinċja, biżżejjed jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, kull sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, non diskriminatorji u magħrufa minn qabel mill-persuni kkonċernati (sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-463/00, Ġabra p. I-4581, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I-4325, punt 116). Peress illi tali evalwazzjoni hija nieqsa minn kriterji oġġettivi li huma magħrufa minn qabel mill-impriżi kkonċernati, dan l-argument ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ rikonoxximent, mill-Questore ta’ provinċja, ta’ liċenzja maħruġa mill-Questore ta’ provinċja oħra.
64 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi tobbliga impriża ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun li għandha liċenzja sabiex teżerċita din l-attività maħruġa mill-Questore ta’ provinċja titlob liċenzja ġdida f’kull provinċja fejn hija tixtieq teżerċita l-attivitajiet tagħha, ħlief fil-każ meta jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat f’din il-provinċja l-oħra, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 43 KE u 49 KE.
65 Għal dak li jirrigwarda l-obbligu, għall-impriżi ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun, li jkollhom uffiċċju f’kull provinċja fejn huma għandhom l-intenzjoni jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, biżżejjed jiġi mfakkar li, kif ġie osservat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-verifika ta’ l-attivitajiet ta’ l-imsemmija impriżi u tad-dokumenti tagħhom li jirrigwardaw l-attivitajiet mwettqa bl-ebda mod ma tiddependi fuq l-eżistenza ta’ uffiċċju li dawn l-impriżi jrid ikollhom f’dan l-Istat Membru.
66 Billi tobbliga lil dawn l-impriżi ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun ikollhom uffiċċju f’kull provinċja fejn huma għandhom l-intenzjoni jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 43 KE.
Fuq is-seba’ lment, ibbażat fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tal-limitazzjoni fuq il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi
L-argumenti tal-partijiet
67 Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet taċ-ċirkulari indirizzata lill-Questori fejn ġie indikat li huwa neċessarju li jiġu ffissati parametri oġġettivi u omoġenji sabiex jiġi evitat li tariffi li jvarjaw wisq bejniethom fl-istess provinċja ma jkunux trasparenti u prevedibbli. Huma jikkostitwixxu ostaklu għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE billi huma iktar onerużi fuq l-operaturi barranin milli fuq l-operaturi Taljani.
68 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jirriflettux l-objettiv ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tfakkar f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li r-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom jingħataw flimkien ma’ analiżi ta’ kemm hija xierqa u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva kkonċernata. Issa r-Repubblika Taljana ma invokat ebda argument konvinċenti f’dan ir-rigward.
69 Għall-kuntrarju, l-imsemmi Gvern isostni li l-operaturi kkonċernati mhumiex ipprivati mill-libertà li jiffissaw it-tariffi, peress illi ċ-ċirkulari fiha biss rakkomandazzjoni indirizzata lill-Questori, fejn tistieden dawn ta’ l-aħħar sabiex jindikaw lill-imsemmija operaturi listi ta’ tariffi bbażati fuq elementi oġġettivi bħall-ispejjeż jew ir-relazzjoni bejn id-domanda u l-provvista tas-servizz ikkonċernat. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom bħala għan li jiġi evitat li tinħoloq kompetizzjoni mingħajr kontroll fuq il-prezzijiet tas-servizzi, li tkun theddida eventwali għall-ordni pubblika f’dan is-settur ta’ attività.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
70 Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 49 KE, hija ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-għoti ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C-544/03 u C-545/03, Ġabra p. I-7723, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
71 Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda t-tariffi minimi obbligatorji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni li tipprojbixxi b’mod assolut li persuna tidderoga, bi ftehim, mid-drittijiet minimi ffissati b’tariffa tad-drittijiet ta’ avukat għal servizzi li huma, minn naħa, ta’ natura ġuridika u, min-naħa l-oħra, irriżervati għall-avukati tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 49 KE (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 70).
72 Fil-fatt, projbizzjoni ta’ din in-natura tippriva lill-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor mill-possibbiltà li jikkompetu b’mod iktar effettiv, billi joffru tariffi inferjuri għal dawk iffissati minn tariffa imposta, ma’ l-operaturi ekonomiċi stabbiliti b’mod stabbli fl-Istat Membru kkonċernat u li jiddisponu, minħabba f’hekk, minn faċilitajiet akbar mill-operaturi ekonomiċi stabbilti barra mill-pajjiż sabiex jibnu klijentela (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).
73 Bl-istess mod, tali projbizzjoni tillimita l-għażla tad-destinatarji tas-servizzi in kwistjoni fl-Istat Membru kkonċernat, billi dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jirrikorru għas-servizzi ta’ operaturi ekonomiċi barranin li joffru, f’dan l-Istat Membru, is-servizzi tagħhom għal prezz anqas minn dak li jirriżulta mill-prezzijiet minimi ffissati mill-imsemmija tariffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).
74 Madankollu, għandu jiġi osservat li fis-sentenza Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, il-projbizzjoni kkwalifikata bħala ostaklu għall-Artikolu 49 KE kienet tirriżulta minn leġiżlazzjoni fis-seħħ li kienet speċifikament u b’mod assolut tipprekludi kull deroga, bi ftehim, għal tariffa imposta, filwaqt li fil-kawża preżenti teżisti biss sempliċi indikazzjoni f’ċirkulari, indirizzata lill-Questori u deskritta bħala “rakkomandazzjoni” mir-Repubblika Taljana u li titlob biss li jiġu stabbiliti ċerti “parametri oġġettivi u omoġenji”.
75 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif il-Kummissjoni tosserva hija stess fir-rikors tagħha, li l-awtoritajiet Taljani ma tawx informazzjoni ulterjuri dwar il-miżuri adottati abbażi ta’ din ir-rakkomandazzjoni fiċ-ċirkulari tas-sena 1996. Għaldaqstant, l-eżistenza stess ta’ listi ta’ tariffi intiżi għall-impriżi ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun mhijiex stabbilita.
76 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma tatx prova ta’ l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE.
77 Dan japplika wkoll għal dak li jirrigwarda dan l-ilment billi huwa bbażat fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tal-limitazzjoni fuq il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi.
78 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li s-seba’ lment tal-Kummissjoni mhuwiex fondat fit-totalità tiegħu.
Fuq it-tmien ilment, ibbażat fuq l-inkompatibbiltà ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE tal-projbizzjoni li jiġu eżerċitati wkoll l-attivitajiet irregolati mil-liġi dwar l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu
L-argumenti tal-partijiet
79 Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-inkompatibbiltà ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun ma’ dak ta’ attivitajiet oħrajn, prevista fiċ-ċirkulari, hija ekwivalenti, għall-operaturi bankarji u ta’ kreditu ta’ Stati Membri oħrajn, għal projbizzjoni, li tikser l-Artikoli 43 KE u 49 KE, li tiġi eżerċitata fl-Italja l-imsemmija attività ta’ rkupru.
80 Anki jekk iċ-ċirkulari tiġi interpretata b’mod differenti mill-awtoritajiet Taljani, id-dispożizzjoni in kwistjoni tikser xorta waħda l-imsemmija artikoli minħabba l-ambigwità fil-kliem użat. Fil-fatt, l-imsemmija operaturi ma jistgħux jiddeterminaw b’mod ċar u preċiż jekk humiex awtorizzati jeżerċitaw l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun fl-Italja jew le. Skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex jikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju.
81 Ir-Repubblika Taljana tiċħad dawn l-allegazzjonijiet. Iċ-ċirkulari tfakkar biss li l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun ma tifformax parti mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ tfaddil u ta’ kreditu rregolati mil-liġi dwar l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu, u li, minħabba dan il-fatt, il-liċenzja sabiex tiġi eżerċitata l-ewwel attività ma tapplikax ukoll sabiex tiġi eżerċitata t-tieni attività.
82 Skond dan l-Istat Membru, anki jekk għandu jiġi kkunsidrat li, fiċ-ċirkulari, it-terminu “inkompatibbiltà” ma jintużax b’mod xieraq, mhemm l-ebda dubju raġonevoli għal dak li jirrigwarda l-fatt li mhemm xejn li jwaqqaf persuna awtorizzata milli teżerċita simultanjament iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet ikkonċernati.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
83 Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li ċ-ċirkulari tittratta l-kompetenzi ta’ l-impriżi ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun għal dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet finanzjarji rregolati mil-liġi dwar l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu, u mhux il-projbizzjoni, għall-operaturi bankarji u ta’ kreditu, milli jwettqu attivitajiet ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun fl-Italja.
84 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, kif issostni r-Repubblika Taljana, li jirriżulta mit-test taċ-ċirkulari, kif ġie riprodott fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, li din tikkonferma biss li l-liċenzja għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun ma tikkostitwixxix awtomatikament l-awtorizzazzjoni li jiġi eżerċitati l-attivitajiet irregolati mil-liġi dwar l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu.
85 Fin-nuqqas ta’ inċertezza legali fiċ-ċirkulari għal dak li jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun b’relazzjoni ma’ dak ta’ l-attivitajiet irregolati mil-liġi dwar l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu, mhemm l-ebda ostaklu għal-libertà ggarantita mill-Artikolu 49 KE fir-rigward ta’ l-operaturi barranin għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun fl-Italja.
86 Għaldaqstant, it-tmien ilment tal-Kummissjoni mhuwiex fondat.
87 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi timponi, fil-kuntest tat-Test Uniku, l-obbligu, fuq kull impriża li teżerċita l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun:
– li titlob, għalkemm l-impriża jkollha liċenzja maħruġa mill-Questore ta’ provinċja, liċenzja ġdida f’kull provinċja fejn hija tixtieq teżerċita l-attivitajiet tagħha, ħlief fil-każ meta jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat f’din il-provinċja l-oħra, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 43 KE u 49 KE;
– li jkollha uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja u li twaħħal hemmhekk tabella ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lill-klijenti, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 49 KE;
– li jkollha uffiċċju f’kull provinċja fejn hija għandha l-intenzjoni teżerċita l-attivitajiet tagħha, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 43 KE.
88 Il-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
89 Skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom.
90 Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana tilfu fuq ċerti kapi tat-talbiet tagħhom, għandu jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi timponi, fil-kuntest tat-Test Uniku tal-Liġijiet dwar is-Sigurtà Pubblika (Testo Unico delle Leggi di Pubblica Sicurezza), approvat mid-Digriet Irjali Nru 773, tat-18 ta’ Ġunju 1931, l-obbligu, fuq kull impriża li teżerċita l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun:
– li titlob, għalkemm l-impriża jkollha liċenzja maħruġa mill-Questore ta’ provinċja, liċenzja ġdida f’kull provinċja fejn hija tixtieq teżerċita l-attivitajiet tagħha, ħlief fil-każ meta jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat f’din il-provinċja l-oħra, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 43 KE u 49 KE;
– li jkollha uffiċċju fit-territorju kopert mil-liċenzja u li twaħħal hemmhekk tabella ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lill-klijenti, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 49 KE;
– li jkollha uffiċċju f’kull provinċja fejn hija għandha l-intenzjoni teżerċita l-attivitajiet tagħha, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 43 KE.
2) Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.
3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu, kull waħda min-naħa tagħha, l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.