KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

L.A. GEELHOED

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 20061(1)

Kawża C-119/05

Ministero dell’Industria, del Commercio e dell’Artigianato

vs

Lucchini Siderurgica SpA

[Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato, fis-sede ġuridika (Is-Sitt Awla) (L-Italja)]

“KEFA - Irkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3484/85/KEFA, li tistabbilixxi regoli Komunitarji dwar l-għajnuna favur l-industrija ta’ l-azzar – Obbligu ta’ l-Istat li jirkupra l-għajnuna minkejja sentenza li saret res judicata li permezz tagħha qorti ċivili tkun tat deċiżjoni f’sens kuntrarju”





I –    Daħla

1.        Din hija kawża li terġa’ tqajjem il-kwistjoni dwar l-intanġibbiltà ta’ l-awtorità ta’ res judicata. Din id-darba hija l-awtorità ta’ res judicata b’sentenza ċivili ta’ qorti Taljana, li tafferma l-obbligu ta’ l-Istat Taljan li jħallas għajnuna mwiegħda kundizzjonalment, fir-rigward ta’ l-effett legali ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni fejn din l-għajnuna ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-proċedura sussegwenti ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mad-dritt Komunitarja, il-benefiċjarju ta’ l-istess għajnuna jqajjem kontra l-awtoritajiet Taljani l-eżistenza ta’ sentenza tal-qorti Taljana li saret res judicata. Il-kwistjoni fundamentali hija, sostanzjalment, jekk sentenza tal-Qorti Nazzjonali tistax tostakola l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni biex tivverifika l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni u, jekk dan huwa l-każ, li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment.

II – Id-dispożizzjonijiet rilevanti

A –    Id-dritt Komunitarju

2.        L-Artikolu 4(c) KEFA jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jagħtu sussidji jew għajnuna ta’ kwalunkwe tip fis-settur ta’ l-azzar.

3.        Fid-dawl tal-kriżi gravi fis-settur ta’ l-azzar fl-Ewropa, sa mill-1980 ingħataw bosta derogi minn din il-projbizzjoni assoluta. Id-derogi għandhom bħala bażi legali l-ewwel u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA.

4.        Mit-tieni nofs ta’ l-1981 sat-tmiem ta’ l-1985 kienet fis-seħħ id-Deċiżjoni Nru  2320/81/KEFA(2), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Nru 1018/85/KEFA(3), l-hekk imsejjaħ it-tieni kodiċi dwar l-għajnuna. L-iskop ta’ dan il-kodiċi kien li jippermetti l-għoti ta’ għajnuna bl-għan li jerġa’ jqajjem dan is-settur u jġib lura l-kapaċità produttiva fuq il-livell tat-talba. Din l-għajnuna kienet ta’ natura provviżorja u kienet teħtieġ approvazzjoni minn qabel. Għal dan l-iskop il-kodiċi kien jipprevedi proċedura ta’ l-approvazzjoni apposta.

5.        L-Artikolu 8(1) tat-tieni kodiċi dwar l-għajnuna jgħid:

“Il-proġetti maħsuba sabiex jistabbilixxu jew jimmodifikaw l-għajnuna għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fi żmien biżżejjed, sabiex tagħti l-osservazzjonijiet tagħha [...]. [...] L-Istat Membru interessat jista’ jġib fis-seħħ il-miżuri maħsuba bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha biss”.

6.        Mill-1 ta’ Jannar 1986 dan il-kodiċi ġie ssostitwit mit-tielet kodiċi dwar l-għajnuna, stabbilit mid-deċiżjoni Nru. 3484/85/KEFA(4), fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1986 sal-31 ta’ Diċembru 1988. Dan il-kodiċi dwar l-għajnuna kien aktar limitat f’termini ta’ derogi għall-projbizzjoni ta’ l-għajnuna fis-settur. Taħt l-Artikolu 3 tat-tielet kodiċi dwar l-għajnuna, setgħet tingħata kontribuzzjoni biex l-installazzjonijiet jiġu adattati għar-rekwiżiti ambjentali. L-għajnuna mogħtija ma setgħet f’l-ebda każ taqbeż il-limitu ta’ 15 % tas-sussidju nett ekwivalenti għall-ispejjeż ta’ l-investiment direttament relatati mar-rekwiżiti ambjentali relattivi.

7.        L-Artikolu 1(3) tat-tielet kodiċi dwar l-għajnuna jispeċifika li l-għajnuna prevista f’dak il-kodiċi setgħet tingħata biss skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 u ma setgħetx tagħti lok għal ħlas wara l-31 ta’ Diċembru 1988.

8.        L-Artikolu 6 (1), (2) u (4), tat-tielet kodiċi dwar l-għajnuna jipprovdi:

“1. Il-proġetti maħsuba sabiex jistabbilixxu jew jimmodifikaw l-għajnuna għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni, f’biżżejjed żmien biex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-każ [...].Bl-istess mod hija għandha tiġi mgħarrfa dwar il-proġetti maħsuba biex japplikaw fis-settur ta’ l-azzar sistemi ta’ għajnuna li dwarhom hija diġà tat deċiżjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE. In-notifiki tal-proġetti ta’ għajnuna msemmija f’dan l-Artikolu għandhom isiru sat-30 ta’ Ġunju 1988.

2. Il-proġetti kollha ta’ intervent finanzjarju (sehem f’ishma, għoti ta’ kapital jew miżuri simili) min-naħa ta’ l-Istati Membri, entitajiet territorjali jew organi li jużaw għal dan l-għan ir-riżorsi pubbliċi, favur intrapriżi ta’ l-azzar għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, f’biżżejjed żmien biex tkun tista’ tieħu deċiżjoni f’dan is-sens, u mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1988.

Il-Kummissjoni tivverifika jekk dawn l-interventi għandhomx elementi ta’ għajnuna, skond l-Artikolu 1, paragrafu 2, u eventwalment tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 5.

[...]

4. Jekk, wara li tkun stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni tqis li għajnuna mhijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, hija tgħarraf lill-Istat Membru interessat bid-deċiżjoni tagħha. Il-Kummissjoni tiddeċiedi mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-għajnuna in kwistjoni.Jekk Stat Membru ma jħarisx din id-deċiżjoni, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat KEFA. L-Istat Membru in kwistjoni ma jistax jeżegwixxi miżuri ppjanati bħal dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 jekk mhux bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha”.

9.        It-tielet kodiċi dwar l-għajnuna ġie ssostitwit permezz tad-Deċiżjoni Nru 322/89/KEFA(5), l-hekk imsejjaħ ir-raba’ kodiċi dwar l-għajnuna. Dan ir-raba’ kodiċi kien fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1989 sal-31 ta’ Diċembru 1991. L-Artikolu 3 tar-raba’ kodiċi dwar l-għajnuna huwa identiku għat-test ta’ l-Artikolu 3 tat-tielet kodiċi dwar l-għajnuna.

10.      Minn meta ġie mħassar it-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002, is-sistema dwar l-għajnuna tal-KE tapplika wkoll għall-għajnuna mogħtija lill-industrija ta’ l-azzar.

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Il-Liġi tat-2 ta’ Mejju 1976, Nru 183 (iktar ’il quddiem: il-“Liġi Nru 183/1976”) (6), tipprovdi l-possibbiltà li tingħata għajnuna finanzjarja diretta, u r-rimborż ta’ l-imgħax, sa 30 % ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment għall-proġetti industrijali fin-Nofsinhar (ta’ l-Italja).

12.      L-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jipprovdi li ma jistgħux jiġu rrevokati deċiżjonijiet li jinsabu f’sentenza li saret res judicata u għalhekk, mill-perspettiva proċedurali, huma preklużi kontestazzjonijiet ġodda jew deċiżjonijiet ġodda dwar kontroversji li dwarhom organu ġuridiku jkun ta deċiżjoni finali. Skond il-qorti tar-rinviju, din ir-regola ma tgħoddx biss għal raġunijiet invokati fi proċedura preċedenti, iżda wkoll għal raġunijiet li setgħu jiġu invokati.

III – Il-kuntest fattwali u proċedurali – domandi preliminari

Il-fatti/Kronoloġija

13.      Il-fatti, kif jistgħu jiġu stabbiliti fid-dawl ta’ l-atti tal-kawża, huma dawn li ġejjin (f’ordni kronoloġika):

–        fis-6 ta’ Novembru 1985 is-sid preċedenti ta’ Lucchini Siderurgica SpA (iktar ’il quddiem: “Lucchini”) talab l-għajnuna finanzjarja prevista mil-Liġi Taljana Nru 183/1976. Għal investiment totali ta’ ITL 2 550 miljun biex timmodernizza xi installazzjonijiet, hija talbet self ta’ ITL 1 021 miljun b’rata favorevoli, kif ukoll finanzjament mill-Istat ta’ ITL 765 miljun (li jikkorrispondi għal 30 % ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment).

–        Permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 1986 l-istitut ta’ kreditu inkarigat li jeżamina t-talba għal finanzjament tat self ta’ ITL 1 021 miljun għal żmien ta’ 10 snin, b’rata favorevoli ta’ 4,25 %.

–        Fl-20 ta’ April 1988 l-awtoritajiet kompetenti Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 6 (1) tat-tielet kodiċi dwar l-għajnuna, l-intenzjoni li jagħtu l-għajnuna lil Lucchini. Skond in-notifika, din kienet għajnuna għal investiment għall-ħarsien ta’ l-ambjent, għal ammont ta’ ITL 2 550 miljun li kellha tingħata permezz ta’ self issussidjat b’rata favorevoli (is-sussidju kellu jkun ta’ ITL 367 miljun) u kontribuzzjoni mill-Istat (għal ITL 765 miljun).

–        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 1988 il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar din l-għajnuna, dwar in-natura ta’ l-investimenti ssussidjati u dwar il-kundizzjonijiet preċiżi tas-self mitlub (perċentwal, dewmien). F’din l-ittra ntalbet ukoll indikazzjoni jekk l-għajnuna ngħatatx fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ regola ġenerali favur il-ħarsien ta’ l-ambjent, biex ikun possibbli li l-installazzjonijiet jiġu adattati għar-regola ġdida fis-seħħ, b’indikazzjoni wkoll tar-regoli in kwistjoni. L-awtoritajiet kompetenti Taljani ma rrispondewx għal din it-talba.

–        Fis-16 ta’ Novembru 1988 l-amministrazzjoni kompetenti Taljana (f’dak iż-żmien AGENSUD) bid-Deċiżjoni Nru 7372, minħabba li kienet qed toqrob l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien sabiex tingħata l-għajnuna fis-seħħ fit-tielet kodiċi dwar l-għajnuna (31 ta’ Diċembru 1988), tat lil Lucchini, taħt titolu provviżorju, għajnuna ta’ ITL 382 500 000, li huwa daqs 15 % ta’ l-investiment totali (minflok it-30 % previst mil-Liġi Nru 183/76), li kien bi ħsiebha tagħtih qabel il-31 ta’ Diċembru 1988, skond kif kien jipprovdi t-tielet kodiċi dwar l-għajnuna. Madankollu l-għoti tas-sussidju għall-imgħax ġie miċħud, minħabba li f’każ kuntrarju l-ammont totali ta’ l-għajnuna kien jaqbeż il-limitu ta’ 15 % li kien konsentit mit-tielet kodiċi dwar l-għajnuna. Skond l-Artikolu 6 tat-tielet kodiċi dwar l-għajnuna, l-għoti ta’ l-għajnuna kienet soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, u AGENSUD ma tatx il-kontribuzzjoni.

–        Fit-13 ta’ Jannar 1989 il-Kummissjoni, peress li ma setgħetx tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna totali, mingħajr nuqqas ta’ kjarifiki xierqa mogħtija mill-awtoritajiet Taljani, fetħet il-proċedura prevista fl-Arikolu 6(4) tal-kodiċi dwar l-għajnuna. Din ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tat-23 ta’ Marzu 1990 (7).

–        Sa dak iż-żmien, fis-6 ta’ April 1989, peress li Lucchini kienet għadha ma rċevietx l-għajnuna, ressqet lil AGENSUD quddiem il-qorti ċivili (it-Tribunal Ċivili u Kriminali ta’ Ruma) sabiex tistabbilixxi d-dritt tagħha għal ħlas ta’ somma ta’ ITL 765 miljun (30 % ta’ l-investiment totali) u ta’ somma ta’ ITL 367 miljun (bħala kontribuzzjoni għal interessi), skond il-Liġi Nru 183/1976.

–        B’faks tad-9 ta’ Awwissu 1989 l-awtoritajiet Taljani pprovdew lill-Kummissjoni aktar kjarifiki dwar l-għajnuna in kwistjoni, fil-kuntest tal-proċedura mibdija minnha.

–        B’ittra tat-18 ta’ Ottobru 1989 il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Taljani li r-risposta tagħhom ma kinitx biżżejjed, għaliex kienu jonqsu xi dettalji. F’din l-ittra l-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, fin-nuqqas ta’ risposta aċċettabbli fi żmien 15-il jum ta’ xogħol, hija setgħet tieħu deċiżjoni fuq bażi ta’ l-informazzjoni li diġà kellha. Din l-ittra baqgħet mingħajr risposta.

–        Fl-20 ta’ Ġunju 1990 il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni Nru 90/555/KEFA, iddikjarat b’mod definittiv li l-ghajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni, u ppubblikat din id-deċiżjoni fi stqarrija lill-istampa(8). Wara hija informat lill-awtoritajiet Taljani permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Lulju 1990 (9). Fl-aħħar nett id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali fl-14 ta’ Novembru 1990(10). La Lucchini, u lanqas il-Gvern Taljan ma kkontestaw din id-deċiżjoni.

–        Fl-24 ta’ Lulju 1991 il-qorti Taljana laqgħet it-talba ta’ Lucchini fl-ewwel istanza. Din is-sentenza hija bbażata fuq il-Liġi Nru 183/1976.

–        Fis-6 ta’ Mejju 1994 il-Qorti ta’ l-Appell ikkonfermat fl-appell is-sentenza tal-Qorti Ċivili u Kriminali ta’ Ruma. Peress li ma ġietx appellata quddiem il-Qorti ta’ Kassazzjoni, din is-sentenza saret res judicata.

–        Minħabba li fl-20 ta’ Novembru 1995 l-ammonti ta’ għajnuna kienu għadhom ma ngħatawx, Lucchini talbet u kisbet inġunzjoni li biha talbet il-ħlas. Dan id-digriet ġie nnotifikat lill-organu kompetenti (fil-preżent, il-Ministeru ta’ l-Industrija) fid-29 ta’ Diċembru 1995. Fi Frar 1996 Lucchini talbet u kisbet il-qbid tal-parking tal-karozzi tal-Ministeru ta’ l-Industrija, responsabbli dwar il-kwistjoni, peress li dan kien għadu ma eżegwiex l-ordni ta’ inġunzjoni.

–        Sussegwentament, fit-8 ta’ Marzu 1996, il-Ministeru adotta d-Digriet Nru 17975, li bih, biex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell, għamel l-għotja ta’ kapital ta’ ITL 765 miljun u kontribuzzjoni ta’ l-imgħax ta’ ITL 367 miljun. Fid-digriet kien hemm klawżola li kienet tispeċifika li l-għajnuna kienet tiġi revokata kollha kemm hi, jew parzjalment, f’każ ta’ deċiżjoni Komunitarja negattiva dwar il-validità ta’ l-għoti u l-ħlas ta’ din l-għajnuna. Fis-16 ta’ April 1996 tħallsu l-ammonti msemmija, miżjuda bl-interessi legali.

–        Fil-15 ta’ Lulju 1996 il-Kummissjoni osservat li, fid-dawl tad-Deċiżjoni Nru 90/555 u tat-tielet kodiċi dwar l-għajnuna, is-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell u d-Digriet Nru 17975 kienu jmorru kontra d-dritt Komunitarju, u stiednet lill-gvern Taljan jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

–        Dawn l-osservazzjonijiet intbagħtu permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 1996. Il-Ministeru ta’ l-Industrija enfasizza li l-għajnuna ngħatat taħt kundizzjoni specifika dwar l-irkupru.

–        Fis-16 ta’ Settembru 1996 il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet Taljani jiġbru lura l-għajnuna, u fin-nuqqas kienet ser tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 88 tat-Trattat KEFA.

–        Fl-20 ta’ Settembru 1996 il-Ministeru ta’ l-Industrija ħareġ digriet ġdid, jiġifieri d-Digriet Nru 20357, li bih irrevoka l-għajnuna mogħtija u ordna l-irkupru tagħha.

–        Fis-16  ta’ Novembru 1996 Lucchini kkontestat dan id-digriet quddiem il-qorti amministrattiva (it-Tribunal amministrativ reġjonali ta’ Lazio), u ssollevat fost l-oħrajn l-intanġibbiltà tad-dritt għall-għajnuna, minħabba li s-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell kienet saret res judicata. Fl-1 ta’ April 1999 ir-rikors ta’ Lucchini ġie ddikjarat fondat.

–        Fit-2 ta’ Novembru 1999 l-Avvocatura dello Stato, f’isem il-Ministeru ta’ l-Industrija, appella din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato.

–        Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Ottobru 2004 il-Consiglio di Stato talab deċiżjoni preliminarja fir-rigward tas-soluzzjoni dwar l-inkompatibbiltà bejn is-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell li saret res judicata u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 90/555.

Id-domandi preliminari

14.      Il-Kunsill ta’ l-Istat, fis-sede ġuriżdizzjonali (is-Sitt Awla) ippreżenta lill-Qorti dawn id-domandi:

“1) Jekk, bis-setgħa tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju li huwa direttament applikabbli, ikkostitwit fil-każ in kwistjoni bid-Deċiżjoni Ġenerali KEFA 3484 ta’ l-1985, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Ġunju 1990, innotifikata fl-20 ta’ Lulju 1990, u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 1996 Nru 5259, dwar l-ordni ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna – atti li bis-saħħa tagħhom kollha ġie adottat l-att ta’ rkupru kkontestat fil-kawża preżenti (jiġifieri d-Digriet Nru 20357 ta’ l-20 ta’ Settembru 1996 dwar revoka tad-Digriet Nru 17975 tat-8 ta’ Marzu 1996 u d-Digriet Nru 18337 tat-3 ta’ April 1996) huwiex ġuridikament possibbli u obbligatorju l-irkupru ta’ l-għajnuna min-naħa ta’ l-amministrazzjoni interna kontra benefiċjarju privat, minkejja sentenza ċivili li tafferma l-obbligu mingħajr kundizzjonijiet, ta’ l-istess ħlas.

2) jiġifieri jekk, fuq bażi tal-prinċipju stabbilit skond liema d-deċiżjoni dwar l-irkupru ta’ l-għajnuna hija rregolata mid-dritt Komunitarju, iżda l-implementazzjoni u l-proċess relatat ta’ rkupru, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-kwistjoni, huma rregolati mid-dritt nazzjonali (dwar dan il-prinċipju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1983, kawżi konġunti 205/82 sa 215/82, Deutsche Milchkontor et vs Bundesamt für Ernährung und Forstwirtsschaft), il-proċess ta’ rkupru ma jsirx ġuridikament impossibbli minħabba deċiżjoni ġudizzjarja effettiva, li saret res judicata (l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili) li tipproduċi l-effetti tagħha bejn individwu u l-amministrazzjoni u tobbliga lill-amministrazzjoni tikkonforma magħha”.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Lucchini, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern tar-Repubblika Ċeka, mill-Gvern ta’ l-Olanda u mill-Kummissjoni. Il-partijiet kollha ppreżentaw il-pożizzjoni tagħhom skond il-proċedura orali matul is-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2006.

IV – Kunsiderazzjonijiet

A –    L-argumenti tal-partijiet

16.      F’din il-kawża partikolari ħafna, li fiha għandha tiġi eżaminata u evalwata r-relazzjoni bejn waħda mir-regoli fundamentali tad-dritt Komunitarju, jiġifieri l-Artikolu 88 KE, u l-prinċipju ta’ res judicata, jidher xieraq li jiġu eżaminati b’attenzjoni partikolari l-argumenti mressqa mill-partijiet fil-proċedura prinċipali, mill-Istati Membri intervenjenti u mill-Kummissjoni.

17.      Sostanzjalment, Lucchini u l-Gvern tar-Repubblika Ċeka jsostnu l-argument skond liema deċiżjoni ġuridika li tkun saret res judicata għandha tirbaħ fuq l-interess Komunitarju fl-irkupru ta’ għajnuna mogħtija kontra d-dritt Komunitarju. Huma jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza fil-kawżi Eco‑Swiss(11), Köbler(12), Kühne & Heitz(13) u Kapferer(14). Anke l-Gvern Taljan, dak Olandiż u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-importanza tal-prinċipju ta’ l-awtorità tar-res judicata, kif applikat f’din il-ġurisprudenza ċċitata, filwaqt li jirritjenu li dan il-prinċipju ma kienx applikabbli fil-kawża in eżami, jew inkella billi jsostnu li kien meħtieġ li ssir deroga minn dan il-prinċipju.

18.      L-ewwel nett Lucchini tikkontesta l-ammissibbiltà tad-deċiżjoni għar-rinviju. L-argumenti mressqa minnha huma bbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ regola Komunitarja li għandha tiġi interpretata, fuq in-nuqqas ta’ kwistjoni li trid tiġi solvuta u fuq il-fatt li d-domandi mressqa għandhom natura sempliċement teoretika. Barra minn dan, alternattivament, Lucchini qed tikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni 90/555/ KEFA, minħabba xi irregolaritajiet proċedurali allegati.

19.      Fuq il-mertu, Lucchini tirreferi għal ġurisprudenza stabbilita skond liema hi l-unika difiża li tista’ titressaq minn Stat Membru kontra azzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Art. 88(2) KE, hija l-impossibbiltà assoluta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi eżegwita b’mod korrett. Hija tafferma li din l-impossibbiltà hija konsegwenza ta’ l-eżistenza ta’ sentenza li ma tistax tiġi appellata u li ma fiha l-ebda kundizzjoni tal-Qorti ta’ l-Appell.

20.      Lucchini tirrikonoxxi l-eżistenza tal-prinċipju li jimplika li għajnuna statali ma tistax tingħata meta hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, skond Lucchini, teżisti regola ġuridika ta’ grad ogħla, skond liema operaturi kollha tas-suq jistgħu jqisu ruħhom imħarsa mill-prinċipju ta’ l-awtorità ta’ res judicata, li huwa bbażat fuq il-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali.

21.      Minbarra s-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka, flimkien ma’ Lucchini, jinvoka l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru. 659/1999(15), fejn huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma timponix l-irkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Skond il-Gvern Ċek, din is-sitwazzjoni tifforma ruħha meta jkun hemm res judicata.

22.      Skond il-Gvern Taljan, il-prinċipju ta’ l-awtorità ta’ res judicata mhuwiex applikabbli, peress illi jippreżupponi deċiżjoni li tkun kisbet effetti li jorbtu bejn l-istess partijiet, li għandha l-istess suġġett u li tkun ibbażata fuq l-istess bażi ġuridika(16).

23.      Din it-tielet kundizzjoni mhijiex issodisfata minħabba li, minn naħa waħda, id-differenzi bejn il-proċedura tar-dritt ċivili waslet għas-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell u l-proċedura amministrattiva li għadha pendenti quddiem l-organu ġuridiku tar-rinviju, u min-naħa l-oħra, mill-fatt li s-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell mhijiex ibbażata fuq it-tielet kodiċi dwar l-għajnuna u lanqas ma ħadet in kunsiderazzjoni d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 90/555/KEFA.

24.      Barra minn hekk, il-Gvern Taljan josserva li Lucchini ma tistax tinvoka l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħha. Kull impriża taf sewwa li dritt għall-għoti ta’ għajnuna jista’ jiġi bbażat biss fuq deċiżjoni ta’ approvazzjoni kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew. Ukoll jekk fuq il-livell nazzjonali hemm sentenza li saret res judicata,dan ma jfissirx awtomatikament li impriża tista’ tirċievi l-għajnuna. Fil-fatt l-ewwel hemm bżonn li wieħed jistenna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li mhijiex marbuta mis-sentenza tal-Qorti Nazzjonali. Għalhekk ma teżisti ebda aspettattiva leġittima li jistħoqqilha l-protezzjoni kontra tentativi ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna. Il-Gvern Taljan josserva wkoll li Lucchini setgħet tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-Gvern Taljan isostni li fil-kuntest tas-sistema ta’ għajnuna Komunitarja, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti Taljana hija limitata. Fil-fatt hija ma tistax tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, u għalhekk l-effettività ta’ sentenza li saret res judicata fil-każ in kwistjoni għandha portata limitat.

25.      Il-Gvern Olandiż jiddefinixxi s-sitwazzjoni in eżami bħala partikolari, fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali jistgħu ma jiġux applikati l-prinċipji ta’ res judicata u l-awtonomija proċedurali nazzjonali. Fil-fatt, skond dan il-Gvern, filwaqt li jirreferi għas-sentenza Kapferer, wieħed irid jibda mill-presuppost li ma jistax jiġi aċċettat ksur tal-prinċipju ta’ l-awtorità ta’ res judicata. Li deċiżjoni ġuridika li tkun saret definitiva tiġi kkontestata jikkostitwixxi ksur gravi tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u ta’ l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u fil-fatt jikkomprometti l-awtorità tas-setgħa ġudizzjarja inkwantu tali. Fit-tieni lok, il-Gvern Olandiż jirreferi għall-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali nazzjonali. Bħala prinċipju, għalhekk, deċiżjoni tal-qorti li saret irrevokabbli tista’ tiġi kkontestata minħabba inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju biss jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali jippermettu dan.

26.      Madankollu, il-Gvern Olandiż, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ħafna tal-każ in eżami, jaħseb li din hija sitwazzjoni eċċezzjonali. Fil-każ in kwistjoni, skond il-fehma Olandiża, din hija sitwazzjoni fejn hemm (1) deċiżjoni ġudizzjarja dwar għajnuna mill-Istat, li huwa settur ta’ kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, (2) hemm deċiżjoni preċedenti speċifika tal-Kummissjoni, li minnha jirriżulta li d-deċiżjoni tal-qorti adottata sussegwentament hija kontra d-dritt Komunitarju, u f’dan ir-rigward jiġi rrilevat li l-organi kollha ta’ Stat Membru, ukoll il-Qorti Nazzjonali, huma marbuta minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, u (3) il-Qorti Nazzjonali u l-partijiet involuti fil-proċedura nazzjonali kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-għajnuna diġà kienet ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fehma tal-gvern Olandiż, l-effett utli tar-regoli dwar l-għajnuna li huma fit-Trattat jonqos jekk, f’sitwazzjoni eċċezzjonali bħal dik in eżami, wieħed jaċċetta li l-għoti lura ta’ l-għajnuna ma jkunx jista’ jsir f’ebda każ.

27.      Skond il-Kummissjoni hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn l-awtorità mogħtija lis-sentenzi li fihom jiġu stabbiliti drittijiet tal-partijiet li jistgħu jiddisponu minnhom b’mod ħieles, fil-kuntest tal-proċeduri bejn il-partijiet, u l-awtorità tas-sentenzi ta’ organi giuridici nazzjonali fis-settur ta’ l-għajnuna mill-Istat, fejn l-interessi ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u dawk tal-benefiċjarji spiss huma paralleli u fejn il-kwistjoni, fundamentali għaż-żewġ partijiet, dwar il-leġittimità ta’ l-għajnuna hija rregolata minn dispożizzjonijiet Komunitarji vinkolanti.

28.      Fuq kollox il-Kummissjoni tfakkar l-obbligu skond id-dritt Komunitarju li jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni stess il-proposta li tingħata l-għajnuna. Dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni preliminari japplika għall-Istat Membru inkwantu tali, jkun liema jkun l-organu li jagħti l-għajnuna, u b’hekk japplika wkoll għall-organi ġuridiċi. Il-fatt li l-għajnuna tingħata skond sentenza speċifika ta’ Qorti Nazzjonali ma jeħlisx lill-Istat Membru mill-obbligu li jikkomunika minn qabel l-għajnuna u li ma jagħtihiex qabel ma l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha. Barra minn hekk, ir-relazzjoni bejn l-organu li jagħti l-għajnuna u dak responsabbli għall-komunikazzjoni ta’ l-għajnuna hija kwistjoni ta’ dritt intern, li ma tistax tostakola l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

29.      Il-preżunzjoni li sentenza ta’ Qorti Ċivili tista’ tostakola l-irkupru ta’ għajnuna, fil-fehma tal-Kummissjoni, toħloq konfużjoni bejn iż-żewġ livelli diversi tagħhom: dak tal-proċedura nazzjonali (b’mod partikolari l-effetti ta’ sentenza ta’ qorti ċivili dwar is-setgħat ta’ l-amministrazzjoni pubblika) u l-proċedura li tirriżulta fl-għoti ta’ għajnuna, li ma tippresupponix biss il-perfezzjonament tal-proċedura nazzjonali iżda, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx approvat l-għajnuna nnotifikata, l-obbligi imposti mid-dritt Komunitarju wkoll.

30.      Fil-każ in kwistjoni, l-awtorità kompetenti Taljana nnotifikat lill-Kummissjoni l-proposta li tikkonċedi għajnuna, skond it-tielet kodiċi dwar l-għajnuna mill-Istat. Id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità nazzjonali, fuq talba għal għajnuna minn Lucchini, kien fiha riżerva, jiġifieri dik ta’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu l-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, u għalhekk id-deċiżjoni nazzjonali ma kellha ebda effett.

31.      Huwa biss fi stadju sussegwenti ħafna li l-qorti Taljana (l-ewwel il-Qorti Ċivili u Kriminali u mbagħad il-Qorti ta’ l-Appell) irrikonoxxa d-dritt suġġettiv ta’ Lucchini li tingħata l-għajnuna kkontestata. Dan wassal lill-awtoritajiet Taljani jikkonċedu l-għajnuna permezz ta’ digriet, ukoll jekk dan id-digriet kien jinkludi riżerva.

32.      Il-Kummissjoni tidħol fid-dettall fuq żewġ ipoteżijiet, waħda fejn l-għajnuna mogħtija hija l-għajnuna evalwata mill-Kummissjoni, u l-oħra fejn l-għajnuna hija minflok differenti minn dik innotifikata u evalwata. Fiż-żewġ każijiet xorta joħroġ b’mod ċar ħafna mill-ġurisprudenza x’ġurisdizzjoni għandha l-qorti. Fl-ewwel każ, hija marbuta bid-deċiżjoni fejn l-għajnuna hija ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u għandha toqgħod fuq il-konsegwenzi li din id-deċiżjoni timponi. Fit-tieni każ, tiġi applikata r-regola ta’ standstill skond l-88(3) KE, li għandha effett dirett, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

33.      Fil-fatt, din hija deċiżjoni fuq livell Komunitarju li ma tistax tiġi appellata. Din id-deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata, li wkoll hija espressioni taċ-ċertezza legali, torbot l-organi kollha ta’ l-Istat Taljan. Minbarra dan, skond il-Kummissjoni, l-awtorità ta’ res judicata tal-qorti Taljana tirrigwarda biss il-fażi nazzjonali, mingħajr ebda impatt fuq livell Komunitarju.

34.      Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-ġurisprudenza(17)skond liema d-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu applikati b’tali mod li ma jagħmlux prattikament impossibbli l-irkupru ta’ l-għajnuna skond id-dritt Komunitarju u biex jitqies b’mod sħiħ l-interess Komuintarju, kif ukoll il-ġurisprudenza(18) li minnha joħroġ il-fatt li s-supremazija tad-dritt Komunitarju xi drabi timplika li ċ-ċertezza legali ssir relattiva.

35.      Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tosserva li s-supremazija tad-dritt Komunitarju tista’ tfisser li kull att nazzjonali ta’ natura amministrativa jew ukoll leġiżlattiva għandu jċedi fil-każ ta’ kunflitt ma’ ta’ l-ewwel. Hija ma tifhimx kif dan ma jistax jgħodd fil-każ li sentenza kuntrarja għad-dritt Komunitarju tkun kisbet effett ta’ res judicata.

B –    Analiżi

36.      Id-digrieti ġuridiċi nazzjonali kollha ta’ l-Istati Membri jagħrfu l-prinċipju tar-res judicata, l-awtorità ta’ kwistjoni li ġiet deċiża. Huwa fl-interess taċ-ċertezza legali li s-sentenzi li kontra tagħhom ma jistax ikun hemm appell ma jkunux aktar jistgħu jiġu kkontestati fir-relazzjonijiet soċjali, jiġifieri li jsiru fatt ġuridiku li jorbot lill-partijiet. Dan ifisser li hija eskluża kull possibbiltà li jsir appell ġdid li għandu l-istess suġġett, l-istess partijiet u l-istess argumenti.

37.      Minn eżami komparattiv, jirriżulta madankollu li minkejja r-rilevanza kbira mogħtija lill-awtorità ta’ res judicata, l-effetti tagħha mhumiex assoluti. Fid-diversi sistemi ġuridiċi nazzjonali huwa possibbli li jkun hemm derogi għall-prinċipju ta’ l-awtorità ta’ res judicata, anki taħt kundizzjonijiet riġidi ħafna(19). Dan jista’ jseħħ, per eżempju, f’-każ ta’ frodi, jew jekk fis-sentenza li m’għadhiex tista’ tiġi kkontestata jinstab ksur enormi tad-drittijiet fundamentali. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-awtorità ta’ res judicata ma tistax tkopri l-ksur tad-drittijiet (Komunitarji) fundamentali(20).

38.      L-awtorità ta’ res judicata hija rrispettata anke fis-sistema legali Komunitarja(21). L-argumenti li jitressqu huma l-istess bħal dawk imressqa mis-sistema legali nazzjonali. Barra minn hekk l-importanza ta’ dan il-prinċipju hija rrikonoxxuta wkoll fir-relazzjoni bejn id-dritt Komunitarju u dak nazzjonali u hija kkonfermata wkoll fis-sentenzi diġà ċċitati Eco Swiss, Köbler, Kühne & Heitz u Kapferer.

39.      Madankollu huwa neċessarju li jiġi osservat li fl-ebda minn dawn is-sentenzi ma kien qed jiġi diskuss l-eżerċizzju ta’ fakultà Komunitarja inkwantu tali.

40.      Fil-kawża Köbler, id-dritt Komunitarju ma ġiex applikat b’mod korrett mill-qorti ta’ l-aħħar istanza. Minn dan, taħt kundizzjonijiet determinati, tista’ tirriżulta l-possibbiltà li jsir rikors għar-riżarċiment tad-danni. Is-sentenza in eżami madankollu ma kellhiex effett dirett fuq l-eżerċizzju tas-setgħat Komunitarji.

41.      Ukoll fil-kawża Kühne & Heitz, il-qorti applikat id-dritt Komunitarju b’mod żbaljat. Lanqas f’dan il-każ ma kien qed jiġi diskuss l-eżerċizzju tas-setgħat Komunitarji.

42.      L-istess jgħodd għall-kawżi Eco Swiss u Kapferer, fejn il-kontestazzjoni kienet possibbli, iżda l-partijiet kienu ħallew it-terminu ta’ żmien jiskadi.

43.      Fil-kawża Eco Swiss, deċiżjoni ta’ arbitraġġ temporanja li kellha n-natura ta’ deċiżjoni definittiva ġiet ikkontestata tardivament. It-termini stabbiliti fiha ma kinux tali li jagħmlu diffiċli wisq jew prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi d-dritt Komunitarju ma jimponix fuq il-Qorti Nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali rilevanti, lanqas jekk dan ikun meħtieġ biex tkun possibbli l-eżaminazzjoni ta’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju(22).

44.      Fil-bidu, fil-kawża Kapferer taħt ir-Regolament (KE) Nru 44/2001(23), ġiet eċċepita n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li kienet qed tisma’ l-kawża. Din l-eċċezzjoni ġiet miċħuda, iżda ġiet milqugħa fuq il-mertu tat-talba tal-kontroparti tas-Sinjura Kapferer, kumpannija ta’ bejgħ bil-posta. Il-kumpannija ma qisitx opportun li terġa’ tqajjem l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fil-proċedura ta’ l-appell magħmul mis-sinjura Kapferer, u għalhekk dik il-parti tas-sentenza saret res judicata. Anki f’din is-sitwazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dritt Komunitarju ma jimponix fuq il-Qorti Nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu lil deċiżjoni l-awtorità ta’ res judicata.

45.      Is-sentenzi fil-kawża Köbler u Kühne & Heitz, diġà ċċitati, għandhom in komuni li t-tnejn kienu jirrigwardaw partijiet li kienu eżawrew l-possibbiltà ta’ l-appell. Fiż-żewġ każijiet l-organu ġuridiku li kien jiddeċiedi fl-ogħla grad kien naqas milli jqajjem domanda preliminari u kien ta interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju. Fil-kawża Köbler dan il-ksur tad-dritt Komunitarju minn organu ġuridiku fl-ogħla grad seta’ jiġi kkumpensat bil-ħlas tad-dannu. Fil-kawża Kühne & Heitz kien possibbli li jingħata kumpens permezz ta’ deroga għall-prinċipju ta’ l-awtorità ta’ res judicata (peremzz tas-sentenza, id-deċiżjoni ta’ l-organu amministrattiv kompetenti kienet kisbet l-awtorità ta’ res judicata), u f’dan il-każ ittrasformat il-fakultà ta’ l-organu amministrattiv li jerġa’ jeżamina deċiżjoni preċedenti f’obbligu li jirrevedi din id-deċiżjoni.

46.      Minn din il-ġurisprudenza jsegwi li huma l-istess partijiet li għandhom responsabbiltà biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u li jiddisponu minnhom liberament (Kapferer), jew id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju (Köbler, Kühne & Heitz). Jekk iħallu t-terminu ta’ żmien jiskadi(24) jew jikkunsidraw li mhuwiex xieraq li jressqu kontestazzjoni, jew jekk ma jibdew ebda proċedura, għandhom ibatu l-konsegwenzi, fis-sens li wara dawn ma jkunux aktar jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju. Iżda fejn jiddefendu ġuridikament b’mod attiv id-drittijiet tagħhom, u jutilizzaw b’mod sħiħ il-possibbiltajiet offruti lilhom mis-sistema proċedurali nazzjonali, jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-possibbiltajiet offruti mid-dritt nazzjonali li jitolbu kumpens tad-danni ta’ att amministrattiv illeċitu, jiġifieri minn attività ta’ l-awtoritajiet amminsitrattivi u/jew ġuridika nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju (Köbler), jew, dejjem jekk jippermetti d-dritt nazzjonali, li jitolbu reviżjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni (Kühne & Heitz). Din il-ġurisprudenza, li tirrispetta b’mod predominanti l-awtorità ta’ res judicata bejn il-partijiet bħala prinċipju ġuridiku, ma tidhirx li tipprekludi xi deroga mill-awtorità ta’ res judicata, iżda tali deroga hija ammessa biss f’każijiet partikolari ħafna, fejn il-prinċipju “res judicatas pro veritate habetur”, li jgħodd għall-partijiet interessati, għandu jċedi favur interess leġittimu aktar rilevanti.

47.      Fil-kawża in eżami, madankollu, is-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell li saret res judicata mhux biss għandha konsegwenzi fuq livell ta’ relazzjonijiet ġuridiċi tad-dritt Taljan bejn il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna u l-Istat Taljan, iżda wkoll ma tieħux in kunsiderazzjoni l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mid-dritt Komunitarju, li tevalwa l-għajnuna in kwistjoni u taffettwa l-obbligi li għalihom huwa suġġett l-Istat Taljan għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna mill-Istat.

48.      Din mhijiex kawża bejn awtorità amministrattiva nazzjonali u persuna privata, li tista’ tiġi deċiża fil-kuntest tas-sistema ġuridika nazzjonali, iżda hija kawża li, l-ewwelnett, għandha tiġi deċiża fuq livell tad-dritt Komunitarju u fejn it-tqassim tas-setgħat bejn is-sistema ġuridika Komunitarja u dik nazzjonali – u għalhekk ukoll bejn l-obbligi li jaqgħu fuq il-Qorti Nazzjonali taħt iż-żewġ sistemi – għandha tiġi rrispettata b’mod preċiż ħafna.

L-obbligi tal-qrati nazzjonali

49.      F’dan id-dawl ser nidħol fil-fond qabel xejn fuq l-obbligi tal-Qorti Nazzjonali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni u tal-garanzija tal-ħarsien tad-dritt Komunitarju hawnhekk rilevanti.

Biex nibda, nosserva li hemm diviżjoni evidenti ta’ dmirijiet u setgħat bejn il-Kummissjoni, min-naħa, u l-qrati nazzjonali min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tas-sistema dwar l-għajnuna Komunitarja.

50.      Il-Kummissjoni, l-organu amministrattiv responsabbli għall-eżekuzzjoni u l-iżvilupp tal-politika dwar il-kompetizzjoni fl-interess ġenerali tal-Komunità, għandha l-kompetenza esklużiva li teżamina s-sistemi ta’ għajnuna kollha li jidħlu fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Art. 87(1) KE u l-kodiċi ta’ l-għajnuna KEFA rilevanti li qed jiġi diskuss, bil-għan li taċċertata l-kompatibbiltà mas-suq komuni(25).

51.      Għalhekk l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ għajnuna li bi ħsiebhom jadottaw (l-obbligu tan-notifika) u għandhom jissospendu t-twettiq ta’ l-għajnuna sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (l-obbligu ta’ standstill). F’każ ta’ deċiżjoni “pożittiva” jistgħu jipproċedu għall-eżekuzzjoni tal-miżura proposta, filwaqt li jekk id-deċiżjoni hija “negattiva” fil-prattika l-obbligu ta’ standstill isir definittiv(26).

52.      Għajnuna mogħtija qabel ma tkun ġiet innotifikata, jew għajnuna mħallsa waqt il-proċedura ta’ invetsigazzjoni għandha tiġi rkuprata. Ir-regola prinċipali tista’ tiġi mqassra kif ġej: l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu għajnuna qabel ma l-Kummissjoni tkun tat deċiżjoni espressament fuq il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni.

53.      Għalhekk l-organi ġuridici nazzjonali m’għandhomx is-setgħa li jagħtu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna(27). Min-naħa l-oħra, huma għandhom rwol essenzjali fis-sistema ġuridika Komunitarja biex jiggarantixxu r-rispett tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fuq is-suġġett ta’ l-għajnuna mill-Istat, jiġifieri r-rispett għall-prinċipju fformulat hawn fuq, skond liema ma tista’ tingħata ebda għajnuna mingħajr approvazzjoni espliċita minn qabel mill-Kummissjoni, u wara biex japplikaw u jiggarantixxu l-ħarsien tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.

54.      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 88(3) KE, din hija regola tat-Trattat li torbot, b’effett dirett, li tipprojbixxi l-għoti ta’ għajnuna, fi kwalunkwe forma, mingħajr l-intervent u l-approvazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni. L-istess jipprovdi l-Artikolu 6 tal-Kodiċi dwar l-għajnua rilevanti f’dan il-każ. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Nazzjonali, meta hija mitluba li tagħti deċiżjoni dwar deċiżjoni nazzjonali ta’ għoti ta’ l-għajnuna, għandha b’mod koerenti taċċerta li jiġi mħares l-Artikolu 88(3) KE jew l-ekwivalenti tiegħu fil-kodiċi dwar l-għajnuna KEFA.

55.      Dawn ir-regoli fundamentali ġew elaborati f’serje ta’ deċiżonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ġie ddikjarat li l-Qorti Nazzjonali għandha tħares id-drittijiet tal-persuni privati jekk l-awtoritajiet nazzjonali jiksru l-prinċipju fformulat hawn fuq, u li għandha tasal għall-konklużjonijiet xierqa skond id-dritt intern tagħha, fir-rigward kemm tal-validità ta’ l-atti ta’ eżekuzzjoni ta l-għajnuna in kwistjoni, kif ukoll ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija sadanittant(28).

56.      Fit-tieni lok, l-intervent tagħha għandhu jkun ibbażat fuq id-deċiżjonijiet direttament applikabbli meħuda mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(2) KE. Fil-kawża Capolongo(29) il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni prevista mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) KE għandhom effett dirett. Għalhekk anke minn deċiżjoni negattiva, jiġifieri minn deċiżjoni fejn tiġi kkonkretizzata l-projbizzjoni skond l-Art.87(1) KE, il-Qorti Nazzjonali għandha tasal għall-konklużjonijiet xierqa(30).

57.      Fit-tielet lok, il-Qorti Nazzjonali tista’ tiġi msejjħa twettaq rwol sussegwentement għal deċiżjoni ta’ l-irkupru tal-ħlas tal-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 249 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE, dawn id-deċiżjonijiet jorbtu lill-organi kollha ta’ l-Istati Membri, inkluża l-Qorti Nazzjonali, li għandha tasal għal konklużjonijiet neċessarji.

58.      Minbarra dan, dawn id-deċiżjonijiet jimponu fuq l-Istat Membru obbligi espliċiti u mingħajr kundizzjonijiet, li l-Istati Membri ma jistgħux joħorġu minnhom u li jaffettwaw ukoll lill-persuni privati interessati. Fl-ewwel lok dawn huma l-persuni li ngħataw għajnuna bi żball, u li jkollhom iħallsu lura. Fit-tieni lok, il-persuni terzi interessati li, fil-każ fejn l-Istat Membru ma jwettaqx l-obbligu ta’ rkupru fil-perijodu previst, jistgħu jitolbu l-infurzar tiegħu quddiem il-Qorti Nazzjonali(31),(32).

59.      Ir-raġuni għal dan l-obbligu riġidu tal-ħarsien tal-perjodi stabbiliti huwa li b’dan il-mod ir-regola ewlenija li tinsab fl-Art 87(1) KE, jiġifieri li m’għandhiex issir distorsjoni tar-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq is-suq Komunitarju permezz ta’ miżuri ta’ għajnuna nazzjonali, tikseb l-effett mixtieq mill-awturi tat-Trattat.

60.      Fl-aħħar nett nosserva għal darb’oħra li l-irkupru għandu jsir skond ir-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali, mingħajr ħsara għall-fatt li l-irkupru impost mid-dritt Komunitarju m’għandux isir impossibbli fil-prattika (prinċipju ta’ l-effettività)(33).

61.      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li Qorti Nazzjonali, imsejħa biex teżamina l-konformità mad-dritt intern fir-rigward ta’ għoti ta’ l-għajnuna, għandha dejjem taċċerta jekk humiex issodisfati l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE, jew, bħal fil-każ in kwistjoni, mill-ekwivalenti tiegħu fil-kodiċi dwar l-għajnuna KEFA, u jekk jeżistux deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jostakolaw l-għoti ta’ l-għajnuna jew jissubordinawha għal limiti jew għal kundizzjonijiet partikolari.

62.      Il-koeżistenza tas-sistemi legali Komunitarji u nazzjonali timplika għaldaqstant li l-Qorti Nazzjonali jkollha minn każ għal ieħor taċċerta jekk, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, humiex issodisfati f’kull każ il-kundizzjonijiet imposti mid-dritt Komunitarju, u jekk l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali timplikax ksur tal-fakoltà tal-Kummissjoni biex tiggarantixxi l-ħarsien tar-regoli dwar l-għoti ta’ l-għajnuna, li tikkostitwixxi wieħed mill-pilastri tas-sistema legali Komunitarja. F’dan ir-rigward nirreferi għas-sentenza Eco Swiss (34), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja espressament iddikjarat li r-regoli dwar il-kompetizzjoni li jinsabu fit-Trattati Komunitarji huma dispożizzjonijiet ta’ ordni pubblika. Dan jgħodd ukoll għar-regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli fir-relazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri, jiġifieri wkoll fil-każ in eżami l-Artikoli 87 u 88 KE u l-Artikolu 4 KEFA.

63.      Nosserva wkoll li fil-proċedura prinċipali, l-Istat Taljan osserva, jew ipprova josserva, l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 6 tal-kodiċi dwar l-għajnuna. Fil-fatt, huwa nnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni oriġinali tiegħu li fiha kellu bħala għan li jagħti l-għajnuna lil Lucchini; b’hekk ma xtaqx jagħti din l-għajnuna sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u wkoll meta kien obbligat jagħmel dan skond is-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell, huwa ħallas l-għajnuna iżda għamilha suġġetta għal riżerva espliċita.

64.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni evalwat il-proposta ta’ l-għoti ta’ għajnuna notifikata lilha. F’din l-evalwazzjoni hija ħarset ir-regoli proċedurali kollha applikabbli f’dan il-kuntest, jiġifieri ppubblikat in-notifika, sabiex l-istess interessat u l-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jressqu osservazzjonijiet fuq il-mertu. Ukoll id-deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni waslet fl-aħħar nett għad-deċiżjoni negattiva definittiva tagħha, din ġiet innotifikata b’mod korrett lill-Istat Taljan u b’hekk ippubblikata.

65.      Huwa f’dan id-dawl li għandu jiġi rrilevat li l-qrati ċivili Taljana li quddiemhom tressqet il-kawża, b’nuqqas ta’ għarfien jew b’nuqqas ta’ attenzjoni, wettqu żbalji gravi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

66.      Fl-ewwel istanza huma injoraw l-obbligi deskritti hawn fuq li jaċċertaw b’mod koerenti jekk kinux issodisfati l-Artikoli 88(3) KE jew l-Artikolu 6 tal-kodiċi dwar l-għajnuna, jew jekk kinitx teżisti deċiżjoni li biha l-Kummissjoni approvat l-għajnuna b’mod espliċitu. U, aktar gravi, il-Qorti ta’ l-Appell ma riditx tirrispetta d-deċiżjoni negattiva mogħtija sadanittant mill-Kummissjoni. Nillimita ruħi għal din il-kostatazzjoni, mingħajr ma nidħol fid-dettall dwar il-motivazzjoni li biha dan l-organu ġuridiku ddeċieda li ma japplikax id-dritt Komunitarju. Fil-każ ta’ ksur tant enormi ma jidhirlix xieraq li nkompli d-diskussjoni pedagoġika biex nispjega għaliex din il-motivazzjoni hija ġuridikament insostenibbli.

67.      Nosserva wkoll li l-awtoritajiet Taljani wkoll wettqu xi żbalji. Huwa veru li dawn issottomettew lill-Qorti ta’ l-Appell li l-għajnuna in kwistjoni ma setgħetx tingħata qabel ma l-Kummissjoni tkun espliċitament iddikjarat li din hija kompatibbli mas-suq komuni, iżda huma naqsu b’mod ċar ukoll milli jikkomunikaw li l-Kummissjoni sadanittant kienet diġà adottat deċiżjoni, li fiha l-għajnuna mitluba kienet ġiet espressament iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

68.      Fl-aħħar nett, Lucchini, bħala rikorrenti fil-proċedura quddiem il-qorti ċivili Taljan, kienet taf jew kellha tkun taf – infatti hija waħda mill-akbar produtturi Taljani ta’ l-azzar, li taf sewwa bl-Artikolu 4 KEFA u l-kodiċijiet dwar l-għajnuna – li l-Gvern Taljan seta’ jagħtiha l-għajnuna mwiegħda lilha biss wara li jkun irċieva l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Minbarra dan, meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni negattiva tagħha, Lucchini ma riditx tutilizza l-possibbiltajiet ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni offruti mid-dritt Komunitarju. Għalhekk ma nistax inneħħi l-impressjoni li f’dan il-każ Lucchini fittxet il-punt dgħajjef tal-katina ġuridika li tista’ tiġi invokata biex tagħti deċiżjoni dwar il-leġittimità ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna mill-Istat.

69.      Ir-riżultat ta’ dak li ġie osservat hawn fuq huwa li ngħatat għajnuna mill-Istat u li r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-settur relattiv tas-suq komuni ġew distorti. Forsi aktar importanti minn dan ir-riżultat sostanzjali, li jikkostitwixxi bħala tali ksur addizzjonali importanti tad-dritt Komunitarju, huwa li din is-sentenza għandha l-effett li tostakola s-setgħat eżerċitati mill-Kummissjoni għall-Komunità. Għalhekk il-konsegwenza tas-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell li saret res judicata hija li ma ġiex applikat it-tqassim ta’ ġurisdizzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri fl-għoti ta’ l-għajnuna.

70.      Fil-qosor, il-kwistjoni ċentrali hija jekk għandhiex tiġi kkunsidrata bħala inkontestabbli l-awtorità ta’ res judicata addottata fiċ-ċirkustanzi indikati hawn u li, kif jirriżulta mill-paragrafu ta’ qabel, jistax ikollha konsegwenzi gravi għat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, li hija mnissla mill-istess Trattat, u li minbarra dan tagħmel impossibbli l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni.

71.      Fil-fehma tiegħi dan mhuwiex il-każ.

72.      Għal dan il-għan għandhom jiġu kkunsidrati l-punti li ġejjin: il-punt kruċjali huwa l-fatt li l-Qorti Nazzjonali, fl-interpretazzjoni tad-dritt intern, ma tistax tagħti deċiżjonijiet li ma jikkunsidrawx it-tqassim fundamentali ta’ setgħat bejn il-Komunità u l-Istati Membri, kif joħorġu mit-Trattati. Dan japplika wkoll jekk dawn is-sentenzi jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

73.      U dan jibqa’ jgħodd b’mod partikolari fil-każ tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u ta’ l-applikazzjoni tagħhom li jesprimu prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju sostanzjali, kif fil-każ in eżami huma l-Artikoli 87 u (88) KE. Dan jgħodd aktar u aktar b’mod partikolari fil-każijiet fejn l-obbligu ġuridiku għall-Qorti Nazzjonali jinsab b’mod inekwivoku fl-istess Trattat u fil-ġurisprudenza li toħroġ minnu, kif jirriżulta, fi kliem ieħor, fl-Artikolu 88(3) KE u fil-ġurisprudenza tal-Qorti ċċitata qabel.

74.      F’dawn il-każijiet l-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza li hija bbażata esklużivament fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, u fejn id-dritt Komunitarju rilevanti huwa b’mod ċar mhux applikat, ma tistax tkun ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet moghtija lill-Kummissjoni mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju.

75.      Iċ-ċirkustanza li f’dan il-każ Lucchini ma tista’ tinvoka bl-ebda mod il-prinċipju ta’ l-aspettattiva leġittima huwa, fil-fehma tiegħi, argument għal kollox marġinali.

76.      Nerġa’ nirreferi għar-riferimenti inekwivoċi favur dan l-approċċ fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Infakkar fil-mertu għal darb’oħra s-sentenza Eco Swiss, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 81 KE hija dispożizzjoni fundamentali, indispensabbli għall-iżvolġiment tal-funzjonijiet tal-Komunità u b’mod sinjifikanti għall-funzjonament tas-suq komuni. Minn din is-sentenza jista’ wkoll jiġi dedott li d-dritt Komunitarju jimponi li Qorti Nazzjonali, imsejjħa biex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, għandha taċċerta ex ufficio l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE.

77.      Dan l-argument huwa sostnut ukoll, b’analoġija, mis-sentenza Masterfoods (35), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Kummissjoni, fit-twettiq tad-dmirijiet mogħtija lilha mit-Trattat, mhijiex marbuta minn deċiżjoni mogħtija minn Qorti Nazzjonali skond l-Artikoli. 85(1) u 86 tat-Trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Kummissjoni tista’ tagħti f’kull ħin deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 85(1) u 86 KE tat-Trattat, ukoll meta l-Qorti Nazzjonali tkun diġà ddeċidiet dwar kuntratt jew fuq aġir u jekk id-deċiżjoni li l-Kummissjoni trid tadotta tmurx kontra dik is-sentenza.

78.      Fl-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara wkoll li l-organi ġuridiċi nazzjonali, li jiddeċiedu dwar kuntratti jew aġir li dwarhom il-Kummissjoni tkun diġà ħadet deċiżjoni, ma jistgħux jagħtu sentenza li tmur kontra l-istess deċiżjoni, ukoll jekk din min-naħa tagħha tmur kontra deċiżjoni ta’ Qorti Nazzjonali ta’ l-ewwel istanza. Din il-ġurisprudenza sadanittant ġiet ikkodifikata fir-Regolament (KE) Nru 1/2003.(36)

79.      L-istess ġurisprudenza tapplika wkoll fil-każ ta’ dispożizzjonijiet dwar is-sistema Komunitarja dwar l-għajnuna mill-Istat. Hekk kif il-Kummissjoni ma tistax tkun limitata fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha fir-rigward tar-regoli dwar il-kompetizzjoni li jgħoddu għall-persuni privati minn deċiżjoni ta’ Qorti Nazzjonali, dan ma jistax iseħħ lanqas fil-każ ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni applikabbli għall-Istati Membri, jiġifieri għall-għajnuna mill-Istat. Barra minn dan, il-fatt li Qorti Nazzjonali ma tistax tadotta deċiżjoni li hija inkompatibbli huwa wkoll konsegwenza tal-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija indirizzata lill-Istat Membru li tagħmel parti minnu l-qorti, inkwantu organu ta’ dak l-Istat(37).

80.      Madankollu teżisti differenza importanti bejn id-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest ta’ l-Artikoli 81 u 82 KE u dawk meħuda fil-kuntest ta’ l-Artikolu 88 KE jew tal-kodiċijiet dwar l-għajnuna tal-KEFA, jiġifieri d-destinatarji ta’ l-istess. Ladarba deċiżjoni ta’ Qorti Nazzjonali f’relazzjoni ġuridika orizzontali bejn il-persuni privati, ukoll jekk tkun saret res judicata, ma tistax taffettwa s-setgħa tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan jgħodd ukoll fir-relazzjoni vertikali bejn Stat Membru u persuna privata fl-għotja ta’ l-għajnuna. Ukoll f’din ir-relazzjoni d-deċiżjoni mogħtija minn Qorti Nazzjonali ma jistax ikollha effett fuq il-kompetenzi esklużivi tal-Kummissjoni.

81.      Għandu wkoll jiġi osservat li, anki jekk id-dritt Komunitarju huwa indirizzat fl-ewwel lok għall-Istati Membri, il-persuni privati interessati fl-għoti ta’ l-għajnuna għandhom is-setgħa li jħarsu l-interessi tagħhom fil-proċeduri relatati. Dan japplika wkoll fil-fażi amministrattiva, li tippreċedi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li fiha kemm il-benefiċjarji potenzjali kif ukoll persuni terzi interessati jistgħu jippreżentaw l-opinjoni tagħhom(38), iżda jgħodd ukoll wara li l-Kummissjoni tkun tat id-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt id-destinatarji eventwali tal-benefiċċju affettwati b’mod negattiv mid-deċiżjoni jistgħu, bħala prinċipju, iressqu rikors għal annullament, skond l-Artikolu 230 KE, triq li hija wkoll miftuħa għal persuni terzi interessati permezz ta’ l-interpretazzjoni wiegħsa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kriterju limitattiv ta’ dawk li huma “direttament” interessati fl-għoti ta’ l-għajnuna(39).

82.      Isegwi b’mod partikolari li d-destinatarju potenzjali ta’ miżura ta’ għajnuna nazzjonali żgur li mhuwiex marbut li jirreferi għal Qorti Nazzjonali f’att ta’ disperazzjoni, bħallikieku ma teżistix regola ta’ protezzjoni adegwata fis-sistema ġuridika Komunitarja. Bil-kontra, propju minħabba l-eżistenza ta’ protezzjoni ġuridika adegwata għall-persuni privati kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konsegwenza li l-persuni privati ma jistgħux jikkontestaw il-validità tad-deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Nazzjonali meta ma jkunux utilizzaw il-fakultà ta’ kontestazzjoni quddiem il-qorti Komunitarja(40).

83.      B’analoġija, persuna interessata ma timmeritax protezzjoni ladarba tkompli tinjora l-possibbiltajiet ta’ kontestazzjoni li jiġu offruti lilha mid-dritt Komunitarju u li tersaq quddiem Qorti Nazzjonali li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tiġġudika dwar l-ammissibbiltà, fid-dawl tad-dritt Komunitarju, ta’ miżura ta’ għajnuna li qed titlob li tingħatalha. Minn dan xejn ma jinbidel mill-fatt li s-sentenza li tkun ittieħdet mill-Qorti Nazzjonali, li kif jintwera aktar ’il fuq hija bi ksur enormi tas-sistema ġuridika Komunitarja, tkun saret res judicata skond id-dritt intern.

84.      Għalhekk, il-fatt li fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, l-attwazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni għandha riperkussjonijiet fuq ir-relazzjoni bejn l-Istat Membru u l-benefiċjarju ma jikkostitwixxix raġuni biex ikunu inqas kategoriċi dwar iċ-ċirkustanza li s-setgħat tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu mneżżgħa mis-sinjifikat tagħhom.

85.      Anki jekk mhux determinanti f’dan il-kuntest, nirreferi għal darb’oħra għall-ġurisprudenza fejn huwa ddikjarat li l-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jistax jostakola l-irkupru ta’ l-għajnuna. Dan huwa l-każ, per eżempju, jekk fis-sistema ġuridika nazzjonali hemm fis-seħħ termini ta’ preskrizzjoni biex tkun tista’ tiġi rrevokata deċiżjoni nazzjonali ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat(41). Ladarba r-rwol ta’ l-awtoritajiet nazzjonali għal miżuri ta’ għajnuna ddikjarati inkompatibbli huwa limitat għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – m’hemm ebda marġinu ta’ diskrezzjoni għal deċiżjoni mod ieħor – l-operaturi tas-suq, mill-mument meta l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni, m’għandhom ebda inċertezza dwar jekk għandhiex tiġi rkuprata l-għajnuna mogħtija inġustament. Għaldaqstant ma jistgħux jiġu opposti t-termini ta’ preskrizzjoni ffissati b’garanzija taċ-ċertezza legali.

86.      Minn dak ikkunsidrat hawn fuq, isegwi li l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija b’mod inkompatibbli mad-dritt Komunitarju fis-seħħ fil-kwistjoni. Anzi jeħtieġ li jintemm il-ksur tad-dritt Komunitarju magħmul minn dik is-sentenza.

V –    Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej id-domandi magħmula mill-Consiglio di Stato:

L-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni ta’ Qorti Nazzjonali, li tordna lill-awtorità nazzjonali tħallas l-għajnuna mill-Istat minnha mogħtija, ma tistax ikollha riperkussjonijiet fuq l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 87 u 88 KE.

Għalhekk Qorti Nazzjonali, li tiddeċiedi dwar il-legittimità ta’ deċiżjoni ta’ amministrazzjoni nazzjonali li teżegwixxi deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija b’mod illeġittimu, hija marbuta li ma tapplikax ir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-effetti ta’ deċiżjoni ċivili li saret res judicata, fejn din id-deċiżjoni tmur kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 87 u 88 KE, sabiex tiggarantixxi l-ħarsien sħiħ tar-regoli Komunitarji fil-materja ta’ l-għajnuna mill-Istat.


1 – Lingwa oriġinali: l-Olandiż.


2 – Deċiżjoni Nru 2320/81/ECSC tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Awissu 1981, li tistabbilixxi regoli Komunitarji dwar l-għajnuna favur l-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 228, paġ. 14).


3 – Deċiżjoni Nru 1018/85/ ECSC tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ April 1985 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2320/81/KE li tistabbilixxi regoli Komunitarji dwar l-għajnuna favur l-industrija ta’ l-azzar (ĠU  L 110, p. 5).


4 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3484/85/ ECSC tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Novembru 1985 li tistabbilixxi regoli Komunitarji dwar l-għajnuna favur l-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 340, p. 1).


5 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 322/89/ECSC ta’ l-1 ta’ Frar 1989 li tistabbilixxi r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 38, p. 8).


6 – Liġi Nru 183/1976 dwar l-intervent straordinarju fin-Nofsinhar (ta’ l-Italja), GURI Nru 121, 8 ta’ Mejju 1976.


7 – ĠU C 73, p. 5.


8 – IP(90) 498 ta’ l-20 ta’ Ġunju 1990.


9 – Nota ta’ trażmissjoni SG(90) D/24789.


10 – ĠU L 314, p. 17.


11 – Sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 1999 (C‑126/97, Ġabra p. I‑3055).


12 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003 (C‑224/01 Ġabra p. I‑10239).


13 – Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004 (C‑453/00 Ġabra p. I‑837).


14 – Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006 (C‑234/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


15 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, paġ. 1).


16 – Bħala eżempju l-Gvern Taljan jirreferi għas-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni (172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9).


17 – Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, imsejħa “BUG-Alutechniek” (C-5/89, Ġabra p. I-3437) u ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland (C-24/95, Ġabra p. I‑1591).


18 – Fuq dan is-suġġett, il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2005, Wells (C-201/02, Ġabra p. I‑723, punti 64 u segwenti), u tat-28 ta’ Ġunju 2001, Larsy (C-118/00, Ġabra p. I‑5063, punti 51sa 55) u wkoll is-sentenza Kühne & Heitz, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 23 sa 28.


19 – Ara, għal analiżi komparattiva wiesgħa,, in-“Note.de recherche” dwar il-funzjoni u s-sinjifikat ta’ l-awtorità ta’ res judicata fl-Istati Membri (dokument intern), magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, mid-Direttorat tal-Librerija, Riċerka u Dokumentazzjoni.


20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Europea tad-Drittijiet tal-Bniedem, S.A. Dangeville vs Franza tas-16 ta’ April 2002, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2002-III.


21 – Ara per eżempju, id-Digriet tal-11 ta’ Lulju 1996, Coussios vs Il-Kummissjoni (C-397/95 P, Ġabra p. I-3873) u s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P&O European Ferries (Vizcaya) (C-442/03 P u C-471/03 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, mal-ġurisprudenza).


22 – Dan il-ksur – f’dan il-każ kien kuntratt forsi inkompatibbli ma’ l-Artikolu 81 KE – jista’ min-naħa l-oħra dejjem jiġi “rregolat” bl-intervent tal-Kummissjoni jew permezz ta’ awtorità nazzjonali dwar il-konkorrenza. Anki l-kompetituri li soffrew dannu, u li mhumiex milquta mill-awtorità res judicata, jistgħu jieħdu azzjoni legali..


23 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, p. 1).


24 – Ovvjament għandhom ikunu termini raġonevoli.


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération Nationale du Commerce extérieur des produits alimentaires et, iktar il’quddiem “FNCE”) (C-354/90, Ġabra p. I-5505).


26 – Għal dak li jikkonċerna l-għan u l-portata ta’ dawn l-obbligi, ara, b’mod particolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra, p. 1471, punti 3 u 4); tal-21 ta’ Mejju 1977, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (31/77 R u 53/77 R, Ġabra p. 921, punti 16‑29); tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken (91/83 u 127/83, Ġabra p. 3435, punt 20), u ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, iktar ’il quddiem “Boussac Saint Frères” (C-301/87, Ġabra p. I‑307, punti 16 u 17). Ara wkoll, per eżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Germanja vs Il- Kummissjoni (C-334/99, Ġabra p. I‑1139, punt 49), u tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-501/00, Ġabra p. I‑6717, punti 67sa 69).


27 – Ara s-sentenza FNCE, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 12. Ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju, SFEI et (C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 42) u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C-395/97, Ġabra p. I‑3735, punt 30).


28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lorenz, diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 8; FNCE, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt  12; SFEI, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt  40; tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et (C-17/91, Ġabra, p. I‑6523, punt 30); tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C-174/02, Ġabra p. I‑85, punt 17), u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C-393/04 u C-41/05, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).


29 – Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1973 (77/72, Ġabra, p. 611, punt 6). Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, Ġabra p. 595).


30 – Sentenza Steinike & Weinlig, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Streekgewest. iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.


32 – Barra minn dan il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mill-possibbiltà, mogħtija lilha fl-Artikoli 88 KE u 228 KE, li tobbliga lill-Istat Membr li jdaħħal fis-seħħ id-deċiżjoni ta’ rkupru.


33 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (94/87, Ġabra p. I-175, punt 12); tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iktar ’il quddiem “Tubemeuse” (C-142/87, Ġabra, p. I‑959, punt  61); BUG-Alutechnik, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 12; Alcan Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 24, u 12 ta’ Ottobru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-480/98, Ġabra, p. I‑8717, punt 34).


34 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 36 u 39. Fil-konklużjonijiet tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni (C-321/99 P, Ġabra p. I-4287) jiena diġà indikajt li l-Artikoli 87 u 88 KE huma ta’ ordni pubbliku (punt 189 tal-konklużjonijiet).


35 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000 (C-344/98, Ġabra p. I‑11369).


36 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1). Qed nirreferi għall-Artikolu 16.


37 – Barra minn hekk, nosserva li, fl-ipoteżi fejn żewġ proċeduri jiżvolġu ruħhom simultanjament, fuq livell Komunitarju (evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat) u fuq livell nazzjonali (per eżempju fil-kuntest tal-ksur ta’ l-obbligu ta’ standstill), il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali tista’timplika li l-Qorti Nazzjonali għandha tirreferi jew lejn il-Kummissjoni jew, permezz ta’ domanda preliminari, lejn il-Qorti tal-Ġustizzja, per eżempju biex tivverifika jekk miżura partikolari tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza Masterfoods, punti 57 u 58. Ara wkoll is-sentenza SFEI, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 49‑51, u s-sentenza Piaggio, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 32.


38 – Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 659/1999.


39 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummisjoni (323/82, Ġabra, p. 3809); tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni (C-198/91, Ġabra p. I-2487) u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C-225/91, Ġabra, p. I‑3203), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottobru 1996, Skibsværftsforeningen etvs Il-Kummissjoni (T-266/94, Ġabra p. II-1399). Ara wkoll ir-Regolament Nru. 659/1999.


40 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, kawża C/188-92, TWD Textilwerke Deggendorf (Ġabra paġ. I‑833).


41 – Ara s-sentenzi BUG-Alutechnick, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 34‑37, u Alcan Deutschland, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 18‑19.