SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)
20 ta’ Novembru 2007
Kawża T-205/04
Alessandro Ianniello
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2001/2002 – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni”
Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett, minn naħa, l-annullament tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent 2001/2002 kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tat-18 ta’ Frar 2004 li tiċħad l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali mġarrab.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża
(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 26 u Artikolu 43)
2. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni – Projbizzjoni għal membru tal-kumitat involut fir-redazzjoni ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera milli jipparteċipa fl-eżami fil-mertu ta’ dan ta’ l-aħħar
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
3. Rikors għal annullament – Motivi
(Artikoli 230 KE u 253 KE)
4. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Rigress fl-evalwazzjoni meta mqabbla mal-evalwazzjoni ta’ qabel
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
5. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
6. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Tardività
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
1. Fil-qasam ta’ l-evalwazzjoni tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej, il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jippermetti lill-persuna kkonċernata, waqt il-proċedura ta’ evalwazzjoni, li tiddefendi lilha nfisha mill-allegazzjoni ta’ fatti li jistgħu jitressqu kontriha. Dan il-għan, b’mod partikolari, jitwettaq mill-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll bid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, li d-dispożizzjonijiet tagħhom jiżguraw li l-prinċipju tal-kontradittorju jiġi osservat matul l-imsemmija proċedura.
(ara l-punt 46)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il-Kummissjoni, T-277/03, ĠabraSP p. I-A-57 u II-243, punt 64
2. Sabiex jiggarantixxi li l-imparzjalità fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom ta’ membri tal-Kumitat konġunt ta’ evalwazzjoni mitlub jintervjeni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-uffiċjali ma tiġix kompromessa, l-Artikolu 8(6) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni jistabbilixxi l-obbligu għall-membri ta’ dan il-kumitat li jirriżenjaw u li jiġu sostitwiti minn membru supplenti jekk jidher li, fil-kapaċità tagħhom ta’ evalwaturi, validaturi jew ta’ evalwaturi ta’ l-appell, għandhom interessi inkompatibbli mal-missjoni tagħhom.
Minn dan jirriżulta li l-membri ta’ dan il-kumitat responsabbli għar-redazzjoni ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera ma jistgħux jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitat meta dan jeżamina l-ilment imressaq kontra dan ir-rapport.
Madankollu, is-sempliċi fatt li l-validatur tar-rapport, li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar’il fuq jipprojbixxuh milli jieħu parti fl-eżami ta’ l-istess rapport mill-kumitat, ma astjeniex milli jipparteċipa f’laqgħa tal-kumitat li fiha ġiet ittrattata s-sospensjoni ta’ l-eżami tar-rikors ta’ l-uffiċjal evalwat ma jistax iqiegħed fid-dubju l-imparzjalità ta’ dan il-kumitat, billi l-ebda aspett dwar il-mertu tar-rikors ma ġie eżaminat matul il-laqgħa in kwistjoni.
(ara l-punti 70 sa 72)
3. Fir-rigward tal-motivi li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, għandha ssir distinzjoni ċara bejn dak ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u dak ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, dawn huma żewġ motivi distinti, billi l-ewwel wieħed, li jirrigwarda nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti, jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens ta’ l-Artikolu 253 KE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja, filwaqt li t-tieni wieħed, li jirrigwarda l-illegalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ biss jiġi eżaminat mill-qorti Komunitarja jekk jiġi invokat mir-rikorrent.
(ara l-punt 92)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il-Kummissjoni, T-285/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata
4. L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva r-rapport ta’ evalwazzjoni b’mod suffiċjenti u dettaljat u li tqiegħed lill-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet fuq din il-motivazzjoni, peress li r-rispett ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa iktar u iktar importanti meta l-evalwazzjoni tkun inqas favorevoli meta mqabbla ma’ l-evalwazzjoni preċedenti.
Il-kummenti ġenerali li jakkompanjaw l-evalwazzjonijiet analitiċi għandhom jippermettu lill-persuna evalwata teżamina l-fondatezza tagħhom b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, u, jekk ikun il-każ, lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u, għal dan il-għan, għandu jkun hemm koerenza bejn dawn l-evalwazzjonijiet u l-kummenti intiżi sabiex jiġġustifikawhom.
(ara l-punti 94 u 95)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 21 ta’ Ottubru 1992, Maurissen vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T-23/91, Ġabra p. II-2377, punt 41; il-Qorti tal-Prim’Istanza, 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T-187/01, ĠabraSP p. I-A-81 u II-389, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata
5. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-persuni inkarigati bl-evalwazzjoni tax-xogħol tal-persuna evalwata. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tax-xogħol ta’ l-uffiċjali tagħhom. Id-deċiżjonijiet ta’ mertu meħuda dwar l-uffiċjali fir-rapporti ta’ l-iżvilupp tal-karriera huma esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju, li jiġi eżerċitat biss fuq l-eventwali irregolaritajiet proċedurali, fuq l-iżbalji ta’ fatt ċari li jolqtu l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni, kif ukoll fuq eventwali abbuż ta’ poter.
(ara l-punt 100)
Referenza: Andrieu vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata
6. Rapport ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi annullat, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għas-sempliċi raġuni li ġie redatt tard. Jekk dan id-dewmien fir-redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jagħti dritt għal kumpens lill-uffiċjal ikkonċernat, huwa ma jistax jaffettwa l-validità tar-rapport ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, lanqas ma jista’ jiġġustifika l-annullament tiegħu.
(ara l-punt 139)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 7 ta’ Mejju 2003, den Hamer vs Il-Kummissjoni, T-278/01, ĠabraSP p. I-A-139 u II-665, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata