Kawżi magħquda C-75/05 P u C-80/05 P
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja et
vs
Kronofrance SA
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Partijiet interessati — Għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment — Qafas multisettorjali tal-1998”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 2008 I - 6622
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Settembru 2008 I - 6653
Sommarju tas-sentenza
Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment
(Artikolu 88(2) u (3) KE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(h))
Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 225(1) KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Possibbiltà li jiġu adottati linji gwida
(Artikolu 87(3) KE; qafas multisettorjali tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment)
Proċedura – Miżuri istruttorji – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-bżonn li tiġi kkompletata l-informazzjoni – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 64)
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, abbażi tal-Artikolu 88(3), li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) jistgħu jiksbu l-osservanza ta’ tali garanziji biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja. Konsegwentement, meta, permezz ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda wara eżami preliminari, rikorrenti titlob li tikseb l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mill-Artikolu 88(2) KE, is-sempliċi fatt li din għandha l-istatus ta’ parti interessata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed sabiex titqies bħala direttament u individwalment ikkonċernata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.
L-interessati huma kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali.
Fl-eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li tivverifika li r-rikorrenti tista’ titqies li hija “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, mhijiex marbuta teżiġi wkoll li jintwera li l-pożizzjoni ta’ din il-parti fis-suq hija affettwata b’mod sostanzjali permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
(ara l-punti 37-40, 43, 44)
Fil-kuntest ta’ appell, l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
(ara l-punti 47-49)
Bl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li hija tgawdi fil-kuntest tal-Artikolu 87(3) KE, u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa u bil-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat — l-imsemmija testi ma jistgħux jiġu interpretati f’sens li jnaqqas il-portata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE jew b’mod li jmur kontra l-għanijiet previsti minnhom — u sa fejn huma aċċettati mill-Istati Membri. F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk dawn ir-regoli ġewx osservati mill-Kummissjoni.
Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna li taqa’ taħt l-ambitu tal-qafas multisettorjali għal għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tinjorax il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni meta tistħarreġ jekk, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonformatx ruħha mal-imsemmija oqfsa, u meta tivverifika jekk il-Kummissjoni kkunsidratx, fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli, id-destinazzjoni eventwali tal-għajnuna f’suq li sejjer lura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ġustament ukoll li l-qafas multisettorjali tal-1998 ġie interpretat fid-dawl tal-Artikolu 87 KE u fid-dawl tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna pubblika li jinsab fl-imsemmi artikolu sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri dak ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni.
(ara l-punti 59-74)
Fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-qorti tal-ewwel istanza tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha. Hija biss għandha s-setgħa li tevalwa n-natura probatorja tal-atti tal-kawża, u din l-evalwazzjoni ma tistax tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta mill-atti tal-proċess.
(ara l-punt 78)