Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża T-16/04,

Arcelor SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), inizjalment irrappreżentata minn W. Deselaers, B. Meyring u B. Schmitt-Rady, u sussegwentement minn W. Deselaers u B. Meyring, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn K. Bradley u M. Moore, u sussegwentement minn L. Visaggio u I. Anagnostopoulou, bħala aġenti,

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea , inizjalment irrappreżentat minn B. Hoff-Nielsen u M. Bishop, u sussegwentement minn E. Karlsson u A. Westerhof Löfflerova, u sussegwentement minn A. Westerhof Löfflerova u K. Michoel, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn U. Wölker, bħala aġent,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba għall-annullament parzjali tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), u, fit-tieni lok, talba għall-kumpens tad-dannu mġarrab mir-rikorrenti wara l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-kuntest ġuridiku

I – Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

1. L-Artikolu 174 KE jipprovdi li:

“1. Il-politika tal-Komunità dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu dawn il-miri li ġejjin:

– Is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent;

– il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

– l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

– il-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali li jittrattaw problemi ambjentali kemm reġjonali kif ukoll globali.

2. Il-Politika Komunitarja dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Komunità. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.

[…]

3. Fil-preparazzjoni tagħha tal-politika dwar l-ambjent, l-Komunità għandha tieħu in konsiderazzjoni:

– dati xjentifiċi u tekniċi eżistenti;

– l-kundizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti tal-Komunità;

– il-vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni;

– l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Komunità in ġenerali u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni tagħha.

[…]”

2. L-Artikolu 175(1) KE jipprovdi li:

“1. Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 [KE] wara li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jiddeċiedi liema azzjoni għandha tittieħed mill-Komunità sabiex tilħaq l-objettivi imsemmija fl-Artikolu 174 [KE].”

II – Id-direttiva kkontestata

3. Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631, iktar ’il quddiem id-“direttiva kkontestata”), li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ottubru 2003, tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem l-“iskema għall-iskambju ta’ kwoti”), sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari, id-dijossidu tal-karbonju (iktar ’il quddiem is-“CO 2 ”), b’mod effettiv fir-rigward ta’ spejjeż u effiċjenza ekonomika (Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata). Din hija bbażata fuq l-obbligi tal-Komunità taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta’ Kyoto. Dan tal-aħħar ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24). Il-Protokoll ta’ Kyoto daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005.

4. Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra antropoġeniċi aggregati elenkati fl-Anness A tal-Protokoll ta’ Kyoto bi 8 % meta mqabbla mal-livell tal-1990 fil-perijodu bejn l-2008 u l-2012 (premessa 4 tad-direttiva kkontestata). Għal dan il-għan, huma ftehmu li jwettqu l-impenji tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet, b’mod konġunt, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto abbażi ta’ ftehim ta’ “kondiviżjoni tal-piżijiet”, u li t-tabella tal-kontribuzzjonijiet ta’ kull Stat Membru tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2002/358.

5. Il-Protokoll ta’ Kyoto jistabbilixxi tliet mekkaniżmi li jippermettu lill-pajjiżi parteċipanti jilħqu l-għanijiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jiġifieri, l-ewwel nett, l-iskambju internazzjonali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, it-tieni nett, l-implementazzjoni konġunta ta’ proġetti ta’ tnaqqis u, it-tielet nett, il-mekkaniżmu għall-iżvilupp “nadif”, li minnhom iż-żewġ mekkaniżmi tal-aħħar huma wkoll magħrufa bħala “mekkaniżmi flessibbli”. Filwaqt li l-għan tal-implementazzjoni konġunta ta’ proġetti ta’ tnaqqis huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Protokoll ta’ Kyoto, il-mekkaniżmu għall-iżvilupp “nadif” jikkonċerna proġetti ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet li għandhom jitwettqu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li ma jadirixxux għall-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.

6. Sabiex l-għanijiet ta’ tnaqqis stabbiliti fil-Protokoll ta’ Kyoto u fid-Deċiżjoni 2002/358 jitwettqu fil-Komunità, id-direttiva kkontestata tipprovdi li, fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, l-operaturi tal-istallazzjonijiet elenkati fl-Anness I tagħha għandhom ikopru l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra permezz tal-kwoti allokati lilhom, b’mod konformi mal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni (iktar ’il quddiem il-“PNA”). Jekk operatur jirnexxielu jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu, huwa jkun jista’ jbigħ il-kwoti żejda tiegħu lil operaturi oħra. Min-naħa l-oħra, l-operatur ta’ stallazzjoni b’emissjonijiet eċċessivi jista’ jixtri l-kwoti neċessarji mingħand operatur li jkollu kwoti żejda.

7. Skont l-Anness I tad-direttiva kkontestata, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jaqgħu, b’mod partikolari, ċerti stallazzjonijiet ta’ kombustjoni intiżi għall-produzzjoni tal-enerġija kif ukoll għall-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ metalli tal-ħadid, bħall-“istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew ta’ l-azzar (fissjoni primarja jew sekondarja) inkluż il-għoti tal-forma bla waqfien, b’kapaċità li taqbeż it-2,5 tunnellati metriċi fis-siegħa.”

8. Id-direttiva kkontestata tipprovdi għal fażi inizjali bejn l-2005 u l-2007 (iktar ’il quddiem l-“ewwel perijodu ta’ allokazzjoni”), li jiġi qabel l-ewwel perijodu ta’ impenji stabbilit mill-Protokoll ta’ Kyoto, u sussegwentement, għat-tieni fażi bejn l-2008 u l-2012 (iktar ’il quddiem it-“tieni perijodu ta’ allokazzjoni”), li tikkorrispondi għall-ewwel perijodu ta’ impenji msemmi iktar ’il fuq (Artikolu 11 tad-direttiva kkontestata). Matul l-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni, id-direttiva kkontestata tapplika għal wieħed biss mill-gassijiet serra elenkati fl-Anness II, jiġifieri s-CO 2 , u tapplika biss għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I (Artikolu 2 tad-direttiva kkontestata), fosthom il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-metalli tal-ħadid.

9. B’mod iktar speċifiku, l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti hija bbażata, l-ewwel nett, fuq il-ħtieġa ta’ permess qabel l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (Artikoli 4 sa 8 tad-direttiva kkontestata) u, it-tieni nett, fuq il-prinċipju ta’ allokazzjoni ta’ kwoti li jippermetti l-emissjonijiet, minn operatur li jkollu permess, ta’ ċerta kwantità ta’ dawn il-gassijiet, bl-obbligu li kull sena jċedi n-numru ta’ kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali tal-istallazzjoni tiegħu (Artikolu 12(3) tad-direttiva kkontestata).

10. Għaldaqstant, kull stallazzjoni msemmija fl-Anness I tad-direttiva kkontestata għandu jkollha permess maħruġ mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Skont l-Artikolu 4 tad-direttiva kkontestata, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mill-1 ta’ Jannar 2005, l-ebda stallazzjoni ma tindħal għal attività elenkata fl-Anness I li tirriżulta fl-emissjonijiet speċifikati fejn tidħol din l-attivita għajr jekk l-operatur tagħha jkollu permess maħruġ minn awtorità kompetenti skond l-Artikoli 5 u 6, jew l-istallazzjoni tkun eskluża temporanjament mill-iskema [għall-iskambju ta’ kwoti] skond l-Artikolu 27” tal-imsemmija direttiva.

11. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-direttiva kkontestata jipprovdi li:

“Il-permessi għall-emissjoni tal-gassijiet serra għandu jkun fihom dan li ġej:

[…]

(ċ) il-ħtiġiet tal-monitoraġġ, fejn jiġu speċifikati l-metodoloġija u l-frekwenza tal-monitoraġġ;

(d) il-ħtiġiet tar-rappurtaġġ; u

(e) obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali ta’ l-istallazzjoni kull sena kalendarja, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15 [tad-direttiva kkontestata], fi żmien erba’ xhur mit-tmiem ta’ din is-sena.”

12. Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li abbażi tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jallokaw, fuq il-bażi ta’ PNA, il-kwoti lill-operaturi ta’ stallazzjonijiet, huma stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11 tad-direttiva kkontestata.

13. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(1) tad-direttiva kkontestata jipprovdi li:

“Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2) [tad-direttiva kkontestata], kull wieħed mill-Istati Membri għandu j[i]żviluppa [PNA] fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-[PNA] għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku. Mingħajr pr[e]ġudizzju għat-Trattat [KE], il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-iktar tard sal[-]31 ta’ Diċembru 2003 gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III.”

14. Il-Kummissjoni Ewropea ppreparat l-ewwel verżjoni tal-imsemmija gwida fil-qafas tal-komunikazzjoni tagħha COM (2003) 830 finali, tas-7 ta’ Jannar 2004, dwar il-gwida sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jimplementaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-direttiva kkontestata u l-kundizzjonijiet li fihom ikun hemm forza maġġuri. Permezz tal-komunikazzjoni tagħha COM (2005) 703 finali, tat-22 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni ppreparat gwida addizzjonali dwar il-PNA tat-tieni perijodu ta’ allokazzjoni (iktar ’il quddiem il-“gwida addizzjonali tal-Kummissjoni”).

15. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(1) tad-direttiva kkontestata:

“Għall-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1), il-pjan għandu jiġi ppjanat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2004. Għall-perjodi sussegwenti taż-żmien, il-pjan għandu jiġi ppubblikat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-inqas 18-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu taż-żmien rilevanti.”

16. Skont l-Artikolu 9(3) tad-direttiva kkontestata:

“Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-[PNA] minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-[PNA], jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10 [tad-direttiva kkontestata]. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) [tad-deċiżjoni kkontestata] jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni.”

17. Skont l-Artikolu 10 tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 95 % tal-kwoti mingħajr ħlas għall-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni u mill-inqas 90 % għat-tieni perijodu ta’ allokazzjoni.

18. L-Artikolu 11 tad-direttiva kkontestata, li jikkonċerna l-allokazzjoni u l-għoti ta’ kwoti, jipprovdi li:

“1. Għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas tliet xhur qabel il-bidu tal-perjodu taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-[PNA] żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10 [tad-direttiva kkontestata], filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.

2. Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perjodu taż-żmien ta’ ħames snin sussegwenti, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-[PNA] żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10 [tad-direttiva kkontestata], filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.

3. Id-deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 1 jew 2 għandhom ikunu skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikoli 87 u 88 tiegħu. Meta jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar allokazzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi pprovvdut aċċess għall-kwoti għal min jidħol ġdid.

[…]”

19. L-Anness III tad-direttiva kkontestata jelenka ħdax-il kriterju applikabbli għall-PNA.

20. Il-kriterju 1 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata jistabbilixxi li:

“Il-kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li jridu jiġu allokati għall-perjodu rilevanti taż-żmien għandha tkun konsistenti ma’ l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skond id-Deċiżjoni 2002/358 […] u l-Protokoll ta’ Kyoto, fil-waqt li jitqiesu, minn banda waħda, l-proporzjon ta’ l-emissjonijiet ġenerali li dawn l-emissjonijiet jirrappreżentaw f’paragun ma’ l-emissjonijiet minn sorsi mhux koperti b’din id-Direttiva u, mill-banda l-oħra, il-politiki nazzjonali dwar l-enerġija, u għandhom ikunu konsistenti mal-programm nazzjonali tal-bidla fil-klima. Il-kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata ma għandhiex tkun iktar milli x’aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ dan l-Anness.Qabel is-sena 2008, il-kwantità għandha tkun konsistenti mat-triq lejn il-kisba jew in-nuqqas tal-kisba tal-mira ta’ kull wieħed mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni 2002/358 […] u l-Protokoll ta’ Kyoto.”

21. Il-kriterju 3 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata jipprovdi li:

“Il-kwantitajiet tal-kwoti li jridu jiġu allokati għandhom ikunu konsistenti mal-potenz[j]ali, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta’ l-attivi[t]ajiet koperti b’din l-iskema [għall-iskambju ta’ kwoti] sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jsejsu d-distribuzzjoni tagħhom tal-kwoti fuq l-emissjonijiet medji tal-gassijiet serra skond il-prodott f’kull attività u l-progress li jista’ jinkiseb f’kull attività.”

22. Skont il-kriterju 6 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata, “[i]l-pjan għandu jkun fih tagħrif dwar il-manjiera li fiha dawk li jidħlu ġodda jkunu kapaċi li jibdew jipparteċipaw fl-iskema [għall-iskambju ta’ kwoti] fl-Istati Membri interessati.”

23. Skont il-kriterju 7 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata, “[i]l-[PNA] jista’ jakkommoda azzjoni bikrija [ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet] u għandu jkun fih it-tagħrif dwar il-manjiera li fiha titqies l-azzjoni bikrija.” Skont dan l-istess kriterju, “[j]istgħu jintużaw fl-Istati Membri l-livelli tal-gradazzjoni derivati mid-dokumenti tar-riferiment li jirrigwardaw l-aħjar teknoloġiji disponibbli fl-iżvilupp tal-[PNA] tagħhom […], u dawn il-livelli tal-gradazzjoni jistgħu jinkorporaw element li jakkommoda l-azzjoni bikrija [ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet].”

24. L-Artikolu 12(1) tad-direttiva kkontestata jipprovdi li l-kwoti jistgħu jiġu ttrasferiti bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-Komunità jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’pajjiżi terzi, sakemm ikun ġie konkluż ftehim bejn dawn il-pajjiżi u l-Komunità skont l-Artikolu 25 tad-direttiva kkontestata u dawn il-kwoti jkunu rikonoxxuti b’mod reċiproku mill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru. Skont l-Artikolu 12(3) tad-direttiva kkontestata, qabel l-1 ta’ Mejju ta’ kull sena, kull operatur ta’ stallazzjoni għandu jċedi numru ta’ kwoti lill-awtorità kompetenti li jkun ekwivalenti għall-emissjonijiet totali ta’ din l-istallazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel sabiex dawn il-kwoti jkunu jistgħu jiġi sussegwentement ikkanċellati.

25. L-Artikolu 13(1) tad-direttiva kkontestata jipprovdi li l-kwoti huma validi biss għall-emissjonijiet prodotti matul il-perijodu li għalih ikunu nħarġu.

26. Skont l-Artikolu 16(2) tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jippubblikaw l-ismijiet tal-operaturi li ma jkunux osservaw il-ħtieġa li jċedu kwoti biżżejjed skont l-Artikolu 12(3) tad-direttiva kkontestata. L-Artikolu 16(3) u (4) jipprovdi li kull operatur li ma jkunx ċeda numru biżżejjed ta’ kwoti sabiex ikopri l-emissjonijiet tas-sena ta’ qabel ikollu jħallas multa għall-emissjonijiet żejda, li hija ta’ EUR 40 fl-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni u ta’ EUR 100 fil-perijodu sussegwenti, għal kull tunnellata żejda ta’ CO 2 ekwivalenti mitfugħa fl-arja mill-istallazzjoni u li ma tkunx koperta minn kwota ċeduta. Barra minn hekk, il-ħlas tal-multa imposta għall-emissjonijiet żejda ma jeħlisx lill-operatur mill-obbligu li jċedi numru ta’ kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali tiegħu.

27. Skont l-Artikolu 24 tad-direttiva kkontestata, suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3. p. 124), l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti għal attivitajiet, għal stallazzjonijiet u għal gassijiet serra addizzjonali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha rilevanti, b’mod partikolari, l-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti u l-affidabbiltà fil-monitoraġġ u fis-sistema prevista ta’ rappurtaġġ.

28. L-Artikolu 27 tad-direttiva kkontestata jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu wkoll jitolbu lill-Kummissjoni sabiex ċerti stallazzjonijiet jiġu esklużi temporanjament mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti u l-Kummissjoni tista’ tirrispondi għal din it-talba permezz ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 28 tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jawtorizzaw lill-operaturi, fuq talba tagħhom stess, sabiex jifformaw ġabra ta’ stallazzjonijiet mill-istess settur ta’ attività. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 29 tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex ċerti stallazzjonijiet jibbenefikaw minn kwoti addizzjonali fil-każ ta’ forza maġġuri.

29. L-Artikolu 30 tad-direttiva kkontestata, intitolat “Ir-rivista u iktar żvilupp”, jipprovdi li:

“[…]

2. Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-progress miksub fil-monitoraġġ ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra u fid-dawl ta’ l-iżviluppi fil-kuntest internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, fejn tikkunsidra:

(a) kif u jekk l-Anness I għandux jiġi emendat sabiex jinkludi setturi oħra rilevanti, fost l-oħrajn is-setturi tal-kimiċi, ta’ l-aluminju u tat-trasport, l-attivitajiet u l-emissjoni ta’ gassijiet oħra elenkati fl-Anness II, bil-ħsieb li tittejjeb iktar l-effiċjenza ekonomika ta’ l-iskema [għall-iskambju ta’ kwoti].

[…]”

Il-fatti u l-proċedura

30. Ir-rikorrenti, Arcelor SA, inħolqot wara għaqda li saret bejn ARBED, Aceralia u Usinor fl-2001. Wara l-għaqda tagħha ma’ Mittal fl-2006, hija sar jisimha ArcelorMittal u saret l-ewwel produttur tal-azzar fid-dinja. Madankollu, meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, b’volum ta’ produzzjoni ta’ 44 miljun tunnellata fis-sena, li minnu iktar minn 90 % kien prodott fl-Unjoni Ewropea, ir-rikorrenti kienet tirrappreżenta inqas minn 5 % tal-produzzjoni tal-azzar fid-dinja. Hija għandha 17-il stallazzjoni ta’ produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar stabbiliti fl-Unjoni u li jinsabu fi Franza (Fos-sur-Mer, Florange u Dunkerque), fil-Belġju (Liège u Gand), fi Spanja (Gijón-Avilés) u fil-Ġermanja (Bremen u Eisenhüttenstadt).

31. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

32. Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tannulla l-Artikolu 4, l-Artikolu 6(2)(e), l-Artikolu 9, l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 16(2) sa (4), moqri flimkien mal-Artikolu 2, l-Anness I u l-kriterju 1 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata, peress li dawn id-dispożizzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”) japplikaw għal stallazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar inkluż l-għoti tal-forma kontinwu, b’kapaċità li taqbeż it-2.5 tunnellati fis-siegħa;

– tikkonstata li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom l-obbligu li jipprovdu kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati;

– tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

33. Fir-replika, ir-rikorrenti titlob ukoll, b’mod sussidjarju, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-direttiva kkontestata kompletament.

34. Permezz ta’ atti separati rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 u fis-6 ta’ April 2004, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn l-eċċezzjonijiet fil-25 ta’ Ġunju 2004.

35. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni talbet, skont l-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Ġunju 2004, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. B’mod konformi mal-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura, fit-2 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha li kienet limitata għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà.

36. Il-Parlament u l-Kunsill, fl-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tagħhom, u l-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha dwar l-ammissibbiltà, talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

37. Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2005, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ġew magħquda fir-rigward tal-mertu, u l-ispejjeż ġew irriżervati.

38. Il-Kunsill, fir-risposta tiegħu, il-Parlament, fil-kontroreplika tiegħu u l-Kummissjoni, fin-nota ta’ intervent tagħha dwar il-mertu, jitolbu wkoll, b’mod sussidjarju, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat.

39. Fuq il-bażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirrispondu għal xi domandi bil-miktub qabel is-seduta. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrispondew għal dawn id-domandi fit-termini mogħtija.

40. Fis-seduta tal-15 ta’ April 2008, saret it-trattazzjoni mill-partijiet u nstemgħu r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

41. Fis-seduta, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tielet Awla ordna s-sospensjoni tal-proċeduri, skont l-Artikolu 77(a) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha fil-Kawża C-127/07, u dan ġie vverbalizzat waqt is-seduta.

42. Wara li fis-16 ta’ Diċembru 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-kawża Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07,Ġabra p. I- 9895), il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-konsegwenzi li setgħu jiġu dedotti minn dik is-sentenza fl-ambitu ta’ din il-kawża. Wara li l-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini mogħtija, il-proċedura orali ġiet magħluqa.

43. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali u stiednet lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom fuq il-konsegwenzi eventali li għandhom jitnisslu minn din iċ-ċirkustanza u b’mod partikolari mid-dħul fis-seħħ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-Trattat FUE fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Peress li l-partijiet għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom, il-proċedura orali ngħalqet.

Id-dritt

I – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament

A – L-argumenti tal-partijiet

1. L-argumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

44. Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li t-talba għall-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata hija inammissibbli.

45. Skont il-Parlament u l-Kunsill, id-direttiva kkontestata hija “direttiva vera” fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, jiġifieri att ta’ applikazzjoni ġenerali li għandu jiġi traspost mill-Istati Membri fid-dritt nazzjonali u li japplika b’mod astratt għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament. Però, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE ma jipprovdix għal rikors dirett minn individwi kontra tali direttiva.

46. Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jikkunsidraw ukoll li r-rikorrenti ma hijiex la direttament u lanqas individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Arikolu 230 KE.

47. Fir-rigward tal-kriterju ta’ interess dirett, il-Parlament u l-Kunsill isostnu, essenzjalment, li, b’differenza minn regolament, “direttiva vera” ma tistax tipproduċi direttament effetti legali vinkolanti għas-sitwazzjoni legali ta’ individwu, u saħansitra timponi fuqu obbligi legali qabel ma jiġu adottati miżuri, fuq livell nazzjonali jew Komunitarju, li jimplementaw id-direttiva jew wara li jkun għadda t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha. Konsegwentement, tali direttiva ma tistax, minnha nnifisha, tkun tikkonċerna lil dan l-individwu direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-għoti ta’ permessi ta’ emissjonijiet, l-obbligi fil-qasam tal-monitoraġġ u tar-rappurtaġġ, it-twaqqif ta’ PNA kif ukoll l-allokazzjoni u l-għoti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma jimponu ebda obbligu fuq ir-rikorrenti u ma jibdlux is-sitwazzjoni legali tagħha sakemm ma jiġux trasposti minn dispożizzjonijiet nazzjonali.

48. Barra minn hekk, il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li d-direttiva kkontestata tħalli marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tagħha permezz ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-PNA skont l-Artikolu 9, id-determinazzjoni tal-perċentwali minimu ta’ kwoti li jiġu allokati mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10, l-iffissar, b’mod konformi mal-Artikolu 11, tal-kwantità totali ta’ kwoti għall-perijodu ta’ allokazzjoni inkwistjoni u l-għoti tagħhom lill-operaturi ta’ stallazzjonijiet skont il-kriterji tal-Anness III tiegħu.

49. Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument li d-direttiva kkontestata ċċaħħad lir-rikorrenti milli tibbenefika mill-permessi ta’ emissjonijiet miksuba taħt id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80). Id-Direttiva 96/61 hija biss strument ta’ koordinazzjoni li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-testi leġiżlattivi settorjali u li tiddefinixxi, b’mod partikolari, l-obbligi ġenerali tal-operaturi u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess (premessa 9 tad-Direttiva 96/61). Madankollu, hija ma tagħtix drittijiet ta’ emissjonijiet u lanqas tikkostitwixxi bażi legali diretta sabiex jingħataw tali drittijiet. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda livell massimu ta’ emissjonijiet li huwa stabbilit mid-Direttiva  96/61 stess (Artikolu  9 tad-Direttiva  96/61).

50. Il-Parlament u l-Kunsill jikkonkludu, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

51. Fir-rigward tal-kriterju ta’ interess individwali, il-Kunsill isostni li d-direttiva kkontestata tapplika b’mod ġenerali u astratt għall-operaturi kollha li jwettqu l-attivitajiet elenkati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva u għall-istallazzjonijiet kbar kollha li jitfgħu s-CO 2 , inklużi l-istallazzjonijiet li jipproduċu ħadid mhux maħdum u azzar. Madankollu, ir-rikorrenti ma tatx prova li s-sitwazzjoni tagħha kienet differenti minn dik ta’ produtturi oħra tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar. Il-Kunsill iżid jgħid li, skont il-kriterju 6 tal-Anness III u l-Artikolu 11(3) tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiffaċilitaw l-aċċess għall-kwoti għal dawk li jidħlu ġodda fis-suq. Barra minn hekk mill-1 ta’ Mejju 2004, id-direttiva kienet ser tkun applikabbli għall-produtturi tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar stabbiliti fl-għaxar Stati Membri li, f’din id-data, daħlu fl-Unjoni u li l-attivitajiet tagħhom huma wkoll koperti mill-Anness I tal-imsemmija direttiva.

52. Il-Parlament u l-Kunsill iqisu li la l-Artikolu 175(1) KE, inkwantu bażi legali għall-azzjonijiet tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent, u lanqas l-Artikolu 174 KE, ma jimponu obbligu fuq il-leġiżlatur Komunitarju li, fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ ċerti operaturi. Obbligu bħal dan lanqas jirriżulta minn dispożizzjoni legali superjuri oħra, bħall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali jew id-drittijiet fundamentali. Skont il-Parlament u l-Kunsill, ma jistax jiġi dedott li individwu għandu dritt li jippreżenta rikors dirett quddiem il-qorti Komunitarja, mingħajr ma jintilef l-iskop tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tatx prova li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jipproduċu “konsegwenzi drammatiċi” għas-sitwazzjoni partikolari tagħha tant li dawn jistgħu jitqiesu bħala kuntrarji għad-dispożizzjonijiet legali superjuri invokati.

53. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrenti li hija ġiet affettwata b’mod partikolarment serju peress li, inkwantu l-ikbar produttur tal-azzar fl-Ewropa, hija tinsab f’sitwazzjoni unika minħabba r-ristrutturazzjoni tagħha, il-marġni ta’ qligħ limitat tagħha u t-tnaqqis kunsiderevoli tal-emissjonijiet ta’ CO 2 li diġà wettqet. Ma huwiex biżżejjed li ċerti operaturi jiġu ekonomikament iktar affettwati mill-kompetituri tagħhom permezz ta’ att sabiex dan l-att ikun jikkonċernahom individwalment. Fil-fehma tal-Kunsill, ir-rikorrenti hija affettwata biss minħabba l-istatus oġġettiv tagħha ta’ produttur tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, bl-istess mod bħal kull operatur ieħor fl-istess sitwazzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li att ta’ applikazzjoni ġenerali jista’ jkollu effetti speċifiċi li jkunu differenti fir-rigward tad-diversi suġġetti tad-dritt li japplika għalihom ma huwiex ta’ natura li jindividwa lir-rikorrenti minn fost l-operaturi l-oħra kkonċernati, peress li dan l-att, bħad-direttiva kkontestata, jiġi applikat abbażi ta’ sitwazzjoni ddeterminata oġġettivament.

54. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-direttiva kkontestata tfixkel ir-ristrutturazzjoni tal-grupp tagħha peress li ma tippermettix it-trasferiment transkonfinali tal-kwoti marbuta mal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ stallazzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti, il-Kunsill jirrepeti u jgħid li r-rikorrenti ma tatx spjegazzjoni tar-raġunijiet li għalihom hija allegatament l-uniku operatur affettwat, meta hija stess issemmi l-eżempju tar-ristrutturazzjoni kurrenti tal-kumpannija Corus. Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li jintużaw il-kwoti allokati lil stallazzjonijiet magħluqa tiddependi ħafna fuq id-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Għaldaqstant, qrib nofshom awtorizzaw it-trasferiment ta’ kwoti ta’ stallazzjoni magħluqa lejn stallazzjoni ta’ sostituzzjoni, anki jekk, f’diversi każijiet dawn it-trasferimenti kienu possibbli biss fl-istess Stat Membru. Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jgħid li fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħhom, l-Istati Membri kollha għażlu, skont l-Artikolu 11(3) u l-kriterju 6 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata, li jallokaw, mingħajr ħlas, kwoti mir-riżerva lil dawk li jidħlu ġodda fis-suq. Barra minn hekk, anki jekk jiġi presuppost li r-rikorrenti ma tistax tittrasferixxi l-kwoti allokati lill-istallazzjonijiet li kellhom jingħalqu lejn stallazzjonijiet oħra tal-grupp tagħha, hija tista’ titlob li tiġi allokata kwoti mingħajr ħlas meta jiġu estiżi l-kapaċitajiet tal-istallazzjonijiet l-oħra, peress li l-kunċett ta’ “min jidħol ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) tad-direttiva kkontestata, ikopri l-estensjoni ta’ stallazzjoni eżistenti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li jistgħu jittieħdu fi stadju bikri, il-Kunsill ifakkar li, skont il-kriterju 7 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata, PNA jista’ jieħu dawn il-miżuri inkunsiderazzjoni u, f’dan ir-rigward, l-Istati Membri għadhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni.

55. Skont il-Parlament u l-Kunsill, ir-rikorrenti ma tatx prova li, fir-rigward tad-direttiva kkontestata, hija tinsab f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207) ; tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni (C‑152/88, Ġabra p. I‑2477, punt 28), u tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorníu vs Il-Kunsill (C‑309/89, Ġabra p. I‑1853), kif ukoll fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni (T‑480/93 u T‑483/93, Ġabra p. II‑2305, punt 67), u tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill (T‑135/96, Ġabra p. II‑2335). Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-kuntratti għall-provvista ta’ gass għal żmien twil, li r-rikorrenti kkonkludiet ma’ stazzjonijiet tal-enerġija elettrika qabel l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, il-Kunsill iqis li ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq f’dan il-punt sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ interess individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jiġifieri, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ dispożizzjoni legali superjuri li tobbliga lill-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ dik ta’ kull persuna oħra kkonċernata, u, it-tieni nett, il-fatt li l-att kkontestat ifixkel, kompletament jew parzjalment, l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Ir-rikorrenti ssostni hija stess li l-gass imsemmi f’dawn il-kuntratti huwa pprovdut kemm lill-istazzjonijiet tal-enerġija elettrika tagħha stess kif ukoll lil stazzjonijiet ta’ terzi. Għaldaqstant, hija tista’ tibbenefika mill-kwoti allokati lill-istazzjonijiet tal-grupp jew tittrasferixxihom bejn id-diversi stallazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħha. Fil-fatt, skont il-Kunsill, b’mod konformi mal-punt 92 tal-gwida tal-Kummissjoni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), meta gass residwu li jirriżulta minn proċess ta’ produzzjoni ta’ stallazzjoni jintuża bħala kombustibbli minn stallazzjoni oħra, huwa l-Istat Membru li għandu jiddeċiedi dwar il-kondiviżjoni tal-kwoti bejn dawn iż-żewġ stallazzjonijiet. Għalhekk, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jalloka l-kwoti lill-operatur tal-istallazzjoni li tittrasferixxi l-gassijiet residwi, jiġifieri, f’dan il-każ, lil produttur tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, anki jekk l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni tal-imsemmija gassijiet ma jkunux iġġenerati mill-istallazzjoni tal-produzzjoni tal-azzar inkwantu tali, iżda mill-istazzjon tal-enerġija elettrika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tatx prova li d-direttiva kkontestata tfixkilha milli teżegwixxi l-kuntratti għall-provvista tal-gass inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, il-fatt biss li hemm riskju li d-direttiva kkontestata, minħabba l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni, tirrendi l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti iktar diffiċli ma jippermettix li jiġi stabbilit li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata.

56. Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jissottomettu li r-rikorrenti lanqas tat prova li hija kienet tifforma parti minn kategorija magħluqa ta’ operaturi. Peress li d-direttiva tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li tapplika għall-operaturi kollha li jwettqu l-attivitajiet ddefiniti fl-Anness I, ir-rikorrenti hija kkonċernata biss fil-kapaċità oġġettiva tagħha ta’ produttur tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar, l-istess bħal kull operatur ieħor li jinsab fl-istess sitwazzjoni. Għalhekk, il-fatt li fil-mument tal-adozzjoni tad-direttiva kkontestata kienu jeżistu biss ħmistax-il produttur tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikorrenti tiġi individwalizzata. Skont il-Parlament, anki l-fatt li fil-mument tal-adozzjoni tad-direttiva r-rikorrenti tappartjeni għal “grupp magħluq u identifikabbli” jew li ekonomikament tiġi affettwata iktar mill-kompetituri tagħha ma għandux l-effett li jindividwalizzaha bħala destinatarju.

57. Il-Kunsill jikkontesta l-argument li r-rikorrenti tista’ ssir “xerrej nett ta’ kwoti” minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħha. F’dan ir-rigward, huwa jfakkar, l-ewwel nett li, matul l-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni, l-Istati Membri għandhom jallokaw, mingħajr ħlas, tal-inqas 95 % tal-kwoti previsti mill-PNA u tal-inqas 90 % matul it-tieni perijodu ta’ allokazzjoni. It-tieni nett, skont l-Artikolu 12(1) u (2) tad-direttiva kkontestata, il-kwoti jistgħu jiġi ttrasferiti mingħajr restrizzjoni, kemm fi ħdan l-istess grupp ta’ impriżi kif ukoll lil persuni oħra li jkunu jinsabu fil-Komunità jew f’pajjiż terz. It-tielet nett, in-numru ta’ kwoti allokati inizjalment jiġi ddeterminat, b’mod diskrezzjonali, minn kull Stat Membru filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni serje ta’ fatturi u ta’ kriterji (ara l-punti 47 et seq iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, il-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta’ Kyoto (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) joffru lill-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar il-possibbiltà li jikkonvertu krediti ta’ emissjonijiet miksuba mill-proġetti rilevanti fi kwoti li jistgħu jintużaw fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Konsegwentement, ir-rikorrenti tkun f’pożizzjoni li tikseb, mingħajr ħlas, il-kwoti għall-emissjonijiet totali tagħha.

58. Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jiċħad l-argument li l-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar jinsabu f’“sitwazzjoni unika magħluqa” minħabba li fl-industrija tal-azzar ma teżistix possibbiltà teknika sabiex l-emissjonijiet ta’ CO 2 jonqsu iktar. F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni, essenzjalment, li jeżistu possibbiltajiet tekniċi sabiex l-emissjonijiet fis-settur tal-azzar jonqsu, kemm għal żmien qasir kif ukoll għal żmien twil, li l-Komunità tipprovdi għajnuna finanzjarja sinjifikattiva għar-riċerka f’dan ir-rigward, u li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti toffri lill-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar inċentivi ekonomiċi sabiex inaqqsu iktar l-emissjonijiet tagħhom ta’ CO 2 .

59. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar ma humiex f’pożizzjoni li jgħaddu lill-klijenti tagħhom iż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni minħabba l-bżonn li jinxtraw kwoti ta’ emissjonijiet, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jargumenta li l-bżonn ta’ tali produttur li jixtri l-kwoti jiddependi fuq il-kwantità inizjali tal-kwoti li jkunu ġew allokati lilu abbażi tal-PNA u l-isforzi tiegħu li jnaqqas l-emissjonijiet. Ir-rikorrenti tirreferi hija stess għall-proċess ta’ ristrutturazzjoni tal-grupp tagħha u għat-tnaqqis tan-numru tal-kalkari ta’ funderija tagħha (blast furnaces) mil-lum sal-2012, li, fih innifsu, għandu jnaqqas l-emissjonijiet. Dan huwa partikolarment il-każ meta, skont id-dikjarazzjoni pubblika tar-rikorrenti, il-kalkari ta’ funderija tagħha ser jiġu sostitwiti minn fran b’ark elettriku (electric arc furnaces) li jikkawżaw inqas emissjonijiet ta’ CO 2 għal kull tunnellata azzar prodotta. Anki jekk jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kellha tixtri kwoti addizzjonali, l-ispejjeż relatati jistgħu jiġu mgħoddija, tal-inqas parti minnhom, lill-konsumaturi minħabba ż-żieda kunsiderevoli fil-prezzijiet fis-settur tal-azzar li qiegħed dejjem jikber.

60. Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jikkonkludu li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-direttiva kkontestata u li t-talba għal annullament għandha, konsegwentement, tiġi ddikjarata bħala inammissibbli.

61. Barra minn hekk, il-Parlament, sostnut mill-Kummissjoni, jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal annullament peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu separati mill-bqija tad-direttiva kkontestata mingħajr ma jintilef l-iskop tagħha. Fil-fatt, skont il-Parlament, jekk, pereżempju, jitneħħew l-obbligi li jirrigwardaw il-permess ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Artikoli 4 u 6) u l-PNA (Artikolu 9), ir-riżultat ikun att li l-kontenut tiegħu jiġi jfisser kompletament “bil-kontra”.

62. F’dan ir-rigward, il-Parlament jikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tibqa’ “essenzjalment intatta” jekk il-prodotturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar jiġu esklużi mill-kamp tagħha ta’ applikazzjoni, peress li dan l-aspett ma għandu ebda rabta mal-kwistjoni dwar jekk l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jkollux l-effett li jibdel il-kontenut tal-bqija tad-direttiva kkontestata. Barra minn hekk, skont il-Parlament u l-Kunsill, ma jistax jirnexxi t-tentattiv tardiv tar-rikorrenti, fl-istadju tar-replika u, konsegwentement, kuntrarju għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tibdel it-talbiet tagħha b’tali mod li issa r-rikors għandu jiġi interpretat “bħala li jinkludi talba għall-annullament sħiħ tad-direttiva [kkontestata] jekk annullament parzjali ma jkunx possibbli”. Dan l-approċċ iwassal sabiex it-talbiet inizjali tar-rikorrenti għal “annullament parzjali” tad-direttiva kkontestata jiġu estiżi u mhux imnaqqsa. Madankollu, ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda punt ġdid ta’ liġi u ta’ fatt li ħareġ matul il-proċeduri, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jista’ jiġġustifika l-introduzzjoni ta’ motiv ġdid.

63. Konsegwentement, il-Parlament u l-Kunsill iqisu li t-talba għal annullament għandha tiġi ddikjarata inammissibbli għal din ir-raġuni wkoll.

64. Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom jitnisslu mid-dħul fis-seħħ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li din iċ-ċirkustanza ma tistax tbiddel din l-evalwazzjoni, inkwantu l-imsemmi artikolu ma huwiex applikabbli f’din il-proċedura u d-direttiva kkontestata ma hijiex att leġiżlattiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2. L-argumenti tar-rikorrenti

65. Preliminarjament, ir-rikorrenti ssostni li, skont ġurisprudenza stabbilita dwar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, is-sempliċi fatt li l-miżura kkontestata hija direttiva ma huwiex biżżejjed sabiex rikors għal annullament jiġi ddikjarat inammissibbli. Infatti, rikors għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva huwa ammissibbli jekk ir-rikorrent ikun direttament u individwalment ikkonċernat minn dawn id-dispożizzjonijiet.

66. Fir-rigward tal-kriterju ta’ interess dirett, ir-rikorrenti ssostni li anki jekk, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, direttiva tirrikjedi att ta’ traspożizzjoni min-naħa tal-Istati Membri sabiex tipproduċi effetti diretti fir-rigward tas-sitwazzjoni legali ta’ operaturi ekonomiċi, din il-kundizzjoni ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex jiġi konkluż li hija ma hijiex direttament ikkonċernata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Li kieku dan ikun il-każ, id-direttivi ma jistgħu qatt jiġu kkontestati minn tali operatur, li jkun inkompatibbli mal-ġurisprudenza kif ukoll mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Meta miżura Komunitarja, inkluża direttiva, ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-obbligu li jiġi impost fuq ir-rikorrent, jiġifieri meta l-implementazzjoni tagħha tkun purament awtomatika, tali rikorrent ikun direttament ikkonċernat. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet ma jistgħux, sempliċement minħabba l-għażla tal-forma tal-att adottat, iċaħħdu lil dan ir-rikorrent mill-protezzjoni ġudizzjarja stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

67. F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jħallu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-obbligi imposti fuq ir-rikorrenti.

68. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li skont l-Artikolu 4 tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2005, il-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar ma joperawx l-istallazzjonijiet tagħhom mingħajr permess ta’ emissjonijiet. L-Istati Membri ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. L-Artikolu 27(1) tad-direttiva kkontestata jipprovdi biss għal possibbiltà waħda ta’ esklużjoni temporanja ta’ ċerti stallazzjonijiet mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti sal-31 ta’ Diċembru 2007, bil-konsegwenza li l-ħtieġa ta’ permess ikollha effett, l-iktar tard, mill-1 ta’ Jannar 2008. Bl-istess mod, il-possibbiltà għall-Istati Membri, stabbilita fl-Artikolu 27(2) tad-direttiva kkontestata, li jipprovdu għal esklużjoni temporanja bejn l-2005 u l-2007, ma tagħtihom ebda setgħa diskrezzjonali u peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma tant restrittivi, din l-esklużjoni ma hijiex rilevanti fil-prattika.

69. It-tieni nett, l-argument ibbażat fuq il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-preparazzjoni tal-PNA huwa irrilevanti peress li d-direttiva kkontestata tagħmel distinzjoni ċara bejn il-permess (Artikolu 4) u l-kwoti (Artikolu 9). Il-ħtieġa ta’ permess għall-emissjonijiet ta’ CO 2 tipproduċi, fiha nnifisha, effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti peress li hija tirrendi parzjalment invalidi l-permess tal-operat u d-drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ CO 2 maħruġa skont id-Direttiva 96/61, li hija kellha preċedentement għall-istallazzjonijiet ta’ produzzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(2) tad-direttiva kkontestata, dan il-permess huwa suġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-monitoraġġ u tar-rappurtaġġ kif ukoll fir-rigward tal-obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti neċessarji sabiex jiġu koperti l-emissjonijiet ta’ CO 2 tal-istallazzjoni kkonċernata matul kull sena kalendarja. Skont ir-rikorrenti, l-Istati Membri ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-obbligi imposti fuqha f’dan ir-rigward.

70. It-tielet nett, skont l-Artikolu 9 tad-direttiva kkontestata, moqri flimkien mal-kriterju 1 tal-Anness III tagħha, il-kwantità totali ta’ kwoti allokati għall-perijodu ta’ allokazzjoni ta’ riferiment għandha, l-ewwel nett, tkun kompatibbli mal-obbligu tal-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu, b’mod konformi mad-Deċiżjoni 2002/358 u mal-Protokoll ta’ Kyoto, u, it-tieni nett, ma għandhiex tkun iktar mill-kwantità neċessarja għall-applikazzjoni stretta tal-kriterju 3 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata. Minn dan jirriżulta li, meta l-Istati Membri jistabbilixxu l-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati, huma għandhom josservaw, mingħajr ebda marġni ta’ diskrezzjoni, “limitu massimu assolut ta’ kwoti”. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-punt 10 tal-gwida addizzjonali tal-Kummissjoni rigward l-kriterju 3 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

71. Ir-raba’ u l-aħħar nett, skont l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 16 tad-direttiva kkontestata, l-Istati Membri għandhom, mingħajr ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, minn naħa, jimponu obbligu fuq kull operatur li, l-iktar tard, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, iċedi kwantità ta’ kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali tiegħu matul s-sena kalendarja ta’ qabel, u, min-naħa l-oħra, huma għandhom jimponu penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu.

72. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jħallu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-obbligi imposti fuqha u li, għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawha direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

73. Ir-rikorrenti tqis li hija wkoll individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. L-ewwel nett, il-leġiżlatur Komunitarju għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi gravi li jirriżultaw minnhom għas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti u, it-tieni nett, hija tifforma parti minn kategorija magħluqa, magħmula minn numru limitat ta’ produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar affettwati mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

74. Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, l-obbligu tal-leġiżlatur Komunitarju li jieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li l-att li jkun ser jadotta jista’ jkollu fuq is-sitwazzjoni ta’ ċerti individwi huwa ta’ natura li jindividwalizzahom (sentenzi Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 19; Sofrimport vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 11, u Codorníu vs Il-Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq, punt 20); dan l-obbligu jista’ jirriżulta minn dispożizzjoni partikolari tat-Trattat KE (sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 67), jew minn dispożizzjoni legali superjuri oħra (sentenza UEAPME vs Il-Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq, punt  90), bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ trattament ugwali u d-drittijiet fundamentali.

75. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li b’ħarsien tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, kif ukoll tad-dritt tagħha ta’ proprjetà u tal-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika, il-leġiżlatur Komunitarju kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti gravi ħafna li d-direttiva kkontestata seta’ jkollha fuq is-sitwazzjoni partikolari tagħha. Għalhekk, billi, kuntrarjament għall-proposti oriġinali tal-Parlament u tal-Kummissjoni, huwa naqas milli jinkludi setturi oħra fl-Anness I tad-direttiva kkontestata – b’mod partikolari s-setturi kompetituri tal-metall mhux tal-ħadid u tal-prodotti kimiċi – il-leġiżlatur Komunitarju kiser il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. Huwa kiser ukoll id-dritt ta’ proprjetà u l-libertà ta’ stabbiliment tar-rikorrenti kif ukoll il-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika u l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma għarafx li huwa teknikament u ekonomikament impossibbli għall-prodotturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar li jnaqqsu iktar l-emissjonijiet ta’ CO 2 . Billi għamel dan, il-leġiżlatur Komunitarju impona piż sproporzjonat fuq ir-rikorrenti li jqiegħed l-eżistenza tagħha f’riskju peress li hija ssir neċessarjament “xerrej nett ta’ kwoti” mingħajr il-possibbiltà li tgħaddi l-ispejjeż relatati lill-klijenti tagħha. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma sproporzjonati peress li ma humiex akkumpanjati b’miżuri li, tal-inqas, itaffu l-konsegwenzi drammatiċi tagħhom għar-rikorrenti, bħal mekkaniżmu ta’ kontroll tal-prezzijiet tal-kwoti jew l-possibbiltà tat-trasferiment transkonfinali tagħhom fi ħdan l-istess grupp ta’ impriżi. Fin-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ trasferiment, li jaffettwa serjament l-isforzi ta’ ristrutturazzjoni tar-rikorrenti u l-kompetittività tagħha, id-direttiva kkontestata taffettwa wkoll id-dritt tagħha ta’ proprjetà u l-libertà ta’ stabbiliment tagħha. Ir-rikorrenti tispeċifika li r-restrizzjoni inaċċettabbli fuq il-libertà ta’ stabbiliment tagħha, li tirriżulta min-nuqqas ta’ dispożizzjoni, fid-direttiva kkontestata, li tippermetti t-trasferiment transkonfinali tal-kwoti ta’ emissjonijiet bejn id-diversi stallazzjonijiet tal-istess grupp ta’ impriżi, ma tistax tiġi mtaffija bl-argument li estensjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ stallazzjoni tista’ tibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ allokazzjoni għal “min jidħol ġdid” peress li dan il-benefiċċju huwa suġġett għad-diskrezzjoni tal-Istat Membri ospitanti kkonċernat.

76. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssotni li hija tifforma parti minn kategorija magħluqa ta’ impriżi partikolarment affettwati mid-direttiva kkontestata. Fl-Unjoni bi ħmistax-il Stat Membru, kien hemm biss ħmistax-il impriża jew grupp ta’ impriżi li kienu joperaw l-istallazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, jiġifieri, ir-rikorrenti, Corus, ThyssenKrupp, HKM, Riva, Luccini, SSAB, Voest Alpine, Salzgitter, Duferco, Rauttaruukki, Fundia, Saint-Gobain, DHS u Neue Maxhütte, li wara l-1 ta’ Mejju 2004 ngħaqdu magħhom ħames produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar mill-għaxar Stati Membri l-ġodda, jiġifieri, Ispat Polska, Czech Steel Company, Moravia Steel, Dunaferr Dunai u US Steel Košice. Madankollu, it-tkabbir tal-Unjoni biss ma jistax iċaħħad lil dan il-grupp mill-kwalità ta’ kategorija magħluqa fis-sens tal-ġurisprudenza, peress li dan it-tkabbir kien previst fl-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33) qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkontestata. Barra minn hekk, il-produtturi l-ġodda huma de facto esklużi, peress li d-dħul fis-suq permezz tat-twaqqif ta’ attivitajiet ġodda bl-użu ta’ kalkari ta’ funderija ma huwiex ekonomikament vijabbli. Fil-fatt, wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkontestata u fid-dawl tat-tnaqqis tan-numru ta’ kalkari ta’ funderija fl-Unjoni mill-1975, produttur ġdid ma jistax jistabbilixxi lilu nnifsu fuq is-suq ħlief permezz ta’ akkwiżizzjoni.

77. Skont ir-rikorrenti, is-“sitwazzjoni unika magħluqa” ta’ dan il-grupp ta’ produtturi, li tiddistingwihom minn kull persuna oħra, tirriżulta mill-fatt li, fil-futur prevedibbli, għal raġunijiet tekniċi, bid-differenza mis-sitwazzjoni tas-setturi ekonomiċi l-oħra kkonċernati, bħas-settur tas-siment, tal-enerġija, tal-karta u tal-ħġieġ, il-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar ma humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO 2 b’mod sinjifikattiv skont l-għanijiet tad-direttiva kkontestata. Konsegwentement, il-produtturi li jappartjenu għal dan il-grupp ma jistgħux, fil-verità, jagħżlu bejn it-tnaqqis ta’ emissjonijiet u x-xiri ta’ kwoti addizzjonali, b’mod li jsiru neċessarjament “xerrejja netti ta’ kwoti”. Fil-proċess ta’ produzzjoni tal-azzar, l-emissjonijiet ta’ CO 2 huma inevitabbli minħabba l-użu tal-faħam bħala materja prima u mhux bħala kombustibbli. Għaldaqstant, ma teżistix soluzzjoni alternattiva li hija ekonomikament vijabbli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO 2 , billi, pereżempju jintuża kombustibbli ieħor bħall-gass naturali. Il-perfezzjonament tat-teknoloġija tal-kalkari ta’ funderija fir-rigward tal-enerġija li jipproduċu qed jilħaq il-limitu teoretiku tiegħu, iżda xorta waħda għadu jkun hemm emissjonijiet ta’ żewġ tunnellati ta’ CO 2 għal kull tunnellata ta’ azzar prodotta. Tnaqqis fl-emissjonijiet addizzjonali huwa possibbli biss permezz ta’ progress tekniku li l-iżvilupp tiegħu jieħu tal-inqas 20 sa 30 sena. Min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li titnaqqas il-produzzjoni peress li, għal raġunijiet tekniċi, jeħtieġ li l-kalkari ta’ funderija joperaw dejjem fuq livell imqarreb għall-kapaċità sħiħa tagħhom.

78. Ir-rikorrenti ssostni li skont studji li saru, matul madwar il-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin, l-operaturi tal-kalkari ta’ funderija jkollhom ikomplu jużaw it-teknoloġiji eżistenti, li ftit hemm possibbiltà li jinbidlu peress li sallum kull tentattiv sabiex jiġu sostitwiti sfaxxa minħabba raġunijiet tekniċi u/jew ekonomiċi. Hija żżid tgħid li, kuntrarjament għal dak li jallega l-Kunsill, it-tnaqqis fl-emissjonijiet li wettqet sal-2002 ma kienx ir-riżultat ta’ progress tekniku, iżda kien prinċipalment dovut għall-għeluq ta’ ħames kalkari ta’ funderija, għaż-żieda fil-kapaċità tal-istallazzjonijiet l-oħra kif ukoll għas-sostituzzjoni tal-metall mhux maħdum tal-Lorraine ma’ dak Brażiljan bħala materja prima li tipproduċi iktar enerġija. Bl-istess mod, l-għan ta’ tnaqqis tar-rikorrent għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 kellu jintlaħaq permezz tal-għeluq ta’ stallazzjonijiet flimkien mat-trasferiment tal-produzzjoni lejn stallazzjonijiet fi Stati Membri oħra.

79. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li s-settur tal-azzar huwa l-uniku wieħed mill-erba’ setturi koperti mill-Anness I tad-direttiva kkontestata li jkollu jiffaċċja kompetizzjoni minn setturi oħra li ma humiex koperti mill-imsemmija direttiva, jiġifieri dawk tal-metalli mhux tal-ħadid u tal-materjali tal-plastik. Din is-sitwazzjoni kompetittiva li hija żvantaġġanti ħafna għall-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar hija iktar gravi, l-ewwel nett, minħabba domanda “konċentrata ħafna”, b’mod partikolari, dik tal-industrija tal-vetturi, u, it-tieni nett, minħabba kompetizzjoni intensa li tirriżulta mis-setturi mhux inklużi fid-direttiva kkontestata u minn produtturi tal-azzar minn pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti tal-Amerika, li ma humiex suġġetti għall-obbligi li joħorġu mill-Protokoll ta’ Kyoto u li jirrappreżentaw 65 % tal-produzzjoni dinjija. Għaldaqstant, il-produtturi Ewropej tal-azzar ma humiex f’pożizzjoni li jgħaddu l-ispejjeż tal-produzzjoni kkawżati mill-bżonn li jinxtraw kwoti ta’ CO 2 lill-klijenti tagħhom, li jaffettwa iktar il-qligħ tagħhom li huwa diġà dgħajjef. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni kompetittiva tas-setturi l-oħra inklużi fl-Anness I tad-direttiva kkontestata hija differenti. Pereżempju, fid-dawl tal-fatt li l-prezzijiet tal-elettriku huma mistennija jogħlew, il-prodotturi tal-enerġija għandhom il-possibbiltà li jgħaddu kwalunkwe żieda fl-ispejjeż tagħhom ta’ produzzjoni lill-klijenti tagħhom u b’hekk itejbu kunsiderevolment il-qligħ tagħhom.

80. Ir-rikorrenti tispeċifika li, min-naħa l-oħra, lanqas iż-żieda reċenti fil-prezz tal-azzar ma tqegħda f’pożizzjoni li tgħaddi ż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni, minħabba l-bżonn li tixtri kwoti ta’ emissjonijiet, lill-klijenti tagħha. Din iż-żieda fil-prezzijiet hija biss ir-riżultat tal-ispiża, li qegħda dejjem tikber, tal-materji prima u tat-trasport fuq livell dinji. Madankollu, fuq l-iskala dinjija, il-produtturi Ewropej tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar huma kkonfrontati b’kompetizzjoni qawwija mill-produtturi ta’ pajjiżi terzi li, jew bħall-Istati Uniti tal-Amerika, il-Commonwealth tal-Awstralja u r-Repubblika tat-Turkija ma rratifikawx il-Protokoll ta’ Kyoto, jew bħar-Repubblika tal-Indja, ir-Repubblika Populari taċ-Ċina u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil, irratifikaw il-Protokoll ta’ Kyoto, iżda ma humiex meħtieġa mill-ewwel li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ CO 2 (Anness B tal-Protokoll ta’ Kyoto) jew għandhom biss l-obbligu, skont il-Protokoll ta’ Kyoto, li jżommu l-livell attwali ta’ emissjonijiet, kif inhu l-każ tal-Federazzjoni tar-Russja u l-Ukraina. Għaldaqstant, il-produtturi Ewropej tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar huma l-uniċi li jsostnu spejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni minħabba l-implementazzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto filwaqt li jibqgħu kontinwament esposti għal pressjoni kompetittiva dejjem iktar qawwija minn importazzjonijiet tal-azzar minn pajjiżi terzi li l-kwantità tagħhom tiddependi mil-livell tal-prezz fuq is-suq Ewropew. Ir-rikorrenti żżid tgħid li, tenut kont tal-fatt li l-ispiża attwali tal-kwota ta’ emissjonijiet għal kull tunnellata ta’ CO 2 mitfugħa fl-arja huwa ta’ EUR 26, il-produzzjoni ta’ tunnellata ta’ azzar, li tinvolvi l-emissjonijiet ta’ madwar żewġ tunnellati ta’ CO 2 , tiġġenera spiża addizzjonali ta’ EUR 52, filwaqt li l-prezz tat-trasport globali ta’ tunnellata ta’ azzar normalment ma jaqbiżx EUR 20. Ir-rikorrenti żżid tgħid li bid-differenza mill-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, il-produtturi tal-enerġija, b’mod partikolari, dawk stabbiliti fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, jieħdu inkunsiderazzjoni l-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet miksuba mingħajr ħlas meta jistabbilixxu l-prezzijiet tal-elettriku sabiex ikollhom qligħ eċċezzjonali.

81. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti r-rikorrenti tikkonkludi li l-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar stabbiliti fl-Unjoni jinsabu f’“sitwazzjoni unika magħluqa” li tiddistingwihom minn kull persuna oħra. Din is-sitwazzjoni ssir iktar gravi minħabba l-fatt li d-direttiva kkontestata la tipprovdi limitu massimu u lanqas mekkaniżmu ta’ kontroll tal-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet. Skont studji reċenti, il-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar isibu ruħhom ikkonfrontati bi prezz ta’ kwota li jippermetti li tintefa’ fl-arja tunnellata ta’ CO 2 li jkun bejn EUR 20 u 60 u anki iktar, meta mqar prezz ta’ EUR 20 jeskludi kull qligħ gross tas-settur tal-azzar.

82. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li, peress li hija l-ikbar produttur tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar fl-Ewropa – bi produzzjoni ta’ 40 miljun tunnellata ta’ azzar, segwita minn Thyssen-Krupp (17-il miljun) u Corus (16-il miljun) – hija affettwata b’mod partikolarment gravi mid-direttiva kkontestata. Permezz tal-użu ta’ teknoloġija avvanzata ħafna ta’ kalkari ta’ funderija, ir-rikorrenti diġà naqset l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra, inklużi ta’ CO 2 , bi proporzjon ferm ikbar minn dak ta’ 8 % indikat fil-Protokoll ta’ Kyoto, jiġifieri ta’ 19 % f’ċifri assoluti u ta’ 24 % f’ċifri relattivi (għal kull tunnellata ta’ azzar prodott) mill-1990 u ma tistax, għar-raġunijiet tekniċi indikati fil-punti 75 u 76 iktar ’il fuq, tkompli tnaqqas, b’mod sinjifikattiv, l-emissjonijiet ta’ CO 2 . Barra minn hekk, fl-2002, mill-operat tal-kalkari ta’ funderija, ir-rikorrenti kisbet qligħ gross ta’ EUR 16 u qligħ nett ta’ EUR 4 għal kull tunnellata ta’ CO 2 mitfugħa fl-arja. Minn dan isegwi li, anki bl-iktar prezz baxx, skont stima attwali, ta’ EUR 20 għal kull kwota ta’ emissjonijiet, li jikkorrispondi għal spiża addizzjonali ta’ EUR 40 għal kull tunnellata ta’ azzar, il-produzzjoni ssir waħda li ma tħallix qligħ għar-rikorrenti tant li ma huwiex ser ikun iktar possibbli għaliha li tkompli topera l-istallazzjonijiet tagħha fl-Ewropa.

83. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti hija l-uniku produttur Ewropew tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar li hija kkonfrontata bi problema partikolari maħluqa mid-direttiva kkontestata minħabba l-fatt li qed ssir ristrutturazzjoni fi ħdan il-grupp tagħha u dan sabiex ittejjeb il-kompetittività tagħha. Din ir-ristrutturazzjoni, li bdiet bil-konċentrazzjoni tal-2001 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, kienet tinvolvi l-għeluq ta’ stallazzjonijiet jew it-tnaqqis ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni li jħallu inqas qligħ fi Stat Membru u ż-żieda korrispondenti ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni fi stallazzjonijiet li jħallu iktar qligħ fi Stati Membri oħra. Din is-sitwazzjoni hija speċifika għar-rikorrenti u tiddistingwiha mill-produtturi l-oħra kollha tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar li għandhom l-istallazzjonijiet tagħhom fi Stat Membru wieħed biss. L-unika eċċezzjoni hija Corus li għandha stallazzjonijiet stabbiliti fir-Renju Unit u fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li diġà ottimizzat il-produzzjoni tagħha. Madankollu, id-direttiva kkontestata tikkomprometti gravement din ir-ristrutturazzjoni billi ma timponix obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jippermettu t-trasferiment transkonfinali tal-kwoti ta’ stallazzjoni li jkollha tagħlaq, lejn stallazzjonijiet oħra stabbiliti fi Stati Membri oħra. Għaldaqstant, il-Gvern Belġjan u dak Ġermaniż diġà informaw lir-rikorrenti li fil-każ ta’ għeluq, hija titlef il-kwoti tagħha għall-istallazzjonijiet stabbiliti fil-Vallonja (il-Belġju) u fi Bremen (il-Ġermanja), b’mod li hija ma tkunx tista’ tittrasferixxi dawn il-kwoti lejn l-istallazzjonijiet tagħha stabbiliti fi Spanja u fi Franza, fejn hija kienet pprevediet żieda korrispondenti ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni. Bl-istess mod, il-PNA Ġermaniż u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-abbozz ta’ liġi Ġermaniża dwar l-allokazzjoni tal-kwoti matul l-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni jipprovdu għall-annullament tal-kwoti fil-każ ta’ għeluq ta’ stallazzjoni, ħlief jekk l-operatur iwaqqaf stallazzjoni oħra fil-Ġermanja (u mhux fi Stat Membru ieħor). Bl-istess mod, il-PNA Franċiż jipprovdi li operatur jista’ jżomm il-kwoti ta’ stallazzjoni magħluqa fil-każ biss li l-attività tagħha tiġi ttrasferita lejn stallazzjoni stabbilita fit-territorju Franċiż. B’hekk, ir-rikorrenti hija mġiegħla taġixxi kontra l-għan tagħha ta’ ristrutturazzjoni u ta’ titjib tal-kompetittività tagħha. Hija jkollha tixtri kwoti ta’ emissjonijiet addizzjonali sabiex tkopri l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni li jkun beħsieba tagħlaq u tittrasferixxihom lejn stallazzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra u tibqa’ topera stallazzjonijiet li jħallu inqas qligħ bil-għan biss li ma titlifx il-kwoti diġà allokati.

84. Ir-rikorrenti żżid tgħid li hija wkoll l-uniku operatur mis-setturi kollha msemmija fl-Anness I tad-direttiva kkontestata li hija kkonfrontata bil-problema tat-trasferiment transkonfinali ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni bejn l-istallazzjonijiet stabbiliti f’diversi Stati Membri. Din il-problema ma taffettwax is-setturi tas-siment, tal-ħġieġ, tal-enerġija u tal-karta li, b’differenza mill-istallazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-azzar, l-istallazzjonijiet tagħhom huma stabbiliti qrib il-klijenti tagħhom jew f’żoni li joffru materji prima fi kwantitajiet suffiċjenti. Konsegwentement, għall-produtturi ta’ dawn is-setturi, l-għeluq ta’ stallazzjoni fi Stat Membru u t-trasferiment tal-produzzjoni fi Stat Membru ieħor ma hijiex għażla plawsibbli.

85. Madankollu, fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, ma hemm ebda ġustifikazzjoni għaliex il-kwistjoni dwar sa fejn it-trasferimenti transkonfinali jkunu possibbli, għandha titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Dan iktar u iktar meta jeżistu inċentivi ekonomiċi u politiċi sinjifikattivi sabiex l-Istati Membri ma jippermettux tali trasferiment ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni, inkluż dak ta’ kwoti ta’ emissjonijiet relatati. L-ewwel nett, l-Istat Membru li inizjalment ikun alloka dawn il-kwoti, ma għandu ebda interess li jiffaċilita tali trasferiment sabiex imbagħad iġarrab, fit-territorju tiegħu, it-telf tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati u tal-impjiegi relatati flimkien mal-kwoti li jkunu diġà ġew allokati. It-tieni nett, l-Istat Membru li huwa d-destinazzjoni ta’ tali trasferiment, b’mod partikolari meta jkun Stat żgħir, ma għandux neċessarjament interess li jalloka kwoti mingħajr ħlas lil dak li jidħol ġdid fis-suq minħabba r-riskju li jaqbeż il-limitu massimu nazzjonali tiegħu ta’ kwoti, u konsegwentement, li jikser l-obbligi tiegħu ta’ tnaqqis taħt id-Deċiżjoni 2002/358 u l-Protokoll ta’ Kyoto. Kif jirriżulta mill-punt 5 tal-Anness 4 tal-gwida addizzjonali tal-Kummissjoni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), dawn ir-riżervi huma kkonfermati mill-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jippermettux it-trasferiment transkonfinali tal-kwoti. F’din il-gwida, il-Kummissjoni stess tiġbed l-attenzjoni għal din il-problema billi tosserva li, matul l-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni, l-Istati Membri adottaw diversi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-riżervi għal dawk li jidħlu ġodda fis-suq, l-għeluq tal-istallazzjonijiet u t-trasferimenti, fatt li jikkontribwixxi għal kumplessità kbira u għal nuqqas ta’ trasparenza fis-suq intern u joħloq wkoll riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-possibbiltà ta’ stabbiliment ta’ riżerva Komunitarja kif ukoll l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għal dawk li jidħlu ġodda fis-suq, għall-għeluq tal-istallazzjonijiet u għat-trasferimenti transkonfinali fis-suq intern (Anness 7 tal-gwida addizzjonali tal-Kummissjoni). Ir-rikorrenti tinvoka wkoll studju li permezz tiegħu ġie stabbilit li, fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, tenut kont tal-interess tal-Istati Membri li jżommu l-bażi tat-taxxa u l-impjiegi marbuta mal-istallazzjonijiet stabbiliti fit-territorju tagħhom, ikun loġiku għalihom li, jew jieħdu lura l-kwoti mingħand l-istallazzjonijiet li jagħlqu, jew tal-inqas jissuġġettaw iż-żamma ta’ dawn il-kwoti għall-kundizzjoni li tinfetaħ stallazzjoni ġdida fit-territorju tagħhom sabiex jevitaw li l-operatur jitlaq mill-pajjiż. Madankollu, tista’ tirriżulta kompetizzjoni rregolata li tkun ineffikaċi ekonomikament, u mhux mixtieqa politikament mill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jżommu u jattiraw lill-investituri. Għal dawn ir-raġunijiet, il-konklużjoni ta’ dan l-istudju hija li jeħtieġ li jkun hemm armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju tad-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-istallazzjonijiet sabiex iżommu l-kwoti tagħhom anki fil-każ ta’ għeluq ta’ stallazzjoni. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, l-effikaċja tal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi salvagwardjata biss permezz tal-intervent tal-leġiżlatur Komunitarju nnifsu.

86. Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tqis li hija partikolarment affettwata mid-direttiva kkontestata minħabba kuntratti għal żmien twil li ilha ħafna li kkonkludiethom ma’ stazzjonijiet tal-enerġija elettrika li, parti minnhom, ma jappartjenux lill-grupp tagħha, u li jikkonċernaw il-provvista tal-gass għall-kalkari ta’ funderija li jkun fih monossidu tal-karbonu, CO 2 u nitroġenu, għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika. Fid-dawl tal-Artikolu 3(b) u (e) tad-direttiva kkontestata, ir-rikorrenti tistaqsi jekk il-kwoti ta’ emissjonijiet inkwistjoni għandhomx jiġu allokati lilha jew lill-istazzjon tal-enerġija elettrika. Fil-każ li dawn il-kwoti jiġu allokati lill-istazzjon tal-enerġija elettrika, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti terġa’ tiggrava peress li, jekk ikun il-każ, hija jkollha tikseb il-kwoti neċessarji fuq is-suq tal-iskambju jew, fil-każ li l-istazzjon tal-enerġija elettrika ma jibqax jixtri provvisti minn għandha, hija jkollha taħraq il-gassijiet tagħha tal-kalkari ta’ funderija mingħajr, madankollu, ma jkollha n-numru korrispondenti ta’ kwoti. Minn dan jirriżulta żvantaġġ kompettiv serju għar-rikorrenti meta mqabbla mal-kompetituri tagħha li jużaw l-istazzjonijiet tal-enerġija elettrika tagħhom.

87. Fis-sitt u fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-fatt li ġiet partikolarment affettwata mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, hija kienet involuta mill-qrib fil-proċedura leġiżlattiva, b’mod partikolari matul laqgħat differenti ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill. F’dan il-qafas, numru ta’ oġġezzjonijiet ippreżentati minnha, għall-ewwel, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni iżda finalment ġew miċħuda mingħajr ebda motivazzjoni.

88. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti tikkonkludi li hija stabbilixxiet l-eżistenza ta’ diversi elementi li huma partikolari għaliha u li jiddistingwuha minn kull persuna oħra, b’mod li jrendi t-talba tagħha għal anullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE ammissibbli.

89. Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imressqa mill-Parlament, għal dak li jirrigwarda t-talba għall-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li hija ma hijiex titlob it-tneħħija kompluta tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, iżda qegħda titlob sempliċement li ma jkunux applikabbli għall-istazzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar. Għaldaqstant, din it-talba ma tinvolvi ebda tibdil fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti għas-setturi l-oħra koperti mill-Anness I tad-direttiva kkontestata. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kkontestata jista’, jew jiġi estiż għas-setturi tal-metalli mhux tal-ħadid u tal-prodotti kimiċi, jew jiġi limitat, mingħajr ma dan jaffettwa l-funzjonament u s-sustanza stess tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Għaldaqstant, l-unika konsegwenza tal-annullament parzjali mitlub tkun it-tneħħija tal-parti – distinta u kjarament iddefinita – tal-Anness I tad-direttiva kkontestata li tirrigwarda l-istallazzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar.

90. Skont ir-rikorrenti, anki jekk jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu separati mid-direttiva kkontestata sħiħa, it-talba għal annullament xorta waħda hija ammissibbli. Fil-fatt, jekk l-annullament parzjali ma jkunx possibbli, din it-talba għandha tiġi interpretata bħala li hija għall-annullament tad-direttiva kkontestata kollha. Din l-evalwazzjoni tirriżulta mill-bżonn li t-talbiet jiġu interpretati fid-dawl tal-kuntest tagħhom u tal-għanijiet tar-rikors li huwa intiż li jġib fit-tmiem il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. Fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tadottax l-approċċ difiż fil-punt 87 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti titlob, sussidjarjament, l-annullament sħiħ tad-direttiva kkontestata, li huwa possibbli wkoll wara li jkun ġie ppreżentat ir-rikors.

91. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikorrenti tikkonkludi li t-talba għal annullament hija ammissibbli.

92. Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konsegwenzi li għandhom jitnisslu mid-dħul fis-seħħ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti tosserva, essenzjalment, minn naħa, li din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’din il-proċedura, u, min-naħa l-oħra, li d-direttiva kkontestata, mill-kontenut tagħha, tikkostitwixxi att leġiżlattiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni minħabba li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jħallu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri dwar l-implementazzjoni tagħhom, b’tali mod li jiddispensaw lir-rikorrenti mill-prova tal-interess individwali tagħha bl-imsemmija direttiva.

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

93. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet li jkunu indirizzati lilha u kontra d-deċiżjonijiet li, għalkemm fil-forma ta’ regolament jew ta’ deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, ikunu jikkonċernawha direttament u individwalment.

94. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt biss li din id-dispożizzjoni tat-Trattat ma tirrikonoxxix espressament l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu kontra direttiva fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE ma huwiex biżżejjed sabiex tali rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jeskludu l-protezzjoni ġudizzjarja offruta lill-individwi mit-Trattat sempliċement bl-għażla tal-forma tal-att inkwistjoni, anki jekk din tkun ta’ direttiva (digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑223/01, Ġabra p. II‑3259, punt 28; tat-30 ta’ April 2003, Villiger Söhne vs Il-Kunsill, T‑154/02, Ġabra p. II‑1921, punt 39; tas-6 ta’ Settembru 2004, SNF vs Il-Kummissjoni, T‑213/02, Ġabra p. II‑3047, punt 54, u tal-25 ta’ April 2006, Kreuzer Medien vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑310/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 40 u 41). Bl-istess mod, il-fatt biss li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jifformaw parti minn att ta’ applikazzjoni ġenerali li jikkostitwixxi direttiva vera u mhux deċiżjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, adottat fil-forma ta’ direttiva, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jikkonċernaw individwu direttament u individwalment (ara, f’dan is-sens, id-digriet Japan Tobacco u JT International vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punt 30, u tas-6 ta’ Mejju 2003, Vannieuwenhuyze-Morin vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑321/02, Ġabra p. II‑1997, punt 21).

95. F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-direttiva kkontestata, kemm minħabba l-forma tagħha kif ukoll minħabba l-kontenut tagħha, hija att ta’ applikazzjoni ġenerali li japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri l-operaturi tal-istallazzjonijiet kollha li jwettqu attività indikata fl-Anness I tad-direttiva kkontestata, inkluża dik tal-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, li tifforma parti minnha r-rikorrenti.

96. Madankollu, ma huwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet ta’ tali att ta’ applikazzjoni ġenerali jkunu jistgħu jikkonċernaw uħud minnhom direttament u individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C‑358/89, Ġabra p. I‑2501, punt 13; Codorníu vs Il-Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq, punt 19, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 36).

97. Barra minn hekk, minn ġur isprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li jkun s-suġġett tar-rikors, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, tirrikjedi li l-att jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u li ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu, inkarigati mill-implementazzjoni tiegħu, peress li din tkun purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra intermedjarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament, C‑486/01 P, Ġabra p. I‑6289, punt 34, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C‑15/06 P, Ġabra p. I‑2591, punt 31).

98. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa neċessarju li, prinċipalment, jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti hijiex individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. Huwa biss sussidjarjament li l-Qorti Ġenerali ser teżamina ukoll, jekk ikun il-każ, jekk ir-rikorrenti hijiex direttament ikkonċernata minn dawn id-dispożizzjonijiet.

99. Kif rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarju ta’ att tista’ titqies li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jekk hija tkun affettwata mill-att inkwistjoni, minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwaha bl-istess mod kif ikun individwat id-destinatarju tal-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 93 iktar ’il fuq, punt 36, u tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425, punt 45).

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħux jindividwalizzaw lir-rikorrenti bħala destinatarju. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li r-rikorrenti titlob l-annullament, l-ewwel nett, tal-Artikolu 4 tad-direttiva kkontestata, li jistabbilixxi l-ħtieġa ta’ permess ta’ emissjonijiet, it-tieni nett, tal-Artikolu 6(2)(e) tagħha u tal-Artikolu 12(3) tagħha, li jistabbilixxu obbligu li jiġu ċeduti numru ta’ kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-istallazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel, it-tielet nett, tal-Artikolu 9 tagħha, moqri flimkien mal-kriterju 1 tal-Anness III tagħha, li jikkonċerna l-istabbiliment tal-PNA u l-allegat obbligu tal-Istati Membri li jallokaw lill-operaturi ta’ stallazzjonijiet kwantità massima ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, u r-raba’ nett, tal-Artikolu 16(2) sa (4) tagħha, dwar il-penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ċediment, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet kollha huma applikabbli, skont l-Artikolu 2 tad-direttiva kkontestata, moqri flimkien mal-Anness I tagħha, għall-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar.

101. Insostenn tal-allegazzjoni tagħha li ġiet affettwata individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-leġiżlatur Komunitarju kellu, abbażi ta’ diversi dispożizzjonijiet legali superjuri, inklużi d-drittijiet fundamentali tagħha, jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-produtturi tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar stabbiliti fis-suq intern, u partikolarment is-sitwazzjoni tagħha (sentenzi Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 19; Sofrimport vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 11, u UEAPME vs Il-Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq, punt 90).

102. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li ma teżisti ebda dispożizzjoni espressa u speċifika, la fuq livell ta’ dispożizzjoni superjuri u lanqas fuq livell ta’ dritt sekondarju, li tobbliga lil-leġiżlatur Komunitarju sabiex, waqt il-proċess ta’ adozzjoni tad-direttiva kkontestata, jagħti attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, inkluża dik tar-rikorrenti, meta mqabbla ma’ dik tal-operaturi tas-setturi industrijali l-oħra indikati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il-Kummissjoni, T‑47/00, Ġabra p. II‑113, punti 41 u 42; ara wkoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2003, DOW AgroSciences vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑45/02, Ġabra p. II‑1973, punt 47; tal-25 ta’ Mejju 2004, Schmoldt et vs Il-Kummissjoni, T‑264/03, Ġabra p. II‑1515, punt 117, u tas-16 ta’ Frar 2005, Fost Plus vs Il-Kummissjoni, T‑142/03, Ġabra p. II‑589, punti 61 sa 65). Fil-fatt, l-Artikolu 174 KE u l-Artikolu 175(1) KE, inkwantu bażijiet legali għall-attività leġiżlattiva tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent, ma jistabbilixxux obbligu bħal dan. Barra minn hekk, apparti r-riferiment għad-drittijiet fundamentali tagħha u għal ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt li jipproteġuha, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda dispożizzjoni superjuri partikolari, li tirrigwardaha speċifikatament jew, li tal-inqas, tirrigwarda lill-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, u li tista’ toħloq obbligu bħal dan favur tagħha.

103. Għalkemm huwa minn li meta jadottaw att ta’ applikazzjoni ġenerali, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet legali superjuri, inklużi d-drittijiet fundamentali, l-allegazzjoni li tali att jikser dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn id-drittijiet ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex ir-rikors ta’ individwu jiġi ddikjarat ammissibbli, mingħajr ma jintilef l-iskop tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, sakemm dan l-allegat ksur ma jkunx ta’ natura li jindividwalizzaha bl-istess mod kif ikun individwat destinatarju (ara, għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ proprjetà, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2005, EEB et vs Il-Kummissjoni, T‑94/04, Ġabra p. II‑4919, punti 53 sa 55; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2006, Nürburgring vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑311/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 65 u 66). F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka s-sentenza Codorníu, punt 54 iktar ’il fuq, punti 20 sa 22, fejn l-ammissibbiltà tar-rikors kontra r-regolament ikkontestat kienet tirriżulta mill-unika karatteristika li kienet tindividwa lir-rikorrenti, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, li kienet id-denominazzjoni inkwistjoni li abbażi tagħha r-rikorrenti kienet, sa minn żmien twil, l-unika proprjetarja ta’ trade mark.

104. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-dispożizzjonijiet ikkontestati, b’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ permess ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 4 tad-direttiva kkontestata, l-obbligu ta’ ċediment skont l-Artikolu 12(3) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2)(e) tagħha, kif ukoll il-penali stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (4) tal-imsemmija direttiva li jaffettaw id-drittijiet fundamentali tagħha u li joħolqu dannu gravi fir-rigward tagħha, huma ta’ natura li jindividwawha bħala destinatarju meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor ikkonċernat minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet Nürburgring vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 100 iktar ’il quddiem, punt 66). Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw, b’mod ġenerali u astratt, għall-operaturi kollha indikati fl-Anness I tad-direttiva kkontestata u għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament. Għaldaqstant, huma jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni legali ta’ dawn l-operaturi kollha bl-istess mod.

105. Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-obbligu tal-leġiżlatur Komunitarju li josserva ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt u d-drittijiet fundamentali ma jippermettux li jiġi konkluż li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati u għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk, f’dan ir-rigward, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawhiex direttament.

106. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija tifforma parti minn kategorija magħluqa ta’ operaturi partikolarment affettwati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, l-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-possibbiltà li, fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura kkontestata, jiġu ddeterminati, xi ftit jew wisq preċiżament, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma jfisser li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sakemm ikun stabbilit li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑503/07 P, Ġabra p. I‑2217, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata fih). It-tieni nett, ma huwiex biżżejjed li ċerti operaturi jkunu ekonomikament iktar affettwati minn oħrajn minn att ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jiġu individwati minn dawn l-operaturi l-oħra, peress li l-applikazzjoni ta’ dan l-att issir abbażi ta’ sitwazzjoni ddeterminata oġġettivament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1997, Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il-Kummissjoni, C‑409/96 P, Ġabra p. I‑7531, punt 37; id-digriet tal-Qorti Ġenerali, Fels-Werke et vs Il-Kummissjoni, T‑28/07, mhux ippublikat fil-Ġabra, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata fih, u tal-10 ta’ Mejju 2004, Bundesverband der Nahrungsmittel- und Speiseresteverwertung u Kloh vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑391/02, Ġabra p. II‑1447, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata fih).

107. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija affettwata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati prinċipalment fil-kapaċità oġġettiva tagħha bħala, l-ewwel nett, operatriċi ta’ stallazzjonijiet li jipproduċu emissjonijiet ta’ gassijiet serra u, it-tieni nett, produttriċi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, u dan bl-istess mod bħal kull operatur jew produttur tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar li l-attività tiegħu hija indikata fl-Anness I tad-direttiva kkontestata. Għaldaqstant, minkejja li meta daħlet fis-seħħ id-direttiva kkontestata, ir-rikorrenti kienet tifforma parti minn grupp ta’ ħmistax-il produttur biss tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar li kienu joperaw fis-suq intern, dan il-fatt waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jindividwalizzaha bl-istess mod kif jiġi individwalizzat destinatarju fir-rigward tal-operaturi l-oħra li jwettqu l-attivitajiet indikati fl-Anness I tad-direttiva kkontestata, inklużi l-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar ta’ dan l-istess grupp.

108. Barra minn hekk, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar jikkostitwixxu grupp ta’ operaturi partikolarment affettwat, kollha kemm huma jistgħu jġarrbu l-istess konsegwenzi legali u fattwali bħar-rikorrenti minħabba sitwazzjoni ddeterminata oġġettivament, jiġifieri l-inklużjoni tal-attività tagħhom fl-Anness I tad-direttiva kkontestata. Għaldaqstant, l-allegata impossibbiltà teknika u ekonomika għal dawn il-produtturi, bid-differenza minn operaturi f’setturi industrijali oħra, li jnaqqsu iktar l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra u li jgħaddu lill-klijenti tagħhom l-ispejjeż addizzjonali sostnuti minħabba x-xiri ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, taffettwa s-settur tal-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar kollu u bl-istess mod. Fil-fatt, wara l-implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, dawn il-produtturi jsibu ruħhom esposti, bl-istess mod, għall-iżviluppi fis-suq ta’ skambju u fis-suq tal-prodotti inkwistjoni, u anki għall-kompetizzjoni li tkun ġejja minn setturi industrijali oħra jew minn produtturi tal-ħadid jew tal-azzar ta’ pajjiżi terzi.

109. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar stabbiliti fis-suq intern jikkostitwixxu ċirku magħluq ta’ operaturi, li l-kompożizzjoni tiegħu ma hijiex ser tinbidel iktar. F’dan ir-rigward, il-Parlament u l-Kunsill jirreferu, ġustament, għaż-żieda, mat-tkabbir tal-Unjoni wara l-2004, fin-numru ta’ produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kkontestata, kif ukoll, għall-possibbiltà li Stati Ewropej oħra, li wkoll għandhom settur tal-azzar, jaderixxu fil-futur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tatx prova li fiż-żmien meta d-direttiva kkontestata daħlet fis-seħħ, l-imsemmija produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar kellhom xi karatteristiċi partikolari ta’ natura li tiddistingwihom minn kull produttur ieħor jew minn dawk li jidħlu ġodda fis-suq, pereżempju, għaliex qabel kellhom drittijiet speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2008, Commission vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punti 71 sa 77). Fil-fatt, jekk wieħed jippresupponi li dawn il-produtturi kellhom drittijiet ta’ emissjonijiet mogħtija lilhom taħt id-Direttiva  96/61 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), dawn l-allegati drittijiet, li la kienu speċifiċi u lanqas kienu tar-rikorrenti biss, kienu ta’ benefiċċju, bl-istess mod, għall-operaturi kollha li jwettqu l-attivitajiet indikati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. Fl-aħħar nett, il-fatt biss li, skont ir-rikorrenti, dħul fis-suq rilevanti huwa possibbli biss permezz tal-akkwiżizzjoni ta’ produttur li jkun diġà stabbilit, ma jeskludix li l-identità ta’ dan il-produttur jew ta’ dak li jidħol ġdid fis-suq u li jakkwistah, tinbidel, u li b’hekk tinbidel il-kompożizzjoni tal-grupp tal-produtturi inkwistjoni.

110. Minn dan jirriżulta li l-effetti legali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-ħtieġa li jinħareġ permess ta’ emissjonijiet u l-obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti, il-penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi kif ukoll l-allegat limitu massimu ta’ kwoti taħt l-Artikolu 9 tad-direttiva kkontestata, jaffettwaw l-attività ekonomika u l-pożizzjoni legali tal-operaturi indikati fl-Anness I tad-direttiva kkontestata, inklużi dawk tas-settur tal-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, bl-istess mod u minħabba sitwazzjoni ddeterminata oġġettivament. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fattwali u legali tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ dawn l-operaturi l-oħra, u b’hekk jindividwalizzawha bl-istess mod kif jiġi individwalizzat destinatarju, b’mod li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk hijiex direttament ikkonċernata minnhom.

111. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-daqs kbir tar-rikorrenti, il-volum annwali ta’ produzzjoni tagħha u l-inkapaċita individwali tagħha, ekonomika u/jew teknoloġika, li tnaqqas iktar l-emissjonijiet tagħha ta’ CO 2 , jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom il-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, li huma kompetituri tagħha, ma humiex esposti għal problemi ta’ adattament u għal diffikultajiet simili skont id-daqs tagħhom, il-volum tagħhom ta’ produzzjoni u l-isforzi tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet. Fil-fatt, operatur ta’ daqs iżgħar u li għandu produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar li hija inqas minn dik tar-rikorrenti għandu, neċessarjament, kwantità inqas ta’ kwoti, b’mod li, proporzjonalment, id-diffikultajiet ekonomiċi u/jew teknoloġiċi tiegħu sabiex inaqqas l-emissjonijiet tiegħu għandhom ikunu simili għal dawk tar-rikorrenti. B’mod konformi mal-Anness I tad-direttiva kkontestata, l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet ikkontestati japplikaw, b’mod uniformi u ġenerali, għall-operaturi tal-istallazzjonijiet kollha li l-produzzjoni tagħhom taqbeż il-limitu massimu indikat fih, mingħajr distinzjoni abbażi tad-daqs tagħhom. Barra minn hekk, il-portata ta’ dawn l-obbligi hija sempliċement skont il-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ gass serra li, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, tista’ tiżdied mad-daqs u mal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-istallazzjoni inkwistjoni, b’mod li l-operaturi kollha kkonċernati jinsabu f’sitwazzjoni simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 42 iktar ’il fuq, punt 34). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li hija partikolarment affettwata tant li tista’ tiġi individwalizzata bħala destinatarju, u għalhekk ma huwiex neċessarju li, f’dan ir-rigward, jiġi eżaminat jekk hijiex direttament ikkonċernata.

112. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma tatx prova suffiċjenti li l-allegata “sitwazzjoni unika magħluqa” tagħha, b’mod partikolari, minħabba r-ristrutturazzjoni tal-grupp tagħha, setgħet tindividwalizzaha minn fost l-operaturi l-oħra kollha. Fil-fatt, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li hija l-uniku produttur tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar stabbilit fis-suq komuni u li qiegħed jagħmel tali ristrutturazzjoni, in-nuqqas ta’ produtturi oħra li jaqgħu taħt setturi oħra koperti mill-Anness I tad-direttiva kkontestata u li jġarrbu konsegwenzi simili wara l-implementazzjoni tal-imsemmija direttiva għaliex wettqu jew rrinunzjaw għal proċess simili, ma ġiex stabbilit. F’dan ir-rigward, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-impriżi ta’ setturi oħra indikati fl-Anness I tad-direttiva kkontestata ma humiex suxxettibbli li jiġu esposti għall-istess diffikultajiet bħalha, huma wisq vagi u ipotetiċi sabiex jiġi eskluż li produtturi oħra jiġu affettwati bl-istess mod, bħal per eżempju, dawk tas-settur tal-enerġija li, wara l-liberalizzazzjoni tiegħu fuq livell Komunitarju, kienu s-suġġett ta’ ristrutturazzjoni transkonfinali sinjifikattiva.

113. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tatx prova li l-interess tagħha minħabba din l-allegata “sitwazzjoni unika magħluqa” kien speċifikatament dovut għall-effetti legali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati inkwantu tali b’mod li jikkonċernawha direttament. Skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti stess, din is-sitwazzjoni hija essenzjalment ir-riżultat, l-ewwel nett, tal-allegata skarsezza ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-awtoritajiet tal-Istat li tittrasformaha f’“xerrej nett ta’ kwoti”, it-tieni nett, tal-possibbiltà ta’ żieda u/jew tal-livell għoli tal-prezz tal-kwoti disponibbli fis-suq ta’ skambju, u, it-tielet nett, tal-impossibbiltà għaliha li tittrasferixxi, ġewwa s-suq intern, il-kwoti allokati lil stallazzjonijiet li jkollhom jagħlqu lil stallazzjonijiet oħra li fihom hija tkun beħsieba testendi l-kapaċità tagħha ta’ produzzjoni.

114. Bl-istess mod, jekk wieħed jippresupponi li l-allegata ristrutturazzjoni hija karatteristika partikolari tar-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-allegata “sitwazzjoni unika magħluqa”, li tirriżulta mill-aspetti msemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq, ma hijiex dovuta la għall-ħtieġa ta’ permess ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 4 tad-direttiva kkontestata, la għall-obbligu ta’ ċediment skont l-Artikolu 12(3) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2)(e), u lanqas għall-penali stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (4) tal-imsemmija direttiva, iżda tikkostitwixxi, jekk l-imsemmija sitwazzjoni kellha tiġi vverifikata, il-konsegwenza tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-PNA tagħhom u tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Madankollu, dawn l-Istati għandhom, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(1) tad-direttiva kkontestata, marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni, kemm fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ numru limitat ta’ kwoti għad-diversi setturi industrijali, kif ukoll fir-rigward tal-għoti u tat-teħid lura ta’ kwoti lil u mingħand operaturi individwali, inkluż fil-każ ta’ għeluq ta’ stallazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑374/04, Ġabra p. II-4431, punti 102 sa 106).

115. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tad-direttiva kkontestata sempliċement jissuġġetta lil kull operatur li jitfa’ gass serra fl-arja, għall-ħtieġa li jikseb permess ta’ emissjonijiet mingħajr, madankollu, ma jispeċifika l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ allokazzjoni, jew ta’ teħid lura ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, kif stabbiliti minn uħud mill-Istati Membri, li r-rikorrenti tallega li huma l-kawża tad-diffikultajiet tagħha ta’ ristrutturazzjoni. Dan ir-raġunament japplika bl-istess mod għall-obbligu ta’ ċediment stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-direttiva kkontestata, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2)(e) u għall-penali stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (4) tal-imsemmija direttiva, peress li r-rikorrenti ma spjegatx għaliex hija kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet jippreżentaw kwalunkwe rabta mal-imsemmija diffikultajiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegat dannu mġarrab mir-rikorrenti minħabba ż-żieda fl-ispiża tax-xiri ta’ kwoti u/jew minħabba t-telf ta’ kwoti, li jista’ jkun sostanzjali u ta’ piż ikbar għaliha milli għall-operaturi l-oħra, wara l-għeluq ta’ waħda mill-istallazzjonijiet u t-teħid lura ta’ kwoti relatati mill-awtoritajiet tal-Istat, ma jistax ikun minħabba l-obbligi li joħorġu minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex issostni li hija kkonċernata direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

116. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti tikkontesta wkoll l-Artikolu 9 tad-direttiva kkontestata, moqri flimkien mal-kriterju 1 tal-Anness III tagħha għaliex jipprovdi għall-impożizzjoni fuq l-Istati Membri ta’ “limitu massimu assolut ta’ kwoti”, huwa biżżejjed li jingħad li, anki jekk dan l-argument kellu jiġi kkunsidrat fondat, tali limitu ma għandux l-effett li jaffettwa lir-rikorrenti direttament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE peress li ma jippermettix li jiġi identifikat, ħlief b’mod approssimattiv, in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mill-awtoritajiet tal-Istat lid-diversi setturi industrijali u inqas u inqas lill-operaturi individwali. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, matul is-seduta, ir-rikorrenti ma kinitx kapaċi tippreċiża jew tantiċipa, fir-rigward tad-direttiva kkontestata u tad-Deċiżjoni 2002/358, la l-kwantità tal-kwoti li l-Istati Membri kienu ser jallokawlha mingħajr ħlas għall-istallazzjonijiet tagħha ta’ produzzjoni stabbiliti fis-suq intern u lanqas il-portata tal-piż li hija jkollha ġġarrab fil-każ li dawn il-kwoti ma jkunux biżżejjed.

117. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati minħabba l-allegata “sitwazzjoni unika magħluqa” tagħha li tirriżulta mir-ristrutturazzjoni transkonfinali tal-grupp tagħha.

118. Fil-ħames lok, lanqas il-kuntratti ta’ provvista ta’ gass għal żmien twil li r-rikorrenti ssostni li kkonkludiet ma’ diversi stazzjonijiet tal-enerġija elettrika qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkontestata, ma jistgħu jindividwawha fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw, b’mod ġenerali u astratt, l-obbligi tal-operaturi suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, mingħajr madankollu ma jippreċiżaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-għoti jew tat-teħid lura mill-Istati Membri tal-kwoti ta’ emissjonijiet (ara l-punti 109 sa 113 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, minn dan isegwi li l-effett fuq l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti ta’ provvista ta’ gass jista’ jirriżulta biss mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-allokazzjoni tal-kwoti b’mod li, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija direttament ikkonċernata. Barra minn hekk, kif isostni l-Kunsill, ir-rikorrenti tistqarr hija stess li dawn il-kuntratti ta’ provvista ta’ gass jikkonċernaw, tal-inqas parti minnhom, stazzjonijiet tal-enerġija elettrika li jappartjenu lill-grupp tagħha ta’ impriżi. B’hekk, sa fejn l-attività ta’ dawn l-istazzjonijiet tal-enerġija elettrika taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tad-direttiva kkontestata peress li hija taqbeż il-volum ta’ produzzjoni indikat fih, ir-rikorrenti jkollha neċessarjament, abbażi tal-PNA u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kwoti ta’ emissjonijiet għall-finijiet tal-kombustjoni tal-gass inkwistjoni. Fl-aħħar nett, minkejja l-fatt li l-produzzjoni tal-enerġija tikkostitwixxi, bħala prinċipju, attività koperta mill-Anness I tad-direttiva kkontestata, ir-rikorrenti la speċifikat sa fejn dawn il-kuntratti ta’ provvista ta’ gass jorbtuha ma’ stazzjonijiet terzi tal-enerġija elettrika, la indikat jekk dawn tal-aħħar setgħux jiksbu kwoti f’isimhom stess jew jekk kellhomx bżonn minħabba l-fatt li huma inklużi f’dan l-anness, u lanqas spjegat taħt liema kundizzjonijiet l-insuffiċjenza ta’ kwoti setgħet taffettwa l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti min-naħa tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tatx prova li hija kienet direttament u individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati minħabba l-allegazzjoni li ġiet affettwata l-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ provvista ta’ ga ss għal żmien twil.

119. Fis-sitt lok, fir-rigward tal-argument, ftit li xejn dettaljat, tar-rikorrenti li hija pparteċipat fil-proċess deċiżjonali li wassal għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-fatt li persuna tintervjeni, b’mod jew ieħor, fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att Komunitarju huwa ta’ natura li jindividwalizza lil din il-persuna fir-rigward tal-att inkwistjoni, fil-każ biss li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tagħtiha ċerti garanziji proċedurali. Salv dispożizzjoni espressa li tipprovdi l-kuntrarju, la l-proċess ta’ preparazzjoni tal-atti ta’ applikazzjoni ġenerali u lanqas dawn l-atti stess ma jirrikjedu, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħad-dritt għal smigħ xieraq, il-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati peress li l-interess tagħhom huwa rrappreżentat mill-istanzi politiċi li jadottaw dawn l-atti. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ drittijiet proċedurali ggarantiti espressament, ikun kuntrarju għat-termini u l-ispirtu tal-Artikolu 230 KE li kull individwu, sussegwentement, ikun jista’, unikament għaliex ikun ipparteċipa fil-preparazzjoni ta’ att leġiżlattiv, jippreżenta rikors kontra dan l-att (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, T‑369/03, Ġabra p. II‑5839, punti 72 sa 73, u l-ġurisprudenza ċċitata fih).

120. F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, abbażi tal-Artikolu 175(1) KE u tal-Artikolu 251 KE, il-proċedura ta’ preparazzjoni u ta’ adozzjoni tad-direttiva kkontestata tikkostitwixxi proċess deċiżjonali li jinvolvi l-parteċipazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Parlament inkwantu leġiżlatur Komunitarju u li rriżulta fl-adozzjoni ta’ miżura ta’ applikazzjoni ġenerali, mingħajr ma kien previst kwalunkwe intervent min-naħa tal-operaturi f’dan il-kuntest, u li, it-tieni nett, ir-rikorrenti la sostniet u lanqas tat prova tal-fatt li hija kellha drittijiet proċedurali li fuqhom setgħet tibbaża l- locus standi tagħha skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq.

121. Minn dan isegwi li l-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċess deċiżjonali li wassal għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata ma tistax tindividwalizzaha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk hijiex direttament ikkonċernata f’dan ir-rigward.

122. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti la hija individwalment u lanqas direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, u li t-talba tagħha għal annullament għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħux jiġu separati jew le mill-kumplament tad-direttiva kkontestata.

123. Mill-bidu nett, din is-soluzzjoni ma hijiex ikkonfutata bir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 114 iktar ’il fuq, l-Istati Membri jiddisponu minn marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex jimplementaw id-direttiva kkontestata. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrenti, din id-direttiva ma tistax, f’kull każ, titqies bħala att leġiżlattiv li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

II – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-kumpens għad-danni

A – L-argumenti tal-partijiet

124. Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jissottomettu li t-talba għall-kumpens għad-danni hija wkoll inammissibbli.

125. It-talba tar-rikorrenti ma hijiex konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura peress li, l-ewwel nett, l-allegat dannu la huwa imminenti, la huwa ċert u lanqas huwa identifikat suffiċjentement, u, it-tieni nett, ma teżistix rabta kawżali bejn id-direttiva kkontestata u dan id-dannu. Il-Parlament iżid jgħid li r-rikorrenti ma ressqitx prova tal-fatt li l-għażla tal-leġiżlatur Komunitarju tikser gravement u manifestament id-dispożizzjonijiet legali superjuri invokati, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali. Hija lanqas uriet li s-setturi tal-kimika u tal-aluminju jokkupaw l-istess parti tas-suq bħas-settur tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar u li dawn is-setturi jipproduċu emissjonijiet diretti ta’ CO 2 tant sinjifikattivi li mill-ewwel kellhom jiġu inklużi fid-direttiva kkontestata.

126. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ dannu, il-Kunsill isostni li minkejja li meta ġie ppreżentat ir-rikors d-direttiva kkontestata kienet diġà fis-seħħ, din kien għadu ma kellha l-ebda effett dirett fuq l-attività ekonomika tar-rikorrenti u li l-effetti li seta’ jkollha fil-futur ma setgħux jitqiesu bħala imminenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tatx prova tal-eżistenza ta’ dannu ċert, peress li dan kien impossibbli f’dan l-istadju għal diversi raġunijiet. F’dan ir-rigward, il-Parlament u l-Kunsill isostnu, b’mod partikolari, li l-allegata sitwazzjoni ta’ “xerrej nett ta’ kwoti” tar-rikorrenti hija biss ipotetika u ma hijiex konsegwenza diretta, neċessarja u ċerta tad-direttiva kkontestata.

127. Skont il-Kunsill, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex ser issir “xerrej nett ta’ kwoti” tiddependi fuq serje ta’ fatturi mhux magħrufa u li ma seħħewx f’dan il-każ, bħall-kwantità totali ta’ kwoti inizjalment allokati mill-awtoritajiet nazzjonali b’mod konformi mal-PNA u l-ispiża ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fir-rigward tal-prezzijiet tal-kwoti fuq is-suq ta’ skambju. Il-kwantità totali ta’ kwoti allokati tiddependi, min-naħa tagħha, fuq diversi fatturi, bħall-għan ta’ tnaqqis attribwit lill-Istat Membru, l-intenzjoni tiegħu li jixtri, minn fuq is-suq dinji, unitajiet ta’ emissjonijiet stabbiliti mill-Protokoll ta’ Kyoto, kif ukoll, id-deċiżjoni tiegħu dwar il-modalitajiet ta’ tqassim tat-tnaqqis neċessarju tal-emissjonijiet bejn is-setturi industrijali differenti. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li meta jirriżulta li l-kwoti allokati ma humiex biżżejjed, l-impatt tad-direttiva kkontestata jkun jiddependi, tenut kont tal-investiment rispettiv, mill-għażla tal-operatur bejn, minn naħa, ix-xiri ta’ kwoti addizzjonali sabiex ikopri l-emissjonijiet tiegħu ta’ CO 2 u, min-naħa l-oħra, it-teħid ta’ miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet.

128. In-nuqqas ta’ dannu ċert huwa korroborat mill-fatt li d-direttiva kkontestata tipprovdi espressament, fil-kriterji 3 u 7 tal-Anness III tagħha, li l-kwantità ta’ kwoti għandha tkun koerenti mal-potenzjal, inkluż dak teknoloġiku, tal-attivitajiet tal-operaturi u li l-PNA jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri meħuda fi stadju bikri, bħat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO 2 , li r-rikorrenti ssostni li wettqet mill-1990 ’il quddiem. Barra minn hekk, il-Kunsill ifakkar li r-rikorrenti tista’ twettaq trasferiment transkonfinali tal-kwoti mhux użati bejn l-istallazzjonijiet fi ħdan il-grupp tagħha, u li din l-possibbiltà tifforma parti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti stess.

129. Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jissottomettu li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi li kellha ssostni spejjeż addizzjonali marbuta mal-implementazzjoni tad-direttiva, bħall-ispiża tal-persunal inkarigat mill-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ CO 2 u mir-rappurtaġġ, peress li dawn l-obbligi kellhom diġà jitwettqu taħt id-Direttiva 96/61. Il-Kunsill isostni li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-ispiża marbuta mal-impjieg ta’ persunal addizzjonali u t-telf ta’ qligħ fil-futur, huma wisq vagi u ma humiex preċiżi sabiex jikkostitwixxu l-prova ta’ dannu futur. Bl-istess mod, it-telf ta’ partijiet mis-suq jew ta’ qligħ, ma huwiex ċert u jiddependi minn fatturi li ma humiex magħrufa u li huma indipendenti mid-direttiva kkontestata, pereżempju, mill-iżvilupp tal-prezz tal-ħadid mhux maħdum u tal-azzar u minn dawn iż-żewġ prodotti kompetituri.

130. Skont il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti lanqas tat prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-direttiva kkontestata u dannu futur li allegatament ser jiġi kkawżatilha. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat lill-Istati Membri, id-direttiva ma tistax, inkwantu tali, tikkawża direttament kwalunkwe dannu lir-rikorrenti, peress li dan jista’ jirriżulta biss mid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

131. Ir-rikorrenti tqis li t-talba tagħha għad-dannu hija konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, u li għaldaqstant, hija ammissibbli.

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

132. Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jkun fih is-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi mressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikors, jekk hemm bżonn, mingħajr informazzjoni addizzjonali. Bil-għan li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun fondat joħorġu, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar partikolari, sabiex jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża bih lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegatament subit, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punti 64 u 65; tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra p. II-1291, punti 36 u 37; tat-13 ta’ Diċembru 2006, Abad Pérez et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑304/01, Ġabra p. II‑4857, punt 44, u É.R. et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑138/03, Ġabra p. II‑4923, punt 34; digriet tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Mejju 2004, Andolfi vs Il-Kummissjoni, T‑379/02, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 41 u 42).

133. Il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikors jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet ta’ forma u jeħtieġ li l-argumenti tal-Parlament u tal-Kunsill f’dan ir-rigward, li l-biċċa l-kbira tagħhom jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-mertu u mhux dik tal-ammissibbiltà tat-talba għall-kumpens għad-danni, jiġu miċħuda. Infatti, fir-rikors, ir-rikorrenti tindika biżżejjed elementi sabiex jiġu identifikati l-aġir li hija takkuża bih lil-leġiżlatur Komunitarju, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li teżisti rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu li hija tallega li ġarrbet kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu, tant li l-Parlament u l-Kunsill setgħu jiddefendu lilhom infushom b’mod effettiv f’dan ir-rigward billi ressqu argumenti sabiex, fil-verità, juru li t-talba għall-kumpens għad-danni ma hijiex fondata.

134. Fir-rigward tal-aġir allegatament illegali tal-Parlament u tal-Kunsill, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98, Ġabra p. I-5291, punti 39 et seq , u tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C‑198/03 P, Ġabra p. I‑6357, punti 61 et seq ), ir-rikorrenti ppreżentat argumenti dettaljati sabiex turi li kien hemm ksur suffiċjentement serju ta’ diversi dispożizzjonijiet – inklużi wkoll dispożizzjonijiet legali superjuri – li l-għan tagħhom huwa li jagħtu drittijiet lill-individwi, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-libertà ta’ stabbiliment.

135. Fir-rigward tad-dannu, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-mument li fih ġie ppreżentat ir-rikors, dan id-dannu kien neċessarjament futur peress li d-direttiva kkontestata kienet għadha qed tiġi trasposta fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u l-Istati Membri kienu għadhom kif bdew jippreparaw il-PNA tagħhom u l-liġijiet tagħhom fir-rigward tal-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti fit-territorji tagħhom b’applikazzjoni tal-PNA tagħhom (ara l-punt 113 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma setgħetx tippreċiża l-portata eżatta ta’ dan id-dannu futur fil-mument li fih ippreżentat ir-rikors tagħha. F’ċirkustanzi partikolari bħal dawn, li rreferiet għalihom ir-rikorrenti, ma huwiex indispensabbli li fir-rikors tiġi ppreċiżata, inkwantu kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, il-portata eżatta tad-dannu, u inqas u inqas li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ dannu mitlub, peress li, fi kwalunkwe każ, dan jibqa’ possibbli sal-istadju tar-replika, bil-kundizzjoni li r-rikorrent jinvoka tali ċirkustanzi u jindika elementi li jippermettu li jiġu evalwati n-natura u l-portata tad-dannu sabiex imbagħad il-konvenut ikun f’pożizzjoni li jippreżenta d-difiża tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali Andolfi vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata fih, u tat-22 ta’ Lulju 2005, Polyelectrolyte Producers Group vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑376/04, Ġabra p. II‑3007, punt 55).

136. Sussegwentement, jeħtieġ li jingħad li r-rikorrenti ressqet biżżejjed elementi li jikkaratterizzaw id-dannu futur tagħha, inklużi n-natura tagħha, il-portata tagħha u d-diversi komponenti tagħha, sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, fir-rikors, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tirreferi għad-dannu li jirriżulta mill-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-impjieg ta’ persunal li jwettqu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtaġġ skont l-Artikoli 14 u 15 tad-direttiva kkontestata. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti ppreżentat stima konkreta ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li ġarrbet kemm dannu materjali kif ukoll dannu morali li jirriżulta mit-telf ta’ partijiet tas-suq u mill-preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha fil-qasam tal-ambjent ikkawżat mill-fatt li s-setturi kompetituri tal-metall mhux tal-ħadid u tal-prodotti kimiċi ma ġewx inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. It-tielet nett, ir-rikorrenti invokat stimi insostenn (ara l-punti 78 u 79 iktar ’il fuq) tal-ħolqien ta’ dannu minħabba s-sitwazzjoni tagħha ta’ “xerrej nett ta’ kwoti” u taż-żieda prevedibbli tal-ispiża ta’ dawn il-kwoti li tista’ teqred il-marġni ta’ qligħ gross tagħha. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti talbet il-kumpens għat-telf fil-qligħ tagħha minħabba li huwa impossibbli għaliha li twettaq strateġija ta’ ristrutturazzjoni transkonfinali. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet minimi dwar l-identifikazzjoni tad-dannu huma sodisfatti f’dan il-każ.

137. Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-aġir illegali u d-dannu, ir-rikorrenti sostniet b’mod preċiż biżżejjed u skont il-loġika tar-raġunament tagħha, li l-Istat Membru ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u tal-obbligi li joħorġu minnhom għall-operaturi u li, għaldaqstant, kull dannu subit minnha huwa attribwibbli għall-aġir allegatament illegali tal-leġiżlatur Komunitarju. F’dan ir-rigward, l-argumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kellha “tistabbilixxi” jew “tagħti prova” ta’ tali rabta kawżali sabiex it-talba tkun ammissibbli ma jistgħux jintlaqgħu, peress li evalwazzjoni bħal din taqa’ taħt l-eżami tal-mertu tal-imsemmija talba u mhux tal-ammissibbiltà tagħha.

138. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Parlament u tal-Kunsill għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn jirrigwardaw it-talba għall-kumpens għad-danni.

III – Fuq il-mertu tat-talba għall-kumpens għad-danni

A – Fuq il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni

139. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sabiex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba aġir illegali ta’ wieħed mill-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, jeħtieġ li jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li bih ikunu akkużati l-istituzzjonijiet, il-veraċità tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat [ara, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra p. I‑10833, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, T‑333/03, Ġabra p. II‑4377, punt 59; u Abad Pérez et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 97; É.R. et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 99, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T‑259/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37].

140. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ natura kumulattiva, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Abad Pérez et Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 99, u É.R. et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata fihom).

141. Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tkun tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 42). Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jitqies li din tkun sodisfatta huwa l-abbuż manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Huwa biss meta din l-istituzzjoni jkollha marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitat, anki ineżistenti, li s-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 54; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134; u Abad Pérez et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 98, u É.R. et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 100).

142. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motivi ta’ illegalità invokati mir-rikorrenti fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punt 137 iktar ’il fuq.

143. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li fil-kuntest ta’ din il-kawża jiġi ppreċiżat li sabiex jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju, il-leġiżlatur Komunitarju jrid ikun abbuża, b’mod manifest u gravi, mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu fil-qasam tal-ambjent taħt l-Artikoli 174 KE u 175 KE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, l-ewwel nett, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑125/96 u T‑152/96, Ġabra p. II‑3427, punt 74, u tal-10 ta’ Frar 2004, Afrikanische Frucht-Compagnie vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑64/01 u T‑65/01, Ġabra p. II‑521, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata fihom, u, it-tieni nett, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 166, u tas-26 ta’ Novembru 2002, Artegodan vs Il-Kummissjoni, T‑74/00, T‑76/00, T‑83/00 sa T‑85/00, T‑132/00, T‑137/00 u T‑141/00, Ġabra p. II‑4945, punt 201). Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jirrikjedi, l-ewwel nett, li l-leġiżlatur Komunitarju jantiċipa u jevalwa żviluppi ekoloġiċi, xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta, u, it-tieni nett, l-ibbilanċjar u l-arbitraġġ mil-leġiżlatur Komunitarju tal-għanijiet, tal-prinċipji u tal-interessi taħt l-Artikolu 174 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C‑284/95, Ġabra p. I‑4301, punti 36 u 37; tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑86/03, Ġabra p. I‑10979, punt 88, u Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 108 iktar ’il fuq, punti 57 sa 59; ara ukoll, b’analoġija, is-sentenza Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 228). Dan jirriżulta fid-direttiva kkontestata permezz tal-istabbiliment ta’ serje ta’ għanijiet u ta’ sotto-għanijiet parzjalment kontradittorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 108 iktar ’il fuq, punti 28 sa 33; u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punti 121 sa 125 u 136 sa 139).

144. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet legali invokati mir-rikorrenti jikkonsistix f’abbuż manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li kellu l-leġiżlatur Komunitarju meta adotta d-direttiva kkontestata.

145. Peress li l-argumenti tar-rikorrenti insostenn tal-ewwel żewġ motivi huma fil-biċċa l-kbira tagħhom sovraposti, jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien.

B – Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt ta’ proprjetà, tal-libertà għat-twettiq ta’ attività ekonomika u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

1. L-argumenti tal-partijiet

146. Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jippreġudikaw id-dritt tagħha ta’ proprjetà u l-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika, li jikkostitwixxu drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, kif ikkonfermat mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU, C 364, p. 1). Fil-fatt, miżuri mandatorji li jissuġġettaw l-“użu tal-proprjetà” għal ċerti kundizzjonijiet jista’ jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà u, meta dawn il-miżuri jċaħħdu lil individwu minn dan l-eżerċizzju, huma jkunu ta’ preġudizzju għat-tenur stess ta’ dan id-dritt.

147. Ir-rikorrenti tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jippreġudikaw, b’mod sproporzjonat, it-tenur tad-dritt tagħha ta’ proprjetà u tal-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika billi jobbligawha topera l-istallazzjonijiet tagħha f’kundizzjonijiet li ma humiex ekonomikament vijabbli. L-ewwel nett, il-konsegwenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għar-rikorrenti hija li din issir “xerrej nett ta’ kwoti” (ara l-punti 73 u 75 iktar ’il fuq), peress li, minkejja l-isforzi tagħha fil-passat u bid-differenza minn operaturi f’setturi oħra, huwa teknikament impossibbli għaliha li, fil-futur qarib, tnaqqas iżjed l-emissjonijiet tagħha ta’ CO 2 (ara l-punti 75 u 76 iktar ’il fuq). It-tieni nett, fid-dawl tal-kundizzjonijiet partikolari ta’ kompetizzjoni fis-settur tal-azzar (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma għadhiex f’pożizzjoni li tgħaddi ż-żieda fl-ispejjeż tagħha ta’ produzzjoni lill-klijenti tagħha (ara l-punt 78 iktar ’il fuq). Konsegwentement, hija qegħda tipproduċi b’telf u ser ikollha, jew tkompli topera, fis-suq intern, stallazzjonijiet li ma jħallux qligħ u li huma ineffiċjenti, jew ikollha tagħlaqhom u tittrasferixxihom f’pajjiżi li ma jimponux obbligi ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet abbażi tal-Protokoll ta’ Kyoto.

148. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li d-direttiva kkontestata toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bi tliet modi. L-ewwel nett, filwaqt li l-industrija Komunitarja ser tkun suġġetta għal obbligi ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO 2 li jżidu l-ispejjeż ta’ produzzjoni, l-ispejjeż ta’ produzzjoni fil-pajjiżi terzi jibqgħu l-istess, u anki jonqsu minħabba proġetti li jaqgħu fl-ambitu tal-mekkaniżmu għal żvilupp “nadif” stabbilit mill-Protokoll ta’ Kyoto (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). It-tieni nett, fis-suq intern, iż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tvarja minħabba d-differenzi bejn l-għanijiet nazzjonali ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet u bejn il-politiki nazzjonali ta’ allokazzjoni u ta’ kwoti. It-tielet nett, hija biss il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, fosthom l-azzar, li hija koperta mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Skont ir-rikorrenti, il-prodotti kollha għandhom ikunu affettwati bl-istess mod, proporzjonalment għall-kwantità ta’ CO 2 mitfugħa fl-arja u fid-dawl tal-proċess ta’ produzzjoni u taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott ikkonċernat.

149. Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-direttiva kkontestata ma tinċetivax lill-operaturi ta’ stallazzjonijiet sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. L-ewwel nett, hija ma tinkoraġġixxix l-innovazzjoni teknika peress li tistabbilixxi li l-istallazzjonijiet il-ġodda jiksbu kwoti skont il-bżonnijiet li effettivament ikollhom, li jwassal lill-produtturi sabiex ikomplu joperaw stallazzjonijiet li ma jħallux qligħ. It-tieni nett, id-direttiva kkontestata ma tikkumpensax it-tnaqqis ta’ emissjonijiet, jiġifieri l-isforzi kunsiderevoli ta’ tnaqqis li jkun sar fis-settur tal-azzar fil-passat. Għall-kuntrarju, l-għeluq ta’ stallazzjoni ineffikaċi jwassal għat-telf tal-kwoti allokati, peress li dawn il-kwoti ma jistgħux jiġu ttrasferiti lil stallazzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara l-punti 81 sa 83 iktar ’il fuq). B’hekk, il-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar huma dissważi milli jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom jew milli jittrasferixxu l-produzzjoni tagħhom fi stallazzjonijiet iktar effikaċi u għaldaqstant iktar favorevoli għall-ambjent. Fid-dawl ta’ dan il-ksur gravi tad-dritt tagħha ta’ proprjetà, tal-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika u tal-libertà tagħha ta’ stabbiliment, ir-rikorrenti għandha wkoll dubji dwar kemm l-għanijiet tad-direttiva kkontestata, li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li jitħares l-ambjent, jistgħu jintlaħqu. Fir-rigward tas-settur tal-azzar, minħabba l-operat kontinwu ta’ stallazzjonijiet ineffikaċi u t-trasferiment tal-produzzjoni tal-azzar f’pajjiżi terzi, huwa probabbli li ma jitwettaq ebda tnaqqis ta’ emissjonijiet.

150. Skont ir-rikorrenti, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, li juru l-ksur tad-dritt tagħha ta’ proprjetà, tal-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika u tal-libertà tagħha ta’ stabbiliment, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, il-legalità tal-atti u tal-miżuri Komunitarji hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn l-atti u l-miżuri jkunu xierqa u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet li jeħtieġ li leġittimament jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Infatti, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE jeżiġi li l-atti legali tal-Komunità ma jmorrux lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat KE. Barra minn hekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, jeħtieġ li tingħażel dik li tkun l-inqas restrittiva u l-piżijiet imposti ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet tal-miżura partikolari. Madankollu, l-inklużjoni ta’ stallazzjonijiet tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar fl-Anness I tad-direttiva kkontestata, mill-bidu nett, ma kinitx kapaċi tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tad-direttiva kkontestata ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet u ta’ protezzjoni tal-ambjent, u d-dispożizzjonijiet ikkontestati jimponu piż tqil u sproporzjonat għar-rikorrenti, bil-konsegwenza li l-eżistenza tagħha stess titqiegħed fil-perikolu (ara l-punti 143 sa 145 iktar ’il fuq).

151. Il-Parlament u l-Kunsill joġġezzjonaw għall-fatt li d-direttiva kkontestata taffettwa d-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrenti u l-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika b’mod sproporzjonat. Anki jekk jiġi kkunsidrat li l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva kkontestata joħolqu restrizzjonijiet għar-rikorrenti, xorta waħda ma jistax jitqies li dawn iħallu effett sproporzjonat u intollerabbli fuq dawn id-drittijiet meta wieħed iqis l-għan ta’ interess ġenerali tad-direttiva kkontestata u tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent.

152. Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

153. Preliminarjament, jeħtieġ li jingħad li, għalkemm id-dritt ta’ proprjetà u l-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, dawn il-prinċipji ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Konsegwentement, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà u għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali li ssegwi l-Kummissjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika t-tenur tad-drittijiet iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 2005, Alessandrini et vs Il-Kummissjoni, C‑295/03 P, Ġabra p. I‑5673, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha u s-sentenza Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 220).

154. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-allegat preġudizzju għad-dritt ta’ proprjetà, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, barra mill-allegazzjoni ġenerali ħafna li l-konsegwenza tad-dispożizzjonijiet ikkontestati hija li r-rikorrenti ma tistax tibqa’ topera bi qligħ l-istallazzjonijiet tagħha ta’ produzzjoni tal-azzar stabbiliti fis-suq intern, ir-rikorrenti ma speċifikatx sa fejn id-dritt tagħha ta’ proprjetà, li jirrigwarda ċerti beni tanġibbli u intanġibbli li jifformaw parti mill-mezzi tagħha ta’ produzzjoni, huwa effettivament affettwat, u saħansitra jintilef l-iskop kollu tiegħu minħabba l-applikazzjoni u t-traspożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali. Ir-rikorrenti lanqas indikat liema minn dawn l-istallazzjonijiet ta’ produzzjoni huma partikolarment affettwati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati u għal-liema raġunijiet tali preġudizzju jeżisti tenut kont tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull waħda minn dawn l-istallazzjonijiet fit-territorju tal-istabbiliment tagħhom u fid-dawl tal-PNA rilevanti. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti illimitat lilha nnifisha li ssostni, b’mod vag, li hija ma tistax tagħlaq ċerti stallazzjonijiet ineffikaċi u li ma jħallux qligħ, sabiex ma titlifx il-kwoti ta’ emissjonijiet allokati għalihom, mingħajr ma spjegat sa fejn dan in-nuqqas ta’ effikaċja u n-nuqqas ta’ qligħ flimkien mad-diffikultajiet ekonomiċi li jirriżultaw minnhom huma speċifikatament dovuti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati inkwantu tali. Skont dikjarazzjonijiet tagħha stess, dawn id-diffikultajiet ekonomiċi kienu diġà jeżistu qabel il-konċentrazzjoni tal-2001 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), li kienet tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet ekonomiċi.

155. Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt ta’ proprjetà u tal-libertà għat-twettiq ta’ attività ekonomika flimkien, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex, la fin-noti tagħha u lanqas fis-seduta, tispjega b’mod plawsibbli u bi provi konkreti insostenn tagħha, kif u sa fejn, minħabba l-implementazzjoni tad-direttiva kkontestata, hija kienet suxxettibbli li ssir “xerrej nett ta’ kwoti” ta’ emissjonijiet, li ma setgħetx tgħaddi l-ispejjeż tagħhom lill-klijenti tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma sostnietx li matul l-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni, li spiċċa fl-2007, hija kellha tixtri kwoti ta’ emissjonijiet addizzjonali minħabba li ma kellhiex biżżejjed kwoti f’waħda mill-istallazzjonijiet ta’ produzzjoni stabbiliti fis-suq intern. Għall-kuntrarju, fis-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li fl-2006 biegħet il-kwoti extra tagħha fis-suq ta’ skambju u dan il-bejgħ ħallielha qligħ ta’ EUR 101 miljun, fatt li ġie vverbalizzat fl-atti tal-kawża. Għaldaqstant, jidher li huwa eskluż li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kollha neċessarjament jiġġeneraw konsegwenzi finanzjarji negattivi li jippreġudikaw id-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrenti u l-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika.

156. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma allegatx, fil-kuntest tat-talba tagħha għad-danni, li wħud mill-istallazzjonijiet tagħha ta’ produzzjoni fis-suq intern kienu sofrew telf minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u hija ma ppreżentatx ċifri preċiżi dwar l-iżvilupp tal-qligħ minn dawn l-istallazzjonijiet wara li bdiet tiġi mħaddma l-iskema għall-iskambju. Ir-rikorrenti lanqas tat dettalji, minn naħa, dwar il-mod kif kull waħda minn dawn l-istallazzjonijiet kienet adattat għall-għanijiet differenti ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-Istati Membri kkonċernati, li wħud minnhom, bħar-Renju ta’ Spanja, għandhom anki l-possibbiltà li jżidu l-emissjonijiet b’mod konformi mad-Deċiżjoni 2002/358 u mal-pjan ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, u min-naħa l-oħra, dwar jekk in-numru limitat ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, li setgħet tippretendi għal dawn l-istallazzjonijiet abbażi tad-diversi PNA, kienx biżżejjed. Fl-aħħar nett, jekk jiġi presuppost li d-diversi PNA u l-għanijiet nazzjonali ta’ tnaqqis jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tar-rikorrenti, hija la qalet u lanqas uriet li dan il-preġudizzju kien ikkawżat mid-dispożizzjonijiet ikkontestati inkwantu tali u mhux mil-leġiżlazzjoni interna li l-Istati Membri adottaw fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fit-traspożizzjoni tad-direttiva kkontestata skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE.

157. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-produtturi tal-azzar ma humiex kapaċi, minħabba raġunijiet tekniċi u ekonomiċi, li jnaqqsu iktar l-emissjonijiet tagħhom ta’ CO 2 , huwa biżżejjed li jingħad li l-kriterju 3 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata jirrikjedi lill-Istati Membri, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li għandhom jiġu allokati, jieħdu inkunsiderazzjoni l-pontenzjal, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet prodotti mill-attivitajiet koperti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fis-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 42 iktar ’il fuq, punt 57). Minn dan isegwi li, meta jallokaw il-kwoti lis-setturi industrijali differenti u lill-operaturi ta’ stallazzjonijiet ta’ dawn is-setturi, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ dawn is-setturi u tal-operaturi kollha, inkluż tas-settur tal-azzar u tal-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar. Barra minn hekk, skont il-kriterju 7 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata, “[i]l-[PNA] jista’ jakkommoda azzjoni bikrija [ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet]”, b’mod li l-Istati Membri għandhom tal-inqas il-possibbiltà li jieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi ta’ tnaqqis li diġà saru fis-settur u mill-operaturi inkwistjoni. Għaldaqstant, il-fatt li din il-kapaċità ta’ tnaqqis ma tteħditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tiegħu għall-implementazzjoni tad-direttiva kkontestata, ma jistax jiġi attribwit lid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

158. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa eskluż li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jippreġudikaw id-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrenti u l-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika, jew anki li dan jista’ jikkawżalha dannu. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tatx prova la ta’ ksur suffiċjentement serju, la ta’ restrizzjoni sproporzjonata ta’ dawn id-drittijiet mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, u lanqas li dan l-allegat ksur jista’ jkun il-kawża tad-dannu mġarrab minnha.

159. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu motiv awtonomu ta’ illegalità, mill-kunsiderazzjonijiet fil-punti 150 sa 154 iktar ’il fuq jidher diġà li hija ma tatx prova tal-eżistenza tal-piż tqil u sproporzjonat li hija tallega li ġarrbet. Bl-istess mod, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-allegazzjonijiet dwar id-diversi nuqqasijiet tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti (ara l-punti 145 u 146 iktar ’il fuq), l-argument prinċipali tar-rikorrenti li l-parteċipazzjoni tal-produtturi tal-azzar, inkwantu ċertament l-ikbar produtturi industrijali li jipproduċu emissjonijiet ta’ CO 2 , hija inadegwata u ma hijiex xierqa sabiex tikkontribwixxi għall-għan prinċipali tad-direttiva kkontestata li jitħares l-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra, għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat. Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti inkwantu tali kienet manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO 2 u li l-leġiżlatur Komunitarju kien għaldaqstant abbuża, b’mod manifest u gravi, mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu.

160. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-motivi ta’ illegalità, ibbażati fuq ksur suffiċjentement serju tad-dritt ta’ proprjetà, tal-libertà għat-twettiq ta’ attività ekonomika u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġu miċħuda bħala infondati.

C – Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

1. L-argumenti tal-partijiet

161. Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

162. Minn naħa, is-setturi kompetituri tal-metalli mhux tal-ħadid u tal-prodotti kimiċi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kkontestata mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, meta fil-fatt huma jipproduċu kwantitajiet simili ta’ emissjonijiet ta’ CO 2 , anki iktar għoljin mill-kwantità prodotta mis-settur tal-azzar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-inklużjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tas-settur tal-prodotti kimiċi, b’numru kbir ta’ stallazzjonijiet, iwassal għal kumplikazzjonijiet amministrattivi kunsiderevoli. Il-bżonn ta’ sforz amministrattiv addizzjonali, inkwantu tali, jiġġustifika distorsjoni gravi tal-kompetizzjoni, bħal dik eżistenti f’dan il-każ partikolari. Barra minn hekk, skont il-proposta inizjali, kellhom tal-inqas jiġu inklużi l-istallazzjonijiet il-kbar kollha li jipproduċu prodotti kimiċi ta’ bażi b’emissjonijiet sostanzjali. Fir-rigward tal-esklużjoni tas-settur tal-metalli mhux tal-ħadid, bħall-aluminju (premessa 15 tad-direttiva kkontestata), il-Parlament u l-Kunsill lanqas ippreżentaw ġustifikazzjoni għal dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali. Fl-aħħar nett, ebda miżura oħra ma ġiet imposta fir-rigward ta’ dawn is-setturi kompetituri sabiex jittaffew id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni msemmija. Min-naħa l-oħra, il-fatt li, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, is-settur tal-azzar jiġi ttrattat bl-istess mod bħas-setturi l-oħra koperti mill-Anness I tad-direttiva kkontestata, jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li dawn is-setturi jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti. Fil-fatt is-“sitwazzjoni unika magħluqa” tal-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar (ara l-punti 74 et seq iktar ’il fuq) tiddistingwiha mill-produtturi ta’ dawn is-setturi l-oħra u tqegħdha f’pożizzjoni ta’ “tellief naturali” fost il-parteċipanti kollha fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti.

163. Fir-replika, ir-rikorrenti tippreċiża li s-setturi tal-metalli mhux tal-ħadid u tal-prodotti kimiċi huma simili għas-settur tal-azzar u jeżistu, kif tikkonferma l-prattika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, rapporti ta’ kompetizzjoni bejn is-setturi differenti. Fil-fatt, il-manifatturi l-kbar tal-vetturi qegħdin, dejjem iktar, jissostitwixxu l-azzar bl-aluminju għall-“partijiet esterni”, bħall-mutur, il-bonit u l-bibien. Barra minn hekk, fuq is-suq tax-xorb mingħajr alkoħol, il-bottijiet tal-azzar qegħdin, dejjem iktar, jiġu sostitwiti mill-bottijiet tal-aluminju u mill-fliexken tal-plastik. Barra minn hekk, il-fatt biss li l-kwantità totali ta’ emissjonijiet ta’ CO 2 mis-settur tal-azzar hija ogħla minn dik tas-setturi tal-aluminju u tal-plastik ma huwiex biżżejjed sabiex dawn is-setturi jiġu distinti minn xulxin peress li setturi oħra b’livell ta’ emissjonijiet inqas sinjifikattiv minn dak tal-prodotti kimiċi, jiġifieri s-settur tal-ħġieġ, tal-prodotti taċ-ċeramika u tal-materjali tal-bini kif ukoll is-settur tal-karta u tal-istampa huma wkoll inklużi fl-Anness I tad-direttiva kkontestata. Fil-fatt, huwa minħabba l-fatt li dawn is-setturi huma simili li l-Parlament kien ippropona li l-“istallazzjonijiet għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-aluminju” u l-“industrija kimika” jiġu inklużi fid-direttiva kkontestata. Fl-aħħar nett, il-fatt li s-settur tal-aluminju huwa affettwat indirettament mid-direttiva kkontestata minħabba ż-żieda fil-prezz tal-elettriku ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi distint mis-settur tal-azzar, li ġarrab l-istess konsegwenzi.

164. Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 24 tad-direttiva kkontestata ma jistax jiġi invokat f’dan il-kuntest. L-inkużjoni unilaterali, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ attivitajiet u stallazzjonijiet oħra fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti hija biss possibbiltà u mhux obbligu għall-Istati Membri u hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont kriterji differenti. Fi kwalunkwe każ, inklużjoni eventwali, inċerta, mill-Istati Membri, tas-setturi kompetituri tas-settur tal-azzar hija possibbli biss mill-2008 ’l quddiem, u għaldaqstant, ma tistax tirrimedja ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali matul l-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni. Fl-aħħar nett, ma hemmx ġustifikazzjoni oġġettiva għal dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati la huma neċessarji u lanqas proporzjonati għall-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent.

165. Fis-seduta u fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 42 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti rrepetiet u kkompletat l-argumenti tagħha fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

166. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni definittiva f’dan is-sens fis-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 42 iktar ’il fuq.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

167. Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li dan il-motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa diviż f’żewġ partijiet, jiġifieri, l-ewwel parti, allegat trattament mhux ugwali ta’ sitwazzjonijiet komparabbli u, it-tieni parti, allegat trattament ugwali ta’ sitwazzjonijiet differenti.

168. Fir-rigward tal-ewwel parti, jeħtieġ li jsir riferiment għall-punti 25 et seq tas-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 42 iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“Fuq it-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

25 Il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba trattament differenti jippresupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom.

26 L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att Komunitarju li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tas-27 ta’ Ottubru 1971, Rheinmühlen Düsseldorf, 6/71, Ġabra p. 823, punt 14; tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et , 117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 8; tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 74, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port, C‑364/95 u C‑365/95, Ġabra p. I‑1023, punt 83).

27 F’dan il-każ, il-validità tad-Direttiva [kkontestata] għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-inklużjoni tas-settur tal-azzar fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u fir-rigward tal-esklużjoni minnu tas-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid, li jagħmlu parti minnhom […] rispettivament, is-setturi tal-plastik u tal-aluminju.

28 Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva [kkontestata] għandha l-għan li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti […]. Kif jirriżulta mill-punti 4.2 u 4.3 tal-Green paper [tat-8 ta’ Marzu 2000 dwar l-iskema għall-iskambju ta’ emissjoni tal-gassijiet serra ġewwa l-Unjoni Ewropea], il-Komunità riedet tintroduċi tali skema fuq il-livell tal-impriżi u b’hekk li hija intiża għall-attivitajiet ekonomiċi.

29 Skont il-premessa 5 tagħha, id-Direttiva [kkontestata] għandha l-għan li tistabbilixxi din l-iskema sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha abbażi tal-Protokoll ta’ Kyoto, li huwa intiż għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-atmosfera fuq livell li jipprekludi kull indħil perikoluż antropoġeniku fis-sistema tal-klima u li għandu bħala għan finali l-protezzjoni tal-ambjent.

30 Il-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent, li jagħmel parti minnha l-att leġiżlattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent, hija intiża, skont l-Artikolu 174(2) KE, għal livell għoli ta’ protezzjoni u b’mod partikolari hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ azzjoni preventiva u l-prinċipju li min iniġġes iħallas (ara s-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et , C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punt 64, kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑14/06 u C‑295/06, Ġabra p. I-1649, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[…]

34 Minn dan jirriżulta li, meta mqabbla mal-għan tad-Direttiva [kkontestata], mal-għanijiet tagħha msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza kif ukoll mal-prinċipji li hija bbażata fuqhom il-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent, id-diversi sorsi ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra li jaqgħu taħt l-ambitu ta’ attività ekonomika jinsabu, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni komparabbli, peress li kull emissjoni ta’ gassijiet serra tista’ tikkontribwixxi għal interferenza perikoluża fis-sistema tal-klima u peress li kull settur tal-ekonomija li jemetti tali gassijiet jista’ jikkontribwixxi għat-tħaddim tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti.

35 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-premessa 25 tad-Direttiva [kkontestata] tipprovdi li l-politiki u l-miżuri għandhom jiġu implementati fis-setturi kollha tal-ekonomija tal-Unjoni sabiex jiġi ġġenerat tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet, u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 30 tad-Direttiva [kkontestata] jipprevedi li għandu jsir eżami mill-ġdid bil-għan li jiġu inklużi setturi oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

36 Għaldaqstant, fir-rigward tal-natura komparabbli tas-setturi inkwistjoni fir-rigward tad-Direttiva [kkontestata], l-eventwali eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn dawn is-setturi ma tistax tikkostitwixxi kriterju deċiżiv […].

37 Lanqas ma hija essenzjali, sabiex tiġi evalwata n-natura komparabbli ta’ dawn is-setturi […] il-kwantità ta’ CO 2 emessa minn kull wieħed minnhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva [kkontestata] u tat-tħaddim tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti kif deskritti fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza.

38 Għaldaqstant, is-setturi tal-azzar, tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid jinsabu, għall-finijiet tal-eżami tal-validità tad-Direttiva [kkontestata] fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, f’sitwazzjoni komparabbli u madankollu huma trattati b’mod differenti.

Fuq żvantaġġ li jirriżulta minn trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

39 [… S]abiex persuna tkun tista’ tikkritika lil-leġiżlatur Komunitarju talli kiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, jeħtieġ li huwa jkun ittratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti, bil-konsegwenza ta’ żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara s-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tat-13 ta’ Lulju 1962, Klöckner-Werke u Hoesch vs L-Awtorità Għolja, 17/61 u 20/61, Ġabra p. 615, 652; tal-15 ta’ Jannar 1985, Finsider vs Il-Kummissjoni, 250/83, Ġabra p. 131, punt 8, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, C‑462/99, Ġabra 2003 p. I-5197, punt 115).

[…]

42 L-issuġġettar ta’ ċerti setturi […] għall-iskema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti timplika, għall-operaturi kkonċernati, minn naħa, l-obbligu li huma jkollhom awtorizzazzjoni għall-emissjoni ta’ gassijiet serra u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jċedu kwantità ta’ kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali tal-istallazzjonijiet tagħhom matul perijodu determinat, taħt piena ta’ sanzjonijiet pekunjarji. Jekk l-emissjonijiet ta’ stallazzjoni jaqbżu l-kwantitajiet allokati fil-kuntest ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti lill-operatur ikkonċernat, dan ikun marbut li jakkwista kwoti supplimentari billi juża l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti.

43 Min-naħa l-oħra, ma jeżistux obbligi legali simili fuq il-livell Komunitarja għall-operaturi ta’ stallazzjonijiet mhux koperti mill-Anness I tad-Direttiva [kkontestata], intiżi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Konsegwentement, l-inklużjoni ta’ attività ekonomika fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata] toħloq, għall-operaturi kkonċernati, żvantaġġ meta huma jitqabblu ma’ dawk li jeżerċitaw attivitajiet li mhumiex inklużi fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni.

44 Anki jekk jitqies li […] l-issuġġettar għal tali skema mhux neċessarjament u sistematikament iwassal għal konsegwenzi ekonomiċi sfavorevoli, l-eżistenza ta’ żvantaġġ ma tistax, għal din ir-raġuni biss, tiġi miċħuda, peress li l-iżvantaġġ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jista’ jkun ukoll tali li jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata permezz ta’ differenza fit-trattament.

45 Barra minn hekk, […] l-iżvantaġġ li batew l-operaturi ta’ stallazzjonijiet li jagħmlu parti mis-setturi suġġetti għad-Direttiva [kkontestata] ma jistgħux jiġu kkumpensati permezz ta’ miżuri nazzjonali mhux stabbiliti mid-dritt Komunitarju.

Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament

46 Madankollu, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jirriżultax li huwa miksur kemm-il darba d-differenza fit-trattament bejn is-settur tal-azzar, minn naħa, u s-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid, min-naħa l-oħra, tkun iġġustifikata.

47 Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġjonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun fi proporzjon mal-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-5 ta’ Lulju 1977, Bela-Mühle Bergmann, 114/76, Ġabra p. 1211, punt 7; tal-15 ta’ Lulju 1982, Edeka Zentrale, 245/81, Ġabra p. 2745, punti 11 u 13; tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punti 68 u 71, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C‑535/03, Ġabra p. I-2689, punti 53, 63, 68 u 71).

48 Peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija att leġiżlattiv tal-Komunità, huwa l-leġiżlatur Komunitarju li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kriterji oġġettivi mressqin bħala ġustifikazzjoni, u li għandu jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika mill-imsemmija qorti tal-eżistenza tal-imsemmija kriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tad-19 ta’ Ottubru 1977, Moulins et Huileries de Pont-à-Mousson u Providence agricole de la Champagne, 124/76 u 20/77, Ġabra p. 1795, punt 22, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

[…]

57 Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur Komunitarju, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtijin lilu, meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u meta jkun mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 80). Barra minn hekk, meta jkun mitlub jirristruttura jew joħloq sistema kumplessa, huwa jista’ jadotta approċċ maqsum fi stadji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale, 37/83, Ġabra p. 1229, punt 20; tat-18 ta’ April 1991, Assurances du crédit vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑63/89, Ġabra p. I‑1799, punt 11, kif ukoll tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑233/94, Ġabra p. I‑2405, punt 43) u b’mod partikolari li jaġixxi skont l-esperjenza miksuba.

58 Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, Ġabra p. 2885, punti 22 u 23, kif ukoll Sermide, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28), billi jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt kollha kif ukoll l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C‑284/95, Ġabra p. I‑4301, punt 51).

59 Meta jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju għandu, minbarra l-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-ambjent, jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-interessi involuti (ara, fir-rigward tal-miżuri dwar l-agrikoltura, is-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk, C-96/03 u C‑97/03, Ġabra p. I‑1895, punt 48, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C‑504/04, Ġabra p. I‑679, punt 37). Fil-kuntest tal-eżami tar-restrizzjonijiet marbuta ma’ diversi miżuri possibbli, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-importanza tal-għan imfittex hija tali li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki jekk huma kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et , C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punti 15 sa 17, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑86/03, Ġabra p. I‑10979, punt 96), l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur Komunitarju ma jistax joħloq riżultati manifestament inqas xierqa minn dawk li jirriżultaw minn miżuri oħrajn daqstant xierqa għal dawn l-għanijiet.

60 F’dan il-każ, huwa stabbilit, minn naħa, li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti introdotta permezz tad-Direttiva [kkontestata] hija skema ġdida u kumplessa li l-implementazzjoni u l-funzjonament tagħha setgħu jiġu mfixkla mill-involviment ta’ numru kbir wisq ta’ parteċipanti u, min-naħa l-oħra, li d-delimitazzjoni inizjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata] kienet neċessarja fid-dawl tal-għan li tintlaħaq massa kritika ta’ parteċipanti neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din l-iskema.

61 Fir-rigward tan-natura innovattiva u tal-kumplessità tal-imsemmija skema, id-delimitazzjoni inizjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata] u l-approċċ progressiv li ġie adottat, li huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq l-esperjenza miksuba matul l-ewwel fażi tal-implementazzjoni tagħha, sabiex ma tiġix imfixkla l-implementazzjoni ta’ din l-iskema, kienu jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali li għandu l-leġiżlatur Komunitarju.

62 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm dan seta’ leġittimament jibbaża ruħu fuq tali approċċ progressiv għall-introduzzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, huwa marbut, b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva [kkontestata] u tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent, li jeżamina mill-ġdid il-miżuri stabbiliti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-setturi koperti mid-Direttiva [kkontestata], f’intervalli raġjonevoli, kif huwa wara kollox previst fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva.

63 Madankollu, […] is-setgħa diskrezzjonali li għandu l-leġiżlatur Komunitarju fir-rigward tal-approċċ progressiv ma setgħetx, fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, teżentah milli juża, għad-determinazzjoni tas-setturi li kien iqis xierqa li jiġu inklużi mill-bidu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata], kriterji oġġettivi bbażati fuq l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva.

64 Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-settur tal-kimika, mix-xogħol ta’ tħejjija tad-Direttiva [kkontestata] jirriżulta li dan jinvolvi numru partikolarment għoli ta’ stallazzjonijiet, jiġifieri madwar 34 000, mhux biss meta mqabbel mal-emissjonijiet li huma jikkawżaw, iżda wkoll meta mqabbel man-numru ta’ stallazzjonijiet attwalment inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata], li huwa ta’ madwar 10 000.

65 Għaldaqstant, l-inklużjoni ta’ dan is-settur fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata] taqqlet it-tmexxija u żiedet l-ispejjeż amministrattivi tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, b’tali mod li l-eventwalità ta’ tfixkil fil-funzjonament ta’ din l-iskema waqt l-implementazzjoni tagħha minħabba l-imsemmija inklużjoni ma tistax tiġi eskluża. Barra minn hekk, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ jikkunsidra li l-vantaġġi tal-esklużjoni tas-settur sħiħ fil-bidu tal-implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti kienu jipprevalu fuq il-vantaġġi tal-inklużjoni tiegħu sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva [kkontestata]. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju pprova suffiċjentement skont il-liġi li huwa bbaża ruħu fuq kriterji oġġettivi sabiex jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata], fl-ewwel fażi ta’ implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, lis-settur kollu tal-kimika.

66 L-evalwazzjoni preċedenti ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument […] li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata] tal-impriżi tal-imsemmi settur li jemetti kwantità ta’ CO 2 ’il fuq minn ċertu livell ma ħolqotx problemi fuq il-livell amministrattiv.

[…]

69 Fid-dawl ta’ dak li ntqal u fid-dawl tal-approċċ progressiv li fuqu hija bbażata d-Direttiva [kkontestata], matul l-ewwel fażi ta’ implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, it-trattament differenzjat tas-settur tal-kimika meta mqabbel ma’ dak tal-azzar jista’ jitqies bħala ġustifikat.

70 Fit-tieni lok, fir-rigward tas-settur tal-metalli mhux tal-ħadid, […] matul it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva [kkontestata], […] fl-1990 l-emissjonijiet diretti ta’ dan is-settur kienu jammontaw għal 16.2 miljun tunnellata ta’ CO 2 , filwaqt li s-settur tal-azzar kien jemetti 174.8 miljun tunnellata ta’ CO 2 .

71 Fid-dawl tal-intenzjoni tiegħu li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata] b’tali mod li ma jfixkilx il-fattibbiltà amministrattiva tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti fil-fażi inizjali tagħha bl-involviment ta’ numru kbir wisq ta’ parteċipanti, il-leġiżlatur Komunitarju ma kienx marbut, sabiex jilħaq l-għan imfittex, li juża biss il-mezz li jikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ livell massimu ta’ emissjoni, għal kull settur tal-ekonomija li jemetti s-CO 2 . B’hekk, f’ċirkustanzi bħal dawk li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva [kkontestata], huwa seta’, waqt l-introduzzjoni ta’ din l-iskema, validament jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha permezz ta’ approċċ settorjali mingħajr ma jaqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li huwa kellu.

72 Id-differenza tal-livell ta’ emissjonijiet diretti bejn iż-żewġ setturi kkonċernati hija daqstant kunsiderevoli li t-trattament differenzjat ta’ dawn is-setturi jista’ jkun, matul l-ewwel fażi ta’ implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti u fid-dawl tal-approċċ progressiv li hija bbażata fuqu d-Direttiva [kkontestata], meqjus bħala ġustifikat mingħajr ma l-leġiżlatur Komunitarju jkun meħtieġ jieħu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet indiretti attribwibbli lid-diversi setturi.

73 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju ma kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba t-trattament differenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli meta eskluda s-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [kkontestata].”

169. Peress li l-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata hawn fuq, jagħtu risposta kompluta għall-ewwel parti ta’ dan il-motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ta’ trattament mhux ugwali bejn is-settur tal-azzar u s-setturi tal-metalli mhux tal-ħadid u tal-prodotti kimiċi, jeħtieġ li din il-parti tiġi miċħuda bħala infondata.

170. Fir-rigward tat-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ta’ trattament ugwali tas-settur tal-azzar u tas-setturi l-oħra msemmija fl-Anness I tad-direttiva kkontestata, meta, b’differenza minn dawn is-setturi l-oħra, is-settur tal-azzar huwa “tellief naturali” li jinsab f’“sitwazzjoni unika magħluqa”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, mill-aspett tal-għan ġenerali tal-protezzjoni tal-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, dawn is-setturi jinsabu kollha f’sitwazzjoni komparabbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 42 iktar ’il fuq, punti 29 sa 38). Barra minn hekk, mill-punti 109 sa 113 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti ma tatx prova li s-settur tal-azzar jinsab f’sitwazzjoni partikolari li tiddistingwiha mis-setturi l-oħra kollha koperti mill-Anness I tad-direttiva kkontestata (ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fis-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 153 iktar ’il fuq, punt 57).

171. Konsegwentement, il-motiv ta’ illegalità bbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kompletament miċħud bħala infondat.

D – Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-libertà ta’ stabbiliment

1. L-argumenti tal-partijiet

172. Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jippreġudikaw b’mod gravi l-libertà ta’ stabbiliment skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE.

173. Il-projbizzjoni li tiġi ristretta l-libertà ta’ stabbiliment ma tapplikax biss għall-miżuri tal-Istat, iżda torbot ukoll, inkwantu prinċipju legali, lill-Komunità. Fil-fatt, l-Artikoli 39 KE u 43 KE jimplementaw il-prinċipju fundamentali stabbilit mill-Artikolu 3(1)(ċ) KE li jipprovdi li, għall-finijiet tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 KE, l-azzjoni tal-Komunità tinkludi t-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma wkoll obbligati li jħarsu l-moviment liberu tal-kummerċ, prinċipju fundamentali tas-suq komuni, li minnu toħroġ il-libertà ta’ stabbiliment. Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 43 KE jiggarantixxi li l-impriżi jistgħu liberament jagħżlu, skont kriterji ekonomiċi, il-post tal-produzzjoni tagħhom fis-suq komuni. Bl-istess mod, din il-libertà fundamentali tipprojbixxi l-ħolqien ta’ ostakoli fl-Istat Membru ta’ oriġini li jfixklu lill-impriżi fi Stat Membru milli jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor, għaliex inkella d-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 43 KE jitilfu l-iskop tagħhom.

174. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jippreġudikaw id-dritt tar-rikorrenti li tittrasferixxi l-produzzjoni tagħha ta’ stallazzjoni li tħalli inqas qligħ fi Stat Membru lejn stallazzjoni li tħalli iktar qligħ fi Stat Membru ieħor, billi ma jiggarantixxux it-trasferiment konkomitanti tal-kwoti allokati għall-kapaċità ta’ produzzjoni li jkollha tingħalaq u tiġi ttrasferita (ara l-punti 145 et seq iktar ’il fuq). B’hekk, mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti għandha tkompli topera kapaċitajiet ta’ produzzjoni li jħallu inqas qligħ sempliċement sabiex ma titlifx dawn il-kwoti. Din ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment hija sproporzjonata u dan fid-dawl tal-fatt li d-direttiva ma hijiex xierqa sabiex tilħaq l-għan tagħha ta’ protezzjoni tal-ambjent (ara l-punt 145 iktar ’il fuq) u minħabba l-importanza fundamentali tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għat-twettiq tas-suq intern.

175. Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

176. Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li, fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(ċ) KE, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur Komunitarju taħt l-Artikoli 174 KE u 175 KE (ara l-punt 139 iktar ’il fuq), hija tant ristretta li ma setax, legalment, jirrinunzja milli jirregola huwa stess, fil-qafas tad-direttiva kkontestata li ġiet adottata skont l-Artikolu 175(1) KE, id-diffikultà dwar it-trasferiment transkonfinali liberu tal-kwoti ta’ emissjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ impriżi, pjuttost milli jirriżerva għall-Istati Membri, għall-finijiet tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali diverġenti li jistgħu joħolqu ostakoli illegali għal-libertà ta’ stabbiliment.

177. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom iħarsu, l-istess bħall-Istati Membri, il-libertajiet fundamentali, bħal-libertà ta’ stabbiliment, li jservu sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità, b’mod partikolari dak tat-twettiq ta’ suq intern kif stabbilit fl-Artikolu 3(1)(ċ) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale, 37/83, Ġabra p. 1229, punt 18).

178. Madankollu, minn dan l-obbligu ġenerali ma jirriżultax li l-leġiżlatur Komunitarju għandu jirregola s-suġġett inkwistjoni b’mod illi l-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari meta din tieħu l-forma ta’ direttiva fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, tipprovdi soluzzjoni eżawrjenti u definittiva għal ċerti problemi mqajma fir-rigward tat-twettiq tas-suq intern jew tarmonizza kompletament il-liġijiet nazzjonali sabiex telimina kull ostakolu li jista’ jkun hemm għall-kummerċ intra-Komunitarju. Meta l-leġiżlatur Komunitarju huwa msejjaħ jirristruttura jew joħloq sistema kumplessa, bħas-sistema ta’ kwoti, huwa jista’ jagħmel dan abbażi ta’ approċċ fi stadji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et , punt 42 iktar ’il fuq, punt 57) u jistabbilixxi biss armonizzazzjoni progressiva tal-liġijiet nazzjonali inkwistjoni, peress li l-implementazzjoni ta’ tali miżuri hija ġeneralment diffiċli minħabba li hija tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti jistabbilixxu, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali diversi u kumplessi, dispożizzjonijiet komuni, konformi mal-għanijiet iddefiniti mit-Trattat KE, u li jkunu jaqblu magħhom maġorità kwalifikata tal-membri tal-Kunsill [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Rewe-Zentrale, punt 173 iktar ’il fuq, punt 20; tat-18 ta’ April 1991, Assurances du crédit vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑63/89, Ġabra p. I‑1799, punt 11; tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑233/94, Ġabra p. I‑2405, punt 43; tas-17 ta’ Ġunju 1999, Socridis, C‑166/98, Ġabra p. I‑3791, punt 26, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Sam Mc Cauley Chemists (Blackpool) u Sadja, C‑221/05, Ġabra p. I‑6869, punt 26]. Dan huwa wkoll il-każ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ambjent skont l-Artikoli 174 KE u 175 KE.

179. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, minn naħa, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, direttiva torbot lil kull Stat Membru destinatarju biss fir-rigward tar-riżultat li jkollu jintlaħaq iżda tħalli f’idejn l-istanzi nazzjonali sabiex jagħżlu l-forma u l-metodi, li loġikament ifisser li dan l-Istat ikollu neċessarjament marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxi l-miżuri ta’ traspożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punt 67), u li, min-naħa l-oħra, il-premessa 30 tad-direttiva kkontestata tirreferi għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, il-Kummissjoni tintervjeni biss, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membru u għaldaqstant, minħabba l-iskala tad-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju. Mill-Artikoli 174 KE sa 176 KE jirriżulta li, fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, il-kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri huma kondiviżi. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam ma tipprovdix għal armonizzazzjoni kompleta u l-Artikolu 176 KE jipprovdi għall-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ protezzjoni iktar b’saħħithom, peress li dawn huma suġġetti biss għall-kundizzjoni li jkunu kompatibbli mat-Trattat KE u li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe, C‑6/03, Ġabra p. I-2753, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

180. Skont dawn il-prinċipji, id-direttiva kkontestata ma tipprovdix għal armonizzazzjoni kompleta, fuq il-livell Komunitarju, tal-kundizzjonijiet li huma l-bażi tat-twaqqif u tal-funzjonament tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti. Fil-fatt, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ din is-sistema, b’mod partikolari fl-ambitu tal-preparazzjoni tal-PNA tagħhom u tad-deċiżjonijiet awtonomi tagħhom tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(1) tad-direttiva kkontestata (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punti 102 sa 106). Konsegwentement, il-fatt biss li l-leġiżlatur Komunitarju ħalla miftuħa kwistjoni partikolari li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kkontestata u ta’ libertà fundamentali, b’mod li huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw din il-kwistjoni fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħhom, naturalment b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali Komunitarji, ma jiġġustifikax, fih innifsu, il-kwalifika ta’ din l-omissjoni bħala kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE [ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑377/98, Ġabra p. I‑7079, p. I‑7084, punti 87 u 88)]. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, skont id-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali taħt l-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-direttivi jkunu effettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto, C‑40/04, Ġabra p. I‑7755, punt 58), li jfisser ukoll li għandhom jinterpretaw id-dritt intern fid-dawl tal-għanijiet u l-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata d-direttiva inkwistjoni (ara, għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ interpretazzjoni fid-dawl ta’ direttiva, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, C‑321/05, Ġabra p. I‑5795, punt 45).

181. Barra minn hekk, kemm il-leġiżlatur Komunitarju meta jadotta direttiva, kif ukoll l-Istati Membri, meta jittrasponu l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali, għandhom jiżguraw li jitħarsu l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. B’hekk, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali rikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku Komunitarju, fosthom id-drittijiet fundamentali, jorbtu lill-Istati Membri anki meta jimplementaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja u li, għaldaqstant, dawn ikunu obbligati, sa fejn ikun possibbli, li japplikaw din il-leġiżlazzjoni b’mod li ma jiksrux l-imsemmija eżiġenzi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punti 84 sa 87).

182. Il-Qorti tikkunsidra li dawn il-prinċipji japplikaw b’analoġija għal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE. Fil-fatt, jekk id-direttiva kkontestata, u b’mod partikolari, l-Artikoli 9(1) u 11(1) tagħha, jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, din hija, bħala prinċipju, wiesgħa biżżejjed sabiex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva b’mod konformi mal-eżiġenzi li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE. Barra minn hekk, peress li l-implementazzjoni tad-direttiva kkontestata hija suġġetta għall-istħarriġ mill-qrati nazzjonali, huma dawn il-qrati li għandhom iressqu domanda preliminari skont l-Artikolu 234 KE fil-każ li jiltaqgħu ma diffikultajiet dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens b’analoġija, is-sentenza Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 177 iktar ’il fuq, punti 104 u 106).

183. Għaldaqstant, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttiva kkontestata, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar li tkun kunfliġġenti mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, jew mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, bħal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Lindqvist, punt 177 iktar ’il fuq, punt 87; tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et , C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 28, u Promusicae, punt 175 iktar ’il fuq, punt 68).

184. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jiġi kkritikat li ma sabx soluzzjoni eżawrjenti u definittiva, fil-qafas ta’ direttiva, għal diffikultà li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, meta din id-direttiva tirriżerva għall-Istati marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jirrispettaw kompletament id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

185. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġi eżaminat, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk id-direttiva kkontestata tistax tiġi interpretata u trasposta mill-Istati Membri b’mod konformi mal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et , C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989, punti 68 u 91, u tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos, C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punti 109 u 110).

186. Kif issosnti r-rikorrenti, id-direttiva kkontestata ma tistabbilixxix dispożizzjoni speċifika li toffri lill-operaturi ta’ stallazzjonijiet, suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, il-possibbiltà li n-numru limitat ta’ kwoti allokati lil stallazzjonijiet li jagħlqu jiġi ttrasferit lil stallazzjoni oħra stabbilita fi Stat Membru ieħor u li tappartjeni lill-istess grupp ta’ impriżi.

187. Madankollu, mill-Artikolu 12(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) u (g) tad-direttiva kkontestata, jirriżulta li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-kwoti jistgħu jiġu ttrasferiti bejn […] persuni [fiżiċi jew ġuridiċi] ġewwa l-Komunità”. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(2) tad-direttiva kkontestata jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-kwoti maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jiġu konoxxuti bil-għan li jissodisfaw l-obbligi [ta’ ċediment ta’ kwoti mhux użati] ta’ operatur skond il-paragrafu 3” tal-istess artikolu. Minn dan isegwi li, minn naħa, b’mod konformi mal-għan stabbilit fil-premessa 5 tad-direttiva kkontestata, li tipprovdi għat-twaqqif ta’ “suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra”, is-suq ta’ skambju stabbilit mid-direttiva kkontestata għandu dimensjoni Komunitarja u li, min-naħa l-oħra, dan is-suq huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ trasferiment transkonfinali liberu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bejn persuni fiżiċi u morali.

188. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ trasferiment transkonfinali liberu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3), moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tad-direttiva kkontestata, l-effikaċja u l-effiċjenza ekonomika tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti fis-sens tal-Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata jiġi ddisturbati ħafna. Huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 12(2) tad-direttiva kkontestata jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu ġenerali li “jiżguraw” li din il-libertà tkun effettiva fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-direttiva kkontestata ma tipprovdi għal ebda restrizzjoni fir-rigward ta’ trasferiment transkonfinali ta’ kwoti bejn persuni ġuridiċi tal-istess grupp ta’ impriżi, irrispettivament mis-sede ekonomika u/jew soċjali tagħhom fis-suq intern. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata ċċitati iktar ’il fuq, ma jistax jiġi konkluż li din iġġib magħha restrizzjoni illegali għal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, inkluża l-libertà ta’ stabbiliment, jew li hija twassal lill-Istati Membri sabiex ma josservawx dawn il-libertajiet.

189. Għall-kuntrarju, kif issostni r-rikorrenti stess fin-noti tagħha, id-diffikultà mqajma minnha hija r-riżultat ta’ liġijiet, parzjalment differenti, adottati mill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-direttiva kkontestata, mingħajr ma dan l-approċċ jista’ jiġi attribwit lil waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha, lanqas lil waħda mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, fil-kuntest tal-libertà mogħtija lilhom mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, li jagħżlu l-forom u l-metodi l-iktar xierqa sabiex jiżguraw l-effettività tad-direttivi (sentenza Yonemoto, punt 176 iktar ’il fuq, punt 58) u għandhom japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ dawn id-direttivi u mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, bħal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Lindqvist, punt 177 iktar ’il fuq, punt 87, u Promusicae, punt 175 iktar ’il fuq, punt 68).

190. Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar jekk il-liġijiet nazzjonali rilevanti, li ma jrendux possibbli għar-rikorrenti t-trasferiment liberu tan-numru limitat ta’ kwoti bejn l-istallazzjonijiet tagħha stabbiliti fi Stati Membri differenti, humiex konformi jew le mal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE, jista’ jiġi konkluż li tali restrizzjoni għal din il-libertà ma tistax tiġi attribwita lid-direttiva kkontestata sempliċement minħabba l-fatt li din ma tipprojbixxix espliċitament tali prattika tal-Istati Membri. Il-leġiżlatur Komunitarju, inqas u inqas, ma jistax jinżamm responsabbli talli, f’dan ir-rigward, huwa abbuża, b’mod manifest u gravi, mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu taħt l-Artikolu 174 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 43 KE.

191. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-partijiet fir-rigward tal-possibbiltà li r-rikorrenti tibbenefika mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu aċċess bla ħlas għall-kwoti tar-riżerva lil kull min jidħol ġdid fis-suq. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 11(3), moqri flimkien mal-kriterju 6 tad-direttiva kkontestata jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonn li l-aċċess għall-kwoti jinfetaħ għal min jidħol ġdid fis-suq, l-istabbiliment, inkwantu tali, ta’ riżerva bħal din ma huwiex previst mid-direttiva kkontestata. Għaldaqstant, l-insuffiċjenza ta’ dan l-aċċess sabiex jiġi kkumpensat it-telf ta’ kwoti marbuta mal-għeluq ta’ stallazzjoni lanqas tista’ tiġi attribwita lil-leġiżlatur Komunitarju.

192. Konsegwentement, jeħtieġ li l-motiv ta’ illegalità bbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-libertà ta’ stabbiliment jiġi miċħud bħala infondat.

E – Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

1. L-argumenti tal-partijiet

193. Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja, inklużi d-direttivi, għandhom ikunu ċerti, ċari u preċiżi u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun prevedibbli għall-individwu sabiex ikun jista’ jkun jaf, mingħajr ebda ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi tiegħu u għaldaqstant jieħu d-dispożizzjonijiet neċessarji. Dawn l-eżiġenzi huma osservati iktar b’mod strett meta l-att ikun regolament li jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji.

194. Skont ir-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, fin-nuqqas ta’ limitu massimu jew mekkaniżmu ta’ kontroll tal-prezzijiet tal-kwoti stabbiliti mid-direttiva kkontestata, ir-rikorrenti, inkwantu “xerrej nett ta’ kwoti” minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ CO 2 , ser tkun obbligata tixtri kwoti bi “prezzijiet kompletament imprevedibbli”, stmati bejn EUR 20 u EUR 60 għal kull kwota (ara l-punti 78 et seq iktar ’il fuq). It-tieni nett, id-direttiva kkontestata ma tistabbilixxi ebda dispożizzjoni li tiggarantixxi t-trasferiment ta’ kwoti inizjalment allokati lil stallazzjoni li jkollha tagħlaq lejn stallazzjoni tal-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor. L-Istati Membri għandhom kull interess li jannullaw il-kwoti allokati lil stallazzjonijiet li jkunu ser jagħlqu, peress li dan l-għeluq jippermettilhom inaqqsu iktar l-emissjonijiet tagħhom ta’ CO 2 sabiex jilħqu l-għan tagħhom ta’ tnaqqis taħt id-Deċiżjoni 2002/358. L-inċertezza legali li tirriżulta minn dan tfixkel lir-rikorrenti milli tippjana l-operazzjonijiet tagħha fuq żmien twil u li tavvanza fl-istrateġija tagħha ta’ ristrutturazzjoni li tikkonsisti fit-trasferiment tal-produzzjoni lejn l-istallazzjonijiet tagħha li jħallu l-iktar qligħ. Peress li din l-istrateġija ta’ ristrutturazzjoni kienet ir-raġuni li għaliha saret il-konċentrazzjoni tal-2001 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), id-direttiva kkontestata kisret ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fir-replika, ir-rikorrenti tippreċiża li ma kienx għadu possibbli għaliha li tippjana l-investimenti u l-proġetti ekonomiċi tagħha fuq żmien twil partikolarment minħabba d-differenzi li għalihom huma suġġetti l-għanijiet u l-miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diversi Stati Membri. Din l-inċertezza hija kkonfermata miż-żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-kwoti ta’ CO 2 . Fil-fatt, bejn Frar 2005 u Marzu 2006, il-prezz tal-kwoti ta’ CO 2 żdied b’madwar EUR 6 u hekk tela’ għal iktar minn EUR 26. Barra minn hekk, l-allokazzjoni fil-futur ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, b’mod partikolari għat-tieni perijodu ta’ allokazzjoni u l-perijodi sussegwenti, ma tistax tkun prevista.

195. Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

196. Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed inkwantu jinvolvu piż finanzjarju kunsiderevoli għaliha, li jqegħda f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli għaliha li tieħu deċiżjonijiet ekonomiċi. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur Komunitarju kellu jistabbilixxi, minn naħa, limitu massimu jew mekkaniżmu ta’ kontroll għall-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet u, min-naħa l-oħra, dispożizzjoni partikolari li tiggarantixxi t-trasferiment transkonfinali tal-kwoti bejn id-diversi stallazzjonijiet tal-istess grupp ta’ impriżi.

197. Sa fejn ir-rikorrenti tirrepeti, fil-kuntest tat-tieni parti, l-argumenti tagħha dwar l-allegat ksur tal-libertà ta’ stabbiliment, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 172 sa 188 iktar ’i l fuq, jirriżulta li dawn l-argumenti lanqas jistgħu jirnexxu għal dak li jirrigwarda allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

198. Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, jeħtieġ li l-ewwel nett tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fir-rigward tal-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi mhux favorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et , C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

199. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li sussegwentement jingħad li d-direttiva kkontestata ma fiha ebda dispożizzjoni li tirregola l-portata tal-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw kemm mill-insuffiċjenza ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mogħtija lil stallazzjoni kif ukoll mill-prezz ta’ dawn il-kwoti, peress li dan il-prezz huwa esklużivament iddeterminat mill-forzi tas-suq imwaqqaf wara l-istabbiliment tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti li, skont l-Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata, hija intenzjonata li “tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward l-ispejjeż u effiċjenza ekonomika”. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 174 sa 180 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur Komunitarju ma kienx marbut li jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward u b’hekk jirrestrinġi l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttiva.

200. Għall-kuntrarju, ir-regolamentazzjoni Komunitarja tal-prezzijiet tal-kwoti tista’ tfixkel l-għan prinċipali tad-direttiva kkontestata, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti effettiva, li fil-qafas tagħha l-ispiża tal-emissjonijiet u tal-investimenti mwettqa sabiex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet tkun essenzjalment iddeterminata mill-mekkaniżmi tas-suq (premessa 5 tad-direttiva kkontestata). Minn dan jirriżulta li, fil-każ li l-kwoti ma jkunux biżżejjed, l-inċentiv tal-operaturi sabiex inaqqsu jew le l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra jiddependi minn deċiżjoni ekonomika kumplessa meħuda wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ewwel nett, il-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet disponibbli fis-suq ta’ skambju u, it-tieni nett, l-ispiża ta’ eventuali miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li l-għan tagħhom jista’ jkun jew li jnaqqsu l-produzzjoni, jew li jinvestu f’metodi ta’ produzzjoni iktar effikaċi fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika (premessa 20 tad-direttiva kkontestata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 111 iċċitata iktar ’il fuq, punti 132 et seq ).

201. Fi skema bħal din, iż-żieda fl-ispiża tal-emissjonijiet u, għaldaqstant, fil-prezzijiet tal-kwoti, li tiddependi minn serji ta’ parametri ekonomiċi, ma tistax tiġi rregolata minn qabel mil-leġiżlatur Komunitarju, għaliex imbagħad ikun hemm riskju li jitnaqqsu, u anki jintilfu għal kollox l-inċentivi ekonomiċi li jikkostitwixxu l-bażi tal-funzjonament tagħha u b’hekk tiġi mfixkla l-effettività tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Barra minn hekk, it-twaqqif ta’ tali sistema, inklużi l-premessi ekonomiċi tagħha, bil-għan li jiġu osservati l-obbligi li joħorġu mill-Protokoll ta’ Kyoto, jaqa’ taħt il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur Komunitarju taħt l-Artikolu 174 KE (ara l-punt 139 iktar ’il fuq) u jikkostitwixxi, fih innifsu, għażla leġittima u xierqa tiegħu, li l-fondatezza tagħha inkwantu tali ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

202. Barra minn hekk, huwa fuq il-bażi ta’ din l-għażla leġittima li l-leġiżlatur Komunitarju bbaża l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti fuq il-premessa li ġejja li, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(1) tad-direttiva kkontestata, huma l-Istati Membri li jiddeċiedu, abbażi tal-PNA tagħhom u fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom f’dan ir-rigward, dwar il-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati u dwar l-għoti individwali tal-imsemmija kwoti lill-istallazzjonijiet stabbiliti fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punti 102 sa 106). Barra minn hekk, din id-deċiżjoni hija suġġetta biss għal kontroll tal-Kummissjoni li jsir minn qabel u li huwa limitat, skont l-Artikolu 9(3) tad-direttiva kkontestata, b’mod partikolari, għall-kriterji stabbiliti fl-Anness III (digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II‑1195, punti 104 et seq ). B’hekk, id-differenzi li għalihom huma suġġetti l-għanijiet u l-miżuri ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet tad-diversi Stati Membri, li huma r-riżultat tal-obbligi tagħhom taħt il-Protokoll ta’ Kyoto, kif rifless fil-pjan ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet stabbilit mid-Deċiżjoni 2002/358, u, għaldaqstant, l-inċertezza fir-rigward tal-importanza tal-kwantità totali u tal-kwantitajiet individwali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lid-diversi setturi industrijali u lill-operaturi fuq il-bażi tal-PNA differenti, ma humiex attribwibbli għad-dispożizzjonijiet ikkontestati inkwantu tali.

203. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma kkontestatx, b’mod speċifiku, il-kjarezza u l-preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra kkontestati sabiex turi li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi tagħha li joħorġu minnhom. Fil-fatt, il-bżonn li jkollha permess ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 4 tad-direttiva kkontestata, l-obbligu ta’ ċediment skont l-Artikolu 6(2)(e) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 12(3) tagħha, kif ukoll il-penali stabbiliti mill-Artikolu 16(2) sa (4) tal-imsemmija direttiva, jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li huma suffiċjentement ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, li l-portata effettiva tagħhom tiddependi biss mill-kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas imqegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi jew mill-prezz tal-kwoti disponibbli fis-suq ta’ skambju. Fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-aħħar, jeħtieġ li jiġi mfakkar li n-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-iżvilupp tas-suq ta’ skambju jikkostitwixxi element inerenti u li ma jistax jiġi separat mill-mekkaniżmu ekonomiku li jikkaratterizza l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti li hija suġġetta għar-regoli klassiċi tal-offerta u d-domanda li jikkaratterizzaw suq liberu u kompetittiv skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1, moqri flimkien mal-premessa 7 tad-direttiva kkontestata, kif ukoll mal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1)(ċ) u (g) KE. Għaldaqstant, dan l-aspett ma jistax jiġi kkwalifikat bħala li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali għaliex inkella jiġu imminati l-fundamenti ekonomiċi stess tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti kif stabbiliti mid-direttiva kkontestata skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

204. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika fid-direttiva kkontestata li tistabbilixxi limitu massimu jew mekkaniżmu ta’ kontroll tal-prezzijiet tal-kwoti ma jistax jiġi kkwalifikat bħala abbuż gravi u manifest tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur Komunitarju.

205. Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

206. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma tatx prova li, billi adotta d-direttiva kkontestata, il-leġiżlatur Komunitarju wettaq att illegali, saħansitra ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet. Minn dan isegwi li t-talba għall-kumpens għad-danni għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet l-oħra li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti annessi tar-replika.

Fuq l-ispejjeż

207. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill.

208. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni li interveniet insostenn tal-Parlament u tal-Kunsill għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Arcelor SA hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Parlament u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2009.