KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 2006 1(1)

Kawża C‑342/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika tal-Finlandja

“Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Kaċċa għal-lupu”





I –    Daħla

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tal-konvivenza bejn is-soċjetajiet Ewropej moderni u l-annimali predaturi, bħalissa kważi estinti kullimkien fl-Ewropa.

2.        Il-Kummissjoni qed tikkontesta l-prassi amministrattiva Finlandiża fil-materja ta’ l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa ta’ l-ilpup (Canis lupus). Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”)(2), fost l-oħrajn tipprojbixxi l-qtil u l-qbid intenzjonali ta’ l-ilpup minbarra miż-żona Finlandiża tal-protezzjoni tar-renni. Madankollu, l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat jippermetti, taħt kundizzjonijiet partikolari, deroga għal din il-projbizzjoni. L-applikazzjoni fil-prattika ta’ l-Artikolu 16 sallum ma kinitx is-suġġett ta’ ġurisprudenza.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitat

3.        L-għanijiet tad-Direttiva dwar il-habitat jirriżultaw mill-Artikolu 2:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi mħarsa l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali”.

4.        Il-projbizzjonijiet rilevanti, imposti biex tiġi mħarsa l-ispeċi, jinsabu fl-Artikolu 12(1)(a):

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)      l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(…)”.

5.        Il-lupu jissemma fl-Anness IV, punt. a), f’dan il-kliem:

Canis lupus [ħlief il-popolazzjonijiet (…) finlandiżi ġewwa ż-żona tal-ġestjoni tar-renni ddefinita fil-paragrafu 2 tal-Liġi Finlandiża Nru 848/90, ta’ l-14 ta’ Settembru 1990, dwar il-ġestjoni tar-renni]”.

6.        L-Artikolu 16(1), tad-Direttiva dwar il-habitat tindika taħt liema kundizzjonijiet huma ammessi d-derogi:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15 (a) u (b):

a)      fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

b)      biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

c)      fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċji ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

d)       għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

e)      biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti”.

7.        L-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi huwa ddefinit fl-Artikolu 1(i), tad-Direttiva dwar il-habitat, b’dan il-mod:

“i)      l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies ‘favorevoli’ meta

–      l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjonijiet konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnfisha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha, u

–      il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibili, u

–      hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed bix iżomm il-popolazzjonijiet tagħha fit-tul”.

B –    Il-leġiżlazzjoni Finlandiża

8.        Skond dak li rrefera għalih il-Gvern Finlandiż u li ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni, l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva dwar il-habitat ġew trasposti kważi kelma b’kelma fil-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar il-kaċċa(3).

9.        Madankollu, għall-awtorizzazzjoni tal-qtil tal-lupi huma previsti aktar dispożizzjonijiet(4). Il-kaċċa ta’ l-ilpup għandha tiġi awtorizzata każ b’każ mid-distrett tal-kaċċa kompetenti. Il-limiti reġjonali massimi tal-kaċċa, jiġifieri n-numru massimu ta’ lpup li jistgħu jiġu kkaċċjati fid-distretti singoli matul l-istaġun tal-kaċċa li huwa mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Marzu, huma minflok iffissati mill-Ministeru għall-Agrikultura u l-Foresti. Il-limitu massimu huwa ffissat b’tali mod li meta jintlaħaq, dan ma jqiegħidx fil-periklu l-popolazzjoni tal-lpup preżenti f’distrett wieħed. Għal dan l-għan titqies il-konoxxenza kollha dwar il-mortalità tal-lupi, b’mod partikolari dik dovuta minn inċidenti tat-toroq jew attivitajiet tal-bniedem.

10.      Għall-awtorizzazzjoni konkreta tal-kaċċa, id-distretti tal-kaċċa għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu ma’ l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat. Barra minn dan, sabiex jivverifikaw l-eventwali eżawriment tal-limitu massimu tal-kaċċa, għandhom iqisu l-informazzjoni konkretament disponibbli dwar il-mewt ta’ l-ilpup ġewwa d-distrett rispettiv. Il-limitu massimu jista’ jinqabeż biss taħt il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 16(1), u jeħtieġ awtorizzazzjoni Ministerjali speċjali.

11.      Il-pulizija wkoll, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jistgħu joqtlu l-annimali. Iżda wkoll f’din l-ipoteżi, għandu jiġi applikat l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat.

III – Il-fażi prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

12.      Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni ta’ l-10 ta’ April 2001. Wara r-risposta tal-Finlandja, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni kkomunikat opinjoni motivata fl-4 ta’ Lulju 2002. Il-Finlandja rrispondiet b’ittra tat-28 ta’ Awwissu 2002.

13.      Minkejja dan il-Kummissjoni kkunsidrat li kien għad hemm ksur tad-dritt Komunitarju u ressqet dan ir-rikors fit-12 ta’ Settembru 2005.

14.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li r-Repubblika Finlandiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 12(1) u 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, billi regolarment awtorizzat il-kaċċa għal-lupu mingħajr ma rrispettat id-dispożizzjonijiet ta’ deroga stabbiliti mill-Artikolu 16(1) ta’ l-imsemmija Direttiva;

–        tordna lir-Repubblika Finlandiża tbati l-ispejjeż.

15.      Ir-Repubblika Finlandiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

IV – L-evalwazzjoni ġuridika

16.      B’dan ir-rikors il-Kummissjoni ma tikkontesta la l-leġiżlazzjoni Finlandiża u lanqas każijiet uniċi ta’ qtil ta’ l-ilpup, iżda l-prassi amministrattiva ta’ l-awtoritajiet Finlandiżi. Dan huwa possibbli sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jkun riżultat ta’ l-eżistenza ta’ prassi amministrativa li tmur kontra d-dritt Komunitarju, anke jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ hija min-natura tagħha kompatibbli ma’ dan id-dritt(5).

17.      Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li turi dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu permezz ta’ prova suffiċjentement dokumentata u ddettaljata tal-prassi allegata fil-konfront ta’ l-amministrazzjoni u attribwibbli lill-Istat Membru in kwistjoni(6). Jeħtieġ li tali prassi amministrattiva tippreżenta ċertu grad ta’ kostanza u ta’ ġeneralità(7).

18.      Il-Finlandja korrettament tosserva li l-eżistenza ta’ eventwali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt Komunitarju għandha tiġi evalwata b’referenza għad-data ta’ skadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u, għalhekk, f’dan il-każ, fl-4 ta’ Settembru 2002. Madankollu, kontra dak li ssostni l-Finlandja, biex tintwera prassi amministrativa persistenti wieħed jista’ jirreferi wkoll għal azzjonijiet li seħħew wara li skada l-imsemmi terminu(8).

19.      Il-partijiet jaqblu li l-awtoritajiet Finlandiżi kull sena jawtorizzaw il-kaċċa ta’ l-ilpup barra miż-żona tal-protezzjoni tar-renni(9). B’hekk jirriżulta li teżisti prassi amministrattiva kostanti. Din il-prassi hija kompatibbli mad-Direttiva dwar il-habitat biss jekk jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 16(1).

20.      Minħabba li hija dispożizzjoni derogatorja għal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni ta’ l-ispeċi, fil-każ ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat – bħal ma jseħħ fil-każ ta’ l-Artikolu 6(4) ta’ l-istess Direttiva dwar il-habitat(10) u fil-każ ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar(11) – l-oneru tal-prova ta’ l-eżistenza tar-rekwiżiti stabbiliti għal kull deroga jaqa’ fuq l-awtorità li tiddeċiedi dwar il-mertu(12). Għall-għanijiet ta’¯ din il-kawża dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan ifisser li bħala prinċipju hija l-Finlandja li għandha tressaq il-prova tal-ġustifikazzjoni tal-qtil ta’ l-ilpup.

21.      Madankollu, meta s-suġġett ta’ kontroversja hija prassi amministrattiva, l-oneru tal-prova ma jistax ikun tali li jimponi fuq l-Istat Membru li juri mingħajr dubju għal kull każ jew ukoll għal numru kbir ta’ każijiet eżemplari li jeżistu r-rekwiżiti kollha li għalihom hija suġġetta d-deroga. Minflok huwa biżżejjed li jintwera – kif fil-fatt tagħmel il-Finlandja f’dan il-każ – is-sistema ta’ applikazzjoni tad-derogi kollha kemm hi.

22.      Jekk is-sistema hekk deskritta tirriżulta li hija konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, ikun obbligu tal-Kummissjoni li turi għaliex il-prassi ta’ l-Istat Membru in kwistjoni tikser, minkejja dan, id-dritt Komunitarju. Għal dan l-iskop il-Kummissjoni tista’ kemm tikkontesta b’mod astratt dawk l-aspetti tas-sistema deskritta jew tista’ tressaq ilmenti konkreti f’numru biżżejjed ta każijiet partikolari. Il-Kummissjoni għandha tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar dawn il-każijiet koncreti billi titlobhom mingħand l-Istat Membru kkonċernat(13) jew billi tiksibhom mingħand ħaddieħor.

23.      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jixbah lill-Artikolu 6(4) ta’ l-istess Direttiva, kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, mhux biss fir-rigward ta’ l-oneru tal-prova, iżda wkoll fir-rigward tal-kontenut. Id-dispożizzjonijiet kollha msemmija, fil-fatt, jiffissaw bi preċiżjoni l-kundizzjonijiet li skond dawn l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-obbligi fid-Direttiva u għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati b’mod restrittiv(14).

24.      Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet derogatorji huma espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità(15). Dan il-prinċipju, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, jeżiġi li l-atti adottati m’għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li hu xieraq u meħtieġ għat-twettiq ta’ l-obbjettivi leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, salv għall-fatt illi, meta l-għażla tkun bejn diversi miżuri xierqa, ikun opportun li wieħed jirrikorri għal dik li tkun l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkaġunati m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ l-iskopijiet ikkontemplati(16).

25.      Il-ħtieġa ta’ din l-interpretazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mir-rabta bejn il-motivi għad-deroga, imsemmija fl-Artikolu 16(1) (a) sa (e) tad-Direttiva dwar il-habitat, u l-eżaminazzjoni ta’ l-alternattivi, jiġifieri l-eżaminazzjoni ta’ soluzzjonijiet validi oħra. Il-preżenza ta’ l-alternattivi tiddependi, fil-fatt mill-għanijiet segwiti minn kull miżura każ b’każ.

26.      Konsegwentement, l-ewwel nett hemm bżonn li jiġi identifikat l-għan tal-miżura. Dan l-għan jista’ jiġġustifika l-miżura biss jekk jista’ jiġi attribwit għall-inqas għal waħda mill-motivi tad-deroga, jiġifieri biss jekk il-miżura hija xierqa biex jinkiseb wieħed mill-għanijiet hemm imsemmija. Iżda wkoll meta attribuzzjoni bħal din tirriżulta possibbli, il-miżura xorta ma tistax tiġi eżegwita jekk l-għan tagħha jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas dannużi, jiġifieri permezz ta’ soluzzjoni oħra valida skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva(17).

27.      Madankollu soluzzjoni oħra titqies valida, mhux biss meta wkoll tikseb l-għanijiet tad-deroga, iżda wkoll meta l-iżvantaġġi kkawżati mid-deroga jirriżultaw sproporzjonati fir-rigward ta’ l-għanijiet segwiti, filwaqt li s-soluzzjoni l-oħra tiżgura proporzjon adegwat. L-aspett deċiżiv ta’ l-eżami ta’ proporzjonalità jikkonsisti proprju f’dan: fl-hekk imsejħa adegwatezza jew proporzjonalità fis-sens ristrett(18).

28.      Dwar il-motivi li jistgħu jiġġustifikaw il-previżjoni ta’ deroga, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni skond liema l-qtil ta’ l-ilpup fil-Finlandja jiġi awtorizzat għal raġunijiet ta’ prevenzjoni skond l-Artikolu 16(1)(b), jiġifieri biex jiġu evitati ħsarat. Skond il-Kummissjoni, fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din id-deroga tippresupponi l-verifika minn qabel ta’ ħsarat gravi. F’dan is-sens il-Kummissjoni tfakkar sentenza skond liema biex ikun hemm deroga għas-sistema ġenerali tal-protezzjoni, skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li huwa analogu, hija meħtieġa l-preżenza ta’ ħsarat ta’ ċerta gravità(19).

29.      Madankollu, il-Finlandja tirrispondi għall-kritika fuq il-qtil preventiv ta’ l-ilpup billi tosserva korrettament li l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva dwar il-habitat – bħal fil-każ tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar – fuq bażi ta’ l-istess kontenut letterali jimmira lejn il-prevenzjoni tal-ħsarat. Li jkun meħtieġ li wieħed jistenna li jseħħ dannu qabel ma tiġi adottata miżura jmur manifestament kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

30.      Din l-interpretazzjoni mhijiex kuntrarja għas-sentenza mfakkra mill-Kummissjoni. Il-passaġġ iċċitat minn dik il-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fil-fatt, ma kienx jirrigwarda l-prevenzjoni, iżda kien jitratta l-kwistjoni jekk jistgħux jiġu adottati miżuri biss biex jevitaw minn qabel ħsarat serji jew ukoll fil-każ ta’ ħsara ta’ natura ħafifa.

31.      Indipendentement mill-possibbiltà li tiġi applikata bħala prinċipju d-deroga fl-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva dwar il-habitat, għall-miżuri tal-prevenzjoni, wieħed irid jistaqsi taħt liema kundizzjonijiet il-qtil ta’ l-ilpup huwa xieraq biex jipprevjeni d-danni, meta jeżistu metodi alternattivi ta’ inqas dannu u, fl-aħħar nett, jekk l-għan tal-prevenzjoni għandux relazzjoni xierqa ma’ l-interess tal-konservazzjoni ta’ l-ilpup individwali.

32.      Dawn it-tliet punti jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fejn il-Kummissjoni tispeċifika b’mod biżżejjed konkret il-kritika tagħha dwar il-prassi tal-Finlandja. Dan isir esklużivament fir-rigward ta’ kritika skond liema l-awtoritajiet Finlandiżi ma jagħtux il-liċenzji tal-kaċċa biex jinqatlu ċerti lpup partikolari li jikkawżaw il-ħsara, iżda jawtorizzaw każ b’każ fl-astratt, il-qtil ta’ numru determinat ta’ lpup. B’din il-kritika l-Kummissjoni tqajjem dubju dwar kemm huma xierqa l-miżuri ta’ qtil għall-prevenzjoni tal-ħsarat, kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ mod ieħor inqas aħrax. Minn naħa waħda, fil-fatt, jidher li hemm dubju dwar kemm jistgħu jiġu pprevenuti ħsarat billi jinqatlu l-ilpup b’mod mhux diskriminatorju, minflok issir konċentrazzjoni biss fuq l-annimali li jikkawżaw ħsarat biss. Min-naħa l-oħra, jista’ forsi jinkiseb l-istess effett preventiv billi l-kaċċa tiġi limitata għal dawk il-ftit ilpup partikolari li jikkawżaw id-danni.

33.      F’dan ir-rigward hemm bżonn li l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-kritika tal-Kummissjoni ma tolqotx il-kwistjoni fil-parti fejn hija tirreferi għal-limiti massimi tal-kaċċa, iffissata mill-Ministeru kompetenti għad-distretti tal-kaċċa partikolari. Fuq bażi ta’ dak li jirreferi għalih il-Gvern Finlandiż mingħajr ma jiġi kkontradett dwar il-punt, fil-fatt, dawn il-limiti massimi jistabbilixxu biss il-limiti li fihom id-distretti tal-kaċċa jistgħu jagħtu l-liċenzji għall-kaċċa, f’każ fejn huma sodisfatti wkoll il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. Għalhekk dawn jikkostitwixxu mezz biex jiġi evitat li l-kaċca tagħmel ħsara eċċessiva għall-istat tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi.

34.      Fir-rigward tal-liċenzji individwali tal-kaċċa, il-Finlandja ssostni li l-liċenzja tal-qtil f’kull każ tiġi referita għal ilpup partikolari meta dawn jistgħu jiġu identifikati. Skond il-Finlandja, fil-fatt, id-distretti tal-kaċċa jiġu infurmati dwar is-sitwazzjoni lokali u, b’kollaborazzjoni mar-Riista‑ja kalatalouden tutkimuslaitos (RKTL – Istitut tar-riċerka dwar il-kaċċa u s-sajd), jiggarantixxu l-qtil ta’ l-annimali t-tajba.

35.      Minbarra din l-ipoteżi, madankollu, fil-każijiet l-oħrajn, il-kaċċa, ukoll fuq bażi ta’ dak imsemmi mill-Gvern Finlandiż, tiġi awtorizzata billi jiġu identifikati għadd determinat ta’ annimali li jistgħu jinqatlu f’kull distrett tal-kaċċa. Għal dan l-iskop il-Finlandja – għall-ewwel darba fil-kontroreplika – issostni l-argument skond liema, fil-każ ta’ annimal li jgħix fi gruppi bħal-lupu, ma jkunx possibbli li l-liċenzja ta’ qtil tiġi limitata għal ilpup partikolari. Mill-perspettiva prattika jkun ukoll in parte impossibbli li jiġu individwalizzati l-ilpup bħala dawk li jkunu kkawżaw il-ħsara meta dawn ikunu ħsarat ikkawżati minn grupp.

36.      Dan l-argument tal-Finlandja, madankollu, ma jiċċarax b’liema mod il-liċenzji ta’ qtil li ma jirreferux għal ilpup partikolari jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu evitati ħsarat serji, jiġifieri ma jiċċarax jekk din il-prassi hijiex minnha nfisha adegwata biex jintlaħaq l-għan. Fl-Amerika ta’ Fuq kellha titnaqqas il-popolazzjoni tal-lupi b’modnotevoli għal żmien twil qabel ma kien hemm tnaqqis fit-telf ta’ annimali selvaġġi (20). Ma jistax jiġi eskluż li dan jgħodd ukoll għad-danni lill-annimali domestiċi. Madankollu l-Finlandja tiddefendi ruħha billi tosserva li l-popolazzjoni ta’ l-ilpup żdiedet minkejja l-kaċċa tagħhom – għalhekk it-tnaqqis tal-ħsarat jidher improbabbli.

37.      Bl-istess mod ikunu possibbli l-liċenzji li jippermettu biss id-difiża immedjata minn attakki konkreti, per eżempju kontra l-klieb jew in-ngħaġ. Iżda jonqos kwalunkwe appoġġ biex tiġi sostnuta din l-ipoteżi.

38.      Tingħata spjegazzjoni oħra mill-pjan ta’¯ amministrazzjoni, imdaħħal fl-atti mill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dan il-pjan, fil-fatt, il-kaċċa ta’ l-ilpup isservi biex iżżomm ħajja l-biża’ tagħhom mill-bnedmin. Minħabba din il-biża’, l-ilpup jevitaw lill-bnedmin u fejn jgħixu u jkollhom inqas okkażjonijiet biex joqtlu l-annimali domestiċi jew li jqiegħdu lill-persuni fil-periklu(21). Il-kaċċa li ssegwi dan l-għan tista’ tkun parti mill-prevenzjoni tal-ħsarat skond l-Artikolu 16(1)(b), tad-Direttiva dwar il-habitat.

39.      Ukoll jekk huwa veru li l-ilpup jibżgħu ħafna, il-ħsarat ikkawżati minnhom, madankollu, juru li huma ma jevitawx lill-bnedmin għal kollox. Mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar il-kumpens tal-ħsarat ikkawżati mill-ilpup jirriżulta li mill-2000 sal-2003 l-ilpup qatlu, f’kull sena, bejn 23 u 135 nagħġa, bejn 1 u 9 bhejjem, bejn 270 u 561 renni, kif ukoll bejn 20 u 31 kelb. Mill-inqas fil-każ tan-ngħaġ u tar-renni tista’ tiġi nnotata tendenza lejn żieda(22). Jekk tassew issir il-kaċċa għal-gruppi li l-aktar joqorbu lejn il-bniedem, u li jikkaġunaw l-akbar ħsarat(23), jidher plawżibbli li dawn b’konsegwenza jbidlu d-drawwiet tagħhom, u fil-futur iżommu aktar ’il bogħod mill-bnedmin.

40.      Fuq bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, madankollu, l-anqas dan l-argument ma jista jiġġustifika l-awtorizzazzjoni tal-qtil b’mod mhux diskriminatorju ta’ numru partikolari ta’ lpup. Pjuttost din ikollha bżonn ta’ bażi xjentifika qabel ma tkun tista’ tingħata. Fil-fatt ikun meħtieġ li fuq livell xjentifiku jiġu ċċarati mhux biss il-limiti li fihom il-kaċċa hija fiha nfisha xierqa biex iżżomm fl-ilpup din il-biża’, iżda wkoll li l-mod kif din tipproduċi effett sabiex issir l-inqas ħsara possibbli għall-popolazzjoni ta’ l-ilpup, filwaqt li jiġi ppreċiżat, per eżempju, jekk, u eventwalment taħt liema kundizzjonijiet, għandhomx jinqatlu biss l-ilpup anzjani tal-grupp, jew biss iż-żgħar jew inkella l-grupp kollu. Minbarra dan, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, minflok ma l-lupi jinqatlu, ikunux biżżejjed miżuri oħrajn, bħal dawk proposti mill-Kummissjoni, li per eżempju jikkonsistu fl-għeluq ta’ bhejjem fi stalel jew ġewwa ċnut adegwati, jew l-użu ta’ fwejjaħ jew mezzi oħra sabiex iżommu l-ilpup il-bogħod, jew il-kumpens għal ħsarat.

41.      Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jissuġġetta kull deroga għad-dispożizzjonijiet rigorużi dwar il-ħarsien iffissati mill-Artikolu 12 għall-kundizzjoni ulterjuri li d-deroga eventwali ma tippreġudikax iż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi in kwistjoni fiż-żona tal-firxa naturali tagħhom.

42.      L-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat jiddefinixxi l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi bħala “favorevoli” taħt tliet rekwiżiti. It-tieni u t-tielet rekwiżiti jirreferu għall-firxa naturali u għall-habitat ta’ l-ispeċi. F’din il-proċedura ma tqajmux dubji dwar il-fatt li dawn iż-żewġ rekwiżiti huma rrispettati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

43.      Iżda hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-ewwel rekwiżit ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, jiġifieri jekk l-informazzjoni dwar l-andament tal-popolazzjonijiet tal-lupi tindikax li din l-ispeċi għadha u tista’ tibqa’ fit-tul element vitali tal-habitat naturali li hija parti minnu.

44.      M’hemmx dubju li fl-aħħar snin il-popolazzjoni Finlandiża ta’ l-ilpup żdiedet b’mod notevoli u li deċiżament żdiedet ukoll mill-aspett ġeografiku. Għalhekk, minkejja l-liċenzji ta’ qtil, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi fil-kumpless tiegħu ma marx lura iżda anzi mar għall-aħjar. Wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni, skond dak li jsostni l-Gvern Finlandiż, li l-popolazzjoni ta’ l-ilpup fil-Finlandja tilħaq ir-rekwiżiti ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

45.      Minkejja dan il-Kummissjoni hija tal-fehma li matul il-fażi prekontenzjuża u ma’ l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata tagħha, jiġifieri fl-4 ta’ Settembru 2002, il-lupu fil-Finlandja ma kienx jinsab fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Il-Kummissjoni tibbaża din l-opinjoni fuq studju li, fuq il-bażi ta’ informazzjoni relatata tas-sena 1998, il-lupu kien wieħed mill-annimali fil-periklu fil-Finlandja, u dan wkoll abbażi tal-pjan Finlandiż dwar l-amministrazzjoni ta’ l-ilpup. Kif tenfasizza l-Finlandja, għall-finijiet ta’¯ din il-proċedura, l-istudju ċċitat jista’ jkollu biss rilevanza sekondarja, minħabba li hemm bżonn issir riferenza għad-data ta’ l-4 ta’ Settembru 2002. L-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni ta’ l-ilpup eżistenti f’din id-data huwa ddokumentat fil-pjan ta’ amministrazzjoni.

46.      Il-pjan ta’ amministrazzjoni jibda mill-presuppost li, meta wieħed iqis l-immigrazzjoni ta’ l-ilpup li ġejjin mill-popolazzjoni russokareljana, il-popolazzjoni Finlandiża ta’ l-ilpup minnha nfisha kkunsidrata, tista’ tikkostitwixxi element vitali fit-tul tal-habitat naturali proprju fil-Finlandja biss meta tinkludi għall-inqas għoxrin koppja li tista’ tirripproduċi (24). Madankollu, fis-sena rilevanti, jiġifieri l-2002, skond l-informazzjoni li hemm fil-pjan, kien hemm biss tnax-il koppja minn dawn u fis-snin ta’ qabel kien hemm saħansitra inqas minn hekk. Fl-2005 l-għadd ta’ koppji żdied għal sittax, b’hekk mingħajr ma ntlaħaq il-minimu ta’ popolazzjoni vitali fit-tul(25).

47.      Il-Finlandja tirrispondi lill-Kummissjoni li, sabiex jiġi evalwat jekk l-istat tal-konservazzjoni huwiex favorevoli, m’hemmx bżonn li ssir riferenza għall-kriterju ta’ l-għadd minimu ta’ lpup sabiex il-popolazzjoni tkun vitali, iżda għall-andament tal-popolazzjoni, li hija evidentament sodisfaċenti.

48.      Dan l-argument tal-Gvern Finlandiż ma tantx huwa konvinċenti, għaliex jikkontradixxi l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ amministrazzjoni tiegħu stess, li evidentement huma bbażati fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli. Minn dan jirriżulta li ma jistax jitqies favorevoli l-istat tal-konservazzjoni tal-lupu fil-Finlandja fiż-żmien tal-fatti.

49.      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Finlandja, għandu jiġi kkunsidrat li l-qtil ta’ lpup individwali kien ta’ dannu għall-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tagħhom. Il-fatt li l-popolazzjonijiet żdiedu minkejja l-qtil, fih innifsu ma jeskludix li l-qtil, meqjus individwalment, qabel kollox għamel agħar l-istat tal-konservazzjoni(26). Il-qtil ta’ lpup individwali li huma kapaċi li jirripproduċu mal-ewwel inaqqas in-numru ta’ koppji kapaċi li jirripproduċu, li huwa deċiżiv għall-istat tal-konservazzjoni. Iżda wkoll it-tnaqqis ta’ individwi li ma jirripproduċux ruħhom għandu effetti indiretti fuq l-għadd ta’ koppji kapaċi li jirripproduċu. Infatti, kieku dawn l-eżemplari komplew jgħixu, xi ħin jew ieħor kienu jitilqu mill-grupp tagħhom u probabbilment kienu jsibu xi sieħeb (27). Minħabba l-għadd limitat ta’ lpup fil-Finlandja, mingħajr il-qtil ta’ l-lpup l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni għalhekk kienet preżumibbilment titjieb aktar milli effettivament seħħ.

50.      Konsegwentament ma jistax jiġi affermat la li l-qtil ma ppreġudikax iż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjoni Finlandiża ta’ l-ilpup, u lanqas li din il-popolazzjoni ma sofrietx ħsara. Għaldaqstant ukoll għal din ir-raġuni, ġustifikazzjoni tal-kaċċa għal-lupu fiż-żmien li seħħew il-fatti ma setgħetx tkun kompatibbli mal-kontenut letterali ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat.

51.      Il-Gvern Finlandiż, madankollu, iqajjem il-kwistjoni leġittima jekk, fin-nuqqas ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat jirrikjedix l-esklużjoni ta’ kull ġustifikazzjoni għal miżura li, skond l-Artikolu 12 ta’ l-istess Direttiva, hija ta’ żvantaġġ għal speċi suġġetta għal ħarsien rigoruż. Dan ifisser li l-Istati Membri, qabel ma jkunu laħqu stat ta’ konservazzjoni favorevoli għall-ispeċi msemmija fl-Anness IV, ma jkunux jistgħu jippermettu waħda mill-ħsarat ipprojbiti skond l-Artikolu 12, u dan indipendentement mill-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mill-miżura in kwistjoni. Għal ħafna speċi suġġetti għal ħarsien rigoruż dan ikun ekwivalenti għal ħarsien assolut, mill-mument li ma jinsabux fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

52.      Minkejja dan, proprju fil-każ ta’ periklu immedjat għall-beni ta’ importanza primarja, bħal per eżempju l-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, għandu jkun possibbli li ssir deroga mill-projbizzonijiet immirati għall-ħarsien ta’ l-ispeċi, indipendentement mill-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi stess, kemm-il darba dan ikun l-uniku mod biex jiġi evitat il-periklu. Għalhekk, minkejja l-ħtieġa li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jiġi interpretat b’mod strett, hemm flessibbiltà tar-rekwiżiti mitluba sabiex tiġi ġġustifikata ħsara lill-ispeċi li jiġu sottoposti għal protezzjoni rigoruża. Kif tirrileva tajjeb il-Finlandja, dan huwa rikonoxxut, għall-inqas b’mod impliċitu, ukoll mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 12 u 16, ladarba f’dan id-dokument il-Kummissjoni, ukoll fil-każ ta’ stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli, ma teskludix li d-derogi jistgħu jiġu ġġustifikati(28).

53.      Din il-flessibbiltà ssib bażi wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-materja tal-ħarsien ta’ l-ambjent, diġà ammettiet li l-preżenza ta’ raġunijiet eċċezzjonali tista’ tiġġustifika d-dannu għall-partrimonju ambjentali taħt protezzjoni, ukoll meta dan ma jkunx possibbli fuq bażi tal-kontenut letterali tad-dispożizzjonijiet rilevanti(29). Dawn ir-raġunijiet għandhom jikkorrispondu għal interess ġenerali akbar minn dak li għalih jirrispondi l-għan ekoloġiku kkontemplat mid-Direttiva: f’dan il-każ kien ikkunsidrat il-protezzjoni tal-kosta u l-periklu ta’ għargħar(30). F’dan il-każ wieħed għandu jiftakar ukoll il-fatt li l-proġett in kwistjoni kellu riperkussjonijiet pożittivi konkreti għall-ispeċi ppreġudikati(31).

54.      Fil-prattika, din hija bħal fil-każ ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat, applikazzjoni tal-prinċjipu ta’ proporzjonalità, li madankollu, fir-rigward ta’ l-għanijiet possibbli tad-derogi, mhuwiex limitat għal-lista ta’ motivi tad-deroga li jinsabu fl-ittri (a) sa (e), u li, fuq kollox, mhijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-ispeċi tinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

55.      Iżda, f’dan il-każ lanqas flessibbiltà tar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 16 (1) tad-Direttiva dwar il-habitat ma tista’ jiġġustifika l-prassi Finlandiża. Minħabba li l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għal-lupu mhijiex limitata għal eżemplari individwali li l-qtil tagħhom hija meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ ħsarat, u minħabba li min-naħa l-oħra ma ġietx ipprovduta biżżejjed dokumentazzjoni xjentifika dwar l-effikaċità tagħha, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala raġunijiet eċċezzjonali bħala ġustifikazzjoni tal-kaċċa.

56.      Għaldaqstant ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ.

V –    Fuq l-ispejjeż

57.      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni rebħet u kienet għamlet it-talba, ir-Repubblika Finlandiża għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-kawża.

VI – Konklużjoni

58.      Fid-dawl ta’ dak hawn fuq espost, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)     Billi awtorizzat il-kaċċa għal-lupu mingħajr ma setgħet turi li kienu jeżistu l-kundizzjonijiet għal deroga skond l-Artikolu 16 (1) ta’ l-istess Direttiva, ir-Repubblika Finlandiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12(1) u 16 (1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

2)     Ir-Repubblika Finlandiża hija kkundannata tbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2  – ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.


3 – Id-dispożizzjonijiet huma riprodotti fil-pjan ta’ amministrazzjoni Finlandiż għall-protezzjoni ta’ l-ilpup, fuq http://www.mmm.fi/tiedoteliitteet/sudenhoitosuunnitelma.pdf, p. 20; verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ dan il-pjan tista’ tiġi kkonsultata fis-sit http://wwwb.mmm.fi/julkaisut/julkaisusarja/2005/MMMjulkaisu2005_11b.pdf, p. 20. Il-kwotazzjonijiet irripprodotti hawn taħt huma meħuda mill-verżjoni bl-Ingliż.


4 – Il-pjan ta’ protezzjoni (iċċitat fin-nota 3, p. 28 et seq).


5 – Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-441/02, Ġabra p. I-3449, punt 47, kif ukoll ir-referenzi ċċitati fiha)


6 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota 5, punt 49).


7 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota 5, punt 50, kif ukoll ir-referenzi ċċitati fiha).


8 – Sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-494/01, Ġabra p. I-3331, punti 37 u segwenti).


9 – F’dan ir-rigward, ara l-pjan ta’ amministrazzjoni Finlandiż (iċċitat fin-nota 3, p. 29).


10 – Fuq dan is-suġġett, ara l-konklużjonijiet li ppreżentajna fis-27 ta’ Ottubru 2005 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, C-209/04, Ġabra p. I-2755), fil-punt 68; kif ukoll il-konklużjonijiet li aħna ppreżentajna fis-27 ta’ April 2006 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, C-239/04, għadha ma ġietx ippubblikata), fil-punt 41, flimkien, ma’ kull darba, ir-referenzi li huma ċċitati fiha. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 40.


11 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-344/03, Ġabra p. I-11033, punti 36, 39, 42 u 60), u tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C-60/05 u segwenti, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).


12 – Għal din il-formulazzjoni fis-sentenza WWF Italia et (iċċitata fin-nota 11).


13 – Fuq dan il-punt, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota 8, punti 42 u segwenti).


14 – Ara, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 16(1), is-sentenza ta’ l-20 ta’ Ottobru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-6/04, Ġabra p. I‑9017, punt 25); għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 6(4), is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata fin-nota 10, punt 35), u, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, is-sentenza WWF Italia et (iċċitata fin-nota 11, punt 34).


15 – Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6 (4) tad-Direttiva dwar il-habitat, ara l-konklużjonijiet li aħna ppreżentajna fil-kawża C‑127/02, Landelijke Vereniging tot Behoud van de Waddenzee (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Ġabra p. I-7405), fil-punt 106, kif ukoll fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, iċċitata fin-nota 10, fil-punt 42.


16 – Is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk (C-96/03 u C-97/03, Ġabra p. I-1895, punt 47); tat-3 ta’ Lulju 2003, Lennox (C-220/01, Ġabra p. I-7091, punt 76); tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra paġ. I‑5659, punt 79); tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et (C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I‑2569, punt 62), u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81).


17 – Ara f’dan is-sens, l-eżami ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jippreżenta struttura simili, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Ligue royale pour la protection des oiseaux et (C-10/96, Ġabra p. I-6775, punti 16 u segwenti, u 24 u segwenti).


18 – Ara iktar ’il fuq, il-punt 24, kif ukoll ir-referenzi li huma ċċitati fih.


19 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-247/85, Ġabra p. 3029, punt 56).


20 – Commission on Life Sciences (CLS), Wolves, Bears and Their Prey in Alaska: Biological and Social Challenges in Wildlife Management (1997), p. 183 u segwenti (http://fermat.nat.edu/books/0309064058/html).


21 – Pjan ta’ amministrazzjoni (iċċitat fin-nota 3, p. 49).


22 – Pjan ta’ amministrazzjoni (iċċitat fin-nota 3, p. 17).


23 – Skond il-pjan ta’ amministrazzjoni (iċċitat fin-nota 3, p. 17), 10 % sa 20 % ta’ l-ilpup jikkawżaw 80 % tad-danni.


24 – Pjan ta’ ammnistrazzjoni (iċċitat fin-nota 3, p. 41 u 15 u segwenti).


25 – Pjan ta’ amministrazzjoni (iċċitat fin-nota 3, p. 9 u segwenti).


26 – Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/02, Ġabra p. I-1211, punt 27) u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (iċċitata fin-nota 10, punt 24).


27 – Ara l-pjan ta’ amministrazzjoni (iċċitat fin-nota 3, p. 11)


28 – Guidance document on the strict protection of animal species of community interest provided by the “Habitats” Directive 92/43/EEC, abbozz nru 5, April 2006, Taqsima III, punti 49 u segwenti, b’mod partikolari l-punt 54 (p. 63 et seq) (http://forum.europa.eu.int/Public/irc/env/species_protection/library?l=/commission_guidance&vm=detailed&sb=Title).


29 – Sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-57/89, Ġabra p. I-883, punt 21).


30 – Sentenza ċċitata fin-nota 29, punt 23.


31 – Sentenza ċċitata fin-nota 29, punt 25.