DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla)

28 ta’ Novembru 2005 (*)

“ Rikors għal annullament – Deċiżjonijiet 2004/247 KE u 2004/248/KE – Eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà – Locus standi ”

Fil-kawżi magħquda T-236/04 u T-241/04,

EuropeanEnvironmentalBureau(EEB), stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Stichting Natuur en Milieu, stabbilita f’Utrecht (l-Olanda),

irrappreżentati minn P. van den Biesen u B. Arentz, Avukati,

rikorrenti

sostnuti mir-

Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn J.-L. Florent u G. de Bergues, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Doherty, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Syngenta Crop Protection AG, stabbilita f’Basel [Bażilea] (l-Isvizzera), irrappreżentata minn D. Abrahams, barrister, u C. Simpson, solicitor,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett, fil-kawża T-236/04, talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/248/KE ta’ l-10 ta’ Marzu 2004, dwar in-nuqqas ta’ iskrizzjoni ta’ l-atrażina fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-prodotti fitofarmaċewtiċi [prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] li fihom din is-sustanza attiva (ĠU L 78, p. 53) [1], u, fil-kawża T-241/04, talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/247/KE ta’ l-10 ta’ Marzu 2004, dwar in-nuqqas ta’ iskrizzjoni tas-simażina fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-prodotti fitofarmaċewtiċi li fihom din is-sustanza attiva (ĠU L 78, p. 50),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur : E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 91/414/KEE

1       L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [fitofarmaċewtiċi] (ĠU L 230, p. 1) [3], jipprevedi l-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ dritt komuni li huma applikabbli għall-finijiet tal-konċessjoni, reviżjoni u rtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti [fitofarmaċewtiċi] mill-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 91/414 jgħid li huma biss il-prodotti fitofarmaċewtiċi li għandhom sustanzi attivi iskritti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 li jistgħu jiġu awtorizzati.

2       Il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu iskritti s-sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 huma speċifikati mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414. Din l-iskrizzjoni mhijiex possibbli ħlief jekk, meta jiġi meqjus l-istat ta’ l-għarfien xjentifiku u tekniku, jista’ jitqies b'ċertezza li l-prodotti fitofarmaċewtiċi li għandhom is-sustanza attiva kkonċernata jissoddisfaw ċerti kundizzjonijiet li juru n-nuqqas, min-naħa tagħhom, li jikkawżaw ħsara għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent.

3       L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 jgħid li, b’deroga mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414, l-Istati Membri jistgħu, matul perjodu tranżitorju, jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq, ġewwa t-territorju tagħhom, ta' prodotti fitofarmaċewtiċi li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika tad-Direttiva, jiġifieri s-26 ta’ Lulju 1993.

4       Is-sustanzi attivi li jinstabu fil-prodotti li jibbenefikaw mid-deroga prevista mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, huma suġġetti għal eżami gradwali fil-kuntest ta’ programm ta’ xogħol tal-Kummissjoni.

 Regolament Nru 3600/92/KEE

5       L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 (ĠU L 366, p. 10), jgħid li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-lista ta’ sustanzi attivi sabiex jiġu eżaminati u tinnomina Stat Membru bħala relatur sabiex teżamina kull sustanza attiva.

6       Jirriżulta mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 3600/92 li l-Istat Membru nnominat bħala relatur irid jevalwa s-sustanza attiva kkonċernata u jibgħat rapport ta’ l-istima ta’ l-inkartament li jinkludi rakkomandazzjoni biex tiġi inkluża s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jew li tadotta miżuri oħrajn, bħal li tiġi rtirata s-sustanza attiva mis-suq.

7       Il-Kummissjoni tinkariga, bl-eżami ta' l-inkartament u r-rapport, lill-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u tas-Saħħa ta' l-Annimali mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru. 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta' Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, li jwaqqfu l-Awtorità tas-Sigurtà ta' l-Ikel u jistabbilixxu l-proċeduri dwar is-sigurtà tal-prodotti ta' l-ikel.(ĠU 2002 L 31, p. 1)

8       L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 3600/92, imdaħħal fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/97 tas-27 ta’ Ġunju 1997, li jemenda r-Regolament Nru 3600/92 (ĠU L 170, p. 19), jipprevedi li l-Kummissjoni tirreferi lill-Kumitat permanenti tal-katina ta’ l-ikel u tas-saħħa ta’ l-annimali abbozz ta’ test li jista jieħu forom differenti. Jekk jiġi propost li s-sustanza attiva tiġi iskritta fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, dan ikun taħt forma ta' abbozz ta’ direttiva. Jekk l-abbozz ikollu bħala għan li jaddotta miżuri negattivi kontra s-sustanza attiva, li jinkludi l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti fitofarmaċewtiċi li għandhom din is-sustanza, il-Kummissjoni tista tipproponi abbozz ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri.

 Id-Direttiva 2004/35/KE

9       Skond il-premessa 25 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, p. 56):

“Persuni milquta negativament jew dawk li x’aktarx ikunu milquta negativament mid-danni ambjentali għandhom ikunu intitolati li jitolbu lil l-awtorità kompetenti tieħu passi. Il-protezzjoni ta’ l-ambjent huwa, madankollu, interess mifrux u għalhekk l-individwu mhux dejjem jaġixxi dwaru jew ma jkunx f’posizzjoni li jista’ jaġixxi. L-organizzazzjonijiet li mhumiex tal-gvern li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom għalhekk jingħataw l-opportunità biex jikkontribwixxu kif suppost għall-implementazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva.”

10     Skond il-premessa 26 tad-Direttiva 2004/35, “Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi rilevanti għandhom ikollhom aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet, atti jew nuqqas ta’ azzjoni ta’ l-awtorità lokali kompetenti”.

11     L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2004/35 jgħid li “[l]-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità/awtoritajiet kompetenti responsabbli biex taderixxi/jaderixxu mad-doveri previsti f’din id-Direttiva”.

12     L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/35 jgħid li:

“Persuna fiżika jew ġuridika [Persuni fiżiċi jew ġuridiċi]:

(a) li huma milquta jew x’aktarx ikunu milquta mid-danni ambjentali jew

(b) li għandhom interess biżżejjed fid-deċiżjonijiet dwar l-ambjent li għandhom x’jaqsmu ma danni jew, inkella,

(c) li jallegaw it-tfixkil ta’ dritt, meta l-liġI tal-proċedura amministrattiva ta’ l-Istati Membri titlob dan bħala prekundizzjoni,

għandhom ikunu intitolati li jagħtu lil l-awtorità kompetenti kull osservazzjoni li għandha x’taqsam ma każijiet ta’ danni ambjentali jew il-periklu iminenti ta’ danni li huma jafu bihom u wkoll ikunu intitolati li jitolbu lil l-awtorità kompetenti tieħu passi skond din id-Direttiva.

Dak li jikkostitwixxi "interess suffiċjenti" u "tfixkil ta’ dritt" għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri.

Għal dan l-iskop, l-interess ta’ kull organizazzjoni mhux tal-gvern [non-governattiva] li tippromwovi l-protezzjoni ta’ l-ambjent u li tilħaq kull kundizzjoni skond il-liġI nazzjonali għandha titqies suffiċjenti għal l-iskop ta’ [l-punt](b). L-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu mfixxkla għal l-iskop ta’[l-punt] (c).”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13     F’kull waħda mill-kawżi preżenti, ir-rikorrenti huma tnejn. L-ewwel hija l-European Environmental Bureau (EEB), assoċjazzjoni mwaqqfa taħt il-liġi Belġjana li l-għan statutorju tagħha jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-promozzjoni tal-protezzjoni u l-konservazjoni ta’ l-ambjent fil-kuntest tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. L-EEB tipparteċipa f'organi konsultattivi differenti tal-Kumissjoni, partikolarment fil-grupp permanenti “Fitosanitarja” u fil-kumitat konsultattiv “Agrikoltura w ambjent”. Hija wkoll membru tal-European Habitats Forum u taħt din il-funzjoni, tibbenefika minn status ta’ parteċipant u osservatur fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7).

14     It-tieni rikorrenti, Stichting Natuur en Milieu (iktar ‘il quddiem “Natuur en Milieu”) hija fondazzjoni mwaqqfa taħt id-dritt Olandiż, li skond l-istatuti tagħha, għandha bħala għan, b’mod partikolari, li “tagħti leħen għall-dawk li m'għandhomx” u li tagħti natura ħajja u ambjent f’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Din il-fondazzjoni hija membru ta’ l-EEB.

15     Fl-1996, numru ta’ impriżi wrew ix-xewqa tagħhom lill-Kummissjoni li jaraw l-atrażina u s-simażina iskritti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

16     L-atrażina u s-simażina huma rispettivament imniżżlin fil-punti 61 u 62 ta’ l-Anness I tar-Regolament Nru 3600/92, li jagħti l-lista ta’ sustanzi koperti mill-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol, li għalih hemm provvediment fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414.

17     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 933/94 tas-27 ta’ April 1994, li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti [fitofarmaċewtiċi] u li jinnomina l-Istati Membri relaturi għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 (ĠU L 107, p. 8) għażlet ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq bħala L-Istat Membru relatur għall-atrażina u s-simażina.

18     Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq ippreżentaw ir-rapporti ta’ l-istimi tagħhom lill-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92. Dawn ir-rapporti, li ġew ippreżentati fil-11 ta’ Novembru 1996, fir-rigward ta’ l-atrażina u fl-20 ta’ Diċembru 1996, fir-rigward tas-simażina, ġew eżaminati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Kumitat permanenti tal-katina ta’ l-ikel u tas-saħħa ta’ l-annimali.

 Id-Deċiżjonijiet ikkontestati

19     Fl-10 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/248/KE biex l-atrażina ma titniżżilx fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u biex l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti [fitofarmaċewtiċi] li fihom ikun hemm din is-sustanza attiva jiġu rtirati (ĠU L 78 p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni atrażina”).

20     F’din l-istess data, hija adottat ukoll id-Deċiżjoni 2004/247/KE biex is-simażina ma titniżżilx fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KE u biex l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti fitofarmaċewtiċi li jkun fihom din is-sustanza attiva jiġu rtirati (ĠU L 78 p. 50, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni simażina”).

21     Jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina li l-ebda minn dawn iż-żewġ sustanzi attivi ma huma iskritti fl-Anness I tad-direttiva 91/414.

22     L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina jgħid li l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti fitofarmaċewtiċi li jkollhom l-atrażina jew is-simażina jiġu rtirati sa l-10 ta’ Settembru 2004 u mis-16 ta’ Marzu 2004 m’għandha tingħata jew tiġġedded l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti fitofarmaċewtiċi li jkun fihom l-atrażina jew is-simażina, taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414.

23     Skond l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li b’rabta ma’ l-użu mniżżla fil-kolonna B ta’ l-Anness f’dawn id-Deċiżjonijiet, Stat Membru li huwa speċifikat fil-kolonna A ta’ dan l-Anness jista jżomm fis-seħħ l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti fitofarmaċewtiċi li jkun fihom l-atrażina jew is-simażina sat-30 ta’ Ġunju 2007 sakemm dan:

a)      jiżgura li dawn il-prodotti fitofarmaċewtiċi li jibqgħu fis-suq jiġu ttikkettati mill-ġdid b'mod li jikkonforma mal-kundizzjonijiet ta' l-użu ristrett ;

b)      jimponi l-miżuri xierqa kollha biex jitnaqqas kull riskju li jista’ jkun hemm u biex ikun żgurat il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali, kif ukoll ta' l-ambjent ;

ċ)      jiżgura li prodotti jew metodi alternattivi għal dan l-użu jissoktaw b'mod attiv, l-aktar bi pjani ta’ azzjoni.

24     L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2004, dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, dwar il-miżuri li ttieħdu taħt il-punti (a) sa (ċ), u għandu ta’ kull sena jipporvdi l-estimi ta’ l-ammonti ta’ atrażina u simażina li jkunu ntużaw għal użu essenzjali skond dan l-Artikolu.

25     L-Anness tad-Deċiżjoni atrażina u l-Anness tad-Deċiżjoni simażina jispeċifikaw l-Istati Membri u l-użu tagħhom mitlub mill-Artikolu 2(3) ta’ kull waħda minn dawn id-Deċiżjonijiet.

26     L-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina jgħid li kull perjodu ta’ deroga, li jingħata mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414 għandu jkun qasir kemm jista jkun u, għall-użu li għalihom l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rtirata sat-30 ta’ Ġunju 2007 li tintemm sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007.

27     Jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina li l-Istati Membri huma d-destinatarji ta' l-istess deċiżjonijiet.

 Il-Proċedura

28     Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti ressqu l-preżenti rikors.

29     B'atti separati ddepożitati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Ottubru 2004, il-konvenuta qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza għaż-żewġ kawżi. Ir-rikorrenti ddepożitaw is-sottomissjonijiet tagħhom dwar dawn l-eċċezzjonijiet fl-24 ta’ Diċembru 2004.

30     B'atti ddepożitati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Ottubru 2004, Sygenta Crop Protection AG (iktar ’il quddiem “Sygenta”) talbet li tintervjeni fil-kawżi preżenti in sostenn tal-Kummissjoni. Permezz tad-Digrieti tat-13 ta’ Diċembru 2004, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent. Permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Jannar 2005, Sygenta indikat, għaż-żewġ kawżi, li hi ma kinitx ser tiddepożita sottomissjonijiet ta’ l-intervent in sostenn tal-Kummissjoni fil-każ li dawn kienu jiċħdu r-rikors bħala inammissibbli, iżda hija rriżervat id-dritt li tiddepożita tali sottomissjonijiet jekk il-proċedura kellha tkompli fuq il-mertu.

31     B'atti ddepożitati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Ottubru 2004, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni fil-preżenti kawżi in sostenn tal-partijiet rikorrenti. Permezz ta’ Digrieti tat-13 ta’ Diċembru 2004, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Franċiża indikat li, wara l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, hi ma kinitx ser tiddepożita sottomissjonijiet ta’ l-intervent fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà taż-żewġ rikorsi, iżda hija rriżervat id-dritt li tiddepożita tali sottomissjonijiet jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddeċiedi li tgħaqqad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-merti tal-kawżi preżenti.

 It-Talbiet tal-partijiet


 Fil-Kawża T-236/04

32     Ir-rikorrent talbu bir-rispett lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–       tannulla l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 3(b), tad-Deċiżjoni atrażina;

–       tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

33     Il-Kummissjoni talbet bir-rispett lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–       tikundanna r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fil-Kawża T-241/04

34     Ir-Rikorrenti talbu bir-rispett lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–       tannulla l-Artikolu 2(3), u l-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni simażina;

–       tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35     Il-Kummissjoni talbet bir-rispett lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–       tikkundanna r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-dritt

36     Fir-rigward tal-konnessjoni bejn il-kawżi preżenti, u l-partijiet li nstemgħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza rat li kien opportun li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet ta’ tħaffif tal-proċedura kif mitlub mill-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

37     Skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet tagħmel talba f’dan is-sens, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista tieħu deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skond il-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiddeċidix mod ieħor. Kemm fil-kawża T-236/04 kif ukoll fil-kawża T-241/04, il-Qorti tal-Prim’Istanza tħoss li hija edotta biżżejjed mir-rapport u li għalhekk mhemmx lok li jinfetħu l-proċeduri orali.

 L-Argumenti tal-partijiet

38     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti mhumiex direttament jew individwalment ikkonċernati, la mid-Deċiżjoni atrażina u l-anqas mid-Deċiżjoni simażina, peress li dawn mhumiex indirizzati lilhom.

39     Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti humiex individwalment ikkonċernati, il-Kummissjoni esponiet li, skond il-ġurisprudenza, persuna fiżika jew morali ma tistax tkun individwalment ikkonċernata minn att regolamentari li jekk jeffettwaha minħabba ċertu karatteristiċi partikolari jew minn stat ta’ fatt li jikkaratterizzaha permezz ta’ konnessjoni ma’ persuna oħra u b'hekk, jindividwalizzah b’mod analogu għad-destinatarju ta' dak l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa dan mhuwiex il-każ peress li d-Deċiżjonijiet atrażina u simażina ma għandhom l-ebda inċidenza partikolari fuq ir-rikorrenti.

40     Ir-rikorrenti jsostnu li huma direttament u individwalment ikkonċernati bid-Deċiżjonijiet atrażina u simażina.

41     Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata ma’ l-effett individwali, l-ewwel nett, huma jallegaw li huma partikolarment effettwati mid-Deċiżjonijiet atrażina u simażina. Dawn ta’ l-aħħar huma Deċiżjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 249 KE u jwasslu, bi ksur tad-Dritt Komunitarju, għal “rigress” fir-rigward tal-ħarsien ta’ l-interessi li huma qed jiddefendu.

42     It-tieni nett, huma sostnew li jirriżulta mill-premessi 25 u 26 kif ukoll mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/35 li huma kienu jissoddisfaw il-kundizzjonijiet mitluba mir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 230 KE. F’dan ir-rigward, huma sostnew li jirriżulta mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/35 li l-interess ta’ l-organizzazzjonijiet non-governattivi kollha li jaħdmu favur il-protezzjoni ambjentali u li jissoddisfaw l-eventwali kundizzjonijiet mitluba mid-dritt intern hu meqjus bħala biżżejjed sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom id-dritt, min-naħa, li jissottomettu lill-awtorità kompetenti l-osservazzjonijiet kollha marbuta mal-ħsara jew mat-theddid ta’ ħsara ambjentali u, min-naħa l-oħra, li jitolbu li l-awtorità kompetenti tieħu l-miżuri meħtieġa taħt din id-direttiva.

43     Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkonċediet li l-atrażina u s-simażina jistgħu jagħtu lok għal ħsara ambjentali, raġuni li għaliha din l-istituzzjoni ddeċidiet li ma tinkludix dawn is-sustanzi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/35, fejn l-isfera ta’ l-applikazzjoni ma tkunx limitata għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija Direttiva, tkopri l-attivitajiet li ġew eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi preżenti. Għalhekk, ir-rikorrenti jridu jiġu kkunsidrati bħala li jissoddisfaw il-kundizzjonijiet mitluba mill-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 230 KE.

44     It-tielet nett, ir-rikorrenti jirrilevaw, sostanzjalment, li l-metodu adottat mid-Direttiva 2004/35 huwa koerenti mal-prattika ġuridika fis-seħħ f’diversi Stati Membri, fosthom Olanda, li fiha l-assoċjazzjonijiet għandhom il-jedd li jressqu kawżi ċivili quddiem il-qrati nazzjonali billi jibbażaw irwieħhom fuq il-fatt li huma direttament u individwalment ikkonċernati fir-rigward ta’ l-istatuti tagħhom, is-sitwazzjoni konkreta tagħhom u l-attivitajiet reali tagħhom, fosthom il-ħarsien effettiv ta’ l-interessi kkonċernati. B’mod iżjed partikolari, fl-ordni ġuridika Olandiża, Natuur en Milieu tkun ikkunsidrata bħala li tkun direttament u individwalment ikkonċernata mill-ksur ta’ regoli ta’ dritt li jipproteġu l-interessi ta’ l-ambjent u l-fawna selvaġġa.

45     Ir-raba’ nett, huma jallegaw, sostanzjalment, li huma individwalment ikkonċernati minħabba l-fatt li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u l-preżervazzjoni tan-natura, li jinkludi l-fawna selvaġġa, fil-kuntest tad-Direttiva 92/43, u li, f’dan ir-rigward, l-EEB għandha status speċjali ta’ konsulent mal-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra Ewropej. Bl-istess mod, Natuur en Milieu tingħata status simili quddiem l-awtoritajiet Olandiżi.

46     Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom hija mitluba minħabba l-ħtieġa li jingħataw protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva. F’dan ir-rigward, huma esponew li l-annullament tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina jwaqqaf l-applikazzjoni ta’ numru ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni kumplessi, twal u għalja fi Stati Membri differenti. Skond huma, li kieku kellhom jindirizzaw rwieħhom quddiem il-qrati nazzjonali, kien ikollhom l-obbligu li jidentifikaw l-awtorizzazzjonijiet relatati ma’ l-atrażina u s-simażina fl-Istati Membri kollha, li jistudjaw is-sistema ġuridika ta’ l-Istati li għandhom talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid ta’ prodott fis-suq u jinbdew il-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. Wisq iżjed, huma jsostnu li din mhijiex kwistjoni ta’ kumdità, iżda minħabba li huwa pratikament impossibbli li ġurisdizzjoni nazzjonali tiddeċiedi dwar il-validità tad-deċiżjonijiet atrażina u simażina. Ikun jirriżulta li, mil-lat ta’ effettività tad-diversi possibilitajiet ta’ rikors li hemm miftuħa għar-rikorrenti, kif mitluba mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ‘il quddiem il-“KEDB”), applikabbli fil-Qorti tal-Prim’Istanza taħt l-Artikolu 6(2), UE, ir-rikorrenti jkunu ġġustifikati li jressqu l-preżenti rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

47     Is-sitt nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jrid iwassal sabiex l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom tiġi aċċettata. F’dan ir-rigward, huma jallegaw li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, imsemmi fl-Artikoli 6, 13 u 14 tal-KEDB, jenħtieġ li l-partijiet, fejn att li jiġi adottat mill-Kummissjoni jkollu effetti opposti, jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-istess opportunitajiet fejn jidħlu l-possibbiltajiet ta’ rikors. Huma jsostnu wkoll, sostanzjalment, li rikors kontra d-Deċiżjonijiet atrażina u simażina magħmula minn produtturi ta’ dawn is-sustanzi attivi, bħal ma hi Sygenta, trid tiġi ddikjarata ammissibbli abbażi tar-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 230 KE. Dan joħroġ minn Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Jannar 2001, Iberotam et vs Il-Kummissjoni (T-112/00 u T-122/00, Ġabra p. II-97, punt 79), li fih il-Qorti tal-Prim’Istanza iddeċidiet, sostanzjalment, li mhuwiex eskluż li l-produtturi ta’ sustanza attiva jistgħu jressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza taħt ir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 230 KE kontra Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba ta’ iskrizzjoni ta’ sustanza attiva taħt l-Anness I tad-Direttiva 91/414.

48     Huma żiedu li skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs il-Kummissjoni (10/68 u 18/68, Ġabra P. 459), il-locus standi ta’ xi wħud ma jistax jirriżulta biss mill-fatt li huma jinsabu f’relazzjoni kompetittiva mad-destinatarji ta’ l-Att ikkontestat, bla ħsara għall-kawża preżenti, peress illi din il-kawża tirrelata ma’ relazzjoni kompetittiva li hija vvizzjata.

49     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti sostnew li r-rikors tagħhom huwa ammissibbli minħabba l-espożizzjoni tal-motivi għall-proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni, mill-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità Ewropea, tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam ta’ l-ambjent (COM/2003/0622 finali, iktar ‘il quddiem il-“proposta ta’ Regolament Århus”). F’din l-espożizzjoni tal-motivi, il-Kummissjoni tikkunsidra li mhuwiex neċessarju li temenda l-Artikolu 230 KE sabiex tagħti locus standi lill-organizzazzjonijiet Ewropej dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent li jissoddisfaw ċerti kriterji oġġettivi previsti mill-imsemmija proposta. B’hekk ir-rikorrenti jissodisfaw l-imsemmija kriterji, ħaġa li, jekk tiġi sostnuta t-teżi tal-Kummissjoni, tkun biżżejjed li jiġi rikonoxxut lilhom locus standi sabiex jitolbu l-annullament tad-Deċiżjonijiet ikkontestati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

50     Skond ir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 230 KE, “[k]ull persuna fisika jew legali tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, tippresenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna”.

51     Min dan, isegwi mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni atrażina u d-deċiżjoni simażina li dawn id-Deċiżjonijiet huma indirizzati lill-Istati Membri. Huwa għalhekk f’idejn ir-rikorrenti li jistabbilixxu b’mod partikolari li huma individwalment ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet.

52     F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li r-rikorrenti li, bħal ma huwa l-każ, mhumiex id-destinatarji ta’ Att, ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati minnu ħlief jekk imorru kontrih minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tkun relatata ma’ persuni differenti u, b’hekk, jindividwalizzaw rwieħhom b’mod analogu għad-destinatarju ta' dak l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53     Jista’ jiġi għalhekk ivverifikat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti humiex ikkonċernati mid-Deċiżjonijiet atrażina u simażina minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt, fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet, relatata ma’ persuni differenti.

54     Sabiex jiġi ppruvat li huma individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonijiet atrażina u simażina, l-ewwel nett, ir-rikorrenti sostnew li huma kienu affettwati partikolarment minn dawn id-Deċiżjonijet minħabba r-rigress li huma implikaw fir-rigward tal-protezzjoni ta’ l-ambjent.

55     F’dan ir-rigward, irid jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ressqu l-ebda element preċiż li seta’ juri fhiex id-Deċiżjonijiet atrażina u simażina wasslu għal rigress fil-protezzjoni ta’ l-ambjent. Fil-fatt, huma limitaw rwieħhom li jindikaw li l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina, bi ksur tad-Dritt Komunitarju għandu, b’mod manifest, effetti negattivi f’dan ir-rigward.

56     Anki jekk wieħed kellu jammetti dak li r-rikorrenti jsostnu, almenu b'mod impliċitu, li r-rigress allegat jirriżulta mill-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina għandhom l-effett li jippermettu lil xi Stati Membri li jżommu fis-seħħ għal terminu provviżorju, għal ċertu użu, l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti fitofarmaċewtiċi li għandhom l-atrażina jew is-simażina – sustanzi attivi li, skond ir-rikorrenti, jagħmlu ħsara lill-ambjent -, irid jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jeffetwaw lir-rikorrenti fil-kwalità oġġettiva tagħhom bħala entitajiet li għandhom l-iskop li jħarsu l-ambjent, u dan bħal kull persuna oħra li ssib ruħha f'din is-sitwazzjoni. Kif isegwi wkoll mill-ġurisprudenza, din il-kwalità waħedha mhijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti humiex individwalment ikkonċernati mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace et vs il-Kummissjoni, C-321/95 P, Ġabra p. I-1651, punt 28, u d-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2003, Villiger Söhne vs il-Kunsill, T-154/02, Ġabra p. II-1921, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57     It-tieni nett, ir-rikorrenti sostnew sostanzjalment, li skond l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/35, kull organizazzjoni non-governattiva li taħdem favur il-ħarsien ta’ l-ambjent u li tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba mid-dritt nazzjonali, tista tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha lill-awtorità kompetenti kif ukoll titlob lil din l-awtorità sabiex tieħu l-miżuri neċessarji skond din id-Direttiva. Jirriżulta li huma għandhom locus standi fir-rigward ta’ l-annullament tad-deċiżjonijiet atrażina u simażina taħt ir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 230 KE.

58     F’dan ir-rigward, irid jiġi mfakkar li l-fatt li persuna tintervjeni, b’mod jew ieħor, fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att Komunitarju, mhuwiex ta’ natura li tindividwalizza din il-persuna f'relazzjoni ma’ l-Att in kwistjoni peress li ċerti garanziji ta’ proċedura ġew previsti għal din il-persuna mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabli (ara d-Digriet tal-Qorti Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2002, Bactria vs il-Kummissjoni, T-339/00, Ġabra p. II-2287, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59     Jirriżulta mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2004/35 li l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 12 ta’ din id-Direttiva hija awtorità mwaqqfa għal kull waħda mill-Istati Membri. Għalhekk, anki jekk jiġi ammess li r-rikorrenti jistgħu jippretendu li għandhom id-dritt li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom u li jitolbu li jittieħdu miżuri neċessarji, kif inhu previst mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/35, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-drittijiet proċedurali ma jistgħux jiġu invokati fil-konfronti ta’ “awtorità kompetenti” li, skond l-istess Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/35, mhijiex istituzzjoni Komunitarja. Bl-istess mod, xejn ma jippermetti li jiġi dedott mit-test jew mill-istruttura ta’ din id-Direttiva li din tapplika wkoll għar-rikors preżenti, kontra dak li qed jippretendu r-rikorrenti.

60     Jirriżulta li d-dritt proċedurali invokat mir-rikorrenti ma jistgħax jiġi invokat b’mod utili fil-konfront tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ adozzjoni tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina, u li mhumiex għalhekk rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti humiex jew le individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonijiet atrażina u simażina.

61     It-tielet nett, kif jirriżulta mill-argument li jigħid li d-dritt ta’ ċerti Stati Membri jaċċetta li assoċjazzjonijiet li jħarsu l-ambjent huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-atti li jagħmlu ħsara lill-interessi li huma jħarsu u mill-argument li dan huwa l-każ ta’ Natuur en Milieu taħt id-dritt Olandiż, irid jiġi rrilevat li l-locus standi rrikonoxxut lil dawn ir-rikorrenti f’ċerti ordinamenti ġuridiċi ta’ l-Istati Membri huwa mingħajr rilevanza sabiex jinftiehem il-locus standi tagħhom fir-rigward ta’ annullament ta’ att Komunitarju, skond ir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 230 KE (ara f’dan is-sens, id- Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1995, Greenpeace et vs il-Kummissjoni, T-585/93, Ġabra p. II-2205, punt 51).

62     Ir-raba’ nett, jirriżulta mill-istatus speċjali ta’ konsulent li minnu l-EBB u Natuur en Milieu jibbenefikaw quddiem il-Kummissjoni, jew istituzzjonijiet oħra Ewropej jew nazzjonali, b’mod partikolari taħt id-Direttiva 92/43, li jrid jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet atrażina u simażina ma jipprevedu l-ebda garanzija ta’ proċedura favur ir-rikorrenti u l-anqas kulll xorta ta' parteċipazzjoni fl-organi konsultattivi komunitarji stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 92/43, nazzjonali jew sovranazzjonali li fihom ir-rikorrenti għandhom jippretendu li jkunu parti. Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 hawn fuq, l-istatus pretiż ta’ konsulent li r-rikorrenti qed jinvokaw ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li huma individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonijiet atrażina u simażina.

63     Jirriżulta minn dak li jippreċedi li d-Dritt Komunitarju ma jipprevedix f’dan l-istadju d-dritt li tittieħed azzjoni fl-interess kollettiv quddiem l-Imħallef Komunitarju, bħal ma huwa ssuġġerit mir-rikorrenti fil-kawża.

64     Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva, bħal ma hija rregolata mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, applikabbli għall-istituzzjonijiet Komunitarji taħt l-Artikolu 6(2) UE, teħtieġ li r-rikors preżenti jiġi ddikjarat ammissibili għall-motivi, min-naħa, li l-proċeduri mressqa quddiem il-qrati nazzjonali huma twal, kumplessi u għalja u, min-naħa l-oħra, li dawn il-qrati ma jkunux kompetenti biżżejjed li jaqtgħu l-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tar-rikors preżenti.

65     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva hija parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li, effettivament, dan id-dritt ġie wkoll irregolat mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB (sentenza Union de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, punt 52 ‘il fuq, punti 38 u 39).

66     F’din l-istess kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li t-Trattat KE, permezz ta’ l-Artikolu 230 KE u l-Artikolu 241 KE, min-naħa, u permezz ta’ l-Artikolu 234 KE min-naħa l-oħra, stabbiliet sistema sħiħa ta’ metodi ta’ rikorsi u ta’ proċeduri li għandhom bħala għan li jiżguraw il-kontroll tal-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, billi jressquhom quddiem Imħallef Komunitarju. F’din is-sistema, persuni fiżiċi jew morali ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà taħt ir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 230 KE, jikkontestaw b’mod dirett l-atti Komunitarji ta’ sfera ġenerali, iżda għandhom il-possibbiltà, skond il-każ, li jqajmu l-invalidità ta' tali atti, kemm jekk iseħħ taħt l-Artikolu 241 KE, quddiem l-Imħallef Komunitarju, kif ukoll quddiem il-qrati nazzjonali, u li jressquhom, peress li mhumiex kompetenti li jikkonstataw huma stess il-validità tat-tali atti, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda preliminari (sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, punt 52 iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40).

67     Fl-aħħar, joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament quddiem l-Imħallef Komunitarju, ma jiddependix mill-kwistjoni li jsir magħruf jekk teżistix possibbiltà ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali li tippermetti li tiġi eżaminata l-validità ta’ l-att fejn l-annullament tiegħu huwa ammess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, punt 52 iċċitata iktar ‘il fuq, punt 46).

68     Min dan jirriżulta li, fil-kunċett ta’ ġurisprudenza magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-argument, li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ protezzjoni ġuridika effettiva mqajma mir-rikorrenti, ma jippermettix lilha biss li taċċetta l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom.

69     Is-sitt nett, peress li jirriżulta mill-argument li jgħid li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jfisser li r-rikors tar-rikorrenti jrid jiġi ddikjarat ammissibbli, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ġurisprudenza li s-sempliċi fatt li att jipproduċi effetti fir-rigward tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ l-effetti li jipproduċi fir-konfront ta’ persuna li għandha locus standi għal annullament ta’ dan l-att mhuwiex biżżejjed biex jingħata locus standi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eridania et vs il-Kummissjoni, punt 48, iktar ’il fuq, punt 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la société française de production et vs il-Kummissjoni C-106/98 P, Ġabra p. I-3659, punt 41). Taħt dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk wieħed jammetti, kif qed isostnu r-rikorrenti, li Syngenta għandha locus standi għal annullament tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina, din l-unika ċirkustanza ma tistabbilixxix li r-rikorrenti jissoddisfaw il-ħtieġa li jkunu individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonijet atrażina u simażina, u l-anqas li joqgħodu mingħajr ma jiġi stabbilit jekk huma jissoddisfawx din il-ħtieġa.

70     Fl-aħħar, is-seba’ nett, ir-rikorrenti sostnew li l-locus standi tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjonijiet atrażina u simażina jirriżulta minn dak li, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ Regolament Århus, il-Kummissjoni indikat li l-assoċjazjonijiet ewropej għall-ħarsien ta’ l-ambjent li jissoddisfaw ċertu kriterji oġġettivi għandhom locus standi taħt ir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 230 KE. F’dan il-każ, ir-rikorrenti jissoddisfaw l-imsemmija kriterji oġġettivi.

71     F’dan ir-rigward, irid jiġi rrilevat li l-prinċipji li jirregolaw il-ġerarkija tan-normi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 1992, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-240/90, Ġabra p. I-5383, punt 42) imorru kontra li att ta’ dritt idderivat jagħti locus standi minħabba li ma jiġux soddisfatti r-rekwiżiti ta’ ir-raba’ inċiż l-Artikolu 230, KE. Dan jiswa wkoll, a fortiori, għall-espożizzjoni tal-motivi ta' proposta ta' att ta' dritt idderivat.

72     Għaldaqstant, l-espożizzjoni tal-motivi mqajma mir-rikorrenti ma jeżentahomx milli juru li huma individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonjiet atrażina u simażina. Bl-istess mod, anki jekk jiġi aċċettat li r-rikorrenti huma entitajiet ikkwalifikati taħt il-proposta ta’ Regolament Århus, irid jiġi kkonstatat jekk huma jagħtux raġuni li permezz tagħha din il-karatterisitka tippermetti li jiġi kkunsidrat jekk humiex individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonijiet atrażina u simażina.

73     Meta wieħed jara dak li jippreċedi, jista’ jiġi konkluż li r-rikorrenti mhumiex individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonijiet atrażina u simażina. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rikors irid jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti humiex direttament ikkonċernati min dawn id-Deċiżjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

74     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu ż-żewġ kawżi, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

75     Skond l-Artikolu 87(4) l-ewwel inċiż tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li huma intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Framċiża tbati l-ispejjeż tagħha. Skond l-Artikolu 87(4), it-tielet inċiż tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, Sygenta, li intervjeniet in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla)

tordna li:

1)      Il-Kawżi T‑236/04 u T‑241/04 huma magħquda.

2)      Ir-rikorsi fil-kawżi T‑236/04 u T‑241/04 huma miċħuda bħala inammissibbli.

3)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu, barra l-ispejjeż tagħhom, dawk magħmula mill-Kummissjoni fil-kawżi T-236/04 u T‑241/04.

4)      Il-partijiet intervenjenti fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Mogħti f'Qorti fil-miftuh fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Novembru 2005.

Reġistratur

 

il-President

E. Coulon

 

J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.