Kawżi magħquda T-355/04 u T-446/04

Co-Frutta Soc. coop.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti li jikkonċernaw is-suq Komunitarju ta’ importazzjoni tal-banana — Rifjut impliċitu segwit minn rifjut espliċitu ta’ aċċess — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi — Osservanza tat-termini — Ftehim minn qabel tal-Istat Membru — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Jannar 2010   II ‐ 8

Sommarju tas-sentenza

  1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti preparatorji – Esklużjoni

    (Artikolu 230 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937, Anness, Artikoli 3 u 4)

  2. Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita mill-Kummissjoni dwar talba għal aċċess għad-dokumenti

    (Artikolu 230 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 6 sa 8; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937, Anness, Artikoli 2 sa 4)

  3. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Artikolu 253 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(1) u (2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937)

  4. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Artikolu 10 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3), 7 u 8; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937)

  5. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3) u (5))

  6. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

    (Artikolu 253 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

  7. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2),(3) u (6))

  8. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u (7))

  1.  Huma biss il-miżuri li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti, ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE. B’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’fażijiet differenti, bħala prinċipju, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fi tmiem il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Minn dan jirriżulta li miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

    F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-proċedura ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni, jirriżulta b’mod ċar mill-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 3 u 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937, li temenda r-regoli ta’ proċedura, kif ukoll mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali ma hi xejn ħlief teħid ta’ pożizzjoni inizjali, li tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jitlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jeżamina mill-ġdid il-pożizzjoni inkwistjoni. B’hekk, hija biss il-miżura adottata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li għandha n-natura ta’ deċiżjoni u li tissostitwixxi kompletament it-teħid ta’ pożizzjoni preċedenti, li tista’ tipproduċi effetti legali ta’ natura li jista’ jkollhom inċidenza fuq l-interessi tal-applikant u, minħabba f’hekk, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE.

    (ara l-punti 32, 33, 35, 36)

  2.  L-interess ġuridiku għandu jissussisti sad-deċiżjoni finali taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, liema ħaġa tissupponi li r-rikors jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jikseb vantaġġ lill-parti li tkun ressqitu. Jekk l-interess ġuridiku tal-parti rikorrenti jintemm matul il-proċedura, deċiżjoni fuq il-mertu tal-Qorti Komunitarja ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għaliha.

    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni, irregolata mill-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll mill-Artikoli 2 sa 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937, li timmodifika r-regoli interni tal-Kummissjoni, f’każ ta’ rikors kontra deċiżjoni impliċita segwita minn deċiżjoni espliċita, ir-rikorrenti ma jkollhiex iżjed interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni impliċita, minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita, li hija titlob l-annullament tagħha. Fil-fatt, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita, il-Kummissjoni, effettivament, ipproċediet sabiex tirtira d-deċiżjoni impliċita mogħtija preċedentement. F’dan il-każ, l-eżami tar-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ma jista’ jiġi ġġustifikat la mill-għan li jiġi evitat li tirriproduċi ruħha l-illegalità allegata, u lanqas mill-għan li jiġi ffaċilitat eventwali rikors għad-danni, peress li dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu permezz tar-rikors kontra d-deċiżjoni espliċita.

    (ara l-punti 34, 43-46)

  3.  It-terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol li jista’ jiġi estiż, u li fih l-istituzzjoni għandha twieġeb l-applikazzjoni konfermatorja, previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa imperattiv. Madankollu, l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma għandhiex bħala effett li ċċaħħad lill-istituzzjoni mis-setgħa li tadotta deċiżjoni. Fil-fatt, l-ebda prinċipju ġuridiku ma jtellef lill-amministrazzjoni mill-kompetenza tagħha li twieġeb applikazzjoni, anki barra mit-termini mogħtija f’dan ir-rigward. Il-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ġie stabbilit bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li l-amministrazzjoni tagħżel li ma tweġibx applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti u taħrab minn kull stħarriġ ġudizzjarju, u mhux sabiex kull deċiżjoni tardiva ssir illegali. Bil-kontra, l-amministrazzjoni, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tipprovdi tweġiba motivata għal kull applikazzjoni li ssir minn persuna amministrata minnha, anki jekk din it-tweġiba tingħata tardivament. Tali soluzzjoni hija konformi mal-funzjoni tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tikkonsisti f’li tippermetti lill-persuni amministrati li jikkontestaw in-nuqqas ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni bil-għan li jiksbu tweġiba motivata mingħandha. Din l-interpretazzjoni ma għandhiex effett fuq l-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni amministrati mfittex mill-Artikolu 253 KE, u ma tippermettix li l-Kummissjoni tinjora t-termini imperattivi stabbiliti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mid-Deċiżjoni 2001/937, li temenda r-regoli ta’ proċedura.

    (ara l-punti 56, 59, 60)

  4.  L-istituzzjoni saritilha applikazzjoni ta’ aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u dan tal-aħħar għandhom, meta din l-applikazzjoni tkun ġiet innotifikata mill-istituzzjoni lill-imsemmi Stat Membru, jibdew mingħajr dewmien djalogu leali dwar l-applikazzjoni eventwali tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, billi jibqgħu attenti b’mod partikolari għall-ħtieġa li l-istituzzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni fit-termini previsti fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament, li jobbligawha tiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni ta’ aċċess. Madankollu, id-dekorriment tat-termini previsti minn dan l-Artikolu 8 ma jagħtix awtomatikament lok għall-annullament tad-deċiżjoni adottata barra mit-termini. Fil-fatt, l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba s-sempliċi fatt li ddekorra t-terminu previst mir-Regolament Nru 1049/2001 u mid-Deċiżjoni 2001/937, li temenda r-regoli ta’ proċedura, ikollu biss l-effett li terġa’ tinbeda l-proċedura amministrattiva ta’ aċċess għad-dokumenti. F’kull każ, il-kumpens għal eventwali preġudizzju dovut minħabba risposta tardiva min-naħa tal-Kummissjoni jista’ jintalab permezz ta’ rikors għad-danni.

    (ara l-punti 70, 71)

  5.  Il-leġiżlatur Komunitarju, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, abolixxa r-regola tal-awtur li kienet prevalenti sa dak iż-żmien. F’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament, li jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tiegħu, fis-sens li jagħti lill-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u mingħajr kundizzjonijiet, li jippermettilu jikkontesta, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument fil-pussess ta’ istituzzjoni Komunitarja, minħabba s-sempliċi fatt li l-imsemmi dokument joriġina minn dan l-Istat Membru, ma hijiex kompatibbli mal-għanijiet tal-istess-Regolament.

    Fil-fatt, l-istituzzjoni ma tistax tilqa’ l-kontestazzjoni ċara espressa minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk l-imsemmija kontestazzjoni tkun nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk din il-motivazzjoni ma tkunx spjegata b’referenza għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha tagħti aċċess għad-dokument mitlub, jekk min-naħa tagħha hija tqis li ma tapplika ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet. B’mod kuntrarju, meta l-kontestazzjoni espressa minn Stat Membru wieħed jew iktar għall-iżvelar ta’ dokument ma tkunx konformi ma’ din il-ħtieġa ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tqis, b’mod awtonomu, li waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tapplika għad-dokumenti suġġetti għall-applikazzjoni ta’ aċċess.

    (ara l-punti 80-82)

  6.  Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni, u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-partijiet interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata kif ukoll li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il-ħtiġijiet tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat.

    Fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-aċċess għal dokumenti, meta l-istituzzjoni inkwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f’kull każ, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li jkun qiegħed jintalab l-aċċess għalihom ikunu effettivament jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Madankollu, jista’ jkun impossibbli li jingħataw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ kull dokument, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan tal-aħħar, u, għaldaqstant, mingħajr ma l-eċċezzjoni tiċċaħħad mill-finalità essenzjali tagħha.

    (ara l-punti 99-101)

  7.  L-eċċezzjonijiet tal-aċċess għal dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li tikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l-iktar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet.

    Barra minn hekk, l-eżami mitlub għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti għandu jkun konkret. Fil-fatt, is-sempliċi ċirkustanza li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Bħala prinċipju, tali applikazzjoni tista’ tkun ġustifikata biss fil-każ fejn l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument b’mod konkret u effettivament kienx jippreġudika l-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jekk kienx jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Eżami konkret u individwali ta’ kull dokument huwa wkoll neċessarju meta, anki fl-ipoteżi fejn huwa ċar li applikazzjoni għal aċċess tirrigwarda dokumenti koperti minn eċċezzjoni, huwa biss tali eżami li jista’ jippermetti lill-istituzzjoni li tevalwa l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali lill-applikant, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Evalwazzjoni ta’ dokumenti mfassla skont kategoriji pjuttost milli skont l-elementi ta’ informazzjoni konkreti li jinsabu f’dawn id-dokumenti ma hijiex sodisfaċenti. L-eżami meħtieġ min-naħa ta’ istituzzjoni għandu għaldaqstant jippermettilha li tevalwa b’mod konkret jekk eċċezzjoni invokata tapplikax realment għall-informazzjoni kollha li tinsab f’dawn id-dokumenti.

    Fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi eżaminat jekk l-iżvelar tad-dokumenti kienx b’mod konkret u effettivament jippreġudika l-interess protett, bħala prinċipju, huwa mixtieq li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura. Madankollu, hija għandha l-obbligu li tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għal dokument partikolari li jkun intalab l-iżvelar tiegħu.

    (ara l-punti 122-124, 130)

  8.  Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

    Dokumenti dwar l-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-banana, bħal listi li jikkonċernaw l-indikazzjoni, għal kull operatur, tal-kwantità ta’ banana importata matul il-perijodu determinat u tal-kwantità ta’ referenza provviżorja attribwita lil kull operatur, jinkludu informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-kumpanniji li jimportaw il-banana u mal-attivitajiet kummerċjali tagħhom, u b’hekk għandhom jitqiesu li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    Fil-fatt, anki fi ħdan organizzazzjoni komuni tas-suq, l-iżvelar tal-kwantitajiet ta’ referenza provviżorji u tal-użu reali tagħhom jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, peress li din id-data tippermetti li jiġu evalwati kemm il-volum massimu teoriku kif ukoll il-volum reali tal-attività tal-operaturi u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom, kif ukoll is-suċċess tal-istrateġiji kummerċjali tagħhom.

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li d-dokumenti li l-iżvelar tagħhom jippreġudika interessi kummerċjali jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali, peress li l-aċċess għalihom jista’ jiġi pprojbit għal perijodu ta’ iktar minn tletin sena. Madankollu, tali protezzjoni għandha, f’kull każ, tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. Issa, il-kontenut tad-dokumenti li jirreferu għas-suġġett innifsu tal-attività kummerċjali ta’ importazzjoni, peress li dawn jindikaw is-sehem fis-suq, l-istrateġija kummerċjali u l-politika ta’ bejgħ ta’ dawn l-impriżi inkwistjoni, jiġġustifika tali terminu ta’ protezzjoni speċjali.

    (ara l-punti 126-128, 132, 136, 137)