Kawżi magħquda C-39/05 P u C-52/05 P

Ir-Renju tal-Isvezja

u

Maurizio Turco

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Pariri legali”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2007   I - 4726

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Lulju 2008   I - 4747

Sommarju tas-sentenza

  1. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

  2. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

  3. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż Artikolu 4(2))

  1.  Fir-rigward tal-eċċezzjoni relatata mal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-istituzzjoni li ntalbet tiżvela d-dokument għandha tiżgura ruħha li dan id-dokument jikkonċerna tabilħaqq parir legali u, fl-affermattiv, tiddetermina liema huma l-partijiet effettivament ikkonċernati u, b’hekk, li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.

    Fil-fatt, mhuwiex minħabba li dokument ġie intitolat “parir legali” li għandu awtomatikament jibbenefika mill-ħarsien tal-pariri legali ggarantit mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2). Lil hinn mid-denominazzjoni tiegħu, huwa obbligu tal-istituzzjoni li tiżgura li dan id-dokument jikkonċerna, tabilħaqq, tali parir.

    (ara l-punti 37-39)

  2.  Sa fejn la r-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u lanqas ix-xogħlijiet preparatorji tiegħu ma jagħmlu kjarifiki dwar il-portata tal-kunċett ta’ “ħarsien” tal-pariri legali, hemm lok li dan jiġi interpretat skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha jikkostitwixxi element. Konsegwentement hemm lok li l-eċċezzjoni dwar il-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament tiġi interpretata bħala intiża sabiex tħares l-interess ta’ istituzzjoni sabiex titlob pariri legali u sabiex tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti.

    Ir-riskju ta’ preġudizzju lil dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku.

    F’dan ir-rigward, li jiġi invokat b’mod ġenerali u astratt ir-riskju li l-iżvelar tal-pariri legali dwar il-proċessi leġiżlattivi jista’ joħloq dubji dwar il-legalità ta’ atti leġiżlattivi ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkaratterizza preġudizzju lill-ħarsien tal-pariri legali skont din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, ma jistax isostni rifjut ta’ żvelar ta’ dawn il-pariri. Fil-fatt, hija preċiżament it-trasparenza f’dan ir-rigward li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità dejjem akbar f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u sabiex iżżid il-fiduċja tagħhom. Fil-fatt, huwa pjuttost in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li jistgħu jqajmu dubji f’moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, ir-riskju li dubji jitqajmu f’moħħ iċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-legalità ta’ att adottat mil-leġiżlatur Komunitarju mill-fatt li s-servizz legali tal-Kunsill kien ħareġ parir mhux favorevoli fir-rigward ta’ dan l-att l-iktar spiss ma jitqajjimx jekk il-motivazzjoni ta’ dan l-att kienet ġie msaħħa, b’mod li turi r-raġunijiet li għalihom dan il-parir mhux favorevoli ma kienx ġie segwit.

    (ara l-punti 41-43, 59-61)

  3.  Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 104 9/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa obbligu tal-istituzzjoni li ntalbet tiżvela d-dokument li tivverifika, jekk hija tikkunsidra li dan l-iżvelar jippreġudika l-ħarsien tal-pariri legali, jekk ma jeżistix interess pubbliku akbar li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-ħsara li tirriżulta minn hekk għall-kapaċità tagħha li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti.

    F’dan il-kuntest, hija għandha l-obbligu li twieżen l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod paritkolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva t-tieni premessa ta’ dan ir-regolament, ta’ trasparenza akbar, jiġifieri, sehem aħjar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, b’mod ċar, ta’ rilevanza li hija għal kollox partikolari meta l-Kunsill jaġixxi bħala leġiżlatur, kif jirriżulta mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 1049/2001 li tgħid li għandu jingħata iktar aċċess għad-dokumenti f’każ bħal dan. It-trasparenza f’dan ir-rigward tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li tkun ikkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà, għaċ-ċittadini, li jsiru jafu l-bażi tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni tal-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom.

    Dan ir-regolament konsegwentement jimponi, bħala prinċipju, obbligu ta’ żvelar tal-pariri tas-servizz legali tal-Kunsill dwar proċessi leġiżlattivi. Madankollu din il-konstatazzjoni ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv, iżda li għandu natura partikolarment sensittiva, jew portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, jista’ jiġi rrifjutat fid-dawl tal-ħarsien tal-pariri legali. F’każ bħal dan, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha timmotiva r-rifjut b’mod dettaljat.

    (ara l-punti 44-46, 68, 69)