KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2007 (1)

Kawża C-388/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar salvaġġi – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Obbligu li jiġi evitat tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE – Obbligu li jiġi evitat deterjorazzjoni jew tfixkil taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE – Skop ratione temporis ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE – Obbligu li ssir evalwazzjoni ex ante – Valloni e steppe pedegarganiche – Park Nazzjonali ta’ Gargano”





1.        F’din il-kawża, il-Kummissjoni qed titlob dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 226 KE li, meta naqset milli tieħu l-passi xierqa biex tevita d-deterjorazzjoni ta’ habitat naturali u tal-habitat ta’ l-ispeċi fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali (“ŻPS”) “Valloni e steppe pedegarganiche”, l-Italja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409(2) (id-“Direttiva għasafar”) u l-Artikolu 6(2), (3) u (4) u l-Artiklu 7 tad-Direttiva 92/43(3) (id-“Direttiva habitat”). Dan iqajjem il-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet taż-żewġ Direttivi.

 Id-dritt Komunitarju rilevanti

 Id-Direttiva dwar l-ġħasafar

2.        L-Artiklu 1 tad-Direttiva għasafar jistipula li d-Direttiva “hija dwar il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar li jinsabu fin-natura […] Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi […]”. L-Artikolu 2 jirrikjedi lill-Istati Membri biex “jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġijiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi jew rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell”.

3.        L-Artikolu 3(1) jistipula li, “[f]id-dawl tal-ħtiġijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippriservaw, imantnu u jirripristinaw diversità suffiċjenti u żoni ta’ habitat għall-ispeċi kollha ta’ l-għasafar li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1”. L-Artikolu 3(2)(a) jikkunsidra l-“kreazzjoni ta’ żoni protetti” bħala waħda mill-erba’ miżuri primarji li ġew identifikati għall-“preservazzjoni, manutenzjoni u r-ripristinar” ta’ bijotopi u l-habitat.

4.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva għasafar jipprovdi:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[…]

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar terrritorji tajbin fin-numri u id-daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni, fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.     L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I […].

[…]

4.      Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. […]”

5.        L-Artikolu 9 jippermetti lill-Istati Membri li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva(4), imma ma jipprovdix għal deroga mill-Artikolu 4.

6.        L-Artiklu 13 jistipula li “l-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-direttiva ma għandhomx iwasslu għad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni preżenti rigward il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ l-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1”.

7.        L-Artiklu 18 irrikjeda li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mad-Direttiva għasafar fi żmien sentejn minn notifika tagħha, jiġifieri sas-7 ta’ April 1981.

 Id-Direttiva habitat

8.        Il-premessi għad-Direttiva habitat li ġejjin huma rilevanti:

“[1] […] l-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora salvaġġa, huma għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex min-naħa tal-Komunità, kif jidher fl-Artikolu 130r tat-Trattat[(5)];

[…]

[6]   […] sabiex ikun żgurat li l-habitat naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jkunu restawrati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq network Ekoloġiku Ewropew koerenti skond skeda speċifikata;

[7]   […] ż-żoni kollha nnominati, inklużi dawk li issa huma kklassifikati jew fil-ġejjieni se jkunu klassifikati bħala [ŻSM] skond id-Direttiva għasafar jkollhom jiġu inkorporati f’network ekoloġiku Ewropew koerenti;

[10] […] jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew li se jkun nominat fil-ġejjieni”.

9.        L-Artiklu 1(j) tad-Direttiva habitat jiddefinixxi “sit” bħala “żona definita ġeografikament li dwarha hemm indikat b’mod ċar sa fejn twassal”.

10.      L-Artiklu 1(k) tiddefinixxi “sit ta’ importanza għall-Komunità” bħala:

“[…] sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’mod sinifikanti fil-manteniment jew fir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 isemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun biogeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati”.

11.      L-Artiklu 1(l) jiddefinixxi “żona speċjali ta’ konservazzjoni” (“ŻSK”) bħala:

“[…] sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nnominat”.

12.      L-Artikolu 2 jistipula:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora salvaġġa […]

2.     Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.     Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali”.

13.      L-Artikoli 3, 4 u 5 jittrattaw l-istabbiliment ta’ “network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni” magħruf bħala “Natura 2000”. It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1), jistipula li “In-netwerk ta’ Natura 2000 se jkun fiha ż-[ŻPS] klassifikati mill-Istati Membri skond id-[Direttiva għasafar]”.

14.      L-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva habitat jistipula:

“2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.     Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjonijiet tal-pubbliku ġenerali.

4.     Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit ikkonċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi konsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma’ raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza”.

15.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva habitat jipprovdi:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mil-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-[Direttiva għasafar] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) [(6)] jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond [id-Direttiva għasafar], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard”.

16.      L-Artikolu 23 irrikjeda li l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jaqblu mad-Direttiva habitat fi żmien sentejn min-notifika tagħha, jiġifieri sa Ġunju 1994(7).


 Il-fatti rilevanti u l-proċedura

17.      Il-“Valloni e steppe pedegarganiche”, li jinsabu fir-reġjun tal-Pulja, hija waħda miż-żoni ewlenin ta’ stepep fl-Italja, li tagħti kenn lil speċi rari u protetti ta’ għasafar salvaġġi. Din għandha sottostrat ġeoloġiku li jikkonsisti minn ġibs li ġej mill-Perijodu Kretaċeju u dak Ġurassiku. Is-sit juri biodiversità sinjifikanti u fih sensiela ta’ kanjoni mnawwgħra li jagħtu kenn lil ambjent rupestrali bi speċi ta’ pjanti endemiċi rari(8). Huwa l-uniku post fil-peniżola Taljana fejn jgħix it-Tetrax tetrax (Pitarra), u huwa wkoll il-habitat għall-Falco biarmicus (Falkun mara), Neophron percnopterus (Avultun Eġizzjan), Burhinus oedicnemus (Tellerita), Melanocorypha calandra (Kalandra), Calandrella brachydactyla ((Bilbla) [(Greater)(9) short-toed lark] u l-Falco peregrinus (Bies). Dawn l-għasafar huma kollha elenkati fl-Anness I għad-Direttiva għasafar(10).

18.      Il-“Valloni e steppe pedegarganiche” dehret bħala Żona Importanti ta’ l-Għasafar (bl-isem ta’ “Promontorio del Gargano” (Il-Promontorju ta’ Gargano)) fl-inventarju ornitoloġiku Ewropew ta’ l-1989 “Żoni Importanti tal-Għasafar fl-Ewropa” (“Katalgu ŻIGĦ 89”).

19.      Disa’ snin wara, fit-28 ta’ Diċembru 1998, l-Italja kklassifikat is-sit bħala ŻSP skond l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għasafar.

20.      Fi Frar 2001, il-Lega Italiana Protezione Uccelli (Lega Taljana għall-Protezzjoni ta’ l-Għasafar) infurmat lill-Kummissjoni li numru ta’ proġetti industrijali u ta’ żvilupp ta’ proprjetà kienu qegħdin jitwettqu fiż-ŻSP u kienu qed jagħmlu ħsara lill-bilanċ ekoloġiku tagħha; u li l-komun ta’ Manfredonia kien ikkonkluda ftehim reġjonali għall-iżvilupp industrijali tar-reġjun ta’ Manfredona, li jinkludi fost affarijiet oħra l-bini ta’ kumpless turistiku bl-isem ta’ “Magic Land”. Jidher li mhux ikkontestat li x-xogħol fuq uħud minn dawn il-proġetti kien diġà beda qabel it-28 ta’ Diċembru 1998 u qed jitkompla.

21.      Iż-żona suġġetta għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid, li fiha b’kollox 400 ettaru, tinsab tul it-Triq Nazzjonali 89 bejn l-irħula ta’ Posta Spiriticchio u Posta Predella, fil-Lbiċ ta’ l-agglomerazzjoni ta’ Siponto, fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Manfredonia.

22.      Fid-19 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Italja, fejn talbitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Ma kien hemm l-ebda risposta. B’ittra tad-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni għalhekk bagħtet lill-Italja opinjoni motivata skond l-Artikolu 226 KE, fejn tatha perijodu ta’ xahrejn biex tikkonforma ruħha.

23.      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2004, l-Italja infurmat lill-Kummissjoni li kellha l-ħsieb li f’qasir żmien twieġeb b’mod sostantiv għall-ilmenti tagħha. Madanakollu l-ebda tweġiba addizzjonali ma ngħatat.

24.      Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni resqet dan ir-rikors fl-24 ta’ Ottubru 2005. Hija qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(a)      tiddikjara li

–        qabel it-28 ta’ Diċembru 1998 id-data li fiha l-“Valloni e steppe pedegarganiche” ġew magħżula bħala ŻPS, l-Italja kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar billi naqset milli tieħu passi xierqa biex jiġi evitat tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, li x’aktarx ikollhom konsegwenzi, bħal fil-każ tal-pjan li ġie msejjaħ “il-ftehim reġjonali” u l-proġetti hemmhekk deskritti fil-qosor setgħu jkollhom impatt fuq il-habitat u l-ispeċi ġewwa ŻIGĦ (iż-Żona Importanti għall-Għasafar) Nru 94 (minn Katalgu ŻIGĦ 89) “Promontorju ta’ Gargano” jew Nru 129 (minn Katalgu ŻIGĦ 89) “Promontorju ta’ Gargano” u fil-fatt wasslu għal deterjorazzjoni tal-habitat u rriżultaw fi tfixkil serju li jaffettwa l-għasafar ġewwa dawn iż-ŻIGĦ;

–        wara t-28 ta’ Diċembru 1998, l-Italja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2), (3) u (4) u l-Artiklu 7 tad-Direttiva habitat peress illi

–        kuntrarjament għall-Artiklu 6(2), l-Italja ma ħaditx passi xierqa biex tevita, fiż-ŻPS(11) “Valloni e steppe pedegarganiche”, id-deterjorazzjoni tal-habitat naturali u tal-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġiet magħżula ż-żona u li toriġina mill-proġetti li jinsabu fil-ftehim reġjonali li diġà tlestew u li huma l-kawża tad-deterjorazzjoni tal-habitat naturali, u l-habitat ta’ l-ispeċi u t-tfixkil ta’ l-ispeċi fiż-żona kkonċernata;

–        kuntrarjament għall-Artikolu 6(3), l-Italja ma wettqitx evalwazzjoni ex ante tal-proġetti inklużi fil-ftehim reġjonali li diġà tlestew u li probabbilment kienu ser ikollhom effett sinjifikanti fuq iż-ŻPS;

–        kuntrarjament għall-Artiklu 6(4), l-Italja ma applikatx il-proċedura li tippermetti proġett li jitwettaq (minkejja evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fl-assenza ta’ soluzzjonijiet oħra) minħabba raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, jew kunsiderazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika jew li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, sussegwentement għal opinjoni mill-Kummissjoni, għal raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħdu preċedenza; lanqas ma kkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri kumpensatorji meħtieġa biex tassigura li l-koerenza totali ta’ Natura 2000 tiġi protetta, fir-rigward tal-proġetti inklużi fil-ftehim reġjonali li ġew approvati (minkejja l-implikazzjonijiet tagħhom għaż-ŻPS) biex jikkumbattu l-kriżi soċjo-ekonomika u l-qgħad li jaffettwaw ir-reġjun tal-Manfredonia;

(b)      tordna lill-Italja tbati l-ispejjeż.

25.      Peress li l-partijiet ma talbux li sseħħ seduta, din ma saritx.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjoni preliminari

26.      L-Italja talbet li l-Kummissjoni tirtira l-proċeduri ta’ ksur fid-dawl ta’ ċerti azzjonijiet li diġà ttieħdu jew li qed jiġu kkontemplati mir-Reġjun tal-Pulja u awtoritajiet kompetenti oħra, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri kumpensatorji possibbli.

27.      Il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-punti mressqa mill-Italja kienu ipotetiċi. Dawn ma rrimedjawx il-ksur identifikati mill-Kummissjoni, iżda dehru x’aktarx, fl-aħjar xenarju, li jtaffu l-effetti dannużi tagħhom fil-futur. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet l-azzjoni tagħha.

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni hija madankollu intitolata żżomm l-azzjoni tagħha fil-kuntest ta’ stiwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru konvenuta diġà rrimedjat il-ksur allegat (b’mod sħiħ jew għall-inqas in parti), fiż-żmien meta l-proċedura minħabba ksur jitresssqu quddiemha(12).

29.      Fil-fehma tiegħi, kien ampjament iġġustifikat li jsir dan fil-każ preżenti. Jidher ċar mill-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ż-ŻPS “Valloni e steppe pedegarganiche” kienet fi stat tajjeb ta’ konservazzjoni qabel ma bdew il-proġetti industrijali u ta’ żvilupp tal-proprjetà. Il-proġetti li diġà tlestew fiż-ŻPS qerdu (għall-inqas parzjalment) il-habitat ta’ steppep f’dik iż-żona. “Ir-Rapport ta’ Missjoni” tal-Kummissjoni kkonkluda li ebda miżuri ta’ mitigazzjoni għall-bini eżistenti ma kienu possibbli u li dawk imsemmija matul iż-żjara tal-Kummissjoni fuq is-sit, bħal bini li ġie miżbugħ aħdar, kienu purament kożmetiċi.

30.      Il-miżuri identifikati għall-ewwel darba mill-Italja in difiża tagħha u dawk li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala anness għall-kontroreplika formali ta’ l-Italja(13) mhumiex tali li joħolqu kunfidenza reali li s-sitwazzjoni issa ġiet irrimedjata jew li neċessarjament ser tiġi rrimedjata fil-futur(14).

31.      Barra minn hekk f’dan ir-rigward, huwa stabbilit sew li fi proċeduri mressqa taħt l-Artiklu 226 KE, il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu, għandha tiġi deċiża b’referenza għas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istat Membru fi tmiem il-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni xi tibdil sussegwenti(15). L-abbozz ta’ Ftehim li li fuqu tibbaża l-Italja fil-kontroreplika ma jistax għalhekk jittieħed in kunsiderazzjoni.

32.      Jien ser ngħaddi biex neżamina l-ilmenti speċifiċi li saru mill-Kummissjoni u d-dikarazzjonijiet speċifiċi li qed titlob.

 Qabel it-28 ta’ Diċembru 1998: il-ksur allegat ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar

33.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għasafar teħtieġ mingħand l-Istati Membri biex joħolqu ŻPS sabiex jikkonservaw l-ispeċi ta’ Għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva. L-Artikolu 4(4) ta’ l-istess Direttiva jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar.

34.      Hija ġurisprudenza stabbilita li għalkemm l-Istati Membri għandhom ċerta marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla taż-ŻSP, il-klassifikazzjoni ta’ dawk iż-żoni hija madankollu suġġetta għal kriterji ornitoloġiċi stabbiliti mid-Direttiva għasafar, bħal per eżempju l-preżenza ta’ għasafar elenkati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva(16). Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Katalgu ŻIGĦ 89, “għalkemm ma jorbotx legalment l-Istati Membri kkonċernati, jista’, minħabba l-valur xjentifiku rikonoxxut tiegħu fil-każ preżenti, jiġi wżat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala bażi ta’ referenza għall-evalwazzjoni ta’ kemm [l-Istat Membru] ikkonforma mal-obbligu tiegħu li jikklassifika ż-ŻPS”(17).

35.      Fid-dawl tal-fatti hawn fuq elenkati, jidher ċar li, qabel it-28 ta’ Diċembru 1998, l-Italja kellha l-obbligu li tikklassifika ż-żona in kwistjoni bħala ŻPS, u għalhekk li tieħu passi xierqa biex tevita tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar u li jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikanti fuq iż-żona in kwistjoni.

36.      L-ebda dispożizzjoni fid-Direttiva għasafar ma tipprovdi b’mod espliċitu għal evalwazzjoni ex ante tal-pjanijiet għal proġetti ta’ żvilupp. Bl-istess mod ma hemm l-ebda dispożizzjoni espressa li tippermetti lill-Istati Membri, jekk ikun hemm “benefiċċju soċjali” biżżejjed minn proġett li x’aktarx ikollu impatt negattiv fuq ŻPS, li fl-interess ġenerali ma jikkunsidrawx l-evalwazzjoni negattiva ta’ dak il-pjan. F’dan ir-rigward, id-Direttiva għasafar tista’ tidher li hija mekkaniżmu inqas sofistikat għall-protezzjoni ambjentali mis-suċċessur tagħha, id-Direttiva habitat.

37.      Madanakollu, Stat Membru għandu neċessarjament ikun ippreparat iwettaq xi evalwazzjoni ta’ x’inhuwa propost li jsir f’żona li ġiet, jew li kellha tiġi magħżula bħala ŻPS. L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinjifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Iffaċċjat bi żvilupp ippjanat, l-Istat Membru għandu jevalwa jekk jistax iniġġes jew jikkawża deterjorazzjoni tal-habitat, jew ifixkel speċi ta’ għasafar protetti. Jekk it-tweġiba għal xi waħda minn dawk il-mistoqsijiet hija “iva”, l-Istat Membru huwa meħtieġ li jieħu l-passi neċessarji biex jevita dan milli jiġri.

38.      Fid-dawl ta’ dan kollu, fil-kawża preżenti mhuwiex ikkontestat li l-proġetti industrijali u ta’ żvilupp ta’ proprjetà eżistenti kkawżaw tniġġis u/jew deterjorazzjoni tal-habitat u tfixkil għal speċi ta’ għasafar elenkati fi ħdan dik li saret (tard) magħrufa bħala ż-ŻPS tal-“Valloni e steppe pedegarganiche”.

39.      Sat-28 ta’ Diċembru 1998 (id-data ta’ l-għażla taż-ZPS) l-Italja kienet għalhekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar.

 Fi jew wara t-28 ta’ Diċembru 1998: Ksur allegat ta’ l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva habitat

40.      L-Artiklu 7 tad-Direttiva habitat hija d-dispożizzjoni li tgħaqqad id-Direttiva habitat u d-Direttiva għasafar. Dan jipprovdi li obbligi li joħorġu mill-Artiklu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva habitat jissostitwixxu dawk li joħorġu mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar fir-rigward ta’ żoni kklassifikati bħala ŻPS skond l-Artikolu 4(1) jew rikonoxxuti bl-istess mod taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva għasafar. Din is-sostituzzjoni ta’ obbligi sseħħ mid-data ta’ implementazzjoni tad-Direttiva habitat jew id-data ta’ klassifikazzjoni jew rikonoxximent ta’ żona partikolari bħal ŻPS minn Stat Membru taħt id-Direttiva għasafar, skond liema tkun posterjuri.

41.      Fit-28 ta’ Diċembru 1998, l-Italja kklassifikat il-“Valloni e steppe pedegarganiche” bħala ŻPS skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva għasafar. Dan kien, fi kwalunkwe każ, wara l-iskadenza għall-implementazzjoni tad-Direttiva habitat(18).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenza tagħha f’Basses Corbières(19) li skond “interpretazzjoni litterali tal-passaġġ [rilevanti] ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva habitat, huma biss iż­-żoni kklassifikati bħala ŻPS li jaqgħu taħt l-influwenza ta’ l-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ dik id-Direttiva”. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li “ż-żoni li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS iżda li kellhom jiġu hekk ikklassifikati jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema rregolata bl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar”.

43.      Isegwi li, sat-28 ta’ Diċembru 1998, l-obbligi rilevanti kienu dawk ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar. Fi u wara dik id-data, l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva habitat beda japplika.

44.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva habitat jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għal ŻSK (l-Artiklu 6(1)), biex jevitaw, f’ŻSK, id-deterjorazzjoni tal-habitat naturali u tal-habitat ta’ l-ispeċi u t-tfixkil ta’ l-ispeċi elenkati (l-Artikolu 6(2)) u li kull pjan jew proġett li ma jkunx marbut ma’ pjan għat-tmexxija ta’ ŻSK għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni ex ante ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu fuq iż-ŻSK (l-Artikolu 6(3)).

45.      L-Artikolu 6(4) jipprovdi għal opportunità (limitata) għal Stat Membru li ma jikkunsidrax evalwazzjoni ex ante negattiva u jawtorizza l-pjan jew proġett in kwistjoni għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali u ekonomiku. L-Istat Membru jrid, madanakollu, jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

 L-Artiklu 6(2) tad-Direttiva habitat

46.      Il-proġetti li jinsabu fil-ftehim reġjonali li diġà tlestew huma l-kawża tad-deterjorazzjoni tal-habitat naturali u tal-habitat ta’ l-ispeċi u tat-tfixkil ta’ l-ispeċi li diġà seħħ. Dawn ikomplu jkollhom effett negattiv fuq iż-ŻSK.

47.      Ir-Repubblika Taljana għalhekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitat.

 Relazzjoni bejn l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar u l-Artikolu 6(3) u 6(4) tad-Direttiva habitat(20).

48.      L-effett ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva habitat huwa li jimponi, mill-mument meta l-obbligi taħt l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva habitat jissostitwixxu dawk taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva għasafar, l-obbligu li twettaq evalwazzjoni ex ante skond l-Artikolu 6(3) u l-possibbiltà li l-evalwazzjoni ma tiġix ikkunsidrata għal raġunijiet konnessi ma’ l-interess pubbliku skond l-Artikolu 6(4).

49.      Isegwi mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Basses Corbières (21) li d-dmir li twettaq evalwazzjoni ex ante daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru 1998, id-data li fiha l-Italja għażlet il-“Valloni e steppe pedegarganiche” bħala ŻPS skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva għasafar.

50.      F’dak l-istadju, l-Italja kienet diġà bdiet ix-xogħol fuq diversi proġetti – xogħol li, madanakollu, qed jitkompla.

51.      Isegwi li l-Artikoli 6(3) u (4) tad-Direttiva habitat ma kinux japplikaw fil-mument li fih evalwazzjoni ex ante kienet rilevanti. Fil-fehma tiegħi, dawn ma jistgħux loġikament jiġu applikati retrospettivament(22). Fir-rigward ta’ dak li diġà ġie kemm ippjanat u implementat, l-Italja bħala riżultat ta’ dan ma tistax titqies li qed tikser dawk l-Artikoli.

52.      Jekk u sal-punt fejn jeżistu proġetti oħrajn, jew stadji oħrajn ta’ l-istess proġett globali li jistgħu jiġu distinti mill-istadji ta’ qabel mingħajr artifiċjalità, dawn madanakollu jkunu suġġetti għall-obbligu fl-Artikolu 6(3). Dawn ikunu kapaċi wkoll (potenzjalment, għall-inqas) li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ ordni superjuri ta’ l-Artikolu 6(4). Fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni, madankollu, mhux qed tfittex li tagħmel distinzjoni bħal din. Lanqas ma tidentifika l-proġetti b’mod li tagħmilha possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq analiżi bħal din b’ċerta kunfidenza.

53.      Isegwi li t-talbiet tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitat mhumiex fondati.

 Fuq l-ispejjeż

54.      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn kienu ġew mitluba. Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni talbiet li l-Italja tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Għalkemm nikkusidra li t-talba tal-l-Kummissjoni skond l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitat mhijiex fondata, il-materjalità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija stabbilita. Konsegwentement jiena ma narax raġuni għalfejn m’għandhiex tiġi adottata l-prattika normal tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk ir-Repubblika Taljana għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

 Konklużjoni

55.      Jien għalhekk nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiddikjara li, qabel it-28 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE (id-Direttiva għasafar) peress li din naqset milli tieħu passi xierqa biex tevita tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar li x’aktarx ikollu konsegwenzi sinjifikanti fir-rigward taż-żoni magħżula, f’dik id-data, bħala ż-Żona Speċjali tal-Protezzjoni ta’ “Valloni e steppe pedegarganiche”;

–        tiddikjara li, fi jew wara t-28 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE (id-Direttiva habitat) peress li ma ħaditx il-miżuri xierqa biex tevita, fiż-Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni “Valloni e steppe pedegarganiche”, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġiet magħżula ż-żona;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar salvaġġi, ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.


3 – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitats naturali tal-fawna u l-flora salvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.


4 – Jiġifieri l-Artikoli 5, 6, 7 u 8.


5 – Fil-ġurnata ta’ llum, wara emenda, l-Artikolu 174 KE.


6 –      Jiġifieri, bħala ŻPS.


7 – Li tiġi stabbilita d-data eżatta mhix ħaġa sempliċi daqskemm wieħed jassumi: is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C-166/97, (Estwarju tas-Seine) Ġabra 1999 p. I‑1719, punt 5, jirreferi biss għal Ġunju 1994. Fis-sentenzi Il-Kummissjoni v Il-Greċja C-329/96, Ġabra 1997 p. I-3749, fil-punt 2, u Ill-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-83/97, Ġabra p. I-7191, fil-punt 2, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ żmien kienet il-5 ta’ Ġunju 1994. SCADPlus, madankollu jindika l-10 ta’ Ġunju 1992 kemm bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u bħala l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri. Ara wkoll il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-418/04, attwalment pendenti, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55. Eur-Lex jirreferi għall-10 ta’ Ġunju 1992 bħala d-data tan-notifika u l-10 ta’ Ġunju 1994 bħala d-data ta’ traspożizzjoni.


8 – Ara http://www.ecologia.puglia.it/natura2000/ppggfg/tabfogg/9110008.htm.


9 – Annex I għad-Direttiva ta’ l-għasafar isejjaħ din l-ispeċi “Short-toed lark” iżda t-terminu “akbar” huwa miżjud hawnhekk biex jiddistingwi din l-ispeċi minn Calandrella rufescens (Lesser short-toed lark).


10 Anness I ġie emendat minn żmien għal żmien, iżda mhux b’mod li huwa materjali għal din il-kawża.


11 – Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tuża’ l-espressjoni ŻPS “Valloni e steppe pedegarganiche”, filwaqt li l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva habitat jirreferi kontinwament għal ŻSK. Madanakollu, kif indikajt, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva habitat jipprovdi espressament li n-network Natura 2000 “se jkun fiha” wkoll iż-ŻPS ikklassifikati mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar; u jirriżulta b’mod impliċitu mis-subparagrafu suċċessivi ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva habitat moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ l-istess Direttiva li ż-ŻPS magħżula skond id-Direttiva dwar l-Għasafar għandhom jiġu magħżula bħala jew ittrattati awtomatikament bħala ŻSK għall-applikazzjoni tad-Direttiva habitat.


12 – Ara, b’mod partikolari, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-154/85, Ġabra 1987, punt 6; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-299/01, Ġabra p. I-5899, punt 11; u Il-Kummissjoni vs Spanja, C-168/03, Ġabra p. I-8227, punt 24.


13 – Il-kontroreplika, li l-Italja ppreżentat wara estensjoni tat-terminu taż-żmien, għandha d-data tat-30 ta’ Mejju 2006. Din isservi purament bħala mezz biex tikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kopja ta’ l-(abbozz ta’) “Ftehim li jirregola r-relazzjonijiet bejn ir-Reġjun tal-Pulja – Settur ta’ l-Ekoloġija – u l-Komun tal-Manfredonja”. Il-kontroreplika tindika li l-Ftehim għandu jiġi approvat mill-kunsill tal-komun fil-31 ta’ Mejju 2006. B’hekk bl-ebda mod ma huwa ppreċiżat jekk l-abbozz ta’ ftehim effettivament ġie approvat u jekk daħalx fis-seħħ jew le.


14 – L-abbozz ta’ Ftehim jindika ċar li l-proġetti li diġà tlestew kellhom impatt negattiv fuq iż-ŻPS ta’ “Valloni e steppe Pedegarganiche” u, fi grad inqas, fuq żewġ żoni speciali (iż-żona proposta bħala ż-ŻSK “Zone umide della Capitanata’ u ż-ŻPS” “Palude di Frattarolo”. L-Italja ma tressaq l-ebda spjegazzjoni oħra fil-kontroreplika tagħha dwar kif preċisament il-Ftehim (li huwa miktub f’termini ġenerali ħafna) jsita’ jirrimedja d-danni diġà kkawżati jew kif jipprevjeni kwalunkwe dannu fil-futur.


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni v L-Irlanda, C-183/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17; u s-sentenza Il-Kummissjoni v L-Iżvezja, C-104/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra I-0000, punt 28.


16 – Sentenza Il-Kummissjoni v Spanja, C-355/90, Ġabra 1993 p. I-4221, punt 26, u s-sentenza Royal Society for the Protection of Birds, C-44/95, Ġabra 1996 p. I-3805, punt 26.


17 – Sentenza Il-Kummissjoni v L-Olanda, C-3/96, Ġabra 1998 p. I-3031, punt 70.


18 – Id-diffikultajiet biex tiġi stabbilita d-data preċiża tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva habitat huma spjegati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 hawn fuq.


19 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C-374/98, Ġabra 2000 p. I-10799, punti 44 sa 47.


20 – Fis-6 ta’ Frar 2007 il-Qorti tal-Ġustizzja kitbet lill-partijiet u stednithom jispjegaw il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitat sat-2 ta’ Marzu 2007. B’ittra ta’ l-14 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni ċaħdet l-istedina tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn indikatilha li kienet qed teżamina l-possibbiltà li tirtira t-talbiet tagħha taħt l-Artikoli 6(3) u (4) u li fi ftit żmien ieħor kienet ser tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-deċiżjoni finali tagħha dwar il-kwistjoni. L-Italja wieġbet b’ittra ta’ l-20 ta’ Frar 2007. Mit-30 ta’ April 2007, meta dawn il-konklużjonijiet ġew iffinalizzati, l-ebda komunikazzjoni oħra mill-Kummissjoni ma kienet waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja.


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 44 sa 47; ara l-punt 41 hawn fuq.


22 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-209/04, Ġabra 2006 p. I-2755, punti 53 sa 62.