SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)
12 ta’ Ottubru 2007 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidi organiċi — Deċiżjoni li tiċħad talba sabiex jitneħħew ċerti siltiet mill-verżjoni finali ppubblikata ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE — Żvelar ta’ informazzjoni dwar ir-rikorrenti bil-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni mhux indirizzata lilha — Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 — Sigriet professjonali — Artikolu 287 KE — Preżunzjoni ta’ l-innoċenza — Annullament”
Fil-Kawża T-474/04,
Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse GmbH, stabbilita f’Bocholt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann u F. Wiemer, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet, bħala aġent, assistit minn A. Böhlke, avukat,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2004) D/204343, ta’ l-1 ta’ Ottubru 2004, safejn tiċħad it-talba tar-rikorrenti ntiża sabiex titneħħa kull referenza għaliha fil-verżjoni finali ppubblikata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, ta’ l-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 [KE] u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 — Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44),
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u E. Cremona, Imħallfin,
Reġistratur: K. Andová, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
|
1 |
Skond l-Artikolu 287 KE, “[i]l-membri ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, […] u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Komunità, ikunu meħtieġa […], li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirreferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.” |
|
2 |
L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), applikabbli fil-kawża preżenti u intitolat “[Sigriet] professjonali”, jippreċiża li, “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikol[i] 19 u 21, il-Kummissjoni […], l-uffiċċjali [tagħha] u [aġenti] oħra m'għandhomx jikxfu l-informazzjoni akkwistata minnhom b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obligazzjoni għas-[sigriet] professjonali”. |
|
3 |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, intitolat, “Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet”, jipprovdi kif ġej: “1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li hija tieħu in segwitu ta’ l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 8. 2. Il-pubblikazzjoni għandha tgħid l-ismijiet tal-partijiet [interessati] u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni: hija għandha tikkonsidra l-interessi leġittimi ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.” |
|
4 |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU L 345, p. 18), applikabbli fil-kawża preżenti, jiddisponi: “Informazzjoni, inkluż dokumenti, m'għandhiex tkun ikkomunikata jew magħmula aċċessibbli sa fejn ikun fiha sigrieti tan-negozju ta’ kull parti, inkluż il-partijiet li lejhom il-Kummissjoni indirizzat oġġezzjonijiet, applikanti u min jagħmel ilmenti u terzi persuni oħra, jew informazzjoni kunfidenzjali oħra […]. Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti xierqa sabiex tippermetti l-aċċess għall-fajl, waqt li tieħu akkont tal-bżonn li tipproteġi sigrieti tan-negozju […] u informazzjoni kunfidenzjali oħra.” |
|
5 |
L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA, tat-23 ta’ Mejju 2001, dwar it-termini ta’ referenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, p. 21) jipprovdi: “Fejn ikun hemm il-ħsieb li tkun żvelata informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi xi sigriet kummerċjali ta’ xi intrapriża, din għandha ktun informata bil-miktub b’din l-intenzjoni u r-raġunijiet għal dan. Għandu jkun stabbilit limitu tal-ħin li fih l-intrapriża interessata tista’ tagħmel xi kummenti bil-miktub. Meta l-intrapriża interessata toġġezzjona għall-iżvelar ta’ l-informazzjoni iżda jinstab li l-informazzjoni ma tkunx protetta u għalhekk tista’ tkun żvelata, dan għandu jkun dikjarat fid-deċiżjoni raġunata li għandha tkun notifikata lill-intrapriża interessata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha din l-informazzjoni ser tkun żvelata. Din id-data m'għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika. L-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jgħoddu mutatis mutandis għall-iżvelar ta’ l-informazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.” |
|
6 |
Skond l-Artikolu (1)(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1), is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew penali għall-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni hija suġġetta għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin fil-każ tal-ksur li ma jkunx ksur ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet jew in-notifikazzjonijiet ta’ impriżi jew assoċazzjonijiet ta’ impriżi, it-talbiet għal informazzjoni jew it-twettiq ta’ investigazzjonijiet. |
Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
7 |
Fl-2002, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17, fil-konfront tal-prodotturi Ewropej ta’ perossidi organiċi, li fosthom kienu inklużi l-gruppi AKZO, Atofina SA, is-suċċessur ta’ Atochem (iktar ’il quddiem “Atochem/Atofina”), u Peroxid Chemie GmbH & Co. KG, kumpannija kkontrollata minn Laporte plc, li saret Degussa UK Holdings Ltd, Peróxidos Orgánicos SA, FMC Foret SA, AC Treuhand AG u r-rikorrenti, fir-rigward ta’ parteċipazzjoni f’akkordji, b’mod aktar speċifiku, f’akkordju prinċipali u f’diversi akkordji reġjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, fuq ċerti swieq tal-perossidi organiċi. |
|
8 |
Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura formali u adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li sussegwentament ġiet innotifikata b’mod partikolari lir-rikorrenti. Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti kkontestat essenzjalment il-portata kif ukoll it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju prinċipali u ppreċiżat li hija kellha biss kuntatti sporadiċi ma’ Peroxid Chemie u Atochem/Atofina bejn l-1994 u l-1996. Hija fl-istess ħin affermat li ma kellhiex kuntatti mal-kumpanniji l-oħra in kwistjoni. Għaldaqstant, il-prosekuzzjoni ta’ ksur eventwali min-naħa tar-rikorrenti hija, f’kull każ, preskritta. |
|
9 |
B’ittra ta’ l-10 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni informant lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tagħlaq il-proċedura kontriha. |
|
10 |
Barra minn hekk, permezz tad-Deċiżjoni 2005/349/KE, ta’ l-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 — Perossidi organiċi) (ĠU L 110, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni perossidi”), il-Kummissjoni imponiet multi fuq Atochem/Atofina, fuq Peroxid Chemie, fuq AC Treuhand, fuq Peróxidos Orgánicos u fuq Degussa UK għall-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE. Din id-deċiżjoni kienet indirizzata lill-kumpanniji ċċitati iktar ’il fuq, iżda mhux lir-rikorrenti. |
|
11 |
Fid-dispożittiv tagħha, id-Deċiżjoni perossidi ma tagħmilx referenza għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat. Madankollu, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikorrenti, din id-deċiżjoni tippreċiża, l-ewwel nett, fil-premessa 78, li: “wara li tat l-opportunità lill-impriżi kkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fir-rigward tar-[rikorrenti] u ta’ [FMC-Foret]. Fir-rigward [tar-rikorrenti], il-Kummissjoni tikkonstata li ma tistax tiġi pprovata l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur uniku u kontinwu lill'hinn mill-31 ta’ Jannar 1997, id-data rilevanti li tagħti lok għall-preskrizzjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
12 |
It-tieni nett, b’mod partikolari fil-premessi 156 sa 177, id-Deċiżjoni perossidi fiha deskrizzjoni dettaljata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju prinċipali bejn, b’mod partikolari, il-grupp AKZO, Atochem/Atofina u Peroxid Chemie li dam għall-perijodu bejn l-1971 u l-1999. Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkonstata li r-rikorrenti ma pparteċipatx direttament u formalment fl-akkordju prinċipali, iżda li hija kienet għamlet biss intervent fil-perijodu bejn l-1993 sal-1996, permezz ta’ laqgħat u kuntatti, bi skop antikompetittiv, ma’ Atochem/Atofina u Peroxid Chemie kif ukoll permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva ma’ dawn ta’ l-aħħar. |
|
13 |
Fl-aħħar nett, fil-premessa 319, id-Deċiżjoni perossidi tiddikjara: “[ir-rikorrenti] kienet destinatarja tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Madankollu, id-deċiżjoni preżenti mhijiex indirizzata [lir-rikorrenti] (ara l-premessa 78), peress li l-parteċipazzjoni [tar-rikorrenti] lill'hinn mill-31 ta’ Jannar 1997 ma tistax tiġi pprovata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
14 |
B’ittra tat-18 ta’ Frar 2004, innotifikata fid-19 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kopja tad-Deċiżjoni perossidi kif ukoll sunt ta’ din id-deċiżjoni. F’din l-ittra, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kellha l-intenzjoni tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni perossidi kif ukoll tas-sunt tagħha, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, u stiednitha sabiex tidentifika s-siltiet li hija kienet tikkunsidra li fihom sigrieti kummerċjali jew xi informazzjoni kunfidenzjali oħra. |
|
15 |
B’ittra ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex mill-verżjoni tad-Deċiżjoni perossidi intiża għall-pubblikazzjoni jitneħħew ir-referenzi kollha għar-rikorrenti u għall-allegat aġir abbużiv tagħha, b’mod partikolari dawk li jidhru fil-premessi 15, 81, 106 (Tabella 4), u fil-premessi 120 sa 123, 156 sa 177, 184, 185, 188, 189, 202, u 270, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx destinatarja ta’ l-imsemmija deċiżjoni u minħabba li l-proċedura miftuħa kontriha kienet ingħalqet (premessa 78 tad-Deċiżjoni perossidi). Fil-fatt, ċerti siltiet tad-Deċiżjoni perossidi, dwar l-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat, b’mod partikolari l-premessi 169 u 176, li kienu ġew ikkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ma kinux eżatti. F’kull każ, is-sigrieti kummerċjali li kienu jinsabu fil-premessa 45 (is-sehem fis-suq tar-rikorrenti), fil-premessa 106 (Tabella 4), fil-premessi 168 u 175 (l-isem tas-Sur S.), kif ukoll fil-premessi 173 sa 177 u 510 [evalwazzjoni dettaljata tar-rikorrenti fil-kuntest tan-negozjati ta’ xiri ma’ terzi] kellhom jitneħħew. |
|
16 |
B’ittra tas-6 ta’ April 2004, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet ser tneħħi kull referenza għal din ta’ l-aħħar fil-verżjoni provviżorja tad-Deċiżjoni perossidi intiża għall-pubblikazzjoni filwaqt li annettiet il-verżjoni mhux kunfidenzjali korrispondenti. Madankollu, il-Kummissjoni rriżervat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tat-talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti fir-rigward tal-verżjoni definittiva tad-Deċiżjoni perossidi intiża għall-pubblikazzjoni. |
|
17 |
B’ittra tat-13 ta’ April 2004, ir-rikorrenti talbet li jitneħħa wkoll isimha fil-premessa 15 u fit-Tabella 4 tad-Deċiżjoni perossidi u, mingħajr ħsara għal dawn il-bidliet, aċċettat il-pubblikazzjoni provviżorja ta’ l-imsemmija deċiżjoni. |
|
18 |
B’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-verżjoni provviżorja mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni perossidi, li ma kien fiha l-ebda referenza għar-rikorrenti, prevista għall-pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, li kellha sseħħ fl-inqas żmien possibbli. |
|
19 |
B’ittra tat-28 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tiċħad it-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tar-referenza għal din ta’ l-aħħar fil-verżjoni definittiva tad-Deċiżjoni perossidi intiża għall-pubblikazzjoni. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81 KE imwettaq mir-rikorrenti, mingħajr ma kien possibbli, madankollu, minħabba preskrizzjoni, li tiġi imposta multa fuqha. Minkejja dan, il-Kummissjoni aċċettat li taħbi, fil-verżjoni definittiva mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni perossidi, l-isem ta’ l-amministratur tar-rikorrenti, is-Sur S., kif ukoll ir-referenzi magħmula għall-evalwazzjoni dettaljata tagħha fil-kuntest ta’ negozjati għal xiri ma’ terzi, u li tissostitwixxi l-indikazzjonijiet preċiżi dwar l-ishma tas-suq tar-rikorrenti b’indikazzjoni ta’ marġni ta’ l-ishma tas-suq. Fl-aħħar, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar il-possibbiltà li tindirizza ruħha lil uffiċjal tas-seduta, taħt l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, fil-każ li hija jkollha l-intenzjoni ssostni t-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali. |
|
20 |
B’ittra tat-12 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti talbet lill-uffiċjal tas-seduta sabiex, mill-verżjoni definittiva tad-Deċiżjoni perossidi intiża għall-pubblikazzjoni, jneħħi kull referenza għar-rikorrenti, skond il-verżjoni provviżorja ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni. F’din l-ittra, ir-rikorrenti tenniet l-argumenti li kienet ressqet fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Marzu 2004 u ppreċiżat li r-referenzi żbaljati għall-allegata parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat, magħmula fil-premessi 15, 45, 61, 66, 71, 78, 81, 106 (Tabella 4), fil-premessi 108, 120 sa 123, 156 sa 177, 184, 185, 188, 189, 202, 270, 271, 319, 328, 366, 399, 423 u 510, kif ukoll fil-punt 1.3.1 tal-werrej, kellhom jitneħħew. In sostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti sostniet li dawn l-indikazzjonijiet setgħu jipprovdu elementi ta’ prova lil terzi għall-finijiet ta’ azzjonijiet għal kumpens kontra r-rikorrenti u jkunu ta’ ħsara għar-reputazzjoni tagħha fuq is-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti, wara l-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti, sabiex takkużaha bi ksur ta’ l-Artikolu 81 KE, u lanqas sabiex tadotta, għal dan il-għan, deċiżjoni preġudizzjali fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li d-Deċiżjoni perossidi mhijiex indirizzata lir-rikorrenti jċaħħadha, b’mod inammissibbli, mill-possibbiltà li tressaq rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni. Fl-aħħar, l-approċċ tal-Kummissjoni huwa inkompatibbli ma’ l-għan tar-regoli ta’ preskrizzjoni kif ukoll mal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza. |
|
21 |
B’ittra tat-13 ta’ Settembru 2004, l-uffiċjal tas-seduta adotta deċiżjoni inizjali skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462. F’din id-deċiżjoni, huwa rrifjuta li, mill-verżjoni definittiva tad-Deċiżjoni perossidi intiża għall-pubblikazzjoni, ineħħi r-referenzi magħmula għar-rikorrenti — bl-eċċezzjoni ta’ l-isem tas-Sur S., xi indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni dettaljata tar-rikorrenti u r-referenza magħmula għall-ishma tas-suq tar-rikorrenti, li kellha tiġi ssostitwita b’indikazzjoni ta’ marġni ta’ l-ishma tas-suq — minħabba li dawn ma kinux jirrigwardaw sigrieti kummerċjali, peress li l-kunċett ta’ sigriet kummerċjali jippresupponi li l-iżvelar ta’ l-informazzjoni in kwistjoni tagħmel ħsara serja lill-interessi tal-persuna kkonċernata. Minn naħa, fir-rigward tar-riskju ta’ azzjonijiet għal kumpens fid-dritt nazzjonali, l-uffiċjal tas-seduta ikkonkluda li dan ir-riskju ma jikkostitwixxix, bħala tali, dannu serju u inġust għall-interessi tar-rikorrenti li jista’ jiġġustifika l-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ikkontestati. Fil-każ li jkunu fondati, l-azzjonijiet għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali jkunu, fil-fatt, konsegwenza aċċettabli tat-twettiq ta’ ksur tad-drittijiet Komunitarji u nazzjonali tal-kompetizzjoni. L-uffiċjal tas-seduta ippreċiża li r-rikorrenti ma kinitx destinatarja tad-Deċiżjoni perossidi u li din id-deċiżjoni, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81 KE mwettaq mir-rikorrenti, ma kinitx, għaldaqstant, vinkolanti legalment għall-qrati nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-uffiċjal tas-seduta osserva li d-dannu eventwali kkawżat għar-reputazzjoni tar-rikorrenti kien il-konsegwenza adegwata tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni perossidi fil-każ tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordji kkonstatati. Fl-aħħar, l-uffiċjal tas-seduta afferma li, anke jekk jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjonijiet fid-Deċiżjoni perossidi mhumiex sostnuti mill-fatti, kwistjoni li l-uffiċjal tas-seduta ma kellux il-kompetenza sabiex jivverifika, ma jirriżulta l-ebda dannu gravi u dewwiemi għar-rikorrenti ta’ natura li jikkonferixxi lill-informazzjoni kkontestata n-natura ta’ sigriet kummerċjali. |
|
22 |
Barra minn hekk, fl-istess ittra, l-uffiċjal tas-seduta ikkunsidra, taħt taqsima separata, intitolata, “Ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża”, li, bil-għan li jiġu mħarsa d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, l-indikazzjonijiet relattivi għall-allegata parteċipazzjoni tagħha f’akkordju reġjonali fi Spanja, li jidhru fil-premessi 176, 262 u 328 tad-Deċiżjoni perossidi, kellhom jiġu moħbija, safejn, fid-dawl tan-nuqqas ta’ referenza għal dawn l-elementi fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma kellhiex l-opportunità sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. |
|
23 |
B’ittra tas-27 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti indikat l-intenzjoni tagħha li tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali, kif tinsab fl-ittra ta’ l-uffiċjal tas-seduta tat-13 ta’ Settembru 2004, u talbet li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni definittiva tad-Deċiżjoni perossidi li fiha r-referenzi li jirrigwardawha tiġi posposta sa l-għeluq tal-proċedura kontenzjuża. |
|
24 |
B’ittra ta’ l-1 ta’ Ottubru 2004, fir-rigward tad-Deċiżjoni (2004) D/204343 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-uffiċjal tas-seduta tenna l-motivi esposti fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2004. Barra minn hekk, l-uffiċjal tas-seduta indika li l-Kummissjoni kellha tipposponi l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni perossidi, fil-forma deskritta fid-deċiżjoni kkontestata, sakemm ir-rikorrenti jkollha l-opportunità li tressaq talba għal miżura provviżorja, imressaq skond l-Artikolu 242 KE, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. |
|
25 |
B’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti għarrfet lill-uffiċjal tas-seduta li hija ma kinitx ser tagħmel talba għal miżura provviżorja minħabba l-kundizzjonijiet stretti stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-fondatezza ta’ tali talba. |
|
26 |
B’ittra tat-18 ta’ Ottubru 2004, l-uffiċjal tas-seduta wieġeb li, fid-dawl tar-rinunzja tar-rikorrenti li tibda proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma kienx hemm iktar ostakoli għall-pubblikazzjoni prevista tal-verżjoni definittiva tad-Deċiżjoni perossidi. |
|
27 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni ppubblikat, fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-kompetizzjoni, id-Deċiżjoni perossidi, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha, li kien fiha r-referenzi għar-rikorrenti u l-indikazzjonijiet l-oħra kkontestati minnha. |
|
28 |
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
|
29 |
Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2006. |
|
30 |
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:
|
|
31 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:
|
Id-dritt
A — Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament
1. L-argumenti tal-partijiet
|
32 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, u għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti. |
|
33 |
Hija tqis li, peress li r-rikorrenti rrinunzjat li tressaq talba għal miżura provviżorja quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u peress li sadattant id-Deċiżjoni perossidi kienet ġiet ippubblikata bl-indikazzjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti m'għadx għandha interess ġuridiku sabiex taġixxi kontra din id-deċiżjoni. Ir-rikorrenti stess kienet irrikonoxxiet dan in-nuqqas ta’ interess ġuridiku fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Settembru 2004, billi indikat li pubblikazzjoni kienet tirrendi mingħajr valur ir-rikors tagħha. |
|
34 |
Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tindika b’liema mod l-indikazzjonijiet ikkontestati u ppubblikati jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali. F’kull każ, l-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata ma jħassarx il-fatt li xi terzi saru jafu bl-imsemmija indikazzjonijiet u l-probabbiltà li fil-futur tirriżulta sitwazzjoni komparabbli hija minima. Għaldaqstant, huwa dubjuż li l-imsemmi annullament jista’ jkollu effetti legali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punti 59 u 60). |
|
35 |
Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, ir-rikors huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-indikazzjonijiet ikkontestati għandhom natura vinkolanti. Madankollu, il-konstatazzjonijiet dwar il-ksur, bħalma huma dawk li jirrigwardaw lir-rikorrenti, li ma jidhrux ħlief fil-motivi tad-Deċiżjoni perossidi mingħajr ma jsibu ebda espressjoni formali fid-dispożittiv tagħha, mhumiex vinkolanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 315; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il-Kummissjoni, T-38/92, Ġabra p. II-211, punt 34; tas-6 ta’ April 1995, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, T-145/89, Ġabra p. II-987, punti 35, 55 et seq, u tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, ippubblikata f’siltiet, punt 699). Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-interess ġuridiku tagħha jirriżulta mill-fatt li l-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jikkostitwixxi l-bażi ta’ rikors għal responsabbiltà kontra l-Kummissjoni fil-każ fejn ir-rikorrenti tiġi ordnata tħallas danni fil-kuntest ta’ kawża nazzjonali, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan huwa purament ipotetiku u tfakkar li r-rikorrenti mhijiex id-destinatarja ta’ deċiżjoni li tikkonstata, b’mod vinkolanti għall-qrati nazzjonali, ksur ta’ l-Artikolu 81 KE. |
|
36 |
Ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li r-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata huwa ammissibbli. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
37 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikors preżenti huwa dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata li kienet ġiet adottata fuq il-bażi tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 u li, permezz tagħha, il-Kummissjoni ċaħdet parzjalment it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti minħabba l-fatt li din it-talba kienet tikkonċerna ċerti siltiet tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni perossidi intiża għall-pubblikazzjoni. Ir-rikors preżenti, għaldaqstant, m'għandux bħala għan li jdaħħal in kwistjoni l-legalita tad-Deċiżjoni perossidi bħala tali. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat mill-partijiet li t-terminu sabiex jitressaq rikors li seta’ jiġi eżerċitat kontra d-Deċiżjoni perossidi, li kopja tagħha kienet intbagħtet lir-rikorrenti fid-19 ta’ Frar 2004, kien skada u li, għaldaqstant, din id-deċiżjoni akkwistat l-awtorità ta’ res judicata fil-konfront tar-rikorrenti safejn tista’ tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti definittivi fir-rigward tagħha. |
|
38 |
Anke jekk ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà sabiex taġixxi fil-ħin kontra d-Deċiżjoni perossidi iżda m'għamlietx hekk, xorta waħda ma jirriżultax minn dan li hija m'għandhiex interess ġuridiku sabiex taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ l-att ikkontestat jista’ jkollu konsegwenzi legali fih innifsu (ara s-sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 34 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21), li r-rikors ikun b’hekk adattat, permezz tar-riżultat tiegħu, sabiex jikseb benefiċċju għall-parti li tkun għamlitu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 21), u li din ikollha interess effettiv u attwali li dan l-att jiġi annullat (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data et vs Il-Kummissjoni, T-28/02, Ġabra p. II-4119, punt 42). |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni jekk l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jistax ikun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti u, għaldaqstant, ikun il-bażi ta’ l-interess ġuridiku tagħha, tiddependi mill-eżami ta’ kwistjoni ta’ mertu, jiġifieri l-kwistjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “sigriet kummerċjali” fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, jekk jitqies li t-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti tirrigwarda, minn ta’ l-inqas parzjalment, sigrieti kummerċjali previsti mid-dispożizzjonijiet ċċitati iktar ’il fuq — kwistjoni li trid tiġi deċiża fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors preżenti — id-deċiżjoni kkontestata li tiċħad din it-talba tkun illegali safejn tagħmel applikazzjoni żbaljata ta’ dan il-kunċett. Għaldaqstant, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jwassal għal benefiċċju għar-rikorrenti safejn il-Kummissjoni jkollha, skond l-Artikolu 233 KE, tiġbed il-konsegwenzi neċessarji ta’ dan l-annullament għall-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni perossidi, li għandha, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17, tikkunsidra l-interess leġittimu tar-rikorrenti li s-sigrieti kummerċjali tagħha ma jiġux żvelati. |
|
40 |
Fit-tieni lok, kuntrarjament għat-teżi tal-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li l-pubblikazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ikkontestati seħħet diġà u li ċerti terzi setgħu saru jafu bihom ma jistax iċaħħad lir-rikorrenti minn interess ġuridiku li taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, l-iżvelar kontinwu ta’ dawn l-indikazzjonijiet ma jieqafx milli jkun ta’ preġudizzju għall-interessi, u b’mod partikolari għar-reputazzjoni tar-rikorrenti li tikkostitwixxi interess effettiv u attwali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 aktar’il fuq. Barra minn hekk, kull interpretazzjoni oħra, li minħabba fiha l-ammissibbiltà tar-rikors tkun tiddependi fuq jekk il-Kummissjoni żvelatx jew le l-indikazzjonijiet ikkontestati — u għaldaqstant il-ħolqien minnha ta’ fait accompli — jippermettilha li tevita stħarriġ ġudizzjarju billi twettaq tali żvelar anke jekk dan ikun illegali. |
|
41 |
B’mod iktar ġenerali, l-evalwazzjoni magħmula fil-punti 39 u 40 aktar’il fuq hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li tgħid li l-annullament ta’ deċiżjoni jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali, b’mod partikolari billi jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri mitluba mill-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-Artikolu 233 KE u billi jevita r-repetizzjoni ta’ tali prassi min-naħa tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta’ Novembru 1994, Scottish Football vs Il-Kummissjoni, T-46/92, Ġabra p. II-1039, punt 14, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata). Issa, fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni kkontestata wasslet preċiżament għar-riproduzzjoni kostanti, fuq is-sit internet tad-DG “Kompetizzjoni”, tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni perossidi, fejn ma tneħħewx is-siltiet li jirrigwardaw ir-rikorrenti. Għaldaqstant, annullament eventwali, għall-inqas parzjali, tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 233 KE, sabiex twaqqaf il-pubblikazzjoni ta’ ċerti siltiet kkontestati. |
|
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbilta mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mill-partijiet f’dan il-kuntest. |
B — Fuq il-mertu
1. Osservazzjoni preliminari
|
43 |
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, fit-tieni lok, fuq in-nuqqas ta’ setgħa tal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 u 15 tar-Regolament Nru 17, sabiex tadotta u tippubblika deċiżjoni li tikkonstata ksur fil-konfront tagħha, u fit-tielet lok, fuq il-ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
2. Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17
a) L-argumenti tal-partijiet
|
44 |
Ir-rikorrenti ssostni li s-sempliċi fatt li hija mhijiex id-destinatarja tad-Deċiżjoni perossidi jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tippubblika l-konstatazzjonijiet li jirrigwardawha. |
|
45 |
Skond ir-rikorrenti, il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17 tirrigwarda biss il-partijiet interessati. Issa, il-kunċett ta’ “partijiet interessati” skond it-termini ta’ din id-dispożizzjoni jkopri biss id-destinatarji ta’ deċiżjoni li timponi multa u mhux l-impriżi implikati li mhumiex id-destinatarji ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni ta’ tali deċiżjoni li jkun fiha konstatazzjonijiet li jippreġudikaw impriżi li mhumiex destinatarji, tikkostitwixxi, għal dawn ta’ l-aħħar, penali, minħabba l-effetti negattivi li tipproduċi tali pubblikazzjoni fuq ir-reputazzjoni tagħhom u minħabba r-riskju akkumulat għalihom li jiġu esposti, fuq il-bażi ta’ provi li jirriżultaw mill-imsemmija deċiżjoni, għal azzjonijiet għal kumpens imressqa minn terzi quddiem il-qrati nazzjonali. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, kuntrarjament għad-destinatarji ta’ deċiżjoni, tali impriżi ma jistgħux, barra minn hekk, jikkontestaw quddiem qorti l-fondatezza ta’ dawn il-konstatazzjonijiet sabiex jevitaw l-effetti negattivi u r-riskji msemmija, u dan jikkostitwixxi restrizzjoni li mhijiex aċċettabli tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
46 |
Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat, essenzjalment, filwaqt li għamlet referenza għall-argument li hija żviluppat fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha u għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T-198/03, Ġabra p. II-1429), li s-setgħa tal-Kummissjoni li tippubblika deċiżjoni, skond l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17, hija limitata, minn naħa, mill-protezzjoni tas-sigriet professjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 287 KE, li jkopri wkoll l-iżvelar ta’ elementi, bħal dawk previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza kif previst mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1) u li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-portata tas-setgħa ta’ pubblikazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tiżvela l-elementi ta’ l-akkuża li l-impriża kkonċernata ma kellhiex l-opportunità tikkontesta quddiem qorti. |
|
47 |
Għaldaqstant, il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni perossidi li fiha konstatazzjonijiet dwar l-allegat aġir illegali tar-rikorrenti tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17. |
|
48 |
Skond il-Kummissjoni, il-fatt li d-Deċiżjoni perossidi ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti bħala destinatarja ma jaffettwax is-setgħa tagħha li tippubblika l-imsemmija deċiżjoni f’verżjoni li tinkludi referenzi għaliha. Dan huwa iktar u iktar minnu fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kienet parti fil-proċedura amministrattiva sakemm din ingħalqet fir-rigward tagħha. |
|
49 |
Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-uniku limitu għas-setgħa ta’ pubblikazzjoni tagħha, kif prevista fit-tieni parti tas-sentenza ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17, huwa l-obbligu li hija għandha li tikkunsidra l-interessi leġittimi ta’ l-impriżi sabiex is-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati. Għall-kuntrarju, l-ewwel parti tas-sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tagħmel referenza biss għall-ħtiġijiet minimi li għandhom jissodisfaw dawn il-pubblikazzjonijiet, jiġifieri li jiġu indikati l-partijiet interessati u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni. |
|
50 |
Il-ġurisprudenza tikkonferma din l-interpretazzjoni billi tirrikonoxxi li l-pubblikazzjonijiet li jmorru oltre dawn il-ħtiġijiet minimi huma ammissibbli. B’hekk, il-pubblikazzjoni tat-test sħiħ ta’ deċiżjoni li timponi multi hija legali, u dan jgħodd ukoll għad-deċiżjonijiet meħuda b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 li mhumiex fost dawk imsemmija fl-Artikolu 21(1) ta’ l-imsemmi regolament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 101 sa 103, u ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, Francolor vs Il-Kummissjoni, 54/69, Ġabra p. 851, punti 30 u 31). Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ġustament ikkonstatat, fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, li hija setgħat tippubblika anki d-deċiżjonijiet, jew partijiet minnhom, li għalihom id-dritt sekondarju ma jipprevedix l-obbligu ta’ pubblikazzjoni, bil-kundizzjoni li din ma tirriżultax fl-iżvelar ta’ sigrieti kummerċjali. |
|
51 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, anke jekk jitqies li l-espressjoni “partijiet interessati” li tidher fl-ewwel parti tas-sentenza ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17 tkopri biss id-destinatarji tad-deċiżjoni, xorta waħda jibqa' l-fatt li mill-kunċett iktar wiesa' ta’ “impriża” — u mhux ta’ “parti interessata” — użat fit-tieni parti ta’ din is-sentenza, jirriżulta li persuni oħra minbarra l-partijiet interessati jistgħu jissemmew fid-deċiżjoni ppubblikata. |
|
52 |
Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-indikazzjonijiet mhux vinkolanti li jirrigwardaw ir-rikorrenti, li jidhru fid-Deċiżjoni perossidi u li mhumiex espressi formalment fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, mhumiex, fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C-344/98, Ġabra p. I-11369, punt 52), is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-qrati nazzjonali għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ eventwali azzjoni għal kumpens (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, T-125/97 u T-127/97, Ġabra p. II-1733, punt 86). Fil-kawża preżenti, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-motivi tad-Deċiżjoni perossidi ma tistax, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ħlief safejn, bħala motiv ta’ att preġudizzjali, tikkostitwixxi l-bażi neċessarja għad-dispożittiv tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T-138/89, Ġabra p. II-2181, punt 31; tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra p. II-1201, punt 150, u tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T-228/97, Ġabra p. II-2969, punt 178). Għall-kuntrarju, l-indikazzjonijiet relattivi għal ksur li jidhru fil-motivi iżda li ma jikkostitwixxux tali bażi la jagħmlu ħsara lill-partijiet interessati u lanqas lil terzi. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ġustament stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-Deċiżjoni perossidi ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkonstata, b’mod vinkolanti għall-qrati nazzjonali, ksur ta’ l-Artikolu 81 KE mwettaq mir-rikorrenti. |
|
53 |
Fil-fatt, id-Deċiżjoni perossidi ma fiha l-ebda konstatazzjoni vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti li tista’ tippreġudika l-evalwazzjoni awtonoma tal-qorti nazzjonali, iżda fiha biss deskrizzjoni ta’ l-aġir tagħha sabiex ikun hemm stampa ċara ta’ l-oriġini u tal-kuntest tal-ksur imwettaq mid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, huwa eskluż li r-rikorrenti tiġi esposta, mingħajr ma tkun tista’ tiddefendi ruħha, għal azzjonijiet eventwali għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali. B’mod partikolari, kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti, id-Deċiżjoni perossidi ppubblikat ma tistax tintuża bħala prova deċiżiva invokata kontriha, u lanqas ma tista’ tiffaċilita, b’mod sinjifikattiv, l-amministrazzjoni tal-provi minn terzi fil-kuntest ta’ tali azzjoni. |
|
54 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1) — dispożizzjoni li ħadet post l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 u li wessgħat il-kundizzjonijiet ta’ pubblikazzjoni sabiex issa tkopri espliċitament id-deċiżjonijiet li jimponu multi u penali perjodiċi — isostni l-approċċ tagħha u bl-ebda mod ma jopponi l-prassi preċedenti ta’ pubblikazzjoni. Minn naħa, il-pubblikazzjoni sservi sabiex tassigura t-trasparenza ta’ l-amminstrazzjoni, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod partikolari ta’ deċiżjonijiet li jimponu multi, tassumi natura disważiva, skond l-għan ta’ prevenzjoni ġenerali rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 50 iktar ’il fuq. Skond il-Kummissjoni, l-allegata penali tar-rikorrenti li tikkostitwixxi l-pubblikazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ikkontestati la tista’ ddaħħal in kwistjoni l-għan ta’ prevenzjoni ġenerali u lanqas tbiddel il-portata tar-regoli ta’ preskrizzjoni billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom b’tali mod li tiġi limitata s-setgħa ta’ pubblikazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, dwar is-suġġett tal-preskrizzjoni fil-qasam ta’ l-impożizzjoni ta’ penali, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 issa jipprovdi espressament “il-poteri konferuti fuq il-Kummissjoni mill-Artikoli 23 u 24” u, għaldaqstant, ma jagħmilx referenza għall-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 30 ta’ l-istess regolament. |
|
55 |
Fl-aħħar, waqt is-seduta, il-Kummissjoni invokat is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq (punt 89), li tipprovdi li l-inklużjoni, f’deċiżjoni li timponi multi, ta’ konstatazzjonijiet fattwali rigward akkordju ma setgħatx tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun kompetenti sabiex tikkonstata ksur relatat ma’ dan l-akkordju jew għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun effettivament ikkonstatat dan il-ksur u li tipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tiddeskrivi, f’deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi penali, il-kuntest fattwali u storiku li fih ikun twettaq l-aġir abbużiv. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li, skond dik is-sentenza, dan jgħodd ukoll għall-pubblikazzjoni ta’ din id-deskrizzjoni, peress li din setgħet tkun utli sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jifhem sew il-motivi ta’ din id-deċiżjoni u li hija l-Kummissjoni li għandha tiddecċiedi dwar jekk huwiex xieraq li jiddaħħlu elementi bħal dawn. |
|
56 |
Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jiġi miċħud. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Osservazzjoni preliminari
|
57 |
Fl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-portata tas-setgħa tal-Kummissjoni li tippubblika, taħt l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17, deċiżjoni, adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17, li mhijiex indirizzata lilha u li fiha l-Kummissjoni kkonstatat, fil-motivi u mhux fid-dispożittiv, ksur imwettaq mir-rikorrenti. In sostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni, minn naħa, li hija mhijiex “parti interessata” fis-sens ta’ l-ewwel parti tas-sentenza ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament 17 li tista’ tkun is-suġġett ta’ tali pubblikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni perossidi tikkawżalha ħsara safejn tiżvela elementi koperti mis-sigriet professjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 287 KE. |
|
58 |
Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li għandha tibda bl-eżami tal-fondatezza tat-tieni parti ta’ l-ewwel motiv dwar il-portata tas-setgħa ta’ pubblikazzjoni tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ l-Artikolu 287 KE. |
Fuq il-portata tas-setgħa ta’ pubblikazzjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17
|
59 |
Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, il-kontenut ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 li jirregola l-portata tas-setgħa ta’ pubblikazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
60 |
Minn naħa, l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17 jelenka t-tipi ta’ deċiżjonijiet li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tippubblika, lista li magħha għandhom jiżdiedu, skond il-ġurisprudenza, id-deċiżjonijiet li jimponu multi skond l-Artikolu 15 ta’ l-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 50 iktar ’il fuq, punti 101 sa 104, u Francolor vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 50 iktar ’il fuq, punti 30 u 31). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 21(2) ta’ l-imsemmi regolament jipprovdi, fl-ewwel parti tas-sentenza, li “[I]l-pubblikazzjoni għandha tgħid l-ismijiet tal-partijiet [interessati] u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni”. Barra minn hekk, skond it-tieni parti tas-sentenza ta’ l-Artikolu 21(2) ta’ l-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha “tikkonsidra l-interessi leġittimi ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom”. |
|
61 |
B’mod iktar ġenerali, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, anke jekk il-pubblikazzjoni ta’ att ma tkunx espressament prevista mit-trattati jew minn att ta’ portata ġenerali tad-dritt Komunitarju, mis-sistema stabbilita mit-Trattati, b’mod partikolari mill-Artikolu 1 UE, mill-Artikoli 254 u 255 KE, kif ukoll mill-prinċipju li jipprovdi li d-deċiżjonijiet jittieħdu bil-miftuħ u mill-eżiġenza ta’ trasparenza fl-azzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, stabbiliti f’dawn l-artikoli, jirriżulta li fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jordnaw jew jipprojbixxu espressament il-pubblikazzjoni, l-istituzzjonijiet, bħala regola, għandhom il-fakultà li jagħmlu pubbliċi l-atti li jadottaw. Madankollu, jeżistu eċċezzjonijiet għal din ir-regola inkwantu d-dritt Komunitarju, partikolarment permezz tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li s-sigriet professionali jiġi osservat, jipprekludi l-iżvelar ta’ dawn l-atti u ta’ ċerta informazzjoni li tkun tinsab fihom. Għalhekk, l-Artiklu 21(2) tar-Regolament Nru 17 mhuwiex intiż sabiex jillimita l-libertà tal-Kummissjoni li tippubblika minn rajha verżjoni tad-deċiżjoni tagħha aktar dettaljata mill-minimu neċessarju u li tinkludi fiha anki informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha mhijiex obbligatorja, safejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma jkunx inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq, punti 69 u 79). |
|
62 |
Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li t-tieni parti tas-sentenza ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17, bħall-Artikolu 20 ta’ l-imsemmi regolament, ma tikkostitwixxi xejn ħlief il-konkretizzazzjoni, fil-dritt Komunitarju sekondarju, tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali stabbilita fl-Artikolu 287 KE u li l-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 hija intiża biss sabiex timplementa r-rekwiżiti proċedurali li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 38 iktar ’il fuq (b’mod partikolari l-punti 29 u 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq, punt 28). B’hekk, din il-proċedura tapplika ladarba l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-kompetizzjoni, li tiżvela informazzjoni li tista’ tippreġudika l-protezzjoni tas-sigriet professjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 287 KE (l-ewwel u t-tieni paragrafi), u dan f’kwalunkwe forma, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej (it-tielet paragrafu) jew fuq l-internet. |
|
63 |
It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li la l-Artikolu 287 KE u lanqas ir-Regolament Nru 17 ma jindikaw b’mod espliċitu liema informazzjoni, minbarra s-sigriet kummerċjali, hija koperta mis-sigriet professjonali. Madankollu, mill-formulazzjoni wiesgħa ta’ l-Artikolu 287 KE (li jipprojbixxi l-iżvelar ta’ “tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirreferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom”), mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2842/98 u mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali” ikopri anki informazzjoni kunfidenzjali oħra minbarra s-sigrieti kummerċjali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 34; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta’ Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni, T-353/94, Ġabra p. II-921, punt 86). |
|
64 |
Minn din it-tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali” jirriżulta li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw, l-istess bħall-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2842/98, kemm għas-sigrieti kummerċjali u kif ukoll għal informazzjoni kunfidenzjali oħra. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li n-natura kunfidenzjali ta’ l-informazzjoni, li s-sigriet professjonali jeħtieġ il-protezzjoni tagħha taħt l-Artikolu 287 KE, tista’ tirriżulta wkoll minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju primarju jew sekondarju, bħalma huwa l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (iċċitat fil-punt 46 iktar ’il fuq) jew ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 286 KE u tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU 2001, L 8, p. 1) (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq, punti 34 u 35). |
|
65 |
B’mod ġenerali, fir-rigward tan-natura tas-sigrieti kummerċjali jew ta’ informazzjoni oħra koperta mis-sigriet professjonali, hemm bżonn, l-ewwel nett, li s-sigrieti kummerċjali jew l-informazzjoni kunfidenzjali jkunu jafu bihom biss numru limitat ta’ persuni. It-tieni nett, din għandha tkun informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ joħloq ħsara serja lill-persuna li tkun tatha jew lil terzi [sentenza Postbank vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 63 iktar ’il fuq, punt 87, u ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 325/07 tat-22 ta’ Diċembru 2005, dwar ir-regoli għall-aċċess għall-fajl fil-każijiet taħt l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU C 325, p. 7), punti 3.2.1 u 3.2.2.]. Fl-aħħar nett, huwa meħtieġ li l-interessi li jistgħu jkunu milquta mill-iżvelar ta’ l-informazzjoni għandhom ikunu interessi li jistħoqqilhom protezzjoni. L-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ, f’dan ir-rigward, li jiġu bbilanċjati l-interessi individwali leġittimi li jipprekludu l-iżvelar tagħha u l-interess ġenerali li jitlob li l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji jsiru kemm jista’ jkun bil-miftuħ (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq, punt 71). |
|
66 |
Minn dan isegwi, minn naħa, li, meta l-uffiċjal tas-seduta jieħu deċiżjoni skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, huwa m'għandux biss jeżamina jekk il-verżjoni ta’ deċiżjoni, adottata abbażi tar-Regolament Nru 17 u intiża għall-pubblikazzjoni, tinkludix sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tgawdi minn protezzjoni simili, iżda għandu jivverifika wkoll jekk din il-verżjoni tinkludix informazzjoni oħra li ma tistax tiġi żvelata lill-pubbliku jew minħabba regoli tad-dritt Komunitarju li jipproteġuha b’mod speċifiku, jew minħabba li tirrigwarda informazzjoni li min-natura tagħha hija koperta mis-sigriet professjonali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq, punt 34). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tara li l-uffiċjal tas-seduta jirrispetta l-limiti tal-mandat tiegħu, kif għadu kemm ġie ddefinit, u għandha, għaldaqstant, tivverifika jekk dan applikax b’mod korrett il-protezzjoni tas-sigriet professjonali fil-kawża preżenti. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax takkuża lill-uffiċjal tas-seduta li ma wettaqx korrezzjoni ta’ l-eventwali irregolaritajiet imwettqa mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-pubblikazzjoni peress li l-kontroll ta’ tali irregolaritajiet mhuwiex fil-kompetenza tiegħu. B’hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza la tista’ ddaħħal in kwistjoni l-legalità formali u lanqas il-fondatezza tad-deċiżjoni intiża għall-pubblikazzjoni, anke jekk din ta’ l-aħħar ikun fiha żbalji serji. |
|
67 |
Huwa fid-dawl tal-prinċipji elenkati fil-punti 59 sa 66 aktar’il fuq li għandha tiġi evalwata l-kwistjoni ta’ jekk u safejn l-indikazzjonijiet ikkontestati mir-rikorrenti huma protetti mis-sigriet professjonali taħt l-Artikolu 287 KE. |
Fuq il-protezzjoni mogħtija mis-sigriet professjonali lill-indikazzjonijiet ikkontestati
— Osservazzjoni ġenerali
|
68 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi eżaminat jekk l-indikazzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxux informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali skond l-Artikolu 287 KE, kif ġie interpretat dan il-kunċett fil-punti 63 u 65 aktar’il fuq, u b’mod partikolari għandu jiġi vverifikat jekk il-pubblikazzjoni tagħha tistax toħloq dannu serju lir-rikorrenti. |
— Fuq l-aspetti tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali kkunsidrati mill-uffiċjal tas-seduta
|
69 |
L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, wara l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-pubblikazzjoni ta’ ċerti siltiet li jikkonċernawha fid-Deċiżjoni perossidi u wara t-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali ta’ dawn l-indikazzjonijiet, l-uffiċjal tas-seduta, fid-deċiżjoni kkontestata, sempliċement evalwa l-kwistjoni jekk l-indikazzjonijiet ikkontestati mir-rikorrenti kinux jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali li l-iżvelar tagħhom seta’ jikkawża dannu għall-interessi leġittimi tagħha. |
|
70 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, anke jekk l-uffiċjal tas-seduta b’hekk limita formalment is-suġġett ta’ l-eżami tiegħu, huwa madankollu ħa pożizzjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tiegħu, fuq in-natura dannuża ta’ l-iżvelar ta’ l-indikazzjonijiet ikkontestati u, għaldaqstant, fuq in-natura kunfidenzjali tagħhom. B’hekk, l-uffiċjal tas-seduta eżamina, minn naħa, jekk il-pubblikazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ikkontestati setgħatx twassal sabiex tipprovdi lil terzi b’elementi ta’ prova li abbażi tagħhom ikunu jistgħu jressqu azzjonijiet għal kumpens kontra r-rikorrenti quddiem il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, jekk tali pubblikazzjoni setgħatx tikkawża dannu serju għar-reputazzjoni tar-rikorrenti fuq is-suq. |
|
71 |
Mill-kunsiderazzjoni preċedenti, kif ukoll mill-punt 21 aktar’il fuq, jirriżulta li, essenzjalment, l-uffiċjal tas-seduta evalwa wkoll, bħala risposta għat-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti, il-kwistjoni jekk l-indikazzjonijiet ikkontestati kinux jikkostitwixxu informazzjoni kunfidenjali minbarra sigrieti kummerċjali. F’dan ir-rigward, l-uffiċjal tas-seduta wasal għall-konklużjoni li l-interess tar-rikorrenti li jitneħħew l-indikazzjonijiet ikkontestat mill-verżjoni definittiva tad-Deċiżjoni perossidi intiża għall-pubblikazzjoni ma kienx suffiċjenti. |
— Fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rispett tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali
|
72 |
Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-interess ta’ impriża, li fuqha l-Kummissjoni tkun imponiet multa għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, li d-dettalji ta’ l-aġir illegali tagħha ma jiġux żvelati lill-pubbliku ma jistħoqqlu ebda protezzjoni partikolari, fid-dawl, minn naħa, ta’ l-interess tal-pubbliku li jkun jaf bl-aktar mod dettaljat possibbli l-motivi ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni, ta’ l-interess ta’ l-operaturi ekonomiċi li jkunu jafu liema huwa l-aġir li jista’ jesponihom għal penali u ta’ l-interess tal-persuni leżi mill-ksur li jkunu jafu d-dettalji ta’ dan il-ksur sabiex ikunu jistgħu jinvokaw, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tagħhom kontra l-impriżi puniti u, min-naħa l-oħra, tal-possibbiltà għal din l-impriża li tissottometti tali deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq, punt 78). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li din l-evalwazzjoni tapplika mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur min-naħa ta’ impriża li l-prosekuzzjoni tiegħu hija preskritta skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/74, deċiżjoni li l-Kummissjoni għandha impliċitament is-setgħa li tieħu, fuq il-bażi tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 17, meta hija tiġġustifika interess leġittimu sabiex tagħmel dan (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-22/02 u T-23/02, Ġabra p. II-4065, punti 60 sa 63). |
|
73 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 72 aktar’il fuq tippresupponi li l-ksur ikkonstatat jidher mill-inqas fid-dispożittiv tad-deċiżjoni u li din id-deċiżjoni tkun indirizzata lill-impriża kkonċernata sabiex tkun tista’ tikkontestaha quddiem qorti. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, kif sostniet il-Kummissjoni stess, ikunu xi jkunu l-motivi li fuqhom hija bbażata deċiżjoni, huwa biss id-dispożittiv tagħha li jista’ jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jista’ jkun preġudizzjali. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjonijiet ifformulati fil-motivi ta’ deċiżjoni ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Dawn ma jistgħux jitqiegħdu taħt l-istħarriġ tal-legalità mill-qorti Komunitarja ħlief fil-każ fejn, bħala motivi ta’ att li jippreġudika, jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-164/02, Ġabra p. I-1177, punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 186), u jekk, b’mod aktar partikolari, dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv ta’ l-att in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T-251/00, Ġabra p. II-4825, punti 67 u 68). |
|
74 |
Issa, fil-kawża preżenti, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, b’mod indipendenti mill-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kkonstatatx ġustament jew le, fil-motivi tad-Deċiżjoni perossidi, ksur imwettaq mir-rikorrenti, din ta’ l-aħħar ma kellhiex, fin-nuqqas ta’ tali konstatazzjoni fid-dispożittiv, locus standi sabiex taġixxi kontra l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, rikors imressaq mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni perossidi intiż sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tista’ teżamina l-fondatezza ta’ l-indikazzjonijiet ikkontestati kien ikun, f’kull każ, inammissibbli, anke jekk jitqies bħala mressaq fit-terminu previst fil-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230, KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 52 iktar ’il fuq, punt 150). |
|
75 |
Barra minn hekk, kif issostni r-rikorrenti, il-portata tas-setgħa tal-Kummissjoni sabiex tadotta u tippubblika deċiżjonijiet, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17, u l-portata tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipji ġenerali u tad-drittijiet fundamentali, li huma parti integrali mill-ordni ġuridiku Komunitarju, u, b’mod partikolari, tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza — kif affermat fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea — li japplika għall-proċedimenti relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi u li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ penali perjodiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 150; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 178; Sumitomo Chemical et Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 72 iktar ’il fuq, punti 104 u 105). |
|
76 |
Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li l-preżunzjoni ta’ l-innoċenza timplika li kull akkużat għandu jitqies bħala innoċenti sakemm ma jiġix pruvat li huwa ħati skond il-liġi. Din il-preżunzjoni b’hekk timpedixxi kwalunkwe konstatazzjoni formali kif ukoll kwalunkwe allużjoni għar-responsabbiltà ta’ persuna akkużata għal ksur partikolari f’deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat l-opportunità sabiex tibbenefika mill-garanziji kollha li huma inerenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedimenti li jkunu qed jissoktaw b’mod normali u li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-kwistjoni (sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 72 iktar ’il fuq, punt 106). Barra minn hekk, il-ħtija ta’ persuna akkużata bi ksur mhijiex stabbilita definittivament qabel ma d-deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur ma tkunx kisbet l-awtorità ta’ res judicata, ħaġa li timplika jew in-nuqqas ta’ rikors imressaq mill-persuna kkonċernata kontra l-imsemmija deċiżjoni fit-termini previsti mill-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, jew, wara tali rikors, l-għeluq definittiv tal-proċedura kontenzjuża, b’mod partikolari, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonferma l-legalità ta’ l-imsemmija deċiżjoni. |
|
77 |
Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti legalment konstatazzjonijiet li l-persuna ħatja ma kellhiex l-opportunità tikkontesta quddiem il-qrati Komunitarji, anke jekk tikkontesta l-fondatezza tagħhom. Fil-fatt, it-tneħħija ta’ tali konstatazzjonijiet minn kull stħarriġ ġudizzjarju u għaldaqstant, fil-każ ta’ l-illegalità tagħhom, minn eventwali korrezzjoni mill-qorti Komunitarja, hija manifestament kontra l- prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza. Kull interpretazzjoni oħra twassal sabiex tħawwad is-sistema ta’ tqassim tal-funzjonijiet u l-ekwilibriju istituzzjonali bejn is-setgħat amministrattivi u ġudizzjarji, peress li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, huma biss dawn ta’ l-aħħar li għandhom jiddeċiedu definittivament dwar l-eżistenza ta’ elementi suffiċjenti li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li impriża hija responsabbli għat-twettiq ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. |
|
78 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, safejn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur imwettaq minn impriża jistgħu jmorru kontra l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza, dawn il-konstatazzjonijiet għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali fil-konfront tal-pubbliku u, għaldaqstant, bħala koperti, minħabba n-natura tagħhom, mis-sigriet professjonali. Dan il-prinċipju jirriżulta b’mod partikolari mill-bżonn li jiġu mħarsa r-reputazzjoni u d-dinjità tal-persuna kkonċernata sakemm din ma tkunx ġiet ikkundannata b’mod definittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 604). In-natura kunfidenzjali ta’ dawn l-elementi hija kkonfermata mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jagħmel ħsara għall-protezzjoni tal-ħajja privata u ta’ l-integrità ta’ l-individwu hija protetta. Fl-aħħar, in-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni ma tistax tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk, u safejn, din l-informazzjoni hija ta’ natura probatorja fil-kuntest ta’ kawża nazzjonali. |
|
79 |
F’dan ir-rigward, il-konvenuta ma tistax tinvoka l-punt 89 tas-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq, peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza magħmula f’dak il-punt ma tikkonċernax sitwazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dik li wasslet għall-kawża preżenti, fejn ir-rikorrenti ma kellha ebda possibbiltà li tikkontesta l-fondatezza ta’ l-affermazzjonijiet li jirrigwardawha fid-Deċiżjoni perossidi (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 46 iktar ’il fuq, punt 78, fl-aħħar). Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 72 u 73 aktar’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, peress li hija ma tistax tiġġustifika l-eżistenza ta’ interess leġittimu sabiex tipproċedi għal tali konstatazzjoni u peress li l-impriża kkonċernata ma tiddisponi minn ebda possibbiltà li tissuġġetta din il-konstatazzjoni għall-istħarriġ tal-qrati Komunitarji (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 52 iktar ’il fuq, punt 86). |
|
80 |
Fil-kawża preżenti, kif ġie kkonstatat fil-punt 74 aktar’il fuq, ir-rikorrenti ma kellhiex locus standi sabiex taġixxi kontra d-Deċiżjoni perossidi, minħabba, b’mod partiklari, in-nuqqas ta’ referenza għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fid-dispożittiv minkejja li hija kienet qiegħda tikkontesta l-fondatezza tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni safejn kienu jirreferu għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Tali sitwazzjoni hija kuntrarja għall-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza u tikser il-protezzjoni tas-sigriet professjonali, kif interpretati fil-punti 75 sa 78 aktar’il fuq, li jeħtieġu l-garanzija tar-rispett tar-reputazzjoni u tad-dinjità tar-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-indikazzjonijiet ikkontestati jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni koperta, minħabba n-natura tagħha, mis-sigriet professjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 287 KE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni ammettiet hija stess, waqt is-seduta, li hija setgħat tippubblika d-Deċiżjoni perossidi filwaqt li tikkonstata biss il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva u tagħlaq l-investigazzjoni fir-rigward tagħha minħabba preskrizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li għalhekk, ma jeżistix interess ġenerali fil-pubblikazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ikkontestati li jista’ jipprevali fuq l-interess leġittimu tar-rikorrenti li dawn l-indikazzjonijiet ikunu protetti. |
|
81 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-uffiċjal tas-seduta, billi kkonstata li l-indikazzjonijiet ikkontestati ma kienx jistħoqqilhom protezzjoni u li l-pubblikazzjoni tagħhom ma kinitx tikkostitwixxi dannu gravi u inġust għall-interessi tar-rikorrenti, wettaq, fil-kawża preżenti, applikazzjoni żbaljata tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn tiċħad it-talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi u l-ilmenti l-oħra mressqa minnha. |
Fuq l-ispejjeż
|
82 |
Taħt l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet hemm lok li hija tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Jaeger Azizi Cremona Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 2007. E. Coulon Reġistratur M. Jaeger President |
Werrej
|
Il-kuntest ġuridiku |
|
|
Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
|
Id-dritt |
|
|
A — Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament |
|
|
1. L-argumenti tal-partijiet |
|
|
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
B — Fuq il-mertu |
|
|
1. Osservazzjoni preliminari |
|
|
2. Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 |
|
|
a) L-argumenti tal-partijiet |
|
|
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
Osservazzjoni preliminari |
|
|
Fuq il-portata tas-setgħa ta’ pubblikazzjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 |
|
|
Fuq il-protezzjoni mogħtija mis-sigriet professjonali lill-indikazzjonijiet ikkontestati |
|
|
— Osservazzjoni ġenerali |
|
|
— Fuq l-aspetti tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali kkunsidrati mill-uffiċjal tas-seduta |
|
|
— Fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rispett tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali |
|
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.