SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta' Lulju 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/100/CEE – Drittijiet ta’ l-awtur – Dritt ta’ kiri u dritt ta’ self – Nuqqas ta' traspożizzjoni fit-terminu preskritt"

Fil-kawża C-53/05,

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-9 ta' Frar 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn P. Andrade u W. Wils, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrapreżentata minn L. Fernandesi u N. Gonçalves, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), J.-P. Puissochet, A. Borg Barthet u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-4 ta' April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi eżentat lill-kategoriji kollha ta' stabbilimenti ta' self lill-pubbliku mill-obbligu ta' ħlas dovut lill-awturi għal self lill-pubbliku, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 1 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta' Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, p. 61, iktar 'il quddiem "id-direttiva).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Is-seba' premessa tad-Direttiva tipprovdi kif ġej:

"Billi x-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi; billi l-possibbiltà biex tassigura dak id-dħul u tirkupra dak l-investiment tista’ tkun biss permezz ta’ protezzjoni legali adekwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati".

3       L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi:

"1.      Skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, bla ħsara għall-Artikolu 5, dritt biex jawtorizza jew jipprevjeni l-kiri jew is-self ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, u materji oħra kif stipulat fl-Artikolu 2(1).

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "kiri" tfisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett.

3.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "self" ifisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta jsir permezz ta’ stabbilimenti li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

4.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu eżawriti b’ebda bejgħ jew att ieħor ta’ distribuzzjoni ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor kif stipulat fl-Artikolu 2(1)".

4       L-Artikolu 5 (1) sa 5(3) tad-Direttiva jipprovdi:

"1.      L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dritt esklussiv li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 1 dwar is-self lill-pubbliku, kemm-il darba ta’ l-anqas awturi jiksbu ħlas għal dan is-self. Stati Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu dan il-ħlas waqt li jikkunsidraw l-għanijiet ta’ promozzjoni kulturali tagħhom.

2.      Meta Stati Membri ma japplikawx id-dritt esklussiv ta’ self li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 1 rigward fonogrammi, films u programmi tal-kompjuter, huma għandhom jintroduċu rimunerazzjoni, ta’ l-anqas għall-awturi.

3.      L-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti mill-pagament tal-ħlas imsemmi fil-paragrafi 1 u 2."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       Id-Direttiva ġiet trasposta fis-sistema legali Portugiża permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 332/97, tas-27 ta' Novembru 1997 (Diário da República I, série A, Nru 275, tas-27 ta' Novembru 1997, p. 6393, iktar 'il quddiem "id-digriet leġiżlattiv"). Fil-preambolu tiegħu dan id-digriet leġiżlattiv jippreċiża:

"Dan id-digriet leġiżlattiv joħloq dritt ta' self lill-pubbliku fuq xogħolijiet protetti mid-drittijiet ta' l-awtur, iżda d-dħul fis-seħħ tiegħu fis-sistema legali Portugiża isseħħ fil-limiti imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u b'rispett għall-ispeċifiċità kulturali u għal-livell ta' żvilupp tal-pajjiż kif ukoll tal-miżuri u orjentazzjonijiet fil-qasam tal-politika kulturali li jirriżultaw minnu."

6       Skond l-Artikolu 6 tad-digriet leġiżlattiv:

"1.      L-awtur għandu dritt għal ħlas fil-każ ta' self lill-pubbliku ta' l-oriġinal jew ta' kopji tax-xogħol.

2.      Il-propjetarju ta' l-istabbiliment li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-oriġinal jew il-kopji tax-xogħol huwa responsabbli għall-pagament tal-ħlas […]

3.      Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu mhumiex applikabbli għal-libreriji pubbliċi, għal-libreriji skolastiċi, għal-libreriji universitarji, għall-mużewijiet, għall-arkivji pubbliċi, għall-fondazzjonijiet pubbliċi u għall-istituzzjonijiet privati mingħajr skop ta' qligħ."

 Il-proċedura prekontenzjuża

7       Fid-19 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni, skond il-proċedura prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 226 KE, indirizzat lir-Repubblika Portugiza ittra ta' intimazzjoni fejn talbet lil din ta' l-aħħar timplementa id-dispożizzjonijiet tad-direttiva.

8       Wara li eżaminat ir-risposta tar-Repubblika Portugiża għall-imsemmija ittra, il-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 2004 ħarġet opinjoni motivata li biha stiednet lill-imsemmi Stat Membru jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni f'terminu ta' xahrejn minn notifika tagħha.

9       Fl-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni kkunsidrat, billi rreferiet għad-digriet leġiżlattiv, li r-Repubblika Portugiża ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta' l-Artikoli 1 u 5 tad-direttiva.

10     Peress illi r-Repubblika Portugiża naqset milli twieġeb għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

11     Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 6 (3) tad-digriet leġiżlattiv jeżenta mill-obbligu ta' ħlas għad-dritt ta' self lill-pubbliku, is-servizzi kollha ta' l-amministrazzjoni ċentrali ta' l-Istat, il-korpi kollha li jaqaw taħt l-amministrazzjoni indiretta ta' l-Istat, bħall-istabbilimenti pubbliċi u l-assoċjazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll is-servizzi u l-korpi ta' l-amministrazzjoni deċentralizzata u l-gruppi lokali. Ma' din il-lista għandhom jiġu miżjuda l-persuni ġuridiċi ta' dritt privat li jeżerċitaw funzjonijiet ta' natura pubblika, bħall-persuni ġuridiċi amministrattivi li għandhom utilità pubblika kif ukoll l-iskejjel u l-universitajiet privati kif ukoll b'mod ġenerali l-istituzzjonijiet privati mingħajr skop ta' qligħ. Ultimament, dan jikkonċerna l-eżenzjoni ta' kull stabbiliment pubbliku ta' self lill-pubbliku mill-imsemmi obbligu ta' ħlas.

12     Issa, l-Artikolu 5(3) tad-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri ma jistawx jeżentaw il-kategoriji kollha ta' stabbilimenti, kif jipprovdi id-digriet leġiżlattiv, imma biss uħud minnhom. Ir-Repubblika Protuġiża għaldaqstant aġixxit barra mil-limiti imposti mid-direttiva u dan id-digriet leġiżlattiv jimpedixxi, sempliċiment u purament, li jintlaħaq l-għan li hija trid tilħaq, li huwa li jiġi żgurat li x-xogħol kreattiv u artistiku jagħti lok għal ħlas xieraq.

13     Il-Kummissjoni tinvoka, barra minn hekk, ir-relazzjoni stretta li teżisti bejn is-self ta' xogħolijiet minn servizzi jew korpi pubbliċi u l-kiri ta' xogħolijiet minn negozjanti. Fiż-żewġ każijiet hemm esplojtazzjoni ta' xogħolijiet protetti. Id-differenza fil-protezzjoni legali li minnha jibbenefikaw ix-xogħolijiet protetti fl-Istati Membri għanda effett fuq il-funzjonament tas-suq intern u hija tali li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Is-self ta' xogħolijiet, ta' kotba, ta' fonogrammi u ta' vidjogrammi jirrapreżenta porzjoni ta' attività konsiderevoli. Issa, il-persuni li jużaw dawn ix-xogħolijiet u oġġetti ma jixtruhomx u, dan jirriżulta f'nuqqas ta' qligħ għall-awturi u l-kreaturi.

14     Il-Kummissjoni żżid li, sabiex ikunu jistgħu jqegħdu, bla ħlas, għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini tagħhom ix-xogħolijiet kulturali tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati jħallsu lil dawk kollha li jikkontribwixxu għall-funzjonament ta' libreriji, jiġifieri mhux biss il-persunal iżda fuq kollox l-awturi ta' dawn ix-xogħolijiet. Il-ħlas ta' dawn ta' l-aħħar huwa fl-interess komuni tal-Komunità.

15     Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Artikolu 5 tad-direttiva u b'mod partikolari l-paragrafu 3 tiegħu huwa "test ta' kompromess" impreċiż, diffiċli li jiġi interpretat u li jista' jiġi kkontestat fir-rigward tat-tifsira tiegħu u tal-portata tiegħu. Il-formulazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni saret ukoll f'mod miftuħ u flessibbli sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-livelli ta' żvilupp kulturali speċifiċi tad-diversi Stati Membri. Barra minn hekk id-direttiva ma tagħti ebda indikazzjoni dwar it-tifsira ta' l-imsemmi Artikolu.

16     Ir-Repubblika Protugiża tqis, barra minn hekk, li t-traspożizzjoni tad-direttiva tqajjem direttament il-problema ta' l-għażla tal-"kategoriji ta' stabbilimenti" u, indirettament dik li, jkun magħruf jekk il-persuni li huma d-destinatarji indiretti tad-direttiva, jistawx jew le, u safejn, jipprofittaw bl-istess mod jew kważi bl-istess mod, mid-dispożizzjonijiet ta' din id-direttiva li jawtorizzaw lill-Istati Membri jipprovdu eżenzjonijiet mill-ħlas previst fl-Artikolu 5(1) tad-direttiva fil-qasam ta' self lill-pubbliku. Din il-kwistjoni tirreferi għar-rapport konfliġġenti bejn l-Artikolu 5(3) u l-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' imparzjalità, ta' solidarjetà u ta' koeżjoni soċjali. Issa, l-eżenzjoni ta' ċerti "kategoriji ta’ stabbilimenti" mill-pagament tal-ħlas għad-dritt ta' self pubbliku jkollha bħala konsegwenza li ċ-ċittadini Portugiżi ma jkollhomx aċċess u ma jgawdux mix-xogħolijiet intellettwali taħt l-istess kundizzjonijiet. Barra minn hekk is-sidien tad-drittijiet għandhom bħala regola ġenerali jkunu kisbu ħlas xieraq fil-kuntest ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ta' riproduzzjoni u ta' distribuzzjoni.

17     Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-atti ta' self lill-pubbliku huma residwali, peress illi s-suq ikkonċernat huwa limitat għat-territorju nazzjonali u għall-importanza żgħira tiegħu fuq il-pjan ekonomiku, b'mod illi s-suq intern ma jistax jiġi effettwat minn din is-sitwazzjoni. Huwa għaldaqstant possibbli li jiġi konkluż li l-għanijiet ta' żvilupp kulturali huma iktar importanti mill-inkonvenjenzi għas-suq intern. Din hija r-raġuni li għaliha t-tneħħija ta' dawn l-inkonvenjenzi tkun tmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità.

18     Fl-aħħar nett, l-imsemmi Stat Membru jsostni li, fid-dawl ta' l-ispeċifiċitajiet kulturali u tal-livelli ta' żvilupp differenti ta' l-Istati Membri, l-adozzjoni ta' sistema ġdida ta' self lill-pubbliku u l-inkorporazzjoni tagħha fis-sistemi legali nazzjonali għandha, skond il-prinċipju ta' sussidjarita, tibqa' fl-isfera ta' kompetenza ta' l-imsemmija Stati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19     Preliminarjament, il-kwistjoni bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Portugiża titratta biss il-kwistjoni relatata mal-portata li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(3) tad-direttiva, skond liema l-Istati Membri jistgħu jeżentaw "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti" mill-pagament tal-ħlas previst fil-paragrafu 1 ta' l-istess Artikolu.

20     Skond ġurisprudenza kostanti, għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta' dritt komunitarju hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (ara b'mod partikolari s-sentenzi tat- 18 ta' Mejju 2000, KVS International, C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21, u tad-19 ta' Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 50).

21     L-ewwel nett, f'dak li jikkonċerna, il-mod ta' kif inhu miktub l-Artikolu 5 (3) tad-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li dan isemmi "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti". Għaldaqstant minn dan jirriżulta b'mod ċar li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw il-kategoriji kollha ta' stabbilimenti mill-pagament tal-ħlas previst fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu.

22     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 5(3) tagħha, id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw, taħt self lill-pubbliku, mill-obbligu ġenerali ta' ħlas lill-awturi imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu. Issa, skond ġurisprudenza kostanti d-dispożizzjonijiet ta' direttiva li jidderogaw minn prinċipju ġenerali stabbilit minn din l-istess direttiva għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenza tad-29 ta' April 2004, Kapper, C‑476/01, Ġabra p. I-5205, punt 72).

23     Barra minn hekk, l-istess Artikolu 5(3) ma jistax jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti deroga totali mill-imsemmi obbligu ta' ħlas, peress illi tali interpretazzjoni jkollha bħala riżultat li tneħħi is-sustanza ta' l-Artikolu 5(1) u għaldaqstant li tippriva din id-dispożizzjoni minn kull effett utili.

24     Fl-aħħar, fir-rigward ta' l-għan prinċipali tad-direttiva, kif jirriżulta b'mod iktar preċiż mis-seba' premessa tagħha, dan huwa intiż sabiex jiggarantixxi ħlas xieraq lill-awturi u lill-artisti u sabiex jiġu rkuprati l-investimenti għolja ħafna u inċerti li teħtieġ b'mod partikolari l-produzzjoni tal-fonogrammi u ta' films (sentenza tat-28 ta' April 1998, Metronome Musik, C‑200/96, Ġabra p. I-1953, punt 22).

25     Minn dan jirriżulta li l-fatt li jiġu eżentati mill-obbligu imsemmi fl-Artikolu 5 (1) tad-Direttiva l-kategoriji kollha ta' l-istabbilimenti li jagħmlu tali self, jippriva lill-awturi minn ħlas li jista' jirkupra l-investimenti tagħhom, li jkollu wkoll riperkussjonijiet fuq l-attività ta' kreazzjoni ta' xogħolijiet ġodda (ara s-sentenza Metronome Musik, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24). Taħt dawn il-kundizzjonijiet, traspożizzjoni tad-direttiva li twassal għal tali eżenzjoni tal-kategoriji ta' stabbilimenti kollha, tmur direttament kontra l-għan ta' din id-direttiva.

26     Ir-Repubblika Portugiża fil-verità ma tikkontestax li t-traspożizzjoni tad-direttiva, kif tirriżulta mid-digriet leġiżlattiv, twassal għall-eżenzjoni tal-kategoriji kollha ta' stabbilimenti elenkati fil-punt 11 ta' din is-sentenza.

27     Taħt dawn il-kundizzjonijiet, jista' jiġi ammess li l-leġiżlazzjoni Portugiża għandha bħala effett li teżenta mill-obbligu tal-pagament tal-ħlas previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, il-kategoriji kollha ta' stabbilimenti ta' self lill-pubbliku.

28     Sabiex jiġġustifika tali miżura, l-imsemmi Stat Membru jinvoka diversi argumenti, madankollu l-ebda wieħed minnhom ma jista' jiġi kkunsidrat bħala rilevanti.

29     Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Portugiża ssostni li s-suq tas-self lill-pubbliku huwa essenzjalment nazzjonali u insinjifikanti fuq il-pjan ekonomiku. Minn dan jirriżulta li l-funzjonament normali tas-suq intern ma jistax jiġi effettwat minn din is-sitwazzjoni u li, skond il-prinċipju ta' sussidjarità, l-attività ta' self lill-pubbliku għandha tibqa' fl-isfera ta' kompetenza ta' l-Istati Membri.

30     Madankollu, anki jekk jiġi meqjus li l-imsemmi Stat Membru kellu għaldaqstant l-intenzjoni li jikkontesta l-validità tad-direttiva, għandu jiġi imfakkar li ma tistax tiġi kkritikata, barra mit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE, il-legalità ta' att adottat minn leġiżlatur Komunitarju li sar definittiv fir-rigward ta' dan l-Istat. Skond ġurisprudenza kostanti Stat Membru ma jistax b'mod utili jinvoka l-illegalità ta' direttiva jew ta' deċiżjoni destinata lilu bħala mezz ta' difiża kontra rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' din id-deċiżjoni jew fuq in-nuqqas ta' għarfien ta' din id-direttiva (ara b'mod partikolari s-sentenzi tas-27 ta' Ottubru 1992 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-74/91, Ġabra p. I‑5437, punt 10; tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-154/00, Ġabra p. I-3879, punt 28, u tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑194/01, Ġabra p. I‑4579, punt 41).

31     F'kull każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bħad-drittijiet l-oħra tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, id-drittijiet esklussivi mogħtija mill-proprjetà letterarja u artistika huma ta' natura li jeffettwaw l-iskambji ta' beni u ta' servizzi kif ukoll ir-relazzjonijiet kompettitivi fi ħdan il-Komunità. Għal din ir-raġuni, dawn id-drittijiet, minkejja rregolati mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, huma suġġetti għall-eżiġenzi tat-Trattat KE u, bħala konsegwenza, huma marbuta mal-qasam ta' applikazzjoni ta' dan ta' l-aħħar (sentenza ta' l-20 ta' Ottubru 1993, Phil Collins et, C‑92/92 u C‑326/92, Ġabra p. I‑5145, punt 22).

32     Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Portugiża, id-differenza fil-protezzjoni legali li minnha jibbenefikaw ix-xogħolijiet kulturali protetti fl-Istati Membri fir-rigward tas-self lill-pubbliku hija ta' natura tali li teffettwa l-funzjonament normali tas-suq intern tal-Komunità u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

33     Fit-tieni lok, l-imsemmi Stat Membru jsostni li s-sidien tad-drittijiet ta' l-awtur bħala regola ġenerali, diġà kisbu ħlas għad-drittijiet ta' riproduzzjoni u ta' distribuzzjoni tax-xogħolijiet tagħhom.

34     Madankollu, l-atti ta' esplojtazzjoni tax-xogħol protett, bħas-self lill-pubbliku, huma ta' natura differenti mill-bejgħ jew minn kull att legali ta' distribuzzjoni. Fil-fatt, id-dritt ta' self jibqa' wieħed mill-prerogattivi ta' l-awtur minkejja l-bejgħ tas-support materjali li fih ix-xogħol. Barra minn hekk, id-dritt ta' self mhuwiex eżawrit mill-bejgħ jew minn xi att ieħor ta' distribuzzjoni, filwaqt li d-dritt ta' distribuzzjoni huwa eżawrit speċifikament biss fil-każ ta' l-ewwel bejgħ fil-Komunità mill-persuna li għandha d-dritt jew bil-kunsens tagħha (ara f'dan ir-rigward, is-sentenza Metronome Musik, iċċitata iktar 'il fuq, punti 18 u 19).

35     Fit-tielet lok, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Artikolu 5(3) tad-direttiva huwa miftuħ u flessibbli sabiex jieħu in konsiderazzjoni l-iżvilupp kulturali ta' kull Stat Membru u li l-espressjoni "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti" titlob interpretazzjoni li "tvarja skond il-każ".

36     Madankollu, l-Artikolu 5(3) tad-direttiva ma jistax, kif indikat fil-punt 22 ta' din is-sentenza, jiġi interpretat fis-sens li jippermetti deroga totali mill-obbligu ta' ħlas imsemmi fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu.

37     Fir-raba' lok, ir-Repubblika Portugiża ssostni li jeżisti rapport konfliġġenti bejn l-Artikolu 5(3) tad-direttiva u l-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' imparzjalità, ta' solidarjetà u ta' koeżjoni soċjali. Fil-fatt, l-eżenzjoni biss ta' "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti", mill-imsemmi obbligu ta' ħlas tammonta li jiġi permess li ċ-ċittadini Portugiżi ma jkollhomx aċċess u ma jgawdux mix-xogħolijiet intellettwali taħt l-istess kundizzjonijiet.

38     F'dan ir-rigward, l-eżenzjoni ta' ċerti stabbilimenti ta' self lill-pubbliku, prevista fl-Artikolu 5(3) tad-direttiva, mill-obbligu ta' pagament tal-ħlas imsemmi fl-Artikolu 5(1) tippermetti lill-Istati Membri, billi tħallilhom l-għażla li jiddeterminaw liema huma l-istabbilimenti li ser ikunu koperti mill-imsemmija eżenzjoni, jikkonservaw marġini ta' evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw, fost l-istabbilimenti pubbliċi kkonċernati, dawk li għalihom tali eżenzjoni tkun l-iktar favorevoli għall-aċċess għax-xogħolijiet intellettwali, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari d-dritt li wieħed ma jiġix diskriminat.

39     Barra minn hekk, fin-nuqqas ta' kriterji Kommunitarji suffiċjentement preċiżi f' direttiva sabiex jiddelimitaw l-obbligi li jirriżultaw minnha, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, fit-territorju tagħhom, il-kriterji l-iktar rilevanti sabiex jiżguraw, fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, u b'mod partikolari mid-Direttiva kkonċernata, ir-rispett ta' din ta' l-aħħar (ara f'dan ir-rigward is-sentenzi tas-6 ta' Frar 2003, SENA, C-245/00, Ġabra p. I-1251, punt 34, u tas-16 ta' Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-433/02, Ġabra p. I‑12191, punt 19).

40     F'dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li l-Artikolu 5(3) tad-direttiva jawtorizza, iżda ma jobbligax lil Stat Membru jipprovdi eżenzjoni għal ċerti kategoriji ta' sabbilimenti. Konsegwentement, jekk iċ-ċirkustanzi prevalenti fl-Istat Membru in kwistjoni ma jippermettux li jiġu deteminati l-kriterj rilevanti sabiex issir distinzjoni valida bejn kategoriji ta' stabbilmenti, hemm lok li jiġi impost fuq l-istabbilimenti kkonċernati kollha l-obbligu ta' pagament tal-ħlas previst fl-Artikolu 5(1) (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).

41     Taħt dawn il-kundizzjonijiet hemm lok li r-rikors imressaq mill-Kummissjoni jiġi kkunsidrat bħala fondat.

42     B'konsegwenza, għandu jiġi kkonstatat li, billi eżentat lill-kategoriji kollha ta' stabbilimenti ta' self lill-pubbliku mill-obbligu ta' ħlas dovut lill-awturi għal self lill-pubbliku, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 1 u 5 tad-Direttiva .

 Fuq l-ispejjeż

43     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Reppubblika Portuġiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1)      Billi eżentat lill-kategoriji kollha ta' stabbilimenti ta' self lill-pubbliku mill-obbligu ta' ħlas dovut lill-awturi għal self lill-pubbliku, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 1 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta' Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.