KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fil-11 ta’ Jannar 20071(1)

Kawża C‑325/05

Ismail Derin

vs

Landkreis Darmstadt-Dieburg

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (Il-Ġermanja)]

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-KEE u t-Turkija – L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Ċittadin Tork li għandu aktar minn 21 sena li mhuwiex aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu – Telf tad-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg u għal residenza – Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali – Trattament aktar favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri”





1.        Din il-proċedura preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni(2), tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ l-assoċjazzjoni bejn il-Komunità u r-Repubblika tat-Turkija(3). Dan l-artikolu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti jew għamel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru jibbenefika minn dritt ta’ aċċess għall-impjieg f’dan l-Istat u, bħala korollarju ta’ dan id-dritt, minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat.

2.        Il-qorti tar-rinviju tikkontesta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata fiż-żmien tad-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni lill-wild ta’ ħaddiem Tork kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jiġu ristretti.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005 Aydinli(4), li dawn id-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza jibqgħu japplikaw meta l-wild ta’ ħaddiem Tork ikollu aktar minn 21 sena u jkun jgħix għal rasu. Hija indikat ukoll li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu limitati f’żewġ sitwazzjonijiet biss: l-ewwel, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika u, it-tieni, meta l-benefiċjarju jħalli t-territorju ta’ l-imsemmi Stat għal perijodu sinjifikattiv u bla raġuni leġittima.

4.        Il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Ġermanja), sussegwentement għas-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq, tistaqsi prinċipalment jekk din il-ġurisprudenza, safejn tirrigwarda wild ta’ aktar minn 21 sena u li mhuwiex aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu, hijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali(5), li jipprovdi li r-Repubblika tat-Turkija, fl-oqsma koperti minn dan il-protokoll, ma tistax tibbenefika minn trattament aktar favorevoli minn dak li jirċievi Stat Membru taħt it-Trattat KE.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, sejrin nindikaw għaliex, fl-opinjoni tagħna, il-portata fiż-żmien tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork m’għandhiex tiġi ddeterminata b’referenza biss għall-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68(6), iżda għandha tiġi evalwata skond ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. Aħna sejrin nuru, sussegwentement, għaliex il-ġurisprudenza dwar il-portata tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork mhijiex kuntrarja, b’mod ġenerali, għall-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali. Aħna sejrin naraw, fl-aħħar, għaliex, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu limitati d-drittijiet ibbażati fuq l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 m’għandhiex bħala effett li tagħti drittijiet aktar wesgħin lil ċittadin Tork li jinsab fis-sitwazzjoni preċiża ta’ I. Derin minn dawk li kieku kien jibbenefika minnhom ħaddiem Komunitarju.

I –    Il-kuntest ġuridiku

6.        L-analiżi tad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Darmstadt teħtieġ li jiġi mfakkar il-kontenut tad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu d-drittijiet taċ-ċittadini Torok fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li huma rilevanti f’dan il-każ, kif ukoll il-portata tagħhom, kif ġiet ippreċiżata mill-ġurisprudenza.

A –    It-testi

7.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti jinsabu fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fil-Protokoll Addizzjonali u fid-Deċiżjoni Nru 1/80.

1.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

8.        L-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kif indikat fl-Artikolu 2(1) tiegħu, huwa li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Komunità u r-Repubblika tat-Turkija, billi jikkunsidra kompletament il-bżonn li jiġi assigurat l-iżvilupp aċċellerat ta’ l-ekonomija ta’ dan l-Istat kif ukoll it-titjib tal-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-poplu Tork.

9.        Sabiex jitwettqu dawn l-objettivi, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni pprovda għall-ħolqien progressiv ta’ unjoni doganali. Skond l-Artikolu 12 ta’ dan il-ftehim, il-partijiet qablu wkoll li jiksbu gradwalment il-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorji rispettivi tagħhom, billi jibbażaw ruħhom fuq l-Artikoli 48(7), 49(8) u 50(9) tat-Trattat KE. Huma ddeċidew ukoll li jeliminaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi jibbażaw ruħhom ukoll fuq id-dispożizzjonijiet rispettivi ta’ dan it-trattat.

10.      L-assoċjazzjoni tinkludi għal dan il-għan fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (Artikolu 3), fażi tranżitorja, li matulha għandhom jiġu assigurati l-implementazzjoni progressiva ta’ l-unjoni doganali kif ukoll l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (Artikolu 4), u fażi definittiva, ibbażata fuq l-unjoni doganali u li timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (Artikolu 5).

11.      Il-miżuri neċessarji għat-twettiq ta’ dawn l-objettivi huma adottati minn Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, kompost, minn naħa, minn membri tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew u, min-naħa l-oħra, minn membri tal-Gvern Tork. Dan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ b’hekk jadotta deċiżjonijiet fil-limiti tal-kompetenzi li huma attribwiti lilu u li jorbtu lill-partijiet kontraenti.

12.      Skond il-preambolu tiegħu u l-Artikolu 28 tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jiffaċilita l-eventwali adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-Komunità.

2.      Il-Protokoll Addizzjonali

13.      Il-Protokoll Addizzjonali jistabbilixxi l-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu tal-fażi tranżitorja ta’ l-assoċjazzjoni. Fit-Titolu II tiegħu huwa fih diversi artikoli dwar il-moviment tal-persuni u tas-servizzi.

14.      Huwa jipprovdi b’hekk, fl-Artikolu 36 tiegħu, li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija għandu jintlaħaq gradwalment skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn l-aħħar tat-tnax-il sena u tat-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi ftehim, skond il-modalitajiet stabbiliti mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

15.      Huwa jipprovdi wkoll, fl-Artikolu 59, li:

“Fl-oqsma koperti minn dan il-Protokoll, it-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil xulxin skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.      Id-Deċiżjoni Nru 1/80

16.      L-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80, skond it-tielet premessa tagħha, huwa li ttejjeb is-sitwazzjoni ġuridika tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom fil-qasam soċjali, fil-konfront tas-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 2/76, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1976.

17.      Din id-Deċiżjoni Nru 2/76 kienet ippreżentata bħala l-ewwel pass lejn l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u ta’ l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali. Hija kienet tipprevedi, favur il-ħaddiema, dritt progressiv ta’ aċċess għall-impjieg fl-Istat ospitanti kif ukoll, favur l-ulied ta’ dawn il-ħaddiema, id-dritt li jattendu għall-korsijiet ta’ tagħlim ġenerali f’dan l-Istat(10).

18.      Id-Deċiżjoni Nru 1/80 tiddefinixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, id-drittijiet tal-ħaddiem Tork fl-Istat Membru ospitanti u, fl-Artikolu 7 tagħha, id-drittijiet tal-membri tal-familja ta’ dan il-ħaddiem f’dan l-Istat.

19.      Id-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom natura progressiva skond iż-żmien li matulu l-ħaddiem eżerċita impjieg legali fl-Istat Membru ospitanti. L-Artikolu 6 jipprovdi kif ġej:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu ma’ l-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor ta’ l-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartiment tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru;

–        għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju ta’ l-għażla tiegħu.

2.     Il-vaganzi annwali u l-assenza mix-xogħol minħabba maternità, inċidenti fuq ix-xogħol jew minħabba perijodi qosra ta’ mard għandhom jitqiesu bħala perijodi ta’ impjieg legali. Il-perijodi ta’ qgħad involuntarju, debitament ikkonstatati mill-awtoritajiet kompetenti, u l-assenzi minħabba perijodi twal ta’ mard, filwaqt li ma jiġux assimilati ma’ perijodi ta’ impjieg legali m’għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet miksuba permezz tal-perijodu ta’ impjieg preċedenti.

[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20.      L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, min-naħa tiegħu, jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-membri tal-familja tal-ħaddiem li jkunu ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu f’dan l-Istat Membru ospitanti u li kienu residenti fih għal ċertu perijodu u, min-naħa l-oħra, l-ulied ta’ dan il-ħaddiem li kkompletaw taħriġ vokazzjonali fl-Istat Membru kkonċernat. Dan l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

–        għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn ta’ l-anqas tliet snin;

–        għandhom igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn ta’ l-anqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn ta’ l-anqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21.      L-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jiddefinixxi l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. L-Artikolu 14(1) jipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom jiġu applikabbli bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22.      Sal-lum, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma adotta l-ebda miżura sabiex jelimina progressivament ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

B –    Il-ġurisprudenza

23.      Il-portata tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork wasslu għal diversi sentenzi li l-prinċipji tagħhom li huma l-aktar rilevanti għal din il-kawża jistgħu jiġu mqassra kif ġej.

24.      Huwa kostanti, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel u tat-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, bħal dawk ta’ l-Artikolu 6(1) tagħha, għandhom effett dirett fl-Istati Membri. Għalhekk, iċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jinvokaw direttament id-drittijiet li dawn ta’ l-aħħar jagħtuhom(11).

25.      It-tieni nett, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg, previsti fiż-żewġ paragrafi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandhom żewġ aspetti.

26.      Minn naħa, il-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet huwa suġġett għal diversi kundizzjonijiet.

27.      L-ewwel nett, hija meħtieġa l-kwalità ta’ “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork. Dan il-kunċett għandu jiġi interpretat billi ssir referenza għall-interpretazzjoni ta’ l-istess kunċett li tinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità(12).

28.      It-tieni nett, id-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg, previsti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma suġġetti għall-kundizzjoni li l-membru tal-familja tal-ħaddiem Tork kellu residenza komuni mal-ħaddiem għal minn ta’ l-anqas tliet snin. Din il-kundizzjoni ta’ residenza komuni tissodisfa l-objettiv li tkun possibbli r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ dan il-ħaddiem fl-Istat ospitanti.

29.      Bl-istess mod, id-dritt ta’ aċċess għall-impjieg mogħti lill-wild ta’ ħaddiem Tork mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li dan il-ħaddiem legalment eżerċita impjieg fl-Istat Membru ospitanti matul tliet snin u li dan il-wild irċieva taħriġ vokazzjonali f’dan l-Istat.

30.      Min-naħa l-oħra, malli dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħtu lill-membri tal-familja tal-ħaddiem Tork drittijiet awtonomi ta’ aċċess għall-impjieg fl-Istat Membru ospitanti, li huma ntiżi sabiex jippermettulhom li jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom stess f’dan l-Istat(13) u li huma indipendenti miż-żamma ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

31.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt li dak li jkun iwieġeb għal offerta ta’ xogħol fl-Istat Membru ospitanti, dritt previst f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma jintemmx meta l-ħaddiem Tork, li minnu joħroġ dan id-dritt, ma jibqax jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat(14). Dan id-dritt jibqa’ applikabbli wara li dan il-ħaddiem jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Minn dan isegwi li l-benefiċċju ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet mhuwiex irriżervat għat-tfal minorenni jew għat-tfal li laħqu l-età tagħhom ta’ dan il-ħaddiem li jkunu għadhom dipendenti fuqu. Skond ġurisprudenza kostanti l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplikaw ukoll għat-tfal li laħqu l-età tagħhom ta’ dan il-ħaddiem li jgħixu għal rashom(15).

32.      Barra minn hekk, id-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg fl-Istat Membru ospitanti, mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet, jimplikaw l-eżistenza ta’ dritt konkomitanti ta’ residenza(16). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li, fin-nuqqas ta’ dan id-dritt ta’ residenza, dawn id-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg ikunu mċaħħda minn kull effett utli(17). Minn dan isegwi li, meta l-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa li joħorġu mill-ewwel jew fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sabiex iwieġeb għal kull offerta ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ma jkollhomx aktar il-fakultà li jadottaw miżuri dwar ir-residenza tal-persuna kkonċernata li jistgħu jippreġudikaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet li huma mogħtija direttament lilha mis-sistema ġuridika Komunitarja.

33.      Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza ppreċiżat f’liema kundizzjonijiet dawn id-drittijiet jistgħu jiġu limitati. Huma jistgħu jiġu limitati, minn naħa, meta l-persuna kkonċernata titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u bla raġuni leġittima(18). F’din is-sitwazzjoni, il-persuna kkonċernata titlef, bħala prinċipju, l-istatus ġuridiku li kienet kisbet bis-saħħa ta’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minħabba li tkun kisret hija stess ir-rabtiet li kienu jgħaqqduha ma’ dan l-Istat Membru.

34.      Huma jistgħu jiġu limitati wkoll, min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, meta l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi perikolu reali u serju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika(19). Il-portata ta’ l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tirċievi l-istess interpretazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 39(3) KE fir-rigward tal-ħaddiema li huma ċittadini Komunitarji, u li hija miktuba f’termini kważi identiċi. Minn dan isegwi li l-miżuri adottati dwar l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika għandhom jiġu bbażati fuq l-imġiba personali tal-persuna kkonċernata u li din l-imġiba għandha tikkostitwixxi theddida attwali għas-soċjetà(20).

35.      Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li fihom il-persuna kkonċernata tista’ titlef il-benefiċċju tad-drittijiet li hija għandha taħt l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ġew ippreżentati bħala li għandhom natura restrittiva. Tali preżentazzjoni ġiet adottata fis-sentenza Ergat, iċċitata aktar ’il fuq(21). Hija ġiet adottata ripetutament fis-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Cetinkaya, Aydinli u Torun, li fihom il-kwistjoni li qamet kienet dwar jekk il-persuna kkonċernata kinitx tilfet id-drittijiet li hija tgawdi taħt dan l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 wara kundanna kriminali.

36.      Għalhekk, fis-sentenza Cetinkaya, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat l-argument tal-Gvern Ġermaniż li dawn id-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza setgħu jintilfu wara kundanna għal piena ta’ priġunerija, segwita minn programm għall-kura mill-vizzju tad-droga, minħabba li, matul il-priġunerija tagħha u mbagħad matul dan il-programm, il-persuna kkonċernata ma kinitx baqgħet disponibbli għas-suq ta’ l-impjieg ta’ l-Istat Membru ospitanti.

37.      Hija ddeċidiet li, f’każ bħal dak li kellha quddiemha, il-persuna kkonċernata, sakemm ma tkunx telqet mit-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġuni leġittima, tista’ titlef id-drittijiet li hija tgawdi taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 biss b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14 ta’ din id-Deċiżjoni(22).

38.      In-natura restrittiva taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija ġiet ukoll ikkonfermata fis-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq, li għaliha tirreferi b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju.

39.      Is-Sur Aydinli huwa ċittadin Tork li, meta kellu ħmistax-il sena, ġie awtorizzat sabiex jingħaqad mal-ġenituri tiegħu fil-Ġermanja. Huwa kkompleta taħriġ vokazzjonali f’dan l-Istat Membru u kien impjegat hemmhekk ma’ l-istess prinċipal għal ħames snin. Huwa kellu permess ta’ residenza f’dan l-Istat għal żmien indeterminat.

40.      Peress li nstab ħati ta’ kummerċ illegali ta’ kwantità sostanzjali ta’ droga, huwa ġie arrestat, tpoġġa f’detenzjoni preventiva u ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija għal perijodu ta’ tliet snin, li minnhom tnaqqas il-perijodu li kien għamel f’detenzjoni preventiva.

41.      Wara li kien skonta parti mill-piena tiegħu, huwa bbenefika minn sospensjoni tas-sentenza sabiex isegwi programm għall-kura mill-vizzju tad-droga fuq żmien twil, programm li huwa spiċċa b’suċċess. Iż-żmien ta’ l-imsemmi programm tnaqqas mit-tul tal-piena mogħtija u l-kumplament tal-piena ġiet sospiża. Sa mit-tmiem tal-kura tiegħu, is-Sur Aydinli ħadem ma’ missieru fil-Ġermanja.

42.      L-awtoritajiet Ġermaniżi ordnaw it-tkeċċija immedjata tiegħu, skond il-liġi nazzjonali li tipprovdi li persuna barranija definittivament ikkundannata għal piena ta’ priġunerija ta’ minn ta’ l-anqas tliet snin, mingħajr sospensjoni tas-sentenza, minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar id-drogi, għandha titkeċċa b’mod obbligatorju.

43.      Il-qorti tar-rinviju kkonċernata, li quddiemha tressaq ir-rikors tas-Sur Aydinli kontra din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, għamlet diversi domandi preliminari intiżi sabiex jippermettulha li tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mad-Deċiżjoni Nru 1/80.

44.      Fis-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi ppreċiżat li s-sitwazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, minkejja li kien impjegat ma’ l-istess prinċipal għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, kellha tiġi analizzata bħala sitwazzjoni li taqa’ taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li tikkostitwixxi lex specialis favur il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork.

45.      Hija kkonfermat li d-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza, mogħtija minn din id-dispożizzjoni, huma indipendenti miċ-ċirkustanza li, fil-perijodu kontenzjuż, il-persuna kkonċernata hija persuna ta’ l-età tagħha u ma tgħix aktar f’komunità domestika mal-ġenituri tagħha, iżda tgħix għal rasha fl-Istat Membru kkonċernat(23).

46.      Hija kkonfermat ukoll li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu kkontestati mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ospitanti f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri meta l-preżenza ta’ l-immigrant Tork fit-territorju tagħhom tikkostitwixxi perikolu reali u serju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika, jew jekk il-persuna kkonċernata telqet mit-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġuni leġittima(24).

47.      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jippermettix li, wara kundanna għal piena ta’ priġunerija, anki waħda għal numru ta’ snin u inizjalment mogħtija mingħajr sospensjoni, segwita minn programm għall-kura mill-vizzju tad-droga għal żmien twil, id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti lil ċittadin Tork li jinsab fis-sitwazzjoni tas-Sur Aydinli jiġu limitati minħabba l-assenza fit-tul taċ-ċittadin mis-suq tax-xogħol.

48.      Hija osservat, f’dan ir-rigward, li l-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 jagħtu lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork dritt għall-impjieg, iżda ma jimponu fuqhom l-ebda obbligu li jeżerċitaw attività b’salarju, kif previst fl-Artikolu 6(1) ta’ l-istess deċiżjoni(25).

49.      Fis-sentenza Torun, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisprudenza li tipprovdi li, f’każ ta’ kundanna kriminali, id-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza mogħtija mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu limitati biss fiż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija kienet ukoll applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ l-ulied ta’ ħaddiema Torok koperti mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni(26).

50.      Fl-ebda waħda mis-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, ma saret referenza espressa għall-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

51.      Il-kawża prinċipali, li twassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkontesta l-ġurisprudenza msemmija aktar ’il fuq fir-rigward tal-limitu impost mill-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, tikkonċerna dan li ġej.

52.      I. Derin huwa ċittadin Tork li twieled fit-30 ta’ Settembru 1973. Fl-1982, huwa ngħaqad mal-ġenituri tiegħu fil-Ġermanja, fejn wettqu attività b’salarju, missieru mill-1980 sa l-1986 u ommu mill-1971 sa l-1995.

53.      I. Derin ġie edukat fil-Ġermanja, l-ewwel fi skola primarja mill-1982 sa l-1988, imbagħad fi skola professjonali mix-xahar ta’ Awwissu 1988 sax-xahar ta’ Lulju 1990. Huwa spiċċa l-edukazzjoni tiegħu fl-1991 billi kiseb il-“mittlere Reife” (ċertifikat ta’ edukazzjoni sekondarja ta’ livell medju inferjuri). F’Settembru 2001, huwa beda wkoll taħriġ bil-għan li jitħarreġ bħala xufier professjonali għat-trasport tal-merkanzija u ta’ persuni.

54.      Bejn l-1991 u l-2005, l-individwu kkonċernat okkupa diversi impjiegi kemm bħala impjegat ma’ diversi prinċipali, u kemm bħala ħaddiem għal rasu. It-tul ta’ l-attività tiegħu fis-servizz ta’ l-istess prinċipal kien dejjem anqas minn sena. Fix-xahar ta’ Jannar 2005, huwa ġie impjegat mill-ġdid bħala ħaddiem b’salarju.

55.      Fl-1990, inħariġlu permess ta’ residenza fil-Ġermanja għal perijodu indeterminat. Matul il-ħarifa tas-sena 1994, huwa telaq mid-dar tal-ġenituri u stabbilixxa d-dar tiegħu. Il-mara tiegħu, li hija wkoll ċittadina Torka, ingħaqdet miegħu fi Frar 2002.

56.      I. Derin instab ħati ta’ numru ta’ fatti kriminali. Huwa ġie kkundannat għal pieni ta’ multi ta’ ġurnata fl-1994, fl-1996 u fl-1998 kif ukoll fi Frar u f’Awwissu 2002. Fit-13 ta’ Diċembru 2002, huwa ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn, tmien xhur u ġimagħtejn għal għajxien mill-introduzzjoni klandestina ta’ barranin fil-kuntest ta’ grupp organizzat.

57.      Fl-24 ta’ Novembru 2003, I. Derin kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija għal żmien indeterminat. L-appell tiegħu kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mir-Regierungspräsidium Darmstadt b’deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2004. Fil-5 ta’ Ottubru 2004 huwa ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Darmstadt.

58.      Din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tressaq rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’deċiżjoni mogħtija fis-17 ta’ Awwissu 2005 u, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Awwissu 2005.

III – Id-domandi preliminari

59.      Fid-deċiżjoni ta’ rinviju preliminari tagħha tas-17 ta’ Awwissu 2005, il-Verwaltungsgericht Darmstadt tikkonstata li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kontenzjuża ġiet adottata skond id-dritt nazzjonali. Hija tesprimi d-dubji tagħha, madankollu, dwar il-konformità ta’ din id-deċiżjoni mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

60.      Hija tindika li I. Derin, li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ma setax jitlef id-drittijiet mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet abbażi ta’ wieħed jew l-ieħor miż-żewġ raġunijiet aċċettati mill-ġurisprudenza. Hija tispjega, f’dan ir-rigward, li l-persuna kkonċernata ma telqitx mit-territorju Ġermaniż għal perijodu twil u bla raġuni leġittima. Hija tindika wkoll li I. Derin lanqas ma jirrappreżenta theddida attwali għall-ordni pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Hija tistaqsi madankollu jekk dawn iż-żewġ raġunijiet humiex eżawrjenti.

61.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li, fid-deċiżjoni ta’ rinviju preliminari tagħha tas-17 ta’ Awwissu 2005, il-Verwaltungsgericht Darmstadt staqsiet, l-ewwel nett, jekk ċittadin Tork li ngħaqad mal-ġenituri tiegħu fil-Ġermanja jitlifx id-dritt ta’ residenza li għandu taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta, wara li huwa ma baqax jgħix mal-ġenituri tiegħu u ma jibqax dipendenti fuqhom, minbarra l-każ imsemmi mill-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni u barra mis-sitwazzjoni fejn huwa jkun telaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u bla raġuni leġittima.

62.      It-tieni nett, hija għamlet id-domanda segwenti, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

“Dan iċ-ċittadin Tork ikompli – minkejja t-telf tad-drittijiet li huwa għandu taħt [it-tieni] inċiż ta’ [l-ewwel subparagrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] – jibbenefika mill-protezzjoni speċjali li jagħtih l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, meta, wara li waqaf jgħix taħt l-istess saqaf bħall-ġenituri tiegħu, ġie impjegat b’mod mhux kontinwu, bla ma akkwista fil-kwalità ta’ impjegat il-benefiċċju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u billi eżerċita attività indipendenti b’mod esklużiv fuq perijodu ta’ diversi snin?”

63.      Fil-21 ta’ Settembru 2005, il-Verwaltungsgericht Darmstadt, wara li saret taf bis-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq, issostitwixxiet l-ewwel domanda preliminari tagħha bid-domanda segwenti:

“Huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 59 tal-[Protokoll Addizzjonali] li ċittadin Tork, li daħal bħala wild fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, ma jitlifx id-dritt ta’ residenza korollarju għad-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu li huwa għandu taħt [it-tieni] inċiż ta’ [l-ewwel subparagrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] – ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv, bla raġunijiet leġittimi – anki meta ma jgħix aktar mal-ġenituri tiegħu, wara l-età ta’ 21 sena u meta l-ġenituri tiegħu ma jattendux aktar għall-bżonnijiet tiegħu?”

64.      Hija talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi, jekk ikun il-każ, għat-tieni domanda preliminari magħmula fid-deċiżjoni ta’ rinviju tas-17 ta’ Awwissu 2005.

65.      Fid-digriet ta’ rettifika tagħha tal-21 ta’ Settembru 2005, il-qorti tar-rinviju tispjega li hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza kkonfermata fis-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq, ma’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjoniali għar-raġunijiet segwenti.

66.      Skond din il-qorti, l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jimplika li l-ħaddiema Torok ma jibbenefikawx, taħt id-Deċiżjoni Nru 1/80, minn drittijiet aktar wesgħin minn dawk mogħtija liċ-ċittadini Komunitarji mit-Trattat. Issa, jekk jiġi aċċettat li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jista’ jintilef biss għaż-żewġ raġunijiet imsemmija fis-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq, ikun qiegħed jingħata trattament aktar favorevoli lill-membri tal-familja ta’ ċittadin Tork minn dak li t-Trattat jipprevedi favur il-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin Komunitarju.

67.      Il-Verwaltungsgericht Darmstadt tfakkar, f’dan ir-rigward, li, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, id-dritt ta’ l-ulied ta’ ħaddiem li huwa ċittadin Komunitarju li jinstallaw ruħhom miegħu huwa limitat fiż-żmien(27). Għalhekk, jekk id-dritt li jinvoka d-drittijiet mogħtija mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jiġi rikonoxxut li I. Derin meta huwa għandu 31 sena, meta ma jgħix aktar taħt l-istess saqaf tal-ġenituri tiegħu u meta mhuwiex aktar dipendenti fuqhom, ikun qiegħed jingħatalu drittijiet aktar milli għandu l-wild ta’ ċittadin Komunitarju f’din il-kwalità.

68.      Skond il-Verwaltungsgericht Darmstadt, m’hemmx lok, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-portata ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ulied ta’ ċittadini Komunitarji għandhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu ta’ persuni jew ta’ drittijiet oħra bbażati fuq dan id-dritt. Il-paragun bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet għandu jsir esklużivament fir-rigward tad-drittijiet mogħtija mill-kwalità ta’ “membru tal-familja”.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

69.      Il-Gvern Taljan u l-Gvern tar-Renju Unit għandhom dubji dwar jekk is-sitwazzjoni ta’ I. Derin taqax taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, kif tissupponi l-qorti tar-rinviju, jew inkella taħt it-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu.

70.      Huwa veru li s-sitwazzjoni ta’ I. Derin tista’ tiġi deskritta bħala li hija dik ta’ ċittadin Tork li, bħala wild ta’ kopja ta’ ħaddiema immigranti Torok li kienu jagħmlu parti mis-suq legali ta’ l-impjieg ta’ Stat Membru, ġie awtorizzat sabiex jingħaqad magħhom fit-territorju ta’ dan ta’ l-aħħar bl-iskop ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Hemm qbil ukoll li l-persuna kkonċernata għexet regolarment mal-ġenituri tagħha għal minn ta’ l-anqas ħames snin.

71.      I. Derin jissodisfa għalhekk il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefika mid-drittijiet ta’ aċċess liberu għall-impjieg u ta’ residenza mogħtija mit-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

72.      Madankollu, dawn il-gvernijiet, iqajmu l-kwistjoni ta’ jekk is-sitwazzjoni ta’ I. Derin taqax pjuttost taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ l-ulied tal-ħaddiema Torok li jirċievu taħriġ vokazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, minħabba li, skond l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-persuna kkonċernata, minn naħa, ġiet edukata fi skola professjonali mis-6 ta’ Awwissu 1988 sal-15 ta’ Lulju 1990 u, min-naħa l-oħra, bdiet taħriġ fis-sewqan tal-trakkijiet f’Settembru 2001.

73.      Il-kunċett ta’ “taħriġ vokazzjonali”, imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, mhuwiex iddefinit f’din id-deċiżjoni. Il-kontenut ta’ dan il-kunċett lanqas ma ġie ppreċiżat mill-Qorti. Madankollu, din ta’ l-aħħar indikat liema huwa l-objettiv tad-dispożizzjoni li dan il-kunċett jagħmel parti minnha. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżerva trattament partikolari għall-ulied tal-ħaddiem Tork, peress li huwa intiż sabiex jiffaċilità d-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol wara t-tlestija ta’ taħriġ vokazzjonali, bil-għan li, b’mod progressiv, jinkiseb il-moviment liberu tal-ħaddiema, skond l-objettiv ta’ din id-deċiżjoni(28).

74.      Fir-rigward ta’ dan l-objettiv, aħna ta’ l-opinjoni li l-kunċett ta’ “taħriġ vokazzjonali” msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat b’mod komparabbli għall-interpretazzjoni ta’ l-istess kunċett, imsemmi fl-Artikolu 150 KE, billi dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom objettivi komparabbli. Fil-fatt, l-Artikolu 150 KE jagħti lill-Komunità l-missjoni li tissupplementa l-azzjoni ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali sabiex, b’mod partikolari, tħaffef l-integrazzjoni u l-integrazzjoni professjonali mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

75.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “taħriġ professjonali” imsemmi fit-Trattat. B’hekk, skond il-ġurisprudenza, dan il-kunċett ikopri kull forma ta’ tagħlim li jipprepara għal kwalifika ta’ professjoni, xogħol jew impjieg speċifiku, jew li jagħti kompetenza partikolari sabiex tiġi eżerċitata tali professjoni, xogħol jew impjieg, irrispettivament mill-età u mil-livell ta’ taħriġ ta’ l-istudenti, u dan anki jekk il-programm ta’ tagħlim jinkludi parti ta’ edukazzjoni ġenerali(29).

76.      Hija l-qorti nazzjonali, li hija biss hija kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, li għandha tivverifika jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li spiċċat taħriġ vokazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, minħabba l-edukazzjoni tagħha fi skola professjonali mis-6 ta’ Awwissu 1988 sal-15 ta’ Lulju 1990 jew minħabba t-taħriġ tagħha fis-sewqan tat-trakkijiet mix-xahar ta’ Settembru 2001.

77.      Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk il-persuna kkonċernata taqax taħt l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 mhijiex rilevanti għall-eżami ta’ l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

78.      Aħna rajna, fil-fatt, li, għalkemm iż-żewġ subparagrafi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma parzjalment differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom, id-drittijiet li huma jagħtu lill-wild ta’ ħaddiem Tork, fil-parti essenzjali tagħhom, u l-kundizzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jintilfu huma identiċi. Iż-żewġ każijiet jirrigwardaw drittijiet awtonomi ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza li, skond il-ġurisprudenza, jibqgħu japplikaw wara li l-persuna kkonċernata tilħaq l-età ta’ 21 sena u tibda tgħix għal rasha, u li jistgħu jintilfu biss abbażi ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jew inkella f’każ ta’ tluq għal perijodu twil u bla raġuni leġittima mill-Istat Membru ospitanti.

79.      Inkwantu din il-qorti tar-rinviju tinterroga l-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kompatibbiltà tal-portata tad-drittijiet kif mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, ir-risposta għal din id-domanda ma tistax tkun differenti skond jekk il-persuna kkonċernata taqax taħt l-ewwel jew it-tieni subparagrafu tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

80.      Aħna sejrin neżaminaw għalhekk id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju abbażi tal-premessa aċċettata minnha li s-sitwazzjoni ta’ I. Derin taqa’ taħt it-tieni inciż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

81.      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu limitati d-drittijiet tal-wild, li laħaq l-età tiegħu, ta’ ħaddiem Tork, mogħtija mit-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tiksirx il-limitu impost mill-Protokoll Addizzjonali. Hija tistaqsi, sostanzjalment, jekk il-ġurisprudenza li tipprovdi li ċittadin Tork, li daħal bħala wild fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, jitlef id-dritt ta’ residenza f’dan l-Istat, dritt korollarju għad-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu, li huwa għandu taħt it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni, jew meta huwa jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u bla raġuni leġittima, anki meta jkollu 21 sena jew aktar u ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu, hijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

82.      Il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Taljan u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li l-ġurisprudenza fuq imsemmija hija kuntrarja għal dan l-Artikolu 59 billi l-portata tad-drittijiet mogħtija mit-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork għandha tkun l-istess bħall-portata tad-drittijiet li jibbenefika minnha l-wild ta’ ħaddiem Komunitarju abbażi ta’ l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68(30). Skond dawn il-gvernijiet, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw biss l-ulied taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti, wild Tork li jkollu aktar minn 21 sena u li ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu fl-Istat Membru ospitanti ma jibbenefikax aktar mid-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza previsti mid-Deċiżjoni Nru 1/80.

83.      Dawn il-gvernijiet jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-pożizzjoni difiża mill-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ayaz(31), li ppropona li d-drittijiet mogħtija lil wild ta’ ħaddiem Tork mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom jiġu interpretati bil-mod li ġej. Skond l-Avukat Ġenerali, għandhom jiġu distinti tliet sitwazzjonijiet:

–        wara li jilħaq l-età tiegħu, il-wild jibqa’ dipendenti fuq il-ħaddiem, per eżempju, jekk jistudja bi spejjeż tal-ġenituri tiegħu: huwa jibqa’, f’dan il-każ, jaqa’ taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80;

–        il-wild jaħdem fis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru: huwa jibbenefika mid-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 6 ta’ din l-istess Deċiżjoni;

–        il-wild għadu ma jaħdimx u m’huwiex iktar dipendenti fuq il-ħaddiem: f’din l-ipoteżi u wara l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli sabiex ifittex xogħol mill-ġdid, huwa jitlef, fil-prinċipju, id-drittijiet tiegħu taħt id-Deċiżjoni Nru 1/80 u hija l-liġi nazzjonali li tiddetermina l-aċċess tiegħu għas-suq tax-xogħol.

84.      Skond dan l-argument, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħti lill-wild ta’ ħaddiem Tork dawk id-drittijiet biss li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem, liema drittijiet jintemmu meta jilħaq l-età ta’ 21 sena u ma jibqax dipendenti fuq dan ta’ l-aħħar.

85.      L-imsemmija gvernijiet jiċċitaw ukoll is-sentenza Ayaz, iċċitata aktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “membru tal-familja”, imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu portata identika għall-istess kunċett li jinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1612/68.

86.      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-ġurisprudenza hija wkoll kuntrarja għall-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali għar-raġuni segwenti.

87.      Huwa jfakkar li, fis-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 7 fis-sens li jattribwixxu dritt għall-impjieg lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork, iżda ma jimponulhom l-ebda obbligu li jeżerċitaw attività b’salarju, kif previst fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni. Skond dan il-gvern, din il-ġurisprudenza, ikkunsidrata flimkien ma’ dik dwar iż-żewġ kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu limitati, tagħti lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork drittijiet aktar vantaġġużi minn dawk li jibbenefikaw minnhom il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Komunitarju u l-ħaddiema Komunitarji stess.

88.      B’hekk, fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Komunitarju, dawn m’għandhomx dritt ġenerali ta’ residenza indefinita fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti.

89.      Il-Gvern tar-Renju Unit ifakkar, f’dan ir-rigward, li huma jistgħu jiksbu dritt li jibqgħu jirrisjedu b’mod permanenti f’dan l-Istat fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/70(32) u li kundizzjonijiet analogi huma applikabbli meta ċ-ċittadin Komunitarju jkun eżerċita attivitajiet għal rasu.

90.      Dan il-Gvern jindika li lanqas id-Direttiva 2004/38 ma toħloq dritt ġenerali bħal dan.

91.      Huwa jsostni li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perijodu ta’ tliet xhur biss u li, wara dan il-perijodu, dan id-dritt huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun membru tal-familja ta’ ħaddiem b’salarju jew li jaħdem għal rasu(33), jew għall-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta’ din id-direttiva(34).

92.      Dan il-Gvern jispjega li membru tal-familja ta’ ċittadin Komunitarju jista’ jibbenefika personalment minn dritt ta’ residenza wara t-tluq jew il-mewt ta’ dan ta’ l-aħħar fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, jekk jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a) sa (d), jew jekk akkwista dritt ta’ residenza permanenti. Huwa jindika li dan id-dritt ta’ residenza permanenti japplika, minbarra f’każijiet partikolari, għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li kellhom ir-residenza legali tagħhom, għal perijodu ta’ ħames snin mingħajr waqfien, fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti in kwistjoni, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom li għexu magħhom matul dan l-istess perijodu(35).

93.      Fir-rigward tad-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem Komunitarju, il-Gvern tar-Renju Unit ifakkar li dan id-dritt huwa suġġett għall-eżerċizzju ta’ impjieg. F’każ li tkun intemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan id-dritt ta’ residenza jista’ jiġi estiż taħt ċerti kundizzjonijiet biss, bħat-tfittxija għal impjieg ġdid, u dan għal perijodu limitat. Għalhekk, ċittadin Komunitarju lanqas ma jibbenefika minn dritt ġenerali li jibqa’ indefinittivament fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex, jekk u meta jkun jixtieq, jeżerċita fih impjieg f’data sussegwenti(36).

94.      Kuntrarjament għall-Gvern Ġermaniż, għall-Gvern Taljan u għall-Gvern tar-Renju Unit, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tad-drittijiet mogħtija lill-wild ta’ ħaddiem Tork mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 mhijiex kuntrarja għar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

95.      Aħna naqblu ma’ l-analiżi tal-Kummissjoni. Sabiex niġġustifikaw il-pożizzjoni tagħna, sejrin nippreżentaw, fl-ewwel lok, ir-raġunijiet għaliex il-portata fiż-żmien tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork għandha tiġi ddeterminata, fil-fehma tagħna, mhux billi ssir referenza biss għall-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, iżda billi jiġu kkunsidrati wkoll ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

96.      Aħna sejrin nuru, fit-tieni lok, li l-ġurisprudenza dwar il-portata tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork ma tpoġġihx, b’mod ġenerali, f’sitwazzjoni aktar vantaġġuża minn dik ta’ ħaddiem Komunitarju.

97.      Aħna sejrin naraw, fit-tielet lok, li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu ristretti m’għandhiex bħala effett li tagħti lil ċittadin Tork li jinsab fis-sitwazzjoni preċiża ta’ I. Derin drittijiet aktar wesgħin minn dawk li jibbenefika minnhom ħaddiem Komunitarju.

1.      Il-portata tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha tiġi determinata mhux biss b’referenza għall-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, iżda billi jiġu kkunsidrati wkoll ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

98.      Aħna nikkunsidraw li l-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż, tal-Gvern Taljan u tal-Gvern tar-Renju Unit, li l-portata fil-ħin tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork għandha tkun l-istess bħal dik tad-drittijiet mogħtija lill-wild ta’ ħaddiem Komunitarju mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, ma tistax tiġi aċċettata għar-raġunijiet segwenti.

99.      L-ewwel nett, din l-interpretazzjoni restrittiva ħafna tad-drittijiet mogħtija mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 mhijiex ibbażata fuq il-kliem tat-testi rilevanti.

100. Fil-fatt, huwa kostanti li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jinkludix indikazzjoni fis-sens li huwa jagħti lill-wild ta’ ħaddiem Tork dawk id-drittijiet biss li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem, liema drittijiet għandhom jiġu fit-tmiem tagħhom meta dan il-wild jagħlaq l-età ta’ 21 sena u jibda jgħix għal rasu.

101. L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali. Fil-fatt, kull ma jagħmel dan l-artikolu huwa li jipprevedi, f’termini ġenerali ħafna, li, fl-oqsma koperti minn dan il-protokoll, ir-“Repubblika tat-Turkija” ma tistax tibbenefika minn trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jikkonċedu lil xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.

102. Ċertament, ma jidhirx li jista’ jiġi kkuntestat li din id-dispożizzjoni, minkejja li hija tirrigwarda biss ir-“Repubblika tat-Turkija”, għandha tinftiehem bħala li tistabbilixxi limitu għall-portata tad-drittijiet li jistgħu jiġu mogħtija liċ-ċittadini Torok taħt il-Protokoll Addizzjonali. Il-qasam tal-moviment tal-persuni bejn l-Istati Membri u t-Turkija huwa kopert minn dan il-Protokoll, billi huwa s-suġġett tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ta’ l-aħħar, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 36 tiegħu.

103. Aħna nosservaw ukoll li l-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa li timplementa l-iżvilupp progressiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u t-Turkija, previst fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u fl-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, jiġifieri billi tispira ruħha mir-regoli tat-Trattat dwar din il-libertà fundamentali. Huwa wkoll kostanti li l-poter tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jadotta deċiżjonijiet għandu jiġi eżerċitat fil-limiti tal-kompetenzi attribwitu lilu.

104. Għalhekk, minn dawn il-fatturi jista’ jiġi konkluż li, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, id-drittijiet mogħtija mid-Deċiżjoni Nru 1/80 liċ-ċittadini Torok meħuda globalment, jiġifieri l-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom, ma jistgħux ikunu aktar favorevoli minn dawk li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u l-membri tal-familja tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li l-partijiet ta’ l-Assoċjazzjoni qablu li jispiraw ruħhom minnhom.

105. Madankollu, fil-fehma tagħna mhuwiex possibbli li mill-ġeneralità tat-termini użati fl-Artikolu 59 ta’ dan il-protokoll jiġi konkluż li l-portata tad-drittijiet mogħtija lill-wild ta’ ħaddiem Tork mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha tiġi ddeterminata billi ssir referenza biss għall-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, b’tali mod li dawn id-drittijiet għandhom jiġu fit-tmiem tagħhom meta l-wild jilħaq l-età ta’ 21 sena u jibda jgħix għal rasu.

106. It-tieni net, interpretazzjoni bħal din tal-portata ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tmur kontra s-sistema prevista minn din id-deċiżjoni. Fil-fatt, fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni huwa msemmi espressament li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiġi applikata “[b]la ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7”.

107. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq,(37) minn din il-frażi jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jikkostitwixxi “lex specialis” għall-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork. L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni huwa intiż sabiex jiġi applikat biss jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx f’pożizzjoni li tinvoka d-drittijiet mogħtija mill-ewwel jew mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni.

108. L-analiżi li skondha l-wild ta’ ħaddiem Tork ma jibqax kopert mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 malli jilħaq l-età ta’ 21 sena u jibda jgħix għal rasu u, jekk ikun il-każ, jista’ jaqa’ biss taħt l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni tmur kontra n-natura sussidjarja ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar.

109. Fl-aħħar nett, aħna ta’ l-opinjoni li l-argument sostnut mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern tar-Renju Unit huwa kuntrarju għall-objettivi tal-Protokoll Addizzjonali, li minnu jagħmel parti l-Artikolu 59.

110. Kif rajna, il-Protokoll Addizzjonali jipprovdi, fl-Artikolu 36 tiegħu, li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u t-Turkija għandu jinkiseb gradwalment bejn it-tnax u t-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-Assoċjazzjoni, billi jintużaw l-artikoli tat-Trattat dwar dan il-moviment liberu bħala ispirazzjoni. Huwa wkoll kostanti li l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa li effettivament jagħmel possibbli l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea.

111. Meta neżaminaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68, adottati sabiex jiġu applikati r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, aħna nikkonstataw li l-leġiżlatur Komunitarju ppreveda li l-eżerċizzju effettiv ta’ din il-libertà ta’ moviment miċ-ċittadini Komunitarji kien jeħtieġ li mhux biss jiġi ggarantit id-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ospitanti, iżda wkoll li tiġi ggarantita l-integrazzjoni tal-membri tal-familja tagħhom f’dan l-Istat.

112. Skond il-ħames premessa tar-Regolament Nru 1612/68 u kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi, l-aħjar integrazzjoni tal-familja ta’ ħaddiem Komunitarju fl-Istat Membru ospitanti hija neċessarja sabiex il-moviment liberu ta’ ħaddiema, iggarantit mit-Trattat, ikun jista’ jiġi eżerċitat f’kundizzjonijiet oġġettivi ta’ libertà u ta’ dinjità(38).

113. Għalhekk, fl-Artikolu 10 tiegħu, ir-Regolament Nru 1612/68 jiggarantixxi lill-konjugi tal-ħaddiem kif ukoll għad-dixxendenti tagħhom li jkollhom anqas minn 21 sena jew li jkunu dipendenti fuqhom id-dritt li jinstallaw ruħhom mal-ħaddiem. Dan ir-regolament jirrikonoxxi wkoll, fl-Artikolu 11 tiegħu, id-dritt ta’ dawn il-membri tal-familja ta’ dan il-ħaddiem li jibdew jeżerċitaw kwalunkwe impjieg fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti li fih dan ta’ l-aħħar ikun impjegat huwa stess. Fl-aħħar, fl-Artikolu 12 tiegħu, huwa jagħti lill-ulied ta’ dan il-ħaddiem id-dritt li jirċievu l-edukazzjoni u li jwettqu l-istudji tagħhom fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kundizzjonijiet li jgawdu minnhom iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat.

114. Id-dritt għall-integrazzjoni tal-membri tal-familja tal-ħaddiem Komunitarju fl-Istat Membru ospitanti jimplika għalhekk mhux biss id-dritt li jinstallaw ruħhom miegħu f’dan l-Istat u li jistudjaw hemmhekk, iżda wkoll id-dritt ta’ aċċess liberu għax-xogħol.

115. Ċertament, id-drittijiet mogħtija mir-Regolament Nru 1612/68 lill-membri tal-familja ta’ dan il-ħaddiem huma drittijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju, minn dan il-ħaddiem, tal-moviment liberu previst fl-Artikolu 39 KE. Dawn id-drittijiet jiġu fit-tmiem tagħhom, bħala prinċipju, meta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament ma jkunux aktar sodisfatti, jiġifieri, fir-rigward ta’ wild, meta dan jilħaq l-età ta’ 21 sena u meta ma jibqax aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu.

116. Madankollu, kif tindika l-Kummissjoni, dawn il-limiti għall-portata tad-drittijiet mogħtija lill-wild ta’ ħaddiem Komunitarju mir-Regolament Nru 1612/68 għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-fatt li dan il-wild jibbenefika huwa stess, wara li jilħaq l-età ta’ 21 sena u li ma baqax dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu, minn drittijiet awtonomi previsti mit-Trattat u permezz ta’ l-atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja adottati għall-applikazzjoni tiegħu.

117. Il-wild ta’ ħaddiem Komunitarju jista’, fil-fatt, jinvoka b’mod partikolari l-libertà fundamentali ta’ moviment iggarantita mill-Artikolu 39 KE, li permezz tagħha huwa jista’ jirrisjedi fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex hemmhekk jeżerċita impjieg jew ifittex xogħol. Huwa jista’ wkoll jibqa’ fit-territorju wara li jkun okkupa impjieg hemmhekk.

118. Fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet awtonomi, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ għalhekk jillimita ruħu, fir-Regolament Nru 1612/68, sabiex jelenka d-drittijiet ibbażati fuq il-kwalità biss ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin Komunitarju. L-aħjar integrazzjoni tal-wild ta’ ħaddiem Komunitarju fl-Istat Membru ospitanti, iggarantita f’dan ir-regolament permezz ta’ l-għoti ta’ drittijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tiegħu bħala membru tal-familja, tista’ tinkiseb permezz ta’ l-eżerċizzju, minn dan il-wild, tad-drittijiet awtonomi mogħtija lilu mir-regoli tat-Trattat.

119. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, aħna nikkunsidraw li l-objettiv ta’ integrazzjoni taċ-ċittadini Torok u tal-membri tal-familja tagħhom, li huwa l-bażi ta’ l-Assoċjazzjoni bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija, jimpedixxi li l-portata fil-ħin tad-drittijiet mogħtija mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork tiġi limitata għal dik tad-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68 lill-wild ta’ ħaddiem Komunitarju.

120. Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li l-wild ta’ ħaddiem Tork, meta jilħaq l-età ta’ 21 sena u ma jibqax aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu, jitlef id-drittijiet li huwa għandu taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u ma jkunx jista’ jikkwalifika aktar ħlief għall-benefiċċju tad-drittijiet gradwali previsti fl-Artikolu 6 ta’ l-istess deċiżjoni, dan ikollu bħala effett li, ikunu x’ikunu l-ġenerazzjonijiet u t-tul tal-preżenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadini Torok, f’dan l-Istat, ma jkollhomx drittijiet aktar favorevoli mill-ewwel ġenerazzjoni ta’ immigranti.

121. Għalhekk, dan ikollu bħala konsegwenza li d-dritt ta’ residenza tal-wild ta’ ħaddiem Tork fl-Istat Membru ospitanti, ibbażat fuq id-Deċiżjoni Nru 1/80, ikollu dejjem natura inċerta u temporanja, anki jekk ikun twieled f’dan l-Istat u jkun eżerċita l-ħajja professjonali tiegħu kollha f’dan l-Istat, peress li dan id-dritt jiġi fit-tmiem tiegħu jekk ikun vittma ta’ inċident li jirrendih definittivament inadegwat għax-xogħol jew jekk jagħmel użu mid-drittijiet tiegħu għall-pensjoni(39).

122. L-inċertezza u n-natura temporanja tad-drittijiet li għalhekk jingħataw liċ-ċittadini Torok mid-Deċiżjoni Nru 1/80, irrispettivament mill-ġenerazzjonijiet u mir-rabtiet tagħhom ma’ l-Istat Membru ospitanti, ma jippermettulhomx li jintegraw ruħhom bl-aħjar mod f’dan l-Istat.

123.  Għalhekk, fil-fehma tagħna, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ikkunsidrat li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħti lill-wild ta’ ħaddiem drittijiet awtonomi li huma ntiżi sabiex japplikaw anki jekk dan il-wild ikollu aktar minn 21 sena u jgħix għal rasu.

124. Is-sentenza Ayaz, iċċitata aktar ’il fuq, invokata mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern tar-Renju Unit in sostenn ta’ l-argument tagħhom, ma tivvizjax din l-analiżi.

125. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar jekk iben il-mara ta’ ħaddiem Tork kellux jiġi kkunsidrat bħala membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, sabiex ikun jista’ jikkwalifika għall-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni. Huwa fil-kuntest tar-risposta għal din id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li kellha ssir referenza għall-kunċett ta’ “membru tal-familja” msemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1612/68(40).

126. Din ir-referenza għall-portata ta’ din id-dispożizzjoni għandha għalhekk tinftiehem, fil-fehma tagħna, bħala intiża sabiex tittrasponi, fil-kuntest ta’ l-Assoċjazzjoni bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” msemmi fir-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward tar-rabta ta’ parentela neċessarja u suffiċjenti sabiex dak li jkun jappartjeni għal tali grupp. L-imsemmija referenza ma kellhiex bħala għan li tikkontesta l-ġurisprudenza dwar in-natura awtonoma tad-drittijiet mogħtija mill-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lil membru tal-familja li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet.

127. Dan jidher mill-fatt li din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata espressament fis-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Cetinkaya, Aydinli u Torun, mogħtija wara s-sentenza Ayaz, iċċitata aktar ’il fuq.

128. Fl-aħħar nett, il-limitazzjoni tal-portata tad-drittijiet mogħtija mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 hija, fl-opinjoni tagħna, kuntrarja għall-objettiv, imsemmi fil-preambolu tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u rripetut fl-Artikolu 28 ta’ dan ta’ l-aħħar, li tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea, meta tkun f’pożizzjoni li taċċetta kompletament l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat.

129. Aħna diġà indikajna li, sabiex jagħmlu din l-adeżjoni effettivament possibbli, il-partijiet f’dan il-Ftehim qablu li jistabbilixxu progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom u li, għal dan il-għan, huwa pprevedew li jispiraw ruħhom mir-regoli tat-Trattat dwar din il-libertà fundamentali.

130. Aħna nistgħu nikkonkludu minn dan l-objettiv u minn din ir-referenza espressa għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment li d-determinazzjoni tal-portata tad-drittijiet mogħtija mid-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-ħaddiema Torok u lill-membri tal-familja tagħhom għandha tikkunsidra l-evoluzzjoni tad-drittijiet li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini Komunitarji. Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni tidher neċessarja sabiex tippermetti liċ-ċittadini Torok li eżerċitaw id-drittijiet previsti fil-kuntest ta’ l-Assoċjazzjoni li jibbenefikaw fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, fil-mument ta’ l-adeżjoni, minn dawk mogħtija liċ-ċittadini Komunitarji.

131. Fi kliem ieħor, il-preparazzjoni għall-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea għandha twassal sabiex jiġi evitat li tikber id-differenza bejn id-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini Torok li għamlu użu mil-libertà ta’ moviment prevista fil-kuntest ta’ l-Assoċjazzjoni u dawk li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini Komunitarji.

132. Huwa kostanti li d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza, li kien ġie previst inizjalment fit-Trattat għall-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, ġie progressivament separat mill-eżerċizzju ta’ attività ekonomika sabiex jiġi mogħti liċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru. Din l-evoluzzjoni twettqet, l-ewwel nett, permezz ta’ direttivi(41). It-tieni nett, din l-evoluzzjoni tkompliet bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993, li stabbilixxa l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni u li għamel id-dritt għal moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri kollha tal-Komunità dritt mogħti direttament mit-Trattat lil kull ċittadin(42).

133. Hija għaddiet minn żvilupp ġdid bid-Direttiva 2004/38, li ż-żmien għat-traspożizzjoni tagħha skada fit-30 ta’ April 2006 u li, b’mod partikolari, irrikonoxxiet liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, wara perijodu ta’ ħames snin ta’ residenza regolari mingħajr waqfien fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti, dritt ta’ residenza permanenti fuq dan it-territorju li mhuwiex suġġett għal xi kundizzjoni oħra(43).

134. Fir-rigward ta’ din l-evoluzzjoni, ma jkunx konformi ma’ l-objettiv li tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija ma’ l-Unjoni Ewropea jekk l-ulied ta’ ħaddiema Torok, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jiġu mċaħħda mid-drittijiet li joħorġu minn din id-dispożizzjoni meta jilħqu l-età ta’ 21 sena u ma jibqgħux aktar dipendenti fuq il-ġenituri tagħhom, u jekk jitqiegħdu fl-istess kundizzjonijiet bħall-ewwel ġenerazzjoni ta’ immigranti.

135. Dan ir-ritorn sistematiku ta’ l-ulied tal-ħaddiema Torok għall-“punt inizjali” ta’ l-integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti jidhrilna anqas u anqas iġġustifikat meta s-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-Komunità ma ffirmatx ftehim magħhom ukoll ibbenefikat minn titjib sostanzjali ħafna.

136. Fil-fatt, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE(44), adottata fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999(45), tistabbilixxi favur iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ ħames snin status ta’ resident għat-tul b’natura permanenti, li permezz tiegħu huma għandhom jibbenefikaw minn trattament ugwali f’diversi oqsma bħaċ-ċittadini nazzjonali. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impieg jew għal attività ta’ impieg għal rasu, l-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, tas-sigurtà soċjali, ta’ l-assistenza soċjali u tal-protezzjoni soċjali, tal-benefiċċji tat-taxxa, ta’ l-aċċess għall-proprjetà u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku, kif ukoll ta’ l-aċċess għall-proċeduri għal ksib ta’ akkomodazzjoni(46).

137. Għalhekk ma jkunx koerenti ma’ din l-evoluzzjoni jekk id-drittijiet mogħtija lill-wild ta’ ħaddiem Tork mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li ġie konkluż aktar minn erbgħin sena ilu ma jkunux aktar vantaġġużi minn dawk li jibbenefikaw minnhom issa ċ-ċittadini ta’ kull pajjiż terz ieħor li rrisjedew legalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ ħames snin. L-anterjorità tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-objettiv li tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea għandhom iwasslu sabiex iċ-ċittadini Torok li għamlu użu mid-drittijiet previsti fil-kuntest ta’ l-Assoċjazzjoni jibbenefikaw minn sitwazzjoni intermedjarja bejn dik taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u dik ta’ pajjiżi terzi.

138. Huwa għalhekk li aħna ta’ l-opinjoni li d-drittijiet mogħtija mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork għandhom jiġu ddeterminati mhux biss skond id-drittijiet rikonoxxuti speċjalment lill-wild ta’ ħaddiem Komunitarju mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, iżda wkoll fir-rigward tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li l-partijiet fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni qablu li jispiraw ruħhom minnhom, kif ukoll fir-rigward ta’ l-atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja adottati għall-implementazzjoni tagħhom.

2.      Il-ġurisprudenza dwar il-portata tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 m’għandhiex bħala effett li l-wild ta’ ħaddiem Tork jibbenefika, b’mod ġenerali, minn trattament aktar favorevoli minn dak li ħaddiem Komunitarju jibbenefika minnu taħt it-Trattat.

139. Meta aħna neżaminaw, b’mod ġenerali, il-portata tad-drittijiet awtonomi mogħtija lill-wild ta’ ħaddiem Tork mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, aħna nikkonstataw li dawn id-drittijiet jippreżentaw żvantaġġi sinjifikattivi meta mqabbla ma’ dawk li ċittadin Komunitarju għandu taħt ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja adottati għall-implementazzjoni tagħhom.

140. Dawn l-iżvantaġġi jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-portata fil-kuntest tad-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza, it-tieni nett, id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ospitanti u, it-tielet nett, il-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet f’dan l-Istat jistgħu jiġu limitati.

141. Fuq l-ewwel punt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza, mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huma ristretti għall-Istat Membru ospitanti. Kuntrarjament għal ħaddiem Komunitarju, il-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork ma jibbenefikax mid-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni sabiex japplika għal sejħa ta’ impjieg u li jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ l-għażla tiegħu(47).

142. Il-wild ta’ ħaddiem Tork, li jkun jixtieq jokkupa impjieg fi Stat Membru ieħor, isib ruħu, fid-dawl tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fis-sitwazzjoni ta’ immigrant ta’ l-ewwel ġenerazzjoni u f’dan l-Istat ikun eleġibbli biss sabiex jingħata d-drittijiet gradwali previsti fl-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni. Id-dħul tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ieħor huwa suġġett għal-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, id-dispożizzjonijiet dwar l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità u r-Repubblika tat-Turkija ma jippreġudikawx il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jirregolaw id-dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorju tagħhom u l-kundizzjonijiet ta’ l-ewwel attività professjonali tagħhom(48).

143. Ċertament, dan l-iżvantaġġ huwa issa limitat mid-Direttiva 2003/109, li tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-istatus ta’ resident għat-tul fi Stat Membru d-dritt li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex, b’mod partikolari, jokkupaw impjieg jew attività għal rashom, jew għal għanijiet oħra(49). Madankollu, id-drittijiet li għalhekk huma kkonsentiti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jibqgħu anqas wesgħin minn dawk taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni(50).

144. Bl-istess mod, wieħed jista’ jaħseb li l-wild ta’ ħaddiem Tork ma jibbenefikax taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minn dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ospitanti. L-aċċess fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tal-konjugi, tat-tfal u tal-membri l-oħra tal-familja tiegħu, jekk huma ċittadini ta’ Stati terzi, jibqa’ suġġett għal-liġi nazzjonali.

145. Ċertament, l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu f’dan il-qasam b’konformità mad-drittijiet fundamentali, kif stabbiliti b’mod partikolari fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u skond l-impennji internazzjonali oħra li huwa daħal għalihom. Madankollu, il-protezzjoni tal-familja prevista f’dawn l-impennji, u b’mod partikolari, fl-Artikolu 8 ta’ din il-Konvenzjoni, ma tiggarantix dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja komparabbli ma’ dak stabbilit fir-Regolament Nru 1612/68 u fid-Direttiva 2004/38(51).

146. L-istess japplika għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE(52). Għalkemm id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi issa jibbenefika minn garanziji addizzjonali, peress li din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri li jawtorizzaw f’diversi każijiet ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom(53), il-garanziji kif rikonoxxuti liċ-ċittadini ta’ Stati terzi ma jpoġġuhomx f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

147. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu ristretti għandha bħala effett li tipprevedi kawża ta’ restrizzjoni addizzjonali meta mqabbla ma’ dik li hija imposta fuq ċittadin Komunitarju. Minbarra s-sitwazzjoni fejn ir-residenza tal-persuna kkonċernata tista’ tiġi mitmuma għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika, li hija komuni għaż-żewġ sitwazzjonijiet, iċ-ċittadin Tork jitlef id-drittijiet tiegħu ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti jekk jitlaq minn dan ta’ l-aħħar għal perijodu sinjifikattiv u bla raġuni leġittima.

148. F’każ bħal dan, jekk il-persuna kkonċernata tkun tixtieq tinstalla ruħha mill-ġdid fl-Istat Membru fejn għexet, hija jkollha tippreżenta applikazzjoni lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat sabiex tkun awtorizzata jew sabiex tingħaqad mal-ħaddiem Tork fil-familja li hija tagħmel parti minnha, jekk tkun għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jew sabiex tokkupa impjieg f’dan l-Istat, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni(54).

149. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, aħna ta’ l-opinjoni li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-wild ta’ ħaddiem Tork drittijiet awtonomi ta’ aċċess għall-impjieg u ta’ residenza li jibqgħu applikabbli meta dan il-wild ikollu aktar minn 21 sena u jkun jgħix għal rasu, mhijiex kuntrarja għall-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali. Din id-dispożizzjoni ma tiġġustifikax għalhekk li jsir ritorn għall-ġurisprudenza dwar il-portata fiż-żmien tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-wild ta’ ħaddiem Tork.

150. Fil-fehma tagħna, l-argumenti invokati mill-Gvern tar-Renju Unit ma jiġġustifikawx pożizzjoni kuntrarja.

151. Dan il-Gvern ifakkar li, fis-sentenza Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq, ġie deċiż li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħti lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork dritt għal impjieg, iżda ma jimponi fuqhom l-ebda obbligu li jeżerċitaw impjieg. Skond l-argumenti ta’ dan il-Gvern, din l-interpretazzjoni, ikkunsidrata flimkien mal-ġurisprudenza li tipprovdi li d-dritt ta’ residenza mogħti minn din id-dispożizzjoni jista’ jintilef biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jew inkella fil-każ ta’ tluq prolongat u bla raġuni leġittima, tista’ twassal sabiex tqiegħed lill-wild ta’ ħaddiem Tork f’sitwazzjoni aktar vantaġġuża minn dik ta’ ċittadin Komunitarju.

152. Il-Gvern tar-Renju Unit donnu qiegħed jirreferi għall-każ, per eżempju, tal-wild ta’ ħaddiem Tork, fil-kapaċità tiegħu ta’ ħaddiem, li jastjeni ruħu milli jfittex impjieg u jħalli lilu nnifsu jsir dipendenti fuq is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

153. Madankollu, il-fatt li, f’każijiet partikolari, il-ġurisprudenza in kwistjoni tista’ twassal sabiex tattribwixxi lil ċittadin Tork sitwazzjoni aktar vantaġġuża minn dik ta’ ċittadin Komunitarju ma jistax jiġġustifika li tiġi kkontestata, b’mod ġenerali, il-portata fiż-żmien tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 lill-wild ta’ ħaddiem Tork. Għalkemm din is-sitwazzjoni tiġi kkonstatata, huwa fuq dan il-pjan tal-kundizzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jiġu ristretti li, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jista’ jimponi li jiġi miżjud każ ta’ restrizzjoni addizzjonali.

154. Għalhekk, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi sodisfatt l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali m’għandhiex issir referenza għall-portata fiż-żmien tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, iżda għan-natura eżawrjenti taż-żewġ kundizzjonijiet li fihom, skond il-ġurisprudenza, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu ristretti.

155. F’kull każ, aħna nikkonstataw li dan l-obbligu mhuwiex impost fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

3.      Il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu ristretti m’għandhiex bħala effett li tagħti lil ċittadin Tork fis-sitwazzjoni preċiża ta’ I. Derin drittijiet aktar wesgħin minn dawk li ħaddiem Komunitarju jibbenefika minnhom.

156. Skond il-ġurisprudenza in kwistjoni, I. Derin, li ma telaqx l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u bla raġuni leġittima, jista’ jitlef id-drittijiet li għandu taħt it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 biss b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni.

157. Fl-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, aħna nosservaw, barra minn hekk, li l-persuna kkonċernata okkupat b’mod legali attività ekonomika fil-Ġermanja u reġgħet sabet xogħol wara l-priġunerija tagħha. Għalhekk, hija ma tinsabx fis-sitwazzjoni kkunsidrata mill-Gvern tar-Renju Unit ta’ persuna li ma tfittix xogħol u li tqiegħed lilha nfisha f’pożizzjoni li ssir dipendenti fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

158. Ċittadin Komunitarju li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’
I. Derin jista’ jitkeċċa mill-Istat Membru ospitanti biss abbażi ta’ l-Artikolu 39(3) KE.

159. Aħna rajna li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma kważi identiċi għal dawk ta’ l-Artikolu 39(3) KE(55).
I. Derin ma jibbenefikax għalhekk, f’dan ir-rigward, minn drittijiet aktar wesgħin minn dawk li jibbenefika minnhom ċittadin Komunitarju skond it-Trattat.

160. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, aħna nipproponu li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-ġurisprudenza li tipprovdi li ċittadin Tork, li daħal meta huwa kien wild fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest tar-riunifikazzjoni familjali, ma jitlifx id-dritt ta’ residenza f’dan l-Istat, dritt korollarju tad-dritt ta’ aċċess liberu għal kwalunkwe impjieg ta’ l-għażla tiegħu, li huwa għandu taħt it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ħlief f’żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni, jew, min-naħa l-oħra, meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u bla raġuni leġittima, anki meta jkollu 21 sena jew aktar u ma jkunx għadu dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu, hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

161. Permezz tat-tieni domanda, il-Verwaltungsgericht Darmstadt tistaqsi jekk il-wild ta’ ħaddiem Tork jistax jibqa’ jibbenefika mill-protezzjoni speċjali li jagħtih l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fl-eventwalità li, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel domanda, tingħata risposta li dan il-wild ma jaqax aktar taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni meta jilħaq l-età ta’ 21 sena u ma jibqax aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu, u fl-eventwalità li lanqas ma jkun jista’ jinvoka l-Artikolu 6 ta’ din l-istess deċiżjoni.

162. Peress li aħna pproponejna li tiġi kkonfermata l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-wild ta’ ħaddiem Tork ma jitlifx id-drittijiet li huwa għandu taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta jilħaq l-età ta’ 21 sena u ma jibqax aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu, fil-fehma tagħna mhuwiex neċessarju li neżaminaw it-tieni domanda preliminari.

V –    Konklużjoni

163. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, aħna nipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzji tirrispondi bil-mod segwenti għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Darmstadt:

“Il-ġurisprudenza li tipprovdi li ċittadin Tork, li daħal meta kien wild fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest tar-riunifikazzjoni familjali, ma jitlifx id-dritt ta’ residenza f’dan l-Istat, dritt korollarju tad-dritt ta’ aċċess liberu għal kwalunkwe impjieg ta’ l-għażla tiegħu, li huwa għandu skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, ħlief f’żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni, jew, min-naħa l-oħra, meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u bla raġuni leġittima, anki meta jkollu 21 sena jew aktar u ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu, hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li ġie iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament Nru 2760/72 tal-Kunsill (KEE), tad-19 ta’ Diċembru 1972.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra. Dan il-Ftehim ġie “konkluż, approvat u kkonfermat” f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 217, 1964, p. 3685, aktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).


3 – Id-Deċiżjoni Nru 1/80 tista’ tiġi kkonsultata fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Protokolli bejn il-KEE u t-Turkija u testi oħra bażiċi, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Brussell, 1992.


4 – C‑373/03, Ġabra p. I‑6181, punt 27.


5 – Protokoll iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”).


6 – Regolament tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).


7 – Li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 39 KE.


8 – Li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 40 KE.


9 – Li sar l-Artikolu 41 KE.


10 – Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.


11 – Ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C‑192/89, Ġabra p. I‑3461, punt 26) u tad-19 ta’ Novembru 2002, Kurz (C‑188/00, Ġabra p. I‑10691, punt 26); fir-rigward ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, is-sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman (C‑351/95, Ġabra p. I‑2133, punt 28), u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp (C‑65/98, Ġabra p. I‑4747, punt 25), u, fir-rigward tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Eroglu (C‑355/93, Ġabra p. I‑5113, punt 17), u tas-16 ta’ Frar 2006, Torun (C‑502/04, Ġabra p. I‑1563, punt 19). Id-Deċiżjoni Nru 1/80, bħad-Deċiżjoni Nru 2/76, ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni, għalkemm jista’ jimpedixxi li dawn l-obbligi jkunu imposti fuq individwu, mhuwiex ta’ natura li jċaħħad lil dan ta’ l-aħħar mill-fakultà li jsostni, fil-konfront ta’ awtorità pubblika, id-drittijiet li dawn id-deċiżjonijiet jagħtuh (sentenza Sevince, iċċitata aktar ’il fuq, punt 24).


12 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz (C‑275/02, Ġabra p. I‑8765, punt 45).


13 – Ibidem (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Ara, fir-rigward ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat (C‑329/97, Ġabra p. I‑1487, punt 40); tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 31), u Aydinli, iċċitata aktar ’il fuq (punti 25 u 26). Ara, fir-rigward tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din l-istess deċiżjoni, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Akman (C‑210/97, Ġabra p. I‑7519, punt 44).


15 – Sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Ergat (punt 27) u Torun (punti 27 u 28).


16 – Ara, fir-rigward ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, is-sentenza Cetinkaya, iċċitata aktar ’il fuq (punt 31); fir-rigward tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-ddeċiżjoni, is-sentenza Torun, iċċitata aktar ’il fuq (punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fir-rigward ta’ l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, is-sentenza Kurz, iċċitata aktar ’il fuq (punt 27).


17 – Idem.


18 – Sentenza Ergat, iċċitata aktar ’il fuq (punt 48 u l-ġurisprudenza ċitata).


19 – Ibidem (punt 46).


20 – Sentenza Cetinkaya, iċċitata aktar ’il fuq (punti 43 u 44).


21 – Punti 46 sa 49.


22 – Sentenza Cetinkaya, iċċitata aktar ’il fuq (punt 38).


23 – Punt 22 u l-ġurisprudenza ċitata.


24 – Punt 27 u l-ġurisprudenza ċitata.


25 – Punt 29.


26 – Sentenza Torun, iċċitata aktar ’il fuq (punti 24 sa 26). Is-Sur Torun, ċittadin Tork imwieled il-Ġermanja, wild ta’ ħaddiem Tork li ħadem aktar minn tliet snin f’dan l-Istat Membru, kellu taħriġ ta’ mekkaniku f’dan l-Istat u kien ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u tliet xhur għal serq ikkwalifikat bil-ġarr ta’ armi u akkwist illegali ta’ drogi.


27 – Infakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:


“1. Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:


(a) il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;


(b) qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu.


2. Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.


3. Għall-iskopijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-dispożizzjoni, madanakollu m’għandux joħloq diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.”


28 – Sentenza Torun, iċċitata aktar ’il fuq (punt 23 u l-ġurisprudenza ċitata).


29 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (242/87, Ġabra p. 1425, punt 24).


30 – L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li:


“Fejn ċittadin ta’ xi Stat Membru jkun qed iwettaq attività bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-konjuġi tagħha u t-tfal li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuqu għandu jkollhom id-dritt li jidħlu għal kwalunkwe attività bħala persuna impjegata fit-territorju kollu ta’ dak l-istess Stat, anki jekk ma jkunux persuni ċittadini ta’ xi Stat Membru.”


31 – Punt 52 tal-Konklużjonijiet.


32 – Regolament tad-29 ta’ Ġunju 1970, dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dak l-Istat (ĠU L 142, p. 24). Dan ir-Regolament ġie mħassar b’effett mit-30 ta’ April 2006 permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 635/2006, tal-25 ta’ April 2006 (ĠU L 112, p. 9). Dan it-tħassir ġie ġġustifikat permezz tal-fatt li d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77) ġabret f’test wieħed il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni. Fl-Artikolu 17 tagħha, din id-direttiva tirrepeti l-parti essenzjali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/70 u temendahom billi tagħti lill-benefiċjarji dritt li jgawdu minn status aktar privileġġjat, jiġifieri dritt ta’ residenza permanenti.


33 – Artikolu 7(1)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/38.


34 – L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 jagħti wkoll lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huwa jkollu biżżejjed riżorsi għalih u għall-membri tal-familja tiegħu biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti kif ukoll assigurazzjoni ta’ mard komprensiva f’dan l-Istat [inċiż (b)]; jew jekk isegwi kors ta’ studju jew taħriġ professjonali u għandu r-riżorsi u l-għajnuna soċjali msemmija preċedentement [inċiż (ċ)]. L-Artikolu 7(1)(d) ta’ din id-direttiva jestendi dan id-dritt lil membru tal-familja li jakkumpanja jew li jingħaqad ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).


35 – Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.


36 – Il-Gvern tar-Renju Unit jirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, Ġabra p. I‑745, punt 21); ta’ l-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑344/95, Ġabra p. I‑1035, punt 17), u tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 37).


37 – Punt 19.


38 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 50 u l-ġurisprudenza ċitata).


39 – Ċittadin Tork ma jistax jippretendi aktar dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti bbażat fuq l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta jilħaq l-età tal-pensjoni jew meta jkollu inċident fuq ix-xogħol li jwassal għall-inabilità totali u permanenti tiegħu li jeżerċita impjieg ieħor. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ bħal dan, il-persuna kkonċernata għandha tiġi kkunsidrata bħala li ħalliet definittivament is-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, b’tali mod li d-dritt ta’ residenza li hija titlob ma jkollu l-ebda konnessjoni ma’ impjieg, anki futur (sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt, C‑434/93, Ġabra p. I‑1475, punti 39 u 40). Fis-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik (C‑171/95, Ġabra p. I‑329, punti 40 sa 42 u 46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiem Tork jitlef id-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmi Artikolu 6 jekk jiddeċiedi li jitlaq ix-xogħol tiegħu u ma jiħux il-passi neċessarji fi żmien raġonevoli sabiex jiġi impjegat f’relazzjoni ġdida ta’ xogħol. Hija kkonfermat din l-analiżi fis-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, Ġabra p. I‑957, punti 44 u 49).


40 – Sentenza Ayaz, iċċitata aktar ’il fuq (punt 45).


41 – Ara d-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU L 180, p. 26), id-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza għall-impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tax-xogħol tagħhom (ĠU L 180, p. 28), u d-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU L 317, p. 59).


42 – Artikolu 18(1) KE u, għall-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, ara s-sentenza Baumbast u R, iċċitata aktar ’il fuq (punt 81).


43 – Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.


44 – Direttiva tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 2004, p. 44). Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’ ftehim bilaterali u multilaterali konklużi bejn il-Komunita jew il-Komunità u l-Istati membri tagħha, minn naħa l-waħda, u pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra [Artikolu 3(3)(a)]. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva mhux aktar tard mit-23 ta’ Jannar 2006 (l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 26).


45 – Minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu jiġi approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuna li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perijodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ jkun viċin dawk li jgawdu ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni (it-tieni premessa tad-Direttiva 2003/109).


46 – Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109.


47 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tetik, iċċitata aktar ’il fuq (punt 29).


48 – Sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, Ġabra p. I‑2927, punti 58 u 65); Ergat, iċċitata aktar ’il fuq (punt 35), u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I‑12301, punti 63 u 65).


49 – Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/109.


50 – Ara, f’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2003/109.


51 – Ara, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Gül vs L-Iżvizzera tad-19 ta’ Frar 1996, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996‑I, p. 174, § 38; Ahmut vs L-Olanda tat-28 ta’ Novembru 1996, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996‑VI, p. 2031, § 63, u Sen vs L-Olanda tal-21 ta’ Diċembru 2001, § 31.


52 – Direttiva tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, p. 12). It-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponu din id-direttiva skada fit-3 ta’ Ottubru 2005.


53 – Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86.


54 – Sentenza Ergat, iċċitata aktar ’il fuq (punt 49).


55 – Sentenza Cetinkaya, iċċitata aktar ’il fuq (punti 43 u 44).