SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Settembru 2007

Kawża T-250/04

Philippe Combescot

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Mili tal-kariga ta’ Kap ta’ Delegazzjoni fil-Kolombja – Ċaħda ta’ kandidatura – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ interess ġuridiku – Rikors għad-danni”

Suġġett : Rikors intiż, minn naħa, għar-rikonoxximent ta’ l-illegalità tad-deċiżjoni li eskludiet lir-rikorrent mill-kompetizzjoni għall-assenjazzjoni tal-kariga ta’ Kap ta’ Delegazzjoni fil-Kolombja, l-annullament tal-proċedura ta’ l-imsemmija kompetizzjoni u l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-assenjazzjoni tal-kariga kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ kumpens għad-danni allegatament sostnuti mir-rikorrent.

Deċiżjoni : Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent Philippe Combescot is-somma ta’ EUR 3 000 bħala danni u interessi. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Minbarra l-ispejjeż tagħha, il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura – Rappreżentanza tal-partijiet

2.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku

(Regolamenti tal-persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikors – Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament

(Regolamenti tal-persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Post vakanti – Mili permezz ta’ kompetizzjoni interna

5.      Uffiċjali – Post vakanti – Evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati

(Regolamenti tal-persunal, Artikolu 29(1))

6.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ l-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet

1.       Ir-regoli proċedurali applikabbli quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jipprekludux li parti tistabbilixxi mandat uniku li jkopri diversi kawżi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li fihom hija għandha l-intenzjoni li tipparteċipa u, konsegwentement, li l-istess mandat jitressaq mir-rappreżentant ikkonċernat fil-kuntest ta’ diversi rikorsi.

(ara l-punt 19)

2.      Sabiex uffiċjal irtirat ikun jista’ jressaq rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, huwa jrid ikollu interess personali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Dan mhuwiex il-każ meta r-rikors tiegħu ikun intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li teskludieh minn kompetizzjoni għall-assenjazzjoni ta’ impjieg li ma jistax jingħata iktar minħabba l-fatt li rtira u li ġie intitolat għall-benefiċċju ta’ pensjoni minħabba invalidità permanenti u totali wara li tressaq ir-rikors.

Madankollu, il-persuna kkonċernata għad għandha interess li titlob li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni fil-kuntest ta’ talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għall-ħsara professjonali, fiżika u morali li hija tqis li ġarrbet minħabba l-aġir ta’ l-istituzzjoni kkonċernata.

(ara l-punti 28, 29 u 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il-Kummissjoni, T‑20/89, Ġabra p. II‑769, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Frar 1995, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑112/94, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑135, punt 26; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Mejju 1997, Contargyris vs Il-Kunsill, T‑6/96, Ġabra SP p. I‑A‑119 u II‑357, punt 32

3.      Ir-regola ġurisprudenzjali li tgħid li l-inammissibbiltà ta’ talba għal annullament twassal għal dik tat-talba għad-danni, li hija marbuta mill-qrib mat-talba għal annullament, għandha espressament l-iskop li tevita li uffiċjal li ma jkunx ikkontesta fil-ħin deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tolqot lilu, ma jevitax din id-dekadenza billi jressaq rikors għar-responsabbiltà bbażat fuq l-allegata illegalità ta’ din id-deċiżjoni.

Għaldaqstant, din ir-regola ma tapplikax fil-każ fejn uffiċjal ikun ikkontesta fil-ħin, permezz ta’ rikors għal annullament, deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ kompetizzjoni interna, peress li huwa biss wara l-preżentata tar-rikors li t-talba għal annullament saret inammissibbli, u dan għal raġuni indipendenti mir-rieda tiegħu, jiġifieri, l-irtirar tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li t-talba għall-kumpens tiġi ddikjarata ammissibbli m’għandux il-konsegwenza li jippermetti lir-rikorrent jevita perijodu ta’ dekadenza li skada minħabba li ma jkunx talab fil-ħin l-annullament ta’ l-att li qiegħed jinvoka l-illegalità tiegħu.

(ara l-punti 38 sa 40)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Diċembru 1966, Schreckenberg vs Il-Kummissjoni, 59/65, Ġabra p. 785, 797; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Diċembru 1967, Collignon vs Il-Kummissjoni, 4/67, Ġabra p. 469, 480; Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il-Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punt 11; Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Ottubru 1987, Schina vs Il-Kummissjoni, 401/85, Ġabra p. 3911, punti 10 u 13; Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punti 31 u 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II‑1173, punt 76

4.      Komunikazzjonijiet lill-persunal li ma jikkostitwixxux direttivi interni li istituzzjoni hija marbuta li tirrispetta, iżda biss dokumenti preparatorji, konsultattivi jew ta’ orjentazzjoni, nieqsa minn valur vinkolanti, ma jistgħux jiġu invokati mill-istituzzjoni sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ uffiċjal, ta’ ħtieġa li hija stabbilita fihom sabiex jipparteċipa f’kompetizzjoni interna.

Għaldaqstant, deċiżjoni li teskludi lil uffiċjal minn kompetizzjoni interna għall-assenjazzjoni ta’ impjieg amministrattiv intermedjarju, li hija bbażata fuq il-ksur ta’ ħtieġa li tinsab f’dokument preparatorju intern, iżda mhux prevista mill-kuntest regolatorju applikabbli jew mill-avviż tal-post vakanti, hija illegali.

(ara l-punti 59, 64 u 66)

5.      Hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tevalwa jekk kandidat jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa minn avviż ta’ post vakanti u din l-evalwazzjoni tista’ biss titqiegħed in diskussjoni fil-każ ta’ żball manifest. Meta avviż ta’ post vakanti jeħtieġ mill-kandidati esperjenza professjonali supplimentari f’oqsma relatati ma’ l-impjieg li għandu jimtela, tkun l-Awtorità tal-Ħatra li jkollha tevalwa l-validità ta’ l-esperjenza supplimentari għall-impjieg in kwistjoni.

(ara l-punt 71)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Lulju 1989, Kerzmann vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 198/87, Ġabra p. 2083

6.       Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tippreżumi, minbarra l-illegalità ta’ l-aġir ilmentat ta’ l-istituzzjonijiet, l-eżistenza ta’ dannu mġarrab realment mir-rikorrent kif ukoll ta’ rabta’ kawżali bejn l-aġir u l-ħsara invokata.

Essenzjalment, sabiex tali rabta tiġi ammessa, hemm bżonn li tinġieb il-prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn il-ħsara mwettqa mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata u l-ħsara invokata.

Fil-kuntest partikolari ta’ kompetizzjoni, il-grad ta’ ċertezza tar-rabta kawżali jintlaħaq meta l-ħsara mwettqa minn istituzzjoni Komunitarja tkun, b’mod ċert, ċaħħdet lil persuna mhux neċessarjament mill-assenjazzjoni ta’ l-impjieg in kwistjoni, li l-persuna kkonċernata qatt ma tista’ tipprova li kellha dritt għalih, iżda minn opportunità serja li tiġi nnominata għalih, u bħala konsegwenza għall-persuna kkonċernata, bi ħsara materjali li tikkonsisti f’telf ta’ qliegħ. Peress li jidher probabbli ħafna, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li r-rispett tal-legalità kien iwassal lill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata sabiex tassenja l-impjieg lill-persuna kkonċernata, l-inċertezza teorika li tibqa’ rigward ir-riżultat li kien ikollha proċedura li tkun saret b’mod regolari, ma tistax tkun ta’ ostakolu għar-riparazzjoni tal-ħsara materjali reali li din ġarrbet meta ġiet irrifjutata mill-kompetizzjoni għall-impjieg li kellha kull possibbiltà li jiġi assenjat lilha.

(ara l-punti 92, 95 u 96)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il-Kummissjoni, T‑82/91, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II‑61, punt 72; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ April 2001, Pierard vs Il-Kummissjoni, T‑172/00, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑429, punt 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punti 149 u 150; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 148 u 149; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il-Kunsill, T‑116/03, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1541, punt 125