SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

30 ta’ Jannar 2008

Kawża T-394/04

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2003 – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità – Rifjut ta’ promozzjoni”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-proċedura ta’ promozzjoni li saret fir-rigward tar-rikorrent għas-sena 2003, ta’ l-attribuzzjoni tal-punti magħmula fil-kuntest ta’ din il-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni sussegwenti li r-rikorrent ma jiġix promoss.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni dwar l-attribuzzjoni tan-numru ta’ punti ta’ prijorità lil Guido Strack għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003 kif ukoll dik li ma jiġix promoss matul din il-proċedura huma annullati. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju tas-sentenza

1.      Uffiċjali – Appell – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni li tiffissa l-punti ta’ promozzjoni mogħtija lill-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 45)

1.      L-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors huma biss dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ tali natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu u li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni ta’ l-istituzzjoni.

Fil-kuntest tas-sistema l-ġdida ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni, li hi bbażata fuq il-kunsiderazzjoni tal-merti akkumulati, irrappreżentati mill-punti akkumulati sena wara sena, l-attribuzzjoni ta’ punti matul sena partikolari għandha effetti li mhumiex limitati u ċirkuskritti biss għall-proċedura ta’ promozzjoni li tkun qed issir, imma jistgħu jinfluwenzaw diversi proċeduri ta’ promozzjoni. Konsegwentement, l-iffissar tan-numru ta’ punti fir-rigward ta’ promozzjoni huwa att awtonomu li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ tali natura li jaffettwaw l-interessi ta’ l-uffiċjal, billi jibdlu, b’mod sostanzjali, is-sitwazzjoni legali tiegħu, anki jekk huwa biss wieħed mill-istadji tal-proċedura ta’ promozzjoni.

Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ promozzjoni li ssir fir-rigward ta’ l-uffiċjal ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju skond l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li din il-proċedura, bħala tali, ma tipproduċi l-ebda effett legali li jista’ jaffettwa direttament l-interessi tiegħu.

(ara l-punti 26, 29 u 30)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 28 ta’ Settembru 1993, Yorck von Wartenburg vs Il-Parlament, T‑57/92 u T‑75/93, Ġabra p. II‑925, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 89

2.      L-annullament tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera ta’ uffiċjal għal sena partikolari jimplika l-annullament ta’ l-attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu relatati ma’ dik il-proċedura, għaliex il-marka li kull uffiċjal jirċievi fil-kuntest tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tiegħu, fi tmiem il-proċedura ta’ evalwazzjoni, hija awtomatikament mibdula f’punti ta’ mertu li jintużaw għall-finijiet tal-promozzjoni. Dan l-annullament mhuwiex mingħajr konsegwenzi fuq l-attribuzzjoni tal-punti ta’ prijorità kif ukoll fuq id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ promozzjoni relatati mal-proċedura ta’ evalwazzjoni li jmiss, partikolarment meta l-Awtorità tal-Ħatra tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha dwar l-attribuzzjoni ta’ numru eżatt ta’ punti ta’ prijorità lil uffiċjal permezz tan-numru ta’ punti ta’ mertu li dan l-uffiċjal ikun kiseb matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni korrispondenti.

(ara l-punti 37 sa 39)