KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2008 ( 1 )

Kawżi magħquda C-402/05 P u C-415/05 P

Yassin Abdullah Kadi u Al Barakaat International Foundation

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Nazzjonijiet Uniti — Kunsill tas-Sigurtà — Riżoluzzjonijiet adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti — Implementazzjoni fil-Komunità — Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK [PBSK] — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Miżuri li jikkonċernaw persuni u entitajiet inklużi f’lista redatta minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit bil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà (Kumitat tas-Sanzjonijiet) — Inklużjoni ta’ dawn il-persuni u entitajiet fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Kompetenza tal-Komunità — Bażi legali tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE meħuda flimkien — Drittijiet fundamentali — Dritt għar-rispett tal-proprjetà, dritt għal smigħ u dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv”

1. 

L-appellant fl-appell f’din il-kawża kien ikklassifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħala persuna ssuspettata li tappoġġja t-terroriżmu, li l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra tagħha għandhom ikunu ffriżati. Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellant ikkontesta l-legalità tar-regolament li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea implementa d-deċiżjoni ta’ iffriżar fil-Komunità. Huwa argumenta — mingħajr suċċess — illi l-Komunità ma kellhiex il-kompetenza sabiex tadotta dak ir-regolament, u, barra minn hekk, illi r-regolament kiser numru ta’ drittijiet fundamentali tiegħu. Fuq dawk li huma essenzjalment l-istess aggravji, issa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jaqblux mal-appellant fuq iż-żewġ aggravji. Madankollu, aktar importanti minn hekk, huma jsostnu li r-regolament huwa neċessarju għall-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li jorbtu, u, għalhekk, il-qrati Komunitarji m’għandhomx jivverifikaw il-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali. Essenzjalment huma jargumentaw li, meta jitkellem il-Kunsill tas-Sigurtà, il-qrati Komunitarji għandhom jibqgħu siekta.

I — Il-kuntest tal-appell

2.

Yassin Abdulla Kadi (iktar’il quddiem “l-appellant”) huwa residenti fl-Għarabja Sawdija. Fid-19 ta’ Ottubru 2001, ismu kien inkluż fil-lista tal-Anness I tar-Regolament Nru 467/2001 bħala persuna ssuspettata li tappoġġja t-terroriżmu ( 2 ). Konsegwentement, il-fondi tiegħu u r-riżorsi finanzjarji kollha fil-Komunità kellhom jiġu ffriżati. Fis-27 ta’ Mejju 2002, dak ir-regolament kien revokat u mibdul mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 ( 3 ) (“ir-regolament ikkontestat”). Madankollu, l-appellant baqa’ mniżżel — fl-Anness I tar-regolament ikkontestat — bħala persuna ssuspettata li tappoġġja t-terroriżmu u li għalhekk il-fondi tagħha kellhom jiġu ffriżati.

3.

Ir-regolament ikkontestat kien adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE sabiex jagħti effett, fil-Komunità, lill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/PESK [PBSK] ( 4 ). Dik il-Pożizzjoni Komuni, min-naħa l-oħra, tirriffletti r-Riżoluzzjonijiet 1267(1999) ( 5 ), 1333(2000) ( 6 ) u 1390(2002) ( 7 ) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Minħabba li s-soppressjoni tat-terroriżmu internazzjonali hija essenzjali għall-manteniment tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta dawk ir-riżoluzzjonijiet skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan- Nazzjonijiet Uniti.

4.

Ir-riżoluzzjonijiet jipprovdu, inter alia, li l-Istati kollha għandhom jieħdu miżuri sabiex jiffriżaw il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra ta’ individwi u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, kif nominat minn kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà kompost mill-membri kollha tiegħu (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”). Fit-8 ta’ Marzu 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika l-ewwel lista kkonsolidata tal-persuni u entitajiet li kellhom ikunu suġġetti għall-iffriżar tal-fondi. Din il-lista kienet sadanittant emendata u ssupplementata diversi drabi. L-isem tal-appellant kien miżjud mal-lista mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fid-19 ta’ Ottubru 2001.

5.

Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1452(2002), maħsuba sabiex tiffaċilita l-implementazzjoni tal-miżuri kontra t-terroriżmu. Dik ir-riżoluzzjoni tipprovdi għal numru ta’ eċċezzjonijiet għall-iffriżar tal-fondi imposti mir-Riżoluzzjonijiet 1267(1999), 1333(2000) u 1390(2002), li jistgħu jkunu mogħtija mill-Istati għal raġunijiet umanitarji, bil-kundizzjoni li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet kien nnotifikat u ma oġġezzjonax jew, f’xi każijiet, ta l-kunsens tiegħu. Barra minn hekk, fis-17 ta’ Jannar 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1455(2003), maħsuba sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri għall-iffriżar tal-fondi.

6.

Skont dawk ir-riżoluzzjonijiet, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/140/PESK [PBSK] ( 8 ) sabiex jipprovdi għall-eċċezzjonijiet permessi mill-Kunsill tas-Sigurtà. Barra minn hekk, fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kunsill emenda r-regolament ikkontestat rigward eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ( 9 ).

7.

Ir-regolament ikkontestat, kif emendat, jipprovdi fl-Artikolu 2 li “[l]-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pusses[s] ta’, persuna naturali [fiżika] jew ġuridika jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati”. L-Artikolu 2a jipprovdi għal ċertu eċċezzjonijiet, bħala eżempju fir-rigward ta’ ikel, spejjeż mediċi u spejjeż legali raġonevoli, bil-kundizzjoni li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet kien innotifikat u ma oġġezzjonax.

8.

Permezz ta’ applikazzjoni mressqa fit-18 ta’ Diċembru 2001, l-appellant ippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni, fejn jitlob li r-Regolamenti Nri 2062/2001 u 467/2001 jiġu annullati, sa fejn kienu jikkonċernawh. Ir-Renju Unit kien mogħti permess sabiex jintervjeni insostenn tal-konvenuti. Wara r-revoka tar-Regolament Nru 467/2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tittratta l-kawża bħala rikors għall-annullament tar-regolament ikkontestat, dirett kontra l-Kunsill biss, u sostnut mill-Kummissjoni u r-Renju Unit.

9.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellant argumenta li l-Kunsill ma kellux il-kompetenza li jadotta r-regolament ikkontestat. Aktar minn hekk, l-appellant sostna li dak ir-regolament kiser numru ta’ drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt ta’ proprjetà u d-dritt għal smigħ xieraq. Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-315/01) ( 10 ) (iktar’il quddiem “is-sentenza appellata”), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat ir-regolament ikkontestat u ċaħdet l-aggravji kollha tal-appellant. Fis-17 ta’ Novembru 2005, l-appellant ressaq l-appell inkwistjoni kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra ml-appellant, il-partijiet fil-proċeduri tal-appell inkwistjoni huma l-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit, kif ukoll Spanja, Franza u l-Olanda, bħala intervenjenti fl-appell. Biex inqassar sejjer nirreferi, okkażjonalment, għall-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit bħala “l-konvenuti”.

10.

L-analiżi tiegħi tal-appell se tipproċedi kif ġej. L-ewwel nett, se niddiskuti l-aggravji li jikkonċernaw il-bażi legali tar-regolament ikkontestat. Sussegwentement, se nindirizza l-aggravji li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji sabiex jeżaminaw jekk ir-regolament ikkontestat jiksirx id-drittijiet fundamentali. Fl-aħħar nett, se niddiskuti l-kwistjoni tal-kriterju ta’ stħarriġ rilevanti u se nevalwa jekk ir-regolament ikkontestat jiksirx jew le d-drittijiet fundamentali invokati ml-appellant.

II — Il-bażi legali tar-regolament ikkontestat

11.

L-ewwel aggravju tal-appellant jirrigwarda l-bażi legali tar-regolament ikkontestat. Is-sentenza appellata tagħti attenzjoni konsiderevoli lil dan l-aggravju. Wara eżaminazzjoni ta’ varji alternattivi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-effett tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE flimkien ta lill-Komunità l-poter sabiex tadotta r-regolament ikkontestat. ( 11 ) L-appellant jargumenta li din id-dikjarazzjoni hija żbaljata fil-liġi u jsostni li l-Komunità ma kellhiex biżżejjed kompetenza sabiex tadotta r-regolament ikkontestat. Għalkemm jiddependu fuq ġustifikazzjonijiet kemmxejn differenti, kemm il-Kunsill kif ukoll ir-Renju Unit jaqblu mal-Qorti tal-Prim’Istanza li r-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE. Il-Kummissjoni, madankollu, għandha opinjoni differenti u tikkonkludi li l-Artikoli 60 KE u 301 KE waħedhom kienu jipprovdu bażi legali suffiċjenti.

12.

Jien naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-poteri sabiex timponi sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji pprovduti mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, fosthom, l-interruzzjoni jew it-tnaqqis ta’ relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, ma jkoprux l-interruzzjoni jew it-tnaqqis ta’ relazzjonijiet ekonomiċi ma’ individwi f’dawk il-pajjiżi, iżda biss mal-kwistjonijiet li jirregolawhom. Huwa diffiċli li dik l-opinjoni tkun rikonċiljata mal-kliem u l-iskop ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. L-Artikolu 301 KE jawtorizza lill-Kunsill sabiex “[j]interrompi jew [i]naqqas […] ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar” permezz ta’ “miżuri urġenti” mhux speċifikati li jkunu neċessarji sabiex iwettqu l-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni (iktar’il quddiem il-“PBSK”). Fil-fatt, l-Artikolu 301 KE huwa fundamentalment ikkonċernat bl-għanijiet ta’ dawk il-miżuri, fosthom l-għanijiet tal-PBSK, li għandhom jinkisbu billi jintmessu r-relazzjonijiet ekonomiċi tal-Komunità ma’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 60(1) KE jawtorizza lill-Kunsill sabiex jieħu dawn il-miżuri fir-rigward tal-“moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni”. Huwa għalhekk jindika l-mezzi għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija qabel; dawk il-mezzi jinvolvu r-restrizzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-fondi fi u barra mill-Komunità. Barra dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, it-Trattat KE ma jirregolax x’forma għandhom jieħdu l-miżuri, jew min għandu jkun il-mira jew iġorr il-piż tal-miżuri. Pjuttost, l-uniku rekwiżit huwa li l-miżuri “jinterrompu jew inaqqsu” r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terzi, fil-qasam tal-moviment ta’ kapital jew pagamenti.

13.

Is-sanzjonijiet finanzjarji fir-regolament ikkontestat jilħqu dak ir-rekwiżit: huma mmirati l-biċċa l-kbira lejn individwi u gruppi f’pajjiżi terzi. Billi jeffettwaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ entitajiet f’pajjiż partikolari, is-sanzjonijiet neċessarjament jeffettwaw l-istat ġenerali tar-relazzjonijet ekonomiċi bejn il-Komunità u dak il-pajjiż. Ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ invidwi u gruppi minn ġewwa pajjiż terz huma parti mir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ dak il-pajjiż; il-mira fuq dak tal-ewwel neċessarjament jeffettwa lil dan tal-aħħar. Li jkunu esklużi relazzjonijet ekonomiċi ma’ individwi jew gruppi mill-ambitu ta’ “relazzjonijiet ekonomiċi ma’ […] pajjiżi terzi” jkun li tkun injorata realtà bażika ta’ ħajja ekonomika internazzjonali: li l-gvernijiet ta’ ħafna mill-pajjiżi mhumiex għassiesa tar-relazzjonijiet u attivitajiet ekonomiċi ta’ kull entità speċifika ġewwa l-fruntieri tagħhom.

14.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni restrittiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 301 KE iċċaħħad din id-dispożizzjoni minn parti kbira mill-użu prattiku tagħha. Fil-kuntest tal-PBSK, l-Unjoni tista’ tiddeċiedi, għal raġunijiet li jirrigwardaw il-manteniment tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, li timponi sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra atturi mhux tal-Istat li huma stabbiliti f’pajjiżi terzi. Jiena ma narax raġuni għala l-Artikolu 301 KE għandu jkun interpretat b’mod aktar restrittiv. Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza nfisha rrikonoxxiet, “l-Unjoni u l-pilastru Komunitarju tagħha mhumiex mwaqqfa milli jadattaw rwieħhom għal [theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali] permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mhux biss kontra pajjiżi terzi iżda wkoll kontra persuni, gruppi, impriżi jew entitajiet assoċjati li jwettqu attività terrorista internazzjonali, jew li b’xi mod ieħor iqiegħdu f’perikolu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali”. ( 12 )

15.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-Artikolu 308 KE kellu jiġi applikat sabiex jimponi sanzjonijiet finanzjarji fuq individwi li mhumiex suġġetti għal kontroll mill-gvern. Madankollu, id-dipendenza fuq il-kunċett ta’ kontroll mill-gvern bħala fattur distint jenfasizza ċertu kontradizzjoni fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat l-Artikolu 308 KE bħala “pont” bejn il-PBSK u l-pilastru Komunitarju. Madankollu, filwaqt li l-Artikolu 301 KE jista’ jidher bħala pont bejn il-pilastri, l-Artikolu 308 KE żgur ma jistax iwettaq dik il-funzjoni. L-Artikolu 308 KE, bħall-Artikolu 60(1) KE, huwa strettament dispożizzjoni fakultattiva: tipprovdi l-mezzi, iżda mhux l-għan. Għalkemm jirreferi għall-“għanijiet tal-Komunità”, dawk l-għanijiet huma esoġeni għall-Artikolu 308 KE; ma jistgħux ikunu introdotti mill-Artikolu 308 KE innifsu. Għalhekk, jekk wieħed jeskludi l-interruzzjoni ta’ relazzjonijiet ekonomiċi ma’ atturi mhux tal-Istat mill-isfera ta’ mezzi aċċettabbli sabiex jinkisbu l-għanijiet permessi mill-Artikolu 301 KE, wieħed ma jistax juża l-Artikolu 308 KE sabiex jerġa’ idaħħal mill-ġdid dawn il-mezzi. Jew miżura diretta kontra atturi mhux tal-Istat tidħol fl-għanijiet tal-PBSK, li l-Komunità tista’ ssegwi skont l-Artikolu 301 KE, jew, jekk ma jiġrix dan, allura l-Artikolu 308 KE ma hu ta’ ebda għajnuna.

16.

Il-konklużjoni tiegħi, għalhekk, hija li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija vizzjata bi żball fil-liġi. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-analiżi tiegħi rigward il-bażi legali jkollha raġuni biżżejjed sabiex tannulla s-sentenza appellata. Jiena madankollu nemmen li, meta jitressqu aggravji dwar allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali, ikun aħjar li l-Qorti tagħmel użu mill-possibilità li teżamina dawk l-aggravji wkoll, kemm għal raġunijiet ta’ ċertezza legali kif ukoll sabiex tostakola ksur possibbli ta’ drittijiet fundamentali milli jippersisti fis-sistema legali Komunitarja, għalkemm dan isir skont miżura li għandha biss forma jew bażi legali differenti. Jien se nipproċedi għalhekk sabiex nevalwa l-aggravji li jifdal li ġew mressqa mil-appellant.

III — Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji sabiex jiddeterminaw jekk ir-regolament ikkontestat jiksirx drittijiet fundamentali

17.

Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellant sostna li r-regolament ikkontestat kiser id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt ta’ rispett tal-proprjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità, u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv ( 13 ). Madankollu, qabel ma jiġu eżaminati fil-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-kompetenza tagħha sabiex tevalwa l-konformità tar-regolament ikkontestat mad-drittijiet fundamentali ( 14 ). Sabiex taċċerta l-portata ta’ stħarriġ ġudizzjarju xieraq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ir-relazzjoni bejn is-sistema legali Komunitarja u s-sistema legali stabbilita skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa estensiv u sofistikat, iżda jista’ jkun imqassar kif ġej.

18.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza identifikat dak li essenzjalment jammonta għal regola ta’ supremazija, li ġejja mit-Trattat KE, skont liema Trattat ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom preċedenza fuq il-liġi tal-Komunità. Il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment iddikjarat li l-liġi Komunitarja tirrikonoxxi u taċċetta li, skont l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jieħdu preċedenza fuq it-Trattat ( 15 ). It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li, konsegwentement, ma kellha ebda awtorità sabiex teżamina, anke indirettament, riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tevalwa l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali kif protetti mis-sistema legali Komunitarja. Hija osservat li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà diskussi ma ħallewx marġni ta’ diskrezzjoni u, għalhekk, li ma setgħatx tevalwa r-regolament ikkontestat mingħajr ma tkun involuta fi stħarriġ indirett. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fit-tielet nett, li hi kellha l-poter li teżamina r-riżoluzzjonijiet diskussi tal-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tevalwa l-konformità tagħhom mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sa fejn dawk id-drittijiet jiffurmaw parti mill-prinċipju ta’ jus cogens.

19.

L-appellant jikkontesta din il-parti tas-sentenza appellata fuq il-bażi ta’ numru ta’ argumenti li ġejjin mil-liġi internazzjonali u l-liġi Komunitarja. Fid-dikjarazzjoni tal-appell tiegħu, huwa jargumenta, inter alia, li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-effett vinkolanti u l-interpretazzjoni tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà huwa żbaljat mill-perspettiva tal-liġi internazzjonali. L-appellant jiddikjara li la l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u lanqas dawk ir-riżoluzzjonijiet ma jistgħu jkollhom l-effett li jipprekludu l-qrati milli jeżaminaw miżuri domestiċi ta’ implementazzjoni sabiex jevalwaw il-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali. Fir-replika tiegħu u waqt is-smigħ, l-appellant irranġa l-aggravji tiegħu u reġa’ fformulahom sabiex ikunu iktar adattati mal-liġi Komunitarja u l-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti. L-appellant iddikjara li, sakemm in-Nazzjonijiet Uniti ma jipprovdux mekkaniżmu ta’ stħarriġ ġudizzjarju indipendenti li jiggarantixxi osservanza tad-drittijiet fundamentali ta’ deċiżjonijiet magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-qrati Komunitarji għandhom jeżaminaw miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità bl-iskop li jimplementaw dawk id-deċiżjonijiet rigward il-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fis-sitema legali Komunitarja. L-appellant jikkwota d-deċiżjoni Bosphorus ( 16 ) bħala preċedent.

20.

Ir-Renju Unit ressaq talba ta’ inammissibiltà fir-rigward tal-aggravju ibbażat espressament fuq il-liġi Komunitarja għar-raġuni li din tammonta għal talba ġdida. Jien m’għandix l-istess opinjoni. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza jwassal għal konfużjoni leġittima dwar kif is-supremazija tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tista’ tkun ibbażata fuq il-liġi Komunitarja skont rekwiżit li jirriżulta mil-liġi internazzjonali. F’dak ir-rigward, l-aggravji li ġejjin mil-liġi internazzjonali u dawk li ġejjin mill-liġi Komunitarja huma, fundamentalment, żewġ faċċati tal-istess munita. Bla ebda dubju, l-appellant kien ikun aħjar kieku appoġġja t-talba tiegħu, mill-bidu, skont iż-żewġ ideat tal-argument. Madankollu, għalkemm inizjalment huwa bbaża kollox mill-angolu tad-dritt internazzjonali, qatt ma kien hemm nuqqas ta’ ftehim fost il-partijiet rigward il-forza tat-talba tiegħu, fi kliem ieħor, li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin in-natura tal-obligazzjonijiet tal-Komunità skont il-liġi internazzjonali u r-relazzjoni ta’ dawk l-obbligazzjonijiet mad-doveri tal-qrati Komunitarji skont it-Trattat. Fil-fatt, f’kull wieħed mill-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u orali lejn il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll ir-Renju Unit, taw kunsiderazzjoni kbira lill-aggravju ewlieni magħmul ml-appellant: ir-relazzjoni bejn is-sistema legali internazzjonali u s-sistema legali Komunitarja. Ma jirnexxilix nara, għalhekk, għala l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkaratterizza parti mill-aggravji tal-appellant bħala aggravju addizzjonali. Iżda, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra t-talba tiegħu bħala inammissibbli fit-totalità tagħha.

21.

Din twassalna għad-domanda dwar kif għandha tiġi deskritta r-relazzjoni bejn is-sistema legali internazzjonali u s-sistema legali Komunitarja. Il-punt tat-tluq loġiku tad-diskussjoni tagħna għandha, ċertament, tkun is-sentenza stabbilita f’Van Gend en Loos, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-awtonomija tas-sistema legali Komunitarja ( 17 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-Trattat mhuwiex sempliċiment ftehim bejn l-Istati, iżda ftehim bejn il-popli tal-Ewropa. Hija kkunsidrat li t-Trattat kien stabbilixxa “sistema legali ġdida”, konnessa ma’, iżda distinta mis-sistema legali eżistenti tad-dritt internazzjonali pubbliku. Fi kliem ieħor, it-Trattat stabbilixxa sistema legali domestika ta’ dimensjonijiet trans-nazzjonali, li minnhom jifforma l-“karta bażika kostituzzjonali” ( 18 ).

22.

Dan ma jfissirx, madankollu, li s-sistema legali domestika Komunitarja u s-sistema legali internazzjonali jgħaddu minn ħdejn xulxin mingħajr l-ebda effett wieħed fuq l-ieħor. Għall-kuntrarju, il-Komunità tradizzjonalment kellha parti attiva u kostruttiva fil-livell internazzjonali. L-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja hija għalhekk iggwidata mill-presunzjoni li l-Komunità tixtieq tonora l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħha ( 19 ). Il-qrati Komunitarji għalhekk jeżaminaw sew l-obbligazzjonijiet li għandha l-Komunità fuq il-livell internazzjonali u jieħdu nota ġudizzjarja ta’ dawk l-obbligazzjonijiet ( 20 ).

23.

Madankollu, fl-analiżi finali, il-qrati Komunitarji jiddeterminaw l-effett ta’ obbligazjonijiet internazzjonali fis-sistema legali Komunitarja skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi Komunitarja. Il-ġurisprudenza tipprovdi numru ta’ eżempji. Hemm każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja waqqfet ftehim internazzjonali milli jkollu effett fis-sistema legali Komunitarja għar-raġuni li l-ftehim kien konkluż fuq bażi legali żbaljata. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan, riċentament, fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni ( 21 ). L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa faċli biex tifhmu ladarba wieħed jirrealizza li jkollu “implikazzjonijiet istituzzjonali fundamentali għall-Komunità u għall-Istati Membri” ( 22 ) jekk ftehim li kien adottat mingħajr bażi legali xierqa — jew skont il-proċedura ta’ teħid tad-deċiżjonijiet żbaljata — kellu jipproduċi effetti fis-sistema legali Komunitarja. Preokkupazzjoni simili għal din tinstab f’każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta jidħlu f’obbligazzjonijiet fuq il-livell internazzjonali, Stati Membri u Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom id-dover ta’ kooperazzjoni leali ( 23 ). Jekk ikun ftehim internazzjonali konkluż li jikser dak id-dover, jista’ ma jkunx mogħti effett fis-sistema legali Komunitarja. Huwa iktar xieraq, fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat, okkażjonalment, jekk atti adottati mill-Komunità sabiex jagħtu effett domestiku lil obbligazzjonijiet internazzjonali kienux skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Bħala eżempju, fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill  ( 24 ) , il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill rigward il-konklużjoni tal-Ftehim WTO f’dak li kellu x’jaqsam mal-ftehim qafas dwar il-banana. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-disposizzjonijiet ta’ dak il-ftehim qafas kiser prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja: il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

24.

Dawn il-każijiet kollha għandhom komuni l-fatt li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja toqgħod attenta ħafna sabiex tirrispetta l-obbligazzjonijiet li jaqgħu fuq il-Komunità skont il-liġi internazzjonali, hi tfittex, l-ewwel u qabel kollox, li tippreserva l-qafas kostituzzjonali maħluq mit-Trattat ( 25 ). Għalhekk, ikun żbaljat li nikkonkludi li, ladarba il-Komunità hija marbuta bil-liġi internazzjonali, il-qrati Komunitarji għandhom jobdu dik ir-regola kompletament u japplikawaha mingħajr kundizzjonijiet fis-sistema legali Komunitarja. Ir-relazzjoni bejn il-liġi internazzjonali u s-sistema legali Komunitarja hija rregolata mis-sistema legali nnifsiha, u l-liġi internazzjonali tista’ tidħol f’dik is-sistema legali biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-prinċipji kostituzzjonali tal-Komunità.

25.

Konsegwentement l-appell inkwistjoni huwa bbażat fundamentalment fuq il-mistoqsija li ġejja: hemm xi bażi fit-Trattat sabiex ikun deċiż li r-regolament kkontestat huwa eżentat mil-limiti kostituzzjonali normalment imposti mil-liġi Komunitarja, peress li jimplementa sistema ta’ sanzjonijiet imposti mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà? Jew, fi kliem ieħor: is-sistema legali Komunitarja tagħti status supra-kostituzzjonali lil miżuri li huma neċessarji għall-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà?

26.

L-appellant jargumenta li r-risposta għal dik id-domanda tista’ tkun dedotta mis-sentenza Bosphorus ( 26 ). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat jekk regolament li kien adottat sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li impona embargo kummerċjali fuq ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja kisirx id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-interess sabiex “iwasslu fit-tmiem l-istat tal-gwerra fir-reġjun u għall-vjolazzjonijiet massivi ta’ drittijiet tal-bniedem u liġi umanitarja fir-Repubblika tal-Bożnja u l-Ħerzegovina” kien ikbar mill-interess ta’ parti, anki jekk totalment innoċenti, sabiex ikun jista’ jsegwi l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu li kien kera minn kumpanija bbażata fir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet l-ebda suġġeriment li jista’ jkun li ma jkollhiex il-poteri ta’ stħarriġ għax ir-regolament kien neċessarju sabiex jimplementa sistema ta’ sanzjonijiet li kienu magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà. ( 28 )

27.

Minkejja dan, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jiddikjaraw li s-sentenza Bosphorus ma tipprovdix l-awtorità li l-appellant jipprova jagħtiha. Huma jargumentaw li s-sentenza tibqa’ siekta fuq il-motiv dwar l-iskop tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għax, fi kwalunkwe każ, ir-regolament ma kisirx drittijiet fundamentali. Jien ma nikkunsidrax dan l-motiv persważiv ħafna. Veru, li filwaqt li l-Avukat Ġenerali qal li ma jaqbilx mal-idea, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ndirizzatx espliċitament jekk il-fatt li r-regolament implementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà setax jipprekludiha milli teżerċita stħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, nissupponi li, minflok ma ħalliet dan il-punt mingħajr deċiżjoni dwaru, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat bħala evidenti mingħajr dubju dak li l-Avukat Ġenerali kien ħassu bżonnjuż li jispjega, fi kliem ieħor li “rispett għad-drittijiet fundamentali hu […] kundizzjoni tal-legalità ta’ atti Komunitarji” ( 29 ).

28.

Fi kwalunkwe każ, jekk wieħed kellu jaċċetta s-suġġeriment li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx każ tal-problema tal-ġurisdizzjoni tagħha fis-sentenza Bosphorus, jibqa’ l-fatt li l-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jonqsu milli jidentifikaw xi bażi fit-Trattat li minnu jsegwi loġikament li l-miżuri meħuda għall-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għandhom status sopra-kostituzzjonali u huma għalhekk mogħtija immunità minn stħarriġ ġudizzjarju.

29.

Ir-Renju Unit jissuġġerixxi li din l-immunità minn stħarriġ tista’ tkun ġejja mill-Artikolu 307 KE. L-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu jipprovdi: “Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data tal-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat”. Fl-opinjoni tar-Renju Unit, dik id-dispożizzjoni, meta tinqara flimkien mal-Artikolu 10 KE, timponi fuq il-Komunità obbligazzjoni sabiex ma teffetwax l-eżekuzzjoni minn Stat Membru ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Konsegwentement, il-Qorti għandha tastjeni mill-istħarriġ ġudizzjarju tar-regolament ikkontestat. Se niddikjara mill-bidu li minix konvint minn dak l-argument, iżda minkejja dan xieraq li l-argument ikun analizzat f’ċertu dettall, partikolarment peress li l-Artikolu 307 KE kellu parti prominenti fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 30 ).

30.

Fil-bidu, jista’ ma jkunx ċar ħafna kif l-Istati Membri jkunu ostakolati milli jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla r-regolament ikkontestat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ miżura Komunitarja, ikun fil-prinċipju possibbli għall-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri ta’ implementazzjoni tagħhom, peress li huma permessi, skont it-Trattat, sabiex jadottaw miżuri li, għalkemm jeffettwaw il-funzjonament tas-suq komuni, jistgħu jkunu neċessarji għall-manteniment ta’ paċi u sigurtà internazzjonali ( 31 ). Minkejja dan, il-poter miżmum mill-Istati Membri fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà għandu jkun eżerċitat b’mod konsistenti mal-liġi Komunitarja ( 32 ). Skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ERT ( 33 ), wieħed jista’ jissoponi li, sa fejn l-azzjonijiet tagħhom jaqgħu fl-iskop tal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri huma soġgetti għall-istess regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali bħall-istituzzjonijiet Komunitarji infushom. Fuq dik is-suppożizzjoni, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla r-regolament ikkontestat fuq il-bażi li kiser regoli Komunitarji għall-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali, allura, impliċitament dan ikun ifisser li l-Istati Membri ma setgħux possibilment jadottaw l-istess miżuri mingħajr — safejn dawk il-miżuri jaqgħu fl-iskop tal-liġi Komunitarja — ma jkunu qed jiksru d-drittijiet fundamentali kif protetti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 307 KE għandu biss rilevanza indiretta.

31.

Il-problema kruċjali tal-aggravju imressaq mir-Renju Unit, madankollu, huwa dak li jippreżenta l-Artikolu 307 KE bħala s-sors ta’ deroga possibbli mill-Artikolu 6(1) UE, li jgħid li “[l]-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt […]”. Ma narax bażi għal din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 307 KE. Barra minn hekk dan, ikun irrikonċiljabbli mal-Artikolu 49 UE, li wieħed jagħmel l-adeżjoni mal-Unjoni kundizzjonali fuq ir-rispett għall-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) UE. Barra minn hekk, dan jista’ potenzjalement jagħti l-poter lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jużaw il-Komunità biex jevitaw id-drittijiet fundamentali li huma ggarantiti fis-sistema legali tagħhom anke fir-rigward ta’ atti li jimplementaw obbligazzjonijiet internazzjonali ( 34 ). Dan b’mod ċar imur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema l-Komunità tiggarantixxi sistema kompluta ta’ protezzjoni ġudizzjarja li fiha d-drittijiet fundamentali huma mħarsa flimkien mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tagħha Les Verts, “il-Komunità Ewropea hija komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt billi la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet ma jistgħu jevitaw verifika dwar jekk il-miżuri adottati minnhom humiex konformi mal-karta bażika kostituzzjonali, it-Trattat” ( 35 ). B’mod iktar dirett, fis-sentenza Schmidberger, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet sostniet li “miżuri li mhumiex kompatibbli mal-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex aċċettabbli fil-Komunità” ( 36 ). Fil-qosor, l-interpetazzjoni tar-Renju Unit tal-Artikolu 307 KE tmur kontra l-prinċipji li fuqhom propju hija bbażata l-Unjoni, filwaqt li mhemm xejn fit-Trattat li jissuġġerixxi li l-Artikolu 307 KE għandu status speċjali — aħseb u ara status speċjali ta’ dak il-livell — fil-qafas kostituzzjonali tal-Komunità.

32.

Minkejja dan, l-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 307 KE u d-dover konness ta’ kooperazzjoni leali jindirizzaw żewġ kategoriji: huma japplikaw għall-Komunità kif ukoll għall-Istati Membri ( 37 ). It-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE jipprovdi li “l-Istat Membru jew Stati Membri inkwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni biex titneħħa l-inkompatibilità li tista’ tinstab” bejn l-obbligazzjonijiet tat-trattat ta’ qabel tagħhom u l-obbligazzjonijiet tagħhom skont il-liġi Komunitarja. Għal dan l-għan, l-Istati Membri “għandhom jgħinu lil xulxin […] u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni”. Dak id-dover jirrikjedi Stati Membri sabiex jeżerċitaw l-poteri u r-responsabbiltajiet tagħhom f’organizzazzjoni internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti b’mod li huwa kumpatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli primarji u mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja ( 38 ). Bħala Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Membri, u partikolarment — fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni — dawk li jappartjenu lill-Kunsill tas-Sigurtà, għandhom jaġixxu b’tali mod li jimpedixxu, sa fejn hu possibbli, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet minn organi tan-Nazzjonijiet Uniti li huma soġġetti li jidħlu f’kunflitt mal-prinċipji essenzjali tas-sistema legali Komunitarja. L-Istati Membri nfushom, għalhekk, għandhom responsabbiltà li jimminimizzaw ir-riskju ta’ kunflitti bejn is-sistema legali Komunitarja u l-liġi internazzjonali.

33.

Jekk l-Artikolu 307 KE ma jistax jagħmel lir-regolament ikkontestat eżenti minn stħarriġ ġudizzjarju, hemm forsi regoli oħra tal-liġi Komuntarja li jistgħu? Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jargumentaw li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju ġenerali mhuwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li titfa’ dubju fuq miżuri Komunitarji li jimplementaw riżoluzzjonijiet li l-Kunsill tas-Sigurtà kkunsidra bħala neċessarji għall-manteniment ta’ paċi u sigurtà internazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Komunità ssemmi l-kunċett ta’ “kwistjonijiet politiċi” ( 39 ). Fil-qosor, wieħed jista’ jgħid li l-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu li s-suġġett speċifiku diskuss fil-kawża preżenti mhuwiex suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Huma jiddikjaraw li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha pożizzjoni simili.

34.

L-implikazzjoni li l-kawża preżenti tikkonċerna “kwistjoni politika”, li fir-rigward tagħha anke l-iktar livell baxx ta’ interferenza ġudizzjarja ma tkunx xierqa, hija, fl-opinjoni tiegħi, insostenibbli. Id-dikjarazzjoni li miżura hija neċessarja għall-manteniment ta’ paċi u sigurtà internazzjonali ma tistax topera sabiex issikket il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja u ċċaħħad individwi mid-drittijiet fundamentali tagħhom. Dan ma jnaqqasx mill-importanza tal-interess fiż-żamma ta’ paċi u sigurtà internazzjonali; ifisser biss li jibqa’ fid-dover tal-qrati sabiex jevalwaw il-legalità ta’ miżuri li jistgħu jmorru kontra interessi oħra li huma ta’ importanza ugwalment kbira u l-protezzjoni li hija f’idejn il-qrati. Kif l-Imħallef Murphy iddikjara korrettament fil-konklużjonijiet tiegħu diverġenti fil-kawża Korematsu tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti:

“Bħal talbiet oħra li jmorru kontra d-drittijiet kostituzzjonali affermati tal-individwu, [dik] it-talba għandha tkun soġġetta għall-proċess ġudizzjarju li jkollu r-raġonevolezza tiegħu determinat u l-konflitti tiegħu ma’ interessi oħra rikonċiljati. X’inhuma l-limiti ta’ [diskrezzjoni] li jistgħu jkunu permessi, u jekk kinux injorati f’każ partikolari, huma domandi ġudizzjarji” ( 40 ).

35.

Ċertament, ċirkustanzi straordinarji jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq libertà individwali li ma jkunux aċċettabbli f’kundizzjonijiet normali. Madankollu, dak m’għandux iġiegħlna ngħidu li “hemm każijiet li fihom għandha titgħatta l-libertà b’velu għal ftit żmien, kif kien isir biex jgħattu l-istatwi tal-allat” ( 41 ). Lanqas ma jfisser, kif jissottometti r-Renju Unit, li stħarriġ ġudizzjarju f’dawk il-każijiet għandu jkun biss “tal-iktar tip marġinali”. Għall-kuntrarju, meta r-riskji għas-sigurtà pubblika jitqiesu li jkunu straordinarjament għoljin, il-pressjoni hija partikolarment qawwija sabiex jittieħdu miżuri li ma jagħtux każ drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward ta’ individwi li għandhom ftit jew l-ebda aċċess għall-proċess politiku. Għalhekk, f’dawk il-każijiet, il-qrati għandhom iwettqu d-dmir tagħhom li jiddefendu l-istat ta’ dritt b’viġilanza akbar. Allura, l-istess ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet eċċezzjonali dwar drittijiet fundamentali jirrikjedu wkoll li l-qrati janalizzaw b’attenzjoni jekk dawk ir-restrizzjonijiet imorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju. Kif se niddiskuti iktar’il quddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk allegazzjoni li jeżistu riskji ta’ sigurtà straordinarjament għoljin hijiex sustanzjata jew le u għandha tiżgura li l-miżuri adottati joħolqu bilanċ xieraq bejn in-natura tar-riskju tas-sigurtà u l-portata tal-effett ta’ dawn il-miżuri lid-drittijiet fundamentali tal-individwi.

36.

Skont il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċedi l-poteri tagħha ta’ stħarriġ meta miżura kkontestata hija neċessarja sabiex tkun implementata riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà. Madankollu, niddubita serjament jekk il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tillimitax l-ġurisdizzjoni tagħha stess b’dak il-mod ( 42 ). Barra minn hekk, anke li kieku tagħmel dan, ma naħsibx li dak ikollu effett fuq il-kawża inkwistjoni.

37.

Huwa ċertament korrett li jintqal li, fl-assigurazzjoni tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali fil-Komunità, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu ispirazzjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 43 ). Minkejja dan, jibqgħu differenzi importanti bejn iż-żewġ qrati. Ir-rwol tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija li tiżgura l-osservanza tal-obbligazzjonijiet tal-Istati kontraenti skont il-Konvenzjoni. Għalkemm l-iskop tal-Konvenzjoni huwa ż-żamma u t-twettiq iktar fid-dettall tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwu, hija maħsuba sabiex topera primarjament bħala ftehim bejn l-istati li joħloq obbligazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti fuq il-livell internazzjonali ( 44 ). Dan huwa muri permezz tal-mekkaniżmu ta’ infurzar intergovernattiv tal-Konvenzjoni ( 45 ). It-Trattat KE, b’kuntrast ma’ dan, stabbilixxa sistema legali awtonoma, li fiha l-Istati kif ukoll l-individwi għandhom drittijiet u obbligazzjonijiet immedjati. Id-dover tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li taġixxi bħala l-qorti kostituzzjonali tas-sistema legali domestika li hi l-Komunità. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja huma għalhekk uniċi fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tagħhom ratione personae u fir-rigward tar-relazzjoni tas-sistema legali tagħhom mad-dritt internazzjonali pubbliku. Għalhekk, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jipprovaw joħolqu parallel preċiżament minn fejn l-analoġija bejn iż-żewġ qrati tieqaf.

38.

Waqt is-smigħ il-Kunsill sostna li, permezz tal-eżerċizzju tar-rwol ġudizzjarju tagħha fir-rigward ta’ atti ta’ istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom is-sors tagħhom fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tmur lil hinn mill-funzjoni proprja tagħha u “titkellem f’isem il-komunità internazzjonali”. Madankollu, dik l-affermazzjoni hija eċċessiva b’mod ċar. Bla dubju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssib li r-regolament ikkontestat ma jistax ikun applikat fis-sistema legali Komunitarja, dan wisq probabbli jkollu riperkussjonijiet fuq il-livell internazzjonali. Għandu jiġi nnotat, madankollu, li dawn ir-riperkussjonijiet m’għandhomx neċessarjament ikunu negattivi. Huma l-konsegwenza immedjata tal-fatt li, kif qegħda bħalissa s-sistema li tirregola l-funzjonament tan-Nazzjonijiet Uniti, l-unika għażla disponibbli għal individwi li jixtiequ li jkollhom aċċess għal tribunal indipendenti sabiex jiksbu protezzjoni adegwata tad-drittijiet fundamentali tagħhom hija li jikkontestaw miżuri ta’ implementazzjoni domestiċi quddiem qorti domestika ( 46 ). Fil-fatt, il-possibilità ta’ kontestazzjoni li tirnexxi ma tistax tkun totalment mhux mistennija min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà, minħabba li kien kontemplat espressament mit-Tim ta’ Appoġġ Analitiku u Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ( 47 ).

39.

Barra minn hekk, l-effetti legali ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu marbuta mas-sistema legali domestika Komunitarja. Sa fejn din id-deċiżjoni tostakola lill-Komunità u l-Istati Membri tagħha milli jimplementaw riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-konsegwenzi legali fis-sistema legali internazzjonali għandhom ikunu ddeterminati mir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku. Filwaqt li huwa veru li r-restrizzjonijiet li l-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja jimponu fuq l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet jistgħu jkunu ta’ inkonvenjenza għall-Komunità u l-Istati Membri tagħha fit-trattazzjonijiet tagħhom fuq livell internazzjonali, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji mill-Qorti tal-Ġustizzja hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli internazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat jew tar-regola msemmija fl-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. L-argument tal-Kunsill li, permezz tal-istħarriġ tar-regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tasssumi ġurisdizzjoni li tmur lil hinn mil-limiti tas-sistema legali Komunitarja hija għalhekk żbaljata.

40.

Jiena għalhekk nikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta ddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina r-regolament ikkontestat skont id-drittijiet fundamentali li huma parti mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra t-tieni talba tal-appellant bħala fondata korrettament u tannulla s-sentenza appellata.

IV — L-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali

41.

Minflok ma tirreferi l-kawża lura lill-Qorti tal-Prim’Istanza, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel użu tal-possibilità li tagħti sentenza finali fuq dan il-każ ( 48 ). Għal raġunijiet ta’ konvenjenza, naħseb li jkun xieraq, f’dan ir-rigward, li nikkonċentra fuq l-aspett prinċipali tal-kawża, fi kliem ieħor li jkun magħruf ir-regolament ikkontestat jiksirx id-drittijiet fundamentali tal-appellant.

42.

L-appellant jallega diversi ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu u, għal dawk ir-raġunijiet, ifittex l-annullament tar-regolament ikkontestat safejn jikkonċernah. Il-konvenuti — b’mod partikolari l-Kummissjoni u r-Renju Unit — jargumentaw li, sa fejn ir-regolament ikkontestat jista’ jinterferixxi mad-drittijiet fundamentali tal-appellant, dan huwa ġustifikat għal raġunijiet li jirrigwardaw is-soppressjoni ta’ terroriżmu internazzjonali. F’dan ir-rigward, huma jargumentaw ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tapplika standards normali ta’ stħarriġ, iżda minflok għandha — skont l-interessi tas-sigurtà internazzjonali fir-riskju — tapplika kriterji inqas stretti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

43.

Ma naqbilx mal-konvenuti. Huma jiddefendu tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju li essenzjalment huwa simili ħafna tal-approċċ meħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza taħt it-titolu ta’ jus cogens. F’ċertu sens, l-argument tagħhom huwa espressjoni oħra tat-twemmin li l-kawża preżenti tikkonċerna “domanda politika” u li l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju tal-istituzzjonijiet politiċi, mhijiex f’pożizzjoni li titratta domandi bħal dawn kif jixraq. Ir-raġuni tkun li l-argumenti diskussi huma ta’ importanza internazzjonali u kwalunkwe intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jostakola sforzi koordinati globalment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-argument huwa wkoll konness mill-viċin mal-opinjoni li l-qrati mhumiex ippreparati sabiex jiddeterminaw liema miżuri huma xierqa sabiex jostakolaw terroriżmu internazzjonali. Il-Kunsill tas-Sigurtà, għall-kuntrarju, huwa preżunt li għandu l-kompetenza li jagħmel dik id-determinazzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-konvenuti jikkonkludu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha titratta valutazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà bl-akbar rispett u, jekk tagħmel xi ħaġa assolutament, għandha twettaq stħarriġ minimu rigward atti Komunitarji bbażati fuq dawk il-valutazzjonijiet.

44.

Huwa veru li l-qrati m’għandhomx ikunu istituzzjonalment għomja. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun konxja tal-kuntest internazzjonali li fih topera u tal-limitazzjonijiet tagħha. Għandha tkun konxja tal-impatt li d-deċiżjonijiet tagħha jista’ jkollhom barra mill-konfini tal-Komunità. F’dinja li dejjem issir iktar interdipendenti, sistemi legali differenti għandhom jipprovaw jakkomodaw it-talbiet ġurisdizzjonali ta’ xulxin. Bħala riżultat ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax dejjem tafferma monopolju dwar id-determinazzjoni ta’ kif ċertu interessi fundamentali għandhom ikunu rikonċiljati. Għandha, fejn hu possibbli, tirrikonoxxi l-awtorità ta’ istituzzjonijiet, bħall-Kunsill tas-Sigurtà, li huma stabbiliti skont sistema legali differenti minn dik tagħha u li huma xi kultant f’pożizzjoni aħjar sabiex jiġġudikaw dawk l-interessi fundamentali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, b’rispett għall-opinjonijiet ta’ dawk l-istituzzjonijiet, tinjora l-valuri fundamentali li jeżistu fil-bażi tas-sistema legali Komunitarja li għandha d-dmir li tipproteġi. Rispett għal istituzzjonijiet oħra huwa sinjifikattiv biss jekk jista’ jinbena fuq fehma komuni ta’ dawn il-valuri u fuq obbligazzjoni reċiproċi li jipproteġuhom. Konsegwentement, f’sitwazzjonijiet fejn il-valuri fundamentali tal-Komunità huma inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun mitluba li terġa’ tevalwa, u possibilment tannulla, miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, anke meta dawk il-miżuri jirriflettu x-xewqat tal-Kunsill tas-Sigurtà.

45.

Il-fatt li l-miżuri diskussi huma maħsuba sabiex irażżnu terroriżmu internazzjonali m’għandux jimpedixxi lil-Qorti tal-Ġustizzja milli twettaq d-dmir tagħha li tippreserva l-istat ta’ dritt. Filwaqt li tagħmel dan, iktar milli tindaħal fid-dinja tal-politika, il-Qorti tal-Ġustizzja qed terġa tafferma l-limiti li l-liġi timponi fuq ċertu deċiżjonijiet politiċi. Dan qatt mhuwa rwol faċli, u, fil-fatt, hija sfida kbira għall-qorti biex tapplika informazzjoni f’affarijiet li jirrigwardaw it-theddida tat-terroriżmu. Madankollu, l-istess japplika għall-istituzzjonijiet politiċi. Speċjalment f’materji ta’ sigurtà pubblika, il-proċess politiku huwa soġġett li jsir sensibbli wisq għall-interessi popolari immedjati, li jwassal li l-awtoritajiet jikkalmaw l-ansjetajiet tal-ħafna għad-detriment tad-drittijiet tal-ftit. Dan huwa preċiżament l-każ meta l-qrati għandhom jinvolvu ruħhom, sabiex jassiguraw li l-ħtiġiet politiċi ta’ llum ma jsirux r-realtajiet legali ta’ għada. Ir-responsabbiltà tagħhom hija li jiggarantixxu li dak li jista’ jkun politikament opportun f’mument partikolari jimxi wkoll skont l-istat ta’ dritt li mingħajru, fl-aħħar mill-aħħar, ebda soċjetà demokratika ma tista’ realment tirnexxi. Fi kliem Aharon Barak, l-President ta’ qabel tal-Qorti Suprema tal-Iżrael:

“Huwa meta l-kanuni jisparaw li l-iktar għandna bżonn liġijiet […]. Kull ġlieda tal-istat — kontra t-terroriżmu jew kwalunkwe għadu ieħor — hija kondotta skont ir-regoli u l-liġi. Dejjem hemm liġi li l-istat għandu jimxi magħha. Mhemmx “nuqqasijiet”. […] Ir-raġuni li hija l-bażi ta’ dan l-approċċ mhix biss il-konsegwenza pragmatika tar-realtà politika u normattiva. L-għeruq tagħha qegħdin ħafna iktar fil-fond. Hija espressjoni tad-differenza bejn stat demokratiku li qiegħed jiġġieled għal ħajtu u l-ġlied kontra t-terroriżmu li qed iżid kontrih. L-istat jiġġieled f’isem il-liġi u f’isem id-difiża tal-liġi. It-terroristi jiġġieldu kontra l-ligi, filwaqt li jiksruha. Il-gwerra kontra t-terroriżmu hija wkoll il-gwerra tal-liġi kontra dawk li jmorru kontriha.” ( 49 )

46.

Mhemm ebda raġuni, għalhekk, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja titlaq, fil-kawża preżenti, mill-interpretazzjoni tagħha tad-drittijiet fundamentali li normalment kienu invokati ml-appellant. L-unika domanda ġdida hija jekk il-bżonnijiet konkreti maħluqa mill-prevenzjoni ta’ terroriżmu internazzjonali jiġġustifikawx restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali tal-appellant li kieku ma jkunux aċċettabbli. Dan ma jinvolvix kunċett differenti minn dawk id-drittijiet fundamentali u l-istandard applikabbli ta’ stħarriġ. Dan sempliċiment ifisser li l-piż li għandu jingħata lill-interessi differenti li għandhom dejjem ikunu bbilanċjati fl-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali diskussi jistgħu jkunu differenti bħala konsegwenza tal-bżonnijiet speċifiċi li ġejjin mill-prevenzjoni tat-terroriżmu internazzjonali. Iżda dan għandu jkun ivvalutat f’eżerċizzju normali ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċirkustanzi preżenti jistgħu jirriżultaw f’bilanċ differenti maħluq fost il-valuri involuti fil-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali iżda l-istandard ta’ protezzjoni mogħti minnhom m’għandux jinbidel.

47.

Il-problema li jaffaċċja l-appellant hija li l-interessi finanzjarji tiegħu kollha fil-Komunità kienu ffriżati għal diversi snin, mingħajr limitu ta’ żmien u f’kundizzjonijiet fejn jidher li mhemmx mezzi adegwati sabiex hu jikkontesta l-affermazzjoni li huwa ħati ta’ mġiba ħażina. Huwa nvoka d-dritt ta’ proprjetà, id-dritt għal smigħ xieraq, u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, dawn id-drittijiet huma konnessi mill-qrib. B’mod ċar, l-iffriżar indefinit tal-assi ta’ xi ħadd jikkostitwixxi interferenza kbira fit-tgawdija fil-paċi ta’ proprjetà. Il-konsegwenzi għall-persuna kkonċernata huma potenzjalment devastanti, anke meta jsiru arranġamenti għal bżonnijiet u spejjeż bażiċi. Bla dubju, dan jispjega għaliex il-miżura għandha effett qawwi ta’ impożizzjoni u għaliex “sanzjonijiet intelliġenti” ta’ dan it-tip jistgħu jkunu kkunsidrati bħala mezz adattat jew anke neċessarju sabiex jimpedixxu atti terroristiċi. Madankollu, dan jenfasizza wkoll il-bżonn ta’ garanziji proċedurali li jirrikjedu li l-awtoritajiet jiġġustifikaw dawn il-miżuri u juru l-proporzjonalità tagħhom, mhux biss fl-astratt, iżda wkoll fiċ-ċirkostanzi konkreti tal-kawża partikolari. Il-Kummissjoni turi korrettament li l-prevenzjoni tat-terroriżmu internazzjonali jista’ jiġġustifika restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ proprjetà. Madankollu, dak ma jagħtix ipso facto lill-awtoritajiet il-jedd li jeħilsu mir-rekwiżit li juru li dawk ir-restrizzjonijiet huma ġustifikati rigward il-persuna kkonċernata. Salvagwardji proċedurali huma neċessarji preċiżament sabiex jassiguraw li huwa fil-fatt il-każ. Fin-nuqqas ta’ dawk is-salvagwardji, l-iffriżar tal-assi ta’ xi ħadd għal perijodu ta’ żmien indefinit jikser id-dritt ta’ proprjetà.

48.

L-appellant isostni li, f’dak li għandu x’jaqsam mas-sanzjonijiet meħuda kontrieh, ma jeżistu ebda salvagwardji simili. Hu jsostni li ma kienx mogħti opportunità għal smigħ fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u fuq l-evidenza ppreżentata kontrieh. Hu jiddikjara li kien ikun f’pożizzjoni aħjar li kieku kienu mressqa kontrieh akkużi kriminali, peress li allura għall-inqas seta’ jgawdi l-protezzjoni mogħtija minn proċess kriminali. F’dan il-kuntest, hu jipprova jiddependi fuq id-dritt għal smigħ mill-awtoritajiet amministrattivi, kif ukoll fuq id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn tribunal indipendenti.

49.

Kemm id-dritt għal smigħ u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju jikkostitwixxu drittijiet fundamentali li jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Skont ġurisprudenza stabbilita, “osservanza tad-dritt għal smigħ hija, fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna, suxxettibbli li twassal għal miżura li teffettwa ħażin dik il-persuna, prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja li għandu jkun iggarantit anke fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regoli li jirregolaw il-proċeduri inkwistjoni […]. Dak il-prinċipju jitlob mid-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jeffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikanti, li jkunu mpoġġija f’pożizzjoni li fiha jistgħu effettivament jgħidu l-opinjonijiet tagħhom” ( 50 ). Rigward id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat: “Il-Komunità Ewropea hija komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet huma bbażati fuq stħarriġ ġudizzjarju tal-kompatibbilità tal-azzjonijiet tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi li jinkludu drittijiet fundamentali […]. Individwi huma għalhekk intitolati għal protezzjoni effettiva ġudizzjarja tad-drittijiet li jiksbu mis-sistema legali Komunitarja u d-dritt għal din il-protezzjoni huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-liġi li ġej mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri” ( 51 ).

50.

Il-konvenuti jargumentaw, madankollu, li sa fejn kien hemm restrizzjonijiet fuq id-dritt għal smigħ u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, dawn ir-restrizzjonijiet huma ġġustifikati. Huma jsostnu li kwalukwe sforz min-naħa tal-Komunità jew l-Istati Membri tagħha sabiex jipprovdu proċeduri amministrativi jew ġudizzjarji għall-kontestazzjoni tal-legalità tas-sanzjonijiet imposti mir-regolament ikkontestat tmur kontra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u għalhekk jipperikola l-ġlieda kontra terroriżmu internazzjonali. Kontra dik il-fehma, ma saru ebda sottomissjonijiet li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita stħarriġ rigward is-sitwazzjoni speċifika tal-appellant.

51.

Mhux se nitkellem ħafna fuq l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Biżżejjed ngħid li, għalkemm ċertu restrizzjonijiet fuq dak id-dritt jistgħu jkunu kkunsidrati għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, fil-kawża inkwistjoni l-istituzzjonijiet Komunitarji ma taw ebda opportunità ll-appellant sabiex jistqarr l-opinjonijiet tiegħu dwar jekk is-sanzjonijiet kontrieh humiex ġustifikati u dwar jekk għandhomx jibqgħu fis-seħħ. L-eżistenza ta’ proċedura ta’ tħassir mil-lista fuq il-livell tan-Nazzjonijiet Uniti mhijix ta’ konsolazzjoni f’dak ir-rigward. Dik il-proċedura tippermetti lil dawk li jagħmlu t-talbiet sabiex jissottomettu talba lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew lill-gvern tagħhom għat-tħassir mil-lista ( 52 ). Madankollu, l-ipproċessar ta’ dik it-talba huwa purament argument ta’ konsultazzjoni intergovernattiva. Mhemm ebda obbligazzjoni fuq il-Kumitat tas-Sanzjonijiet attwalment sabiex jikkunsidra l-opinjonijiet tal-persuna li qed tagħmel it-talba. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ tħassir mil-lista ma tipprovdix lanqas aċċess minimu għall-informazzjoni li fuqha d-deċiżjoni kienet ibbażata sabiex il-persuna li qed jagħmel it-talba kienet inkluża fil-lista. Fil-fatt, aċċess għal din l-informazzjoni hija miċħuda u dan huwa irrilevanti minn kwalunkwe talba sostanzjata rigward il-bżonn li tkun protetta l-kunfidenzjalità tagħha. Waħda mir-raġunijiet kruċjali li għalih id-dritt għal smigħ xieraq għandu jkun irrispettat hija sabiex jippermetti l-partijiet kkonċernati jiddefendu d-drittijiet tagħhom effettivament, partikolarment fi proċeduri legali li jistgħu jkunu magħmula wara li l-proċedura ta’ kontroll amministrattiv kienet intemmet. F’dak is-sens, rispett għad-dritt għal smigħ xieraq huwa direttament rilevanti sabiex jiżgura d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Salvagwardji proċedurali fuq il-livell amministrattiv ma jistgħu qatt ineħħu l-bżonn għal stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti. Minkejja dan, in-nuqqas ta’ dawn is-salvagwardji amministrattivi għandha diversi effetti ħżiena fuq id-dritt tal-appellant għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

52.

Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu post prominenti fl-istruttura tad-drittijiet fundamentali. Filwaqt li ċertu limitazzjonijiet fuq dak id-dritt jistgħu jkunu permessi f’każ ta’ interessi oħra importanti, mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika li l-element essenzjali ta’ dak id-dritt ikun miksur. Kif iddikjarat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Klass et, “l-istat ta’ dritt jimplika, inter alia, li interferenza mill-awtoritajiet eżekuttivi fuq id-drittijiet ta’ individwu għandha tkun suġġetta għal kontroll effettiv li għandu normalment ikun assigurat mill-ġudikatura, mill-inqas fl-aħħar tentattiv, kontroll ġudizzjarju li joffri l-aħjar garanziji ta’ indipendenza, imparzjalità u proċedura xierqa” ( 53 ).

53.

L-appellant ilu mniżżel diversi snin fl-Anness I tar-regolament kkontestat u l-istituzzjonijiet Komunitarji xorta jirrifjutaw li jagħtuh opportunità sabiex jispjega r-raġunijiet għall-inklużjoni kontinwa tiegħu fuq il-lista. Huma, fil-fatt, għamlu allegazzjonijiet estremament serji kontrih u, fuq dik il-bażi, għamluh suġġett għal sanzjonijiet severi. Madankollu, jirrifjutaw totalment l-idea ta’ tribunal indipendenti li jivvaluta l-ġustizzja ta’ dawn l-allegazzjonijiet u r-raġonevolezza ta’ dawn is-sanzjonijiet. Bħala riżultat ta’ din in-negazzjoni, hemm possibilità reali li s-sanzjonijiet magħmula kontra l-appellant fil-Komunità jistgħu jkunu disproporzjonati jew ukoll ta’ diżgwid, u jistgħu minkejja dan jibqgħu fejn huma għal żmien indefinit. Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandha ebda mod sabiex tkun taf jekk dan huwiex il-każ fir-realtà, iżda s-sempliċi eżistenza ta’ dik il-possibiltà hija anatema f’soċjetà li tirrispetta l-istat ta’ dritt.

54.

Kieku kien hemm mekkaniżmu ġenwin u effettiv ta’ kontroll ġudizzjarju minn tribunal indipendenti fuq il-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, allura dan seta’ jeħles lill-Komunità mill-obbligazzjoni li tipprovdi għal kontroll ġudizzjarju ta’ miżuri ta’ implementazzjoni li japplikaw fis-sistema legali Komunitarja. Madankollu, ebda mekkaniżmu bħal dan ma jeżisti preżentament. Kif il-Kummissjoni u l-Kunsill infushom enfasizzaw fit-talbiet tagħhom, id-deċiżjoni jekk titħassarx persuna jew le mil-lista tas-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti tibqa’ fid-diskrezzjoni assoluta tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet — organu diplomatiku. F’dawk iċ-ċirkostanzi, għandu jintqal li d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju minn tribunal ma kienx assigurat fuq il-livell tan-Nazzjonijiet Uniti. Bħala konsegwenza, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jinjoraw il-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju xieraq meta jimplementaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni fis-sistema legali Komunitarja.

55.

Konsegwentement it-talba tal-appellant li r-regolament ikkontestat jikser id-dritt għal smigħ, id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju, u d-dritt ta’ proprjetà huma motivati. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna l-appellant.

V — Konklużjoni

56.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)

tħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005 fil-Kawża T-315/01 Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni;

2)

tannulla, sa fejn jikkonċerna ll-appellant, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża [l-iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tas-6 ta’ Marzu 2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża [l-iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000 (ĠU 2001 L 67, p. 1). L-isem tal-appellant kien miżjud mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001, tad-19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda, għat-tielet darba, ir-Regolament (KE) Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25).

( 3 ) Li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU L 139, p. 9).

( 4 ) Dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Talibani u individwi oħrajn, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u jħassar il-Pożizzjonijiet Komuni 96/746/PESK [PBSK], 1999/727/PESK [PBSK], 2001/154/PESK [PBSK] u 2001/771/PESK [PBSK] (ĠU L 139, p. 4). Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 u d-disa’ premessa tal-Preambolu.

( 5 ) S/RES/1267(1999) tal-15 ta’ Ottubru 1999.

( 6 ) S/RES/1333(2000) tad-19 ta’ Diċembru 2000.

( 7 ) S/RES/1390(2002) tas-16 ta’ Jannar 2002.

( 8 ) Li tikkonċerna l-eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi imposti mill-Posizzjoni Komuni 2002/402 (ĠU L 53, p. 62).

( 9 ) Regolament Nru 561/2003 li jemenda, għal dak li għandu x’jaqsam mal-eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 (ĠU L 82, p. 1).

( 10 ) Ġabra p. II-3649.

( 11 ) Punti 87 sa 135 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Punt 133 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Punt 59 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Punti 181 sa 232 tas-sentenza appellata.

( 15 ) L-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jipprovdi: “[f’]il-każ ta’ konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skond il-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skond xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skond il-Karta preżenti għandhom jgħoddu”. Huwa ġeneralment rikonoxxut li din l-obbligazzjoni testendi għal riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li jorbtu. Ara d-Digriet tal-14 ta’ April 1992 tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali fi Domandi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montreal tal-1971 li jirriżultaw mill-inċident tal-ajru ta’ Lockerbie (Ġamaħirija Għarbija Libjana vs Ir-Renju Unit), digriet għal miżuri provviżorji, tal-14 ta’ April 1992, Rapporti QIĠ 1992, p. 3, punt 39.

( 16 ) Sentenza tat-30 ta’ Lulju 1996 (C-84/95, Ġabra p. I-3953).

( 17 ) Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963 (26/62, Ġabra p. 11).

( 18 ) Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punt 23).

( 19 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 22), u tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra p. I-6019, punti 9 sa 11).

( 20 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi Merck Genéricos-Produtos Farmacêuticos (C-431/05, Ġabra p. I-7001); tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I-11307, punt 33); tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C-162/96, Ġabra p. I-3655); tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (Kawżi magħquda 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219), u Poulsen u Diva Navigation, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.

( 21 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006 (Kawżi Magħquda C-317/04 u C-318/04, Ġabra p. I-4721). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni (C-327/91, Ġabra p. I-3641).

( 22 ) Opinjoni 2/94 tat-28 ta’ Marzu 1996 (Ġabra p. 1759, punt 35).

( 23 ) Ara, bħala eżempju, id-deċiżjoni 1/78 tal-14 ta’ Novembru 1978 (Ġabra p. 2151, punt 33); opinjoni 2/91 tad-19 ta’ Marzu 1993 (Ġabra p. I-1061, punti 36 sa 38); u s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-25/94, Ġabra p. I-1469, punti 40 sa 51).

( 24 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998 (C-122/95, Ġabra p. I-973).

( 25 ) Ara, bħala eżempju, l-opinjoni 2/94, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 30, 34 u 35.

( 26 ) Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.

( 27 ) Ibid, punt 26.

( 28 ) Il-konfiska tal-ajruplan ta’ Bosphorus Airways seħħ skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 820(1993). Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti kien iddeċieda li n-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet li jikkonfiskaw l-ajruplan jammonta għal ksur tar-riżoluzzjoni.

( 29 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Bosphorus, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 53. Ara wkoll punt 34 tal-opinjoni 2/94, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.

( 30 ) Punti 185 sa 191 u 196 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Artikoli 297 KE u 60(2) KE. Ara wkoll, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner (C-70/94, Ġabra p. I-3189); u tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et (C-83/94, Ġabra p. I-3231), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, tas-6 ta’ April 1995, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-120/94, Ġabra p. I-1513).

( 32 ) Sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C-124/95, Ġabra p. I-81, punt 25).

( 33 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991 (C-260/89, Ġabra p. I-2925). Ara wkoll is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C-368/95, Ġabra p. I-3689), kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279).

( 34 ) F’ċerti sistemi legali, jidher mhux probabbli li miżuri nazzjonali għall-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jgawdu immunità minn stħarriġ ġudizzjarju (li inċidentalment turi li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi miżuri bħar-regolament ikkontestat minn stħarriġ ġudizzjarju jista’ joħloq diffikultajiet għall-implementazzjoni tal-liġi Komunitarja f’ċerti sistemi legali nazzjonali). Ara, bħala eżempju, is-sorsi li ġejjin. Ġermanja: Bundesverfassungsgericht, digriet tal-14 ta’ Ottubru 2004 (Görgülü) 2 BvR 1481/04, ippubblikat fin-NJW 2004, p. 3407-3412. Ir-Repubblika Ċeka: Ústavní soud, tal-15 ta’ April 2003 (I. ÚS 752/02); Ústavní soud, tal-21 ta’ Frar 2007 (I. ÚS 604/04). Italja: Corte Costituzionale, tad-19 ta’ Marzu 2001, Nru 73. Ungerija: 4/1997 (I. 22.) AB határozat. Polonja: Orzecznictwo Trybunału Konstytucyjnego (zbiór urzędowy), tas-27 ta’ April 2005, P 1/05, pkt 5.5, Serje A, 2005 Nru 4, poz. 42; u Orzecznictwo Trybunału Konstytucyjnego (zbiór urzędowy), tat-2 ta’ Lulju 2007, K 41/05, Serje A, 2007 Nru 7, poz. 72.

( 35 ) Sentenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 23.

( 36 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003 (C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 73).

( 37 ) Għal eżempju reċenti ta’ sentenza li tikkonċerna l-obbligazzjonijiet ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 307 KE, ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-203/03, Ġabra p. I-935, punt 59).

( 38 ) Ara, fuq linja simili, dwar ir-rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Komunità, l-opinjoni 1/94 tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra p. I-5267, punti 106 sa 109); u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 40 sa 51.

( 39 ) Il-kunċett ta’ “domanda politika” nħoloq mill-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti Taney, fil-kawża Luther v. Borden, 48 U.S. 1 (1849), 46 u 47. It-tifsira preċiża ta’ dan il-kunċett fil-kuntest Komunitarju mhuwiex ċar. Il-Kummissjoni ma analizzatx l-argument, li qajmet waqt is-smigħ, iżda s-suġġeriment jidher li hu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastjeni milli teżerċita stħarriġ ġudizzjarju, peress li mhemmx kriterji ġudizzjarji li permezz tagħhom il-kwistjonijiet preżentament ikkunsidrati jistgħu jkunu evalwati.

( 40 ) Qorti Suprema tal-Istati Uniti, Korematsu vs L-Istati Uniti, 323 U.S. 214, 233-234 (1944) (Murphy, J., ma jaqbilx) (virgoletti interni mneħħija).

( 41 ) Montesquieu, De l’Esprit des Lois, Ktieb XII (“Il y a des cas où il faut mettre, pour un moment, un voile sur la liberté, comme l’on cache les statues des dieux”).

( 42 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ddikjarat li “l-Istati Kontraenti ma jistgħux, f’isem il-ġlieda kontra […] t-terroriżmu, jadottaw kwalunkwe miżuri li jikkunsidraw xierqa” (sentenza Klass et, vs Il-Ġermanja tas-6 ta’ Settembru 1978, Serje A Nru 28, punt 49). Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha f’Bosphorus Airways, l-istess qorti ddiskutiet l-argument tal-ġurisdizzjoni tagħha fit-tul, mingħajr ma ssemmi l-possibbilità li jista’ jkun li ma tkunx tistà twettaq reviżjoni peress li l-miżuri kkontestati implementaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà (Bosphorus Hava Yolları Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi (Bosphorus Airways) vs L-Irlanda ([GC], Nru 45036/98). Għalhekk, is-sentenza f’Bosphorus Airways tidher li tappoġġja l-argument favur stħarriġ ġurdizzjarju. Madankollu, skont il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit, huwa mistenni mid-deċiżjoni ta’ ammissibiltà f’Behrami li miżuri li huma neċessarji għall-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà awtomatikament jaqgħu barra l-ambitu tal-Konvenzjoni (QEDB tat-2 ta’ Mejju 2007, Behrami vs Franza (Nru 71412/01) u Saramati vs Franza, Il-Ġermanja u In-Norveġja (Nru 78166/01) ara wkoll is-sentenzi ta’ ammissibbiltà tal-5 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Kasumaj vs il-Greċja (Nru 6974/05), u tat-28 ta’ Awwissu 2007 fil-kawża Gajic vs Il-Ġermanja (Nru 31446/02). Madankollu, dik tidher li hi interpretazzjoni wisq wiesgħa tas-sentenza tal-QEDB. Is-sentenza Behrami kienet tikkonċerna allegat ksur tad-drittijiet fundamentali minn forza tas-sigurtà fil-Kosovo li kienet topera taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Istati konvenuti kienu kkontribwixxew truppi lil din il-forza tas-sigurtà. Iżda, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrifjutat ġurisdizzjoni ratione personae l-iktar minħabba li l-awtorità u l-kontroll finali fuq il-missjoni tas-sigurtà baqa’ f’idejn il-Kunsill tas-Sigurtà u, għalhekk, l-azzjonijiet ikkontestati u nuqqas ta’ azzjonijiet kienu attribwiti lin-Nazzjonijiet Uniti u mhux lill-Istati konvenuti (ara l-punti 121 u 133 sa 135 tas-sentenza). Fil-fatt, f’dan ir-rigward il-QEDB għamlet distinzjoni bejn din is-sentenza u Bosphorus Airways (ara, b’mod partikolari, il-punt 151 tas-sentenza). Għalhekk, il-pożizzjoni tal-QEDB tidher li hi li, fejn, skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, l-atti kkontestati huma attribwiti lin-Nazzjonijiet Uniti, il-qorti m’għandha ebda ġurisdizzjoni ratione personae, peress li n-Nazzjonijiet Uniti mhumiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni. Għall-kuntrarju, meta l-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti ħadu passi proċedurali sabiex jimplementaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fis-sistema legali nazzjonali, il-miżuri magħmula b’dan il-mod huma attribwiti lil dak l-Istat u għalhekk soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju skont il-Konvenzjoni (ara wkoll il-punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni ta’ ammissibbiltà tas-16 ta’ Ottubru 2007 f’Beric et vs Il-Bosnia Herzegovina).

( 43 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega Spielhallen (C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 33).

( 44 ) Ara l-Preambolu, kif ukoll l-Artikoli 19 u 46(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar ir-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali, tal-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 45 ) Ara l-Artikolu 46(2) KEDB.

( 46 ) Ara l-punt 39 tar-Rapport tas-16 ta’ Awwissu 2006 tar-rapporteur speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (A/61/267): “Minħabba li l-effett ta’ inklużjoni [fuq il-lista] huwa l-iffriżar ta’ assi, id-dritt li l-inklużjoni tkun ikkontesta huwa neċessità. Fuq il-livell internazzjonali, dawn il-proċeduri ma jeżistux preżentament. Huma preżenti, f’xi każijiet, fuq il-livell nazzjonali. Ir-rapporteur speċjali huwa tal-opinjoni li jekk mhemmx reviżjoni xierqa jew adegwata disponibbli, proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali — anke għal listi internazzjonali — huma neċessarji. Dawn għandhom ikunu disponibbli fl-Istat li japplikaw is-sanzjonijiet”.

( 47 ) Ara, b’mod partikolari, it-Tieni Rapport tat-Tim ta’ Appoġġ Analitiku u Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet (S/2005/83), li fih huwa mniżżel, fil-punt 54, li “il-mod li entitajiet jew individwi huma mniżżla fil-lista ta’ terroristi miżmuma mill-Kunsill u n-nuqqas ta’ reviżjoni jew appell għal dawk imniżżla joħolqu argumenti serji ta’ responsabbiltà u possibilment jiksru normi u konvenzjonijiet ta’ drittijiet fundamentali” u, fil-punt 58, li “reviżjonijiet tal-proċess jistgħu jgħinu sabiex inaqqsu l-possibiltà ta’ deċiżjoni jew deċiżjonijiet mill-qorti li huma potenzjalment negattivi”. F’dak ir-rigward, ir-Rapport isemmi speċifikament il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Ara wkoll l-Anness I tas-Sitt Rapport tat-Tim ta’ Appoġġ Analitiku u Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet (S/2007/132) għal deskrizzjoni fil-qosor tal-problemi legali tal-aspetti tal-programm tas-sanzjonijiet.

( 48 ) Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 49 ) Qorti Suprema tal-Istat ta’ Iżrael, HCJ 769/02 (2006) The Public Committee Against Torture in Israel et vs The Government of Israel et, punti 61 u 62 (virgoletti interni mneħħija).

( 50 ) Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21). Ara wkoll l-Artikolu 41(2) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

( 51 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punti 38 u 39). Ara wkoll l-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Artikoli 6 u 13 KEDB.

( 52 ) Din il-proċedura għat-tħassir mil-lista kienet mibdula diversi drabi mill-adozzjoni oriġinali tal-miżuri kontra l-appellant. Skont is-sistema inizjali, il-persuna kkonċernata setgħet tissottometti rikjesta għal tħassir mil-lista biss lill-Istat tagħha ta’ ċittadinanza jew residenza. Skont il-proċedura eżistenti, persuni li jippruvaw jissottomettu rikjesta għal tħassir mil-lista jistgħu jagħmlu dan jew permezz ta’ “punt fokali” tan-Nazzjonijiet Uniti, jew permezz tal-Istat tar-residenza jew ċittadinanza tagħhom. Madankollu, in-natura fundamentalment intergovernattiva tal-proċess ta’ tħassir mil-lista ma nbidilx. Ara r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1730(2006) tad-19 ta’ Diċembru 2006 u l-Linji Gwida tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-Kondotta tax-Xogħol tiegħu, disponibbli fuq is-sit http://www.un.org/sc/committees/1267/index.shtml.

( 53 ) Sentenza imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 55.