KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Frar 20071(1)

Kawża C-252/05

Reġina, fuq talba ta’ Thames Water Utilities Limited

vs

The South East London Division, Bromley Magistrate’s Court

Parti kkonċernata:

Environment Agency

(Talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court)

“Trattament ta’ l-ilma mormi – Skart – Kunċett ta’ skart – Direttiva 75/442 – Direttiva 91/271 – Ilma mormi li joħroġ minn sistema ta’ ġbir”





I –    Introduzzjoni

1.        Fil-proċediment preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar ir-relazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u dik dwar l-ilma mormi. Tqum il-kwistjoni jekk ilma mormi li joħroġ minn sistema ta’ ġbir għandux jiġi kkunsidrat bħala skart. F’dan il-kuntest, għandu jiġi stabbilit b’mod partikolari jekk ir-regoli dwar l-ilma mormi jinkludux dispożizzjonijiet biżżejjed sabiex jirregolaw il-każ preżenti.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Leġiżlazzjoni Komunitarja

1.      Leġiżlazzjoni dwar l-iskart

2.        Il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, fil-mument rilevanti in kwistjoni kienet irregolata prinċipalment mid-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart,(2) (aktar ’il quddiem: id-“Direttiva Qafas dwar l-iskart”).

3.        Il-kunċett ta’ skart huwa rregolat mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart. Skond din id-dispożizzjoni, skart ifisser “kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi.”

4.        L-Artikolu 1(d) jagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ “maniġġar” bħala “l-ġbir, il-ġarr, l-irkupru u r-rimi ta’ l-iskart, inkluża s-sorveljanza ta’ dawn l-operati u l-kura/attenzjoni li tiġi wara fuq il-postijiet tar-rimi ta’ l-iskart.”

5.        Skond l-Artikolu 2(1)(b), xi skart imsemmi espliċitament huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta huma diġà koperti b’leġiżlazzjoni oħra. Fil-punt (iv) ta’ l-istess Artikolu jissemmew skart ta’ tipi ta’ ilma, minbarra l-iskart fil-għamla ta’ likwidu.

6.        L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart jipprovdi li dispożizzjonijiet speċifiċi għal każijiet partikolari, jew li jissupplementaw dawk tad-Direttiva, intiżi sabiex jirregolaw l-immaniġġar ta’ ċerti kategoriji ta’ skart, jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ direttivi speċifiċi.

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart jipprovdi l-obbligi essenzjali tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’ mod partikolari:

-      mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali;

-      mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ;

-      mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta’ interess speċjali.

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.”

2.      Il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma mormi

8.        Il-liġi dwar l-ilma mormi tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi(3) (iktar ’il quddiem: “id-Direttiva dwar l-ilma mormi”). Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1, din id-Direttiva tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali. Skond it-tieni paragrafu, l-għan tad-Direttiva huwa li tipproteġi l-ambjent minn effetti negattivi dovuti mill-iskariki ta’ ilma mormi msemmija iktar ’il fuq.

9.        L-Artikolu 3 jirregola l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ ġbir. Diversi termini huma previsti skond id-daqs ta’ l-agglomerazzjoni u s-sensittività ambjentali. Skond l-Artikolu 3(2), is-sistemi ta’ ġbir għandhom “jilħqu l-kriterji ta’ l-Anness I (A).”

10.      L-Anness I (A) jipprovdi:

“Is-sistemi ta’ ġbir għandhom jikkunsidraw il-kriterji tat-trattament ta’ l-ilma mormi.

Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ ġbir għandhom isiru skond l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi, partikolarment dwar:

–        il-volum u l-karatteristiċi ta’ l-ilma mormi urban,

–        prevenzjoni ta’ tnixxijiet,

–        limitazzjoni ta’ tniġġis fl-ilmijiet minħabba tifwir ta’ ilma tax-xita.”

11.      L-Artikoli 4 sa 7 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jistabbilixxu t-trattament li għalih jista’ jiġi suġġett l-ilma mormi. L-Artikolu 8 jipprovdi ċerti eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli.

12.      L-Artikolu 10 jinkludi rekwiżiti oħra rigward l-impjanti ta’ trattament:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban mibnija biex iħarsu l-kriterji ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ikunu ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha. Meta dawn l-impjanti jkunu qed jiġu mfassla, għandhom jiġu kkunsidrati varjazzjonijiet tat-toqol skond l-istaġuni tas-sena.”

13.      L-Artikolu 9 jirrigwarda s-soluzzjoni tal-problemi transkonfini dwar l-ilma mormi.

14.      L-Artikolu 11 jinkludi r-rekwiżiti relatati ma’ l-iskariki ta’ ilma mormi industrijali f’sistemi ta’ ġbir. L-Artikolu 13 jirrigwarda l-iskariku ta’ ilma mormi industrijali mhux trattat. L-Artikolu 12 jirrigwarda l-użu ta’ ilma mormi trattat. L-Artikolu 14 jirrigwarda l-immaniġġar ta’ ħama trattata.

15.      L-Artikolu 15 jirregola l-kontroll ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, l-Artikolu 16 jirregola l-informazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, l-Artikolu 17 jirregola l-implementazzjoni tad-direttiva mill-Istati Membri, l-Artikolu 18 jirregola t-teħid ta’ miżuri mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 19 jirregola t-traspożizzjoni tad-direttiva.

B –    Leġiżlazzjoni nazzjonali

16.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix informazzjoni dettaljata dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Minn dak li nistgħu nikkonkludu, id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-finijiet tad-domandi preliminari, b’mod partikolari l-Water Industry Act 1991, iċċitat fid-domanda preliminari, sempliċement jimplementaw id-dritt Komunitarju.

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

17.      Thames Water Utilities hija responsabbli għal madwar 80 000 kilometru ta’ sistemi ta’ ġbir fir-reġjun tat-Thames. Thames Water Utilities hija akkużata għall-fatt li fil-perijodu bejn Frar u April 2003 kien hemm 11-il każ ta’ ħruġ ta’ ilma mormi mill-imsemmija sistemi ta’ ġbir, li mar fiż-żoni tal-kontea ta’ Kent.

18.      Wara li tressaq ilment dwar dawn il-fatti mill-Environment Agency, Thames Water Utilities ġiet akkużata, fost oħrajn, bi skariku illegali ta’ skart. Madankollu, Thames Water Utilities tqis, min-naħa tagħha, li ilma mormi li joħroġ minn sistema ta’ ġbir ma jikkostitwixxix skart.

19.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-ilma mormi li joħroġ minn sistema ta’ trattament ta’ l-ilma mormi mħaddma minn impriża pubblika ta’ trattament ta’ l-ilma mormi b’mod konformi mad-Direttiva dwar l-ilma mormi u/jew mal-Water Industry Act 1991 huwa inkluż fl-‘iskart’ deskritt bħala tali għall-finijiet tad-Direttiva Qafas?

2)      Fil-każ ta’ tweġiba pożittiva għall-ewwel domanda, l-ilma mormi msemmi iktar ’il fuq:

a)      huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘skart’ deskritt bħala tali għall-finijiet tad-Direttiva Qafas taħt l-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas, b’mod partikolari bis-saħħa tad-Direttiva dwar l-ilma mormi u/jew tal-Water Industry Act 1991, jew

b)      jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Qafas u huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘skart’ deskritt bħala tali għall-finijiet tad-Direttiva Qafas, b’mod partikolari bis-saħħa tad-Direttiva dwar l-ilma mormi?”

20.      Thames Water Utilities, l-Environment Agency, ir-Renju Unit, il-Belġju, l-Olanda u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet fil-kawża preżenti.

IV – Evalwazzjoni

21.      Permezz tad-domandi preliminari, qed jintalab li jiġi ċċarat jekk l-ilma mormi jaqax taħt l-iskop tal-liġi ġenerali dwar l-iskart, meta dan joħroġ minn sistema ta’ ġbir. Huwa għal din ir-raġuni li l-qorti tar-rinviju qed titlob kjarifika dwar iż-żewġ derogi tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart. L-Artikolu 2(1)(b)(iv) jeskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart għall-ilmijiet użati, bl-eċċezzjoni ta’ l-iskart likwidu fejn l-ilma mormi jkun diġà kopert taħt leġiżlazzjoni oħra (ara, f’dan ir-rigward, iktar ’il quddiem, taħt B). Skond l-Artikolu 2(2) dispożizzjonijiet speċifiċi għal każijiet partikolari jistgħu jipprevalu fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali (f’dan ir-rigward, ara iktar ’il quddiem, taħt Ċ). L-applikazzjoni taż-żewġ derogi tippreżupponi li l-ilma mormi jikkostitwixxi skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart (f’dan ir-rigward, ara iktar ’il quddiem, taħt A)(4).

A –    Id-definizzjoni ta’ skart

22.      Skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, għandu jiġi eżaminat jekk l-ilma mormi, li d-detentur jarmi jew huwa meħtieġ jarmi, jaqax taħt il-kategorija ta’ skart stabbilita fl-Anness I.

23.      L-ilma mormi jaqa’ almenu taħt il-kategorija ta’ skart Q 16 li tinkludi sustanzi jew prodotti li mhumiex koperti mill-kategoriji l-oħra. Jidhirli li huwa ċar li d-detentur oriġinali rama u kellu wkoll l-intenzjoni li jarmi l-ilmijiet mormija meta rmihom fis-sistema ta’ ġbir. Din hija wkoll l-opinjoni ta’ l-Environment Agency, tar-Renju Unit u ta’ l-Olanda.

24.      Għaldaqstant, mar-rimi fis-sistema ta’ ġbir, l-ilma mormi kien jikkostitwixxi skart. Barra minn hekk din it-teżi hija kkorroborata mill-eżistenza tad-deroga għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li għandha tiġi diskussa iktar ’il quddiem. Kieku l-ilmijiet mormija ma kinux jikkostitwixxu skart, ma kienx ikollhom bżonn ta’ l-imsemmija deroga.

25.      Meta, permezz tat-trattament previst mid-Direttiva Qafas dwar l-ilma mormi, dan jilħaq kwalità tali li tippermetti l-introduzzjoni tiegħu fl-ilma jew użu mill-ġdid, huwa ma jibqax jitqies li huwa skart. It-trattament rilevanti jammonta għal riċiklaġġ, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ skart ta’ imballaġġ(5). Bil-kontra, l-ilma mormi li mhux trattat għandu l-istess karatteristiċi ta’ l-ilma mormi skarikat fis-sistemi ta’ ġbir u għalhekk għandu jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala skart, b’mod partikolari meta huwa joħroġ mis-sistema ta’ ġbir.

B –    Dwar l-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart

26.      Madankollu, skond l-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, l-ilmijiet użati, bl-eċċezzjoni ta’ skart f’forma likwida huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, meta huma jkunu diġà koperti minn leġiżlazzjoni oħra. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva dwar l-ilma mormi tipprovdix, f’dan is-sens, għal-leġiżlazzjoni oħra.

27.      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, għandu jingħad li, sabiex din id-deroga tkun applikabbli, mhux biżżejjed li l-leġiżlazzjoni l-oħra tirrigwarda s-sustanzi jew l-oġġetti in kwistjoni, per eżempju minn perspettiva industrijali, iżda għandha tinkludi dispożizzjonijiet preċiżi li jorganizzaw l-immaniġġar tagħhom bħala skart, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(d) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart.(6) Barra minn hekk, hija għandha tilħaq livell ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent li jkun almenu ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-miżuri ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart. Fil-każ kuntrarju, jiġu kompromessi(7) l-għanijiet tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent kif iddefiniti fl-Artikolu 174 KE, u b’mod partikolari l-għanijiet tad-Direttiva Qafas infisha.

28.      Thames Water Utilities tqis li, fir-rigward tan-neċessità ta’ livell ta’ ħarsien ekwivalenti, għandha ssir distinzjoni bejn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju u leġiżlazzjoni nazzjonali oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju huma dejjem ekwivalenti, peress li l-leġiżlatur jadottahom fl-għarfien ta’ l-eżiġenzi. Madankollu, kif issostni l-Environment Agency, fis-sentenzi tagħha dwar l-irziezet Spanjoli għat-trobbija tal-ħnieżer, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li n-neċessità ta’ livell ta’ ħarsien ekwivalenti tapplika wkoll għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju(8). L-imsemmija ekwivalenza għandha tiġi vverifikata individwalment f’kull każ.(9)

29.      Skond l-Artikolu 1(2), id-Direttiva dwar l-ilma mormi għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent mill-effetti negattivi kkawżati minn tali ilmijiet. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1, hija tirrigwarda l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċerti setturi industrijali. Kif josservaw il-partijiet intervenjenti kollha, id-dispożizzjonijiet tagħha jikkostitwixxu, mingħajr dubju, leġiżlazzjoni oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, li teskludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart.(10) Thames Water Utilities tiddeduċi minn dan li d-deroga għall-ilma ta’ skariku tinkludi wkoll il-ħruġ ta’ l-imsemmi ilma minn sistema ta’ ġbir.

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni tal-portata tad-deroga ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart flimkien ma’ leġiżlazzjonijiet oħra. L-opinjoni ta’ Thames Water Utilities u anke tal-Gvern Belġjan twassal għall-affermazzjoni li l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni oħra li tirregola b’mod suffiċjenti ċerti kwistjonijiet teskludi wkoll l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-iskart għall-kwistjonijiet l-oħra kollha.

31.      Madankollu, din l-opinjoni ma tantx hija kompatibbli mal-kliem ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart. Skond il-verżjoni Ġermaniża, l-iskart imsemmi bħala “soweit für diese bereits andere Rechtsvorschriften gelten” huwa eskluż mid-Direttiva Qafas dwar l-iskart. A contrario, jista’ jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart għandha tapplika sakemm mhumiex applikabbli leġiżlazzjonijiet oħra.

32.      Verżjonijiet lingwistiċi oħra jesprimu l-istess ħsieb taħt għamla kemmxejn differenti, b’mod partikolari permezz ta’ konġunzjoni inqas preċiża flimkien mal-verb.(11) “Kopertura” ta’ ċerti sustanzi li hija simili għal-liġi dwar l-iskart hija possibbli biss safejn huma applikabbli dispożizzjonijiet korrispondenti.

33.      Barra minn hekk, l-opinjoni ta’ Thames Water Utilities hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-leġiżlazzjoni l-oħra għandha tinkludi dispożizzjonijiet preċiżi dwar l-immaniġġar ta’ sustanzi bħala skart, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(d) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart(12) u għandhom iwasslu għal livell ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent li huwa almenu ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-miżuri ta’ applikazzjoni ta’ l-istess Direttiva(13). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat dawn l-eżiġenzi rigward il-kwalità tal-leġiżlazzjonijiet l-oħra b’mod partikolari fuq l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart u fuq id-dritt Komunitarju dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent.

34.      Fejn ma jeżistux dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġar, jew fejn dispożizzjonijiet li jeżistu ma jiggarantixxux livell ta’ protezzjoni suffiċjenti, huwa r-regolament ġenerali dwar l-iskart li huwa applikabbli. Għaldaqstant, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, l-Environment Agency ġustament teżiġi li, fil-każ ta’ ħruġ ta’ ilmijiet ta’ skariku minn sistema ta’ ġbir, id-Direttiva dwar l-ilma mormi tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni simili għal dak iggarantit mid-Direttiva dwar l-iskart(14).

35.      Kif diġà ġie affermat, id-Direttiva dwar l-ilma mormi tirregola l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, id-deroga dwar l-ilma mormi tapplika meta l-ilma jinġabar, b’mod partikolari meta dan jinsab fis-sistema ta’ ġbir, matul it-trattament fl-impjant ta’ depurazzjoni u fil-fażi ta’ skariku fis-sistema ta’ ġbir.

36.      L-iskariku ta’ ilma mormi jista’ jiġi mqabbel mal-ħruġ tiegħu mis-sistema ta’ ġbir, inkwantu tali ilma joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Madankollu, l-istess Direttiva tipprovdi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-ambjent fil-fażi ta’ skariku(15). B’hekk, id-deroga msemmija fl-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart tapplika għall-iskart bħala tali. Barra minn hekk, peress li l-ilma mormi jitlef in-natura tiegħu bħala skart saħansitra qabel l-iskariku tiegħu fis-sistema ta’ ġbir permezz tat-trattament imsemmi(16), applikazzjoni tar-regolament dwar l-iskart hija eskluża, bil-kontra ta’ dak li tibża’ Thames Water Utilities – anki wara l-iskariku.

37.      Il-każ preżenti, madankollu, ma jikkonċernax skariku previst mid-Direttiva dwar l-ilma mormi. Fil-fatt, l-imsemmi ilma ħareġ qabel ma seta’ jiġi ttrattat skond l-istess Direttiva.

38.      Kif ġie osservat b’mod partikolari mill-Gvern Belġjan, id-Direttiva dwar l-ilma mormi tieħu in kunsiderazzjoni anki l-każ preżenti. Skond l-Artikolu 3(2) flimkien ma’ l-Anness IA, id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ ġbir għandhom isiru skond l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi. F’dan il-kuntest hemm imsemmija espliċitament il-prevenzjoni ta’ tnixxijiet, u l-limitazzjoni ta’ tniġġis fl-ilmijiet minħabba tifwir ta’ ilma tax-xita. Il-Kummissjoni żżid li, skond l-Artikolu 10, l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban għandhom jiġu ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha. Meta dawn l-impjanti jkunu qed jiġu mfassla, għandhom jiġu kkunsidrati varjazzjonijiet tat-toqol skond l-istaġuni tas-sena.

39.      Għaldaqstant id-Direttiva dwar l-ilma mormi tirregola l-ħruġ ta’ tali ilma mis-sistemi ta’ ġbir u saħansitra taċċetta li l-prevenzjoni ta’ tali ħruġ tikkawża spejjeż eċċessivi fil-każ ta’ użu ta’ l-għarfien tekniku l-iktar avvanzat. Barra minn hekk, skond dawn l-istess prinċipji, ħruġ eventwali għandu jiġi rrimedjat, għaliex din it-tiswija hija parti integrali mill-manutenzjoni obbligatorja tas-sistema ta’ ġbir.

40.      Kuntrarjament għal dak li sostniet l-Environment Agency, id-Direttiva dwar l-ilma mormi ma tonqosx milli tilħaq il-livell ta’ protezzjoni msemmi fid-Direttiva Qafas dwar l-iskart, li fl-Artikolu 4 tipprovdi għal projbizzjoni ta’ skariku ta’ l-iskart li mhuwiex ikkontrollat. Ċertament huwa possibbli li l-ħruġ ta’ ilma mormi jitqies li huwa skariku li mhuwiex ikkontrollat. Madankollu din il-projbizzjoni ma tidhirx li tista’ tapplika għal kull każ ta’ skariku. Pjuttost, il-portata tagħha għandha tiġi ristretta fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li d-detentur ta’ l-iskart ma jistax jiġi akkużat bi skart li mhuwiex ikkontrollat jekk dan aġixxa bid-diliġenza meħtieġa.

41.      Id-Direttiva dwar l-ilma mormi tipprovdi preċiżament il-livell ta’ diliġenza meħtieġ. Fil-fatt hija tipprovdi l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi evitat ħruġ ta’ ilma mormi li mhuwiex ikkontrollat . Għandu jintuża l-għarfien tekniku l-iktar avvanzat u għandu jsir bilanċ bejn l-ispejjeż għall-protezzjoni tas-sistema ta’ ġbir u d-danni li jistgħu jiġu kkawżati fil-każ ta’ tifwir.

42.      Barra minn hekk, il-liġi dwar l-iskart ma tinkludix dispożizzjonijiet ta’ portata usa’ għall-protezzjoni ta’ l-ambjent fir-rigward ta’ l-inċidenti matul it-trasport ta’ l-iskart, li l-livell ta’ regolamentazzjoni tagħhom jista’ jkun nieqes fid-Direttiva dwar l-ilma mormi. B’mod partikolari, il-livelli ta’ sigurtà li għandhom jiġu applikati u l-proporzjonalità tal-miżuri ta’ sigurtà mhumiex irregolati. Rigward it-trasport ta’ l-iskart, l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart jimponu biss reġistrazzjoni u l-verifika regolari. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 259/93, ta’ l-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea(17) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema xierqa għas-sorveljanza u l-kontroll ta’ trasferimenti bil-baħar ta’ skart fit-territorju ta’ ġurisdizzjoni tagħhom. Dan il-livell ta’ protezzjoni jintlaħaq mid-Direttiva dwar l-ilma mormi, peress li l-operatur ta’ l-infrastruttura lokali prevista, jiġifieri tas-sistema ta’ ġbir u ta’ l-impjanti ta’ trattament, huwa magħruf, bħalma hija magħrufa n-natura ta’ l-iskart ittrasportat fis-sistema ta’ ġbir.

43.      Għaldaqstant id-Direttiva Qafas dwar l-iskart, skond l-Artikolu 2(1)(b)(iv) tagħha, flimkien mad-Direttiva dwar l-ilma mormi, ma japplikawx għall-ħruġ ta’ ilma mormi mis-sistema ta’ ġbir. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ sistema ta’ ġbir għandha sseħħ fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

44.      L-Environment Agency – u fl-analiżi finali anki r-Renju Unit u l-Kummissjoni – min-naħa l-oħra jsostnu ġustament li d-Direttiva dwar l-ilma mormi ma tinkludix regoli adattati fil-qasam ta’ l-ilma mormi li mhuwiex ittrattat, wara li dan joħroġ mis-sistema ta’ ġbir.

45.      Huwa biss fil-każ li l-ilma mormi jerġa’ jinġabar fis-sistema ta’ ġbir li d-deroga relattiva terġa’ ssir applikabbli. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tinbidel meta huwa jibqa’ barra mis-sistema ta’ ġbir, fuq kollox meta dan iniġġes xi żoni. Dan jista’ jseħħ, per eżempju, meta l-komponenti likwidi jippenetraw fil-ħamrija filwaqt li dawk solidi jibqgħu fil-wiċċ. Meta din il-penetrazzjoni mhijiex possibbli, fin-nuqqas ta’ miżuri ulterjuri, l-ilma mormi jibqa’ fil-wiċċ sakemm il-komponenti likwidi ma jevaporawx.

46.      F’sitwazzjoni bħal din jistgħu jiġu applikati diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart: skond l-Artikolu 4 għandu jiġi pprojbit mhux biss l-iskariku li mhuwiex ikkontrollat hekk kif huwa ppreċiżat fid-Direttiva dwar l-ilma mormi, iżda wkoll fil-każ ta’ abbandun li mhuwiex ikkontrollat. Wieħed jista’ jassumi li dan iseħħ meta l-persuna responsabbli tħalli l-ilma mormi joħroġ fuq l-uċuħ imniġġsa. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 jipprovdi dispożizzjonijiet dwar l-irkupru u r-rimi ta’ l-iskart. F’dan ir-rigward, is-saħħa tal-bniedem m’għandhiex tiġi ppreġudikata u m’għandhomx ikunu ntużaw proċeduri u metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, billi jqiegħdu f’riskju l-ilma, l-arja, l-art u l-pjanti u l-annimali, billi joħolqu inkonvenjent permezz ta’ ħsejjes jew irwejjaħ jew billi jikkawżaw dannu lill-kampanja jew postijiet ta’ interess partikolari. Għandu jissemma wkoll l-obbligu ta’ kunsinna lil kollettur skond l-Artikolu 8 u d-dispożizzjoni dwar ir-responsabbiltà għall-ispejjeż skond il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas skond l-Artikolu 15.(18)

47.      Għaldaqstant, skond id-Direttiva Qafas dwar l-iskart jista’ jkun neċessarju li jiġi ppumpjat l-ilma mormi akkumulat, li jiġu mneħħija l-komponenti solidi li jibqgħu fil-wiċċ jew – kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan – li tiġi ttrattata l-ħamrija in kwistjoni.(19)

48.      Id-Direttiva dwar l-ilma mormi ma tinkludi l-ebda regola simili. Għaldaqstant bil-kontra ta’ l-opinjoni ta’ l-Olanda, f’din id-Direttiva lanqas jistgħu jinsabu obbligi ta’ eliminazzjoni tal-konsegwenzi. Dan huwa kkontestat minn Thames Water Utilities, mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern Olandiż, meta dawn jikkonkludu li d-Direttiva dwar l-ilma mormi tinkludi sett ta’ regoli ġenerali ta’ portata wiesa’ fil-qasam ta’ l-ilma mormi, li teskludi l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-iskart anki fil-każ ta’ ħruġ.

49.      Minn dan jirriżulta li minkejja d-Direttiva dwar l-ilma mormi, il-liġi dwar l-iskart tapplika għall-ilma mormi li mhux trattat, wara li dan joħroġ mis-sistema ta’ ġbir.

50.      Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mill-argument tal-Gvern Belġjan, li jsostni li jkun hemm kontradizzjoni jekk id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1986, dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-dranaġġ li jintuża fl-agrikoltura(20) teskludi l-ħama tad-dranaġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar l-iskart skond it-tielet premessa u dan ma japplikax fil-każ ta’ l-ilma li joħroġ. Fil-fatt, jeżistu dubji dwar jekk din il-“premessa” għadhiex tirrappreżenta s-sitwazzjoni ġuridika b’mod korrett. Kif enfasizzat l-Environment Agency waqt is-seduta, filwaqt li b’referiment għall-proposta, iktar ċara, tal-Kummissjoni dwar din id-Direttiva(21), din il-“premessa” għadha bbażata fuq il-verżjoni oriġinali tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart. Fil-verżjoni ta’ dak iż-żmien, l-imsemmija Direttiva kienet teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-ilma għall-iskart u l-iskart kollu li huwa suġġett għal regoli Komunitarji speċifiċi, mingħajr kundizzjonijiet ulterjuri(22). Min-naħa l-oħra, skond il-liġi attwali għandu jiġi vverifikat f’liema miżura d-Direttiva 86/278 tinkludi regoli oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart. Anki jekk tali verifika twassal għall-konklużjoni li l-ħama tad-dranaġġ f’sitwazzjoni simili ma jaqax taħt ir-regoli dwar l-iskart, din il-konklużjoni ma tiġix invalidata. Pjuttost, tali differenza tkun iġġustifikata mill-fatt li jeżistu regoli oħra korrispondenti applikabbli għall-qasam ta’ ħama tad-drenaġġ.

51.      Barra minn hekk il-Gvern Belġjan jagħmel taqbil ma’ waħda mis-sentenzi dwar l-irziezet Spanjoli għat-trobbija tal-ħnieżer, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tiddeċiedi li minn ksur eventwali tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli(23) jista’ jiġi konkluż li t-tixrid ta’ demel likwidu huwa ekwivalenti għal rimi ta’ l-iskart b’mod li mhuwiex ikkontrollat.(24) Madankollu, lanqas dan il-konfront ma jinvalida l-konklużjoni.

52.      Qabel xejn, jien ma nqisx li s-sentenza invokata hija konvinċenti fuq dan il-punt. Ksur tad-Direttiva 91/676 permezz tat-tixrid tad-demel likwidu hija ħjiel ulterjuri li d-detentur kellu l-intenzjoni li jeħles minnu. Fil-fatt, l-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tinxtered biss il-kwantità ta’ demel likwidu li l-pjanti jistgħu jużaw bħala fertilizzant. It-tixrid ta’ kwantità superjuri ta’ demel likwidu huwa għaldaqstant mhux biss ħażin għall-ambjent, iżda lanqas iservi bħala fertilizzant, iżda minflok biex jarmih(25).

53.      Madankollu, huwa aktar importanti li jiġi osservat li s-sitwazzjoni eżaminata f’din il-kawża ta’ l-aħħar, rigward razzett għat-trobbija tal-ħnieżer hija kunsiderevolment distinta mill-każ in kwistjoni. Id-demel likwidu m’għandux neċessarjament jitqies li huwa skart f’kull każ minħabba li d-detentur mhux dejjem irid jeħles minnu, iżda jista’ jkun li jrid jużah bħala fertilizzant skond l-organizzazzjoni ta’ l-operat tiegħu.(26) Min-naħa l-oħra, huwa evidenti li d-detentur oriġinali rama l-ilma mormi fis-sistema ta’ ġbir. Ksur eventwali tad-Direttiva dwar l-ilma mormi f’dan il-kuntest – kuntrarjament għall-każ dwar ir-razzett għat-trobbija tal-ħnieżer – bl-ebda mod ma jikkostitwixxi ħjiel possibbli li s-sustanza in kwistjoni hija skart.

54.      Għalkemm issa ġie stabbilit li l-ilma mormi li ħareġ huwa suġġett għal-liġi dwar l-iskart minkejja d-Direttiva dwar l-ilma mormi, huwa possibbli li fir-regoli ta’ l-Istat jeżistu dispożizzjonijiet dwar l-ilma mormi li l-portata tagħhom hija usa’ minn dik tad-Direttiva u jinkludu wkoll l-ilma ta’ skart li joħroġ u ma jinġabarx fis-sistema ta’ ġbir, li jiggarantixxu livell suffiċjenti ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent. Anki tali regoli jeskludu l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-iskart skond l-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart.(27)

55.      Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-kontenut tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni fil-każ preżenti mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun ta’ għajnuna fuq dan il-punt. Minkejja dan, l-argumenti sostnuti mill-partijiet li ppreżentaw sottomissjonijiet – b’mod partikolari r-Renju Unit – jissuġġerixxu li l-eżistenza ta’ tali dispożizzjonijiet fil-Water Industries Act 1991 iċċitat fid-domanda għal deċiżjoni preliminari hija improbabbli. Pjuttost, tali liġi tidher li tillimita ruħha essenzjalment għall-implementazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ l-Environment Protection Act 1990 dwar miżuri kontra ħsarat speċifiċi lill-ambjent, kif iċċitati mit-Thames Water Utilities waqt il-fażi orali, hemm dubju dwar jekk dawn jikkonsistux f’dispożizzjonijiet preċiżi dwar il-ġestjoni ta’ l-ilma mormi bħala skart skond l-Artikolu 1(d) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart(28). Madankollu, l-eżistenza ta’ dan it-tip tista’ tkun neċessarja għall-applikazzjoni tad-deroga msemmija fl-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart.

C –    Dwar l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart

56.      Sabiex jiġu riżolti b’mod eżawrjenti d-domandi preliminari, għandha tingħata tweġiba fl-aħħar nett dwar jekk id-Direttiva dwar l-ilma mormi tinkludix dispożizzjoni speċifika fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, li teskludi l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-iskart għall-ilma mormi li ħareġ minn sistema ta’ ġbir.

57.      Kif dedott f’dan ir-rigward mill-Environment Agency, mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat fis-sentenza AvestaPolarit Chrome li d-dispożizzjonijiet speċifiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart jistgħu japplikaw minflok il-liġi dwar l-immaniġġar ta’ l-iskart mingħajr ma s-sustanzi in kwistjoni jaqgħu barra mill-kamp tagħha ta’ applikazzjoni(29). F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit isemmi, bħala eżempju, is-sentenza Mayer Parry Recycling(30), li kienet tikkonċerna dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-riċiklaġġ ta’ skart ta’ imballaġġ.

58.      Bħalma jsostnu l-Environment Agency u r-Renju Unit, id-Direttiva dwar l-ilma mormi madankollu ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika ekwivalenti fil-qasam ta’ l-ilma mormi li joħroġ minn sistema ta’ ġbir u li ma jerġax jinġabar fis-sistema ta’ ġbir(31). Fil-każ kuntrarju, id-deroga għall-ilma ta’ skart tinkludi wkoll l-ilma li joħroġ u ma jkunx jibqa’ lok għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart.

59.      Il-kwistjoni dwar jekk u fl-liema miżura d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35/KE tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(32) tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi mhijiex rilevanti għall-każ in kwistjoni, minħabba li t-terminu ta’ implementazzjoni jiskadi fit-30 ta’ April 2007 u mhijiex applikabbli għall-ħsarat ikkawżati minn emissjonijiet, avvenimenti jew inċidenti li seħħu qabel it-tali data. Għaldaqstant applikazzjoni tagħha għall-ħruġ ta’ ilmijiet mormija li huwa in kwistjoni f’din il-kawża hija eskluża. Din id-Direttiva lanqas ma ġiet imsemmija mill-partijiet.

60.      Madankollu, fil-ġejjieni, tista’ tqum id-domanda dwar kif il-liġi ġenerali dwar l-iskart topera fir-rigward tal-ħsara lill-ilmijiet jew lill-art, skond id-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2004/35. Dawn il-ħsarat jagħtu lok għal obbligi ta’ rimedju skond l-Artikoli 6 et seq., li jistgħu jkunu ta’ natura iktar speċifika meta mqabbla ma’ l-obbligu ta’ użu jew eliminazzjoni ta’ l-iskart.

61.      Sabiex l-eżami jkun komplet, għandu jissemma l-fatt li d-Direttiva 2004/35 ma tinkludix regoli oħra għall-ilma mormi li jkun ħareġ minn sistema ta’ ġbir, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, inkwantu hija ma tirregolax speċifikament l-ilma mormi bħala skart.

V –    Konklużjoni

62.      Għaldaqstant nipproponi li t-tweġibiet għad-domandi preliminari għandhom ikunu kif ġej:

1.      L-ilma mormi mhux ittrattat li joħroġ minn sistema ta’ ġbir huwa skart fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart.

2.      L-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva 75/442, flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/12 l-ilma ta’ l-iskart fil-mument li dan joħroġ minn sistema ta’ ġbir u jmur fuq ċerti żoni, iżda ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar l-ilma mormi mhux ittrattat, wara li dan joħroġ minn sistema ta’ ġbir.

3.      Id-Direttiva 91/271 ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Diriettiva 75/442, għall-ilma mormi li joħroġ minn sistema ta’ ġbir.


1 – Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż


2 – ĠU L 194, p.47, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart (ĠU L 78, p. 32), kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, ta’ l-24 ta' Mejju 1996, li tadatta l-Annessi IIA u IIB tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart (ĠU L 135, p. 34). Id-Direttiva ġiet abrogata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12/KE, tal-5 ta’ April 2006 (ĠU L 114, p.9) u ssostitwita b’verżjoni kkonsolidata li ma emendatx il-kontenut.


Ara wkoll il-proposta tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Jannar 2006 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart, COM(2005) 667 finali, http://register.consilium.europa.eu/pdf/it/06/st05/st05050.it06.pdf. Dan il-proċess leġiżlattiv li għadu għaddej qiegħed isir bil-ħsieb ta’ reviżjoni fundamentali tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart.


3 – ĠU L 135, p. 40, kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE, tas-27 ta’ Frar 1998, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar ċerti ħtiġijiet stabbiliti fl-Anness I ta' l-istess Direttiva (ĠU L 67, p. 29).


4 – Ara, għall-eżami tad-deroga taħt l-Artikolu 2(1)(b)(iv), is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-62/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, disponibbli biss bl-Ingliż u l-Franċiż, punt 11); tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-416/02, Ġabra p.I-7487, punti 98 et seq.), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja (C-121/03, Ġabra p. I-7569, punti 69 et seq.); dawn l-aħħar żewġ sentenzi jirrigwardaw rispettivament rziezet għat-trobbija tal-ħnieżer u l-karkassi prodotti hemm.


5 – Sentenza tad-19 ta' Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling, C-444/00, (Ġabra p. I-6163, b’mod partikolari l-punti 63-69).


6 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, AvestaPolarit Chrome (C-114/01, Ġabra p. I-8725, punt 52).


7 – Sentenza AvestaPolarit Chrome (iċċitata iktar 'il fuq fin-nota 6, punt 59). Ara wkoll is-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-416/02 u C-121/03, iċċitati iktar 'il fuq fin-nota 4, punt 102 jew C-121/03, punt 72) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tas-7 ta’ Settembru 2007, KVZ retec (C-176/05, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 98).


8 – Is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitati fin-nota 4, C-416/02, punt 99 jew C-121/03 punt 69)


9 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spagna, dwar l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer (iċċitata fin-nota 6, C-416/02, punt 101, u C-121/03 punt 71)


10 – Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ l-10 ta’ April 2003, fil-kawża AvestaPolaritChrome (C-114/01, Ġabra p. I-8725, punt 68).


11 – Bl-Ingliż: where they are already covered by other legislation, bil-Franċiż: “lorsqu'ils sont déjà couverts par une autre legislation”, bl-Ispanjol: “cuando ya estén cubiertos por otra legislación.”.


12 – Sentenza AvestaPolarit Chrome (iċċitata iktar 'il fuq fin-nota 6, punt 52).


13 – Sentenza AvestaPolarit Chrome (iċċitata fin-nota 6, punt 59). Ara wkoll is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota 4, C-416/02, punt 102 jew C-121/03, punt 72) u l-konklużjonijiet tiegħi tas-7 ta’ Settembru 2007, KVZ retec (C-176/05, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 98).


14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, dwar l-irziezet għat-trobbija tal-ħnieżer (iċċitati fin-nota 4, C-416/02, punt 101, u C-121/03 punt 71), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqabbel id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1990, li tistabbilixxi r-regoli veterinarji għar-rimi, l-ipproċessar ta’ l-iskart ta’ l-annimali, għat-tqegħid tiegħu fis-suq u għall-prevenzjoni ta’ patoġeni fl-oġġetti ta’ l-ikel li għandhom l-oriġini mill-annimali jew mill-ħut, u li temenda d-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 363, p. 51) mar-regolament dwar l-iskart, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża KVZ retec (iċċitati fin-nota 7, punti 103 et seq.), fejn inqabbel ir-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru. 1774/2002, tat-3 ta’ Ottubru 2002, li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 273, p.1) fir-rigward tal-vjaġġi bil-baħar ta’ dqiq ta’ annimali ma’ dawk imsemmija fir-Regolament dwar trasport ta’ l-iskart.


15 – Ara l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(2) u (5), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7, l-Artikolu 9, l-Artikolu 12(2) u (3) kif ukoll l-Artikolu 15(1) u (2).


16 – Ara l-punt 25 iktar ‘il fuq.


17 – ĠU L30, p.1 kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 2557/2001, tat-28 ta’ Diċembru 2001, li jemenda l-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 259/93 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 349, p.1).


18 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004 Van de Walle et (C-1/03, Ġabra p. I-7613, punti 56 et seq.)


19 – Ara s-sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota 18, punt 52). F’dan l-istadju għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ l-emenda tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, qed jiġi diskuss jekk għandhiex tiġi eskluża l-estensjoni għall-uċuh imniġġsa. Ara f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1)(f) tal-proposta tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota 2, kif ukoll l-Artikolu 2(2)(b) tal-Proposta Finali ta’ Kompromess tal-Presidenza Finlandiża tal-31 ta’ Ottubru 2006, dokument tal-Kunsill 14750/06, http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/06/st14/st14750.en06.pdf. Madankollu, kull dispożizzjoni ta’ dan it-tip tista' ddgħajjef b'mod kunsiderevoli l-effikaċja prattika tal-liġi Ewropea dwar l-iskart, f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tal-ksur, peress li r-rimi illegali ta’ l-iskart ta’ spiss isir billi dan jitħallat mal-ħamrija. Dan japplika b’mod partikolari għat-tniġġis b'likwidi, iżda dan jista’ jseħħ ukoll fil-każ ta’ abbandun ta’ sustanzi solidi f'postijiet ta' rimi illegali.


20 – ĠU L 181, p. 6.


21 – Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-użu fl-agrikoltura ta’ ħama residwa mill-proċess ta’ trattament, ĠU 1982 C 264, p.3


22 – Ara l-Artikolu 2(2): “għandhom jitħallew barra mill-iskop ta' din id-Direttiva: ... d) ilmijiet għall-iskart, bl-eċċezjoni ta' l-iskart f'għamla likwida; ... f) l-iskart kopert minn regoli Komunitarji speċifiċi.”


23


 – ĠU L 375, p.1.


24 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-416/02, iċċitata fin-nota 4, punt 96).


25 – Ara wkoll il-konklużjonijiet iktar konvinċenti ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-416/02, Ġabra p. I-7487, punti 38 et seq.).


26 – Is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota 4, C-416/02, punt 94 jew C-121/03, punt 65); l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża C-416/02 (iċċitati fin-nota 25, punti 35 et seq.) huma iktar ċari.


27 – Ara s-sentenza AvestaPolarit Chrome (iċċitata fin-nota, punti 49 et seq.).


28 – Ara iktar ‘il fuq, punt 27.


29 – Iċċitata fin-nota 6, punt 48.


30 – Iċċitata fin-nota 5.


31 – Ara iktar ‘il fuq, punt 48.


32 – ĠU l 143, p. 56.