SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

2 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Miżuri finanzjarji favur France Télécom — Offerta ta’ self minn azzjonist — Dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Istat Franċiż — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Nuqqas ta’ estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Drittijiet tad-difiża — Kriterju ta’ investitur privat avżat — Kundizzjonijiet normali tas-suq — Żbalji ta’ liġi — Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża T-425/04 RENV,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn MM T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, assistiti minn U. Soltész, avukat,

intervenjenti fil-Kawża T-425/04 RENV u fl-appell fil-Kawżi magħquda C‑399/10 P u C-401/10 P,

Orange, li kienet France Télécom, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn S. Hautbourg u S. Cochard-Quesson, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T-444/04 RENV,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u D. Grespan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza favur France Télécom (ĠU 2006, L 257, p. 11),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse, I. Wiszniewska-Białecka, A. M. Collins (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014,

wara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues et vs Il-Kummissjoni et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, Ġabra, EU:C:2013:175)

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Kuntest ġenerali tal-kawża

1

France Télécom SA (li saret Orange, iktar ’il quddiem “FT”), operatriċi u fornitriċi ta’ netwerks u ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, ġiet stabbilita fl-1991 fil-forma ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku u għandha, sa mill-31 ta’ Diċembru 1996, l-istatus ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata (société anonyme). Sa minn Ottubru 1997, FT tinsab ikkwotata fil-Borża. Fl-2002, il-parteċipazzjoni tal-Istat Franċiż fil-kapital ta’ FT kienet tammonta għal 56.45 %, il-kumplament kien diviż bejn il-pubbliku (32.25 %), France Télécom innifisha (8.26 %) u l-impjegati tal-impriża (3.04 %).

2

Fl-ewwel trimestru tal-2002, FT ippubblikat il-kontijiet tagħha għas-sena 2001, li kienu juru dejn nett ta’ EUR 63.5 biljun u telf ta’ EUR 8.3 biljun.

3

Matul il-perijodu bejn Marzu u Ġunju tal-2002, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni Moody’s u Standard & Poor’s (iktar ’il quddiem “S & P”) baxxew il-klassifikazzjoni ta’ FT u baxxew ukoll il-perspettiva tagħha għal waħda negattiva. B’mod partikolari, fl-24 ta’ Ġunju 2002, Moody’s naqqset il-klassifikazzjoni tan-noti ta’ kreditu ta’ FT għal żmien qasir u għal żmien twil għall-aħħar pożizzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ investiment sigur (“investment grade”). Fl-istess waqt, l-ishma ta’ FT waqgħu b’mod kunsiderevoli.

4

Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT, il-ministre de l’Économie, des Finances u de l’Industrie Franċiż (Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija Franċiż, iktar ’il quddiem il-“Ministru tal-Ekonomija”) iddikjara, waqt intervista ppubblikata fit-12 ta’ Lulju 2002 fil-gazzetta ta’ kuljum Les Echos (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002”), dan li ġej:

“Aħna l-azzjonist b’maġġoranza, b’55 % tal-kapital […] L-Istat, fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist, se jġib ruħu bħala investitur avżat u jekk [FT] ikollha xi diffikultajiet, aħna se nieħdu l-passi xierqa […] Nerġa’ ngħid li jekk [FT] ikollha xi problemi ta’ finanzjament, li ma huwiex il-każ illum, l-Istat se jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex dawn ikunu megħluba. Intom erġajtu bdejtu l-għajdut ta’ żieda tal-kapital… Le, żgur li le! Insostni biss li, meta jasal iż-żmien, se nieħdu l-miżuri xierqa. Jekk dan ikun neċessarju […]”

5

Fl-istess data, S & P ippubblikat stqarrija għall-istampa li kienet tgħid hekk:

“FT tista’ tiffaċċja ċerti diffikultajiet biex tiffinanzja mill-ġdid l-obbligi ta’ dejn tagħha li għandhom jitħallsu lura fl-2003. Madankollu, id-dikjarazzjoni tal-Istat [Franċiż] issostni l-klassifikazzjoni ta’ FT fuq il- [livell] ta’ investiment [sigur] […] [L]-Istat Franċiż – li għandu 55 % ta’ [FT] – indika b’mod ċar lil [S & P] li huwa se jġib ruħu bħala investitur avżat u li se jieħu l-miżuri xierqa jekk FT jkollha xi diffikultajiet. Il-grad ta’ klassifikazzjoni għal żmien twil ta’ [FT] tniżżel għal BBB- […]”.

6

Fit-12 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ħabbru li kienu aċċettaw ir-riżenja tal-kap eżekuttiv ta’ FT.

7

Fit-13 ta’ Settembru 2002, FT ippubblikat il-kontijiet semestrali tagħha, li kkonfermaw li, fit-30 ta’ Ġunju 2002, il-fondi kkonsolidati proprji ta’ FT kienu saru negattivi għall-ammont ta’ EUR 440 miljun u li d-dejn nett tagħha kien jitla’ għal EUR 69.69 biljun, li minnu EUR 48.9 biljun ta’ dejn tal-bonds li jsir rimborsabbli mill-2003 sal-2005. Skont dawn l-istess kontijiet semestrali, id-dħul mill-bejgħ ta’ FT wera żieda ta’ 10 % meta pparagunat mal-istess perijodu tas-sena finanzjarja 2001, riżultat ta’ dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament (iktar ’il quddiem l-“Ebitda”) li tela’ ta’ EUR 6.87 biljun, jiġifieri żieda ta’ 13.3 % f’data storika u ta’ 9.8 % f’data pro forma, u riżultat operattiv ta’ EUR 3.18 biljun, b’żieda ta’ 15 % f’data pro forma. Ir-riżultati wara l-ispejjeż finanzjarji (EUR 1.75 biljun), imma qabel it-taxxi, ishma u interessi minoritarji, barra elementi eċċezzjonali, kienu ta’ EUR 271 miljun kontra EUR 271 miljun fit-30 ta’ Ġunju 2001. Il-fluss ta’ likwidità libera operattiva kien ta’ EUR 3.6 biljun, b’żieda ta’ 15 % meta pparagunat mal-ewwel nofs tal-2001.

8

Fi stqarrija għall-istampa dwar il-qagħda finanzjarja ta’ FT tat-13 ta’ Settembru 2002 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2002”) l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw dan li ġej:

“Wara t-telf eċċezzjonali kkonstatat matul l-ewwel nofs tas-sena, [FT] qed tiffaċċja nuqqas kbir ta’ fondi proprji. Tali sitwazzjoni finanzjarja qed iddgħajjef il-potenzjal ta’ [FT]. Il-Gvern [Franċiż] għaldaqstant huwa deċiż li jeżerċita r-responsabbiltajiet kollha tiegħu […] Filwaqt li ħa nota tas-sitwazzjoni l-ġdida li nħolqot bid-deterjorament qawwi fil-kontijiet, [il-Kap Eżekuttiv ta’ FT] ippreżenta r-reżenja tiegħu lill-Gvern [Franċiż] u dan aċċettaha. Din ir-reżenja se tidħol fis-seħħ waqt il-laqgħa tal-bord tad-diretturi li se ssir fil-[…] ġimgħat li ġejjin u li matulha se jiġi ppreżentat kap eżekuttiv ġdid […] Il-kap eżekuttiv il-ġdid għandu jissuġġerixxi lill-bord tad-diretturi mill-iktar fis possibbli pjan sabiex jittejbu l-kontijiet, li se jippermetti li jitnaqqas id-dejn [ta’ FT] u li tiġi stabbilita mill-ġdid l-istruttura finanzjarja tagħha, filwaqt li jinżammu l-assi strateġiċi tagħha. L-Istat [Franċiż] se jagħti s-sostenn tiegħu lil [FT] fl-implementazzjoni ta’ dan il-pjan u min-naħa tiegħu se jagħti kontribuzzjoni għal tisħiħ ferm sostanzjali tal-fondi proprji ta’ [FT], skont skeda u modalitajiet li għandhom jiġu ddeterminati skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Sa dan iż-żmien, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, il-miżuri li jippermettu li jiġi evitat li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament.”

9

Dakinhar stess, Moody’s biddlet il-perspettiva tad-dejn ta’ FT minn negattiva għal stabbli, permezz ta’ stqarrija għall-istampa fejn hija indikat b’mod partikolari:

“Il-fiduċja ta’ Moody’s issaħħet bid-dikjarazzjoni tal-Gvern [Franċiż], li, għal darb’oħra, ikkonferma s-sostenn qawwi tiegħu fil-konfront ta’ [FT]. Anki jekk it-tħassib ta’ Moody’s dwar il-livell globali tar-riskju finanzjarju u b’mod iktar partikolari dwar is-sitwazzjoni dgħajfa tal-likwidità ta’ [FT] baqgħet hemm, Moody’s saret iktar fiduċjuża minħabba l-fatt li l-Gvern Franċiż [se jsostni lil FT] jekk [din] issib xi diffikultajiet biex tħallas lura d-dejn li għandha.”

10

Fit-2 ta’ Ottubru 2002, ġie maħtur kap eżekuttiv ġdid għal FT. L-istqarrija għall-istampa li ħabbret dik il-ħatra (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-2 ta’ Ottubru 2002”) tgħid hekk:

“Fuq proposta tal-[b]ord tad-diretturi ta’ [FT], il-Kunsill tal-Ministri ddeċieda li jinnomina [Kap Eżekuttiv ġdid ta’ FT] […] Għal dan il-għan, il-[k]ap eżekuttiv il-ġdid se jibda immedjatament inventarju ta’ [FT] li r-riżultati tiegħu se jkunu kkomunikati lill-[b]ord tad-diretturi fil-ġimgħat li ġejjin u li fuq il-bażi tiegħu se jkun imsejjes pjan ta’ rkupru finanzjarju u ta’ żvilupp strateġiku li se jippermetti li jitnaqqas id-dejn ta’ [FT] filwaqt li jissaħħu l-assi tagħha. F’dan il-kuntest, [il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ FT] se jkollu s-sostenn tal-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist, li huwa deċiż li jeżerċita r-responsabbiltajiet kollha tiegħu. L-Istat [Franċiż] se jagħti l-għajnuna tiegħu għall-implementazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rkupru u se jagħti kontribuzzjoni, min-naħa tiegħu, sabiex jissaħħu l-fondi ta’ [FT] skont modalitajiet li għandhom jiġu deċiżi f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kap Eżekuttiv ta’ [FT] u mal-[b]ord tad-diretturi. Kif diġà ntqal, sa dan iż-żmien, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, miżuri li jippermettu li jiġi evitat li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament.”

11

Fid-19 ta’ Novembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej “nota ta’ informazzjoni” li, minn naħa, tiddeskrivi s-sitwazzjoni finanzjarja attwali ta’ FT filwaqt li tenfasizza li “l-prestazzjonijiet operattivi tagħha huma eċċezzjonali” u, min-naħa l-oħra, tirreferi għall-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem f’kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ FT, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jispjegaw il-modalitajiet tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-pjan ta’ rkupru ta’ FT. F’din in-nota, l-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw b’mod partikolari dan li ġej:

“Sabiex [FT] tingħata l-marġni ta’ manuvrar neċessarja ħalli tavviċina s-suq fl-aħjar kundizzjonijiet u fl-iktar mument xieraq, l-Istat [Franċiż] lest li jantiċipa s-sehem tiegħu fiż-żieda tal-kapital fil-forma ta’ self minn azzjonist li jiġi kkonvertit f’kapital fil-mument li joħorġu titoli ġodda. L-ammont ta’ dan is-self ser jikkorrispondi għas-sottoskrizzjoni kollha tal-Istat [Franċiż] fiż-żieda futura tal-kapital jew għal parti minnha, u jista’ jitla’ sa [EUR] 9 [biljun]. Dan is-self ser ikun temporanju u l-konverżjoni tiegħu f’titoli se tkun obbligatorja. Dan se jkun ibbażat biss fuq il-ħtiġijiet ta’ [FT]. Huwa se jiġi wkoll irremunerat skont il-kundizzjonijiet tas-suq li jkunu fis-seħħ f’dak iż-żmien u l-interessi se jkunu inkorporati fil-kapital.

Biex ikun implementat is-sehem tiegħu fil-pjan ta’ rkupru ta’ [FT], l-Istat [Franċiż] biħsiebu juża lil ERAP, entità industrijali u kummerċjali pubblika tal-Istat [Franċiż], li se tagħti self minn azzjonist lil [FT] u se jkun hemm l-intenzjoni li ssir azzjonista importanti ta’ [FT] ladarba dan is-self ikun ġie kkonvertit f’kapital. Dwar is-sehem pubbliku f’[FT] fl-attiv tagħha, din l-entità pubblika se jkollha fil-passiv tagħha bonds. Din l-għażla ta’ ERAP tirrifletti r-rieda tal-Istat [Franċiż] li jidentifika b’mod ċar l-isforz patrimonjali permess filwaqt li jisseparah fi struttura apposta.”

12

Matul il-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ FT tal-4 ta’ Diċembru 2002, id-diriġenti l-ġodda ta’ FT ippreżentaw pjan ta’ azzjoni intitolat “Ambition France Télécom 2005” (iktar ’il quddiem il-“pjan Ambition 2005”) li essenzjalment għandu l-għan li jerġa’ jibbilanċja l-karta tal-bilanċ tal-impriża billi jsaħħaħ il-fondi tagħha sa EUR 15-il biljun.

13

Il-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005 kienet akkumpanjata minn stqarrija għall-istampa tal-Ministru tal-Ekonomija tal-4 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem, l-“avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002”), li tgħid dan li ġej:

“[Il]-Ministru tal-[E]konomija […] jikkonferma s-sostenn tal-Istat [Franċiż] għall-pjan ta’ azzjoni approvat mill-bord tad-diretturi ta’ [FT] fl-4 ta’ Diċembru [2002]. 1) Il-grupp [FT] jikkostitwixxi grupp industrijali koerenti li l-prestazzjonijiet tiegħu huma notevoli. Madankollu, [FT] illum għandha tiffaċċja struttura finanzjarja żbilanċjata, bżonnijiet ta’ fondi u finanzjament mill-ġdid għal terminu medju. Din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-falliment tal-investimenti li kien hemm fl-imgħoddi, li ġew ġestiti ħażin u saru fl-agħar żmien tal-‘bużżieqa’ finanzjarja u, b’mod iktar ġenerali, meta s-swieq kienu fl-iktar livelli baxxi tagħhom. Il-fatt li [FT] ma tistax tiffinanzja l-iżvilupp tagħha ħlief bid-dejn iggrava din is-sitwazzjoni. 2) L-Istat [Franċiż], fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist b’maġġoranza, talab lid-diriġenti l-ġodda sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċi finanzjarji ta’ [FT], filwaqt li jżommu l-integrità tal-grupp […] 3) Fid-dawl tal-pjan ta’ azzjoni mfassal mid-diriġenti u tal-perspettivi ta’ qligħ mill-investiment, l-Istat [Franċiż] se jieħu sehem fit-tisħiħ tal-fondi ta’ FT b’EUR 15-il biljun pro rata, jiġifieri investiment ta’ EUR 9 biljun. L-Istat [Franċiż] fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist biħsiebu jġib ruħu għaldaqstant bħala investitur avżat. Għandha tkun [FT] li tiddefinixxi l-modalitajiet u l-iskeda preċiża tat-tisħiħ tal-fondi tagħha. Il-Gvern [Franċiż] jixtieq li din l-operazzjoni ssir filwaqt li tittieħed sew inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-azzjonisti individwali u tal-impjegati azzjonisti ta’ [FT]. Biex [FT] tingħata l-possibbiltà li tniedi operazzjoni tas-suq fl-iktar mument xieraq, l-Istat [Franċiż] lest li jantiċipa s-sehem tiegħu fit-tisħiħ tal-fondi tagħha, permezz ta’ self minn azzjonist temporanju, li se jiġi rremunerat skont il-kundizzjonijiet tas-suq u li se jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ [FT]. 4) Is-sehem kollu tal-Istat [Franċiż] f’[FT] se jiġi ttrasferit f’ERAP. Hija se tiddejjen mas-swieq finanzjarji sabiex tiffinanzja l-parti tal-Istat [Franċiż] fit-tisħiħ tal-fondi ta’ [FT].”

14

Fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 2002, FT ħarġet żewġ settijiet ta’ bonds suċċessivi li kienu jammontaw għal EUR 2.9 biljun.

15

Fl-20 ta’ Diċembru 2002, ERAP, li hija impriża pubblika industrijali u kummerċjali tal-Istat Franċiż, bagħtet lil FT abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist inizjalat u ffirmat (iktar ’il quddiem l-“offerta ta’ self minn azzjonist”). Din tal-aħħar ma ffirmatx dan l-abbozz ta’ kuntratt u l-offerta ta’ self minn azzjonist qatt ma ġiet eżegwita.

16

Fil-15 ta’ Jannar 2003, FT ħadet xi self fil-forma ta’ ħruġ ta’ bonds li jammonta għal total ta’ EUR 5.5 biljun. Dan is-self ma kienx kopert b’sigurtà jew b’garanzija Statali.

17

Fl-10 ta’ Frar 2003, FT ġeddet parti minn kreditu sindikalizzat li fid-data ta’ skadenza kellu jlaħħaq EUR 15-il biljun.

18

Fl-4 ta’ Marzu 2003, tnediet l-operazzjoni ta’ tisħiħ tal-fondi ta’ FT prevista mill-pjan Ambition 2005. Fl-24 ta’ Marzu 2003, FT għamlet żieda ta’ kapital ta’ EUR 15-il biljun. L-Istat Franċiż ħa sehem f’din l-operazzjoni b’EUR 9 biljun pro rata tas-sehem tiegħu fil-kapital ta’ FT. Ammont ta’ EUR 6 biljun ġie ggarantit minn sindikat bankarju magħmul minn 21 bank. Din l-operazzjoni ġiet fi tmiemha fil-11 ta’ April 2003.

19

FT għalqet is-sena finanzjarja 2002 b’telf ta’ madwar EUR 21 biljun u b’dejn finanzjarju nett ta’ madwar EUR 68 biljun. Il-kontijiet għas-sena finanzjarja 2002, ippubblikati minn FT fil-5 ta’ Marzu 2003, kienu juru żieda fid-dħul mill-bejgħ ta’ 8.4 %, riżultat ta’ dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament ta’ 21.1 % u riżultat ta’ dħul/telf operattiv ta’ 30.9 %. Fl-14 ta’ April 2003, l-Istat Franċiż kellu 58.9 % mill-kapital ta’ FT, li minnu 28.6 % permezz ta’ ERAP.

2. Proċedura amministrattiva

20

Fl-4 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni l-miżuri finanzjarji previsti mill-pjan Ambition 2005, inkluż l-offerta ta’ self minn azzjonist, skont l-Artikolu 88(3) KE u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

21

Fit-22 ta’ Jannar 2003, Bouygues SA u Bouygues Télécom SA (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, il-“kumpanniji Bouygues”), żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Franċiż, fejn tal-aħħar hija attiva fis-suq Franċiż tat-telefonija ċellulari, ressqu lment quddiem il-Kummissjoni dwar ċerta għajnuna mogħtija mill-Istat Franċiż lil FT fil-kuntest tal-finanzjament mill-ġdid ta’ din tal-aħħar. Dan l-ilment kien jirrigwarda, b’mod partikolari, minn naħa, l-avviż ta’ investiment tal-Istat Franċiż ta’ EUR 9 biljun u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002”).

22

Fit-12 ta’ Marzu 2003, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżuri finanzjarji implementati mill-Istat Franċiż insostenn ta’ FT (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 57, p. 5). Id-deċiżjoni kienet tinkludi stedina lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

23

Wara dik il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi u għadd kbir ta’ partijiet interessati, fosthom il-kumpanniji Bouygues, l-Assoċjazzjoni Franċiża tal-operaturi ta’ netwerks u servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications - AFORS Télécom, iktar ’il quddiem “AFORS”) u FT, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali lill-Kummissjoni.

24

Fit-30 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ kuntratt għall-“provvista ta’ servizzi ta’ assistenza għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Franċiż lil FT mal-prinċipju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq u għall-analiżi ekonomika eventwali tal-pjan ta’ rkupru ta’ FT”. Fl-24 ta’ Settembru 2003, dan il-kuntratt ingħata lil konsulent li ppreżenta r-rapport ekonomiku tiegħu fit-28 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-28 ta’ April 2004”). Dan ir-rapport kien akkumpanjat minn rapport legali tat-22 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-22 ta’ Marzu 2004”). B’ittra tat-3 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni bagħtet dawn iż-żewġ rapporti lill-awtoritajiet Franċiżi filwaqt li stednithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Hija kkomunikathom ukoll lil FT.

3. Id-deċiżjoni kkontestata

25

Fit-3 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi d-Deċiżjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (ĠU L 257, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

26

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li “[i]s-self minn azzjonist mogħti mir-[Repubblika Franċiża] lil [FT] f’Diċembru 2002 fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet […] minn Lulju 2002, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni”.

27

Fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub li saritilha, f’dan ir-rigward, mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni indikat li r-riferiment, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għad-“dikjarazzjonijiet […] minn Lulju 2002” kellu jinftiehem li jinkludi mhux biss id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, iżda wkoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002. Fil-punt 132 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues et vs Il‑Kummissjoni et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”, EU:C:2013:175), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 bħala sempliċi element ta’ “kuntest”, iżda ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet stmat ġustament li dak l-avviż u l-offerta ta’ self minn azzjonist, meħuda flimkien, kienu taw lil FT vantaġġ li jimplika l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat.

28

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata b’hekk għandu jinqara fis-sens li jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta tal-azzjonist, meħuda flimkien, fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet li saru qabel dik l-aħħar data, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002.

29

Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, “[l]-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1 ma għandhiex tiġi rkuprata”.

30

Taħt it-Titolu 3 “Deskrizzjoni kronoloġika tal-fatti u [tas-]sitwazzjoni finanzjarja ta’ [FT]” tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment għamlet il-konstatazzjonijiet esposti iktar ’il quddiem.

31

Fl-ewwel lok, fil-premessi 17 sa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, minn Ġunju 2002, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT kienet ikkaratterizzata minn problemi strutturali serji u li dik l-impriża kellha bilanċ negattiv. Il-Kummissjoni b’mod partikolari rrilevat, minn naħa waħda, tnaqqis malajr fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT matul l-ewwel nofs sas-sena 2002 (premessi 20 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, wara analiżi tal-“credit spreads” ta’ FT, żieda fir-riskji marbuta mad-dejn għal terminu ferm qasir tagħha, b’mod partikolari, fil-bidu tax-xahar ta’ Lulju 2002, b’relazzjoni mad-dimensjoni tar-riskji marbuta mad-dejn għal terminu medju u twil tagħha (premessi 28 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, iż-żieda fir-riskju assoċjat mad-dejn ta’ FT ġiet ikkonfermata bil-waqgħa fil-prezzijiet tal-bonds tagħha f’Ġunju u f’Lulju 2002, li jirrifletti wkoll valur inqas tad-dejn tagħha minħabba riskju ikbar ta’ falliment ipperċepit mis-suq (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija rrelevat tnaqqis sinjifikattiv fl-attività ta’ FT matul l-ewwel nofs tas-sena 2002 (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

32

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat li fid-data tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, kull tnaqqis addizzjonali fil-grad ta’ klassifikazzjoni tad-dejn ta’ FT kien iwassal għat-telf tal-livell ta’ investiment sigur tagħha (investment grade) u li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu S & P u Moody’s kienu se jbaxxu din il-klassifikazzjoni għal-livell ta’ bond spekulattiv (junk bond). Wara li spjegat il-kontenut tal-istqarrija għall-istampa li nħarġet dakinhar stess minn S & P, fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni b’hekk ikkonkludiet li f’Lulju 2002, FT kienet is-suġġett ta’ kriżi ta’ fiduċja fejn kienet qed thedded il-finanzjament mill-ġdid previst u toħloq riskji għal-likwidità tagħha fl-2003. Hija ddikjarat ukoll li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni madankollu kienu żammew il-klassifikazzjoni ta’ FT għal-livell ta’ investiment sigur fid-dawl tal-“indikazzjonijiet mogħtija mill-Istat [Franċiż]”.

33

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni spjegat li l-konklużjoni li tinsab fil-punt 32 hawn fuq kienet ġiet ikkonfermata b’mod retroattiv f’Settembru 2002, meta l-kontijiet semestrali ta’ FT kienu ġew ippubblikati (premessi 40 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata). Meta jitqiesu d-dikjarazzjonijiet tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 kif ukoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni Moody’s u S & P immodifikaw l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-ġestjoni tad-dejn ta’ FT u stabbilixxew żieda fil-fiduċja tas-suq (premessi 51 sa 58 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni b’mod partikolari rrilevat li, b’reazzjoni għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, S & P kienet ikkonfermat, fis-17 ta’ Diċembru 2002, li, minn naħa waħda s-sostenn tal-awtoritajiet Franċiżi fil-konfront ta’ FT, kif ġie affermat b’mod kostanti minn Lulju 2002, kien fattur kruċjali għaż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ dik l-impriża fil-livell ta’ investiment sigur u li, min-naħa l-oħra, dak l-avviż kien prova ta’ dak is-sostenn u ta’ protezzjoni sinjifikattiv tal-kredituri ta’ FT (ara l-premessa 58 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

34

Il-Kummissjoni kkonstatat, barra minn hekk, li wara ż-żieda fil-kapital ta’ FT fi Frar u f’Marzu 2003, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni kienu waqfu jikkunsidraw l-għajnuna mill-Istat Franċiż bħala element kruċjali tal-klassifikazzjoni ta’ FT (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, fi Frar 2003, Moody’s iddikjarat (premessa 61 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 58 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Il-Gvern Franċiż afferma b’mod kostanti s-sostenn tiegħu fil-konfront ta’ [FT] u l-intenzjoni tiegħu li jipprovdi sostenn finanzjarju jekk dan ikun neċessarju sabiex itaffi l-problemi potenzjali ta’ likwidità. Dan is-sostenn ġie enfasizzat bid-disponibbiltà […] ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun favur [FT] għal perijodu ta’ 18-il xahar, inklużi l-interessi, imma li għandhom jiġu rimborsati biss f’ishma ta’ [FT]. Moody’s tintegra s-sostenn tal-Istat [Franċiż] fil-klassifikazzjoni ta’ kreditu Baa3 tagħha […] [I]r-riskju finanzjarju marbut mad-dejn kunsiderevoli ta’ [FT] ma jikkorrispondix għall-kwalità ta’ investiment tagħha (li hija kkumpensat minn prestazzjonijiet operattivi tajbin u mis-sostenn impliċitu tal-Gvern Franċiż).”

35

Taħt it-titolu 6 “Skop ta’ din id-deċiżjoni” tad-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, fil-premessa 185 tagħha l-Kummissjoni b’mod partikolari indikat li l-miżuri nnotifikati ma setgħux jiġu analizzati “mingħajr ma jitqiesu d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern [Franċiż] ta’ bejn Lulju u Diċembru 2002”. Fil-fatt, b’dawn id-dikjarazzjonijiet, l-awtoritajiet Franċiżi wrew ir-rieda tagħhom li jieħdu l-miżuri xierqa biex isolvu d-diffikultajiet finanzjarji ta’ FT. L-offerta ta’ self minn azzjonist tikkostitwixxi t-twettiq tal-intenzjonijiet tagħhom li ġew espressi qabel.

36

Fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

“F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata li qabel il-miżuri ta’ Diċembru 2002, li kienu s-suġġett tan-notifika, kien hemm diversi dikjarazzjonijiet u miżuri tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju [2002]. Minn naħa, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri jagħtu l-possibbiltà li r-raġunijiet u l-portata tal-miżuri ta’ Diċembru [2002] jinftiehmu aħjar. Min-naħa l-oħra, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri preċedenti żgur li kellhom effett fuq il-perċezzjoni li kellhom is-swieq u l-atturi ekonomiċi tas-sitwazzjoni ta’ FT fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Billi l-aġir tal-atturi ekonomiċi kien huwa stess influwenzat mill-aġir tal-Istat, dan ma jikkostitwixxix parametru oġġettiv biex sussegwentement ikun iġġudikat l-aġir tal-Istat. Dawn l-interventi preċedenti, għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal-preżenza ta’ għajnuna fil-miżuri ta’ Diċembru [2002].”

37

Fil-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li fil-fatt kien possibbli li d-dikjarazzjonijiet u l-miżuri suċċessivi tal-awtoritajiet Franċiżi sa minn Lulju 2002 jitqiesu bħala “grupp li ħa sura konkreta bil-miżuri ta’ Diċembru [2002]”.

38

Sussegwentement, fil-premessi 188 sa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat kif ġej:

“(188)

Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-analiżi ta’ dan il-każ tissuġġerixxi differenza temporanja bejn il-vantaġġi għall-impriża, li kienu partikolarment evidenti fix-xahar ta’ Lulju [2002], u l-impenn potenzjali tar-riżorsi tal-Istat, li jidher li huwa stabbilit b’mod iktar ċar fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Ekonomija […] jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna, sa fejn deher ċar li tali dikjarazzjonijiet kellhom effett fuq is-swieq u taw vantaġġ lil [FT]. Madankollu, ma huwiex se jkun faċli li jiġi ddeterminat mingħajr l-ebda dubju jekk id-dikjarazzjoni [tat-12] ta’ Lulju 2002 kinitx tali li tinvolvi mill-inqas potenzjalment ir-riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tabilħaqq analizzat għadd ta’ argumenti ġuridiċi li kellhom l-għan li juru, minn naħa, li mil-lat ġuridiku tali dikjarazzjonijiet pubbliċi kienu ekwivalenti għal garanzija tal-Istat u, min-naħa l-oħra, li kienu qed jinvolvu r-reputazzjoni tal-Istat bi spejjeż ekonomiċi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza. Jekk jiġu kkunsidrati flimkien, dawn l-elementi setgħu jiġu interpretati bħala li qed jirriskjaw tabilħaqq li jqiegħdu f’periklu riżorsi tal-Istat (jew billi jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Istat fil-konfront tal-investituri, jew billi jżidu n-nefqa għat-tranżazzjonijiet futuri tal-Istat). L-argument li d-dikjarazzjoni [tat-12] ta’ Lulju 2002 hija [għajnuna] għalhekk huwa argument ġdid, imma probabbilment mhux infondat.

(189)

Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għandhiex elementi suffiċjenti biex tipprova b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ dan l-argument il-ġdid. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li tista’ tistabbilixxi l-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna billi ssegwi approċċ iktar tradizzjonali li jibda bil-miżuri ta’ Diċembru li kienu s-suġġett tan-notifika.

(190)

Fil-fatt, minn naħa, il-preżenza ta’ impenn ta’ riżorsi tal-Istat hija ċara fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ vantaġġ għal [FT] fix-xahar ta’ Diċembru hija wkoll evidenti meta wieħed jikkunsidra l-effett fuq is-swieq tad-dikjarazzjonijiet u tal-miżuri preċedenti.

(191)

F’dan ir-rigward, il-‘prinċipju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq’ ma għandux rwol fil-ġustifikazzjoni ta’ dan l-intervent ta’ Diċembru [2002] kif qed isostnu l-awtoritajiet Franċiżi, għaliex l-aġir tal-atturi ekonomiċi f’Diċembru kien influwenzat b’mod ċar mill-azzjonijiet u mid-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Gvern minn Lulju [2002]. Għalkemm jistgħu jinxteħtu dubji dwar jekk id-dikjarazzjoni [ta’] Lulju [2002] kin[itx] suffiċjentement konkret[a] biex [t]ikkostitwixx[i] għajnuna fih[a] infish[a], ma hemm kważi l-ebda dubju li tali dikjarazzjoni[...] kien[et] iktar minn suffiċjenti biex ‘[tikkontamina]’ il-perċezzjoni tas-swieq u [tinfluwenza] l-aġir sussegwenti tal-atturi ekonomiċi. Jekk dan huwa l-każ, wieħed ma jistax iqis dan l-aġir tal-atturi ekonomiċi bħala punt ta’ paragun newtrali biex sussegwentement ikun iġġudikat l-aġir tal-Istat [Franċiż]. Il-preżunzjoni bbażata fuq il-‘prinċipju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq’ għalhekk ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tas-suq kif kienet f’Diċembru [2002] imma loġikament għandha tkun ibbażata fuq sitwazzjoni tas-suq mhux ikkontaminata bl-effett tad-dikjarazzjonijiet preċedenti.”

39

Taħt it-Titolu 7 “Evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 87(1) [KE]” tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari (premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata), dan li ġej:

“[L-offerta ta’] self minn azzjonist (li jikkostitwixxi l-ħlas bil-quddiem tas-sehem tal-Istat [Franċiż] fil-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ [FT]) jagħti vantaġġ [lil] FT għaliex dan jippermettilha żżid il-mezzi ta’ finanzjament tagħha u sserraħ moħħ is-suq rigward il-kapaċità li tirrispetta l-iskadenzi tagħha. Anki jekk [il-kuntratt] ta’ self [minn azzjonist] qatt ma ġie ffirmat, l-impressjoni mogħtija lis-suq li kien jeżisti dan is-self tista’ tagħti vantaġġ lil FT, għaliex is-suq ikkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ [FT] kienet iktar soda […] Dan seta’ [influwenza] il-kundizzjonijiet tas-self ta’ FT.”

40

Fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li, fl-analiżi tagħha dwar l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat, “li piż potenzjali addizzjonali fuq ir-riżorsi tal-Istat inħolqot permezz tal-avviż tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-self minn azzjonist flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet minn qabel għal din l-implementazzjoni [...], l-apparenza mogħtija lis-suq li dan is-self kien ġie effettivament sar disponibbli [...] u finalment permezz tat-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self inizjalat u ffirmat minn ERAP lil FT”. Fl-istess premessa, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li l-fatt li l-kuntratt ta’ self minn azzjonist qatt ma ġie ffirmat minn FT ma jfissirx li ma kienx hemm impenn potenzjali ta’ riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, FT setgħet iffirmat f’kull mument biex b’hekk tikseb id-dritt li tikseb immedjatament il-ħlas tas-somma ta’ EUR 9 biljun.

41

Wara li kkonstatat li l-vantaġġ mogħti lil FT kien joħloq jew kien jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessi 198 sa 201 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni, taħt it-Titolu 8 “Prinċipju ta’ investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq” tad-deċiżjoni kkontestata, eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi prinċipju ġiex osservat meta ttieħdu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet kollha li għamlu l-awtoritajiet Franċiżi matul ix-xhur ta’ qabel l-offerta ta’ self minn azzjonist (premessi 203 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, il-kontenut ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet u l-effett tagħhom fuq is-suq juru li l-Istat Franċiż kien iddeċieda, f’Lulju 2002, li jagħti sostenn lil FT (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata).

42

Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat li “[k]ollha f’daqqa, dawn id-dikjarazzjonijiet [setgħu] jiġu kkunsidrati bħala li għamlu pubblika l-intenzjoni tal-Istat [Franċiż] li jekk [FT] ikollha problemi ta’ finanzjament jew diffikultajiet finanzjarji, [huwa] kien se jagħmel dak kollu li kien neċessarju biex dawn il-problemi jiġu megħluba” u bħala xhieda tal-impenn tiegħu f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet pubbliċi, irrepetuti, konkordanti u attribwibbli lill-Istat Franċiż, huma suffiċjentement ċari, preċiżi u sodi sabiex jirriflettu b’mod kredibbli l-impenn inkundizzjonat tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-komunità finanzjarja u industrijali, li kienet tifhimhom b’dan il-mod (premessi 206 sa 213 u 217 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, minbarra dawn id-dikjarazzjonijiet pubbliċi, l-awtoritajiet Franċiżi kkuntattjaw ukoll lill-“atturi prinċipali tas-suq”, bħal S & P, biex jinformawhom bl-intenzjonijiet tagħhom u jerġgħu jagħtu mill-iktar fis possibbli fiduċja lis-suq biex b’hekk jipprevjenu t-tnaqqis fil-grad ta’ klassifikazzjoni tad-dejn ta’ FT għal-livell ta’ “junk bond” (premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata).

43

Fil-premessi 214 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat “il-kwistjoni dwar jekk, fid-dritt intern, investitur privat li jkun għamel l-istess dikjarazzjonijiet bħall-Istat [Franċiż] ikunx obbligat iżomm mal-wegħdiet li jkun għamel”. Qabelxejn, hija qieset li f’dan l-istadju ma tistax teskludi li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni kellhom saħħa vinkolanti fuq il-bażi tad-dritt amministrattiv, tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali u tad-dritt kriminali Franċiż kif ukoll fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat ta’ New York (l-Istati Uniti). Sussegwentement, hija indikat li dawn id-dikjarazzjonijiet setgħu tabilħaqq jiġu kkunsidrati bħala kredibbli mis-suq u konsegwentement kienu joħolqu fih aspettattiva li l-Istat Franċiż “se jagħmel dak kollu li huwa neċessarju biex isolvi kull diffikultà finanzjarja ta’ FT”. Skont il-Kummissjoni, “[j]ekk l-Istat [Franċiż] ma onorax din l-aspettattiva, dan kien jaffettwa direttament ir-reputazzjoni tiegħu bħala proprjetarju, azzjonist jew ġestjonarju ta’ impriżi, ikkwotati fil-Borża jew le, kif ukoll in-natura tiegħu ta’ entità li toħroġ bonds biex jiffinanzja d-dejn pubbliku” (premessa 217 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, l-imsemmija dikjarazzjonijiet jesprimu strateġija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-Istat, li tikkonsisti fl-għoti ta’ impenn b’mod kredibbli fuq medda ta’ żmien qasir u żmien twil. Għaldaqstant, dawn l-elementi jistgħu “jiġu interpretati bħala li qed jirriskjaw tabilħaqq li jqiegħdu f’periklu r-riżorsi tal-Istat (jew billi jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Istat fil-konfront tal-investituri, jew biż-żieda tan-nefqa għat-tranżazzjonijiet futuri tal-Istat)” u “[l]-argument li d-dikjarazzjonijiet [minn] Lulju 2002 huma għajnuna għalhekk huwa argument ġdid, imma probabbilment mhux infondat” (premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata).

44

Fil-premessa 219 tad-deċiżjoni kkontestata madankollu l-Kummissjoni kkunsidrat li “ma tistax tistabbilixxi b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq din il-bażi”. Hija kkunsidrat “min-naħa l-oħra li tista’ turi l-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna b’mod iktar tradizzjonali, mill-miżuri ta’ Diċembru 2002 li kienu s-suġġett ta’ notifika”. F’dan ir-rigward, ikun suffiċjenti “li jiġi stabbilit li d-dikjarazzjonijiet preċedenti kellhom effett reali fuq il-perċezzjoni tas-swieq f’Diċembru [2002], mingħajr ma hemm għalfejn li dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu kklassifikati […] bħala li huma stess kienu għajnuna mill-Istat”.

45

Billi bbażat ruħha prinċipalment fuq ir-rapport tat-28 ta’ April 2004, li kien jistabbilixxi tkabbir mhux normali u mhux insinjifikanti tal-valur tal-ishma u tal-bonds ta’ FT wara d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, fuq l-istqarrija għall-istampa ta’ S & P ta’ dakinhar stess kif ukoll fuq rapport ta’ Deutsche Bank tat-22 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni kkonkludiet li “is-suq ikkunsidra dawn id-dikjarazzjonijiet bħala strateġija ta’ impenn kredibbli tal-Istat [Franċiż] insostenn ta’ FT” (premessi 220 u 221 tad-deċiżjoni kkontestata).

46

Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll, fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom effetti ferm importanti fis-suq. Fil-fatt, dawn ikkontribwixxew sabiex terġa’ tingħata fiduċja lis-swieq finanzjarji u kienu determinanti għaż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ FT fil-livell ta’ investiment. Tnaqqis tal-klassifikazzjoni ta’ FT kien irendi l-offerta ta’ self minn azzjonist improbabbli u ċertament ferm iktar oneruża.

47

Skont il-Kummissjoni, “[i]l-fatt li l-miżuri nnotifikati f’Diċembru [2002], meħuda b’mod iżolat, jistgħu jagħtu l-illużjoni ta’ operazzjonijiet totalment razzjonali ma jneħħi xejn mill-fatt li l-aġir tal-atturi ekonomiċi f’Diċembru kien influwenzat b’mod ċar mill-aġir u d-dikjarazzjonijiet ifformulati qabel mill-Istat [Franċiż], u b’mod partikolari minn Lulju 2002, li jindika l-intenzjoni tal-Istat [Franċiż] li jtaffi l-problemi ta’ finanzjament ta’ [FT]” (premessa 225 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dak is-sens, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li jantiċipaw il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ FT bl-għoti ta’ faċilità ta’ kreditu kienet tikkostitwixxi twettiq tad-dikjarazzjonijiet tagħhom (premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata).

48

Skont il-Kummissjoni, ma huwiex determinanti li l-operazzjoni ta’ kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ FT, imwettqa f’April 2003, kienet suċċess u li l-offerta ta’ self minn azzjonist qatt ma ġiet eżegwita. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq l-elementi li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-investitur fil-mument li ħa d-deċiżjoni li jinvesti. Barra minn hekk, sa fejn id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi kellhom influwenza fuq is-suq u fuq l-aġir tal-atturi ekonomiċi, il-Kummissjoni ma kinitx “f’pożizzjoni li tibbaża ruħha fuq l-aġir ta’ atturi ekonomiċi oħrajn biex tiġġudika l-aġir tal-Istat u b’hekk tapplika t-test tal-konkomitanza”. Skont il-Kummissjoni, “[f]il-fatt, id-dikjarazzjonijiet tal-Istat [Franċiż] li se jagħmel dak kollu li huwa neċessarju biex [FT] tkun tista’ tegħleb il-problemi ta’ finanzjament tagħha, li saru f’Lulju u li mbagħad ġew ripetuti, jivvizzjaw it-test tal-konkomitanza sa fejn l-investituri privati ma jistgħux jitqiesu li kienu ddeċidew biss fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ta’ [FT], u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dikjarazzjonijiet [jinvolvux jew le] għajnuna mill-Istat”. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ investitur privat avżat ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tas-suq kif kienet f’Diċembru 2002, imma loġikament għandha tkun ibbażata “fuq is-sitwazzjoni ta’ suq mhux ikkontaminat mid-dikjarazzjonijiet u mill-interventi preċedenti” (premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata).

49

“Jidher illi” meta jiġu eżaminati fil-kuntest tas-sitwazzjoni fis-seħħ qabel Lulju 2002, id-deċiżjonijiet ta’ investiment inkwistjoni ma josservawx dak il-prinċipju (premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dak il-mument, FT sabet ruħha f’kuntest ekonomiku diffiċli u tilfet il-fiduċja tas-swieq, u l-awtoritajiet Franċiżi kienu għadhom ma ħadu ebda miżura intiża biex itejjeb il-ġestjoni ta’ FT u r-riżultati tagħha, u la ordnat awditu dettaljat, la stabbilixxiet grupp ta’ tmexxija ġdid, u lanqas ma ħejjiet pjan ta’ rkupru tal-impriża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun “improbabbli li investitur privat, minn Lulju 2002, ikun għamel dikjarazzjonijiet [bħal] dawk li għamel il-Gvern Franċiż, li jistgħu, minn lat purament ekonomiku, jaffettwaw serjament il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tiegħu u, mil-lat ġuridiku, anki jobbligawh biex minn dik id-data, jiġri x’jiġri, isostni finanzjarament lil [FT]”. B’hekk, tali investitur ikun assuma huwa stess u bla ebda kumpens riskju ferm kbir fil-konfront ta’ FT. Issa, anki azzjonist ta’ referenza, li għandu l-istess informazzjoni li kellhom l-awtoritajiet Franċiżi f’dak iż-żmien, ma kienx jagħmel dikjarazzjoni ta’ sostenn favur FT f’Lulju 2002 mingħajr ma qabel ikun għamel verifika approfondita tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u tal-miżuri ta’ rkupru neċessarji biex tkun tista’ tiġi evalwata l-portata tar-riskju li jimplika tali approċċ. Fi kwalunkwe każ, tali azzjonist ta’ referenza kien ikollu bżonn tal-parteċipazzjoni tas-swieq finanzjarji biex jirranġa s-sitwazzjoni ta’ FT. Issa, l-imsemmija swieq “ma jidhirx li, f’dak iż-żmien, kienu lesti jinvestu jew jagħtu wisq kreditu lil FT” (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

50

B’hekk, skont il-Kummissjoni, “[h]uwa ftit li xejn probabbli li investitur privat li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħall-Istat Franċiż [kien] jagħmel dikjarazzjonijiet ta’ sostenn favur FT f’Lulju 2002 meta jitqiesu s-sitwazzjoni ekonomika ta’ FT u n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara u kompluta dwar dan is-suġġett”. Huwa wisq inqas probabbli li investitur privat avżat “[kien] jagħti self minn azzjonist billi jassumi waħdu riskju finanzjarju sostanzjali” (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

51

Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dak li ngħad iktar ’il fuq li “il-[kriterju] tal-investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq ma [ġiex] sodisfatt” u li, “[k]onsegwentement, il-vantaġġ mogħti lil FT bl-[offerta] ta’ self minn azzjonist – eżaminat[a] fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet u tal-interventi preċedenti tal-awtoritajiet Franċiżi – [kien] għajnuna mill-Istat anki jekk [kien] diffiċli li tiġi kkalkolata l-portata tal-vantaġġ” (premessa 230 tad-deċiżjoni kkontestata).

52

Taħt it-titolu 9 “Kompatibbiltà tal-għajnuna” tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1,p. 322 (premessi 231 sa 255 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija b’hekk ikkonkludiet li dawk il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni (premessa 256 tad-deċiżjoni kkontestata).

53

Taħt it-titolu 10 “Irkupru tal-għajnuna” tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li tinsab f’sitwazzjoni impossibbli biex tipproċedi, f’dan l-istadju, għal kwantifikazzjoni preċiża tal-għajnuna inkwistjoni jew li tinkludi fid-deċiżjoni kkontestata parametri preċiżi biżżejjed li jippermettu lir-Repubblika Franċiża li tipproċedi għal dik il-kwantifikazzjoni ulterjorment. Hija kkunsidrat li l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kienu jopponu l-irkupru ta’ dik l-għajnuna b’mod konformi mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 (premessi 257 sa 264 tad-deċiżjoni kkontestata).

Proċeduri preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

1. Proċedura preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali

54

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit-13 ta’ Ottubru 2004 (Kawża T‑425/04), fil-5 ta’ Novembru 2004 (Kawża T‑444/04) u fid-9 ta’ Novembru 2004 (Kawża T‑450/04), ir-Repubblika Franċiża, FT u l-kumpanniji Bouygues ippreżentaw rikors kull wieħed bil-għan li jiksbu l-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata. B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Novembru 2004 (Kawża T‑456/04), l-AFORS ippreżentat rikors bil-għan li tikseb l-annullament tal-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni.

55

B’digriet tat-30 ta’ Jannar 2008, il-president tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ppermetta lill-kumpanniji Bouygues jintervjenu fil-kuntest tal-proċedura orali tal-kawża T‑444/04 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

56

Fit-13 ta’ Frar 2008, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 u fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li nstemgħu l-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-istess regoli, li tirrinvija l-Kawżi T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04 quddiem kulleġġ estiż ta’ ġudikanti.

57

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2009, l-erba’ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza, b’mod konformi mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

58

B’sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza et vs Il-Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010”, EU:T:2010:216), il-Qorti Ġenerali, minn naħa waħda, annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, iddikjarat li ma kienx fadal lok li tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni.

59

Fir-rigward tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawżi T‑425/05, T‑444/04 u T-450/04 u kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tagħti deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn FT fil-Kawża T‑456/04 kontra allegata talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tal-AFORS (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 111 sa 134).

60

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat flimkien it-tieni u t-tielet motivi mqajma fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04 kif ukoll l-ewwel u t-tieni motivi invokati fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑450/04, inkwantu dawn il-motivi kollha essenzjalment kien jikkonċernaw il-legalità tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 212 sa 326).

61

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret ċerti prinċipji relatati mal-kunċett ta’ għajnuna kif ukoll mal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jsir (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punti 212 sa 220). Hija rrilevat b’mod partikolari, kif ammettew il-partijiet matul is-seduta, li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat neċessarjament jippreżupponi li l-miżuri meħuda mill-Istat favur impriża jagħtu vantaġġ idderivat minn riżorsi tal-Istat (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punt 217).

62

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist, meħuda b’mod iżolat jew flimkien, kinux taw vantaġġ wieħed jew iktar lil FT (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 222 sa 260).

63

F’dan ir-rigward, wara li fformulat ċerti osservazzjonijiet preliminari u ddefinixxiet il-kunċett ta’ vantaġġ bħala li jimplika li l-intervent tal-Istat għandu jkollu bħala konsegwenza titjib tal-pożizzjoni ekonomika jew finanzjarja tal-benefiċjarju (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 222 sa 231), fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kif ukoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 kinux jikkonsistu, fihom infushom, fl-għoti ta’ tali vantaġġ lil FT (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 232 sa 242). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet uriet b’mod suffiċjenti li, meta evalwati flimkien, dawk id-dikjarazzjonijiet u dak l-avviż kienu taw vantaġġ kunsiderevoli favur FT inkwantu kienu ppermettew li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tas-swieq finanzjarji, għamlu possibbli, iktar faċli u inqas għali l-aċċess ta’ FT għal krediti ġodda meħtieġa għall-finanzjament mill-ġdid ta’ dawk id-djun għal żmien qasir fl-ammont ta’ EUR 15-il biljun u kienu kkontribwixxew, b’mod definittiv, biex jistabbilizzaw is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha li kienet ferm fraġli. Il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmija dikjarazzjonijiet kinux jammontaw ukoll għal vantaġġ favur FT billi jinfluwixxu, b’mod pożittiv, fuq l-azzjonijiet u l-obbligi tagħha.

64

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-offerta ta’ self minn azzjonist, fiha nfisha, ipproduċietx vantaġġ addizzjonali u distint favur FT, qabel ma kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li dan kien il-każ (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 243 sa 258). Minn naħa waħda, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-vantaġġ addizzjonali invokat mill-Kummissjoni fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata huwa konfuż b’mod ċar ma’ dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u, b’mod partikolari, ma’ dak assoċjat mal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002. F’dan ir-rigward, hija rrilevat b’mod partikolari li meta ntbagħtet l-offerta ta’ self minn azzjonist fl-20 ta’ Diċembru 2002, dan ma sarx pubblikament b’mod separat u addizzjonali mill-avviż ta’ dik l-offerta fl-4 ta’ Diċembru 2002. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif titlob il-liġi li l-unika possibbiltà għal FT li tirrikorri, b’mod unilaterali u inkundizzjonali, għall-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun li kienu s-suġġett tal-offerta ta’ self minn azzjonist, kienet tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċju tagħha, anki jekk FT qatt ma ffirmat l-offerta ta’ self minn azzjonist u wisq inqas eżegwixxietha. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-Kummissjoni la kienet iddeterminat u lanqas uriet xi titjib fil-pożizzjoni ekonomika ta’ FT li tista’ tirriżulta mill-“offerta kuntrattwali” li kienet tikkostitwixxi l-offerta ta’ self minn azzjonist meta mqabbla mas-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab, b’mod partikolari, wara l-possibbiltà li ġiet offruta lilha li tiffinanzja mill-ġdid id-djun tagħha għall-ammont ta’ EUR 9 biljun skont il-kundizzjonijiet li dak iż-żmien kienu prevalenti fis-suq tal-bonds.

65

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 262 sa 313). Hija ppreċiżat, fil-punt 262 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), li kien jeżisti rekwiżit ta’ konnessjoni bejn il-vantaġġ identifikat u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat, inkwantu l-imsemmi vantaġġ għandu jkun marbut mill-qrib ma’ responsabbiltà korrispondenti li taqa’ taħt il-baġit tal-Istat jew mal-ħolqien, fuq il-bażi tal-obbligi ġuridikament vinkolanti meħuda mill-Istat, ta’ riskju ekonomiku suffiċjentement konkret għal dan il-baġit.

66

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma kinux jimplikaw l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat u ċaħdet it-talba tal-kumpanniji Bouygues għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikkwalifika dawk id-dikjarazzjonijiet bħala għajnuna mill-Istat (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 268 sa 290). Il-Qorti Ġenerali waslet għal dik il-konklużjoni wara li kkonstatat b’mod partikolari li, minħabba n-natura miftuħa, impreċiża u kundizzjonali tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura, tal-portata u tal-kundizzjonijiet ta’ intervent statali li jista’ jsir favur FT, u meta jitqies il-kuntest fattwali li fih saru, dawk id-dikjarazzjonijiet ma setgħux jiġu assimilati għal garanzija statali u lanqas ma setgħu jiġu interpretati fis-sens li jiżvelaw impenn irrevokabbli biex jingħata sostenn finanzjarju preċiż favur FT jew li jesponi r-riżorsi tal-Istat Franċiż għal riskju li jikkostitwixxi trasferiment ta’ dawk ir-riżorsi.

67

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami individwali tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 293 sa 298). Hija kkunsidrat li ma huwiex fil-kompitu tagħha biex tivverifika jekk dak l-avviż kienx jikkostitwixxi, fih innifsu, impenn li huwa biżżejjed preċiż, sod u mingħajr kundizzjoni u, għaldaqstant, legalment vinkolanti, li jippermetti li jiġi konkluż li hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, inkwantu la l-Kummissjoni u lanqas il-kumpanniji Bouygues ma kienu qajmu tali argument jew ressqu provi rilevanti u probatorji f’dak ir-rigward (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 293 sa 295).

68

Fil-punt 296 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, iċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll li, fi kwalunkwe każ, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jirriżulta minn dak l-avviż jista’ jikkorrispondi biss għal vantaġġ li jinsab fil-ftuħ tal-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun li kien previst espressament. Minn naħa waħda, il-Kummissjoni naqset milli tikkwalifika dak il-vantaġġ b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, dak il-vantaġġ huwa distint minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, kif stabbilit f’dik id-deċiżjoni. Fil-punt 297 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li r-rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ identifikat u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat jippreżumi li l-imsemmi vantaġġ jikkorrispondi għal spiża ekwivalenti li taffettwa l-baġit tal-Istat, qabel ma rrilevat li dan ma kienx il-każ fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-vantaġġ ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, li kien jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, minn naħa, u l-allegat trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi li jikkonsisti fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun, kif ġie previst fl-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, min-naħa l-oħra.

69

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 298 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 kien jikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

70

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 299 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), li inkwantu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti vantaġġ riżultanti, ma kienx, a fortiori, possibbli għall-Qorti Ġenerali li tikkonkludi li jeżisti trasferiment ta’ riżorsi li kien konness ma’ dan il-vantaġġ.

71

Fl-aħħar nett, fil-punti 302 sa 309 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, iċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx madankollu tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ eżami globali tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 flimkien mal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist, li l-kriterju ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat kien sodisfatt f’dik il-kawża.

72

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 303 u 304 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma kinux jikkostitwixxu fihom infushom l-antiċipazzjoni ta’ sostenn finanzjarju speċifiku b’mod simili għal dak li kien immaterjalizza f’Diċembru 2002, iżda b’differenza mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, kienu ta’ natura miftuħa, impreċiża u kundizzjonali fir-rigward tan-natura, tal-portata u tal-kundizzjonijiet ta’ intervent li seta’ jsir fil-futur mill-Istat Franċiż. Id-deċiżjoni tal-Istat Franċiż, f’Diċembru 2002, li jħabbar u jipproponi offerta ta’ self minn azzjonist b’hekk tikkostitwixxi interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni ta’ avvenimenti li wasslu għall-finanzjament mill-ġdid ta’ FT. Fil-punt 305 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-offerta ta’ self minn azzjonist kienet tikkostitwixxi l-materjalizzazzjoni tad-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Istat Franċiż.

73

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fil-punt 307 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), li l-Kummissjoni ma setgħetx tevita d-dmir tagħha li tidentifika vantaġġ speċifiku li jikkostitwixxi trasferiment korrispondenti ta’ riżorsi tal-Istat. Hija ddikjarat ukoll, fil-punt 308 ta’ dik is-sentenza, li meta titqies l-interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti u fl-aġir tal-awtoritajiet Franċiżi f’Diċembru 2002, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi rabta bejn il-possibbiltà ta’ impenn ta’ riżorsi tal-Istat, f’dan l-istadju, u vantaġġi mogħtija permezz ta’ miżuri preċedenti, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, u dan sa fejn dawn il-miżuri kienu ta’ natura essenzjalment differenti minn dawk li ttieħdu f’Diċembru 2002. Fil-fatt, tali rabta bejn l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ għajnuna fir-rigward ta’ elementi fattwali distinti li seħħew fi stadji differenti tmur kontra r-rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

74

Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 309 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), li anki jekk il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-avvenimenti kollha li ppreċedew u li influwenzaw id-deċiżjoni definittiva li ħa l-Istat Franċiż f’Diċembru 2002 li jsostni lil FT permezz ta’ offerta ta’ self minn azzjonist biex tikkaratterizza vantaġġ, hija ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat marbut ma’ dan il-vantaġġ. Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kif ukoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 wasslu għal vantaġġ favur FT billi dawn reġgħu stabbilixxew il-fiduċja tas-swieq finanzjarji u tejbu l-kundizzjonijiet tal-finanzjament mill-ġdid tagħha ma għandux bħala konsegwenza tnaqqis korrispondenti fil-baġit tal-Istat jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ spejjeż li jaffettwaw dan il-baġit. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari, li dak il-vantaġġ kien distint minn dak li seta’ jinħoloq mill-offerta ta’ self minn azzjonist u li d-deċiżjoni kkontestata kienet naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti.

75

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 310 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE meta kkunsidrat li l-offerta ta’ self minn azzjonist, impoġġija fil-kuntest ta’ dikjarazzjonijiet sa minn Lulju 2002, kien jammonta għal għoti ta’ benefiċċju favur FT li kien jirriżulta minn trasferiment tar-riżorsi tal-Istat. Għaldaqstant, minn naħa waħda, hija laqgħet it-tieni parti tat-tieni motiv kif ukoll it-tielet motiv imqajma mir-Repubblika Franċiża u minn FT inkwantu dawk il-parti u l-motiv kienu jikkritikaw l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel parti tat-tieni motiv kif ukoll it-tielet motiv invokati mir-Repubblika Franċiża u minn FT inkwantu dawk il-parti u motiv kienu jikkontestaw il-legalità tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kriterju ta’ investitur privat avżat (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 311 u 312). Hija kienet ukoll tal-fehma li, peress li kellu jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għal żball ta’ liġi u għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, lanqas ma kien hemm lok li jiġi eżaminat l-ewwel motiv invokat mir-Repubblika Franċiża u minn FT u lanqas ir-raba’ motiv invokat mir-Repubblika Franċiża (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punt 313).

76

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tieni motiv invokat mill-kumpanniji Bouygues fil-kawża T‑450/04, ibbażat fuq il-kontradizzjoni u l-insuffiċjenza tal-motivi li jmorru kontra l-Artikolu 253 KE (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punti 314 sa 324).

77

Wara li qieset il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għall-motivi ta’ illegalità invokati fit-tieni u fit-tielet motivi mqajma mir-Repubblika Franċiża u minn FT (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:216, punt 326).

78

Finalment, fil-punti 327 sa 330 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta jitqies l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-motivi li r-Repubblika Franċiża u FT kienu ppreżentaw fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, it-talbiet tagħhom kif ukoll dik tal-kumpanniji Bouygues fil-Kawża T‑450/04 u dik ta’ AFORS fil-kawża T‑456/04 sabiex jiġi annullat l-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni kienu tilfu l-iskop tagħhom. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li ma kienx għad fadal lok li tittieħed deċiżjoni dwar l-imsemmija talbiet għal annullament.

2. Proċedura preċedenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

79

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fl-4 u fit-3 ta’ Awwissu 2010, il-kumpanniji Bouygues (C‑399/10 P) u l-Kummissjoni (C‑401/10 P) ippreżentaw appell kontra s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, punt 58 iktar ’il fuq (EU:T:2010:216).

80

Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Frar 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ppermetta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tintervjeni f’dawn iż-żewġ kawżi insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

81

B’digriet tat-8 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad l-imsemmija kawżi għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

82

Permezz tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, irrinvijat il-Kawżi T‑425/04, T‑444/04 u T‑450/04 quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi mqajma u t-talbiet ippreżentati quddiemha li fuqhom hija ma kinitx iddeċidiet u rriżervat l-ispejjeż.

83

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-appelli.

84

F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-ewwel aggravju tal-kumpanniji Bouygues, ibbażat fuq interpretazzjoni wisq restrittiva tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fuq żnaturament tad-dritt Franċiż u fuq żball ta’ kwalifikazzjoni ġuridika ta’ fatti allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali meta hija ċaħdet l-argument tagħhom intiż li jistabbilixxi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tikkwalifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat (sentenza mogħtija fl-appell, punti 67 sa 79).

85

F’dan ir-rigward, fil-punt 76 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx pożizzjoni dwar l-ilment tal-kumpanniji Bouygues tat-22 ta’ Jannar 2003 sa fejn huma argumentaw li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, għajnuna mill-Istat. Hija rrilevat b’mod partikolari li dawk id-dikjarazzjonijiet kienu ġew ikkunsidrati biss inkwantu kienu oġġettivament rilevanti għall-evalwazzjoni tal-offerta ta’ self minn azzjonist u li l-Kummissjoni b’hekk eżaminathom biss inkwantu jifformaw il-kuntest tal-għajnuna kkonstatata (sentenza mogħtija fl-appell, punti 73 sa 75).

86

B’hekk, fil-punt 77 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 128 u 131 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kien jikkonsisti f’rifjut min-naħa tal-Kummissjoni li tikkwalifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat. Nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fihom infushom bħala għajnuna mill-Istat sussegwentement għall-ilment tal-kumpannija Bouygues, fil-fatt, ma jistax jiġi assimilat fih innifsu ma’ deċiżjoni li tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ dawn il-lanjanti.

87

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 78 tas-sentenza mogħtija fl-appell, li l-Qorti Ġenerali b’hekk għamlet evalwazzjoni fuq kwistjonijiet li l-Kummissjoni kienet għadha ma tkellmitx dwarhom u għamlet konfużjoni bejn fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, li hija inkompatibbli mas-sistemi ta’ qsim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja u tar-rimedji ġudizzjarji previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Għaldaqstant, hija ddeċidiet fil-punt 79 tas-sentenza mogħtija fl-appell li l-ewwel aggravju tal-kumpanniji Bouygues kien invalidu.

88

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat konġuntament l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-kumpanniji Bouygues u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kummissjoni, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi relatati mal-kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u tal-offerta ta’ self minn azzjonist, meħuda flimkien. Dawn il-partijiet essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi meta eżiġiet, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, rabta ta’ konnessjoni mill-qrib bejn, minn naħa, vantaġġ li għandu jiġi identifikat separatament għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u għall-offerta ta’ self minn azzjonist kif ukoll, min-naħa l-oħra, impenn ta’ riżorsi tal-Istat ekwivalenti u korrispondenti għal vantaġġ wieħed jew iktar hekk identifikati.

89

Fil-punt 97 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma, minn naħa waħda, li l-Kummissjoni kienet obbligata li teżamina għal kull intervent statali individwalment jekk dan kienx jagħti vantaġġ speċifiku permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, li huwa biss f’każ ta’ tnaqqis mill-baġit statali, jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet fuq dak il-baġit li jkunu marbuta mill-qrib u jikkorrispondu għal vantaġġ hekk identifikat, li jista’ jitqies li ġiet issodisfatta l-kundizzjoni dwar finanzjament permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

90

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-ewwel waħda mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq (sentenza mogħtija fl-appell, punti 98 sa 105). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddikjarat li peress li l-interventi statali jieħdu forom differenti u għandhom ikunu analizzati abbażi tal-effetti tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li bosta interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, jitqiesu li huma intervent wieħed (sentenza mogħtija fl-appell, punt 103). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-interventi konsekuttivi, b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra l-kronoloġija tagħhom, l-għan tagħhom u ċ-ċirkustanzi tal-impriża meta saru l-interventi, ikunu tant relatati ma’ xulxin li jkun impossibbli li wieħed jisseparahom minn xulxin (sentenza mogħtija fl-appell, punt 104). Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li billi kkunsidrat li kien neċessarju li jiġi identifikat tnaqqis tal-baġit tal-Istat jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet li jaqgħu fuq dak il-baġit marbut mill-qrib u li jikkorrispondi għal, jew li bħala korrispettiv għandu vantaġġ speċifiku riżultanti kemm mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 kif ukoll mill-offerta ta’ self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat kriterju ta’ tip li jeskludi mal-ewwel li dawn l-interventi tal-istat jistgħu, abbażi tar-rabtiet bejniethom u tal-effetti tagħhom, jitqiesu bħala intervent wieħed (sentenza mogħtija fl-appell, punt 105).

91

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat it-tieni waħda mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq (sentenza mogħtija fl-appell, punti 106 sa 110). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, essenzjalment, li għalkemm għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa waħda, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit tal-Istat, jew saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet li jaqgħu fuqu, madankollu ma huwiex neċessarju li tali tnaqqis, jew anki tali riskju, ikun jikkorrispondi jew ikun ekwivalenti għall-imsemmi vantaġġ, u lanqas li dan tal-aħħar ikollu bħala korrispettiv tali tnaqqis jew tali riskju, u lanqas li jkun tal-istess natura bħall-impenn ta’ riżorsi tal-Istat minn fejn jirriżulta (sentenza mogħtija fl-appell, punti 109 u 110).

92

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkonkludiet, fil-punt 111 tas-sentenza mogħtija fl-appell, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi kemm fl-istħarriġ tagħha tal-identifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-intervent statali li jagħti għajnuna mill-Istat, kif ukoll fl-eżami tar-rabtiet bejn il-vantaġġ identifikat u l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat ikkonstatat minn din tal-aħħar. B’hekk, hija annullat is-sentenza mogħtija fl-appell, waqt li rrilevat li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħrajn (sentenza mogħtija fl-appell, punti 113 u 114).

93

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija kellha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament, minn naħa, fuq it-talba għal annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat fil-Kawża T‑450/04, u min-naħa l-oħra, fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju u fuq it-tielet aggravju mqajma mir-Repubblika Franċiża u minn FT insostenn tar-rikors tagħhom fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, sa fejn din il-parti u dan l-aggravju kienu diretti kontra l-konstatazzjoni, imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil FT mill-Istat Franċiż (sentenza mogħtija fl-appell, punti 116 sa 142).

94

Fir-rigward tal-ewwel element, fil-punt 118 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-motivi tar-rikors fil-kawża T‑450/04 intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni rrifjutat li tikkwalifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat, kienu ineffettivi.

95

Fir-rigward tat-tieni element, fl-ewwel lok, fil-punt 126 tas-sentenza mogħtija fl-appell il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li kien jirriżulta, b’mod partikolari mill-premessi 188 u 189 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ma kinitx ibbażat il-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fuq impenn meħud mill-Istat Franċiż meta għamel id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002.

96

Fit-tieni lok, fil-punt 129 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn ċerti siltiet mill-premessi 194 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist, meħuda flimkien, kienu taw vantaġġ li jimplika l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Sussegwentement, fil-punti 130 u 131 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’referenza għall-punti 103 u 104 tal-istess sentenza, iddeċidiet li l-Kummissjoni ġustament kienet eżaminat dawk iż-żewġ miżuri f’daqqa, peress li kien ċar li l-ewwel waħda ma setgħetx tinfired mit-tieni.

97

Fit-tielet lok, fil-punti 132 sa 136 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ġustament stmat li l-offerta ta’ self minn azzjonist, imħabbra u nnotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, kienet tat lil FT vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, billi ppermettiet lil din tal-aħħar li żżid il-mezzi tagħha ta’ finanzjament waqt li tiżgura lis-suq dwar il-kapaċità tagħha li tonora l-iskadenzi tagħha. Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat, fil-punt 137 tas-sentenza mogħtija fl-appell il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-offerta ta’ self minn azzjonist kienet tirrigwarda l-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun u li, għalkemm ċertament FT ma kinitx iffirmat il-kuntratt ta’ self indirizzat lilha, hija setgħet tiffirmah f’kull mument, sabiex b’hekk tikseb immedjatament il-ħlas ta’ dik is-somma. Fil-punt 138 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Kummissjoni kienet irrilevat, fid-deċiżjoni kkontestata, li sa mill-5 ta’ Diċembru 2002 FT kienet iddeskriviet, fi preżentazzjoni lill-investituri, il-“faċilità ta’ kreditu” tal-Istat Franċiż bħala disponibbli immedjatament, li dakinhar stess S & P kienet ħabbret li l-Istat Franċiż kien ser jagħti immedjatament kreditu minn azzjonist, u li kien ġie nnotifikat lill-Commission des Finances de l’Assemblée nationale française li s-self minn azzjonist “[kien] diġà tpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ FT” u li Moody’s kienet ħabbret, fid-9 ta’ Diċembru 2002, li kien ikkonfermat li “il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun [kienet] diġà ġiet stabbilita”. Fil-punt 139 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li fid-dawl tal-piż potenzjali addizzjonali ta’ EUR 9 biljun fuq ir-riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni ġustament kienet ikkonstatat li l-vantaġġ imsemmi hawn fuq kien ingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

98

Finalment, fil-punti 140 u 141 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża fir-rigward tat-tieni u t-tielet aggravji invokati mir-Repubblika Franċiża u minn FT, inkwantu dawk l-aggravji kienu indirizzati kontra l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat. Hija kkunsidrat li l-istess japplika fir-rigward tal-ewwel aggravju mressaq mir-Repubblika Franċiża u minn FT, li jallega ksur ta’ formalitajiet proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża, u tar-raba’ aggravju tar-Repubblika Franċiża, li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni, u b’hekk tat-talba tal-kumpanniji Bouygues għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, fil-punt 142 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrinvija l-Kawżi T‑425/04, T‑444/04 u T‑450/04 quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq l-imsemmija parti u fuq l-imsemmija aggravji u argumenti mqajma kif ukoll fuq it-talba mressqa quddiemha li dwarha ma kinitx tat deċiżjoni.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

99

Wara s-sentenza mogħtija fl-appell, il-kawżi T‑425/04 RENV T‑444/04 RENV u T‑450/04 RENV ġew assenjati lill-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

100

Fil-31 ta’ Mejju 2013, ir-Repubblika Franċiża, fil-Kawża T‑425/04 RENV u FT, fil-Kawża T‑444/04 RENV u, fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni, f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi, ippreżentaw nota ta’ osservazzjonijiet skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrinunzjat li tippreżenta tali osservazzjonijiet f’dawn il-kawżi.

101

B’ittra tat-22 ta’ Lulju 2013, FT informat lill-Qorti Ġenerali li kienet bidlet l-isem tagħha bħala kumpannija fl-1 ta’ Lulju 2013 u sar jisimha Orange.

102

Peress li ġiet immodifikata l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali u l-Kawżi T‑425/04 RENV, T‑444/04 RENV u T‑450/04 RENV ġew assenjati mill-ġdid lir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

103

Peress li l-Imħallef Relatur ma setax jippresjedi l-kawża, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja l-kawża mill-ġdid lil Imħallef Relatur ieħor u l-kawżi ċċitati iktar ’il fuq ġew assenjati mill-ġdid lis-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

104

B’digrieti tal-President tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2014, minn naħa waħda, il-kumpanniji Bouygues tneħħew mill-Kawża T‑444/04 RENV bħala partijiet intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-Kawża T‑450/04 RENV tneħħiet mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, peress li dawk il-kumpanniji rtiraw l-intervent tagħhom u waqqfu r-rikors tagħhom.

105

Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2014, il-Kawżi T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

106

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla Estiża), iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, din stiednet lir-Repubblika Franċiża u lill-Kummissjoni jirrispondu għal ċerti domandi, li l-partijiet għamlu fit-terminu previst.

107

B’ittra tat-8 ta’ Awwissu 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Qorti Ġenerali li hija ma kinitx ser tkun preżenti għas-seduta.

108

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014.

109

Fil-Kawża T‑425/04 RENV, ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

110

Fil-Kawża T‑425/04 RENV, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

111

Fil-Kawża T‑444/04 RENV, FT titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

112

Fil-Kawża T‑444/04 RENV, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lil FT għall-ispejjeż.

113

Matul is-seduta, il-Kummissjoni talbet ukoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑444/04 RENV bħala inammissibbli.

Id-dritt

1. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża T‑444/04 RENV

114

Matul is-seduta, il-Kummissjoni eċċepixxiet l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn FT fil-kawża T‑444/04 RENV għal nuqqas ta’ interess ġuridiku. Hija argumentat li, wara li l-kumpanniji Bouygues irtiraw ir-rikors tagħhom u peress li l-Kawża T‑456/04 ma ġietx irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali mis-sentenza mogħtija fl-appell, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma għadux is-suġġett ta’ talba għal annullament u li b’hekk għal FT ma kienx għad hemm riskju konkret, reali u attwali li jkollha tħallas lura l-għajnuna inkwistjoni.

115

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għadha s-suġġett tat-talbiet għal annullament, peress li kemm ir-Repubblika Franċiża kif ukoll FT għadhom qegħdin jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha. Dik it-talba għal annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ser tiġi eżaminata barra minn hekk fil-punti 264 sa 270 iktar ’il quddiem.

116

Sussegwentement, fir-rigward tat-talba ta’ FT għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku għandu jippersisti sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja bil-piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors għandu jkun kapaċi, bir-riżultat tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tippreżentah (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punt 42, u digriet tas-7 ta’ Diċembru 2011, Fellah vs Il-Kunsill, T‑255/11, EU:T:2011:718, punt 12).

117

F’dan il-każ, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa intiż li jipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji fir-rigward ta’ FT inkwantu din hija l-unika benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna li, hemmhekk, ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

118

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li, indipendentement mill-kwistjoni jekk FT għadhiex jew le esposta għal xi riskju tad-dmir li tħallas lura l-għajnuna inkwistjoni, l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-motivi invokati minn dik l-impriża jkollu l-konsegwenza li l-konstatazzjoni ta’ illegalità ta’ dik il-miżura ta’ għajnuna, li hija miżura individwali favuriha, tkun nulla u qisha qatt ma seħħet, li tikkostitwixxi konsegwenza ġuridika li timmodifika s-sitwazzjoni ġuridika tagħha u tagħtiha benefiċċju.

119

Fi kwalunkwe każ, jirriżulta mill-ġurisprudenza li rikorrenti tista’ żżomm interess biex titlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni, minn naħa waħda, sabiex tippermetti li jiġi evitat li l-illegalità li biha jkun allegatament ivvizzjat ma terġax isseħħ fil-futur (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, sabiex tikseb il-konstatazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ illegalità mwettqa fil-konfront tagħha, b’mod li tali konstatazzjoni tista’ sservi bħala bażi għal rikors għal kumpens li jista’ jiġi ppreżentat sabiex jiġi rrimedjat b’mod adegwat id-dannu kkawżat mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1980, Könecke Fleischwarenfabrik vs Il-Kummissjoni, 76/79, Ġabra, EU:C:1980:68, punti 8 u 9, u tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra, EU:C:1998:148, punt 74).

120

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li FT għad għandha interess eżistenti u attwali biex jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni matul is-seduta kontra r-rikors ippreżentat minn dik l-impriża.

2. Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

Osservazzjonijiet preliminari

121

Fil-Kawża T‑425/04, ir-Repubblika Franċiża kienet qajmet erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha, li lkoll kienu indirizzati kontra l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, l-ewwel nett, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża; it-tieni nett, żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u b’mod iktar partikolari tal-kriterju ta’ investitur privat avżat; it-tielet nett, żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-kontenut jew tal-allegati effetti tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002; u, ir-raba’ nett, nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE. Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha tal-31 ta’ Mejju 2013, ir-Repubblika Franċiża tindika li hija żżomm l-ewwel u r-raba’ motivi tagħha fit-totalità tagħhom u t-tieni u t-tielet motivi inkwantu jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat.

122

Fil-Kawża T‑444/04, FT kienet qajmet tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha, li wkoll kienu lkoll indirizzati kontra l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li essenzjalment jikkorrispondu għall-ewwel tliet motivi invokati mir-Repubblika Franċiża fil-Kawża T‑425/04. Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha tal-31 ta’ Mejju 2013, FT indikat li hija kienet qiegħda żżomm l-ewwel motiv fit-totalità tiegħu kif ukoll it-tieni u t-tielet motivi inkwantu jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat.

123

Ir-Repubblika Franċiża u FT, fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom tal-31 ta’ Mejju 2013, u l-Kummissjoni, fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha tas-17 ta’ Lulju 2013, jirreferu, fir-rigward tal-motivi hekk iddelimitati, għall-argumenti li huma kienu qajmu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04 u jifformulaw ċerti argumenti addizzjonali fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija fl-appell.

124

Il-Qorti Ġenerali jidhrilha li huwa opportun li teżamina, fl-ewwel lok, l-ewwel motiv u, sussegwentement, it-tieni u t-tielet motivi flimkien inkwantu dawn tal-aħħar it-tnejn li huma jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat.

Fuq l-ewwel motiv, li jallega ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża

125

L-ewwel motiv imqajjem mir-Repubblika Franċiża u minn FT jikkonsisti f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tallega ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u t-tieni parti tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża.

Fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

– L-argumenti tal-partijiet

126

Ir-Repubblika Franċiża u FT jilmentaw li l-Kummissjoni kkommettiet ksur tal-forom proċedurali sostanzjali peress li ma pproċeditx għal estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex fiha tinkludi d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002. Huma jallegaw li dik id-dikjarazzjoni ma kinitx koperta bid-deċiżjoni ta’ ftuħ, waqt li, kif jirriżulta mill-premessi 192 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata, din tikkostitwixxi l-“punt ċentrali” tad-demostrazzjoni tal-eżistenza ta’ allegata għajnuna mill-Istat f’dan il-każ u, għaldaqstant, hija “[punt] relevanti tal-fatti u liġi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

127

Ir-Repubblika Franċiża tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni ma tistax targumenta li l-awtoritajiet Franċiżi kkummentaw b’mod estensiv dwar l-osservazzjonijiet tat-terzi interessati kif ukoll dwar ir-rapport tat-28 ta’ April 2004, li kienu jinkludu d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, inkwantu minn dawk l-osservazzjonijiet jew minn dak ir-rapport ma tistax tiġi estiża l-portata ta’ proċedura miftuħa mill-Kummissjoni u din tal-aħħar ma tistax tiġi eżentata mill-obbligu li tipproċedi għal estensjoni formali tal-proċedura.

128

Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li għalkemm l-awtoritajiet Franċiżi setgħu jasserixxu l-pożizzjoni tagħhom dwar id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat din il-perspettiva fid-deċiżjoni kkontestata, li b’hekk setgħet tkun differenti.

129

Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT. Hija essenzjalment tallega li f’dan il-każ hija osservat ir-regoli tal-proċedura stabbiliti fir-Regolament Nru 659/1999.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

130

Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tinforma l-partijiet interessati, meta, wara eżami preliminari, hija jkollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura finanzjarja inkwistjoni mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li, fil-komunikazzjoni dwar il-ftuħ ta’ dik il-proċedura, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tippreżenta analiżi mwettqa fir-rigward tal-miżura inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li hija tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom [sentenza tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra EU:T:2006:137, punt 85].

131

Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tqiegħed lill-persuni interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet ikollhom għarfien dwar ir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni (sentenzi tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra, EU:T:2002:111, punt 138, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa vs Il-Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra, EU:T:2002:258, punt 105).

132

B’hekk, jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 659/1999 u mill-Artikolu 6(1) tal-istess regolament li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, għandha tinkludi eżami preliminari tal-miżura inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna, u għandha tindika r-raġunijiet li jwasslu sabiex tiġi ddubitata l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, bil-għan li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet l-oħra interessati jissottomettu fi żmien utli l-osservazzjonijiet tagħhom u, b’dan il-mod, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li hija għandha bżonn sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni.

133

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-espressjoni “kwistjonijiet [punti] relevanti tal-fatti u liġi” li tinsab fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi l-elementi essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tikkunsidra, f’dan l-istadju tal-proċedura, li l-miżura inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

134

Barra minn hekk, peress li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni li tapprofondixxi u tiċċara l-kwistjonijiet imqajma fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ dik il-proċedura, b’mod partikolari billi tiġbor l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat u tal-partijiet interessati l-oħrajn, jista’ jagħti l-każ li matul l-imsemmija proċedura elementi ġodda jiġu f’idejn il-Kummissjoni u li b’hekk l-analiżi tagħha tevolvi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni tista’ tippreżenta ċerti diverġenzi mid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ma dawn jivvizzjaw dik id-deċiżjoni finali (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑424/05, EU:T:2009:49, punt 69). Madankollu, u għalkemm it-testi li jirregolaw il-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament għall-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni korrettiva u ta’ estensjoni ta’ proċedura pendenti, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tinduna, wara li tkun adottat deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq kwalifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawk il-fatti, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tibdel il-pożizzjoni tagħha, billi tadotta deċiżjoni korrettiva (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni, T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, Ġabra, EU:T:2011:493, punti 69 sa 72). Tali deċiżjoni madankollu ma tkunx iġġustifikata jekk il-kuntest tal-eżami ddefinit fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jkunx immodifikat b’mod sinjifikattiv u jekk il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jikkostitwixxu l-bażi tar-raġunament tal-Kummissjoni jibqgħu essenzjalment l-istess.

135

F’dan il-każ, meta jitqiesu b’mod partikolari l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-premessi 185 sa 230 ta’ dik id-deċiżjoni kif ukoll l-evalwazzjoni li ser issir iktar ’il quddiem mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami konġunt tat-tieni u t-tielet motivi, ma jistax jiġi kkontestat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, u individwalment id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, għalkemm ma tqisux mill-Kummissjoni li jifformaw il-kuntest tal-offerta ta’ self minn azzjonist, imħabbra u nnotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, kellhom rwol essenzjali fil-kwalifikazzjoni ta’ dik il-miżura bħala għajnuna illegali.

136

B’hekk, għandu jitqies li, kif isostnu ġustament ir-Repubblika Franċiża u FT, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 mingħajr dubju tikkostitwixxi “kwistjonijiet [punt] relevanti tal-fatti u liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u li, fuq din il-bażi, din għandha tissemma fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

137

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija infondata fattwalment. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tirreferi b’mod konċiż iżda suffiċjenti għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, inkluża d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, kif ukoll ir-rwol tagħhom fir-raġunament tal-Kummissjoni.

138

B’hekk, fil-punt 70 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni tifformula l-affermazzjoni ġenerali li tgħid li “avviż maħruġ min-naħa tal-Istat li jagħti l-impenn tiegħu diġà jista’ jikkostitwixxi l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat, jekk dak l-impenn ikun irrevokabbli u b’hekk joħloq effett ta’ aspettattiva u ta’ fiduċja fis-suq, li huwa rifless fiż-żieda tal-valur tal-ishma ta’ FT u fir-reazzjoni pożittiva tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni”. Fl-istess punt, il-Kummissjoni torbot b’mod iktar speċifiku dik l-affermazzjoni ġenerali mal-fatti li jinsabu fin-notifika tal-awtoritajiet Franċiżi, li huma relatati biss mal-miżuri ta’ Diċembru 2002, billi ddikjarat li “[l]-avviż dwar l-impenn tal-Istat [Franċiż] flimkien mal-fatt li kien tpoġġa għad-dispożizzjoni l-ammont tas-self iwasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-għajnuna effettivament tista’ titqies li kienet ingħatat anki qabel l-iffirmar ta’ ftehim eventwali bejn FT u ERAP dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-faċilità ta’ kreditu”.

139

Ċertament, kif jirrilevaw ġustament ir-Repubblika Franċiża u FT, dan l-aħħar avviż huwa dak tal-4 ta’ Diċembru 2002. Madankollu, jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 40 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li għaliha jsir riferiment fil-punt 70 ta’ dik id-deċiżjoni, li l-Kummissjoni setgħet tinkludi fl-analiżi tagħha d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002. Effettivament, hija enfasizzat li “minn Lulju 2002 u b’mod partikolari minn Settembru 2002, is-suq kien diġà ġie żgurat mis-sostenn tal-Istat [Franċiż] għall-benefiċċju ta’ FT”. Fl-istess sens, għandu jiġi rrilevat li fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 39 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni turi l-effett ta’ aspettattiva u ta’ fiduċja fis-suq imsemmi fil-punt 138 iktar ’il fuq billi ċċitat, b’mod partikolari, dikjarazzjoni ta’ S & P fejn ingħad li “[m]inn Lulju 2002 [din tal-aħħar] indikat li s-sostenn mistenni tal-azzjonarju li kellu 56 % tal-ishma ta’ FT, jiġifieri l-Istat Franċiż, [kien] fattur probabbli għaż-żamma tal-klassifikazzjoni fil-grupp ta’ grad ta’ investiment”.

140

Barra minn hekk, fil-punti 83 sa 85 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ li FT ma kinitx ser tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Kummissjoni tirreferi mhux biss għall-offerta ta’ self minn azzjonist li kienet disponibbli, iżda wkoll għall-avviż li sar qabilha, qabel ma tindika, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 48 ta’ dik id-deċiżjoni, li “[d]iġà fil-passat, dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi li taw x’jifhmu li huma kienet ser jipparteċipaw fil-kapitalizzazzjoni mill-ġdid kellhom effett pożittiv fuq is-suq billi kellhom impatt fuq il-perċezzjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ FT”.

141

B’hekk, wieħed għandu jikkonkludi minn dawn id-diversi konstatazzjonijiet li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tagħmel riferiment suffiċjenti għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, inkluża d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, u tinkludi l-elementi essenzjali li jippermettu li wieħed jifhem li, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għall-miżuri li ġew innotifikati lilha fl-4 ta’ Diċembru 2002, iżda setgħet tevalwahom flimkien mal-avvenimenti li kienu seħħew qabilhom. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ssemmi b’mod partikolari, b’mod biżżejjed ċar u preċiż, l-istrateġija tal-Istat Franċiż li tikkonsisti, minn Lulju 2002, f’avviż pubbliku dwar is-sostenn tiegħu lil FT, bil-għan li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tas-swieq u tiġi żgurata ż-żamma tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ din tal-aħħar. B’hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ ftuħ li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tistaqsi iktar ’il quddiem dwar ir-rwol u l-impatt preċiżi tad-dikjarazzjonijiet u l-avviżi preċedenti tal-Gvern Franċiż.

142

Għaldaqstant, għandu jitqies li d-deċiżjoni ta’ ftuħ kienet tippermetti lir-Repubblika Franċiża u lil FT biex ikollhom għarfien suffiċjenti tal-kuntest tal-eżami rilevanti kif ukoll tar-raġunament li wassal lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li jippreżentaw utilment l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

143

Fi kwalunkwe każ, kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall iktar ’il quddiem meta tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan il-motiv, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-kwistjoni tal-implikazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ġiet diskussa b’mod estensiv u kemm ir-Repubblika Franċiża kif ukoll FT setgħu jargumentaw b’mod konkret u b’mod sħiħ il-pożizzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni. B’hekk, anki fl-ipoteżi fejn jitqies li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ma kinitx tagħmel riferiment suffiċjenti għad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u li l-Kummissjoni astjeniet b’mod illegali milli tadotta deċiżjoni korrettiva u testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ikun hemm lok li jiġi konkluż li d-dritt ta’ dawk il-partijiet li jinstemgħu u li jiġu assoċjati mal-proċedura ġie rrispettat.

144

B’hekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem mir-Repubblika Franċiża u minn FT għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

– L-argumenti tal-partijiet

145

Ir-Repubblika Franċiża u FT jargumentaw li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom inkwantu f’ebda mument tal-proċedura amministrattiva ma ħalliethom jasserixxu b’mod effettiv il-fehma tagħhom dwar l-approċċ innovattiv li wassalha biex tikkonkludi li kien hemm għajnuna mill-Istat f’dan il-każ, billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 biex tikkwalifika b’dan il-mod il-miżuri nnotifikati f’Diċembru 2002. Fil-fatt, dan l-approċċ ġie adottat mill-Kummissjoni għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata. Huma b’hekk ma kinux f’pożizzjoni li jistgħu jikkummentaw dwar l-implikazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi tad-dikjarazzjoni ta’ Lulju 2002 dwar il-kwalifikazzjoni tal-offerta ta’ self minn azzjonist fir-rigward tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

146

Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax targumenta li l-awtoritajiet Franċiżi setgħu jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-osservazzjonijiet tat-terzi interessati kif ukoll dwar ir-rapporti tat-22 ta’ Marzu u tat-28 ta’ April 2004, li kienu jirrigwardaw fil-biċċa l-kbira n-natura ġuridika tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u l-effetti tagħha fuq is-suq, sabiex tikkonkludi li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew irrispettati bis-sħiħ, inkwantu l-allegazzjonijiet ta’ terzi interessati u ta’ esperti jorbtu biss lilhom infushom. Fl-istess sens, ir-Repubblika Franċiża u FT jirrilevaw li l-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw matul il-proċedura amministrattiva dwar l-osservazzjonijiet tat-terzi interessati u dwar dawn iż-żewġ rapporti kienu sempliċement intiżi biex jikkontestaw l-argument li l-imsemmija dikjarazzjoni kienet tikkostitwixxi fiha nfisha għajnuna mill-Istat.

147

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tafferma mill-ġdid li l-Kummissjoni kellha testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex fiha tinkludi d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002. Ta’ mill-inqas, il-Kummissjoni kien imissha indirizzat ittra lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex tinfurmahom dwar l-approċċ innovattiv inkwistjoni u tistedinhom biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

148

Finalment, ir-Repubblika Franċiża u FT jallegaw li, kieku huma ngħataw il-possibbiltà li jasserixxu utilment il-fehma tagħhom dwar id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u dwar l-approċċ innovattiv tal-Kummissjoni, din tal-aħħar kien imissha ħadet dan inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li ċertament kienet tkun differenti. Effettivament, jirriżulta mill-premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kienet tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat kieku hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjoni biex tanalizza l-miżuri nnotifikati.

149

Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

150

Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilta sew, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kollha mibdija kontra persuna li jistgħu jwasslu għal att li jista’ jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni speċifika (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra, EU:C:1986:302, punt 27, u tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra, EU:T:2000:93, punt 32).

151

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Franċiża ġewx miksura.

152

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, jeħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jitpoġġa f’pożizzjoni li jkun jista’ jikkomunika utilment il-pożizzjoni tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar id-dokumenti miksuba mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati minn terzi interessati, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) KE. Inkwantu l-Istat Membru ma tpoġġiex f’pożizzjoni fejn seta’ jikkummenta dwar dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuqhom fid-deċiżjoni tagħha kontra dak l-Istat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, Ġabra, EU:C:2011:732, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153

Għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-proċess li r-Repubblika Franċiża kkomunikat b’mod estensiv il-fehma tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati mit-terzi interessati, b’mod li l-obbligi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 152 iktar ’il fuq ġew osservati bis-sħiħ.

154

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, minbarra l-fatt li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet tagħmel riferiment suffiċjenti għaliha (ara l-punti 130 sa 142 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża rċeviet u kkummentat b’mod estensiv dwar, f’nota tal-10 ta’ Ġunju 2004, ir-rapporti tat-22 ta’ Marzu u tat-28 ta’ April 2004 tal-konsulenti esterni tal-Kummissjoni, li b’mod konformi mal-mandat mogħti minn din tal-aħħar, kienu jirrigwardaw preċiżament in-natura ġuridika u l-effetti fuq is-suq tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u individwalment tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002.

155

Qabel dan, ir-Repubblika Franċiża kienet diġà kkummentat, f’nota tad-29 ta’ Lulju 2003, dwar l-osservazzjonijiet b’mod partikolari tal-kumpanniji Bouygues tal-11 ta’ April 2003, li kienu jinkludu wkoll kummentarji twal dwar l-implikazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, fosthom id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002.

156

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża, kif ikkonfermat hija stess f’risposta għal domanda li saret mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014, esprimiet ruħha wkoll dwar il-konsegwenzi li għandhom jiġu dderivati mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 matul żewġ laqgħat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, fis-16 u fit-23 ta’ Ġunju 2004.

157

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ma tistax targumenta b’mod validu li t-teżi ċentrali fir-rapport tat-28 ta’ April 2004 kif ukoll fl-osservazzjonijiet ta’ ċerti partijiet interessati kienet li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kienet tikkostitwixxi fiha nfisha għajnuna mill-Istat, peress li fir-realtà dik iċ-ċirkustanza sempliċement tikkonferma li l-kwistjoni tal-implikazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi ta’ dik id-dikjarazzjoni kienet dibattibbli u li l-Kummissjoni riedet tiċċaraha.

158

Bl-istess mod, ir-Repubblika Franċiża lanqas ma tista’ targumenta li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati jew mill-konklużjonijiet tar-rapporti esperti tagħha stess. Fil-fatt, għalkemm dawk l-elementi effettivament ma jorbtux lill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din tal-aħħar hija obbligata, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, li tipproċedi biex teżaminahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 62). L-importanti huwa li l-implikazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ġew diskussi matul il-proċedura amministrattiva, kif seħħ f’dan il-każ.

159

Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument tar-Repubblika Franċiża dwar in-natura allegatament innovattiva tal-approċċ adottat f’dan il-każ mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali. Fil-fatt, din tal-aħħar ma tistax tiġi obbligata li tippreżenta lill-Istat Membru kkonċernat jew lill-partijiet interessati l-oħrajn, qabel ma tagħti d-deċiżjoni finali tagħha, l-evalwazzjoni legali li jkun beħsiebha tadotta fiha, tkun kemm tkun innovattiva dik l-evalwazzjoni. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, la mid-dispożizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tisma’ lill-benefiċjarju ta’ riżorsi tal-Istat dwar l-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura inkwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat – u, a fortiori, lill-benefiċjarju tal-għajnuna – dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha meta l-partijiet interessati u l-Istat Membru kienu ġew intimati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra, EU:T:2004:222, punt 198 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160

Minn dan isegwi li r-Repubblika Franċiża ma għandhiex bażi biex issostni li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

161

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ FT, għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva dwar għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss kontra l-Istat Membru kkonċernat. Huwa biss dan tal-aħħar, bħala destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, li jista’ għalhekk jinvoka d-drittijiet tad-difiża fil-veru sens tal-kelma (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, Operator ARP vs Il‑Kummissjoni, T‑291/06, Ġabra, EU:T:2009:235, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna jitqiesu biss li huma partijiet interessati f’dik il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999, Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, T‑158/96, Ġabra, EU:T:1999:335, punt 42). Il-ġurisprudenza essenzjalment tagħtihom ir-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont dik id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li l-persuni interessati, mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra, EU:T:1998:140, punti 59 u 60, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra, EU:T:2003:57, punt 125).

162

Barra minn hekk, ġie deċiż li d-dritt tal-partijiet interessati li jiġu informati ma għandux jeċċedi dak li wieħed jiġi mismugħ mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, ma jistax jiġi estiż għad-dritt ġenerali ta’ espressjoni fuq il-punti kollha potenzjalment importanti mqajma matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra, EU:T:2009:474, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet proċedurali ta’ FT bħala parti interessata ġew irrispettati bis-sħiħ. B’hekk, il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati kollha, fosthom FT, bil-ftuħ tal-proċedura dwar il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni billi ppubblikat f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Marzu 2003 stedina biex jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 88(2) KE, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll sinteżi tagħha. F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom hija kkonkludiet b’mod provviżorju li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (premessi 68 sa 71, 81 sa 106 u 109 sa 115 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ) u analizzat jekk dik l-għajnuna tkunx kumpatibbli mas-suq komuni (premessi 121 sa 132 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ). FT, kif tammetti hija stess fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, setgħet tikkomunika b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha dwar id-diversi fatti u ilmenti allegati mill-Kummissjoni f’dik id-deċiżjoni.

164

Barra minn hekk, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet mogħtija fil-punti 130 sa 142 iktar ’il fuq li d-deċiżjoni ta’ ftuħ kienet tagħmel riferiment suffiċjenti għad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, abbażi tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati, la li tadotta deċiżjoni ta’ estensjoni tal-proċedura u lanqas li tispjega f’iktar dettall, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-evalwazzjoni legali tagħha ta’ dik id-dikjarazzjoni.

165

Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, anki meta l-argumenti invokati minn FT insostenn ta’ din il-parti jiġu eżaminati mill-perspettiva tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija drittijiet ma ġewx miksura f’dan il-każ.

166

Effettivament, jirriżulta mill-proċess li l-Kummissjoni, għalkemm ma kellha ebda obbligu li tagħmel dan, ikkomunikat ir-rapporti tat-22 ta’ Marzu u tat-28 ta’ April 2004 lil FT, li kkummentat b’mod estensiv dwarhom f’diversi studji ġuridiċi u ekonomiċi ppreżentati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali bil-għan li turi li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma kinux ta’ tali natura li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Jirriżulta wkoll mill-proċess li FT bagħtet lill-Kummissjoni rapport tat-12 ta’ Jannar 2004, redatt minn wieħed mill-esperti legali tagħha billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati. Barra minn hekk, għandu jsir ukoll riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 157 sa 159 iktar ’il fuq, li huma validi wkoll għal FT.

167

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tieni u t-tielet motivi, li jallegaw żbalji ta ’ liġi u żbalji manifesti ta ’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta ’ investitur privat avżat

L-argumenti tal-partijiet

168

Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u FT jsostnu b’mod partikolari li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat avżat.

169

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-Repubblika Franċiża u FT jilmentaw li l-Kummissjoni applikat dan il-kriterju għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 – u prinċipalment għad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 – waqt li dawn tal-aħħar ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat, peress li ma kinux jimplikaw impenn irrevokabbli ta’ riżorsi tal-Istat. Huma jiċħdu l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li dawk id-dikjarazzjonijiet u l-miżuri ta’ Diċembru 2002 jagħmlu parti minn proċess kontinwu ta’ salvataġġ ta’ FT, billi jargumentaw li ebda wieħed mill-“avvenimenti”, meħuda individwalment, ta’ dak il-proċess ma jista’ jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat u li dak il-proċess ma għandux bħala punt ta’ tluq xi impenn ġuridiku min-naħa tal-Istat. Huma jiddikjaraw ukoll li dak l-argument paradossalment iwassal biex iċaħħad lil Stat Membru mill-possibbiltà li jeżerċita b’diliġenza u bi prudenza d-dmir tiegħu bħala investitur avżat billi jiżgura li l-kundizzjonijiet kollha rilevanti jkunu ssodisfatti qabel ma jingħata xi impenn. Finalment, il-proposti li huma s-suġġetti tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 ma humiex differenti minn dawk li kien jagħmel azzjonist privat f’ċirkustanzi simili.

170

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża u FT jargumentaw li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat għal żewġ avvenimenti distinti, bħad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-miżuri ta’ Diċembru 2002, li ma kinux jikkostitwixxu intervent uniku. L-interventi statali li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fis-sentenza mogħtija fl-appell, li ma setax jiġi eskluż ab initio li dawn jistgħu jitqiesu bħala intervent wieħed huma l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ma kkunsidratx li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-miżuri ta’ Diċembru 2002 kienu jikkostitwixxu intervent wieħed. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li l-kriterji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 103 u 104 tas-sentenza mogħtija fl-appell biex tiddetermina l-każijiet fejn interventi konsekuttivi jirrappreżentaw rabtiet tant mill-qrib bejniethom li jkun impossibbli li jinfirdu minn xulxin, ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

171

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Franċiża u FT jargumentaw li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat avżat billi kkunsidrat li kellhom jiġu analizzati l-miżuri ta’ Diċembru 2002 mhux fid-data meta dawn ittieħdu, iżda mis-sitwazzjoni qabel Lulju 2002, b’mod speċjali mingħajr ma tqis l-avvenimenti li seħħu bejn dawk iż-żewġ dati. Huma jikkontestaw l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li s-sitwazzjoni f’Diċembru 2002 ġiet “ikkontaminata” bid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u li b’hekk ma kinitx għadha tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. Huma jiddikjaraw ukoll li tali approċċ bħal dak li huwa segwit f’dan il-każ mill-Kummissjoni jmur b’mod ċar kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, inkwantu tesponi lill-Istati Membri u lill-impriżi kkonċernati għal interpretazzjoni soġġettiva, inċerta u arbitrarja tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

172

Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u FT jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta applikat il-kriterju ta’ investitur privat avżat.

173

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 setgħu jitqiesu mis-swieq bħala impenn tal-Istat Franċiż. Huma jsostnu li fil-mument meta saret id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, in-natura tal-miżuri li l-Istat Franċiż kien qed jipprevedi li se jieħu fir-rigward ta’ FT kienet għadha ma ġietx deċiża u li, b’mod partikolari, ma kienet ittieħdet l-ebda deċiżjoni ta’ investiment li setgħet tiġi kklassifikata bħala impenn sod tal-Istat Franċiż. Hija ssostni wkoll li l-argument tal-Kummissjoni barra minn hekk jikkontradixxi l-kliem, ġenerali ħafna u impreċiż, tal-Ministru tal-Ekonomija riprodott f’dik id-dikjarazzjoni, li minnu jirriżulta li jekk kellu jsir intervent statali, dan kien isir b’kundizzjonijiet tas-suq u biss jekk jiġi stabbilit li l-impriża għandha diffikultajiet finanzjarji, li ma kienx il-każ f’dik id-data. Fir-rigward tal-kuntatti li l-Gvern Franċiż kellu mal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni f’Lulju 2002, dawn mhux talli ma humiex inabitwali u eċċezzjonali, iżda jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ azzjonist maġġoritarju, li l-aġir avżat tiegħu jimplika b’mod partikolari li għandu jsegwi b’mod regolari u b’attenzjoni l-klassifikazzjoni tal-impriżi tiegħu.

174

Min-naħa tagħha, fl-ewwel lok, FT issostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma setgħux isiru minn investitur ta’ referenza li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħall-Istat Franċiż. Hija tafferma li, permezz tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, dan tal-aħħar sempliċement ipprova jinfluwenza r-reazzjoni tas-swieq permezz tar-reputazzjoni tiegħu bħala kreditur u debitur solventi u affidabbli. Huwa aġixxa skont ir-regoli partikolari tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji sabiex jistabbilizza l-pożizzjoni ekonomika ta’ FT, kif seta’ għamel azzjonist privat f’sitwazzjoni paragunabbli. Jirriżulta b’mod ċar minn dik id-dikjarazzjoni li l-Istat Franċiż kien għadu ma ddeċidiex li jintervjeni b’mod sod u irrevokabbli. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, dawn ukoll huma ġenerali u impreċiżi. FT tiddikjara wkoll b’mod partikolari li, sa mill-pubblikazzjoni fit-12 ta’ Settembru 2002 tal-kontijiet semestrali tagħha, li kienu juru riżultati operattivi tajbin iżda struttura finanzjarja żbilanċjata, l-Istat Franċiż ħa l-miżuri adegwati.

175

Fit-tieni lok, FT tallega li l-Kummissjoni ma wrietx li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kellha effett ta’ kontaminazzjoni fuq is-sitwazzjoni tas-swieq li ppersistiet sa Diċembru 2002.

176

Fir-rigward tat-tieni motiv, fl-ewwel lok il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Franċiża u lil FT li pproċedew għal interpretazzjoni statika u “fotografika” tal-operazzjoni inkwistjoni kif ukoll għal qari strett, parzjali u żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tgħid li analiżi kompartimentalizzata tal-avvenimenti li seħħew qabel l-offerta ta’ self minn azzjonist ma hijiex possibbli. Il-Kummissjoni tindika li fil-premessi 187 u 222 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, hija spjegat ukoll ir-raġunijiet għaliex kellha tanalizza d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist flimkien. Hija tallega li, meta titqies ir-rabta materjali u ekonomika bejn id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist, kien neċessarju li jitqies l-aġir sħiħ tal-Istat Franċiż sa minn Lulju 2002. Hija tiddikjara wkoll li l-istrateġija tal-awtoritajiet Franċiżi taqa’ taħt proċess kontinwu ta’ salvataġġ ta’ FT li ma huwiex limitat għall-avvenimenti ta’ Diċembru 2002.

177

F’dan il-każ, is-suċċessjoni tal-avvenimenti prinċipali, kif ġew deskritti fil-premessi 36 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, turi b’mod ċar l-intenzjoni tar-Repubblika Franċiża li ssostni lil FT biex twaqqaf kull tnaqqis ulterjuri fil-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu tagħha. F’dan ir-rigward, is-swieq finanzjarji ma staqsewx jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kinux jew le vinkolanti u jekk dawn kinux jesprimu impenn irrevokabbli jew le. Kienet pjuttost l-impressjoni li ħoloq l-Istat Franċiż li dan l-impenn li jsostni lil FT kien sod u vinkolanti li kienet deċiżiva fil-perċezzjoni kemm tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu kif ukoll tas-swieq, fid-dawl taż-żieda fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ FT wara d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kinux jikkostitwixxu għajnuna jew le ma tibqax iktar rilevanti peress li, fil-mument tal-twettiq ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet f’Diċembru 2002, fil-forma tal-offerta ta’ self minn azzjonist, kien ġie stabbilit, minn naħa, li l-impenn issa kien sar irrevokabbli u, min-naħa l-oħra, li dan ma kienx konformi mal-kriterju ta’ investitur privat, meta jiġi kkunsidrat li dan ma kienx qed isir iktar f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

178

Skont il-Kummissjoni, investitur privat ma kienx jagħmel dikjarazzjonijiet bħal dawk li saru mill-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju 2002. Meta titqies is-sitwazzjoni finanzjarja ferm żbilanċjata ta’ FT fl‑2002, minħabba l-fatt li l-pjan ta’ ħlas tad-dejn imħabbar mid-diretturi tagħha f’Marzu 2002 kien ġie ddikjarat li ma huwiex fattibbli, minħabba l-fatt li FT kienet tilfet il-fiduċja tas-swieq, peress li f’dak iż-żmien ebda miżura intiża biex ittejjeb il-ġestjoni u r-riżultati tagħha ma kienet ittieħdet u ma ġie ordnat ebda awditu dettaljat, u minħabba l-fatt li l-Gvern Franċiż, skont dak li ddikjara huwa stess, ma kellux idea ċara tas-soluzzjoni li kellha tiġi adottata sabiex tiġi riżolta l-kriżi ta’ FT, investitur privat avżat kien ikun ħafna iktar kawt fid-dikjarazzjonijiet tiegħu intiżi biex jiżguraw lis-swieq. Il-Kummissjoni tfakkar li, f’dan il-każ, hija kkunsidrat li ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti biex tipprova, b’mod inkontestabbli, li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jikkostitwixxu impenn irrevokabbli ta’ riżorsi tal-Istat u, b’hekk, għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Hija madankollu kellha d-dritt li tivverifika jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ Lulju 2002, investitur privat avżat kienx jieħu l-istess riskju, li kien jikkonsisti, minn naħa waħda, f’riskju ekonomiku marbut mal-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tiegħu fis-suq u, min-naħa l-oħra, f’riskju legali, għaliex dawk id-dikjarazzjonijiet setgħu jitqiesu bħala vinkolanti f’diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Minn dan hija ddeduċiet li, minn Lulju 2002, kien sar impossibbli li l-aġir ta’ investitur pubbliku jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat f’sitwazzjoni normali tas-suq, peress li l-ebda investitur privat ma kien ikun kapaċi jinfluwenza s-suq kif għamlu l-awtoritajiet Franċiżi bid-dikjarazzjonijiet tagħhom minn Lulju 2002. Minħabba dan il-fatt, hija waslet għall-konklużjoni li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat għas-sitwazzjoni tax-xahar biss ta’ Diċembru 2002 kienet distorta, għaliex f’dak il-mument, ma kienx għadu possibbli li jingħata ġudizzju dwar is-sitwazzjoni ta’ FT f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

179

Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni li l-pożizzjoni tagħha twassal biex l-Istati Membri jiġu preklużi milli jaġixxu bħala investituri avżati. B’hekk, hija sempliċement ipparagunat l-aġir tal-Istat Franċiż ma’ dak ta’ operatur privat matul proċess li wassal lil dak l-Istat biex jikkonkretizza s-sostenn tiegħu f’forma ta’ self minn azzjonist, billi din l-offerta tikkostitwixxi biss it-twettiq tad-deċiżjoni tiegħu tal-prinċipju li jsostni lil FT bil-miżuri adegwati mħabbra permezz tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002. Madankollu, it-turija pubblika ta’ dan l-impenn ċar u kategoriku fir-rigward tas-suq wassal għal riskji finanzjarji li investitur privat ma kienx jieħu b’mod daqstant imprudenti, għall-inqas, qabel ma jkun informa ruħu b’mod sħiħ dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ FT. L-awtoritajiet Franċiżi ammettew huma stess, matul il-proċedura amministrattiva, li, fit-12 ta’ Lulju 2002, huma la kienu jafu s-sitwazzjoni eżatta ta’ FT u lanqas x’mezzi effikaċi għandhom jużaw biex jindirizzawha. F’sitwazzjoni bħal din, kull azzjonist avżat kien jevita li jagħmel dikjarazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal impenn min-naħa tiegħu, anki wieħed futur, li jista’ jipperikola s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu fis-swieq.

180

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li ma wettqet ebda żball meta kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist, imħabbra u nnotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, kellhom jiġu analizzati flimkien fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE. Hija tafferma li l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 103 u 104 tas-sentenza mogħtija fl-appell huma ssodisfatti f’dan il-każ u li jirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjoni ta’ fatti li tinsab fil-punti 3 sa 19 ta’ dik is-sentenza li jeżistu rabtiet mill-qrib u li ma jistgħux jiġu sseparati bejn dawk id-dikjarazzjonijiet u dik l-offerta. F’dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-interventi statali inkwistjoni kienu mqarrba fiż-żmien u kienu lkoll jaqgħu taħt strateġija globali ta’ salvataġġ ta’ FT, fit-tieni lok, li l-uniku skop ta’ dawk id-diversi interventi kien li jiġi evitat li FT iġġarrab kriżi gravi ta’ likwidità fl-2003 u, fit-tielet lok, li s-sitwazzjoni ta’ FT ma nbidlitx b’mod sostanzjali bejn Lulju u Diċembru 2002.

181

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT li jallega li hija ma setgħetx tpoġġi ruħha f’Lulju 2002 biex tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat għall-miżuri ta’ Diċembru 2002. Hija tiċħad l-allegazzjoni tagħhom fejn huma jgħidu li hija kkunsidrat biss is-sitwazzjoni f’Lulju 2002, waqt li b’hekk injorat il-miżuri adottati bejn dik id-data u Diċembru 2002. Fil-fehma tagħha, il-miżuri kollha meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi wara Lulju 2002 ittieħdu f’kuntest “ikkontaminat” bid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002. B’hekk, is-sindikat bankarju seta’ jiltaqa’ biss f’Settembru 2002 għaliex il-klassifikazzjoni ta’ FT setgħet tinżamm permezz ta’ dik id-dikjarazzjoni. Hija ttenni li l-offerta ta’ self minn azzjonist tikkostitwixxi s-seħħ tad-deċiżjoni fil-prinċipju, immanifestata pubblikament f’Lulju 2002, li ssostni lil FT. Peress li l-kriterju ta’ investitur privat avżat ġie applikat fid-data ta’ dak is-seħħ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

182

Fir-rigward tat-tielet motiv, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjoni tal-Istat Franċiż li jagħti sostenn lil FT kienet “ċara fil-prinċipju” sa mit-12 ta’ Lulju 2002, għalkemm il-modalitajiet ta’ kif kien ser jingħata dak l-impenn kien għadu ma ġiex speċifikat f’dak iż-żmien. Id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kienet tagħmel parti minn “strateġija ta’ impenn kredibbli tal-Istat li jagħti sostenn lil FT” u kienet ipperċepita b’dak il-mod fis-swieq. Jirriżulta minn analiżi letterali ta’ dik id-dikjarazzjoni u mill-kuntest tagħha li dak l-impenn kien ċar u li, barra minn hekk, ġie mtenni. Dan huwa kkorroborat mill-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi kkuntattjaw direttament lill-atturi prinċipali fis-suq sabiex iservu ta’ intermedjarji mal-investituri. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li hija wriet li dik il-perċezzjoni tas-swieq kienet ikkonfermata mir-reazzjoni tagħhom kif ukoll mill-kummentarji tal-analisti finanzjarji.

183

Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-Istat Franċiż ikklassifika l-aġir tiegħu bħala ta’ persuna avżata ma jqiegħedx inkwistjoni n-natura inkundizzjonali tal-impenn tiegħu. Bl-istess mod, ir-riferiment għall-possibbiltà li FT jkollha problemi finanzjarji ma jistax jiġi interpretat bħala kundizzjoni sospensiva jew riżoluttiva ta’ dak l-impenn. Fil-fatt ma hemm l-ebda element li jagħti l-possibbiltà li jintwera li s-suq kien ipperċepixxa xi kundizzjoni f’dan ir-rigward. Kieku l-Ministru tal-Ekonomija ried jikkundizzjona l-impenn tiegħu għall-ħarsien tad-dritt tal-Unjoni, huwa kien imissu esprima riżerva espliċita li kull intervent ulterjuri kien ser ikollu jiġi nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni u jiġi implementat biss wara li jkun approvat minnha.

184

Fit-tieni lok, b’risposta għall-argumenti ta’ FT, il-Kummissjoni b’mod partikolari targumenta li, fil-punti 4, 6, 10, 15 u 133 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-analiżi tagħha li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kellha impatt ċert fuq is-sitwazzjoni tas-swieq, peress li l-klassifikazzjoni ta’ FT inżammet fil-livell ta’ investiment sigur biss “minħabba l-indikazzjonijiet tal-Istat Franċiż”. Hija tallega li jekk dik id-dikjarazzjoni kellha dak l-impatt, dan kien neċessarjament għaliex is-suq ikkunsidra li hija espremiet impenn kredibbli tal-Istat. Hija tiddikjara wkoll li jirriżulta mill-argument ta’ FT stess li l-Istat Franċiż kien jistenna li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kien ser ikollhom effetti fuq is-suq u li dawk l-effetti kienu kruċjali għall-preżentazzjoni tal-offerta ta’ self minn azzjonist.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Tfakkira tal-ġurisprudenza rilevanti

185

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 87(1) KE, bla ħsara għal kull deroga kkontemplata fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

186

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmijin f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, Ġabra, EU:C:2010:481, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187

Għalhekk, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura tali li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, punt 186 iktar ’il fuq, EU:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jirriżulta mill-ġurisprudenza li għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE biss dawk il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jikkostitwixxu piż addizzjonali għall-Istat. Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem stess ta’ dik id-dispożizzjoni u tar-regoli tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 88 KE li l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħrajn apparti riżorsi tal-Istat ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C-73/91, Ġabra, EU:C:1993:97, punt 19; tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra, EU:C:1998:579, punt 35, u tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra, EU:C:2001:160, punt 58).

189

Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra, EU:C:1994:100, punt 14; tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra, EU:C:1999:251, punt 16, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra, EU:C:2002:294, punt 36).

190

Fir-rigward tal-kundizzjoni li tgħid li l-miżura inkwistjoni għandha tiġi analizzata bħala għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha, għandu jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma tkunx kisbet taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, punt 186 iktar ’il fuq, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

191

B’hekk, huma kkunsidrati b’mod partikolari bħala għajnuna, l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Banco Exterior de España, punt 189 iktar ’il fuq, EU:C:1994:100, punt 13, u tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra, EU:C:2000:467, punt 25).

192

Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, taħt kwalunkwe forma, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, meta l-kundizzjonijiet ta’ dak l-artikolu jkunu ssodisfatti (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra, EU:C:1994:325, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑399/00 u C-328/99, Ġabra, EU:C:2003:252, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193

Madankollu, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u impriżi privati, il-kapitali mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, punt 192 iktar ’il fuq, EU:C:2003:252, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 87 KE, ma humiex issodisfatti jekk l-impriża pubblika benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li sar disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, evalwazzjoni li għall-impriżi pubbliċi ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ investitur privat avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF et., C‑124/10 P, Ġabra, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194

Skont il-ġurisprudenza, hemm lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-rwol tal-Istat Membru azzjonist ta’ impriża, u min-naħa l-oħra, dak tal-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika. L-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat avżat jiddependi, finalment, fuq il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF et, punt 193 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punti 80 u 81).

195

Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ organi li jirregolaw is-settur pubbliku kienx jasal li jagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-istess ammont, fid-dawl b’mod partikolari tal-informazzjoni disponibbli u tal-evoluzzjonijiet prevedibbli meta saru l-imsemmija kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, punt 192 iktar ’il fuq, EU:C:2003:252, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196

Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, għandu jiġi evalwat jekk il-miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat Membru kkonċernat, fejn huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-kwalità ta’ azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs EDF et, punt 193 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 79).

– Tfakkir tar-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

197

Wara li tfakkru dawn il-prinċipji, għandu jiġi deskritt fil-qosor ir-raġunament li segwiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex ikkonkludiet fil-premessa 230 tagħha, li l-kriterju ta’ investitur privat avżat ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ.

198

Il-Kummissjoni titlaq mill-premessa li, bid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, li l-kontenut tagħha ġie kkonfermat u ppreċiżat bid-dikjarazzjonijiet tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ħadu deċiżjoni ta’ prinċipju, sa minn Lulju 2002, li jagħtu sostenn lil FT. L-offerta ta’ self minn azzjonist, li tħabbret u ġiet innotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, tikkostitwixxi biss l-“immaterjalizzar” (jew l-“ikkonkretizzar”) ta’ dik id-deċiżjoni ta’ prinċipju. B’hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hija ma setgħetx tanalizza dik l-offerta mingħajr ma tqis id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, iżda kellha tadotta approċċ globali f’dan ir-rigward (ara, b’mod partikolari, il-premessi 185 sa 187, 202 sa 207, 213, 222 sa 224 u 226 tad-deċiżjoni kkontestata).

199

Sussegwentement, il-Kummissjoni tallega li, meta jitqiesu b’mod partikolari s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li fiha kienet tinsab FT f’Lulju 2002, it-telf ta’ fiduċja tas-swieq f’dak iż-żmien, in-nuqqas ta’ awditu tal-impriża sa Ottubru 2002 kif ukoll in-nuqqas ta’ pjan realistiku għall-ħlas tad-djun sa Diċembru 2002, investitur privat avżat ma kienx ser jagħmel, “sa minn Lulju 2002” (jew “f’Lulju 2002”), dikjarazzjonijiet bħal dawk li saru mill-Istat Franċiż li jistgħu, minn perspettiva ekonomika, jikkompromettu b’mod serju l-kredibbiltà jew ir-reputazzjoni tiegħu u, minn perspettiva legali, jobbligawh sa minn dik l-aħħar data li jagħti sostenn lill-impriża finanzjarjament (ara, b’mod partikolari, il-premessi 206, 210, 217, 221, 228 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

200

Skont il-Kummissjoni, fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu biżżejjed ċari, preċiżi u sodi biex juru b’mod kredibbli l-eżistenza, minn Lulju 2002, ta’ impenn sod tal-Istat Franċiż li jagħti sostenn lil FT. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 ikkawżat żieda “anormali u mhux negliġibbli” tal-valur tal-ishma u tal-bonds ta’ FT kif ukoll permezz tal-kummentarji ta’ ċerti analisti finanzjarji li segwew dik id-dikjarazzjoni, f’dan il-każ dawk inklużi f’rapport ta’ Deutsche Bank tat-22 ta’ Lulju 2002 u fl-istqarrija għall-istampa ta’ S & P tat-12 ta’ Lulju 2002 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni tinvoka wkoll il-fatt li s-sostenn muri mill-Istat Franċiż minn Lulju 2002 kien determinanti għaż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ FT fil-grad ta’ investiment, waqt li huwa mifhum li tnaqqis f’dik il-klassifikazzjoni “kien ser ikollha konsegwenzi ferm negattivi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża” (ara, b’mod partikolari, il-premessi 186, 190, 191, 207 sa 212, 219 sa 222, 225 u 227 tad-deċiżjoni kkontestata).

201

Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 b’hekk “ikkontaminaw” il-perċezzjoni tas-swieq u “influwenzaw” l-aġir tal-atturi ekonomiċi f’Diċembru 2002. Minn dan hija tikkonkludi li l-kundizzjonijiet tas-suq li fihom tħabbret l-offerta ta’ self minn azzjonist f’Diċembru 2002 ma setgħux jitqiesu bħala normali, u hija tal-fehma li sabiex tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika ta’ dik il-miżura, wieħed kellu jibbaża fuq sitwazzjoni tas-suq mhux “ikkontaminata” bl-impatt tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, jiġifieri s-sitwazzjoni qabel din l-aħħar data (ara, b’mod partikolari, il-premessi 186, 190, 191, 207 sa 212, 219 sa 222, 225, 227 u 228 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, huwa improbabbli li investitur privat avżat “[kien] ser jagħti self lil azzjonist billi jieħu waħdu riskju finanzjarju ferm sostanzjali” (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-istess sens, il-Kummissjoni tindika li “f’każ ta’ tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ FT, kien ikun improbabbli li jingħata xi self minn azzjonist jew ta’ mill-inqas dan kien ikun iktar oneruż” (premessi 222 u 225 tad-deċiżjoni kkontestata).

– Fuq il-grad sa fejn il-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat

202

Għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat neċessarjament jippreżupponi li l-miżuri meħuda mill-Istat favur impriża jkunu jagħtu vantaġġ li jirriżulta minn riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs EDF et, punt 193 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 89, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq, EU:T:2003:57, punti 180 u 181).

203

Matul is-seduta tal-21 ta’ April 2009 fil-proċedura preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali, b’risposta għal domanda ta’ din tal-aħħar, il-partijiet kollha barra minn hekk ammettew espressament li l-preżenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minn riżorsi statali kienet tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat. Matul is-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014 f’din il-kawża, wara li ġew mistoqsija mill-ġdid dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża u FT tennew il-pożizzjoni tagħhom, waqt li l-Kummissjoni ppruvat tibdel il-pożizzjoni tagħha, biex b’hekk ressqet argument li jmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 202 iktar ’il fuq.

204

Għandu jingħad ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni segwiet approċċ konformi mal-prinċipju ddikjarat fil-punti 202 u 203 iktar ’il fuq meta, fl-ewwel lok, fil-premessi 194 sa 196, hija ppruvat tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, sussegwentement, fil-premessa 197, hija indikat li kien fil-kompitu tagħha li teżamina jekk dak il-vantaġġ “[kienx jirrispetta] il-prinċipju tal-investitur privat avżat”.

205

F’dan il-każ, jirriżulta mill-evalwazzjonijiet ifformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 127 sa 139 tas-sentenza mogħtija fl-appell kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 256 sa 261 iktar ’il quddiem li kienu l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist, meħuda flimkien, li fid-deċiżjoni kkontestata ġew ikkunsidrati li huma l-miżura statali li tat lil FT vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn riżorsi tal-Istat u li ġiet ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

206

B’hekk, kif isostnu ġustament ir-Repubblika Franċiża u FT, kien għal dawk iż-żewġ miżuri, meħuda flimkien, li l-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat.

207

Għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 198 sa 201 iktar ’il fuq, qabel kollox kien għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 li l-Kummissjoni applikat dak il-kriterju, fid-deċiżjoni kkontestata, biex tikkonkludi li l-offerta ta’ self minn azzjonist, kif imħabbra u nnotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

208

B’hekk, kien biss għaliex, inizjalment, hija kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma kinux konformi mal-imsemmi kriterju li, sussegwentement, u inċidentalment, hija setgħet tallega li dik l-offerta ma saritx f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq u li b’hekk kellha tiġi analizzata fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-seħħ qabel Lulju 2002, sitwazzjoni li fiha dik l-offerta kienet ferm improbabbli.

209

Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata hija kemmxejn konfuża fuq dan il-punt, jirriżulta minnha, kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u matul is-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014 (ara l-punt 225 iktar ’il quddiem), li l-idea difiża minn din tal-aħħar hija li kien għaliex allegatament dawn ma kinux konformi mal-kriterju ta’ investitur privat avżat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kellhom effett ta’ “kontaminazzjoni” fuq is-sitwazzjoni fis-suq.

210

Barra minn hekk, kif jenfasizzaw ġustament ir-Repubblika Franċiża u FT, għalkemm il-Kummissjoni sostniet li ħadet inkunsiderazzjoni id-“dikjarazzjonijiet tal-Gvern [Franċiż] minn Lulju sa Diċembru 2002” (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata) jew “id-dikjarazzjonijiet kollha inkwistjoni” (premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata) għall-finijiet tal-analiżi tagħha tal-kriterju ta’ investitur privat avżat, għandu jiġi kkonstatat li, fir-realtà, hija bbażat ruħha kważi esklużivament f’dan ir-rigward biss fuq id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 (ara, b’mod partikolari, il-premessi 221 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

211

Dik il-konstatazzjoni tan-natura ċentrali tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat, hija kkonfermata minn diversi affermazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet il-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Effettivament, fihom hija semmiet b’mod partikolari li dik id-dikjarazzjoni toħloq riskji li “investitur privat ma kienx ser jieħu f’dik id-data” u li, “sa minn Lulju 2002, kien sar impossibbli li jitqabbel l-aġir ta’ investitur pubbliku ma’ dak ta’ investitur privat f’sitwazzjoni normali tas-suq”, “peress li l-avvenimenti kollha li seħħu wara Lulju [2002], [ġraw] f’kuntest ta’ suq ‘ikkontaminat’ minn [dik id-dikjarazzjoni]” (punti 96 sa 98 u 138 tar-risposta fil-Kawża T‑425/04, punti 69 sa 74 u 82 tal-kontroreplika fil-Kawża T‑425/04, punti 106 sa 109 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża T‑425/04 RENV, punti 85 sa 87 u 164 tar-risposta fil-Kawża T‑444/04, punti 59 sa 64 u 73 tal-kontroreplika fil-Kawża T‑444/04, punti 78 sa 81 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża T‑444/04 RENV).

212

L-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat, essenzjalment, biss għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u, singolarment, għad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, hija barra minn hekk iktar żbaljata peress li, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessi 188, 189, 218 u 219 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma kellhiex elementi suffiċjenti biex tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk dawk id-dikjarazzjonijiet setgħux, fihom infushom, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

213

Ċertament, ma jistax jiġi kkontestat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 taw vantaġġ ekonomiku lil FT.

214

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari, ippermettew li tinżamm il-klassifikazzjoni ta’ FT fil-grad ta’ investiment kif ukoll li terġa’ tiġi akkwistata l-fiduċja tas-swieq finanzjarji, għamlu possibbli, iktar faċli u inqas għali l-aċċess ta’ FT għal krediti ġodda neċessarji biex jiġu ffinanzjati mill-ġdid id-djun tagħha għal żmien qasir li jammontaw għal EUR15-il biljun u, b’mod definittiv, ikkontribwixxew biex tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha li kienet ferm dgħajfa, li bejn Ġunju u Lulju 2002, kienet fil-punt li tiddeterjora b’mod sostanzjali (ara, b’mod partikolari, il-premessi 212, 221, 222 u 225 tad-deċiżjoni kkontestata).

215

Għandu jingħad ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega FT, il-Kummissjoni kienet fondata meta kkunsidrat li l-effetti vantaġġużi li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet ta’ sostenn imtennija sa minn Lulju 2002 baqgħu għaddejjin sa Diċembru 2002. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dikjarazzjoni li saret minn S & P fis-17 ta’ Diċembru 2002, b’reazzjoni għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq) kif ukoll minn dik li saret minn Moody’s fi Frar 2003 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

216

Min-naħa l-oħra, ma ntweriex li l-vantaġġ identifikat fil-punt 214 iktar ’il fuq jirriżulta minn riżorsi tal-Istat. Issa, skont il-ġurisprudenza, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit tal-Istat, saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet li jaqgħu fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, Ġabra, EU:C:2011:551, punt 111).

217

F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat li jirriżulta mill-premessi 188, 189, 218 u 219 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni stess stmat li ma kellhiex elementi suffiċjenti biex tkun tista’ tistabbilixxi b’kod inkontestabbli li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu ta’ tali natura li jimpenjaw riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub li saritilha mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni, waqt li rreferiet għall-premessi ċċitati iktar ’il fuq, ippreċiżat li “ma [kien hemm] ebda dubju li [hija] ma [kinitx] iddeċidiet il-kwistjoni dwar kif dawk id-dikjarazzjonijiet, li setgħu jitqiesu bħala legalment u ekonomikament vinkolanti fir-rigward tad-dritt nazzjonali rilevanti, setgħu minħabba dan il-fatt jiġu kkwalifikati, bħala tali, bħala miżuri ta’ għajnuna li jimpenjaw riżorsi tal-Istat”. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li hija b’hekk riedet tenfasizza l-eżistenza ta’ “riskji reali” li dawk id-dikjarazzjonijiet jistgħu, minn naħa waħda, jiġu pperċepiti bħala legalment vinkolanti u, min-naħa l-oħra, ikollhom konsegwenzi ekonomiċi, iżda li, biex tkun prudenti, hija ma riditx tikkonkludi li kien hemm impenn ta’ riżorsi tal-Istat unikament fuq il-bażi ta’ dawk ir-riskji.

218

Għandu jiġi konkluż minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-kriterju ta’ investitur privat avżat, bi prijorità u b’mod essenzjali, għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u, b’mod singolari, għad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002.

– Fuq il-mument li għalih il-Kummissjoni kellha tmur lura biex tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat

219

Skont il-ġurisprudenza, meta ssir evalwazzjoni ta’ miżura fir-rigward tal-Artikolu 87 KE, għandhom jitqiesu l-elementi rilevanti kollha u l-kuntest tagħhom (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il‑Kummissjoni, T‑156/04, Ġabra, EU:T:2009:505, punt 221). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex wieħed ifittex jekk l-Istat adottax jew le mġiba ta’ investitur avżat f’ekonomija tas-suq, wieħed għandu jmur lura għall-kuntest taż-żmien li fih il-miżuri ta’ sostenn finanzjarju ġew adottati sabiex tiġi evalwata l-loġika ekonomika tal-imġiba tal-Istat (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, EU:C:2002:294, punt 71).

220

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża għandux in-natura ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs paragunabbli kienx ikun inklinat li jipproċedi għal kontribuzzjonijiet kapitali tal-istess daqs, meta titqies b’mod partikolari l-informazzjoni disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fid-data tal-imsemmija kontribuzzjonijiet (ara l-punt 195 iktar ’il fuq).

221

B’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 219 u 220 iktar ’il fuq, il-kriterju ta’ investitur privat avżat b’hekk għandu jiġi applikat mill-Kummissjoni billi tpoġġi ruħha fil-mument meta ġiet adottata l-miżura statali ta’ sostenn finanzjarju li tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

222

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni mhux biss kellha tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat qabel kollox għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 flimkien mal-offerta ta’ self minn azzjonist (ara l-punti 202 sa 218 iktar ’il fuq), iżda barra minn hekk, sabiex twettaq dak l-eżerċizzju, hija kienet obbligata li tpoġġi ruħha fil-kuntest taż-żmien meta kienet ittieħdet dik il-miżura mill-Istat Franċiż, f’dan il-każ f’Diċembru 2002.

223

Minbarra l-fatt li kien biss fit-tieni lok u fuq bażi inċidentali li l-Kummissjoni applikat il-kriterju ta’ investitur privat avżat għal dik il-miżura, biex għamlet dan hija poġġiet ruħha fil-kuntest tas-sitwazzjoni qabel Lulju 2002 (ara, b’mod partikolari, premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata).

224

Il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha mill-fatt li l-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti fix-xahar ta’ Diċembru 2002 kienu ġew “ikkontaminati” jew distorti b’mod anormali bid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u, b’mod partikolari, bid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002.

225

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni ddikjarat li l-argument tagħha dwar l-effett ta’ “kontaminazzjoni” tal-imsemmija dikjarazzjonijiet kellha bħala l-bażi ġuridika tagħha unika l-Artikolu 87 KE u, b’mod iktar partikolari, il-kriterju ta’ investitur privat avżat.

226

Kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 212 sa 217 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kwistjoni jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, li hija ma wrietx li jammontaw għal impenn ta’ riżorsi tal-Istat, setgħux fihom infushom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

227

Ċertament, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 220 iktar ’il fuq, il-paragun tal-aġir tal-Istat ma’ dak ta’ investitur privat għandu jsir billi titqies l-informazzjoni disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fid-data tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni. Dan ifisser li ma jistgħux jitqiesu l-avvenimenti u l-informazzjoni li ġew wara l-għoti tal-għajnuna, iżda l-Kummissjoni ma hijiex ipprojbita milli tqis avvenimenti preċedenti, li jiffurmaw parti mill-kuntest tal-għajnuna inkwistjoni, u tal-effetti tagħhom. B’hekk, sabiex tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat Franċiż, il-Kummissjoni setgħet tqis l-elementi kollha li kienu jikkaratterizzaw dak il-kuntest, li f’dan il-każ ma kienx limitat għall-avvenimenti li seħħew f’Diċembru 2002.

228

Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni kienet totalment awtorizzata li tintegra fl-analiżi tagħha d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala “fatti preċedenti […] oġġettivament rilevanti” (premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “[jippermettu] li jinftiehmu aħjar ir-raġunijiet u l-portata tal-miżuri ta’ Diċembru 2002” (premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata).

229

Madankollu, għalkemm l-“informazzjoni disponibbli” tista’ tkun relatata ma’ avvenimenti u elementi oġġettivi li seħħu fil-passat, bħad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, ma jistax jingħad li dawn l-avvenimenti u elementi preċedenti jikkostitwixxu b’mod determinanti, weħidhom, il-kuntest ta’ referenza rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat. Għall-kuntrarju, meta titqies in-neċessità ta’ analiżi prospettiva fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ avvenimenti u elementi li seħħu fil-passat ma jippermettix li jitwarrab dak ta’ avvenimenti u ta’ elementi oġġettivi iktar reċenti, inkwantu dawn tal-aħħar jistgħu jkunu deċiżivi għal dik l-analiżi prospettiva, jew għaliex jinvalidaw il-fatti preċedenti, jew inkella għaliex jiddeterminaw l-evoluzzjoni futura tas-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarju u tal-pożizzjoni tiegħu fis-suq. B’hekk, l-avvenimenti preċedenti, anki jekk jikkostitwixxu fatti oġġettivi li ddeterminaw, ta’ mill-inqas parzjalment, il-ġenesi tal-avvenimenti l-iktar reċenti, ma jistgħux iġibu fix-xejn is-sinjifikat tal-imsemmija avvenimenti iktar reċenti jekk ikun jidher li dawn tal-aħħar, bħal miżuri ta’ ristrutturar, kellhom effett reali fuq dak l-iżvilupp.

230

F’dan il-każ, il-Kummissjoni marret b’mod ċar kontra dik il-premessa meta hija naqset milli tqis sensiela ta’ elementi rilevanti li effettivament iddeterminaw id-deċiżjoni tal-Istat Franċiż f’Diċembru 2002, jiġifieri, minbarra l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja tas-swieq finanzjarji u ż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ FT, fl-ewwel lok, il-miżuri ta’ ristrutturar u ta’ bbilanċjar mill-ġdid meħuda fi ħdanha, fosthom il-pjan Ambition 2005 fformulat mid-diriġenti l-ġodda tagħha bejn Ottubru u Diċembru 2002, li kien jipprevedi b’mod partikolari l-implementazzjoni ta’ pjan ta’ titjib tal-prestazzjoni operazzjonali tal-impriża, imsejjaħ il-“pjan TOP”. Hija naqset ukoll milli tqis elementi essenzjali oħrajn bħall-impenn mogħti minn sindikat bankarju, f’Settembru 2002, li jikkostitwixxi ruħu bħala garanti, fir-rigward tal-parti ddestinata għall-investituri privati, għall-eżitu b’suċċess ta’ żieda tal-kapital ta’ FT, it-trasferiment ta’ assi mhux strateġiċi minnha, bejn Lulju u Diċembru 2002, li kienu jammontaw għal madwar EUR 2.5 biljun, l-implementazzjoni f’Ottubru 2002 ta’ tim diriġenti ġdid għall-impriża u r-riżoluzzjoni, f’Novembru 2002, ta’ kawża bejn FT u l-operatur Ġermaniż Mobilcom. Barra minn hekk, dawn l-elementi kollha wasslu għal titjib sinjifikattiv tal-perspettivi operazzjonali u tal-prestazzjonijiet ta’ FT matul it-tieni semestru tas-sena 2002, kif uriet ir-Repubblika Franċiża b’mod ferm konvinċenti fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Għandu jingħad ukoll li, fil-premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li ma jkunx xieraq li tibbaża ruħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 biex tikkwantifika l-għajnuna inkwistjoni, inkwantu “l-użu tas-sitwazzjoni tas-suq qabel [dawk] id-dikjarazzjonijiet […], jekk tippermetti li jitqies l-effett fuq is-swieq tad-dikjarazzjonijiet preliminari tal-awtoritajiet Franċiżi, ma jippermettix li jiġu iżolati dawk l-effetti minn effetti possibbli oħrajn tal-avvenimenti bħall-bidla fit-tmexxija ta’ FT jew il-pjan Ambition 2005”.

231

Jirriżulta mill-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata u mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha tal-kriterju ta’ investitur privat avżat, din tal-aħħar realment ma wiżnitx realment dawn id-diversi elementi determinanti. Hija saħansitra rrifjutat apposta li teħodhom inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest, għaliex hija kienet tal-fehma li għandha tagħti prijorità, b’mod retroattiv u fuq il-bażi tal-argument tagħha dwar il-“kontaminazzjoni”, il-fatti li seħħu, b’mod partikolari, matul il-perijodu bejn Ġunju u Lulju 2002.

232

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-approċċ tal-Kummissjoni, li qieset li huwa neċessarju, sabiex jitqies allegat effett ta’ “kontaminazzjoni” li pproduċew id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, li tiġi assimilata s-sitwazzjoni fattwali li fiha l-Istat Franċiż finalment adotta, f’Diċembru 2002, miżuri ta’ sostenn konkreti għas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ FT li kienet teżisti qabel id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, huwa artifiċjali u manifestament żbaljat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx fondata meta sostniet li ma hemmx lok li wieħed jibbaża fuq is-sitwazzjoni tas-suq f’Diċembru 2002, iżda li wieħed għandu jibbaża fuq is-sitwazzjoni ta’ suq mhux “ikkontaminat” mill-imsemmija dikjarazzjonijiet.

233

Finalment, l-argument tal-Kummissjoni li investitur privat avżat ma kienx jagħmel dikjarazzjonijiet tat-tip ifformulati mill-Gvern Franċiż sa minn Lulju 2002 huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li jikkostitwixxi motiv addizzjonali biex jiġi miċħud l-argument ta’ “kontaminazzjoni” invokat minnha.

234

Għandu jitfakkar li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, u fl-ewwel lok id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, “setgħu, minn perspettiva purament ekonomika, jippreġudikaw b’mod serju [l-]kredibbiltà u [r-]reputazzjoni [tal-Istat Franċiż] u, minn perspettiva ġuridika, jobbligawh ukoll minn dik id-data li jagħti sostenn finanzjarju lil [FT] fi kwalunkwe każ” (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, effettivament, dawk id-dikjarazzjonijiet kienu “biżżejjed ċari, preċiżi u sodi biex juru l-eżistenza ta’ impenn kredibbli tal-Istat [Franċiż]” li jagħti sostenn lil FT (premessa 208 tad-deċiżjoni kkontestata). Ta’ mill-inqas, l-atturi fis-suq ipperċepixxew l-eżistenza ta’ tali impenn sod (premessi 206, 213, 220 u 221 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, meta titqies is-sitwazzjoni ta’ kriżi li fiha kienet tinsab FT f’Lulju 2002, investitur privat avżat ma kienx ser jagħmel pubblikament tali dikjarazzjonijiet ta’ sostenn, li jistgħu joħolqu dawk ir-riskji finanzjarji, ta’ mill-inqas qabel ma jkun informa ruħu bis-sħiħ dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dik l-impriża (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

235

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex biżżejjed li dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi jistgħu sempliċement jiġu pperċepiti mis-suq bħala li jiżvelaw impenn sod tagħhom li jikkonkludu li huma jistgħu jiġġeneraw konsegwenzi ekonomiċi jew ġuridiċi preġudizjabbli tat-tip kif invokat mill-Kummissjoni. Tali konklużjoni tippreżupponi li d-dikjarazzjonijiet ikkonċernati jkunu biżżejjed ċari, preċiżi u sodi sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu konkretament tali impenn. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ għajnuna għandu, effettivament, ikun ibbażat fuq konstatazzjonijiet oġġettivi u mhux biss fuq il-perċezzjoni tal-operaturi fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra, EU:T:2008:228, punt 126). B’hekk, ma jistax jitqies bħala konklużiv il-fatt, li barra minn hekk ġie stabbilit (ara l-punt 214 iktar ’il fuq), li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ipproduċew impatt pożittiv fuq il-perċezzjoni tal-operaturi fis-suq li ppermetta b’mod partikolari li tinżamm il-klassifikazzjoni ta’ FT fil-grad ta’ investiment kif ukoll li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tas-swieq finanzjarji.

236

Sussegwentement, jirriżulta minn analiżi tan-natura tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 li dawn ma kinux jikkostitwixxu impenn sod tal-Istat Franċiż li jista’ jiġġenera l-konsegwenzi li jikkawżaw preġudizzju allegati mill-Kummissjoni.

237

B’hekk, fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni saret mill-Ministru tal-Ekonomija, fuq kollox, fil-funzjoni tiegħu ta’ rappreżentant tal-Istat Franċiż fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist b’maġġoranza ta’ FT (“[a]ħna l-azzjonist b’maġġoranza […]”). F’din il-funzjoni, huwa żgura espressament li, ikun xi jkun il-mod tal-intervent tiegħu, l-Istat Franċiż kien qed jipprevedi li jġib ruħu bħala investitur avżat (“[l]-Istat, fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist, se jġib ruħu bħala investitur avżat […]”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma ressqitx elementi li jistgħu juru li din l-intenzjoni li l-intervent futur tal-Istat Franċiż ikun suġġett għall-osservanza tal-kriterju ta’ investitur privat avżat kienet biss dikjarazzjoni u ma kinitx reali u serja fil-mument ta’ dik id-dikjarazzjoni.

238

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kienet vaga u impreċiża fir-rigward tal-miżuri ta’ sostenn possibbli li l-Istat Franċiż seta’ jieħu fi stadju sussegwenti, li kien għadu ma ġiex ippreċiżat (“se jġib ruħu bħala investitur avżat u […] aħna se nieħdu l-passi xierqa”). Fir-rigward tan-natura miftuħa u vaga ta’ dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ma kellhiex raġun tikkonkludi li l-allegat impenn meħud mill-Istat Franċiż kien wieħed ċar, fejn il-“metodi ta’ intervent […], jiġifieri l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni” biss kien għad fadlilhom jiġu speċifikati (premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata), billi tali impenn ċar bilfors jippreżumi l-identifikazzjoni tan-natura u tal-portata ta’ dan l-intervent futur eventwali. Kif jikkonferma r-rapport ta’ Deutsche Bank tat-22 ta’ Lulju 2002, li fuqu bbażat il-Kummissjoni stess fil-premessa 221 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 146 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, is-suq kien għadu ma jistax jiddetermina n-natura u l-portata ta’ dak l-intervent futur tal-Istat Franċiż (“[FT] ibbenefikat mill-fiduċja dejjem ikbar fis-suq [minħabba l-fatt] li l-Gvern [Franċiż] kien ser jagħmel tajjeb b’xi mod jew ieħor għall-kreditu”; dak is-“[sostenn] impliċitu tal-Istat [Franċiż] […] jista’ jieħu l-forma ta’ self, bil-kundizzjonijiet tas-suq, mogħtija mill-banek jew [mill-]Gvern [Franċiż]”). Barra minn hekk, hekk kif tissostanzja n-natura futura, kundizzjonali u impreċiża ta’ dak l-intervent, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 tiċħad espressament l-ipoteżi ta’ żieda tal-kapital ta’ FT, waqt li l-Istat Franċiż segwa preċiżament dik l-għażla f’Diċembru 2002 (“Ċertament le! Sempliċement nafferma li ser nieħdu l-miżuri adegwati meta jkun f’waqtu. Jekk dan ikun meħtieġ [...]”).

239

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata fid-dawl tal-kuntest fattwali li fih saret id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002. Kif donnu li l-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess (ara l-punt 179 iktar ’il fuq), f’dan l-istadju, fin-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti dwar id-dimensjoni eżatta tad-diffikultajiet finanzjarji li kellha FT, dwar ir-reazzjoni futura tas-swieq finanzjarji kkawżata minn din id-dikjarazzjoni u dwar l-evoluzzjoni li kien hemm wara r-ristrutturazzjoni prevista ta’ FT, l-Istat Franċiż kien għadu ma jistax jirrikonoxxi u jiddetermina, bi preċiżjoni suffiċjenti, in-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ miżura ta’ sostenn eventwali favur dik l-impriża. Anzi, mill-atti kollha tal-awtoritajiet Franċiżi li twettqu fit-12 ta’ Lulju 2002, inkluż il-fatt li huma kkuntattjaw direttament lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu, jirriżulta li dawn l-awtoritajiet kellhom l-għan li mill-iktar fis possibbli jserrħu moħħ is-swieq finanzjarji dwar sostenn potenzjali u futur tal-Istat Franċiż għall-benefiċċju ta’ FT għall-uniku għan li l-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu tagħha ma jitnaqqasx iktar u l-aċċess tagħha għal self ġdid fis-suq tal-bonds ma jingħalaqx iktar, mingħajr ma dan is-sostenn eventwali jitwettaq tabilħaqq f’dan il-mument preċiż. Fil-fatt, it-twettiq bikri wisq tal-miżuri ta’ sostenn eventwali seta’ jwassal għar-riskju li jiġu ristretti żżejjed l-għażliet ta’ finanzjament mill-ġdid għad-dejn ta’ FT li tfaċċaw sussegwentement filwaqt li tinħoloq in-neċessità li dawn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 88(3) KE, KE. Barra minn hekk, minħabba n-natura mgħaġġla tiegħu, tali approċċ seta’ jnaqqas il-fiduċja tal-kredituri u tal-investituri fl-affidabbiltà tal-azzjoni tal-Istat Franċiż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li ġie spjegat fil-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-Istat Franċiż ikkuntattja lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ma setax jiftiehem bħala element li jsostni n-natura soda tal-allegat impenn li ħa l-Istat Franċiż, imma biss bħala l-ewwel pass intiż biex inaqqas il-pressjoni li kien hemm f’Lulju 2002 fuq il-pożizzjoni ta’ FT fis-swieq finanzjarji.

240

Għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni fil-premessa 210 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li, fil-mument tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, FT diġà kienet qiegħda tiffaċċja diffikultajiet serji ta’ finanzjament mill-ġdid ma jbiddel xejn min-natura miftuħa u vaga ta’ dik id-dikjarazzjoni fit-totalità tagħha, u lanqas mis-sinjifikat tagħha fir-rigward tal-kuntest fattwali li fih saret. B’hekk, anki jekk f’dan l-istadju wieħed jippreżumi li kien hemm l-imsemmija diffikultajiet, il-fatt li din id-dikjarazzjoni ma kinitx tirrifletti korrettament is-sitwazzjoni kritika tad-dejn għal żmien qasir ta’ FT f’dak iż-żmien mhux deċiżiv (“jekk [FT] kellu jkollha xi diffikultajiet” ; “jekk [FT] kellha xi problemi ta’ finanzjament, li ma huwiex il-każ illum, l-Istat [Franċiż] se jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex dawn ikunu megħluba”).

241

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni letterali tagħha tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ma tistax issostni b’mod validu li “[e]bda element ma jippermetti li jintwera li s-suq kien ipperċepixxa xi kundizzjoni” (premessa 210 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li dik il-perċezzjoni suġġettiva ta’ ċerti operaturi fis-suq ma kinitx determinanti biex tiġi kkwalifikata n-natura ta’ dik id-dikjarazzjoni (ara l-punt 235 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, għall-kuntrarju, f’dan l-istadju, id-Deutsche Bank ma setax jantiċipa n-natura u l-portata tal-intervent futur eventwali tal-Istat Franċiż għall-benefiċċju ta’ FT (ara l-punt 238 iktar ’il fuq).

242

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2002, għandu jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni hija wkoll orjentata lejn il-ġejjieni, hija kundizzjonali u impreċiża fir-rigward tal-miżuri eventwali previsti mill-Istat Franċiż għal żmien twil (“[l]-Istat [Franċiż] se jagħti s-sostenn tiegħu lil [FT] fl-implementazzjoni [tal]-pjan [ta’ rkupru tal-kontijiet] u min-naħa tiegħu se jagħti kontribuzzjoni għal tisħiħ ferm sostanzjali tal-fondi ta’ [FT], skont skeda u modalitajiet li għandhom jiġu ddeterminati skont il-kundizzjonijiet tas-suq”), fejn l-unika ċertezza tinsab fl-affermazzjoni ta’ kontribuzzjoni futura “għat-tisħiħ ferm sostanzjali tal-fondi” ta’ FT u fil-fatt li dan se jsir skont “il-kundizzjonijiet tas-suq”. Barra minn hekk, l-istess bħad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, id-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2002 ma tippreċiżax in-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet tal-intervent futur tal-Istat Franċiż favur FT u tissuġġetta l-miżuri ta’ sostenn intermedji eventwali għall-kriterju tan-neċessità (“[f]il-frattemp, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, il-miżuri kollha biex jevita li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament”).

243

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-2 ta’ Ottubru 2002, għandu jkun ikkonstatat li din ma hijiex inqas vaga u ma tagħmel l-ebda preċiżjoni apprezzabbli meta pparagunata mal-kontenut tad-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2002 (“[l]-Istat [Franċiż] se jagħti l-għajnuna tiegħu għall-implementazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rkupru u se jagħti kontribuzzjoni, min-naħa tiegħu, sabiex jissaħħu l-fondi ta’ [FT] skont modalitajiet li għandhom jiġu deċiżi […] [F]il-frattemp, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, il-miżuri biex jevita li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament”). Fil-fatt, b’din id-dikjarazzjoni l-Istat Franċiż kulma jagħmel huwa li jantiċipa vagament għajnuna futura u potenzjali min-naħa tiegħu sabiex jissaħħu l-fondi ta’ FT, li n-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet tal-għotja tagħha għadhom ma ġewx iddeterminati. Fl-istess ħin, l-istess bħad-dikjarazzjonijiet preċedenti, għajnuna intermedja eventwali tal-Istat Franċiż, li l-karatteristiċi tagħha lanqas ma huma espliċiti, hija suġġetta għan-neċessità li jkunu solvuti l-problemi ta’ finanzjament potenzjali ta’ FT.

244

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, għall-kuntrarju ta’ dak li tgħid il-Kummissjoni, minħabba n-natura miftuħa, impreċiża u kundizzjonali tagħhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ intervent statali eventwali favur FT, u meta jitqies il-kuntest fattwali li fih saru, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu impenn konkret u sod tal-Istat Franċiż li jagħti sostenn speċifiku favur FT.

245

B’hekk, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma setgħux ħolqu xi obbligu legali għall-Istat Franċiż, b’mod partikolari li jagħti sostenn lil FT finanzjarjament sa mit-12 ta’ Lulju 2002.

246

Għall-istess raġunijiet, ma jistax jitqies li, indipendentement minn kwalunkwe obbligu legali, dawk id-dikjarazzjonijiet ħolqu aspettattiva reali mill-perspettiva tas-suq u li, kieku l-Istat Franċiż ma onorax il-wegħda tiegħu, dan kien joħloq għalih, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju jew ġestjonarju ta’ impriżi, ta’ attur ekonomiku prinċipali u ta’ mutwatarju importanti fis-swieq finanzjarji, ċerti spejjeż ekonomiċi minħabba t-telf tal-kredibbiltà u tar-reputazzjoni tiegħu f’dawk is-swieq (premessi 217 u 221 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-ewwel lok, sempliċi aspettattiva tas-suq ma tistax, bħala tali, toħloq xi obbligu legali ta’ aġir f’sens mixtieq (ara l-punt 235 iktar ’il fuq). Sussegwentement, il-Kummissjoni ma wrietx li n-nuqqas ta’ ħarsien ta’ wegħda eventwali ta’ sostenn mill-Istat Franċiż favur impriża tista’ tipperikola l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tiegħu fis-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 238 iktar ’il fuq u fil-punt 247 iktar ’il quddiem, l-aġir tal-awtoritajiet Franċiżi wara minn Lulju 2002 kien intiż preċiżament biex jiġu evitati l-konsegwenzi li jikkawżaw preġudizzju allegati mill-Kummissjoni, waqt li jitħalla xi dubju dwar in-natura, dwar il-portata u dwar il-kundizzjonijiet preċiżi tal-intervent tagħha fil-futur. Finalment, u fi kwalunkwe każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda Bouygues et vs Il-Kummissjoni et , (C‑399/10 P u C‑401/10 P, Ġabra, EU:C:2012:392, punt 64), għandu jitfakkar li l-Kummissjoni finalment irrinunzjat li tieħu pożizzjoni definittiva dwar il-kwistjoni jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 setgħux jikkawżaw telf ta’ kredibbiltà tal-Istat fis-swieq finanzjarji li joħloq, għal din tal-aħħar, riskju finanzjarju fil-forma ta’ żieda tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet futuri tiegħu.

247

Ċertament, permezz tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u billi uża b’dan il-mod ir-reputazzjoni tiegħu bħala debitur/kreditur solventi u affidabbli fis-swieq finanzjarji, l-Istat Franċiż volontarjament ried jinfluwixxi r-reazzjoni ta’ dawk is-swieq, jistabbilixxi mill-ġdid il-fiduċja tagħhom, u b’mod partikolari jipprova jikseb iż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ FT bil-għan li jitħejja finanzjament mill-ġdid sod u inqas għali ta’ dik l-impriża fi stadju ulterjuri. Madankollu, kif tirrileva ġustament FT fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha tal-31 ta’ Mejju 2013, l-Istat Franċiż ma għamel xejn iktar għajr li ħaddem ir-regoli partikolari tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji sabiex jistabbilizza l-pożizzjoni ekonomika ta’ FT għal żmien qasir, u dan eżattament sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet imprenditorjali u finanzjarji indispensabbli sabiex jittieħdu miżuri ta’ sostenn iktar konkreti fil-kuntest ta’ interventi sussegwenti. B’dan il-mod, l-Istat Franċiż adotta preċiżament l-attitudni prudenti u diliġenti ta’ investitur privat li joqgħod attent li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa jkunu ssodisfatti qabel ma jagħti impenn irrevokabbli ta’ sostenn jew ta’ investiment. F’dan il-kuntest, l-allegazzjoni ftit li xejn issostanzjata tal-Kummissjoni li tgħid li ebda investitur privat ma kien ikun f’pożizzjoni li jinfluwenza s-suq kif għamel l-Istat Franċiż permezz tad-dikjarazzjonijiet tiegħu minn Lulju 2002 ma tistax tiġi aċċettata. Effettivament, ma jistax jiġi eskluż a priori li investitur privat, jekk ikun il-każ ta’ dimensjoni internazzjonali u ta’ piż ekonomiku kunsiderevoli, isegwi l-istess strateġija u jikseb l-istess riżultat fis-swieq finanzjarji.

248

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li kien b’mod manifestament żbaljat fid-dritt u fil-liġi li l-Kummissjoni bbażat fuq is-sitwazzjoni minn Lulju 2002 biex tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat.

– Fuq il-kwistjoni jekk l-offerta ta’ self minn azzjonist, imħabbra u nnotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, kinitx tikkostitwixxi l-immaterjalizzar tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002

249

Il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika l-applikazzjoni manifestament żbaljata li hija b’hekk għamlet tal-kriterju ta’ investitur privat avżat permezz tal-argument tagħha, li essenzjalment jinsab fil-premessi 185, 187 u 226 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-offerta ta’ self minn azzjonist, imħabbra u nnotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, sempliċement tikkostitwixxi l-immaterjalizzar tad-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Istat Franċiż u, b’mod iktar preċiż, ta’ deċiżjoni fil-prinċipju li jagħti sostenn finanzjarjament lil FT li ttieħdet mit-12 ta’ Lulju 2002.

250

Permezz ta’ dak l-argument, il-Kummissjoni essenzjalment tikkunsidra li hija kellha bażi biex tevalwa fit-totalità tagħhom id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist sabiex tasal għall-konklużjoni li l-aġir tal-Istat Franċiż ma kienx josserva l-kriterju ta’ investitur privat avżat.

251

Ċertament, l-offerta ta’ self minn azzjonist, li ġiet imħabbra u nnotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, taqa’ taħt il-loġika u fl-istrateġija tal-Istat Franċiż sa minn Lulju 2002, li kellha l-objettiv u l-konsegwenza li terġa’ tikseb il-fiduċja tas-swieq sabiex tkun tista’ tiffinanzja mill-ġdid, taħt kundizzjonijiet iktar favorevoli, id-dejn ta’ FT għal żmien qasir (ara l-punt 247 iktar ’il fuq).

252

Madankollu, ma jirriżultax li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 diġà kienu jinkludu fihom infushom l-antiċipazzjoni ta’ sostenn finanzjarju speċifiku bħal dak li finalment ġie kkonkretizzat f’Diċembru 2002.

253

Mill-kunsiderazzjonijiet tal-punti 233 sa 244 iktar ’il fuq, jirriżulta li b’differenza mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, li ppubblika l-offerta ta’ ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun favur FT, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu ta’ natura miftuħa, impreċiża u kundizzjonali fir-rigward tan-natura, tal-portata u tal-kundizzjonijiet ta’ intervent futur eventwali tal-Istat Franċiż. B’hekk ma jistax jitqies li l-Istat Franċiż kien ippreveda tali sostenn finanzjarju konkret minn Lulju 2002. Fir-realtà, minħabba din in-natura sostanzjalment differenti tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, id-deċiżjoni tal-Istat Franċiż f’Diċembru 2002 li jħabbar u li jipproponi offerta ta’ self minn azzjonist kienet tikkostitwixxi interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti li wasslu għall-finanzjament mill-ġdid ta’ FT.

254

Dan l-argument tal-Kummissjoni huwa għaldaqstant inqas plawżibbli peress li l-Istat Franċiż kellu qabelxejn jistenna u jivverifika jekk, wara d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-effett antiċipat tagħhom, jiġifieri l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja tas-swieq finanzjarja u ż-żamma tal-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT, kif ukoll wara l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ bbilanċjar mill-ġdid meħuda fi ħdan FT, il-kundizzjonijiet ekonomiċi għal tali intervent tal-Istat kinux tabilħaqq issodisfatti. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 239 iktar ’il fuq, fl-istadju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, fin-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari, dwar ir-reazzjoni tas-swieq u dwar is-suċċess tal-miżuri meħuda, l-Istat Franċiż kien għadu ma setax ikun jaf u jiddetermina, b’mod suffiċjenti, in-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ miżura ta’ sostenn eventwali favur FT, inkluża żieda eventwali tal-kapital li l-Ministru tal-Ekonomija kien anki ċaħad b’mod espliċitu f’Lulju 2002. Kien biss fix-xahar ta’ Diċembru 2002 li l-Istat Franċiż manifestament ikkunsidra l-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ tali għajnuna finanzjarja bħala li ġew issodisfatti, li jikkonferma li kien hemm interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti f’dak l-istadju.

– Fuq il-kwistjoni jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, flimkien mal-offerta ta’ self minn azzjonist, kinux jikkostitwixxu, flimkien, “intervent wieħed”

255

Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha tas-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni tafferma li, fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx il-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, flimkien mal-offerta ta’ self minn azzjonist, setgħux jitqiesu flimkien bħala “intervent wieħed” fis-sens tal-punti 103 sa 105 tal-imsemmija sentenza. Hija tafferma li l-kriterji msemmija fil-punti 103 u 104 tas-sentenza mogħtija fl-appell madankollu jistgħu jiġu trasposti perfettament għal dan il-każ, b’mod li dawk id-diversi interventi konsekuttivi għandhom jitqiesu li huma marbuta ma’ xulxin b’mod inseparabbli.

256

Fil-punti 127 sa 131 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-kriterji ddikjarati fil-punti 103 u 104 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni kienet fondata meta kkunsidrat l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist bħala li jikkostitwixxu, flimkien, intervent statali uniku, inkwantu dawk iż-żewġ interventi jippreżentaw rabtiet tant mill-qrib bejniethom li kien impossibbli li jiġu diżassoċjati minn xulxin. Minn dan jirriżulta wkoll li kien dak l-intervent uniku li ġie identifikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala l-miżura ta’ għajnuna illegali inkwistjoni.

257

Għandu jiġi kkonstatat li, kif enfasizzaw ir-Repubblika Franċiża u FT matul is-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq il-premessa li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 huma inklużi wkoll fil-perimetru tal-imsemmi intervent uniku, bħala elementi kostituttivi tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

258

Fid-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 huma, ċertament, analizzati konġuntament mal-intervent statali uniku kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat, f’dan il-każ l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 flimkien mal-offerta ta’ self minn azzjonist, iżda unikament bħala elementi ta’ “kuntest” tal-imsemmi intervent. Dan huwa kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija fl-appell, fejn hija indikat li “mill-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għan ta’ dan jirrigwarda s-self minn azzjonist li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni u li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 huma kkunsidrati biss sa fejn huma oġġettivament rilevanti għall-evalwazzjoni tal-imsemmi self” (sentenza mogħtija fl-appell, punt 73), li, “[b]’hekk, il-Kummissjoni eżaminat l-imsemmija dikjarazzjonijiet biss sa fejn huma jiffurmaw il-kuntest ta’ din l-aħħar imsemmija miżura” u li “mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din illimitat ruħha li tikklassifika s-self minn azzjonist bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u li hija ssemmi d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 biss bħala li jiffurmaw il-kuntest tal-għajnuna kkonstatata” (sentenza mogħtija fl-appell, punt 75).

259

L-argument imqajjem mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk huwa skorrett (ara l-punti 249 sa 254 iktar ’il fuq), li jgħid li l-offerta ta’ self minn azzjonist tikkostitwixxi l-immaterjalizzar ta’ deċiżjoni fil-prinċipju, meħuda sa mit-12 ta’ Lulju 2002, li ssostni lil FT ma tmurx daqstant ’il bogħod daqs dik li tgħid li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 huma, bl-istess mod bħall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u bħall-offerta ta’ self minn azzjonist, elementi li jikkostitwixxu intervent uniku kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat.

260

Barra minn hekk, fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha tas-17 ta’ Lulju 2013 u fir-risposti għad-domandi bil-miktub li sarulha mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża, il-Kummissjoni, waqt li affermat li l-kriterji ffissati fil-punti 103 u 104 tas-sentenza mogħtija fl-appell huma ssodisfatti wkoll fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, ma kkonkludietx li dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala elementi kostituttivi tal-miżura kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata. Dak li l-Kummissjoni tiddeduċi mill-fatt li dawk id-dikjarazzjonijiet u l-offerta ta’ self minn azzjonist huma, fil-fehma tagħha, marbuta b’mod inseparabbli, huwa li hija kienet fondata li tikkunsidra li dawk l-interventi kollha jaqgħu taħt l-istess proċess kontinwu ta’ sostenn għal FT mill-Istat Franċiż, li tadotta “approċċ globali” f’dan il-każ (ara l-punt 176 iktar ’il fuq) u b’hekk li tanalizza flimkien dawn id-diversi interventi fir-rigward tal-Artikolu 87(1) KE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsisti dwar il-fatt li hija ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 biss bħala li jiffurmaw il-kuntest tal-għajnuna kkonstatata. Bl-istess mod, matul is-seduta tal-24 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni argumentat li, permezz tal-punti 102 sa 104 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ivvalidat l-approċċ globali tal-proċessi li hija kienet irrakkomandat sa mill-bidu. Hija indikat ukoll li ma kinitx f’pożizzjoni li tippreċiża jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, flimkien mal-offerta ta’ self minn azzjonist, kellhomx jitqiesu li jikkostitwixxu, flimkien, “intervent wieħed” fis-sens tas-sentenza mogħtija fl-appell u jekk tali konstatazzjoni kinitx tfisser li dawk l-interventi konsekuttivi kollha huma l-unika u l-istess għajnuna mill-Istat, biex b’hekk tħalli lill-Qorti Ġenerali l-kompitu li tiddeċiedi dwar dawk il-kwistjonijiet.

261

Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma tidderivax mill-affermazzjonijiet tagħha bbażati fuq il-punti 103 u 104 tas-sentenza mogħtija fl-appell argumenti oħrajn għajr dawk li hija sostniet matul il-proċeduri preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja u li diġà ġew miċħuda bħala żbaljati jew ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-punti 202 sa 254 iktar ’il fuq.

262

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li hemm lok li jintlaqgħu t-tieni u t-tielet motivi mqajma mir-Repubblika Franċiża u minn FT, inkwantu huma intiżi biex jiġu kkonstatati żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat u, b’hekk, applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġu annullat.

263

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv tar-Repubblika Franċiża, li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni.

3. Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

264

Għandu jitfakkar li r-Repubblika Franċiża u FT iridu li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata totalment, jiġifieri inkluż l-Artikolu 2 tagħha, minkejja li ma qajmu ebda argument speċifiku insostenn ta’ dan l-aħħar aspett tar-rikorsi tagħhom.

265

Fil-punti 141 u 142 tas-sentenza mogħtija fl-appell, fir-rigward ta’ dak l-Artikolu 2, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tirreferi biss għat-talba li jinkiseb l-annullament tiegħu ppreżentata mill-kumpanniji Bouygues u b’hekk tipprevedi r-rinviju ta’ dik it-talba biss quddiem il-Qorti Ġenerali.

266

Fid-dawl tal-portata tas-suġġett tar-rikorsi tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT, imfakkra fil-punt 264 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza mogħtija fl-appell, li juża l-kelma “talbiet” fil-plural, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hija tibqa’ adita wkoll bit-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentati minn dawk il-partijiet.

267

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, meta jitqies l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tat-tieni u t-tielet motivi mqajma mir-Repubblika Franċiża u FT, it-talbiet tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, li jikkonstata li ma huwiex meħtieġ li tiġi rkuprata l-għajnuna msemmija f-Artikolu 1, tilfu l-iskop tagħhom.

268

Effettivament, l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipproduċi effett erga omnes, li jista’ jagħtiha l-awtorità assoluta ta’ res judicata [sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C-471/03 P, Ġabra, EU:C:2006:356, punt 43, u tal-4 ta’ Marzu 2009, Tirrenia di Navigazione et vs Il-Kummissjoni, T‑265/04, T‑292/04 u T‑504/04, EU:T:2009:48, punt 159].

269

Dan l-annullament għandu bħala konsegwenza t-tneħħija b’effett ex tunc tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni inkluża fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna inkluża fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni titlef l-għan tagħha ukoll b’effett ex tunc.

270

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal annullament tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT kontra l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-ispejjeż

271

Fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’din il-kawża, għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż kollha relatati mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

272

Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

273

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li ntlaqgħu t-talbiet tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT inkwantu dawn jirrigwardaw l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u dan fuq il-bażi tat-tieni u t-tielet motivi li huma invokaw. Min-naħa l-oħra, l-ewwel motiv tagħhom ma ntlaqax. Barra minn hekk, ġie deċiż li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet tagħhom għal annullament indirizzati kontra l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tmienja minn għaxra tal-ispejjeż esposti mir-Repubblika Franċiża u minn FT. Ir-Repubblika Franċiża u FT għandhom ibatu, kull waħda minnhom, tnejn minn għaxra tal-ispejjeż tagħhom stess.

274

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li intervjeniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/621/KE tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza favur France Télécom, huwa annullat.

 

2)

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/621.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tmienja minn għaxra tal-ispejjeż esposti mir-Repubblika Franċiża u minn Orange, li qabel kienet France Télécom.

 

4)

Ir-Repubblika Franċiża u Orange, li qabel kienet France Télécom, għandhom ibatu, kull waħda minnhom, tnejn minn għaxra tal-ispejjeż tagħhom stess.

 

5)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Frimodt Nielsen

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Collins

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Lulju 2015.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

1. Kuntest ġenerali tal-kawża

 

2. Proċedura amministrattiva

 

3. Id-deċiżjoni kkontestata

 

Proċeduri preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

 

1. Proċedura preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali

 

2. Proċedura preċedenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

 

Id-dritt

 

1. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża T‑444/04 RENV

 

2. Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq l-ewwel motiv, li jallega ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża

 

Fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq it-tieni u t-tielet motivi, li jallegaw żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

– Tfakkira tal-ġurisprudenza rilevanti

 

– Tfakkir tar-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

 

– Fuq il-grad sa fejn il-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat

 

– Fuq il-mument li għalih il-Kummissjoni kellha tmur lura biex tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat

 

– Fuq il-kwistjoni jekk l-offerta ta’ self minn azzjonist, imħabbra u nnotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2002, kinitx tikkostitwixxi l-immaterjalizzar tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002

 

– Fuq il-kwistjoni jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, flimkien mal-offerta ta’ self minn azzjonist, kinux jikkostitwixxu, flimkien, “intervent wieħed”

 

3. Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.