SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)
19 ta' Ottubru 2006 (*)
"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali BUD – Applikazzjoni għal trade marks Komunitarji figurattivi American Bud u Anheuser Busch Bud – Trade marks nazzjonali verbali u figurattivi preċedenti li jinkludu l-kelma 'bit' – Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94"
Fil-kawżi magħquda T‑350/04 sa T‑352/04,
Bitburger Brauerei Th. Simon GmbH, stabbilita f'Bitburg (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Huth-Dierig, Avukat,
rikorrenti
vs
l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,
konvenut
il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija
Anheuser-Busch, Inc., stabbilita f'Saint Louis, Missouri (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Renck, V. von Bomhard, A. Pohlmann, D. Ohlgart u B. Goebel, Avukati,
li għandha bħala suġġett tliet rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-22 ta' Ġunju 2004, mogħtija fil-kawżi R 447/2002-2, R 451/2002-2 u R 453/2002-2, dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Bitburger Brauerei Th. Simon GmbH u Anheuser-Busch, Inc.,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,
Reġistratur: K. Andová, Amministratur,
wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Awwissu 2004,
wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-9 ta' Frar 2005,
wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Frar 2005,
wara li rat id-digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Ottubru 2005 li għaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza,
wara s-seduta tas-17 ta' Jannar 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
I – Applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji ppreżentati minn Anheuser-Busch
1 Anheuser-Busch, Inc. ippreżentat tliet applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji (iktar 'il quddiem it-"trade marks mitluba") quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat:
– applikazzjoni għal trade mark verbali BUD, ippreżentata fl-1 ta' April 1996 għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Nizza", u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "Birra, ale (birra ċara), porter (birra kannella skura), xarbiet alkoħoliċi magħmula mix-xgħir u xarbiet mhux alkoħoliċi";
– applikazzjoni għal trade mark figurattiva (iktar 'il quddiem l-"ewwel trade mark figurativa mitluba"):
– applikazzjoni għal trade mark figurattiva (iktar 'il quddiem it-"tieni trade mark figurattiva mitluba"):
2 Dawn l-aħħar żewġ applikazzjonijiet għal trade marks ġew ippreżentati fis-16 ta' Ottubru 1996 għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 25 u 32 tal-Ftehim ta' Nizza u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
– klassi 16: Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali (inklużi fil-klassi 16); materjal stampat; materjal għall-legatura tal-kotba; kartoleriji; adeżivi (sustanzi li jwaħħlu) għall-użu ta' kartolerija jew tad-dar; materjal istruttiv jew għat-tagħlim (ħlief apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (inklużi fil-klassi 16); karti tal-logħob";
– klassi 25: "Ħwejjeġ, żraben u kpiepel";
– klassi 32 "Bira, ale, porter, xarbiet alkoħoliċi magħmula mix-xgħir u xarbiet mhux alkoħoliċi";
3 L-applikazzjonijiet għall-ewwel u t-tieni trade marks figurattivi ġew ippubblikati fit-23 ta' Marzu 1998 fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 20/98 u Nru 21/98.
4 L-applikazzjoni għat-trade mark verbali ġiet ippubblikata fis-7 ta' Diċembru 1998 fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 93/98.
II – Oppożizzjonijiet immresqa minn Bitburger Brauerei kontra l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji
5 Fl-10 ta' Ġunju 1998, Bitburger Brauerei Th. Simon GmbH (iktar 'il quddiem "Bitburger Brauerei") ressqet żewġ oppożizzjonijiet (Nri 48 274 u 49 173), skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni ta' l-ewwel u t-tieni trade marks figurattivi u dan fir-rigward tal-prodotti kollha speċifikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
6 Fit-3 ta' Marzu 1999, Bitburger Braueri ressqet oppożizzjoni (Nru 138 281), skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali mitluba BUD, u dan fir-rigward tal-prodotti kollha speċifikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
7 Fl-ewwel lok, dawn it-tliet oppożizzjonijiet kienu bbażati fuq l-eżistenza tat-trade marks preċedenti segwenti:
– it-trade mark verbali nazzjonali BIT, irreġistrata fil-Ġermanja fis-17 ta' Settembru 1996 (Nru 39 615 324) għal "birer; ilma minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet abbażi tal-frott u l-meraq tal-frott; xropp u preparazzjonijiet oħra biex minnhom isiru x-xarbiet" li jaqgħu taħt il-klassi 32;
– it-trade mark verbali u figurattiva Bit, irreġistrata fil-Ġermanja fit-12 ta' Diċembru 1938 (Nru 505 921), għal "birra" li taqa' taħt il-klassi 32, riprodotta hawn taħt:
– it-trade mark verbali u figurattiva Bitte ein Bit !, irreġistrata fil-Ġermanja fil-5 ta' Lulju 1957 (Nru 704 211), għall-prodotti segwenti: "birer u xarbiet mhux alkoħoliċi" li jaqgħu taħt il-klassi 32, riprodotta hawn taħt:
– it-trade mark verbali u figurattiva Bitte ein Bit !, irreġistrata fil-Ġermanja fit-3 ta' Novembru 1987 (Nru 1 113 784), għal diversi prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 18, 20, 21, 24, 25, 28, 32, 34, u 42, riprodotta hawn taħt:
8 It-tliet oppożizzjonijiet kienu bbażati fuq il-prodotti kollha koperti mit-trade marks Nru 505 912, Nru 39 615 324 (BIT) u Nru 704 211 (Bitte ein Bit !).
9 L-oppożizzjoni (Nru 138 281) kontra t-trade mark verbali mitluba BUD kienet ukoll ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi segwenti koperti mit-trade mark verbali u figurattiva Nru 1 113 784 (Bitte ein Bit !) u inklużi f'diversi klassijiet: birra u xarbiet mhux alkoħoliċi, servizzi ta' forniment ta' ikel (catering), b'mod partikolari l-provvista ta' xarbiet fil-postijiet ta' forniment ta' ikel ta' kull xorta; il-kiri ta' installazzjonijiet ta' ħwienet tax-xorb, bars ambulanti, għamara għall-ġonna u għall-festi. Iż-żewġ oppożizzjonijiet (Nru 48 274 u Nru 49 173) kontra ż-żewġ trade marks figurattivi mitluba kienu wkoll ibbażati fuq il-prodotti segwenti koperti mit-trade mark verbali u figurattiva Nru 1 113 784 (Bitte ein Bit !) u inklużi f'diversi klassijiet: birra u xarbiet mhux alkoħoliċi; opuskuli, coasters għal taħt it-tazzi tal-birra, manifesti pubbliċitarji, posters, pinen, fradal tal-wejters, t-shirts, ingravajjet, xugamani, sweat-shirts u wind-breakers.
10 It-tieni nett, u f'dak li jirigwarda speċifikament it-trade marks figurattivi mitluba, Bitburger Braueri invokat, minbarra t-trade marks imsemmija fil-punt 7 iktar 'il fuq, it-trade mark BIT "partikolarment magħrufa" fil-Ġermanja għall-prodotti segwenti: "birra u xarbiet mhux alkoħoliċi; opuskuli, coasters għal taħt it-tazzi tal-birra, manifesti pubbliċitarji, posters, pinen, fradal ta' min iservi l-birra, t-shirts, ingravajjet, xugamani, sweat-shirts u wind-breakers".
11 It-tielet nett, u f'dak li jirrigwarda speċifikament it-trade mark verbali mitluba BUD, Bitburger Brauerei invokat, minbarra t-trade marks msemmija fil-punt 7 iktar 'il fuq, l-applikazzjonijiet għat-trade marks Komunitarji segwenti:
– applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva ppreżentata fl-1 ta' April 1996 (Nru 121 608) għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 tal-Ftehim ta' Nizza u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "birra, xarbiet li jixbħu l-birra, ales, porters (kif ukoll dawn il-prodotti mingħajr alkoħol, bi ftit alkoħol jew b'livell ta' alkoħol imnaqqas); xarbiet mhux alkoħoliċi, xroppi tal-frott u preparazzjonijiet oħra sabiex minnhom isiru xarbiet mingħajr alkoħol u oħrajn alkoħoliċi; meraq tal-frott, ilma minerali", riprodotta hawn taħt:
– applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva ppreżentata fl-1 ta' April 1996 (Nru 139 634) għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 tal-Ftehim ta' Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "birra, xarbiet li jixbħu l-birra, ales, porters (kif ukoll dawn il-prodotti mingħajr alkoħol, bi ftit alkoħol jew b'livell ta' alkoħol imnaqqas); xarbiet mhux alkoħoliċi, xroppi tal-frott u preparazzjonijiet oħra sabiex minnhom isiru xarbiet mingħajr alkoħol u oħrajn alkoħoliċi; meraq tal-frott, ilma minerali", riprodotta hawn taħt:
12 Sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha, Bitburger Brauerei invokat ir-raġunijiet relattivi għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.
III – Deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni
13 Permezz ta' tliet deċiżjonijiet mogħtija fis-27 ta' Marzu 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjonijiet ippreżentati minn Bitburger Brauerei.
14 F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni l-ewwel nett ikkunsidrat li peress li l-applikazzjonijiet għat-trade marks figurattivi Komunitarji Nri 121 608 u 139 634 ġew ippreżentati fl-istess ġurnata li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għat-trade mark verbali mitluba BUD (l-1 ta' April 1996), ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala drittijiet preċedenti fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
15 It-tieni nett, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkunsidrat li ma ngħatatx prova ta' l-użu tat-trade mark verbali u figurattiva Ġermaniża Nru 505 912 (BIT), fil-forma rreġistrata, u li l-prova ta' l-użu tat-trade marks verbali u figurattivi Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !) kienet ingħatat biss għall-"birra" u għall-"birra mhux alkoħolika" (għal dawn iż-żewġ trade marks) u għall-"coasters ta' taħt it-tazzi tal-birra, t-shirts, ġgieget, tazzi tal-birra, fettieħa tal-fliexken, pinen u fradal tal-wejters" (għat-trade mark Nru 1 113 784).
16 Fid-dawl ta' dawn l-elementi, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ddeċidiet li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks mitluba, minn naħa, u t-trade marks Ġermaniżi verbali Nru 39 615 324 (BIT) u verbali u figurattivi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !), min-naħa l-oħra.
17 F'dan ir-rigward, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni essenzjalment qieset li, minkejja l-karattru distintiv miksub mit-trade mark verbali Nru 39 615 324 (BIT) fis-suq Ġermaniż u minkejja l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni (għall-klassi 32), id-differenzi ta' natura viżiva, fonetika u kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni kienu biżżejjed sabiex tkun eskluża kull probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għalhekk iddeċidiet li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni, fil-Ġermanja, bejn it-trade mark verbali Ġermaniża Nru 39 615 324 (BIT) u t-trade marks li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni. Skond id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, hija kienet tasal għall-istess konklużjoni anke li kieku kellha tikkunsidra trade mark BIT "partikolarment magħrufa" fil-Ġermanja, invokata minn Bitburger Brauerei fil-kuntest ta' l-oppożizzjonijiet tagħha kontra ż-żewġ trade marks figurattivi mitluba.
18 F'dak li jirrigwarda t-trade marks verbali u figurattivi Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !), id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkonstatat li dawn kien fihom elementi addizzjonali meta mqabbla mat-trade mark verbali Ġermaniża Nru 39 615 324 (BIT) u li, konsegwentement, huma kienu f'kull rispett differenti mit-trade marks mitluba. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għalhekk ikkonkludiet li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni, fil-Ġermanja, bejn it-trade marks verbali u figurattivi Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !) u t-trade marks mitluba.
19 F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, Bitburger Brauerei sostniet, fil-kuntest tat-trade mark verbali mitluba BUD, li t-trade marks verbali u figurattivi Nru 505 912 (BIT), Nru 704 211 u Nru 1 113 784 (Bitte ein Bit !), it-trade mark verbali Nru 39 615 324 (BIT) kif ukoll l-applikazzjoni għal trade mark figurattiva Komunitarja Nru 121 608 kienu trade marks magħrufa u għalhekk kienu jiġġustifikaw l-oppożizzjoni. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, min-naħa tagħha, ikkunsidrat li ma kinitx ingħatat il-prova ta' l-użu tat-trade mark verbali u figurattiva Ġermaniża Nru 505 912 (BIT) u li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma setax jiġi invokat. Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 121 608, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni qieset li, peress li ġiet ippreżentata fl-istess ġurnata bħall-applikazzjoni għat-trade mark verbali mitluba BUD (l-1 ta' April 1996), din ma kinitx dritt preċedenti fis-sens ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, moqri fid-dawl ta' l-Artikolu 8(2)(a)(i) ta' dan l-istess Regolament. Fl-aħħar nett, peress li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jippreżupponi li t-trade marks in kwistjoni jkunu identiċi jew simili, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ddeċidiet li, skond din id-dispożizzjoni, it-trade mark verbali Ġermaniża Nru 39 615 324 (BIT) u t-trade marks verbali u figurattivi Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte en Bit !) ma setgħux jiġġustifikaw l-oppożizzjoni.
20 Minbarra dan, fil-kuntest tat-trade marks figurattivi mitluba, Bitburger Brauerei invokat it-trade mark BIT li hija partikolarment magħrufa fil-Ġermanja. Peress li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jippreżupponi li t-trade marks in kwistjoni jkunu identiċi jew simili, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ddeċidiet li, skond din id-dispożizzjoni, is-sinjal BIT ma setax jiġġustifika l-oppożizzjoni.
IV – Deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell
21 Fl-24 ta' Mejju 2002, Bitburger Brauerei ppreżentat rikors kontra kull waħda mit-tliet deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.
22 Bitburger Brauerei talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati safejn l-oppożizzjoni kienet ġiet miċħuda f'dak li jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32.
23 Permezz ta' tliet deċiżjonijiet mogħtija fit-22 ta' Ġunju 2004 (kawża R 453/2002-2 għall-applikazzjoni għal trade mark verbali BUD, kawża R 447/2002-2 għall-applikazzjoni għall-ewwel trade mark figurattiva u kawża R 451/2002-2 għall-applikazzjoni għat-tieni trade mark figurattiva) li ġew innotifikati lil Bitburger Brauerei fid-29 ta' Ġunju 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjonijiet ikkontestati"), it-Tieni Bord ta' l-Appell tal-UASI ċaħad ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.
24 F'dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, iż-żewġ applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji invokati minn Bitburger Brauerei kontra t-trade mark verbali mitluba BUD, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li dawn ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala "trade marks preċedenti" fis-sens ta' l-Artikolu 8 (1) u (2) tar-Regolament 40/94 u, għaldaqstant, ikunu l-bażi tar-raġunijiet ta' oppożizzjoni previsti fl-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, fit-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord ta' l-Appell iddeċieda, kuntrarjament għad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li t-trade mark verbali u figurattiva Ġermaniża Nru 505 912 (BIT) kienet ġiet użata b'mod li jista' jħares id-drittijiet marbutin ma' dan l-użu.
25 F'dak li jirrigwarda l-probabbiltà ta' konfużjoni, il-Bord ta' l-Appell iddeċieda li ma kinitx teżisti tali probabbiltà fil-Ġermanja bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), u dan minkejja ċertu karattru distintiv miksub mit-trade marks Ġermaniżi preċedenti u l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti in kwistjoni li jaqgħu taħt il-klassi 23. L-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell tistrieħ b'mod partikolari fuq id-differenzi viżivi u fonetiċi osservati bejn is-sinjali, kif ukoll fuq in-nuqqas ta' xebh kunċettwali.
26 Skond il-Bord ta' l-Appell, l-istess konklużjoni timponi ruħha – saħansitra b'mod iktar konvinċenti – f'dak li jirrigwarda l-paragun bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !), li huma komposti min diversi kliem.
27 F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell iddeċieda, fit-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, li d-differenza bejn is-sinjali kienet tali li ma setgħetx tqum il-kwistjoni ta' sfruttament tal-karattru distintiv jew tal-valur tat-trade marks preċedenti jew tal-ħsara li tista' ssirilhom. Minbarra dan, ir-rikorrenti ma spejegatx b'liema mod seta' jkun hemm tali sfruttament jew tali ħsara.
Proċedura u talbiet tal-partijiet
28 Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jirrispondu ċerti mistoqsijiet u jippreżentaw ċerti dokumenti. Dawn ta' l-aħħar għamlu dan fit-terminu preskritt.
29 It-trattazzjoni orali u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali magħmula nstemgħu fis-seduta tas-17 ta' Jannar 2006.
30 Bitburger Brauerei titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:
– tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;
– tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.
31 L-UASI u l-Anheuser-Busch jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:
– tiċħad ir-rikorsi;
– tordna lill-Bitburger Brauerei tbati l-ispejjeż.
Fid-dritt
I – Fuq ir-referenza għal ċerti atti ta' proċedura quddiem l-UASI
32 Anheuser-Busch, lejn it-tmiem tar-risposta tagħha, tirreferi b'mod ġenerali għall-argumenti, fatti u provi kollha ppreżentati quddiem l-UASI fl-atti tagħha tat-30 ta' Marzu 1999, tat-2 ta' Frar 2000, tat-18 ta' Lulju 2000, tat-18 ta' Novembru 2002 u tad-19 ta' Awwissu 2003.
33 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, applikabbli fir-rigward ta' proprjetà intellettwali skond l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 132(1) ta' dawn l-istess Regoli, ir-rikors promotorju għandu jkollu espożizzjoni sommarja tar-raġunijiet invokati. Skond ġurisprudenza stabbilità sew, jekk is-suġġett tar-rikors jista' jiġi elaborat u kompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta' referenzi għal estratti ta' dokumenti li huma annessi magħhom, riferiment globali għal dokumenti oħra m'għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta' argumenti essenzjali fid-dritt, li, skond id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar 'il fuq, għandhom jidhru fir-rikors stess [sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza ta' l-14 ta' Settembru 2004 Applied Molecular Evolution vs l-UASI (APPLIED MOLECULAR EVOLUTION), T-183/03, Ġabra p. II-3113, punt 11].
34 Din il-ġurisprudenza tista' tiġi trasposta għar-risposta tal-parti l-oħra fi proċedura ta' oppożizzjoni quddiem il-Bord ta' l-Appell, li tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-Artikolu 46 tar-Regoli ta' Proċedura, applikabbli fir-rigward ta' proprjetà intellettwali skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 135(1) ta' dawn l-istess Regoli [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, AVEX vs l-UASI – Ahlers (a), T-115/02, Ġabra p. II-2907, punt 11].
35 Minn dan isegwi li r-risposti ta' Anheuser-Busch, inkwantu dawn jirreferu għall-atti ppreżentati quddiem l-UASI, huma inammissibbli safejn ir-referenza globali li fihom mhijiex relatata mal-motivi u ma' l-argumenti żviluppati fir-risposta.
II – Fuq ir-referenza għal ċerti deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI
36 F'diversi partijiet ta' l-atti tagħhom, Bitburger Brauerei u Anheuser-Busch jirreferu għall-prassi deċiżjonali tal-Bordijiet ta' l-Appell tal-UASI.
37 F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI huma mitluba jieħdu, skond ir-Regolament Nru 40/94, dwar ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta' kompetenza limitata u mhux ta' setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il-legalità ta' l-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti għal dan (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C‑37/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u tat-12 ta' Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werkr vs L-UASI, C-173/04 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).
38 Għalhekk, ir-referenzi magħmula minn Bitburger Brauerei u minn Anheuser-Busch huma irrilevanti.
III – Fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati
39 Ir-rikorsi ppreżentati minn Bitburger Brauerei fil-kawżi magħquda T-350/04 sa T-352/04 huma bbażati fuq żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.
A – Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94
40 L-ewwel motiv invokat minn Bitburger Brauerei jinqasam f'żewġ partijiet.
41 Fl-ewwel parti, Bitburger Brauerei ssostni li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta ddeċieda li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT).
42 Fit-tieni parti Bitburger Brauerei ssostni li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta ddeċieda li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 704 211 u 1 113 784 (bitte ein Bit !)
1. Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT).
a) L-argumenti ta' Bitburger Brauerei
Fuq il-pubbliku rilevanti
43 Filwaqt li tfakkar il-ġurisprudenza dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni, Bitburger Brauerei tippreċiża li t-trade marks preċedenti huma rreġistrati fil-Ġermanja u li l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta' konsum ta' kuljum. Għalhekk, Bitburger Brauerei ssostni li l-pubbliku kkonċernat huwa magħmul mill-konsumatur medju Ġermaniż, li huwa meqjus bħala normalment infurmat u raġjonevolment attent u avżat. F'dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet ikkontestati li tgħid li l-konsumatur medju tal-birra ġeneralment jaf it-trade marks tal-birra li jogħġbuh u huwa kapaċi jagħmel distinzjoni bejn id-diversi trade marks, Bitburger Brauerei tosserva li, jekk il-Bord ta' l-Appell, permezz ta' dan, xtaq jindika li kellu jiġi kkunsidrat li kien hemm livell ta' attenzjoni ogħla fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni, dan ir-raġunament huwa żbaljat. B'mod partikolari, dan imur kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks vs L-UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY) (T-99/01, Ġabra p. II-43, punt 37), fejn kien ġie deċiż li għall-prodotti "birra" u "xarbiet mhux alkoħoliċi" li jaqgħu taħt il-klassi 32, il-konsumaturi Ġermaniżi m'għandhomx livell ta' attenzjoni partikolarment għoli.
Fuq il-karattru distintiv tat-trade mark BIT
44 Bitburger Brauerei tenfasizza l-karattru distintiv għoli tat-trade mark BIT. F'dan ir-rigward, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I-5507), Bitburger Brauerei tindika li l-karattru distintiv ta' trade mark jirriżulta mill-kwalitajiet intrinsiċi tagħha jew tal-fama tagħha fis-suq. F'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell l-ewwel nett ikkunsidra li l-kelma "bit" għandha karattru distintiv normali. Ikkunsidrat l-użu wiesa' tat-trade marks li ġie ppruvat minn Bitburger Brauerei, dan il-karattru distintiv ġie msaħħaħ permezz tal-fama akkwistata fit-territorju Ġermaniż. Skond Bitburger Brauerei, il-Bord ta' l-Appel ġustament iddeċieda li t-trade marks Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT) kellhom karattru distintiv addizzjonali. Madankollu, l-kwalifika magħmula mill-Bord ta' l-Appell li qies li kien hemm "ċertu" karattru distintiv addizzjonali mhijiex korretta. L-użu mingħajr interruzzjoni għal għexieren ta' snin tat-trade mark BIT u l-livell għoli ta' pubbliċità, ippruvati mid-dokumenti korrispondenti, kellhom bħala riżultat li, diġà f'Lulju ta' l-1996, BIT kien kunċett magħruf minn 83.3 % tal-konsumaturi tal-birra Ġermaniżi, skond sondaġġ ġeneriku, u minn 94.8 %, skond sondaġġ speċifiku. Minn dan jirriżulta li BIT hija trade mark magħrufa ħafna li għalhekk għandha karattru distitntiv addizzjonali.
Fuq il-paragun tas-sinjali
45 Bitburger Brauerei tikkonċentra ruħha fuq il-paragun fonetiku tas-sinjali in kwistjoni u tikkontesta, qabel kollox, il-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord ta' l-Appell fil-kawżi T-351/04 u T-352/04 li t-trade marks figurattivi miltuba ma setgħux jiġu fonetikament ridotti għall-kelma "bud" biss.
46 F'dan ir-rigward, Bitburger Brauerei ssostni li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta ddeċieda li l-konsumatur medju rilevanti jsejjaħ it-trade marks figurattivi mitluba American Bud jew Anheuser-Busch Bud.
47 L-ewwel nett, Bitburger Brauerei tindika li l-evalwazzjoni ta' probabbiltà ta' konfużjoni, fil-każ ta' trade marks kumplessi, ma tfissirx li jrid jittieħed biss in kunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra, iżda li bil-kontra ta' dan, tali paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, fejn kull waħda tiġi kkunsidrata kollha kemm hi. Madankollu, dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed mill-komponenti tagħha [digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' April 2004 Matratzen Concord vs L-UASI, C-3/03 P, Ġabra p. I-3657, punt 32, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Gabra p. II-4335, punti 33 u 34]. F'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta' wieħed jew diversi mill-komponenti speċifiċi ta' trade mark kumplessa, għandhom, b'mod partikolari, jiġu kkunsidrati l-kwalitajiet intrinsiċi ta' kull waħda minn dawn il-komponeneti billi jiġu mqabbla ma' dawk tal-komponenti l-oħra (sentenza MATRATZEN, iċċitata iktar 'il fuq punt 35).
48 Barra minn hekk, Bitburger Brauerei ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tippermetti li jiġi kkunsidrat li, fil-każ ta' l-użu flimkien taż-żewġ kelmiet, ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni ma' trade mark preċedenti li tkun magħmula minn kelma waħda biss meta waħda mill-kliem li jikkomponu l-kliem użat flimkien u t-trade mark verbali preċedenti huma identiċi jew simili. Sabiex issostni din id-dikjarazzjoni, hija tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Novembru 2003, Oriental Kitchen vs L-UASI – Mou Dybfrost (KIAP MOU) (T-286/02, Ġabra p. II-4953, punt 39).
49 F'dan il-każ, Bitburger Brauerei ssostni li l-element dominanti tat-trade marks figurattivi mitluba huwa l-kelma "bud". B'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-ewwel trade mark figurattiva mitluba, li tinkludi l-kliem "american" u "bud", Bitburger Brauerei tenfasizza li l-kelma "american" hija biss indikazzjoni ta' l-oriġini ġeografika u hija għalhekk deskrittiva. Għalhekk hija l-kelma "bud" li x'aktarx tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat. F'dak li jirrigwarda t-tieni trade mark figurattiva mitluba, li tinkludi l-kliem "anheuser-busch" u "bud", Bitburger Brauerei tindika li l-kelma "bud", minħabba l-pożizzjoni ċentrali tagħha u minħabba l-fatt li (fuq ix-xellug u fuq il-lemin) hija mdawra minn żewġ vleġeġ, din tiġi enfasizzata fuq livell grafiku. Barra minn dan il-kelma "bud" tippreżenta ruħha lill-konsumatur bħala l-iktar waħda sempliċi biex tingħad u biex tiġi memorizzata.
50 Billi titlaq mill-konklużjoni li l-element verbali "bud" huwa l-element dominanti tat-trade marks figurattivi mitluba (kawżi T-351/04 u T-352/04) u, barra minn hekk, safejn it-trade mark verbali mitluba BUD (kawża T-350/04) hija magħmula biss mill-kelma "bud", Bitburger Brauerei tressaq argumenti identiċi fit-tliet kawżi u tikkontesta l-konklużjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati li mhemmx, f'dan il-każ, probabbiltà ta' konfużjoni mat-trade marks preċedenti BIT.
51 F'dan ir-rigward, il-Bord ta' l-Appell wara li kkunsidra, mil-lat tal-fonetika, li d-differenzi bejn "bud" u "bit" kienu suffiċjenti minħabba l-vokali "u" u "i", għamel, b'mod żbaljat, analiżi frammentarja ta' l-ittri meħuda individwalment minflok ma eżamina l-pronunzja tal-kelma kollha kemm hi. F'dan ir-rigward Bitburger Brauerei tirreferi għas-sentenza MYSTERY, punt 43 iktar 'il fuq (punt 46). F'dan il-każ, l-elementi komuni għaż-żewġ sinjali huma kwantitativament f'maġġoranza: kull sinjal huwa magħmul minn kelma monosillabika ta' tliet ittri; l-intonazzjoni u r-ritmu fonetiku huma identiċi; iż-żewġ trade marks jibdew bl-ittra "b", u l-ħoss finali tagħhom jitlissen bl-istess mod. F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa inkomprensibbli kif il-Bord ta' l-Appell seta' jikkonkludi, fil-punt 51 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li kien hemm "differenzi kunsiderevoli bejn is-sinjali pparagunati.
52 Bitburger Brauerei tinsisti fuq il-fatt li, fil-Ġermanja, il-konsonanti "d" titlissen bl-istess mod bħall-konsonanti "t" meta din tkun tinsab fit-tmiem ta' kelma. Għalhekk, l-unika differenza tinsab fil-vokali "u" u "i" tas-sinjali in kwistjoni. Bitburger Brauerei, filwaqt li tfakkar li għandha tiġi kkunsidrata l-impressjoni fonetika globali tas-sinjali, tenfasizza li "bit" u "bud" għandhom intonazzjoni qasira u jitlissnu rispettiviament "bitt" u "butt". Peress li l-vokali "i" u "u" huma mdawra mill-ħsejjes plużivi dominanti "b" u "t", Bitburger Brauerei ssostni li l-impressjoni fonetika globali tas-sinjali hija ddeterminata mill-konsonanti.
53 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi komuni taż-żewġ sinjali huma dominanti u l-konsumatur, li ma jiftakarx b'mod ċar waħda miż-żewġ trade marks, jitfixkel it-trade marks in kwistjoni minħabba l-fatt li huma monosillabiċi, li għandhom l-istess ammont ta' ittri u li l-ħsejjes tal-bidu u ta' l-aħħar huma identiċi. Bitburger Brauerei żżid li t-trade marks monosillabiċi huma rari fis-settur tal-birra. Għalhekk, meta l-konsumatur jiġi kkonfrontat b'trade mark monosillabika, huwa se jiftakar fit-trade marks preċedenti in kwistjoni b'mod partikolari meta t-trade marks li għandhom jiġu mqabbla jikkoinċidu kważi kompletament.
54 Fl-aħħar nett, wara li kkonċentrat l-argumenti tagħha fuq ix-xebh fonetiku tas-sinjali in kwistjoni, Bitburger Brauerei tindika li, fuq il-livell viżiv, l-elementi grafiċi u l-elementi verbali sekondarji (f'dan il-każ "american" u "anheuser-busch" għat-trade marks figurattivi mitluba) mhumiex rilevanti meta ssir l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni fuq il-livell viżiv. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għat-tliet trade marks li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, Bitburger Brauerei ssostni li l-paragun viżiv għandu jsir bejn is-sinjali "bit" u "bud" li għandhom, għall-inqas, xebh tipografiku remot. Iż-żewġ sinjali għandhom l-istess inizjali "b" u huma magħmula minn tliet ittri. L-ittri "i" u "u" huma kkaratterizzati minn linji li jippuntaw 'l fuq u l-ittri "t" u "d" fihom element ta' bażi vertikali u linja orizzontali. Għalhekk hemm, għall-inqas, xebh viżiv remot bejn is-sinjali in kwistjoni li huwa wkoll biżżejjed sabiex jikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni fid-dawl ta' l-interdipendenza tal-fatturi in kwistjoni.
Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni
55 Bitburger Brauerei ssostni, fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Mayer (C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 28), li x-xebh fonetiku bejn is-sinjali in kwistjoni huwa suffiċjenti sabiex ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni. Dan ix-xebh huwa partikolarment importanti f'dan il-każ inkwantu l-birra, speċjalment fil-bars, tiġi ordnata bil-fomm. Bitburger Brauerei f'dan ir-rigward tirreferi għas-sentenza MYSTERY, punt 43 iktar 'il fuq (punt 48), li ppreċiżat dan li ġej: "[I]kun biżżejjed li jkun hemm probabbiltà ta' konfużjoni u mhux li l-konfużjoni tkun stabbilita. Safejn il-prodotti in kwistjoni jiġu wkoll ikkunsmati fuq ordni bil-fomm, ix-xebh fonetiku biss tas-sinjali in kwistjoni jkun biżżejjed sabiex ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bitburger Brauerei tenfasizza wkoll li fil-bars jeżisti wkoll element ta' storbju u li dan l-element jaffetwa l-perċezzjoni fonetika tas-sinjali in kwistjoni. Il-Bord ta' l-Appell ma tax biżżejjed importanza lill-kundizzjonijiet speċifiċi li fihom jinbiegħu l-prodotti in kwistjoni.
56 Fuq din il-bażi, Bitburger Brauerei tikkunsidra li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni minħabba l-fatt biss tax-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni li jirriżulta mill-elementi komuni li dawn għandhom fuq il-livell fonetiku. Jekk, barra minn hekk, bħal f'dan il-każ, it-trade marks preċedenti jkollhom karattru distintiv ogħla mill-medja u l-prodotti in kwistjoni huma identiċi, Bitburger Brauerei, billi tirreferi għas-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 55 iktar 'il fuq (punt 21), u għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI – Educational Services (ELS) (T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 77), u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN) (T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 59), issostni li t-trade marks preċedenti jgawdu minn protezjoni wiesa'. B'mod partikolari, Bitburger Brauerei tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti jikkostitwixxi argument favur – u mhux kontra – il-probabbiltà ta' konfużjoni.
57 Minbarra dan, Bitburger Brauerei tenfasizza l-fatt li fil-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell hemm kuntradizzjoni mas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (Il-Qorti Suprema Federali Ġermaniża) tas-26 ta' April 2001, Bit vs Bud (I ZR 212/98, p. 465 sa 470, iktar 'il quddiem is-"sentenza tal-Bundesgerichtshof"). B'mod partikolari, Bitburger Brauerei tindika li l-Bundesgerichtshof ddeċidiet li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fonetiku bejn il-kliem "bit" u "bud", safejn il-ħsejjes tal-bidu huma identiċi u l-ħsejjes finali huma l-istess fil-pronunzja abitwali tal-Ġermaniż. Barra minn hekk, id-differenza fil-ħsejjes marbuta mal-vokali taż-żewġ kelmiet hija kkumpensata mill-karattru distintiv ogħla mill-medja li t-trade mark preċedenti għandha u mill-fatt li l-prodotti koperti huma identiċi.
58 Bitburger Brauerei tagħraf li d-deċiżjonijiet ta' qrati nazzjonali mhumiex vinkolanti fil-kuntest ta' din il-proċedura. Madankollu, l-evalwazzjoni li l-Bundesgerichtshof għamlet tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn BIT u BUD hija preċiżament ibbażata fuq ir-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari dawk relatati mal-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta' kwistjoni u ta' l-interdipendenza tad-diversi fatturi in kwistjoni. Bitburger Brauerei żżid li t-Tieni Bord ta' l-Appell tal-UASI kkunsidra, f'kawża oħra, sentenza mogħtija minn qorti nazzjonali (deċiżjoni tal-11 ta' Settembru 2003, Kebel 1 vs ARD 1, R 70/2002-2).
b) L-argumenti ta' l-UASI u ta' Anheuser-Busch
59 L-UASI u Anheuser-Busch jikkontestaw l-argumenti ppreżentati minn Bitburger Brauerei u essenzjalment jikkunsidraw li d-differenza viżiva u fonetika kif ukoll in-nuqqas ta' xebh kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni huma suffiċjenti sabiex tiġi mwarrba kull probabbiltà ta' konfużjoni, u dan minkejja l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti in kwistjoni.
60 Barra minn hekk, Anheuser-Busch tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT) għandhom karattru distintiv għoli. Anheuser-Busch ssostni, b'mod partikolari, li d-dokumenti mressqa quddiem l-istanzi ta' l-UASI jirreferu għat-trade mark Bitburger u mhux għat-trade mark BIT. Anheuser-Busch tikkontesta wkoll ir-rilevanza, minn naħa, tad-dikjarazzjoni ġuramentata ta' wieħed mill-impjegati ta' Bitburger Brauerei u, minn naħa l-oħra, ta' riċerka dwar is-suq li saret f'Lulju 1996 sabiex tiġi ppruvata r-reputazzjoni li t-trade mark BIT tgawdi fil-Ġermanja.
61 Anheuser-Busch tinsisti wkoll fuq il-karatteristiċi tas-suq Ġermaniż tal-birra u, b'mod partikolari, fuq il-konsum qawwi ta' dan il-prodott. Anheuser-Busch minn dan tiddeduċi li l-konsumatur tal-birra medju Ġermaniż huwa "espert".
62 Fl-aħħar nett, l-UASI tenfasizza li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiddevjaw mis-sentenza tal-Bundesgerichtshof f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Anheuser-Busch tikkunsidra, min-naħa tagħha, li d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali ma jorbtux idejn l-UASI jew il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tar-Regolament Nru 40/94.
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
63 Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar l-oppożizzjoni ta' propjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark għandha tiġi rrifjutata, "jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta' ta' konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta' konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti"
64 Skond ġurisprudenza kostanti, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom.
65 Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u billi jiġu meqjusa l-fatturi rilevanti kollha fil-kwistjoni, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].
66 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li iktar ma jkun sinjifikattiv il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta' konfużjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' April 2005, Ampafrance vs L-UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T-164/03, Ġabra p. II-1401, punt 70, u, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24]. It-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, kemm intrinsikament, kif ukoll minħabba l-fama tagħhom fis-suq, igawdu, għaldaqstant, minn protezzjoni iktar estensiva minn dawk li għandhom karattru anqas distintiv (sentenza monBeBe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 70, u, b'analoġija s-sentenza Canon, punt 44 iktar 'il fuq, punt 18, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 55 iktar 'il fuq, punt 20).
67 Peress li t-trade marks preċedenti ġew irreġistrati b'effett fil-Ġermanja, il-pubbliku li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni huwa dak ta' dan l-Istat Membru.
68 Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-prodotti in kwistjoni jiġu distribwiti b'mod ġenerali, u din id-distribuzzjoni testendi mill-parti alimentari ta' supermarkit sal-bars u l-kafejiet [ara, f'dan is-sens, għal klassijiet ta' prodotti li jinkludu l-birra, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Marzu 2005, Osotspa vs L-UASI – Distribution & Marketing (Hai), T-33/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44]. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-pubbliku kkonċernat huwa l-konsumatur medju, li huwa meqjus bħala normalment infurmat u raġjonevolment attent [ara, f'kawża li wkoll kienet tikkonċerna l-birra, is-sentenza MYSTERY, punt 43 iktar 'il fuq, punti 32 u 37, u, f'kawża li kienet tikkonċerna x-xarbiet alkoħoliċi, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Frar 2005, Lidl Stiftung vs l-UASI – REWE-Zentral (LINDENHOF), T-296/02, Ġabra, p. II-563, punt 45].
69 Għalhekk il-Bord ta' l-Appell kien iġġustifikat meta ddeċieda li, f'dan il-każ, "il-konsumatur rilevanti tal-prodotti kkonċernati huwa l-konsumatur medju Ġermaniż" (punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawza T-352/04 u punt 41 tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawżi T-350/04 u T-351/04). Għall-istess raġunijiet, il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-pubbliku rilevanti mhuwix magħmul minn "esperti" għandha tiġi approvata (l-istess punti tad-deċiżjonijiet kkontestati).
70 Għandu wkoll jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-konsumatur medju rari jkollu l-possibilità li jqabbel direttament it- trade marks differenti, iżda jkollu joqgħod fuq l-istampa imperfetta tagħhom li jkollu f'moħħu (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 55 iktar 'il fuq, punt 26).
71 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar 'il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni Bitburger Brauerei, il-Bord ta' l-Appell kienx żbaljat fl-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ.
i) Fuq ix-xebh tal-prodotti in kwistjoni
72 Għandu jiġi mfakkar li Bitburger Brauerei bdiet azzjoni quddiem il-Bord ta' l-Appell kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, biss safejn l-oppożizzjoni kienet ġiet miċħuda għall-prodotti inklużi fil-klassi 32. Huma dawn l-istess prodotti li huma kkonċernati minn dawn il-kawżi.
73 F'dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġustament isostnu li "[l]-prodotti in kwistjoni huma identiċi jew jixtiebhu" (punt 40 tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawżi T-350/04 u T-351/04 u punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-352/04). Din l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell mhijiex ikkontestata mill-partijiet.
ii) Fuq ix-xebh tat-trade marks in kwistjoni
74 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenzi SABEL, punt 66 iktar 'il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 55 iktar 'il fuq, punt 25).
Fuq ix-xebh viżiv tat-trade marks in kwistjoni
– Fuq ix-xebh viżiv bejn it-trade mark verbali mitluba BUD u t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT)
75 Il-Bord ta' l-Appell, billi segwa r-raġunament tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ta' Anheuser-Busch, espona s-segwenti kunsiderazzjonijiet:
"Fil-fatt, għalkemm iż-żewġ trade marks għandhom l-istess tul, id-differenzi li hemm bejniethom huma iktar sinjifikattivi mix-xebh. Iż-żewġ trade marks jibdew bl-istess ittra iżda huma differenti fil-kumplament. Il-konsumatur għandu jipperċepixxi din id-differenza viżiva." (Punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-350/04.)
76 L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat, kif ġustament jagħmel il-Bord ta' l-Appell, li l-elementi "bud" u "bit" jibdew bl-istess ittra, jiġifieri l-ittra "b".
77 It-tieni nett, kif josserva wkoll ġustament il-Bord ta' l-Appell, il-kliem monosillabiċi "bit" u "bud" għandhom l-istess tul minħabba l-fatt li huma magħmulin minn tliet ittri. Huwa minnu li analiżi iktar preċiża turi, kif tosserva Anheuser-Busch, li s-sinjal BUD huwa fil-verità itwal mis-sinjal BIT. Madankollu, tali differenza ma tkunx perċettibli mill-konsumatur medju Ġermaniż.
78 It-tielet nett, huwa minnu, kif essenzjalment jindika l-Bord ta' l-Appell, li s-sinjali in kwistjoni huma differenti fl-aħħar żewġ ittri tagħhom (jiġifieri "ud" għat-trade mark verbali mitluba BUD u "it" għat-trade marks Ġermaniżi preċedenti), anke jekk, kif issostni Bitburger Brauerei, l-ittri in kwistjoni għandhom bħala element komuni li huma parzjalment magħmula minn linji vertikali
79 Fid-dawl ta' dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li s-sinjali in kwistjoni għandhom differenzi kunsiderevoli relatati b'mod partikolari mal-fatt li l-kliem li jikkomponuhom huma differrenti. Kif ġustament josserva l-Bord ta' l-Appell, dawn id-differenzi huma iktar sinjifikattivi mix-xebh li hemm bejn is-sinjali in kwistjoni. Il-konsumatur rilevanti għandu jipperċepixxi dawn id-differenzi. Għalhekk għandu jiġi deċiż li t-trade mark verbali mitluba BUD u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT) għandhom livell ta' xebh viżiv li jista' jiġi kkwalifikat, minn ta' l-iktar, bħala dgħajjef. Barra minn hekk, l-istess Bitburg Brauerei tosserva, fir-rikorsi tagħha, li x-xebh viżiv bejn it-trade marks in kwistjoni huwa "remot".
80 Għandu jingħad ukoll, f'dak li jirrigwarda t-trade mark verbali u figurattiva Ġermaniża preċedenti Nru 505 912, li għandha grafika li tippermetti li jitnaqqas iktar il-livell ta' xebh viżiv mat-trade mark verbali BUD, li, kif osserva l-Bord ta' l-Appell, din it-trade mark ġiet użata taħt forom differenti minn Bitburger Brauerei, fosthom waħda mingħajr grafika partikolari.
– Fuq ix-xebh viżiv bejn it-trade marks figurattivi mitluba u t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 505 921 u 39 615 324 (BIT)
81 Il-Bord ta' l-Appell għamel is-segwenti kunsiderazzjonijiet:
"It-trade mark mitluba għandha tiketta kumplessa li ma tistax tiġi ridotta għall-kelma "bud" biss. Anke jekk "bud" hija element distintiv tat-trade mark, din mhijiex daqshekk viżwalment prominenti fit-trade mark li l-elementi l-oħrajn li jikkonponuha, jiġifieri r-rappreżentazzjoni grafika dettaljata fil-parti superjuri tat-trade mark kif ukoll il-kompożizzjoni ta' kuluri interessanti, jiġu relegati kompletament għal-livell sekondarju. Il-konsumatur jipperċepixxi t-trade mark sħiħa u jżomm impressjoni ġenerali tagħha. Anke jekk wieħed jirriduċi t-trade mark għall-elementi verbali [American Bud jew Anheuser-Busch Bud], xorta waħda ma jkunx hemm differenza sinjifikattiva bejn dawn u t-trade mark qasira ta' min jagħmel l-oppożizzjoni [BIT]." [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-351/04 u punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-352/04).
82 Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, għalkemm normalment il-konsumatur medju jipperċepixxi t-trade mark b'mod sħiħ u ma jagħmilx eżami tad-dettalji differenti tagħha, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni tikkunsidra, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tat-trade marks in kwistjoni (sentenza SABEL, punt 66 iktar 'il fuq, punt 23), u dan għaliex, in ġenerali, huma l-karatteristiċi dominanti u distintivi ta' sinjal li huma l-iktar faċilment immemmorizzati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto Fifties, T-104/01, Ġabra p. II‑4359, punti 47 u 48, u tas-6 ta' Ottubru 2004, New Look vs L-UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, li għadha ma ġietx ippubblikati fil-Ġabra, punt 39].
83 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi verbali "american" u "bud" (l-ewwel trade mark figurattiva mitluba) jew "anheuser-busch" u "bud" (it-tieni trade mark figurattiva mitluba) jinsabu fiċ-ċentru tat-trade marks figurattivi mitluba. Barra minn dan, dawn huma miktubin b'tipa kbira, ta' kulur blu fuq sfond abjad, li, viżwalment, jaqla' dan il-kliem, u dan iktar u iktar peress li l-isfond ġenerali tat-trade mark mitluba huwa aħmar.
84 L-elementi verbali l-oħra li jidhru fuq sfond abjad, b'mod partikolari l-isem u l-indirizz ta' Anheuser-Busch, jinsabu taħt il-kliem "american" u "bud" (l-ewwel trade mark figurattiva mitluba) jew "anheuser-busch" u "bud" (it-tieni trade mark figurattiva mitluba) u huma miktubin b'tipa ħafna iżgħar. Dan jgħodd ukoll għall-elementi verbali li jidhru fil-parti ta' fuq tat-trade mark figurattiva, b'mod partikolari l-ittri "ab" li, barra minn hekk, jinsabu fiċ-ċentru ta' insinja. Il-kelma "genuine" tidher darbtejn, fuq kull naħa tar-rettangolu abjad fejn jinsabu l-kliem "american" u "bud" (l-ewwel trade mark figurattiva mitluba) jew "anheuser-busch" u "bud" (it-tieni trade mark figurattiva mitluba). Madanakollu din il-kelma hija miktuba vertikalment b'tali mod li ma tinqarax faċilment.
85 Fir-rigward ta' l-elementi figurattivi li jidhru fil-parti ta' fuq tat-trade mark mitluba, dawn jirrapreżentaw insinja b'motto. Dawn l-elementi huma partijiet dekorattivi ta' tikketta u għalhekk mhumiex ikkunsidrati bħala l-komponenti prinċipali tagħha.
86 Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi dominanti taż-żewġ trade marks in kwistjoni huma magħmula mill-elementi verbali "american" u "bud" (l-ewwel trade mark figurattiva mitluba) jew "anheuser-busch" u "bud" (it-tieni trade mark figurattiva mitluba).
87 F'dan il-kuntest, jekk jiġi meqjus li l-kelma "bud" hija l-uniku element distintiv fost l-elementi verbali dominanti u għalhekk tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti iktar, jista' jiġi kkunsidrat, l-iktar l-iktar, li jeżisti xebh viżiv remot bejn it-trade marks figurattivi mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), peress li fil-punt 79 iktar 'il fuq kien diġà ġie kkonstatat xebh viżiv remot bejn it-trade mark verbali mitluba BUD u l-imsemmija trade marks preċedenti Ġermanizi.
88 Madankollu, fl-evalwazzjoni viżiva globali tas-sinjali in kwistjoni, għandha tiġi rrilevata n-natura kumplessa ħafna tat-trade marks figurattivi mitluba, li huma sinjali mħallta, magħmulin mhux biss mill-elementi verbali msemmija iktar 'il fuq, iżda wkoll minn diversi elementi figurattivi b'kuluri varjati ħafna (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Fifties, punt 82 iktar 'il fuq, punt 38).
89 Fid-dawl ta' dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade marks figurattivi mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT) ma jixtibhux fuq il-livell viżiv.
Fuq ix-xebh fonetiku tat-trade marks in kwistjoni
Fuq ix-xebh fonetiku bejn it-trade mark verbali mitluba BUD u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT)
90 Fir-rigward tat-trade mark verbali mitluba BUD, il-Bord ta' l-Appell, fil-punti 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidra:
"43. F'dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku bejn it-trade marks, il-Bord ta' l-Appell iqis li hemm biżżejjed differenza bejn it-trade mark mitluba BUD u t-trade mark ta' min qed jopponi BIT. Fuq il-livell fonetiku, il-vokali "i" u "u" jidistingwu ruħhom b'mod nett waħda mill-oħra. Id-differenza li din l-ittra tirrappreżenta fil-kliem "bud" u "bit", li t-tnejn li huma huma magħmulin minn tliet ittri, hija biżżejjed sabiex tippermetti lill-konsumatur jagħmel distinzjoni.
44. Ebda konklużjoni oħra ma tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza [ELS, punt 56 iktar 'il fuq]. F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li "e" u "i" għandhom pronunzja simili u li hemm qbil komplet bejn il-konsonanti fonemi "l" u "s" tas-sinjali (ara punt 71). Min-naħa l-oħra, il-vokali "i" u "u" (jew "a" fil-każ ta' pronunzja Ingliża) ma jiġux ippronunzjati bl-istess mod. Barra minn dan mhemmx qbil komplet bejn il-konsonanti. Id-differenzi huma biżżejjed meta wieħed jordna l-prodotti in kwistjoni f'post ta' forniment ta' ikel." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
91 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-ittra tal-bidu tas-sinjali in kwistjoni hija identika u li l-pronunzja tagħha mhijiex differenti fil-lingwa Ġermaniża.
92 It-tieni nett, l-ittri "i" (fis-sinjal BIT) u "u" (fis-sinjal BUD) jiġu ppronunzjati b'mod differenti fil-Ġermaniż. Din id-differenza fil-pronunzja mhijiex ikkontestata minn Bitburger Brauerei.
93 It-tielet nett, l-ittri "t" (fis-sinjal BIT) u "d" (fis-sinjal BUD) jixtiebhu, f'dan il-każ, fil-pronunzja tagħhom anke jekk din il-pronunzja tista' ma tkunx strettament identika. Fil-proċeduri quddiem l-ewwel istanzi ta' l-UASI ġew ipprovduti elementi ta' prova f'dan ir-rigward.
94 Ir-raba' nett, għandu jiġi enfasizzat li r-raġunament tal-Bord ta' l-Appell mhuwiex ibbażat biss fuq il-fatt li l-ittri "i" u "u" jiġu ppronunzjati b'mod differenti. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra l-fatt li l-kliem "bit" u "bud" kienu "it-tnejn li huma magħmulin minn tliet ittri" (punt 43 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). F'dan ir-rigward, bil-kontra ta' dak li tallega Bitburger Brauerei, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ittri "i" u "u", li huma l-uniċi vokali tas-sinjali in kwistjoni, m'għandhomx wisq importanza fil-pronunzja globali tal-kliem "bit" u "bud".
95 Imqiegħda fil-kuntest ta' pronunzja globali, l-elementi msemmija iktar 'il fuq iwasslu għall-konstatazzjoni ta' livell limitat ta' xebh fonetiku bejn it-trade mark verbali mitluba BUD u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT). Madankollu, kif ġustament osserva l-Bord ta' l-Appell, id-differenza fil-pronunzja bejn il-vokali "i" u "u" fiż-żewġ sinjali in kwistjoni, magħmulin minn tliet ittri, hija biżżejjed sabiex tippermetti li l-konsumatur rilevanti jagħmel distinzjoni fuq il-livell fonetiku.
– Fuq ix-xebh fonetiku bejn it-trade marks figurattivi mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT)
96 Il-Bord ta' l-Appell, fil-punt 43 tad-deċiżjoni dwar l-ewwel trade mark figurattiva mitluba, ikkunsidra:
"[…] Il-Bord iqis li l-konsumatur rilevanti jippronunzja t-trade mark mitluba "american bud", u dan jistabbilixxi differenza suffiċjenti fir-rispett tat-trade mark b'sillaba waħda ta' min qed jagħmel l-oppożizzjoni, jiġifieri "BIT". Madankollu, anke jekk jiġi meqjus li t-trade mark mitluba tiġi mqassra għall-kelma "bud", xorta waħda jkun għad fadal biżżejjed differenza bejniethom. Fil-fatt, fuq il-livell fonetiku, il-vokali "i" u "u" jiddistingwu ruħhom b'mod nett waħda mill-oħra. Id-differenza li din l-ittra tirrappreżenta fil-kliem "bud" u "bit", li t-tnejn li huma huma magħmulin minn tliet ittri, hija biżżejjed sabiex tippermetti li l-konsumatur jagħmel distinzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali
97 Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-punti 42 u 43 tad-deċiżjoni dwar it-tieni trade mark figurattiva mitluba:
"42. […] Il-Bord iqis li l-konsumatur rilevanti jippronunzja t-trade mark mitluba "anheuser bud", u dan jistabbilixxi differenza suffiċjenti fir-rispett tat-trade mark qasira ta' min qed jagħmel l-oppożizzjoni, jiġifieri "BIT". Il-Bord iqis li ma teżisti l-ebda raġuni li għaliha l-konsumatur medju, meta jkun qed jitkellem, iqassar l-isem "anheuser-busch bud" billi juża biss l-aħħar kelma tiegħu, jiġifieri "bud". Barra minn dan, mhemm l-ebda raġuni li għaliha l-konsumatur, anke jekk jikkunsidra l-kliem "anheuser" u "busch" bħala kunjomijiet, jonqos milli jippronunzjhom. Fil-fatt, mingħajr ebda dubju l-kunjomijiet jistgħu jkunu parti minn trade mark.
43. Madankollu, anke jekk jiġi meqjus li t-trade mark mitluba tiġi mqassra għall-kelma "bud", xorta waħda jkun għad fadal biżżejjed differenza bejniethom. Fil-fatt, fuq il-livell fonetiku, il-vokali "i" u "u" jiddistingwu ruħhom b'mod nett waħda mill-oħra. Id-differenza li din l-ittra tirrappreżenta fil-kliem "bud" u "bit", li t-tnejn li huma huma magħmulin minn tliet ittri, hija biżżejjed sabiex tippermetti li l-konsumatur jagħmel distinzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
98 Barra minn hekk, fil-punt 44 taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati dwar it-trade marks figurattivi mitluba, il-Bord ta' l-Appell żied, bħal fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar it-trade mark verbali mitluba BUD:
"Ebda konklużjoni oħra ma tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza [ELS, punt 56 iktar 'il fuq]. F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li "e" u "i" għandhom pronunzja simili u li hemm qbil komplet bejn il-konsonanti fonemi "l" u "s" tas-sinjali (ara punt 71). Min-naħa l-oħra, il-vokali "i" u "u" (jew "a" fil-każ ta' pronunzja Ingliża) ma jiġux ippronunzjati bl-istess mod. Barra minn dan mhemmx qbil komplet bejn il-konsonanti. Id-differenzi huma biżżejjed meta wieħed jordna l-prodotti in kwistjoni f'post ta' forniment ta' ikel." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
99 Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li trade mark figurattiva, billi tkun magħmula minn element verbali wieħed jew aktar, tista' tiġi riprodotta fonetikament [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Mejju 2005, Chum vs L-UASI – Star TV (STAR TV), T-359/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49].
100 F'dan il-każ, jekk jiġi meqjus li l-kelma "bud" hija l-uniku element distintiv fost l-elementi verbali dominanti "american" u "bud", jew "anheuser-busch" u "bud", tat-trade marks figurattivi mitluba, u li għalhekk tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti iktar, jista' jiġi kkunsidrat, l-iktar l-iktar, fid-dawl tal-konklużjoni milħuqa fil-punt 95 iktar 'il fuq dwar ix-xebh fonetiku bejn it-trade mark verbali mitluba BUD u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), li jeżisti xebh fonetiku limitat bejn it-trade marks figurattivi mitluba u l-imsemmija trade marks preċedenti. Madankollu, kif ġie osservat ukoll fil-punt 95 iktar 'il fuq, id-differenza fil-pronunzja bejn il-vokali "i" u "u" fiż-żewġ sinjali in kwistjoni hija biżżejjed sabiex tippermetti lill-konsumatur rilevanti jagħmel distinzjoni fuq il-livell fonetiku.
Fuq ix-xebh kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni
101 Il-Bord ta' l-Appell, fil-punt 45 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ikkunsidra li ma kienx hemm xebh kunċettwali bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 921 u 39 615 324 (BIT).
102 Fir-rigward tat-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), dawn jista' jkollhom diversi sinjifikati kunċettwali. Anheuser-Busch f'dan ir-rigward tindika li l-pubbliku rilevanti jista' jifhem il-kelma "bit" kemm bħala unità użata fl-informatika kif ukoll bħala li tirreferi għall-belt ta' Bitburg. Dawn id-diversi sinjifikati jirriżultaw ukoll mill-istudju tas-suq magħmul fuq talba ta' Bitburger Brauerei u ppreżentat quddiem l-istanzi ta' l-UASI.
103 F'dak li jirrigwarda t-trade marks mitluba, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li l-kelma "bud" ma jidhirx li għandha xi sinjifikat partikolari f'moħħ il-pubbliku rilevanti. Il-partijiet ma ressqu l-ebda prova li tista' tikkontradiċi din il-konklużjoni.
104 Għalhekk, f'dak li jirrigwarda t-trade mark verbali mitluba BUD, għandu jiġi kkunsidrat li din m'għandux ikollha sinjifikat kunċettwali partikolari f'moħħ il-pubbliku rilevanti.
105 F'dak li jirrigwarda t-trade marks figurattivi mitluba, anke jekk il-kelma "american" (l-ewwel trade mark figurattiva) tista' tagħti l-impressjoni li l-prodotti in kwistjoni għandhom oriġini jew, f'kull każ, karattru Amerikan u li parti mill-pubbliku jista' jifhem il-kliem "anheuser-busch" (it-tieni trade mark figurattiva) bħala li jirreferi għall-impriża li tipproduċi l-prodotti in kwistjoni, l-assoċjazzjoni ta' dawn il-kliem mal-kelma "bud" ma ġġibx magħha sinjifikat kunċettwali partikolari. Fi kwalunkwe każ, l-ebda element ma jippermetti li dan il-kliem, meħud flimkien, jiġi kkunsidrat bħala li għandu sinjifikat kunċettwali analogu għas-sinjifikati kunċettwali li t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 921 u 39 615 324 (BIT) jista' jkollhom.
106 Fid-dawl ta' dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade marks mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 921 u 39 615 324 (BIT) ma jixtibhux mil-lat kunċettwali.
Konklużjoni dwar ix-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni
107 Fid-dawl ta' l-elementi kollha msemmija iktar 'il fuq, u wara evalwazzjoni globali tat-trade marks in kwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, meta jiqiesu d-differenzi kunsiderevoli li jisseparaw it-trade marks in kwistjoni, kif ukoll in-nuqqas ta' xebh kunċettwali bejniethom:
– għalkemm jeżisti xebh remot, fuq il-livell viżiv u fonetiku, bejn it-trade mark verbali mitluba BUD u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), huma differenti globalment;
– għalkemm jeżisti xebh remot, fuq il-livell fonetiku, bejn it-trade marks figurattivi mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), huma differenti globalment.
108 Għaldaqstant, il-konklużjoni għandha tkun li t-trade marks mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT) ma jixtibhux.
iii) Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni
109 Meta jitqiesu d-differenzi li diġà ġew osservati bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm jeżisti xebh remot fuq il-livell viżiv u fonetiku, f'dan il-każ mhemm l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni, u dan minkejja l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti in kwistjoni, anke jekk l-eventwali karattru distintiv tat-trade marks preċedenti huwa għoli.
110 L-argumenti mressqa minn Bitburger Brauerei ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.
111 L-ewwel nett, f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom jinbiegħ il-prodott in kwistjoni, u b'mod partikolari l-kwistjoni jekk dawn il-prodotti jiġux essenzjalment ordnati bil-fomm u jekk element ta' storbju jistax jaffettwa l-perċezzjoni fonetika tal-konsumaturi, ikun biżżejjed li jiġi osservat li l-argumenti mressqa minn Bitburger Brauerei huma biss dikjarazzjonijet li ma huma sostnuti minn ebda element ta' prova li ġie ppreżentat, fil-ħin, quddiem l-UASI.
112 Minbarra dan, Bitburger Brauerei ma ppreżentat l-ebda prova li turi li l-prodotti tagħha ġeneralment jinbigħu b'tali mod li l-pubbliku ma jipperċepixxix viżwalment it-trade mark. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li għalkemm il-bars u r-ristoranti huma oqsma ta' bejgħ importanti għall-prodotti ta' Bitburger Brauerei, huwa kostanti li l-konsumatur jista' jara b'għajnejh it-trade mark in kwistjoni f'dawn il-postijiet, b'mod partikolari billi jeżamina l-flixkun li jiġi servut lilu jew permezz ta' mezzi oħra (tazzi, manifesti pubbliċitarji, eċċ.). Barra minn dan, u fuq kollox, mhuwiex ikkontestat li l-bars u r-ristoranti mhumiex l-uniċi oqsma li fihom jinbigħu l-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, dawn il-prodotti jinbiegħu wkoll fis-supermarkits jew ħwienet oħra li jbigħu bl-imnut. Issa, bilfors għandu jiġi kkonstatat li meta x-xiri jsir minn dawn il-postijiet il-konsumaturi jkunu jistgħu jaraw it-trademarks b'għajnejhom, peress li x-xorb huwa ppreżentat fuq xkafef [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Novembru 2005, Simonds Farsons Cisk vs L-UASI – Spa Monopole (KINJY by SPA), T-3/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 57 sa 59]. Minn dan isegwi li l-argument ta' Bitburger Brauerei dwar il-kundizzjonijiet ta' bejgħ tal-prodotti kkonċernati għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi respint.
113 It-tieni nett, fir-rigward tal-karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti u tar-referenza li Bitburger Brauerei għamelt għas-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 55 iktar 'il fuq, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 28 ta' din is-sentenza, li, skond il-livell ta' distintività tat-trade marks preċedenti "[m]a jistax jiġi eskluż li x-xebh fonetiku biss tat-trade marks jista’ joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni". Minn din is-sentenza jirriżulta, l-ewwel nett, li s-sitwazzjoni prevista mill-Qorti tal-Ġustizzja hija biss possibbiltà li għandha tikkunsidra l-fatturi l-oħra rilevanti tal-każ in eżami u, it-tieni nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat każ fejn it-trade marks in kwistjoni kienu jixtiebhu mil-lat fonetiku. Issa, f'dawn il-kawżi, minkejja l-karattru distintiv possibbilment għoli tat-trade marks preċedenti, id-differenzi osservati preċedentement bejn it-trade marks in kwistjoni fil-kuntest ta' l-analiżi globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni jeskludu l-eżistenza ta' tali probabbiltà bejniethom fil-Ġermanja.
114 It-tielet nett, dwar il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tikkontradixxi s-sentenza Bundesgerichtshof, għandu, l-ewwel nett, jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija waħda awtonoma, magħmula minn grupp ta' regoli u tfittex li tilħaq għanijiet speċifiċi għaliha, u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs L-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Wassen International vs L-UASI – Stroschein Gesundkost (SELENIUM-ACE), T-312/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46].
115 Barra minn hekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, hekk kif dan huwa interpretat mill-Qrati Kommunitarji, u mhux abbażi ta' ġurisprudenza nazzjonali, anke jekk din hija bbażata fuq dispożizzjonijiet analogi għal dawk ta' dan ir-Regolament (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza GIORGIO BEVERLY HILLS, punt 65 iktar 'il fuq, punt 53; ta' l-4 ta' Novembru 2003, Diaz vs L-UASI - Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, Ġabra p. II-4835, punt 37, u s-sentenza a, punt 34 iktar 'il fuq, punt 30].
116 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Bundesgerichtshof ikkonstatat biss probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark Ġermaniża Nru 505 912 u trade mark figurattiva identika għall-ewwel trade mark figurattiva mitluba, billi bbażat ruħha fuq ix-xebh fonetiku li jeżisti bejn il-kliem "bud" u "bit" ta' l-imsemmija trade marks.
117 Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li l-Bord ta' l-Appell għamel evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark verbali u figurattiva Ġermaniża preċedenti Nru 505 912 (BIT) u l-ewwel trade mark figurattiva mitluba, u ma bbażax ruħu biss fuq il-paragun fonetiku ta' bejniethom. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni globali għandha tikkunsidra l-fatturi kollha rilevanti tal-każ in eżami u għandha tkun ibbażata, f'dak li jirrigwarda l-UASI, biss fuq ir-Regolament Nru 40/94.
118 Ir-raba' nett, f'dak li jirrigwarda r-referenza li Bitburger Brauerei għamlet matul is-seduta għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Novembru 2005 Soffass vs L-UASI – Sodipan (NICKY) (T-396/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), huwa biżżejjed li jiġi osservat li f'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ddeċidietx, kuntrarjament għal dak li donnha tissuġġerixxi Bitburger Brauerei, li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark mitluba NICKY u t-trade mark preċedenti NOKY. Filwaqt li kkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell, li kienet bagħtet lura l-kwistjoni quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li kien hemm ċerti elementi ta' xebh bejn iż-żewġ sinjali msemmija iktar 'il fuq u li kellha ssir analiżi tax-xebh bejn il-prodotti in kwistjoni (ara b'mod partikolari, punti 38 u 39 tas-sentenza). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza enfasizzat li s-sinjali għandhom l-ittra inizjali “n” u l-aħħar ittri “ky” in komuni. Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza peress li l-aħħar parti tal-kelma mhijiex normali fil-lingwa Franċiża, tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-element dominanti taż-żewġ sinjali li jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur Franċiż (punt 34 tas-sentenza). Din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik f'dawn il-kawżi.
119 Fid-dawl ta' l-elementi msemmija iktar 'il fuq u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati minn Anheuser-Busch dwar l-importanza tal-karattru distintiv tat-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv ta' Bitburger Brauerei għandha tiġi miċħuda bħala infondata
2. Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel motiv, dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit!)
a) L-argumenti tal-partijiet
120 Bitburger Brauerei ssostni li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT), hemm ukoll xebh bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !). Bitburger Brauerei f'dan ir-rigward tispeċifika li s-slogan "bitte ein bit !" jinftiehem mill-pubbliku bħala li huwa abbrevjazzjoni konċiża ta' ordni. Il-pubbliku huwa ggwidat mil-kelma "bit", li tiddomina t-trade marks preċedenti.
121 L-UASI jsostni, kuntrarjament għal dan, li t-trade marks Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !) huma iktar differenti mit-trade marks mitluba milli huma t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT). Għaldaqstant, jekk ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejn dawn l-aħħar trade marks u t-trade marks mitlba, lanqas ma jista' jkun hemm tali probabbiltà għat-trade marks preċedenti Bitte ein Bit !
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
122 Meta titqies l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 921 u 39 615 324 (BIT), għandu, iktar u aktar, jiġi kkunsidrat li ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !).
123 Fil-fatt, it-trade marks Ġermaniżi preċedenti Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !) huma magħmulin minn elementi verbali ("bitte", "ein") u grafiċi ("!") addizzjonali kif ukoll minn grafika partikolari meta mqabbla mat-trade marks verbali preċedenti Ġermaniżi Nri 505 912 u 39 615 324 (BIT). B'hekk, fuq il-livell viżiv, dawk ta' l-ewwel huma saħansitra iktar differenti mit-trade marks mitluba minn dawn ta' l-aħħar. Barra minn hekk, fuq il-livell fonetiku, u anke jekk jiġi meqjus li t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 784 (Bitte ein Bit !) jistgħu jitlissnu billi ssir biss referenza għal-kelma "bit", id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ma tkunx differenti minn dik li tirrigwarda l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv. Mil-lat kunċettwali, fl-aħħar nett, il-partijiet ma ressqux provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li t-trade marks in kwistjoni għandhom livell ta' xebh kwalunkwe.
124 Għaldaqstant, meta evalwati globalment, it-trade marks mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 704 211 u 1 113 794 (Bitte ein Bit !) ma jixtibhux. Għalhekk, ma jistax ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn dawn it-trade marks.
125 Għal dawn il-motivi, it-tieni parti ta' l-ewwel motiv ta' Bitburger Brauerei għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
B – Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94
1. L-argumenti tal-partijiet
126 Filwaqt li tfakkar il-kliem użat fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, Bitburger Brauerei tindika li l-Bord ta' l-Appell, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ikkunsidra li d-differenza bejn is-sinjali kienet tali li ma setgħetx tqum il-kwistjoni dwar l-isfruttament tal-karattru distintif jew tar-reputazzjoni li jgawdu t-trade marks preċedenti jew dwar li ssirilhom ħsara.
127 Skond Bitburger Brauerei, il-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-livell sostanzjali ta' xebh fonetiku bejn "bit" u "bud". Ukoll, f'dawn il-kawżi, il-prodotti in kwistjoni huma identiċi jew jixtiebhu ħafna. Madankollu, billi marret lil hinn mil-kliem użat fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-każ li l-prodotti jkunu identiċi jew jixtiebhu ħafna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Jannar 2003, Davidoff, C-292/00, Ġabra p. I-389).
128 It-trade mark BIT tgawdi minn reputazzjoni fil-Ġermanja, fis-sens ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Din ir-reputazzjoni ġiet ippruvata minn Bitburger Brauerei matul il-proċedura quddiem l-UASI.
129 L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark BUD tkun ta' ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, mill-mument li r-reġistrazzjoni ta' sinjal simili tiġi mitluba għal prodotti identiċi, b'mod li l-karattru distintiv ta' dawn it-trade marks ikun imdgħajjef.
130 L-UASI jsostni li, għalkemm ir-reputazzjoni li jgawdu t-trade marks preċedenti setgħet ġiet stabbilita, Bitburger Brauerei ma ppruvatx li s-sinjali in kwistjoni kienu identiċi jew simili u li t-trade marks mitluba kienu ser jisfruttaw il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni li jgawdu t-trade marks preċedenti.
131 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżami ta' l-istanzi ta' l-UASI huwa limitat għall-fatti u l-provi ppreżentati mill-partijiet. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell kien iġġustifikat meta ċaħad it-talba skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li Bitburger Brauerei "ma spjegatx il-għaliex kellu jkun hemm tali sfruttament jew tali ħsara".
132 Anheuser-Busch qabel kollox tosserva li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jeżiġi li s-sinjali in kwistjoni jkunu identiċi jew simili. F'dan il-każ, u kif diġà intwera, is-sinjali in kwistjoni mhumiex simili.
133 Wara dan, Anheuser-Busch tindika li t-trade mark preċedenti għandhu jkollha reputazzjoni sabiex tgawdi mill-protezzjoni prevista mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. F'dan il-każ, Bitburger Brauerei ma rnexxilhiex tipprova r-reputazzjoni li tgawdi t-trade mark BIT.
134 Fl-aħħar nett, Anheuser-Busch issostni li l-argumenti ppreżentati minn Bitburger Brauerei mhumiex biżżejjed sabiex jippruvaw trasferiment ta' immaġni fuq parti mill-pubbliku rilevanti.
2. Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
135 Skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, "[b]arra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta' trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m'għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trade mark preċedenti, meta f'każ ta' trade mark Komunitarja preċedenti t-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f'każ ta' trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta' ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti".
136 Dan l-Artikolu huwa b'mod partikolari bbażat fuq il-fatt li t-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti jkunu identiċi jew simili. Peress li ġie deċiż li t-trade marks mitluba u t-trade marks preċedenti Ġermaniżi Nri 505 921 u 39 615 324 (BIT), u Nri 704 211 u 1 113 784 ("Bitte ein Bit !") mhumiex identiċi jew simili, Bitburger Brauerei, f'dan il-każ, ma tistax tuża l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 bħala bażi ta' l-oppożizzjoni tagħha.
137 Għalhekk, it-tieni motiv ta' Bitburger Brauerei għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
138 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Bitburger Brauerei tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta’ l-UASI u ta’ Anheuser-Busch.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)
taqta' u tiddeċiedi:
1) Ir-rikorsi huma miċħuda.
2) Bitburger Brauerei Th. Simon GmbH għandha tbati l-ispejjeż.
Vilaras |
Dehousse |
Šváby |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta' Ottubru 2006.
E. Coulon |
M. Vilaras |
Reġistratur |
il-President |
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.