SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta' Marzu 2006 (*)

"Politika agrikola komuni – Regolament (KE) Nru 97/95 – Premiums imħallsa lill-impriżi li jipproduċu l-lamtu – Kundizzjonijiet ta' l-għoti – Penali – Proporzjonalità – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej"

Fil-kawża C‑94/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta' Frar 2005, fil-proċedura

Emsland-Stärke GmbH

vs

Landwirtschaftskammer Hannover,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Schintgen, P. Kūris u J. Klučka (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Diċembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Emsland-Stärke GmbH, minn L. Harings, Rechtsanwalt,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. C. Schieferer u F. Erlbacher, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità u l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 97/95 tas-17 ta’ Jannar 1995 li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 rigward il-prezz minimu u l-pagament kumpensatorju li għandu jitħallas lill-produtturi tal-patata u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94 li jistabbilixxi sistema ta’ kwota fir-rigward tal-produzzjoni ta’ lamtu tal-patata (ĠU L 16, p. 3), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1125/96 ta' l-24 ta' Ġunju 1996 (ĠU L 150, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 97/95").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Emsland‑Stärke GmbH, li ngħaqdet fl-1997 ma' Kyritzer Stärke GmbH (iktar 'il quddiem, flimkien, "Emsland‑Stärke"), u l-Landwirtschaftskammer Hannover (Kamra ta' l-agrikoltura ta' Hanover), li qabel kienet il-Bezirksregierung Weser‑Ems (awtorità amministrattiva lokali ta' Weser-Ems, iktar 'il quddiem il-"Bezirksregierung"), dwar penali finanzjarji li jnaqqsu l-ammont ta' premium mogħti lil impriża li tipproduċi l-lamtu, meta din ta' l-aħħar tikseb il-patata, mhux minn produttur, iżda minn operatur li jġib il-patata, direttament jew indirettament, mingħand il-produtturi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 97/95

3       Skond ir-raba' premessa tar-Regolament Nru 97/95:

"[…] huwa meħtieġ li jkunu speċifikati liema materji għandhom ikunu koperti b’kuntratt ta’ kultivazzjoni bejn intrapriża li tipproduċi lamtu tal-patata u produttur sabiex ma tħallix li jsiru kuntratti b’eċċess tas-subkwota ta’ l-intrapriża; […] dawn l-impriżi għandhom ikunu ipprojbiti milli jaċċettaw fornimenti ta’ patata li ma tkun[x] koperta b’kuntratt ta’ kultivazzjoni, minħabba li dan joħloq riskju għall-effettività tas-sistema ta’ kwota u tal-ħtiġiet li l-prezz minimu [previst fl-]Artikolu 8 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 jitħallas għal patata kollha intenzjonata għal produzzjoni tal-lamtu [...]".

4       It-tmien premessa tar-Regolament Nru 97/95 tipprovdi kif ġej:

"[…] miżuri ta’ spezzjonar għandhom ikunu introdotti biex jassiguraw li dak il-lamtu biss prodott bi qbil mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jagħti [lok ...] għal pagamenti ta’ premium".

5       Id-disa' premessa tar-Regolament Nru 97/95 tipprovdi:

"[…] sabiex ikunu protetti produtturi ta’ patata intenzjonata għal produzzjoni ta’ lamtu, huwa essenzjali li l-prezz minimu stabbilit fl-Artikolu 8 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 jitħallas għal patata kollha; […] huwa għalhekk meħtieġ li jsir provediment għal sanzjonijiet meta l-prezz minimu ma jkunx tħallas, jew meta l-impriżi jkunu aċċettaw patata li ma tkunx koperta [b’]kuntratt tal-kultivazzjoni".

6       Skond l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 97/95:

"[…] regoli huma meħtieġa biex jassiguraw li lamtu tal-patata prodotta b’eċċess tas-subkwota ta’ intrapriża tkun esportata mingħajr rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni, kif meħtieġ bl-Artikolu 6 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1868/94; […] għandhom ikunu applikati sanzjonijiet fil-każ ta’ xi ksur".

7       L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 97/95 jipprovdi:

"Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu applikabli:

[...]

b)      subkwota: dik il-parti tal-kwota allokata mill-Istat Membru lill-impriżi li jipproduċu l-lamtu;

[...]

d)      produttur: kull persuna naturali jew legali jew grupp ta’ persuni bħal dawn, li jikkonsenjaw lill-impriża li tipproduċi l-lamtu patata prodotta minnu jew mill-membri tiegħu, f’ismu u għalih permezz ta’ kuntratt ta’ kultivazzjoni li jkun konkluż minnu jew f’ismu;

e)      kuntratt ta’ kultivazzjoni: xi kuntratt konkluż bejn produttur jew grupp ta’ produtturi u l-impriżi li jipproduċu l-lamtu;

[...]"

8       L-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi:

"1.      Kuntratt ta’ kultivazzjoni għandu jkun konkluż għal kull sena tas-suq. [...]

2.      Kull impriża li tipproduċi l-lamtu għandha tgħaddi lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Mejju li jippreċedi s-sena tas-suq f’dak il-każ, sommarju tal-kuntratti, inkluż għal kull kuntratt, [...] l-isem tal-produttur u t-tunnellaġġ ikkontrattat, espressi f’termini ta’ e[k]wivalenti tal-lamtu.

3.      It-total f’lamtu ekwivalenti tal-kwantitajiet imniżżla fil-kuntratti tal-kultivazzjoni m’għandhomx jeċċedu is-subkwota stabbilita għal dik l-impriża.

[...]

5.      Impriża ma tistax taċċetta kunsinna ta’ patata li ma tkunx koperta b’kuntratt ta’ kultivazzjoni."

9       Skond l-Artikolu 7(1) ta' l-istess Regolament:

"Il-premium għandu jingħata lill-impriżi li jipproduċu l-lamtu [...] sal-kwantità ta’ lamtu li dwarha jkollhom is-subkwota.

[...]"

10     L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 97/95 jipprovdi:

"Dawn il-pagamenti għandhom ikunu suġġetti għal-ħtiġiet mitluba hawn taħt:

[...]

b)      Fil-każ tal-[premium] li għalih hemm referenza fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1868/94, fuq il-kondizzjonijiet li:

–       l-impriża li tipproċessa tagħti prova li pproduċiet il-lamtu partikolari matul is-sena ta’ suq ikkonċernata,

–       l-impriża tagħti prova li ħalset prezz mhux inqas minn dak li għalih hemm referenza fl-Artikolu 8 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92, fil-fażi ta’ tqassim fil-fabbrika għall-kwantità kollha ta’ patata prodotta fil-Komunità, użata għall-produzzjoni tal-lamtu,

–       li l-impriża tagħti prova li l-lamtu partikolari ġie prodott minn patata koperta minn kuntratti ta' kultivazzjoni li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 4."

11     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 97/95 jipprovdi kif ġej:

"L-Istati Membri għandhom jintroduċu arranġamenti għal verifika fuq il-post ta’ l-operazzjonijiet li jagħtu intitolament għal-premium [...], b’konformità mas-subkwota [stabbilita] għal kull impriża li tipproduċi l-lamtu. [...]"

12     Il-paragrafi 3 u 4 ta' l-istess Artikolu jipprovdu:

"3.      Jekk il-korp kompetenti jistabbilixxi li l-obligazzjonijiet speċifikati fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 11 (1) (b) ma jkunux ġew rispettati mill-impriża, dik l-impriża għandha, fin-nuqqas ta’ forza maġġuri, titlef l-intitolament għal premiums, totalment jew f’parti, kif ġej:

–       jekk l-obbligi ma kienux ġew osservati f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwantità ta' lamtu anqas minn [20% tal-]kwantità totali ta’ lamtu prodott mill-impriża, il-premium mogħti għandu jitnaqqas b’ħames darbiet il-persentaġġ f’dak il-każ,

–       jekk il-persentaġġ f’dak il-każ ikun 20 jew aktar, l-ebda premium m’għandu jingħata.

4.      Jekk tkun stabbilita kontravenzjoni tal-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4 (5), il-premium mħallas għas-subkwota għandu jkun imnaqqas kif ġej:

–       jekk il-verifika turi kwantità ta’ lamtu ekwivalenti aċċettat mill-impriża ta’ anqas minn 10% tas-subkwota [tagħha], il-premium totali li għandu jitħallas lill-impriża għas-sena tas-suq f’dak il-każ għandu jkun imnaqqas b’10 darbiet tal-persentaġġ reġistrat,

–       jekk il-kwantità mhux koperta b’kuntratti ta’ produzzjoni tkun akbar mill-ammont speċifikat fl-ewwel inċiż, l-ebda premium m’għandu jingħata għas-sena tas-suq f’dak il-każ. Aktar minn hekk, l-ebda premium m’għandu jitħallas lill-impriża għas-sena tas-suq ta’ wara."

 Ir-Regolament Nru 2988/95

13     Skond il-ħames premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, p. 1):

" "[…] mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f'regoli settorjali skond dan ir-Regolament".

14     L-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi:

"'Irregolarità' għandha tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi [Komunitarja] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunit[ajiet] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunit[ajiet], jew permezz ta' nefqa mhux ġustifikata."

15     L-Artikolu 2 ta' l-istess Regolament jipprovdi kif ġej:

"1.      Il-verifiki[...], il-miżuri u l-penali [amministrattivi] għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi [Komunitarja]. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunit[ajiet].

[...]

3.      Il-liġi [Komunitarja] għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri [...] u l-penali [amministrattivi] meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta' l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.

[...]"

16     L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

"L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

[...]

ċ)      it-tneħħija totali jew parzjali ta' vantaġġ mogħti mir-regoli [Komunitarji], anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

d)      l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta' l-irregolarità;

[...]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17     Emsland‑Stärke hija manifattur ta' lamtu tal-patata li tinsab fit-territorju Ġermaniż. Għal kull waħda mis-snin tas-suq 1995/1996, 1996/1997 u 1997/1998, din il-kumpannija bbenefikat minn subkwoti ta' proċessar ta' lamtu tal-patata sa 371 846 000 kg. Mill-proċess jirriżulta li dawn il-subkwoti ma ġewx maqbuża.

18     Fuq il-bażi ta' kuntratti ta' kultivazzjoni u ta' kunsinna, Emsland-Stärke xtrat il-patata mingħand Moormann GmbH (iktar 'il quddiem "Moormann"). Wara li l-imsemmija kuntratti ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti, hija otteniet mil-Landwirtschaftsverwaltung des Landes Brandenburg (amministrazzjoni ta' l-Agrikoltura tal-Land ta' Brandenburg, iktar 'il quddiem il-"Landwirtschaftsverwaltung"), għas-sena 1995/1996, imbagħad mill-Bezirksregierung, għas-snin 1996/1997 u 1997/1998, il-premiums għall-produzzjoni ta' lamtu għall-ammont totali ta' 61 500 DEM.

19     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Landwirtschaftsverwaltung kienet ġiet pjenament infurmata, fil-mument ta' l-għoti tal-premiums għas-sena 1995/1996, bil-fatt li Moormann ma kinitx tipproduċi l-patata, iżda kienet tillimita ruħha li tinnegozja fiha. Min-naħa l-oħra, kien biss f'Novembru 1997, jiġifieri wara l-għoti tal-premiums għas-snin 1996/1997 u 1997/1998, li l-Bezirksregierung ikkonstatat, wara li saru lment u verifika, li Moormann ma kinitx produttur tal-patata, iżda operatur li jġib il-patata mingħand diversi produtturi jew operaturi oħra.

20     Dejjem skond id-deċiżjoni tar-rinviju, b'deċiżjonijiet tal-15 ta' April, tat-2 ta' Ġunju u ta' l-14 ta' Lulju 1998 kif ukoll tal-15 ta' Marzu 1999, il-Bezirksregierung imponiet penali ta' 614 487,47 DEM (314 182,45 EUR) fuq Emsland‑Stärke, minħabba li l-premiums setgħu jitħallsu biss, skond id-dritt Komunitarju, għall-patata li impriża kienet akkwistat permezz ta' kuntratti ta' kultivazzjoni u ta' kunsinna konklużi ma' produtturi.

21     Emsland‑Stärke kkontestat il-legalità ta' dawn id-deċiżjonijiet.

22     B'deċiżjoni tas-17 ta' Mejju 2000, il-Verwaltungsgericht Osnabrück annulla l-imsemmija deċiżjonijiet safejn kienu jeżiġu l-ħlas lura ta' pagamenti kumpensatorji u ċaħad ir-rikors għall-bqija safejn kien jikkontesta l-legalità tal-penali imposti fuq Emsland‑Stärke.

23     Iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali appellaw quddiem il-Niedersächsisches Oberverwaltungsgericht. B'sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, dan ta' l-aħħar ikkonstata n-nuqqas ta' kuntratt ta' kultivazzjoni regolari bejn l-imsemmija partijiet u, konsegwentement, ċaħad l-appell ippreżentat minn Emsland‑Stärke.

24     Għaldaqstant, Emsland‑Stärke ppreżentat rikors għal "Reviżjoni" kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht.

25     Billi kkunsidra li l-eżitu tal-kawża kien jiddependi mill-validità u mill-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      a)     Id-dispożizzjonijiet ikkombinati ta' l-Artikolu 13(4) u ta' l-Artikolu 4(5) tar-Regolament [...] Nru 97/95 [...] japplikaw meta kuntratt ikkwalifikat bħala kuntratt ta' kultivazzjoni, u li jkun ġie rikonoxxut mill-awtorità kompetenti skond l-Artikolu 4(2) u (3) [ta' dan ir-] Regolament, ikun ġie konkluż mhux ma' produttur tal-patata, iżda ma' kummerċjant li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand il-produtturi?

         b)     L-Artikolu 13(4) tar-Regolament [...] Nru 97/95 [...] jeżiġi li, bl-aċċettazzjoni tal-kunsinna ta' patata, l-impriża li tipproduċi l-lamtu tkun qabżet is-subkwota tagħha?

2)      a)     Il-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament [...] Nru 97/95 [...] tissodisfa, fid-dawl tar-relazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ma' l-Artikolu 13(3) ta' l-istess Regolament, l-eżiġenzi Komunitarji ta' preċiżjoni?

         b)     Fid-dawl tal-grad tagħha, il-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament [...] Nru 97/95 [...] hija – anki f'każijiet bħal dak preżenti – neċessarja għall-finijiet tal-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament [...] Nru 2988/95? Hija ta' natura li tipproteġi b'mod adegwat l-interessi finanzjarji tal-Komunità f'każijiet bħal dak preżenti?

3)      L-irregolarità ppenalizzata mill-Artikolu 13(4) tar-Regolament [...] Nru 97/95 [...] għandha tiġi kkunsidrata bħala li ġiet ikkawżata b'negliġenza, fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament [...] Nru 2988/95, anki f'każ fejn l-amministrazzjoni tkun tat il-premium meta kellha konoxxenza sħiħa tal-fatti rilevanti?"

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda

26     Bl-ewwel parti ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk il-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 tapplikax meta kuntratt, imsejjaħ "kuntratt ta' kultivazzjoni" u rikonoxxut bħala tali minn awtorità nazzjonali kompetenti skond l-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmi Regolament, ġie konkluż mhux ma' produttur tal-patata, iżda ma' operatur li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand il-produtturi.

27     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skond l-ewwel Artikolu 1(d) u (e) tar-Regolament Nru 97/95, kuntratt ta' kultivazzjoni huwa kuntratt konkluż bejn, minn naħa, impriża li tipproduċi l-lamtu u, min-naħa l-oħra, produttur, jiġifieri kull persuna naturali jew legali jew grupp ta' persuni bħal dawn, li jikkonsenja lill-impriża li tipproduċi l-lamtu patata prodotta minnu jew mill-membri tiegħu, f’ismu u għalih.

28     Konsegwentement, minkejja li kuntratt konkluż bejn impriża li tipproduċi l-lamtu u operatur, li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand il-produtturi, kien ġie msejjaħ "kuntratt ta' kultivazzjoni", m'għandux ikun ikkwalifikat bħala tali fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

29     Issa jirriżulta mill-Artikoli 4(5) u 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, li l-għan tiegħu huwa li jassigura l-protezzjoni tal-produtturi, li impriża li tieħu l-kunsinna ta' patata mhux koperta b'kuntratt ta' kultivazzjoni tista' tiġi ppenalizzata skond l-imsemmi Artikolu 13(4).

30     Għandu jiġi miżjud li l-fatt li amministrazzjoni kkunsidrat b'mod inkorrett li l-kuntratt in kwistjoni huwa kuntratt ta' kultivazzjoni ma jistax, kuntrarjament għal dak li ssostni Emsland‑Stärke fl-osservazzjonijiet tagħha, iqiegħed fid-dubju din l-evalwazzjoni.

31     Fil-fatt, il-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta' test tad-dritt Komunitarju u l-komportament ta' awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt Komunitarju, li taġixxi bi ksur ta' dan id-dritt, ma jistax joħloq aspettattiva leġittima għal operatur ekonomiku sabiex jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt Komunitarju (sentenzi tas-26 ta' April 1988, Krücken, 316/86, Ġabra p. 2213, punt 24, u ta' l-1 ta' April 1993, Lageder et, C‑31/91 sa C‑44/91, Ġabra p. I‑1761, punt 35).

32     Konsegwentement, impriża li tipproduċi l-lamtu ma tista' tibbaża l-ebda aspettattiva leġittima fuq il-fatt li awtorità nazzjonali kisret id-dritt Komunitarju billi kkunsidrat kuntratt bħala kuntratt ta' kultivazzjoni, meta dan ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

 Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel domanda

33     Bit-tieni parti ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob jekk l-applikazzjoni tal-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 hijiex suġġetta għal qbiż, minn impriża li tipproduċi l-lamtu, tas-subkwota li ġiet attribwita lilha.

34     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li ma jirriżultax mill-kliem użat fl-imsemmija dispożizzjoni li l-applikazzjoni ta' din il-penali hija suġġetta, fil-prinċipju, għall-qbiż tas-subkwota.

35     Fit-tieni lok, għalkemm il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(5) ta' l-imsemmi Regolament għandha l-għan, kif jirriżulta mir-raba' premessa ta' l-istess Regolament, li tipproteġi l-kwota billi tiffaċilita l-verifika, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-kwantità ta' patata mixtrija mill-impriżi li jipproduċu l-lamtu, dan il-fatt ma jistax ikun ta' ostakolu għall-applikazzjoni tal-penali prevista fl-Artikolu 13(4) ta' l-istess Regolament fin-nuqqas ta' qbiż tas-subkwota.

36     Fil-fatt, skond l-istess premessa, l-imsemmija projbizzjoni għandha wkoll l-għan li tassigura r-rispett tal-kundizzjoni li jitħallas prezz minimu għal patata kollha ddestinata għall-produzzjoni tal-lamtu.

37     Issa l-fatt biss li impriża li tipproduċi l-lamtu tikseb il-patata mingħand operatur li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand il-produtturi, jista' jippreġudika dan l-għan u għaldaqstant l-għan ta' protezzjoni ta' l-imsemmija produtturi.

38     Anki jekk l-impriża tipprova li hija ħallset lil tali operatur il-prezz minimu msemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 97/95, xejn ma jiggarantixxi li, min-naħa tiegħu, dan il-prezz tħallas kollu kemm hu lill-produtturi. Ir-rekwiżit ta' kuntratt ta' kultivazzjoni, konkluż direttament mal-produtturi, jidher, kif irrilevat il-Kummissjoni, li huwa l-uniku mezz sabiex jiġi evitat li parti mill-prezz effettivament imħallas mill-impriża ma tiġix miżmuma minn intermedjarji.

39     Fl-aħħar nett, id-disa' premessa tar-Regolament Nru 97/95 tipprovdi li, sabiex jiġu protetti l-produtturi tal-patata u jiġi garantit li huma jitħallsu l-prezz minimu, għandhom jiġu previsti xi penali mhux biss fil-każ fejn jiġi stabbilit li l-prezz minimu ma ġiex imħallas, iżda wkoll fil-każ fejn jiġi kkonstatat li impriża aċċettat patata li mhijiex koperta b'kuntratt ta' kultivazzjoni.

40     Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 m'għandhiex tiġi suġġetta għall-qbiż mill-impriża tas-subkwota tagħha.

41     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 hija applikabbli għal impriża li tipproduċi l-lamtu li, mingħajr mhuwa neċessarju li hija tkun qabżet is-subkwota li ġiet attribwita lilha, tikseb il-patata mingħand operatur li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand produtturi, anki meta l-kuntratt ta' xiri u ta' kunsinna konkluż bejnha u l-operatur in kwistjoni jkun ġie msejjaħ "kuntratt ta' kultivazzjoni" mill-partijiet fl-imsemmi kuntratt, ikun ġie rikonoxxut bħala tali minn awtorità nazzjonali kompetenti skond l-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmi Regolament, iżda ma jistax jingħata din il-kwalifika fis-sens ta' l-Artikolu 1(d) u (e) ta' l-istess Regolament.

 Fuq it-tieni domanda

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda

42     Bl-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fuq il-validità, fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, ta' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu.

43     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi, b'mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex dawk li huma suġġetti għaliha jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skond dan it-tagħrif (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Frar 1996, van Es Douane Agenten, C‑143/93, Ġabra p. I‑431, punt 27, u ta' l-14 ta' April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30). Dan ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali għandu jiġi rispettat b'rigorożità partikolari fil-każ ta' leġiżlazzjoni li jista' jkollha konsegwenzi finanzjarji (sentenza tal-15 ta' Diċembru 1987, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, 326/85, Ġabra p. 5091, punt 24).

44     Barra minn hekk, penali, anki mhux ta' natura kriminali, tista' tiġi imposta biss jekk tistrieħ fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11, u tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C‑210/00, Ġabra p. I‑6453, punt 52).

45     Issa, bil-fatt li jipprovdi għall-applikazzjoni ta' penali fil-każijiet kollha fejn impriża li tipproduċi l-lamtu tirċievi kunsinna ta' patata mhux koperta b'kuntratt ta' kultivazzjoni, l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, moqri flimkien ma' l-Artikoli 1 u 4(5) ta' l-imsemmi Regolament, jikkostitwixxi dispożizzjoni ċara u preċiża.

46     Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, għandu jiġi rrilevat, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, li l-penalitajiet stabbiliti f'dawn id-dispożizzjonijiet jikkorispondu għal żewġ ipoteżijiet distinti, jiġifieri, l-ewwel, in-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligi msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 11(1)(b) ta' l-imsemmi Regolament u, t-tieni, in-nuqqas ta' osservanza ta' l-Artikolu 4(5) ta' l-istess Regolament.

47     Minn dan isegwi li l-eżami ta' l-ewwel parti tat-tieni domanda ma rrivela l-ebda element li jista' jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda

48     Bit-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/95, safejn dan l-Artikolu 13(4) jippermetti li tiġi imposta penali fuq l-impriżi li jipproduċu l-lamtu li jieħdu kunsinna ta' patata mhux koperta b'kuntratt ta' kultivazzjoni, bla madankollu ma jaqbżu s-subkwota tagħhom.

49     F'dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-ksur tal-projbizzjoni, magħmula lill-impriżi li jipproduċu l-lamtu, li jiksbu l-patata mingħand operaturi li jġibu l-patata direttament jew indirettament mingħand il-produtturi, jikkostitwixxi irregolarità fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95. Bl-istess mod, it-tneħħija totali jew parzjali ta' premium għas-sena li tkun għaddejja, jew għas-sena segwenti, jikkostitwixxi penali amministrattiva fis-sens ta' l-Artikoli 2(1) u (3) u 5(1)(c) u (d) ta' l-imsemmi Regolament.

50     Issa għandu jiġi mfakkar li, fil-qasam tal-verifiki u tal-penali għall-irregolaritajiet mwettqa kontra d-dritt Komunitarju, il-leġiżlatur Komunitarju, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, stabbilixxa serje ta' prinċipji ġenerali u eżiġa li, bħala regola ġenerali, ir-regolamenti settorali kollha jirrispettaw dawn il-prinċipji (sentenza ta' l-1 ta' Lulju 2004, Gerken, C-295/02, Ġabra p. I‑6369, punt 56).

51     B'hekk, skond l-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmi Regolament, il-penali amministrattivi għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dritt Komunitarju. Huma għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, sabiex jipprovdu protezzjoni adegwata ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. Barra minn hekk, il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu jipprovdi li l-penali amministrattivi neċessarji għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni n-natura u s-serjetà ta' l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub kif ukoll il-grad ta' responsabbiltà.

52     Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-domanda jekk il-penali prevista fl-Artikolu 13(4) għandhiex l-għan li tassigura r-rispett tad-dritt Komunitarju u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, għandu jiġi rikonoxxut li l-imsemmija penali għandha tali għan billi hija applikata fl-ipoteżi fejn il-lamtu ma jiġix prodott f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 97/95. Il-ħlas ta' premium lil impriża li tikser l-Artikolu 4(5) ta' l-istess Regolament, billi tikseb il-patata mingħand operatur li jkun ġab il-patata direttament jew indirettament mingħand il-produtturi, jikkostitwixxi nefqa mhux ġustifikata, li tippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunitajiet.

53     Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-domanda jekk il-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 hijiex effettiva, proporzjonata u dissważiva, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju hijiex konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-mezzi li hija tapplika humiex adattati sabiex iwettqu l-għan intiż u jekk imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jilħquh (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Novembru 1995, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑426/93, Ġabra p. I‑3723, punt 42, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑26/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 126).

54     Fir-rigward ta' l-istħarriġ ġudizzjarju ta' tali kundizzjonijiet, fil-qasam tal-politika agrikola komuni l-leġiżlatur Komunitarju jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li jagħtuh l-Artikoli 34 KE u 37 KE. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta' miżura adottata f'dan il-qasam, meta mqabbla ma' l-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li tilħaq, li jista' jaffettwa l-legalità ta' tali miżura (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1989, Schräder, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 22, u tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 14).

55     Jidher, l-ewwel nett, li, skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, l-ammont totali tal-premiums li għandu jitħallas lil impriża li tipproduċi l-lamtu għandu jkun imnaqqas b’10 darbiet tal-perċentaġġ reġistrat, għas-sena in kwistjoni, meta l-imsemmija impriża tkun aċċettat kwantità ta' patata mhux koperta b'kuntratti ta' kultivazzjoni ta' anqas minn 10% tas-subkwota tagħha. L-ebda premium m'għandu jingħata, għas-sena tas-suq in kwistjoni kif ukoll għas-sena ta' wara, meta l-irregolarità tikkonċerna iktar minn 10% tas-subkwota mogħtija lil din l-impriża. B'dan il-mod, l-imsemmija dispożizzjoni tista' tiġi kkunsidrata bħala li tistabbilixxi penali effettiva u dissważiva, adattata sabiex twettaq l-għanijiet imfittxija.

56     It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-penali stabbilita b'din id-dispożizzjoni mhijiex assoluta, iżda tirrifletti l-portata u s-serjetà ta' l-irregolarità mwettqa, kif jipprovdi l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/95 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 53).

57     Fl-aħħar nett, fid-dawl ta' l-importanza ta' l-għan ta' protezzjoni tal-produtturi li l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 ifittex li jilħaq u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet Komunitarji f'dan il-qasam, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inġustifikata jew sproporzjonata l-impożizzjoni ta' penali dissważiva u effikaċi bħal dik prevista fl-imsemmija dispożizzjoni fil-każ ta' dikjarazzjoni żbaljata, intenzjonata jew le, ta' l-impriża li tipproduċi l-lamtu li titlob l-għoti ta' premium, li jikkonċerna l-kwalità ta' produttur (ara, f'dan is-sens, is-sentenza National Farmers’ Union et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53).

58     Konsegwentement, il-penali stabbilita bl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95 tista' tiġi kkunsidrata bħala adattata sabiex twettaq l-għanijiet imfittxija u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

59     Minn dan isegwi li l-eżami tat-tieni parti tat-tieni domanda ma rrivela l-ebda element li jista' jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95.

 Fuq it-tielet domanda

60     Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti ġiet infurmata bil-fatt li l-impriża li tipproduċi l-lamtu kienet kisbet il-patata mingħand operatur li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand il-produtturi jistax ikollu effett fuq il-kwalifika ta' irregolarità kkunsidrata bħala "kawżata minn negliġenza", fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2988/95, u, konsegwentement, ikollu effett fuq l-applikazzjoni għall-imsemmija impriża tal-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95.

61     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li din l-impriża ma tistax tinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi meta awtorità nazzjonali, deliberatament jew bi żball, tkun kisret id-dritt Komunitarju billi kkunsidrat kuntratt, ikkomunikat lilha mill-istess impriża, bħala kuntratt ta' kultivazzjoni, meta dan ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja sabiex jiġi rikonoxxut bħala tali.

62     Barra minn hekk, il-fatt li l-awtorità kompetenti ġiet infurmata bil-fatt li l-impriża li tipproduċi l-lamtu kienet kisbet il-patata mingħand operatur li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand il-produtturi ma jippermettix, fih innifsu, li titneħħa mill-irregolarità in kwistjoni l-kwalifika ta' irregolarità "kawżata minn negliġenza", jew saħansitra "intenzjonata", fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

63     L-Artikolu 13(4) ta' l-imsemmi Regolament ma jikkontjeni, barra minn hekk, l-ebda deroga għall-applikazzjoni tal-penali li jistabbilixxi, bil-maqlub ta' dispożizzjonijiet bħal dawk ta' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 tat-23 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità (ĠU L 391, p. 36). Din l-aħħar dispożizzjoni, imsemmija fis-sentenza tad-19 ta' Novembru 2002, Strawson u Gagg & Sons (C-304/00, Ġabra p. I-10737, punt 62), u li għaliha Emsland-Stärke tagħmel riferenza fl-osservazzjonijiet tagħha, tipprovdi li l-penali li hija tistabbilixxi ma tiġix applikata meta bidwi jipprova li huwa bbaża ruħu korrettament fuq informazzjoni żbaljata rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti.

64     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-risposta għat-tielet domanda mressqa għandha tkun li l-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti ġiet infurmata bil-fatt li impriża kienet kisbet il-patata mingħand operatur li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand produtturi ma jistax ikollu effett fuq il-kwalifika ta' irregolarità kkunsidrata bħala "kawżata minn negliġenza", fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u lanqas, konsegwentement, ma jista' jkollu effett fuq l-applikazzjoni għall-imsemmija impriża tal-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95.

 Fuq l-ispejjeż

65     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Il-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 97/95 tas-17 ta’ Jannar 1995 li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 rigward il-prezz minimu u l-pagament kumpensatorju li għandu jitħallas lill-produtturi tal-patata u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94 li jistabbilixxi sistema ta’ kwota fir-rigward tal-produzzjoni ta’ lamtu tal-patata, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1125/96 ta' l-24 ta' Ġunju 1996, hija applikabbli lil impriża li tipproduċi l-lamtu li, mingħajr m'huwa neċessarju li hija kienet tkun qabżet is-subkwota li ġiet attribwita lilha, tikseb il-patata mingħand operatur li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand produtturi, anki meta l-kuntratt ta' xiri u ta' kunsinna konkluż bejnha u l-operatur in kwistjoni jkun ġie msejjaħ "kuntratt ta' kultivazzjoni" mill-partijiet fl-imsemmi kuntratt, ikun ġie rikonoxxut bħala tali minn awtorità nazzjonali kompetenti skond l-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmi Regolament, iżda ma jistax jingħata din il-kwalifika fis-sens ta' l-Artikolu 1(d) u (e) ta' dan l-istess Regolament.

2)      L-eżami ta' l-ewwel parti tat-tieni domanda ma rrivela l-ebda element li jista' jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, kif emendat bir-Regolament Nru 1125/96, fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

3)      L-eżami tat-tieni parti tat-tieni domanda ma rrivela l-ebda element li jista' jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, kif emendat bir-Regolament Nru 1125/96, fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

4)      Il-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti ġiet infurmata bil-fatt li impriża li tipproduċi l-lamtu kienet kisbet il-patata mingħand operatur li jġib il-patata direttament jew indirettament mingħand produtturi ma jistax ikollu effett fuq il-kwalifika ta' irregolarità kkunsidrata bħala "kawżata minn negliġenza", fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u lanqas, konsegwentement, ma jista' jkollu effett fuq l-applikazzjoni għall-imsemmija impriża tal-penali prevista fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 97/95, kif emendat bir-Regolament Nru 1125/96.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.