KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2007 1(1)

Kawża C‑456/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 43 KE – Leġiżlazzjoni tranżitorja fil-qasam ta’ l-awtorizzazzjoni tal-psikoterapewti reġistrati – Ammissibbiltà – Protezzjoni tad-drittijiet miksuba– Twettiq ta’ attività f’post u matul perijodu partikolari fil-kuntest ta’ l-iskema nazzjonali ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard – Proporzjonalità”





I –    Introduzzjoni

1.     Bir-rikors preżenti, li ġie ppreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 43 KE meta rriżervat id-dispożizzjonijiet tranżitorji jew id-“drittijiet miksuba”, li jippermettu lill-psikoterapewti li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni jew minn approvazzjoni mogħtija indipendentement mir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni li huma fis-seħħ, għall-dawk il-psikoterapewti biss li jkunu wettqu l-attività tagħhom f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-mard, u meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-attività professjonali paragunabbli jew simili eżerċitata mill-psikoterapewti fi Stati Membri oħrajn.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

2.     L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

3.     It-tieni paragrafu ta’ l-istess Artikolu jippreċiża, b’mod partikolari, li l-libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt li persuna tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ stabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess.

B –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

4.     Bil-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998 dwar il-professjonijiet tal-psikoterapewta psikologu u l-psikoterapewta speċjalista tat-tfal u ta’ l-adoloxxenti, li temenda l-ħames ktieb tal-kodiċi soċjali u ta’ liġijiet oħra (Gesetz über die Berufe des Psychologischen Psychotherapeuten und des Kinder- und Jugenlichenpsychotherapeuten, zur Änderung des Fünften Buches Sozialgesetzbuch und anderer Gesetze)(2), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja integrat b’mod partikolari dawn il-professjonijiet fl-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard u mill-1 ta’ Jannar 1999 assoġġettat ir-reġistrazzjoni tagħhom għal sistema ta’ kwoti skond il-bżonnijiet effettivi ta’ kura.

5.     Hemm dispożizzjonijiet tranżitorji, preskritti fl-Artikolu 95(10) u (11) tal-ħames ktieb tal-kodiċi soċjali (iktar ’il quddiem is-“SGB V”), kif emendat bil-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998 imsemmija iktar ’il fuq, li jipprovdu għal deroga mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti skond il-bżonnijiet effettivi ta’ kura.

6.     L-Artikolu 95(10) tas-SGB V jippreċiża li:

“Huma awtorizzati li jagħtu trattamenti reġistrati, dawk il-psikoterapewti li:

1. sal-31 ta’ Diċembru 1998 issodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni skond l-Artikolu 12 tal-liġi [tas-16 ta’ Ġunju 1998] u għall-kwalifika, skond il-punt 3 ta’ l-Artikolu 95ċ(2) tas-SGB V, u ppreżentaw talba għall-awtorizzazzjoni;

2. qabel il-31 ta’ Marzu 1999 ippreżentaw id-dokument ta’ approvazzjoni;

3. fil-perijodu bejn il-25 ta’ Ġunju 1994 sa l-24 ta’ Ġunju 1997 ipparteċipaw fit-trattament psikoterapewtiku ambulatorju tal-persuni assigurati mal-fond ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard.

Il-kummissjoni ta’ l-awtorizzazzjoni għandha tiddeċiedi fuq it-talbiet għall-awtorizzazzjoni qabel it-30 ta’ April 1999.”

7.     Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V, mill-perspettiva ta’ l-applikazzjoni tar-regoli tranżitorji, fis-sustanza huma identiċi għal dawk tal-paragrafu 10.

8.     Dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Ġunju 1998.

9.     F’sentenza tat-8 ta’ Novembru 2000, il-Bundessozialgericht tat interpretazzjoni tal-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u l-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V. Minn din is-sentenza jirriżulta li, fir-rigward ta’ l-iskop tal-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998, tista’ tintlaqa' deroga mill-prinċipju ta’ l-awtorizzazzjoni skond il-bżonnijiet effettivi ta’ kura fil-każijiet obbligatorji, u dan peress li huwa mifhum li dan il-benefiċċju mhuwiex iġġustifikat ħlief meta l-psikoterapewta kkonċernat jkun fetaħ klinika f’ismu proprju li hija użata, fil-parti l-kbira, minnu stess. Il-Bundessozialgericht ikkunsidrat għalhekk, minn naħa, li kellu jkun hemm rabta bejn il-post fejn il-klinika hija miftuħa matul il-perijodu inkluż bejn il-25 ta’ Ġunju 1994 u l-24 ta’ Ġunju 1997 imsemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u l-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V u l-eżerċitar tax-xogħol minn din il-klinika fil-kwalità ta’ psikoterapewta approvat mill-1 ta’ Jannar 1999, u min-naħa l-oħra, li l-parteċipazzjoni fit-trattament psikoterapewtiku, inkluż fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hija ġeneralment meqjusa bħala li teħtieġ protezzjoni, u għalhekk ma tidħolx fl-iskema tal-kwoti, meta 250 siegħa sħaħ ta’ trattament jkun seħħ matul perijodu ininterrott ta’ 6 sa 12-il xahar, matul il-perijodu stabbilit f’dawn l-istess dispożizzjonijiet.

III – Il-proċedura prekontenzjuża

10.   Fl-1999, il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti minn psikoterapewti Awstrijaċi u Taljani, li kienu stabbilixxewew ruħhom fil-Ġermanja qabel l-1 ta’ Jannar 1999, dwar il-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti rrifjutaw milli jagħtuhom l-awtorizzazzjoni indipendentement mill-bżonnijiet effettivi ta’ kura, minħabba li dawn l-applikanti ma kinux ipparteċipaw jew ma pparteċipawx biżżejjed fit-trattament psikoterapewtiku tal-persuni assigurati koperti mill-fond ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard matul il-perijodu kompriż bejn il-25 ta’ Ġunju 1994 u l-24 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”), imsemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V.

11.   B’ittra ta’ l-10 ta’ Novembru 1999, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Ġermaniż bid-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V ma’ l-Artikolu 43 KE.

12.   Fir-risposta mogħtija b’ittra tal-11 ta’ Jannar 2000, il-Gvern Ġermaniż indika li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ attività professjonali preċedenti mwettqa f’postijiet oħra tal-Komunità Ewropea, b’mod parallel ma’ l-attività mwettqa fil-kuntest ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard, imur kontra l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba fis-sens tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V.

13.   B’ittra tat-30 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn hija rrilevat li, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 43 KE jimponi fuq l-awtoritajiet Ġermaniżi l-obbligu li jivverifikaw jekk l-attività professjonali mwettqa minn min għamlu l-ilmenti fl-Istat Membru minn fejn ġejjin kinitx, min-natura tagħha stess, paragunabbli jew simili għal dik prevista mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V u ta’ tul biżżejjed sabiex tiġi kklassifikata bħala attività li teħtieġ protezzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmijin.

14.   Wara li eżaminat ir-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-intimazzjoni, il-Kummissjoni, b’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2001, bagħtet opinjoni motivata, skond l-Artikolu 226 KE.

15.   Fl-20 ta’ Marzu 2002, il-Gvern Ġermaniż reġa' tenna l-osservazzjonijiet inizjali tiegħu, fejn ikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kkontestata ma kinux imorru kontra l-Artikolu 43 KE u fejn ma rax il-ħtieġa li jemendahom. Huwa rrefera wkoll għas-sentenza tal-Bundessozialgericht imsemmija iktar ’il fuq, fejn l-istess Bundessozialgericht enfasizzat l-għan li jiġu ppreżervati d-“drittijiet miksuba” protetti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji kkontestati tas-SGB V.

16.   Peress li l-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx adottat il-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha ma’ l-opinjoni motivata fit-terminu ta’ xahrejn li ngħatalha, l-istess Kummissjoni ddeċidiet għalhekk li tippreżenta r-rikors preżenti.

IV – It-talbiet tal-partijiet

17.   Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE billi rriżervat id-dispożizzjonijiet tranżitorji jew id-“drittijiet miksuba”, li jippermettu lill-psikoterapewti li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni jew minn approvazzjoni mogħtija indipendentement mir-regoli tar-reġistrazzjoni li huma fis-seħħ, għall-dawk il-psikoterapewti biss li jkunu wettqu l-attività tagħhom f’kuntest ta’ fondi Ġermaniżi ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-mard, u billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-attività professjonali paragunabbli jew simili eżerċitata mill-psikoterapewti fi Stati Membri oħrajn

–       tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

18.   Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-inammissibbiltà tar-rikors jew, fi kwalunkwe każ, li r-rikors huwa infondat.

V –    Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.      Argumenti tal-partijiet

19.   Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-rikors huwa inammissibbli għal erba’ motivi. L-ewwel nett, ir-rikors mhuwiex dirett kontra ksur attwali tat-Trattat KE, peress li minn kważi seba’ snin ’il hawn ma baqax possibbli li tittieħed deċiżjoni li tawtorizza li wieħed jibda attività abbażi tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V. It-tieni nett, il-Kummissjoni, bħala gwardjana ta’ l-osservanza tat-Trattat fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 226 KE, ma tistax tieħu ħsieb biss l-interessi ta’ l-individwi kontra xi Stat Membru; il-Kummissjoni għalhekk m'għandha ebda interess ġuridiku fil-kawża preżenti. It-tielet nett, anki kieku wieħed kellu jaċċetta li jeżisti ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi li bih ġiet akkużatha huwa talment marġinali li ma jiġġustifikax il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE. Fl-aħħar nett, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni fissret l-għan tal-kawża, kif definit fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura, fis-sens li din l-istituzzjoni issa tirrileva li jeżisti preġudizzju għal-libertà ta’ stabbiliment tal-psikoterapewti Ġermaniżi li jkunu ttrasferew ruħhom fi Stati Membri oħrajn matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u l-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V.

20.   Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet kollha u ssostni li r-rikors huwa kompletament ammissibbli. Hija tippreċiża li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 95(10) tas-SGB V jkomplu jipproduċu l-effetti legali tagħhom, kif juru l-każijiet taż-żewġ partijiet imsemmija li għamlu l-ilment matul il-fażi prekontenzjuża u fir-rikors. Dawn il-partijiet kienu fil-fatt fl-istess ħin adixxew lill-qrati Ġermaniżi sabiex jiddeċiedu fuq ir-rifjut li jiġu lilhom applikat il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet imsemmijin u li dawn ddeċidew li jissospendu informalment il-proċedura fil-mertu sabiex jistennew l-eżitu tar-rikors fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi fil-kawża preżenti.

2.      Evalwazzjoni

21.   Filwaqt li l-aħħar tliet eċċezzjonijiet fuq l-inammissibblità tar-rikors, li tqajmu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandhom b’mod ċar jiġu miċħuda, fil-fehma tiegħi s-soluzzjoni ta’ l-ewwel waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet tippreżenta ċerti diffikultajiet, li jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma jiena ser nipproponi fl-ispjegazzjonijiet esposti fil-punti 29 sa 60 tal-konklużjonijiet preżenti, ltiddikjara li r-rikors preżenti huwa inammissibbli.

22.   Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet ta’ l-inammissibbiltà li għandhom jiġu miċħuda, jiena nsostni l-ewwel nett li l-Gvern Ġermaniż ma jistax jippretendi li l-Kummissjoni m'għandhiex interess ġuridiku fil-kawża preżenti minħabba li l-proċedura għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi hija intiża li tiddefendi l-interessi partikolari taż-żewġ psikoterapewti msemmijin matul il-fażi prekontenzjuża u fir-rikors tagħha.

23.   Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, fil-kuntest tat-twettiq tal-kompetenzi mogħtija lilha bl-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni mhijiex obbligata turi l-eżistenza ta’ l-interess ġuridiku tagħha, peress li din l-istituzzjoni fil-fatt għandha bħala missjoni li fl-interess ġenerali, inkluż ex officio, tieħu ħsieb li l-Istati Membri japplikaw id-dritt Komunitarju u li, meta dawn ma jagħmlux dan, tikkonstata dwar l-eżistenza tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ l-obbligi li joħorġu mill-istess dritt Komunitarju(3). Barra minn hekk, huwa biss obbligu tal-Kummissjoni li tanalizza l-mument opportun biex taġixxi kontra xi Stat Membru u li tagħżel il-mument meta hija tibda l-proċedura għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi fil-konfront ta’ l-istess Stat(4).

24.   Barra minn hekk, fil-kawża preżenti, in-natura ġenerali tal-parti dispożittiva tar-rikors, li tinsab redatta b’mod identiku għal dak ta’ l-opinjoni motivata, tħalli x’wieħed jifhem li r-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu mhuwiex neċessarjament marbut mas-sitwazzjoni tal-partijiet li għamlu l-ilment imsemmijin matul il-proċedura prekontenzjuża u fir-rikors.

25.   Fi kwalunkwe każ, ma jidhirlix li huwa kontestabbli l-fatt waħdu li l-interess ġenerali li jeżisti sabiex jitwaqqaf l-allegat ksur tad-dritt Komunitarju, li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tevalwa, jista’ eventwalment jikkontribwixxi biex jissodisfa l-interess ta’ persuni privati li jaraw li l-sitwazzjoni partikolari tagħhom tiġi regolata abbażi tad-dritt Komunitarju, anki jekk b’mod indirett.

26.   Barra minn hekk, ma jistax jiġi milqugħ l-argument li ġie espost mill-Gvern Ġermaniż, li huwa bbażat fuq l-estensjoni tas-suġġett tal-kawża, kif definit mill-proċedura prekontenzjuża, sa fejn ir-rikors isostni issa li l-applikazzjoni tal-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V jippreġudika wkoll il-libertà ta’ stabbiliment tal-psikoterapewti Ġermaniżi li ttrasferew ruħhom fi Stati Membri oħrajn matul il-perijodu ta’ referenza msemmija fid-dispożizzjonijiet imsemmijin.

27.   Fil-fatt, dan l-argument ifisser b’mod ħażin is-suġġett tal-kawża li huwa limitat għall-konstatazzjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ l-Artikolu 43 KE minħabba l-projbizzjoni, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, fuq it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ attività professjonali eżerċitata minn psikoterapewta fil-kuntest ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ Stat Membru ieħor li mhuwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-finijiet li jipprova jżomm l-istabbiliment tiegħu fil-post magħżul f’dan l-Istat Membru l-aħħar imsemmi, indipendentement mill-bżonnijiet effettivi ta’ kura. Madankollu, fir-rigward ta’ dan l-iskop, li n-natura ġenerali tiegħu ġiet ippreċiżata fil-parti dispożittiva ta’ l-opinjoni motivata u riprodotta b’mod identiku fit-talbiet tar-rikors, ma tagħmilx differenza li l-attività professjonali msemmija iktar ’il fuq setgħet tiġi eżerċitata fl-Istati Membri l-oħra minn ċittadini Ġermaniżi jew minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn. Dan il-fatt huwa fil-fatt inerenti għas-suġġett tal-kawża li ma jirrigwardax diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-psikoterapewti, imma pjuttost jirrigwarda l-allegata restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment ibbażata fuq il-post fejn l-attività professjonali tal-psikoterapewti tkun ġiet eżerċitata matul il-perijodu ta’ referenza msemmi mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V. Minn daqshekk, ma ntweriex li r-rikors estenda s-suġġett tal-kawża, hekk kif ġie definit fil-proċedura prekontenzjuża, b’mod li r-rikors imsemmi jsir inammissibbli minħabba f’hekk.

28.   Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument li huwa bbażat fuq in-natura marġinali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi, kwistjoni din li tirrigwarda barra minn hekk l-apprezzament tal-mertu tar-rikors kif ukoll l-ammissibbiltà tiegħu, huwa biżżejjed li fi kwalunkwe każ jiġi mfakkar li anki restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment li tkun ta’ portata limitata jew ta’ importanza żgħira hija pprojbita mill-Artikolu 43 KE(5).

29.   Min-naħa l-oħra, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li ġiet eċċepita mill-Gvern Ġermaniż, li hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ ksur attwali tat-Trattat, mhijiex kompletament infondata.

30.   Kif intqal diġà, dan il-gvern isostni li, sa fejn it-talbiet għall-awtorizzazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V kellhom jiġu ppreżentati sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 u li l-kummissjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kellhom jagħtu l-approvazzjoni tagħhom sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 1999, m'għadux iktar possibbli li l-allegat nuqqas jiġi mitmum. Ma’ dawn iċ-ċirkustanzi jiżdied il-fatt li l-Kummissjoni ħalliet jgħaddu iktar minn erba' snin wara r-risposta tal-Gvern Ġermaniż għall-opinjoni motivata sabiex tippreżenta dan ir-rikors. Din l-imġiba dilatorja tispjega l-eżistenza tal-kawżi dejjem pendenti quddiem il-qrati nazzjonali.

31.   Il-Kummissjoni tirribatti li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 95(10) tas-SGB V jipproduċu wkoll effetti legali fuq is-sitwazzjonijiet esposti fir-rikors u għandhom jiġu applikati mill-qrati Ġermaniżi fil-kwistjonijiet pendenti.

32.   Il-Kummissjoni tidher għalhekk li ssostni li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa dejjem attwali u, għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli safejn id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 95(10) tas-SGB V jibqgħu jipproduċu effetti legali li jiġu kkonkretizzati fl-eżistenza ta’ kwistjonijiet pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li jiġu ppreżentati mill-psikoterapewti msemmijin fl-atti tal-proċedura prekontenzjuża u r-rikors, li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin, inkluż wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2001.

33.   L-ewwel nett jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummmissjoni bl-ebda mod ma tikkontesta l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, safejn din tirrigwarda l-Artikolu 95(11) tas-SGB V. Jekk wieħed jipprova jsib spjegazzjoni għal din l-ammissjoni, din tidher li hija bbażata fuq il-fatt li s-sitwazzjonijiet tal-psikoterapewti, li ssemmew matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura u fir-rikors, jidhru li jaqgħu biss fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V(6). Fi kwalunke każ, fir-rigward tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, jiena nsostni li l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn tirrigwarda l-Artikolu 95(11) tas-SGB V għandha tiġi milqugħa.

34.   It-tieni nett, hemm il-problema marbuta mat-tkomplija ta’ l-effetti legali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu kkontestat, sa fejn dan jikkonċerna l-Artikolu 95(10) tas-SGB V.

35.   Bħalma diġà osservajt, il-missjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 226 KE tikkonsisti b’mod partikolari fil-fatt li hija tiddikjara l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi li joħorġu mid-dritt Komunitarju, u dan sabiex l-istess nuqqas jieqaf(7).

36.   Wieħed għandu jiftakar ukoll li, skond l-Artikolu 226 KE u skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ħlief jekk l-Istat Membru in kwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata fit-terminu mogħti għal dan il-għan mill-Kummissjoni(8), fejn l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas għandha tiġi, barra minn hekk, evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru hekk kif kienet fi tmiem it-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata(9).

37.   Fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-15 ta’ Frar 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, li tinsab pendenti quddiem it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiena diġà sostnejt, b’mod ġenerali, li l-Artikolu 226 KE jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tintroduċi rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tad-dritt Komunitarju li jkun waqaf qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u fin-nuqqas ta’ dan, dan ikun inammissibbli(10). Fil-fatt, sa fejn l-iskop tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE għandha l-għan li ttemm il-ksur tad-dritt Komunitarju, fil-prinċipju ma jeżisti ebda motiv biex jiġi kkunsidrat li jkun għad hemm interess li wieħed jipproċedi bl-azzjoni għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta l-ksur ikun intemm qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata mogħtija mill-Kummissjoni(11).

38.   Wieħed jifhem li din is-soluzzjoni hija meħtieġa meta t-tmiem ta’ l-allegat ksur tad-dritt Komunitarju huwa r-riżultat ta’ l-intervent ta’ l-Istat Membru kkonċernat b’mod konformi ma’ l-opinjoni motivata.

39.   Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru li kien adotta diversi dispożizzjonijiet leġiżlattivi li, kif irriżulta wara l-investigazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-partijiet, irriżultaw li kienu ġew imħassra qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni(12). Madankollu dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti, fejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V ma kinux ġew imħassra formalment u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx intervjeniet biex tikkonforma ruħha ma’ l-opinjoni motivata qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

40.   Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif diġà osservajt ukoll fil-konklużjonijiet tiegħi ċċitati iktar ’il fuq fil-punt 37, mhemm xejn li, fil-prinċipju, jeskludi li l-inammissibbiltà tar-rikors tiġi wkoll aċċettata meta l-ksur ikun għamel użu mill-effetti tiegħu kollha qabel id-data ffissata fl-opinjoni motivata, mingħajr intervent partikolari ta’ l-Istat Membru kkonċernat fis-sens mitlub mill-Kummissjoni(13).

41.   B’hekk, f’sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja, ex officio, ċaħdet bħala inammissibbli rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih il-Kummissjoni kienet akkużat lir-Repubblika Taljana li din awtorizzat l-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista u servizzi bil-proċedura negozjata, fil-kuntest ta’ digriet tal-president tal-Kunsill tal-ministri Taljan li kien jirrigwarda dispożizzjonijiet ta’ urġenza għall-finijiet tal-ġlieda bl-ajru kontra n-nar fil-foresti fit-territorju nazzjonali, bi ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE(14).

42.   Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan id-digriet, li ma kienx għadu fis-seħħ fid-data ta’ l-iskadenza ta’ l-istat ta’ emerġenza, kien għamel użu mill-effetti kollha proprji tiegħu qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni, anki qabel ma ntbagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni(15). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li r-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma kienx maħsub li jindirizza l-atti sussegwenti adottati skond id-digriet imsemmi, jiġifieri l-atti u l-miżuri meħudin għall-finijiet ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-digriet imsemmi; atti u miżuri dawn li kienu espliċitament imsemmijin fl-opinjoni motivata(16).

43.   Fil-fehma tiegħi, din is-sentenza għandha ċertament rilevanza għall-kwistjoni li tinkwetana fil-kawża preżenti.

44.   Billi kkunsidrat li d-digriet ikkontestat kien għamel użu minn kull effett ġuridiku fid-data ta’ l-iskadenza ta’ l-istat ta’ emerġenza u kien għamel użu mill-effetti proprji kollha qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tidher li aċċettat li l-atti u l-miżuri sussegwenti li ttieħdu abbażi tad-digriet ikkontestat (bħala eżempju, kuntratti ta’ xiri)(17) ma kinux jikkostitwixxu effetti legali ta’ l-imsemmi digriet li huma suxxettibbli li jdewwmu l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, indipendentement mill-fatt li ġew imsemmijin fis-suġġett stess tar-rikors. Huwa għalhekk f’dan is-sens li, fil-fehma tiegħi, wieħed għandu jinterpreta l-affermazzjonijiet ripetuti fis-sentenza fejn jingħad li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat ma kienx jinkludi l-atti sussegwenti li ġew adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-digriet ikkontestat. Għalkemm l-interpretazzjoni a contrario tista’ tkun spiss perikoluża, jidhirli li mill-motivazzjoni tas-sentenza wieħed jista’ jiddeduċi li, għalkemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu kkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien inkluda l-imsemmi atti u miżuri sussegwenti, l-istess bħall-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni, ir-rikors seta’ jiġi ddikjarat ammissibbli.

45.   Fil-każ preżenti, jeħtieġ li jiġi mfakkar, minn naħa, li setgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 95(10) tas-SGB V dawk il-psikoterapewti biss li kienu, ta’ l-inqas, ippreżentaw it-talba tagħhom għall-awtorizzazzjoni mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 u li kienu pparteċipaw fit-trattament psikoterapewtiku ambulatorju tal-persuni assigurati b’fondi ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza u, min-naħa l-oħra, li l-iskema tal-kwoti daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999 u li l-kummissjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni kellhom jagħtu deċiżjoni fuq it-talbiet għall-awtorizzazzjoni qabel it-30 ta’ April 1999.

46.   B’hekk, id-dispożizzjonijiet tranżitorji skadew mad-dħul fis-seħħ ta’ l-iskema (definittiva) tal-kwoti, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1999. Madankollu l-effetti tagħhom damu sat-30 ta’ April 1999, l-aħħar data li fiha l-kummissjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni kellhom jiddeċiedu fuq it-talbiet għall-awtorizzazzjoni, li ġew ippreżentati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, sabiex jeżerċitaw il-professjoni ta’ psikoterapewta f’post partikolari indipendentement mill-bżonnijiet effettivi ta’ kura. Sa mill-1 ta’ Mejju 1999, data li tiġi qabel b’iktar minn tliet snin minn tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru 2001, ma kienx għadu possibbli li tiġi awtorizzata ebda talba abbażi tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V. Id-deċiżjonijiet kollha tal-kummissjonijiet, barra dawk li huma suġġetti għal proċeduri legali, saru definittivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tidher li tammetti dan meta hija ssostni li ċ-ċirku tal-persuni interessati ma jistax jitwessa', peress li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V ma jikkonċernawx ħlief perijodu fiss limitat fil-passat(18) u li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu jibqa' attwali biss minħabba l-kwistjonijiet pendenti quddiem il-qrati nazzjonali li ġew ippreżentati miż-żewġ psikoterapewti li l-każijiet tagħhom jissemmew fir-rikors tagħha.

47.   Dan il-fatt huwa biżżejjed biex wieħed jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V ma għamlux użu mill-effetti tagħhom, kif qegħda tippretendi l-Kummissjoni?

48.   Fil-fehma tiegħi, jkun żbaljat li wieħed jassimila l-eżistenza tal-kwistjonijiet pendenti, li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 95(10) tas-SGB V, ma’ l-effetti legali li allegatament ikomplu jipproduċu d-dispożizzjonijiet imsemmijin fiż-żmien ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, għall-finijiet biex tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

49.   F’dan ir-rigward, jekk, l-istess bħas-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta milli tirrikonoxxi li kuntratt ibbażat fuq att leġiżlattiv, li f’dan il-każ huwa digriet, li jkun skada qabel it-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata jikkostitwixxi fih innifsu effett ġuridiku ta’ dak l-att, li huwa suxxettibbli li jżomm l-attwalità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat (indipendentement mill-inklużjoni ta’ l-istess fir-rikors), l-istess għandu jkollu japplika a fortiori fir-rigward ta’ l-effetti li jieħdu l-forma ta’ żewġ kwistjonijiet pendenti quddiem il-qrati nazzjonali msemmijin fir-rikors, li jkollhom konnessjoni ħafna iktar indiretta mad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 95(10) tas-SGB V minn dak li jkun seta’ jeżisti bejn id-digriet ikkontestat u l-atti sussegwenti adottati abbażi tad-digriet imsemmi li kien għall-oriġini tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq.

50.   Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kawża preżenti, is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat ma jinkludix l-allegati effetti legali ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huma kkostitwiti mill-kwistjonijiet pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, imma ssemmi biss id-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V.

51.   Ma’ dawn l-argumenti jiżdied ukoll li, li kieku t-teżi tal-Kummissjoni kellha tiġi milqugħa, dan iwassal biex jiġi ddikjarat li r-rikors huwa ammissibbli, anki jekk l-Istat Membru konvenut ma jkunx jista’ jwaqqaf in-nuqqas sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata, billi jadotta dispożizzjonijiet interni vinkolanti ta’ l-istess valur ġuridiku bħal dawk li l-Kummissjoni tqis li jmorru kontra d-dritt Komunitarju(19), billi t-terminazzjoni tal-preżunt ksur tkun neċessarjament suġġetta għall-għoti tad-deċiżjonijiet kollha tal-qrati nazzjonali, li jkunu ġew aditi biex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi pendenti fid-data stabbilita fl-opinjoni motivata, fis-sens issuġġerit mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

52.   B’mod iktar ġenerali, il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni tfisser li l-obbligu li għandu l-Istat Membru konvenut ma jikkonsistix f’li jinsab rimedju għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu, peress li dan ikun sar impossibbli jew fi kwalunkwe każ inutli biex huwa jikkonforma ma’ l-opinjoni motivata, imma f’li jitwaqqfu l-effetti kollha prodotti mill-preżunt nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fehma tiegħi, din l-idea tiżboq il-kompetenzi li jagħti l-Artikolu 226 KE lill-Kummissjoni.

53.   Naturalment, dan bl-ebda mod ma jfisser li tiġi mneħħija kull possibbiltà li l-Kummissjoni għandha biex tippreżenta rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront ta’ Stat Membru li lilu jkun ġie attribwit il-ksur momentanju tad-dritt Komunitarju.

54.   Din l-ipoteżi tiġi fis-seħħ meta, anki jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu momentanju u l-effetti tiegħu jkun waqaf qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ma jkollhiex biżżejjed żmien biex tittermina l-fażijiet tal-proċedura prekontenzjuża qabel dan il-waqfien(20). Fil-fatt, jekk wieħed jiddikjara l-inammissibbiltà tar-rikors f’din is-sitwazzjoni jkun ifisser li jkun qed jiġi kkumpensat il-fatt li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu jkun ġie “kkunsmat”, minkejja li l-Kummissjoni ma setgħetx taġixxi qabel ma jkun waqaf u tevita b’hekk li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi jipproduċi xi effetti(21). L-inammissibbiltà lanqas ma tkun tista’ tiġi kkonstatata meta, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tkun aġixxiet fil-ħin fil-konfront tal-preżunt ksur(22).

55.   Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża.

56.   Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha iktar minn għaxar xhur bejn l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V u l-aħħar terminu tat-30 ta’ April 1999, li ġie stabbilit minn din id-dispożizzjoni, sabiex tibda u tlesti l-proċedura prekontenzjuża, iżda bagħtitilha ittra ta’ intimazzjoni biss fit-30 ta’ Ottubru 2000.

57.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma semmiet ebda ċirkustanza li kienet timpedixxiha li tlesti, jew ta’ l-inqas tibda l-proċedura prekontenzjuża fit-terminu msemmi iktar ’il fuq.

58.   B’mod partikolari, hija ma sostnietx li, minħabba ambigwità eventwali fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V, hija ma setgħetx tkun ċerta li fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin, ma jistgħux jibbenefikaw mill-imsemmija dispożizzjonijiet il-prestazzjonijiet ta’ kura psikoterapewtika koperta mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn li mhumiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja; ċertezza din li hija kienet tikseb biss mill-mument meta l-kummissjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni kellhom japplikaw jew jinterpretaw l-Artikolu 95(10) tas-SGB V f’dan is-sens, u li, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu ma setax jiġi kkonstatat ħlief bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ April 1999, fejn f’dan il-perijodu l-kummissjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni kienu mitluba jiddeċiedu fuq it-talbiet għall-awtorizzazzjoni u li seta’ kien qasir wisq biex titlesta l-proċedura prekontenzjuża. Barra minn hekk, nqis li l-Kummissjoni m'għandha l-ebda dubju fuq l-interpretazzjoni tad-diċitura tal-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V sa fejn jirrigwarda biss il-prestazzjonijiet ta’ kuri psikoterapewtiċi ambulatorji mwettqin a spejjeż ta’ l-iskema legali nazzjonali ta’ l-assigurazzjoni tal-mard, indipendentement mill-applikazzjoni li rċeviet din id-dispożizzjoni.

59.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma sostniet li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jippreżenta komplessità tali li terminu ta’ ftit iktar minn għaxar xhur minn meta ġie adottat il-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V ma kienx suffiċjenti biex tibda u tkompli bil-proċedura prekontenzjuża qabel li l-imsemmi Artikolu jipproduċi l-effetti li din l-istituzzjoni tattribwilu.

60.   Jiena nsostni għalhekk li l-Kummissjoni setgħet taġixxi fil-ħin sabiex, permezz tal-proċeduri li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, tevita li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu kkontestat jipproduċi l-effetti li hija tattribwixxilu.

61.   F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara bħala inammissibbli r-rikors preżenti għall-konstatazzjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu.

62.   Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel ma’ din il-proposta, jien jidhirli li jkun utli li jiġi ppreċiżat li konklużjoni bħal din bl-ebda mod m'għandha twassal lill-qrati nazzjonali li jkollhom quddiemhom il-kwistjonijiet pendenti msemmijin iktar ’il fuq biex, fin-nuqqas ta’ rinviju preliminari skond l-Artikolu 234 KE, jaslu għal xi konklużjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tat-teżi li tkun qegħda tiġi difiża quddiemhom mill-psikoterapewti kkonċernati, dwar l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V mad-dritt Komunitarju.

63.   Min-naħa l-oħra, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex taderixxi mal-proposta biex tiddikjara l-inammissibbiltà tar-rikors preżenti, huwa l-obbligu tagħha li tagħti deċiżjoni fuq il-ġustifikazzjoni ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

64.   Għaldaqstant huwa biss b’mod sussidjarju li fil-paragrafi suċċessivi, jiena ser neżamina l-kwistjonijiet fil-mertu mqajmin fil-kawża preżenti.

B –    Fuq il-mertu

1.      L-argumenti tal-partijiet

65.   Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u huma indirettament diskriminatorji, peress li l-psikoterapewti li, matul il-perijodu ta’ referenza msemmi mid-dispożizzjonijiet tranżitorji kkontestati, eżerċitaw essenzjalment il-professjoni tagħhom a spejjeż tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn li mhumiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jistgħux jibbenefikaw minnhom. Hija tfakkar is-sitwazzjonijiet taż-żewġ partijiet li għamlu l-ilment, imsemmijin fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura, li, filwaqt li kienu stabbiliti fil-Ġermanja matul il-perijodu ta’ referenza, imsemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) tas-SGB V, f’post li, skond l-iskema definittiva introdotta mil-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998, kien suġġett għall-kwoti skond il-bżonnijiet effettivi ta’ kura mill-1 ta’ Jannar 1999, ma setgħux jibbenefikaw mill-approvazzjoni prevista fl-Artikolu msemmi, minħabba li ma kinux qattgħu numru ta’ sigħat joffru trattament psikoterapewtiku matul perijodu kontinwu ta’ għall-inqas sitt xhur fi ħdan l-iskema Ġermaniża ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard. Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm dawn il-psikoterapewti, fit-teorija, jistgħu jkomplu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-post ta’ stabbiliment fid-data ta’ stabbiliment tagħhom fil-Ġermanja, madankollu huma ma jistgħux jagħtu trattamenti reġistrati, b’mod li huma jinsabu mċaħħda mill-unika soluzzjoni li serjament tista’ tkun possibbli sabiex wieħed jeżerċita l-prattika tiegħu fil-post ta’ stabbiliment li jkun ġie magħżul inizjalment.

66.   Il-Kummissjoni żżid li n-natura diskriminatorja tirriżulta ħafna iktar evidenti minħabba l-fatt li, sabiex tibbenefika l-applikazzjoni ta’ l-imsemmijin dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, psikoterapewta Ġermaniż mhuwiex dejjem mitlub li fil-prattika jkun ħadem diġà fir-reġjun fejn huwa jkun jixtieq jistabbilixxi ruħu. Fi kliem ieħor, sakemm huwa jkun ipprovda trattament a spejjeż ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V, u għamel in-numru ta’ sigħat ta’ trattament mitlub, huwa jista’ jipprevalixxi ruħu minn din is-sitwazzjoni sabiex jitlob għal din l-approvazzjoni, anki jekk huwa jistabbilixxi ruħu f’reġjun ieħor. Ta’ l-inqas, din kienet il-prattika ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti sal-ġurnata meta ingħatat is-sentenza tal- Bundessozialgericht imsemmija iktar ’il fuq.

67.   Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V huma wkoll ta’ natura li jiddisswadu lill-psikoterapewta Ġermaniż li jitlaq minn dak l-Istat Membru biex igawdi mil-libertà ta’ stabbiliment matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u tal-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V.

68.   Il-Kummissjoni tammetti li, fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni ġenerali tal-professjoni tal-psikoterapewta fil-Ġermanja, il-protezzjoni tad-drittijiet miksuba tal-psikoterapewti li jkunu eżerċitaw f’post partikolari f’dan l-Istat Membru tista’ tkun meħtieġa minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

69.   Hija tammetti wkoll li d-dispożizzjonijiet tranżitorji huma xierqa biex jilħqu l-għanijiet li huma għandhom, jiġifieri, minn naħa, li jippermettu li tiġi eżerċitata l-attività tal-psikoterapewti li jkunu stabbiliti diġà sa minn diversi snin qabel f’settur ġeografiku li mill-1 ta’ Jannar 1999 jkun ġie suġġett għall-kwoti minħabba provvista eċċessiva ta’ trattamenti u, min-naħa l-oħra, li jassiguraw li numru limitat biss ta’ terapewti jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V sabiex ma jiġix ipperikolat l-għan prinċipali tal-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998 li tikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ l-eċċessi u tiġi garantita provvista uniformi ta’ kuri psikoterapewtiċi reġistrati fuq it-territorju nazzjonali kollu.

70.   Il-Kummissjoni ssostni madankollu li l-fatt li l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V jiġi limitat għall-applikanti li qabel ikunu eżerċitaw attività fil-Ġermanja matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V mhuwiex indispensabbli għat-twettiq ta’ l-għanijiet imfittxija.

71.   Fil-fehma tagħha, mis-sentenza Vlassopoulou(23) u mis-sentenzi li segwewha jirriżulta li s-sigħat maħdumin minn dawn il-psikoterapewti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn fl-ambitu tas-sistema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ l-Istat Membru li minnu ġejjin għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk huma jistgħux jibbenefikaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V. Peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tpoġġi bħala kundizzjoni għall-aċċess għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali jew għall-għoti ta’ xi vantaġġ il-prova ta’ ċerta esperjenza professjonali, l-Istati Membri ma jistgħux, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 43 KE, jiskartaw sistematikament l-esperjenza professjonali miksuba fi Stati Membri oħrajn. Dan ir-riżultat huwa konformi wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE.

72.   Barra minn hekk, l-iskop tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V ma jkunux f’periklu meta l-attivitajiet professjonali paragunabbli jew ekwivalenti, li jkunu ġew eżerċitati minn psikoterapewti fi Stati Membri oħrajn, jiġu rikonoxxuti bħala attivitajiet preċedenti li jixirqilhom protezzjoni. Fil-kawża preżenti, skond il-Kummissjoni, huwa leġittimu li wieħed jippreżumi li numru limitat ta’ psikoterapewti, li pprovdew trattamenti fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V, huwa interessat fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija. Madankollu, il-Kummissjoni tindika li l-Gvern Ġermaniż ma pprovda ebda element ta’ prova li tippermetti li jiġi konkluż li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-psikoterapewti kien jippreġudika l-għan maħsub biex ma jkunx hemm eċċessi ta’ kapaċitajiet fil-provvista tat-trattamenti.

73.   Skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V mhumiex diskriminatorji. Dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsubin li jipproteġu sitwazzjonijiet stabbiliti li jixirqilhom protezzjoni, jiġifieri s-sitwazzjoni tal-psikoterapewti stabbiliti f’reġjun minn tal-Ġermanja fejn huma eżerċitaw il-professjoni tagħhom għal ċertu żmien taħt l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard. Bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, il-leġiżlatur nazzjonali ħa ħsieb li l-iskema definittiva stabbilita mil-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998 ma tisfurzax lil dawn il-persuni biex jiċċaqalqu u jitilfu l-klijentela tagħhom. Min-natura stess tas-sitwazzjonijiet in kwistjoni jirriżulta li dawn jistgħu jiġu stabbiliti biss f’post partikolari fuq it-territorju Ġermaniż.

74.   Fil-fatt, skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni tagħti interpretazzjoni żbaljata tal-liġi in kwistjoni meta tikkunsidra li l-psikoterapewti Ġermaniżi jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V irrispettivament mill-post fejn huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw, anki jekk huma ma jkunux stabbilixxew ruħhom hemmhekk minn qabel. Barra minn hekk interpretazzjoni bħal din tmur kontra dak li ġie stabbilit mill-Bundessozialgericht fis-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq, fejn hija bbażat ruħha ġustament fuq l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur nazzjonali biex tillimita l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V għall-psikoterapewti li jkunu pprovdew trattamenti matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V, f’post fejn huma jkunu talbu l-awtorizzazzjoni għar-reġistrazzjoni indipendentement mill-bżonnijiet effettivi ta’ kura.

75.   Għalkemm il-Gvern Ġermaniż jammetti li huwa possibbli li ċerti awtorizzazzjonijiet setgħu jingħataw lill-psikoterapewti stabbiliti fit-territorju Ġermaniż mingħajr osservanza tal-kundizzjoni li l-post li fih ikun ipprovda l-kura l-psikoterapewta qabel u dak li fih l-istess psikoterapewta jkun jixtieq jeżerċita l-professjoni tiegħu mill-1 ta’ Jannar 1999 ikun l-istess, jeżistu każijiet, madankollu, fejn il-leġiżlazzjoni kkontestata ma ġietx applikata b’mod korrett. Dawn l-awtorizzazzjonijiet li ngħataw b’mod illegali ma jistgħux, għaldaqstant, iservu ta’ bażi għall-akkuża ta’ diskriminazzjoni fil-konfront tal-psikoterapewti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn.

76.   Fi kliem il-Gvern Ġermaniż, kieku wieħed kellu jestendi l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V għall-psikoterapewti li jkunu eżerċitaw l-attività professjonali reġistrata tagħhom fi Stati Membri oħrajn, jirriżulta li dawn il-persuni jkunu ffavoriti meta mqabbla ma psikoterapewti stabbiliti fil-Ġermanja. Fil-fatt, skond dan il-gvern, psikoterapewta li jkun eżerċita f’Essen għal diversi snin taħt l-iskema tar-reġistrazzjoni Ġermaniża, li jittrasferixxi ruħu fi Munich fejn ma ħadimx ħlief għal xahrejn matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V ma jkunx jista’ jkompli jibbenefika minn din l-iskema jekk il-kwoti jkunu nqabżu, filwaqt li psikoterapewta li jkun eżerċita f’belt ta’ Stat Membru ieħor taħt l-iskema tar-reġistrazzjoni ta’ l-istess Stat, li jittrasferixxi ruħu taħt l-istess kundizzjonijiet fi Munich jista’ jibqa' reġistrat f’dik il-belt, anki jekk il-kwoti jkunu nqabżu.

77.   Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-ġurisprudenza Vlassopoulou ċċitata iktar ’il fuq mhijiex rilevanti. Din il-kawża tirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u kwalifiki professjonali, u għall-għadd tal-perijodi ta’ taħriġ professjonali. Madankollu, fil-kawża preżenti, l-aċċess għall-professjoni tal-psikoterapewta, indipendentement mill-bżonnijiet effettivi tal-kuri, bl-ebda mod ma ġiet irrifjutata lill-psikoterapewti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kwalifiki professjonali. Peress li l-kundizzjoni essenzjali tal-liġi kkontestata hija l-ankraġġ tal-psikoterapewta f’post partikolari fit-territorju Ġermaniż sabiex jiġu limitati d-drittijiet miksuba li jixirqilhom protezzjoni, mhuwiex rilevanti li tittieħed in kunsiderazzjoni l-attività professjonali eżerċitata barra mill-pajjiż matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V, u dan b’kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni.

78.   Fid-dawl ta’ l-għanijiet imfittxija mil-liġi kkontestata, il-Gvern Ġermaniż isostni fl-aħħar nett li l-estensjoni tal-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, mitluba mill-Kummissjoni, iżżid sostanzjalment il-provvista tat-trattamenti fiż-żoni tat-territorju Ġermaniż li huma suġġetti għall-pjanijiet.

2.      Kunsiderazzjonijiet

a)      Osservazzjonijiet preliminari

79.   Kif, b’mod rilevanti ħafna, qassarha l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fl-4 ta’ Ottubru 2001 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja(24), l-Istati Membri, in osservanza tad-dritt Komunitarju, jassoġġettaw b’mod ġenerali lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom għal diversi regolamenti tas-suq li jirregolaw kemm l-attività ta’ dawn l-operaturi, kif ukoll l-aċċess għas-suq skond kriterji stabbiliti. Fost dan l-aħħar tip ta’ regolamenti hemm kemm limitazzjonijiet kwalitattivi ta’ l-aċċess għas-suq, jiġifieri b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ kwalifiki professjonali minimi ta’ l-operaturi, kif ukoll limitazzjonijiet ta’ natura kwantitattiva, fil-forma, bħala eżempju, ta’ konċessjonijiet jew ta’ kwoti.

80.   Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu kkontestat ma jikkonċernax il-kundizzjonijiet kwalitattivi ta’ l-aċċess għas-suq li jirrigwardaw il-kwalifiki professjonali tal-psikoterapewti, professjoni din li, bħalma indikat il-Kummissjoni fir-rikors tagħha, taqa' taħt sistema ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku tat-titoli professjonali, previst fid-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/48/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin(25) u fid-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE(26).

81.   Il-Kummissjoni lanqas ma takkuża direttament lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li din, mill-1 ta’ Jannar 1999, introduċiet restrizzjonijiet ta’ natura kwantitattiva, fil-forma ta’ kwoti skond il-bżonnijiet effettivi ta’ kura, għall-aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapewta fit-territorju tagħha.

82.   Min-naħa l-oħra, hija takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li din eskludiet mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, li ppreċedew id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmija skema ta’ kwoti billi pprovdew deroga limitata għal din l-iskema biex jiġu ppreżervati d-drittijiet miksuba ta’ ċerti psikoterapewti, il-psikoterapewti li jkunu essenzjalment ipprovdew trattamenti ambulatorji, matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-imsemmija dispożizzjonijiet tranżitorji, a spejjeż tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn.

83.   Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V jirregolaw għalhekk il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għar-reġistrazzjoni tal-psikoterapewti, li l-kwalifiki professjonali tagħhom huma rikonoxxuti fil-Ġermanja, b’deroga mill-iskema tal-kwoti implementata mill-1 ta’ Jannar 1999 mil-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998. Dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx armonizzati fuq livell Komunitarju. Għaldaqstant, l-Istati Membri, fil-prinċipju, jibqgħu kompetenti biex jiddefinixxuhom. Skond il-ġurisprudenza, huma għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza in osservanza tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat(27), fejn fosthom hemm il-libertà ta’ stabbiliment previst fl-Artikolu 43 KE.

84.   Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tranżitorji jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li ma jistax jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

b)      Fuq l-eżistenza tar-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment

85.   Kif tgħidha fi ftit kliem il-Kummissjoni, mingħajr kontestazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-psikoterapewti li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga msemmija fid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V huma limitati għal dawk li, matul il-perijodu ta’ referenza prevista fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(10) u fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 95(11) tas-SGB V, jiġifieri mill-25 ta’ Ġunju 1994 sa l-24 ta’ Ġunju 1997, ipprovdew trattamenti fil-Ġermanja lill-pazjenti fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ dak l-Istat Membru, jew inkella offrew assistenza lill-pazjenti fi Stati Membri oħra safejn din l-assistenza ttieħdet a spejjeż tal-fondi ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard Ġermaniża, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat(28).

86.   Min-naħa l-oħra, huma esklużi minn dan il-benefiċċju, minn naħa, il-psikoterapewti kollha li stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja wara l-24 ta’ Ġunju 1997 u qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 1998 u, min-naħa l-oħra, il-psikoterapewti kollha li stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja matul il-perijodu ta’ referenza, imma biss mix-xahar ta’ Jannar 1997, fejn huma ma setgħux jagħmlu l-250 mitluba matul perijodu kontinwu ta’ bejn 6 u 12-il xahar, peress li l-perijodu ta’ referenza spiċċa fl-24 ta’ Ġunju 1997, ħaġa din li strettament, kienet iċċaħħad lil dawn il-psikoterapewti mill-possibbiltà li jlestu s-6 xhur kontinwi taħt l-iskema ta’ reġsitrazzjoni Ġermaniża.

87.   Skond il-ġurisprudenza, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi kull regola nazzjonali li hija suxxettibbli li tpoġġi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn f’sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt żvantaġġjuża meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment fl-istess ċirkustanzi(29). Dan l-Artikolu jimponi wkoll l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri l-miżuri kollha li jipprojbixxu, ifixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà(30).

88.   Fil-kawża preżenti, l-istess bħalma tammetti l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V ma jipprojbixxu bl-ebda mod lill-psikoterapewti, li jkunu pprovdew trattamenti matul il-perijodu ta’ referenza essenzjalment a spejjeż ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjni obbligatorja tal-mard ta’ Stati Membri oħra li mhumiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, milli jistabbilixxu ruħhom jew iżommu l-istabbiliment tagħhom f’dan l-Istat Membru msemmi fl-aħħar.

89.   Min-naħa l-oħra, biex dawn il-professjonisti jkunu jistgħu jżommu l-istabbiliment tagħhom fil-post ta’ l-għażla tagħhom li, mill-1 ta’ Jannar 1999, sar suġġett għall-iskema tal-kwoti minħabba raġunijiet ta’ bżonnijiet effettivi ta’ trattamenti, iridu jkunu pprovdew it-trattamenti tagħhom a spejjeż ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ l-iskema Ġermaniża, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 95(10) u (11) tas-SGB V.

90.   Madankollu, din il-leġiżlazzjoni tpoġġi lill-psikoterapewti li pprovdew it-trattamenti tagħhom a spejjeż tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn f’sitwazzjoni ta’ fatt żvantaġġjuża meta mqabbla mal-psikoterapewti li jkunu pprovdew l-istess tipi ta’ trattamenti a spejjeż ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ l-iskema Ġermaniża. Fil-fatt, kif juru s-sitwazzjonijiet tal-partijiet li għamlu l-ilment imsemmijin fin-noti tal-partijiet, dawk ta’ l-ewwel, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ġejjin minn Stati Membri oħrajn li mhumiex ir-repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li dawk tat-tieni, bħala regola ġenerali, huma ċittadini Ġermaniżi.

91.   Fi kwalunkwe każ, leġiżlazzjoni simili tagħmilha inqas attraenti li wieħed jeżerċita l-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, psikoterapewta li jkun ipprovda trattamenti essenzjalment a spejjeż tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn matul il-perijodu ta’ referenza ma jistax iżomm l-istabbiliment tiegħu fil-Ġermanja f’post ta’ l-għażla tiegħu; post fejn ikun ġie misjub eċċess ta’ kapaċità fil-provvista tat-trattamenti u li l-kwoti għalih ġew introdotti mill-1 ta’ Jannar 1999, ħlief jekk dak il-psikoterapewta jipprovdi trattamenti barra mill-iskema ta’ reġistrazzjoni, ħaġa din li tagħmel il-prestazzjoni tat-trattamenti iktar għalja għall-pazjenti.

92.   Għalkemm id-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V huma suxxettibbli li jipproduċu effett simili fuq is-sitwazzjonijiet tal-psikoterapewti Ġermaniżi li ma pprovdewx jew ma pprovdewx biżżejjed trattamenti a spejjeż tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni tal-mard Ġermaniżi matul il-perijodu ta’ referenza, ir-rifjut li jwassal biex ma jittiħdux in kunsiderazzjoni t-trattamenti mogħtija fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn, li, fis-sustanza, jippreġudika lill-psikoterapewti ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li mhumiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iwassalni biex nikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

93.   B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, dan ir-rifjut jirriżulta li mhuwiex ġustifikat ukoll meta mqabbel ma’ l-għanijiet imfittxija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

c)      Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment

94.   Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment garantita mit-Trattat ma jistgħux jiġu ġġustifikati ħlief jekk huma jkunu qegħdin jirriflettu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, huma xierqa biex jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għan li huma jkunu maħsubin għalih u ma jeċċedux dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-istess għan(31).

95.   Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V għandhom għan doppju. Minn naħa, huma maħsubin biex jippermettu lill-psikoterapewti li, fil-passat, fetħu klinika fil-Ġermanja biex, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-drittijiet miksuba u ta’ l-aspettattiva leġittima, jeżerċitaw l-attività tagħhom minkejja l-provvista eċċessiva li kien hemm fil-post li, mill-1 ta’ Jannar 1999, kien suġġett għall-kwoti. Min-naħa l-oħra, huma maħsubin biex, permezz tal-kundizzjonijiet li huma jippreskrivu, jiggarantixxu li numru limitat biss ta’ psikoterapewti jkunu jistgħu jipprevalixxu ruħhom mid-dritt li jiksbu awtorizzazzjoni indipendentement mill-bżonnijiet effettivi tat-trattamenti, illi kieku ma jkunx intlaħaq l-għan prinċipali msemmi mill-iskema definittiva introdotta mil-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ l-eċċessi fil-kapaċitajiet u l-garanzija ta’ provvista kostanti ta’ trattamenti psikoterapewtiċi għall-persuni assigurati taħt l-iskema ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard fit-territorju federali.

96.   Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni taċċetta li l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba u dik ta’ l-aspettattiva leġittima tal-psikoterapewti li, fil-passat, eżerċitaw il-professjoni tagħhom f’post li, mill-1 ta’ Jannar 1999 kien suġġett għall-kwoti, li ppreċedew l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, tista’ taqa' taħt ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

97.   Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament tikkunsidra li d-dritt Komunitarju ma jeskludix li dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali jiġu mfittxijin mill-Istati Membri.

98.   F’dan ir-rigward, f’dak li għandu x’jaqsam mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li sabiex tassigura l-osservanza tal-prinċipji taċ-ċertezza ġuridika u ta’ l-aspettattiva leġittima, ir-regoli Komunitarji tad-dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati bħala li ma jinkludux sitwazzjonijiet li jkunu nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom ħlief meta jirriżulta biċ-ċar, mit-termini, skop jew struttura tagħhom, li għandu jingħatalhom effett retroattiv(32) u min-naħa l-oħra, li għalkemm individwu ma jistax jibbaża l-aspettattiva tiegħu fuq in-nuqqas totali ta’ emendi leġiżlattivi, il-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika titlob li l-leġiżlatur jieħu in kunsiderazzjoni sitwazzjonijiet partikolari ta’ l-operaturi ekonomiċi u jipprovdi, jekk ikun il-każ, adattamenti għall-applikazzjoni ta’ regoli legali ġodda(33).

99.   F’dan il-kuntest, l-imħallef Komunitarju ma ġiex mitlub biss jivverifika li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji kienu jassiguraw ir-rispett tad-drittijiet miksuba minn individwi skond sistema legali li kienet applikabbli minn qabel għad-dispożizzjonijiet ġodda introdotti minn dawn l-atti(34), imma wkoll sabiex jeżamina jekk, skond l-obbligu impost minn direttiva, Stat Membru kienx adotta l-miżuri neċessarji maħsubin għall-protezzjoni tranżitorja tad-drittijiet miksuba minn terzi fil-qasam tar-riproduzzjoni u tad-distribuzzjoni ta’ siltiet ta’ mużika, li d-dritt għall-isfruttament tagħhom kien daħal fil-qasam pubbliku in virtù ta’ liġi nazzjonali li ħarġet qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva fid-dritt nazzjonali, imma li l-protezzjoni tagħha, wara li t-terminu tal-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur u ta’ neighbouring rights ġie estiż, kienet reġgħet ġiet affermata skond id-direttiva, mill-mument ta’ l-implementazzjoni tagħha(35).

100. Għalhekk jiena ma nara ebda xkiel li jirriżulta mid-dritt Komunitarju għall-fatt li, bħal fil-kawża preżenti, Stat Membru, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji, jipprova jillimita l-effetti negattivi li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ ta’ liġi li tintroduċi skema definittiva ta’ kwoti għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari, billi jippreżerva s-sitwazzjonijiet miksuba minn ċerti operaturi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik il-liġi l-ġdida, li jirriflettu l-kundizzjonijiet oġġettivi previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji in kwistjoni, u li fin-nuqqas li jkunu jeżistu l-istess kundizzjonijiet, l-operaturi msemmijin jkollhom jirrinunzjaw milli jużaw il-klinika tagħhom taħt l-iskema tar-reġistrazzjoni fil-post li fih huma jkunu stabbilixxew ruħhom.

101. Jeħtieġ ukoll li jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V huma xierqa biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-għan doppju deskritt fil-punt 95 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tammetti – u, fil-fehma tiegħi, ġustament – li, bil-fatt li jirreferu għall-imġiba tal-psikoterapewti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-iskema definittiva tal-kwoti introdott mil-liġi tas-16 ta’ Ġunju 1998, jiġifieri l-prestazzjoni ta’ trattamenti psikoterapewtiċi matul il-perijodu ta’ referenza, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V jimpedixxu kull tentattiv tal-persuni interessati sabiex ifittxu jikkonformaw ruħhom malajr, eżattament qabel jew fil-mument stess tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tintroduċi l-iskema tal-kwoti msemmija, mal-kundizzjonijiet li jagħtuhom dritt li jiksbu awtorizzazzjoni indipendentement mill-bżonnijiet effettivi ta’ kura. Skond il-Kummissjoni, iċ-ċirku tal-persuni li għandhom dritt huwa għalhekk limitat għall-psikoterapewti li ma kkonformawx deliberatament mal-liġi l-ġdida, indipendentement mill-iskema ta’ kwoti applikabbli għall-professjoni tagħhom li kellha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999.

102. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-kawża preżenti tirrigwarda jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V huma jew mhumiex proporzjonali.

103. Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V jingħata lill-psikoterapewti li jkunu pprovdew trattamenti matul il-perijodu ta’ referenza, a spejjeż tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn, ma tpoġġix f’perikolu l-għan doppju li għandu l-leġiżlatur Ġermaniż. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-ebda mod ma wriet li dan kien ikun l-effett wara l-ftuħ tal-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għall-psikoterapewti msemmijin.

104. L-argument li fuqu tibbaża l-Kummissjoni biex tasal għal din il-konklużjoni mhuwiex konnvinċenti.

105. Ċertament, jiena nifhem ir-raġunament ġenerali li bih, fir-rigward tal-ġurisprudenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u tal-kwalifiki professjonali, kif ukoll dik dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE(36), l-eżerċizzju ta’ attività professjonali partikolari matul perijodu determinat fi Stat Membru ieħor, paragunabbli għal dik eżerċitata matul l-istess perijodu fil-Ġermanja, ma għandux ikun injorat peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-applikazzjoni tagħha qegħda in kwistjoni hawnhekk, tagħmilha bħala kundizzjoni għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari, li wieħed iġib prova ta’ l-eżerċizzju ta’ dik l-attività professjonali fil-Ġermanja.

106. Madankollu, l-eżami tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali partikolari għandu jsir b’mod konkret meta mqabbel ma’ l-għanijiet preċiżi mfittxija mill-istess miżura. Fil-fehma tiegħi, dan l-eżami jimplika wkoll, li l-miżuri alternattivi li huma inqas restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment, kif suġġeriti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċediment għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ xi obbligu, huma iktar xierqa biex jilħqu b’mod sħiħ(37) jew, ta’ l-inqas, bl-istess effikaċja(38), l-għanijiet imfittxija mill-miżura nazzjonali in kwistjoni. Kieku dan ma kienx il-każ, il-livell ta’ protezzjoni mfittex mill-Istat Membru konvenut jiġi għalhekk miċħud.

107. Madankollu, fil-kawża preżenti, l-argument żviluppat mill-Kummissjoni kien jidher li jinjora din l-idea f’diversi aspetti.

108. Wieħed għandu jiftakar l-ewwel nett li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V bl-ebda mod ma jimpedixxu lil xi psikoterapewta stabbilit fil-Ġermanja qabel il-31 ta’ Diċembru 1998, li jkun ipprovda trattamenti matul il-perijodu ta’ referenza a spejjeż tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn, li jkompli jeżerċita l-professjoni tiegħu fl-ewwel Stat Membru, kemm fil-post magħżul inizjalment għall-istabbiliment tal-klinika, iżda barra mill-iskema tar-reġistrazzjoni, kif ukoll f’post ieħor fil-Ġermanja, li ma jkunx suġġett għall-iskema tal-kwoti introdotta mill-1 ta’ Jannar 1999, a spejjeż tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni Ġermaniża tal-mard.

109. Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ dak li, b’mod sussidjarju, il-Kummissjoni tagħti x’tifhem, għall-eżami tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V mhuwiex irrilevanti li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jiġi limitat għall-istess post ta’ l-attivitajiet li fit-territorju tiegħu l-psikoterapewta jitlob biex, mill-1 ta’ Jannar 1999, ikun jista’ jipprovdi trattamenti reġistrati, indipendentement mill-bżonnijiet effettivi ta’ l-istess trattamenti, jiġifieri l-post fejn tinsab il-klinika tiegħu.

110. Fil-fatt, fir-rigward ta’ l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, dan kien jinvolvi li l-psikoterapewti jiġu awtorizzati li, għalkemm ikunu stabbiliti f’post fejn il-bżonnijiet effettivi tat-trattamenti jkunu sodisfatti jew jeċċedu u għaldaqstant, l-iskema tal-kwoti implementata mill-1 ta’ Jannar 1999 iġġiegħelhom jittrasferixxu l-klinika tagħhom jew jirrinunzjaw għar-reġistrazzjoni tagħhom, ikomplu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod approvat, sabiex jippreżervaw id-drittijiet miksuba tagħhom.

111. Madankollu, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dawn id-drittijiet jistgħu jinkisbu u għalhekk protetti biss jekk, matul il-perijodu ta’ referenza, l-imsemmija professjonisti jkunu pprovdew trattamenti psikoterapewtiċi fl-istess lok li fi ħdanu huma jkunu talbu sabiex iwettqu l-attività reġistrata tagħhom mill-1 ta’ Jannar 1999. Hija effettivament din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V li, fid-dawl ta’ l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur Ġermaniż, ġiet ikkonfermata fis-sentenza tal-Bundessozialgericht tat-8 ta’ Novembru 2000 imsemmi iktar ’il fuq.

112. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li huma rrilevanti t-trattamenti psikoterapewtiċi li jingħataw, matul il-perijodu ta’ referenza, f’post ieħor, kemm jekk fil-Ġermanja jew fi Stat Membru ieħor, kif ukoll jekk fil-post li għalih intalbet l-awtorizzazzjoni biex jingħata t-trattament reġistrat mill-1 ta’ Jannar 1999, indipendentement mill-bżonnijiet effettivi ta’ kura.

113. Min-naħa l-oħra, huwa partikolarment għal din ir-raġuni li ma setgħetx tiġi estiża għall-kawża preżenti s-soluzzjoni kkonstatata fis-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li Stat Membru konvenut kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 48 KE tat-Trattat meta ma assigurax li jkun hemm rikonoxximent tad-drittijiet miksuba ta’ dawk li qabel kienu għalliema tal-lingwi barranin, li saru kollaboraturi u esperti lingwistiċi tal-lingwa materna, filwaqt li dan ir-rikonoxximent kien garantit lill-ħaddiema nazzjonali kollha(39).

114. Fil-fehma tiegħi, l-analiżi esposta fil-punt 112 iktar ’il fuq mhijiex annullata mill-fatt, li ġie elaborat mill-Kummissjoni fin-noti tagħha, li ċerti kummissjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni, qabel is-sentenza tal-Bundessozialgericht iċċitata iktar ’il fuq, kienu laqgħu talbiet għall-awtorizzazzjoni magħmulin minn psikoterapewti li, matul il-perijodu ta’ referenza, ma kinux ipprovdew trattamenti fil-post li għalih huma kienu talbu l-awtorizzazzjoni mill-1 ta’ Jannar 1999, biex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod approvat minkejja l-introduzzjoni ta’ l-iskema tal-kwoti fil-postijiet fejn kienu jinsabu l-kliniċi rispettivi tagħhom.

115. Fil-fatt, u indipendentement mill-eżattezza ta’ l-allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, dan l-argument ifisser li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-obbligu li testendi għaċ-ċittadini Komunitarji xi deċiżjonijiet iżolati li hija stess tqis illegali fir-rigward ta’ l-iskop imfittex mil-leġiżlatur Ġermaniż, konfermat mis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq fejn l-interpretazzjoni tagħha tintegra ex tunc mad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V.

116. Barra minn hekk, kif ġustament tirrimarka r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li wieħed jaċċetta t-teżi tal-Kummissjoni jkun ifisser li jkun qiegħed jiġi aċċettat li l-istess Kummissjoni tista’ tissostitwixxi l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bl-għan proprju tagħha, li huwa iktar wiesa', konsistenti fl-ippreżervazzjoni tad-drittijiet miksuba matul il-perijodu ta’ referenza minn psikoterapewtiċi f’postijiet li mhumiex dawk li għalihom dawn il-professjonisti jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga mill-iskema tal-kwoti implementata mill-1 ta’ Jannar 1999, jiġifieri l-postijiet fejn jinsabu l-kliniċi rispettivi tagħhom fil-Ġermanja.

117. B’mod partikolari, fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, din is-sostituzzjoni ma tistax assolutament tiġi kkunsidrata.

118. Fl-aħħar nett, anki li kieku wieħed kellu jammetti, kif tipproponi l-Kummissjoni, li l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V għall-psikoterapewti li jkunu pprovdew trattamenti reġistrati fi Stati Membri oħrajn matul il-perijodu ta’ referenza, hija rilevanti u li tikkostitwixxi miżura alternattiva inqas restrittiva fuq il-libertà ta’ stabbiliment, madankollu din is-soluzzjoni tirriżulta inadegwata biex tilħaq b’mod sħiħ, jew ta’ l-inqas, bl-istess effikaċja l-għan ikkunsidrat mid-dispożizzjonijiet imsemmijin.

119. Fil-fatt, din il-miżura alternattiva jkollha l-effett li tkabbar in-numru ta’ psikoterapewti awtorizzati li jipprovdu trattamenti reġistrati fil-postijiet fejn jinsabu stabbiliti l-kliniċi rispettivi tagħhom, b’deroga mill-iskema tal-kwoti implementati f’dawn il-postijiet mill-1 ta’ Jannar 1999. Din il-miżura twassal biex indirettament tiġi diskussa l-iskema tal-kwoti introdotta mill-1 ta’ Jannar 1999, minkejja li r-rikors preżenti ma jirrigwardax l-inkompatibbiltà ta’ din l-iskema mal-libertà ta’ stabbiliment.

120. Ċertament, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni wieħed jista’ “jippreżumi”, li l-estensjoni tal-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V għall-psikoterapewti li jkunu pprovdew trattamenti reġistrati fi Stati Membri oħrajn ma “tpoġġix fil-perikolu” l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet imsemmija.

121. Madankollu, indipendentement mill-fatt dwar jekk, f’dan il-kuntest, is-sempliċi preżunzjoni hijiex suffiċjenti biex turi n-nuqqas effettiv ta’ twettiq ta’ obbligu skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-Artikolu 226 KE(40), l-ipperikolar ta’ l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur Ġermaniż, fil-fehma tiegħi, ma jistax jikkostitwixxi kriterju rilevanti sabiex wieħed jeżamina l-adegwatezza tal-miżuri alternattivi proposti mill-Kummissjoni meta mqabbla ma’ l-imsemmija għanijiet.

122. Dan ma kienx jidher li huwa l-kriterju kkonstat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li vverifikat, inkluż fil-kuntest tar-rinviju preliminari, jekk l-estensjoni ta’ dritt proċedurali, kif imsemmi mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru favur ċerti ċittadini tiegħu, għal ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu kinitx tippreġudika l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni msemmija(41).

123. Fil-kuntest ta’ rikors sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiena nsostni li, fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq, il-miżuri alternattivi li l-Kummissjoni tipproponi għandhom ikunu jistgħu jilħqu bl-istess effikaċità l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tagħha qiegħda tiġi allegata.

124. Jiena lest nammetti li, bħalma tissuġġerixxi l-Kummissjoni, jekk jintlaqa' l-argument dwar l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, li jidderogaw mill-iskema tal-kwoti implementati mill-1 ta’ Jannar 1999, għaċ-ċittadini Komunitarji, dan ikollu effetti limitati fuq din l-iskema.

125. Madankollu, dan il-fatt jirriżulta min-natura passata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu kkontestat, natura din li, kif ipproponejt b’mod prinċipali, għandha twassal sabiex jiġi r-rikors preżenti jiġi dikjarat inammissibbli.

126. Jiena nżid li, għalkemm il-Kummissjoni kienet mexxiet il-proċedura prekontenzjuża fi żmien meta d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V kienu dejjem fis-seħħ, huwa verosimili li l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-imsemmija dispożizzjoniijiet għaċ-ċittadini Komunitarji, li jkunu pprovdew trattamenti reġistrati fi Stati Membri oħra matul il-perijodu ta’ referenza, kien jaffettwa iktar, jiġifieri b’mod sostanzjali, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, din l-iskema ta’ kwoti. F’dan ir-rigward, huwa utli li jiġi rilevat li, anki jekk l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien diġà waqaf, il-proċedura prekontenzjuża u n-noti tal-partijiet jirreferu għall-każijiet oħra ta’ psikoterapewti li pprovdew trattamenti reġistrati fi Stati Membri oħra fejn setgħet tqum il-kwistjoni dwar l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V.

127. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, irrikonoxxiet li l-iżvolġiment tat-trattamenti psikoterapewtiċi konformi mal-bżonnijiet effettivi, fil-futur prevedibbli, ma setax isir b’suċċess ħlief jekk in-numru ta’ applikanti potenzjali li jkunu privileġġjati mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V jkun identifikabbli(42). Il-Kummissjoni naqset milli tispjega kif din il-kundizzjoni dwar l-identifikazzjoni tan-numru ta’ applikanti potenzjali setgħet tiġi sodisfatta bl-istess effikaċja bl-adozzjoni ta’ miżura li teżiġi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li din tieħu in kunsiderazzjoni l-attività professjonali, ekwivalenti jew paragunabbli, eżerċitata miċ-ċittadini Komunitarji li jkunu stabbilixxew ruħhom jew jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fil-Ġermanja qabel il-31 ta’ Diċembru 1998 u li jkunu pprovdew trattamenti reġistrati matul il-perijodu ta’ referenza a spejjeż tal-fondi ta’ assigurazzjoni tal-mard ta’ Stati Membri oħrajn.

128. Fir-rigward ta’ l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur Ġermaniż meta adotta d-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, jiena nsostni li l-Kummissjoni ma werietx li kienet teżisti miżura alternattiva inqas restrittiva fuq il-libertà ta’ stabbiliment li kienet kapaċi li tilħaq b’daqstant effikaċja l-għanijiet imsemmija.

129. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis li, anki kieku r-rikors kellu jiġi ddikjarat amissibbli, il-Kummissjoni ma wrietx li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta adottat id-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-SGB V, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha kif jirriżultaw mill-Artikolu 43 KE.

130. Għaldaqstant, b’mod sussidjarju, jiena nipproponi li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat.

VI – Fuq l-ispejjeż

131. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 69(5) ta’ dawn ir-Regoli, fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Għalkemm il-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi meqjusa telliefa, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, u dan peress illi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma talbitx li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż.

VII – Konklużjoni

132. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)         “1)      Ir-rikors huwa inammissibbli.

2)         2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – BGBl 1998 I, p. 1311.


3 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-333/99, Ġabra p. I-1025, punt 23); tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Greċja (C-394/02, Ġabra p. I-4713, punti 14 u 15), u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-33/04, Ġabra p. I‑10629, punt 65).


4 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq (punti 66 u 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).


5 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, Ġabra p. I‑2409, punt 43), u ta’ l-14 ta' Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C‑170/05, Ġabra p. I-11949, punt 50).


6 – Ara l-punti 11 u 15 tar-rikors.


7 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Franza (punt 23), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punti 14 u 15) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (punt 65).


8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑362/90, Ġabra p. I‑2353, punt 9), u tas-27 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑525/03, Ġabra p. I‑9405, punt 13).


9 – Ara s-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (punt 10), u tas-27 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet fil-kawża pendenti C-237/05.


11 – Ara wkoll, f'dan is-sens, il-punt 12 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Lenz tas-26 ta’ Frar 1992 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (sentenza tal-31 ta' Marzu 1992, iċċitata iktar ’il fuq).


12 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-439/99, Ġabra p. I‑305, punti 15 sa 17). F’din il-kawża l-kwistjoni kienet dwar l-inammissibbiltà parzjali ta’ dik il-parti tar-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu li kien jirrigwarda żewġ liġijiet reġjunali fil-qasam tal-fieri, wirjiet u swieq.


13 – Konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq (punt 63).


14 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.


15 – Ibidem, punti 15 u 16.


16 – Ibidem, punti 6, 11 u 16.


17 – Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 26 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs f’din il-kawża, kuntratt ta’ xiri ta' żewġ ħelikopters kien ġie konkluż skond id-digriet ikkontestat, li kien ser jiġi ffirmat fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata.


18 – Ara l-punt 74 tar-rikors. Ara wkoll il-punt 48 tar-rikors, fejn il-Kummissjoni tenfasizza li kull ċittadin Komunitarju “li [kien] stabbilixxa jew kien jixtieq jistabbilixxi klinika fil-Ġermanja bejn l-1997 u tmiem l-1998 kien qiegħed jirriskja li, mill-1 ta’ Jannar 1999, ikollu jagħlaq il-klinika tiegħu fil-post fejn huwa kien għażel li jistabbilixxi ruħu”.


19 – Dwar dan il-punt, ara s-sentenzi tal-15 ta' Ottubru 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja (168/85, Ġabra p. 2945, punt 13); tas-17 ta’ Novembru 1992, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑235/91, Ġabra p. I‑5917, punt 9), u tas-7 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Franza (C-334/94, Ġabra p. I‑1307, punt 30).


20 – F’dan is-sens, ara l-konklużjonijiet tiegħi ċċitati iktar ’il fuq fil-kawża C-237/05 (punt 66).


21 – Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).


22 – Idem. Ara wkoll il-punt 9 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tesauro, ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 1992, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1993, C-243/89, Ġabra. P. I-3353).


23 – Sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, (C‑340/89, Ġabra p. I‑2357).


24 – Il-konklużjonijiet li wasslu għas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002 (C‑232/99, Ġabra p. I‑4235), punti 40 sa 42.


25 – ĠU L 19, p. 16.


26 – ĠU L 209, p. 25.


27 – F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-496/01, Ġabra p. I‑2351, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 – ĠU L 149, p. 2. Fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, dan ir-regolament kien ġie emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001 (ĠU L 187, p. 1).


29 – Sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Konstantinidis (C‑168/91, Ġabra p. I‑1191, punt 13), u tas-6 ta’ Ġunju 1996, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑101/94, Ġabra p. I‑2691, punt 13).


30 – Ara s-sentenzi Konstantinidis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15); tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22), u tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner (C‑294/00, Ġabra p. I‑6515, punt 38).


31 – F'dan is-sens, ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37); ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, Ġabra p. I‑5123, punt 57); ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C‑108/96, Ġabra p. I‑837, punt 26), u Gräbner, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).


32 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1982, Bout (21/81, Ġabra p. 381, punt 13).


33 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 81).


34 – Fil-qasam tas-servizz pubbliku Komunitarju, ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il-Kummissjoni (28/74, Ġabra p. 463, punti 5 sa 8), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il-Kummissjoni (T‑123/89, Ġabra p. II‑131, punt 34), u tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni (T‑135/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 78 sa 82). Għandu jiġi nnotat li din l-aħħar sentenza tinsab taħt appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (kawża C-71/07 P).


35 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music (C-60/98, Ġabra p. I‑3939, punti 23 sa 28).


36 – B’mod partikolari, ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1994, Scholz, (C‑419/92, Ġabra p. I‑505, punt 12), fir-rigward tar-rifjut li jittieħed in kunsiderazzjoni l-perijodu ta’ impjieg mgħoddi minn ċittadin Komunitarju fis-servizz pubbliku ta’ Stat Membru ieħor, fl-okkażjoni ta’ l-għażla tal-persunal għal impjiegi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48(4) tat-Trattat KE (li sara l-Artikolu 39(4) KE), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑371/04, Ġabra p. I‑10257, punti 16 u 22).


37 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑288/02, Ġabra p. I‑10071, punt 34).


38 – Ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑114/04, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).


39 – C‑212/99, Ġabra p. I‑4923, punt 36.


40 – Fuq l-oneru tal-prova fil-kuntest tal-proċedura għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inkluż fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri nazzjonali in kwistjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑159/94, Ġabra p. I‑5815, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


41 – Sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C‑274/96, Ġabra p. I‑7637, punt 29).


42 – Ara l-punt 58 in fine.