SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
24 ta’ April 2007 (*)
"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Konklużjoni minn Stat Membru ta’ ftehim bilaterali li jikkonċerna t-trasport bl-ajru bejn Stat Membru u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika – Dritt ta’ stabbiliment – Dritt idderivat li jirregola s-suq intern tat-trasport bl-ajru – Kompetenza esterna tal-Komunità"
Fil-kawża C‑523/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Diċembru 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Huttunen u W. Wils, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnut minn:
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A. Hare, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász u J. Klučka, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Schiemann, J. Makarczyk, U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Novembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi kkonkluda jew billi żamm fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-ftehim li jirrigwarda t-trasport bl-ajru konkluż bejn ir-Renju ta’ l-Olanda u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fit-3 ta’ April 1957 (Tractatenblad 1957, Nru 53, iktar ’il quddiem il-"ftehim ta’ l-1957"), obbligi internazzjonali ma’ l-Istati Uniti:
– li jirrigwardaw nollijiet ta’ l-ajru mitluba mit-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti fuq rotot intrakomunitarji,
– li jirrigwardaw is-sistemi ta’ riżervazzjoni kompjuterizzati (iktar ’il quddiem is-"CRS") proposti jew użati fit-territorju Olandiż u
– li jirrikonoxxu lill-Istati Uniti d-dritt li tirrevoka, li tissospendi jew li tillimita d-dritt ta’ traffiku fil-każ fejn it-trasportaturi ta’ l-ajru magħżula mir-Renju ta’ l-Olanda ma jkunux miżmuma minn dan ta’ l-aħħar jew minn ċittadini Olandiżi,
ir-Renju ta’ l-Olanda naqas mill-obbligi li huwa kellu taħt l-Artikoli 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE) u 52 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 43 KE) kif ukoll taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar nol[l]ijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru (ĠU L 240, p. 15), u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2299/89 ta’ l-24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għal sistemi ta’ ri[ż]ervazzjoni kompjuterizzat[i] (ĠU L 220, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3089/93 tad-29 ta’ Ottubru 1993 (ĠU L 278, p. 1).
2 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 2005, ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ l-Olanda.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 229/89 jipprovdi:
"Dan ir-Regolament għandu japplika għal [CRS] meta dawn jiġu offruti għall-użu fit-territorju tal-Komunità għad-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-trasport bl-ajru irrispettivament minn:
– l-istat jew nazzjonalità tal-bejjiegħ tas-sistema,
– is-sors ta’ informazzjoni użat jew il-lok ta[’] l-unità ċentrali rilevanti ta’ l-ipproċessar ta’ informazzjoni,
– l-inħawi ġeografiċi tal-prodott ta’ trasport bl-ajru [k]konċernat."
4 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7 (1) u (2) ta’ l-istess regolament jipprovdi li:
"1. L-obbligazzjonijet ta’ kull bejjiegħ ta’ sistema taħt l-Artikoli 3 sa 6 m’għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ trasportatur ewlieni ta’ kull pajjiż terz sa fejn is-CRS ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament jew ma toffrix lit-trasportatur bl-ajru tal-Komunità trattament ekwivalenti għal dak ipprovdut taħt dan ir-Regolament.
2. L-obbligazzjonijiet ta’ trasportaturi [assoċjati jew] parteċipanti taħt l-Artikolu 8 m[a japplikawx] fir-rigward ta’ CRS [ik]kontrollat[i] minn trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiż terz safejn kull trasportatur [assoċjat] jew parteċipanti ma jingħatax trattament ekwivalenti għal dak ipprovdut taħt dan ir-Regolament."
5 Skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 2409/92 jiddefinixxi l-kriterji u l-proċeduri applikabbli sabiex jiġu ffissati n-nollijiet għas-servizzi ta’ l-ajru tal-passiġġieri u tat-trasport tal-merkanzija mitluba mit-trasportaturi bl-ajru fuq ir-rotot intrakomunitarji biss.
6 Il-paragrafi 2 u 3 ta’ l-istess Artikoli jgħidu li:
"2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, dan ir-Regolament ma japplikax:
(a) għal nol[l]ijiet u rati mitluba minn trasportaturi ta’ l-ajru apparti minn trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità;
(b) għal nol[l]ijiet u rati stabbiliti permezz ta’ l-obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku, b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji […]
3. Trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità biss għandhom ikunu intitolati biex jintroduċu prodotti ġodda jew nol[l]ijiet aktar baxxi minn dawk eżistenti għal prodotti identiċi."
7 L-Artikolu 12 tar-regolament Nru 2409/92 jipprovdi li:
"Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993."
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-ftehim bilaterali ta’ l-1957
8 Fit-3 ta’ April 1957, ir-Renju ta’ l-Olanda u l-Istati Uniti kkonkludew il-ftehim ta’ l-1957.
9 Dan il-ftehim ġie kkompletat bi protokoll tal-31 ta’ Marzu 1978 (Tractatenblad 1978, Nru 55, iktar ’il quddiem il-"protokoll ta’ l-1978"), u emendat permezz ta’ skambju ta’ noti tat-13 ta’ Ottubru u t-22 ta’ Diċembru 1987 (Tractatenblad 1988, Nru 12), permezz ta’ skambju ta’ noti tad-29 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Marzu 1992 (Tractatenblad 1992, Nru 63) u permezz ta’ skambju ta’ noti ta’ l-14 ta’ Ottubru 1992 (Tractatenblad 1992, Nru 177, iktar ’il quddiem "l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992").
10 Fir-rigward tal-protokoll ta’ l-1978, dan ġie emendat permezz ta’ protokoll tal-11 ta’ Ġunju 1986 (Tractatenblad 1986, Nru 88) kif ukoll bl-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992.
11 L-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 emenda numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ l-1957, b’mod partikolari l-Artikoli 1(definizzjonijiet), 2 (attribuzzjoni ta’ drittijiet), 3 (deżinjazzjoni), 4 (proprjetà u kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru), 6 (sigurtà), 7 (dazji doganali u ħlasijiet ta’ l-utent), 8 (kompetizzjoni leali), 13 (soluzzjoni ta’ tilwim), 16 (reżiljazzjoni), kif ukoll l-anness tiegħu li jinkludi t-tabella tar-rotot ta’ l-ajru. Barra minn hekk, saru ċertu numru ta’ emendi fuq il-protokoll ta’ l-1978.
12 Min-naħa l-oħra, l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 ma emendax id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ l-1957 rigward nollijiet ta’ l-ajru u ċ-CRS.
13 Dan l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 jipprovdi li kien applikabbli provviżorjament mid-data li kien sar, jiġifieri l-14 ta’ Ottubru 1992. Peress li l-Parlament Olandiż irratifika l-imsemmi skambju ta’ noti fis-26 ta’ April 1993, dan daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 1993 (ara Tractatenblad 1993, Nru 84 u 85).
Il-kawżi "sema miftuħa" u dawk ta’ warajhom
14 Qabel ma ressqet il-preżenti proċediment kontra r-Renju ta’ l-Olanda, il-Kummissjoni ressqet proċediment għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu kontra tmien Stati Membri oħra li kienu kkonkludew ftehim li jirrigwarda t-trasport bl-ajru ma’ l-Istati Uniti.
15 Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil kull waħda minn dawn l-Istati Membri bejn ix-xahar ta’ Ġunju 1995 u x-xahar ta’ Mejju 1996 u opinjoni motivata bejn ix-xahar ta’ Marzu u April ta’ l-1998 u ressqet rikors kontrihom fit-18 ta’ Diċembru 1998. Ir-Renju ta’ l-Olanda intervjena in sostenn ta’ l-Istat Membru konvenut f’kull waħda minn dawn il-kawżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni fuq dawn il-kawżi (imsemmija "kawżi ‘sema miftuħa’") fil-5 ta’ Novembru 2002, fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑466/98, Ġabra p. I‑9427), Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑467/98, Ġabra p. I‑9519), Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja (C‑468/98, Ġabra p. I‑9575), Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑469/98, Ġabra p. I‑9627), Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑471/98, Ġabra p. I‑9681), Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑472/98, Ġabra p. I‑9741), Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑475/98, Ġabra p. I‑9797) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑476/98, Ġabra p. I‑9855).
16 Mill-aħħar sebgħa ta’ dawn is-sentenzi (peress li r-rikors kontra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq jirrigwarda sitwazzjoni distinta), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi kkonkludiet jew żammet fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-ftehim eżistenti, obbligi internazzjonali ma’ l-Istati Uniti, li jikkonċernaw in-nollijiet ta’ l-ajru mitluba mit-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti fuq rotot intrakomunitarji, rigward iċ-CRS proposti jew użati fit-territorju ta’ l-Istat Membru konvenut u li jirrikonoxxu lill-Istati Uniti d-dritt li jirrevokaw, li jissospendu jew li jillimitaw id-dazji ta’ traffiku fil-każijiet fejn it-trasportaturi ta’ l-ajru magħżula mill-Istat Membru konvenut ma nżammux minn dan ta’ l-aħħar jew mir-residenti tagħha, l-Istati Membri konvenuti kienu naqsu mill-obbligi tagħhom taħt l-Artikoli 5 u 52 tat-Trattat kif ukoll taħt ir-regolamenti Nru 2409/92 u 2299/89, kif emendat mir-regolament Nru 3089/93.
17 Wara dawn is-sentenzi, il-Kummissjoni kitbet lir-Renju ta’ l-Olanda fil-25 ta’ Novembru 2002, fit-30 ta’ Lulju 2004 u fl-10 ta’ Marzu 2005 fejn staqsietha, minn naħa, li ma tkomplix bin-negozjati bilaterali ma’ l-Istati Uniti u, min-naħa l-oħra, li tiddenunzja l-ftehim ta’ l-1957.
Il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet
18 Wara li rat l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ l-Olanda, fid-19 ta’ Jannar 1999, li għaliha huwa wieġeb permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Ġunju 1999.
19 Fl-24 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ l-Olanda, fejn stednitu jieħu miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tiegħu. Ir-Renju ta’ l-Olanda wieġeb l-imsemmija opinjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2001.
20 Il-Kummissjoni ressqet ir-rikors preżenti fit-23 ta’ Diċembru 2004.
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq id-dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża
L-argumenti tal-partijiet
21 Ir-Renju ta’ l-Olanda jenfasizza d-dewmien twil ħafna tal-proċedura prekontenzjuża f’dan il-każ. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħalliet jgħaddu iktar minn sitt snin bejn l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 u l-ittra ta’ intimazzjoni (ix-xahar ta’ Jannar ta’ l-1999) u iktar minn erba’ snin bejn l-opinjoni motivata (ix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-2000) u l-preżentata ta’ dan ir-rikors (ix-xahar ta’ Diċembru 2004). B’hekk, il-Kummissjoni qegħdet lir-Renju ta’ l-Olanda f’pożizzjoni sfavorevoli f’dan ir-rigward b’mod li hija tilfet id-dritt tagħha li tressaq lil din ta’ l-aħħar quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.
22 Minkejja li l-Kummissjoni kienet bdiet il-proċedimenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-1995 kontra tmien Stati Membri oħra fil-kawżi “sema miftuħa”, hija dak iż-żmien ma kkontestatx l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992. Billi stenniet iktar minn sitt snin qabel ma bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ l-Olanda, il-Kummissjoni kienet qajmet l-aspettattivi leġittimi tal-Gvern Olandiż li ma kienx hemm ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
23 Il-Kummissjoni ma kkonformatx ruħha ma’ l-obbligu li tirrispetta terminu ta’ żmien raġonevoli, li huwa parti mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni ġusta u li tirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.
24 Skond ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut fuq dan il-punt mill-Gvern Franċiż, il-ftehim ta’ l-1957, kif emendat, jagħti ċertezza legali lit-trasportaturi kkonċernati, li jieħdu minnu aċċess għas-suq Amerikan. F’dan iż-żmien, il-Kummissjoni approvat l-alleanza bejn l-impriżi KLM Royal Dutch Airlines (iktar ’il quddiem “KLM”) u Northwest Airlines. L-Istati Uniti jikkunsidraw li l-jeddijiet li jirriżultaw minn dan il-ftehim jikkundizzjonaw l-għotja ta’ l-"immunità antitrust" meħtieġa għal din l-alleanza. Id-denunzja tal-ftehim ta’ l-1957 wassal immedjatament għall-irtirar ta’ din l-"immunità antitrust" mill-awtoritajiet Amerikani, u rrendiet illużorja l-perspettiva li tinkiseb tali immunità għall-kooperazzjoni bejn KLM u Air France (diġà approvata mill-Kummissjoni). Id-danni minħabba l-irtirar ta’ din l-"immunità antitrust" jammontaw għal miljuni ta’ EUR.
25 Il-Kummissjoni tirribatti li, skond ġurisprudenza stabbilita, hija mhijiex marbuta tirrispetta t-termini ddeterminati fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 226 KE.
26 Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni bdiet il-proċediment għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ l-Olanda iżjed tard minn kontra t-tmien Stati Membri oħra ma sfavorihx, anzi kienet bil-kontra. Meta mqabbel mat-tmien Stati Membri oħra, ir-Renju ta’ l-Olanda kellu l-vantaġġ li jgawdi minn terminu ta’ żmien supplementari sabiex jevita li jitressaq rikors, li jiddenunzja l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
27 Huwa minnhu li, f’ċerti ipoteżi, dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża li hija prevista fl-Artikolu 226 KE tista’ żżid, għall-Istat li qed jiġi kkontestat, id-diffikultà li jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u li jikser għaldaqstant id-drittijiet tad-difiża. Madankollu, f’dan il-każ, il-gvern Olandiż ma pprovax li d-dewmien mhux tas-soltu tal-proċedura influwenza l-mod li bih huwa organizza d-difiża tiegħu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑96/89, Ġabra p. I‑2461, punti 15 u 16, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
28 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu tistrieħ fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ rispett minn Stat Membru ta’ l-obbligi li jinponi fuqha d-dritt Komunitarju u li l-prinċipju ta’ rispett ta’ l-aspettattivi leġittimi m’għandu, f’każ bħal dan, jiġi invokat minn Stat Membru sabiex jostakola l-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ rispett minnu ta’ l-obbligi li jimponi fuqu t-Trattat KE jew att ta’ dritt idderivat, minħabba li l-ammissjoni ta’ din il-ġustifikazzjoni tmur kontra l-għan infittex mill-proċediment imsemmi fl-Artikolu 226 KE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
29 Iċ-ċirkustanza li d-denunzja tal-ftehim ta’ l-1957 tista’ twassal li tiġi rtirata l-"immunità antitrust" mill-awtoritajiet Amerikani u d-danni eventwali li jirriżultaw m’għandhomx rilevanza f’dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, dan ir-rikors, ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE, huwa intiż li jikkonstata esklużivament ksur tad-dritt Komunitarju li jirriżulta mill-ftehim li saru bejn ir-Renju ta’ l-Olanda u l-Istati Uniti.
30 Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.
Fuq l-argument dwar l-iżviluppi li seħħu wara l-opinjoni motivata
L-argumenti tal-partijiet
31 Ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut mill-gvern Franċiż, isostni li l-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors mingħajr ma ħadet suffiċjentement in kunsiderazzjoni l-iżviluppi li seħħew wara l-opinjoni motivata. Fil-fatt, wara li nqraw is-sentenzi fil-kawżi "sema miftuħ", il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea , fil-5 ta’ Ġunju 2003, ta żewġ mandati lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma’ l-Istati Uniti, u ma’ stati oħra terzi, liema mandati jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 847/2004 tat-29 ta’ April 2004 dwar in-negozjati u l-implementazzjoni tal-ftehimijiet dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU l 157 , P. 7). F’numru ta’ drabi, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri ma jmexxux negozjati bilaterali fil-qasam tat-trasport bl-ajru, sabiex ma jiġux kompromessi n-negozjati Komunitarji li kienu għaddejjin.
32 Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dan ir-rikors, ir-Renju ta’ l-Olanda jkun marbut jannulla d-dispożizzjonijiet li huma meqjusa li jmorru kontra d-dritt Komunitarju. Dan kien iqiegħed lil dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni impossibbli. Billi jinnegozja t-tali annullament ma’ l-Istati Uniti, ir-Renju ta’ l-Olanda kien ikun qed jindaħal fin-negozjati Komunitarji li kienu għaddejjin.
33 Dejjem skond ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut mill-gvern Franċiż, f’din il-proċedura, il-Kummissjoni ma ħadet in kunsiderazzjoni la ż-żewġ mandati ta’ negozjar mogħtija mill-Kunsill lill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Ġunju 2003, u l-anqas ir-Regolament Nru 847/2004. Għaldaqstant, ma saret l-ebda evalwazzjoni tad-dannu kunsiderevoli li denunzja ta’ ftehim bilaterali dwar it-trasport bl-ajru tista’ tikkawża lill-kumpanniji ta’ l-ajru.
34 Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Istati Membri, irrikonoxxut fl-Artikolu 5 tat-Trattat, huwa applikabbli reċiprokament, b’mod li l-Kummissjoni hija wkoll marbuta tikkoopera maż-żamma ta’ l-effikaċja tad-dritt Komunitarju. Ma jkunx hemm kooperazzjoni leali jekk il-Kummissjoni jirnexxiela timpedixxi lir-Renju ta’ l-Olanda milli tikkonforma ruħa ma l-obbligi Komunitarji tagħha. Il-Kummissjoni jidher li għamlet kunsiderazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat billi ressqet dan ir-rikors meta l-Istati Membri u l-Kunsill tawha l-mezzi neċessarji sabiex tqiegħed it-trasport bl-ajru tranżatlantiku f’konformità mad-dritt Komunitarju.
35 Id-denunzja tal-ftehim ta’ l-1957 ġġib vojt ġuridiku li huwa ta’ ħsara għall-interessi tar-Renju ta’ l-Olanda kif ukoll għal Stati Membri oħra. Anki jekk xi titjiriet jibqgħu possibbli abbażi tal-prinċipju ta’ korteżija, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma tippermettix iktar lit-trasportaturi Komunitarji jibbenefikaw miċ-ċertezza legali u ekonomika li l-eżistenza ta’ ftehim bħal f’dan il-każ tiggarantixxi. L-approvazzjoni tal-programmi aeronawtiċi tagħhom jkollha tiġi mġedda kull staġun u ma tibqax ċerta. Il-validazzjoni jew ir-rifjut tal-kundizzjonijiet ta’ użu tagħhom jikkawżaw piż amministrattiv supplementari u jesponu lit-trasportaturi Komunitarju għar-rifjut ta’ ċerti titjiriet mill-Istati Uniti.
36 Il-Kummissjoni twieġeb li, fl-ittri tagħha mibgħuta lir-Renju ta’ l-Olanda fil-25 ta’ Novembru 2002, fit-30 ta’ Lulju 2004 u fl-10 ta’ Marzu 2005, hija talbet lil dan l-Istat Membru ma jibdiex negozjati ma’ l-Istati Uniti, iżda japplika l-klawżoli ta’ denunzja previsti fil-ftehim in kwistjoni, Dan ma jqiegħedx ir-Renju ta’ l-Olanda f’sitwazzjoni insostenibbli.
37 Barra minn hekk, il-biża’ li d-denunzja ta’ dan il-ftehim iwassal għal vojt ġuridiku hija nieqsa minn kull bażi. Li kieku akkordju ġdid ma jkunx ġie konkluż bejn il-Komunità u l-Istati Uniti, it-titjiriet jibqgħu possibbli abbażi tal-prinċipju ta’ korteżija.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
38 Minbarra l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 226 KE għandhom jiġu applikati mingħajr ma’ l-Kummissjoni tkun marbuta tirrispetta terminu determinat. F’dan il-każ, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet iddeċidiet li tistenna s-sentenzi mogħtija fil-kawżi "sema’ miftuħ" mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-2002, kif ukoll ir-reazzjonijiet tal-Gvern Olandiż għal dawn is-sentenzi, qabel ma tressaq dan ir-rikors. B’hekk, il-Kummissjoni ma eżerċitatx b’mod li marret kontra t-Trattat is-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija kellha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 226 KE.
39 Skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħu wara (ara b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-433/03, Ġabra p. I‑6985, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 F’dan il-każ, it-terminu mogħti fl-opinjoni motivata skada fl-24 ta’ Diċembru 2000, b’mod li l-iżviluppi invokati mir-Renju ta’ l-Olanda huma mingħajr rilevanza għal din il-kontroversja.
41 Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
Fuq il-mertu
Fuq il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ ftehim ġdid wara l-emendi li saru bl-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru 1992
L-argumenti tal-partijiet
42 Skond il-Kummissjoni, l-emendi mdaħħla mill-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 biddlu radikalment in-natura tal-ftehim ta’ l-1957 billi ttrasformawh fi ftehim totalment ġdid tat-tip "sema miftuħ", jiġifieri ftehim li kellhu jirrispetta numru ta’ kriterji ddefiniti mill-gvern ta’ l-Istati Uniti, bħal-libertà ta’ aċċess għar-rotot kollha, l-għoti ta’ drittijiet illimitati ta’ rotta u ta’ traffiku, l-iffissar tal-prezzijiet skond sistema msejħa ta’ "diżapprovazzjoni doppja" għar-rotot bl-ajru bejn il-partijiet fil-ftehim u l-possibbiltà ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi. L-imsemmija emendi kellhom l-effett li joħolqu l-qafas għal kooperazzjoni iżjed stretta bejn l-Istati Uniti u r-Renju ta’ l-Olanda, li minnhom jirriżultaw obbligi internazzjonali ġodda u importanti għal din ta’ l-aħħar. Dawn l-emendi jixhdu negozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ l-1957 fit-totalità tiegħu. F’din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri huma miżmuma mhux biss milli jidħlu f’obbligi internazzjonali ġodda, iżda wkoll milli jżommu fis-seħħ tali obbligi jekk dawn imorru kontra d-dritt Komunitarju.
43 Ir-Renju ta’ l-Olanda jikkontesta li l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 jikkostitwixxi ftehim ġdid. Skond hu, il-ftehim ta’ l-1957, bħala tali, baqa’ kif inhu. Id-dispożizzjonijiet li ġew miżjuda fih jikkonsolidaw elementi li jinsabu fil-ftehim inizjali. L-adattazzjonijiet tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 huma l-introduzzjoni tal-liberalizzazzjoni mibdija numru ta’ snin qabel favur il-kumpanniji ta’ l-ajru taż-żewġ pajjiżi kontraenti. Il-ftehim ta’ l-1957 diġà kien jinkludi qabel l-1992 l-elementi essenzjali ta’ ftehim tat-tip "sema miftuħ", b’mod li l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 ma kellux bħala effett li jbiddluh fi ftehim ġdid ta’ dan it-tip.
44 Skond ir-Renju ta’ l-Olanda, peress li l-ftehim ta’ l-1957, jippreċedi l-1 ta’ Jannar 1958, dan huwa kopert mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, li jgħid li t-Trattat m’għandux rilevanza fuq l-obbligu ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet li l-Istati terzi jiksbu minn konvenzjoni konkluża qabel ma jkun daħal fis-seħħ it-Trattat KE. Dan jirriżulta wkoll mil-leġiżlazzjoni sekondarja li ġiet wara: is-sempliċi eżistenza ta’ din il-leġiżalzzjoni m’għandhiex bħala konsegwenza li timponi fuq l-Istat Membru li jiddenunzja obbligi meħuda ma’ Stati terzi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
45 Għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim ta’ l-1957 fil-bidu ma kien jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar iċ-CRS. L-iskambju ta’ noti tad-29 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Marzu 1992 żied ma’ dan il-ftehim anness dwar il-prinċipji ta’ non diskriminazzjoni u ta’ kompetizzjoni fil-kuntest taċ-ĊRS. L-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 ma jagħmel l-ebda emenda għal dan l-anness.
46 Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ l-1957 dwar in-nollijiet ta’ l-ajru, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 11 ta’ l-imsemmi ftehim, jirriżultaw mill-iskambju ta’ noti tad-29 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Marzu 1992, mingħajr ma l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 ma jinkludi dispożizzjonijiet dwar dan is-suġġett.
47 Huwa minnu li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 iħalli kif inhuma d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw iċ-CRS u n-nollijiet ta’ l-ajru li jinsabu fil-ftehim ta’ l-1957, kif emendat qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1992.
48 Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 136 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 jesprimi r-rieda tal-partijiet kontraenti, mhux li jissostitwixxu l-ftehim ta’ l-1957, iżda biss li jemendaw ċerti dispożizzjonijiet, peress li importanti.
49 Jirriżulta mill-inkartament li l-emendi mdaħħla fix-xahar ta’ Ottubru 1992 għall-ftehim ta’l-1957, u deskritti fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, kellhom bħala effett li jilliberalizzaw totalment it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Uniti u r-Renju ta’ l-Olanda, billi jiżguraw libertà ta’ aċċess għar-rotot kollha bejn il-punti kollha li jinsabu f’dawn iż-żewġt Istati, mingħajr limitazzjoni ta’ kapaċità u ta’ frekwenza, mingħajr restrizzjoni rigward punti intermedji u dawk li jinsabu qabel jew lil hinn ("behind, between and beyond rights"), u mal-kombinazzjonijiet kollha mixtieqa ta’ apparati ("change of gauge"). Din il-libertà totali ġiet ikkompletata mid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-possibbiltajiet għall-kumpanniji ta’ l-ajru kkonċernati li jikkonkludu ftehim ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi ("code sharing") u mid-dispożizzjonijiet li jistimolaw il-kompetizzjoni.
50 Minn dan jirriżulta li l-emendi mdaħħla fix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 għall-ftehim ta’ l-1957 kellhom bħala effett li joħolqu l-qafas ta’ kooperazzjoni iktar viċina bejn l-Istati Uniti u r-Renju ta’ l-Olanda li minnha jirriżultaw obbligi internazzjonali ġodda u importanti għal dan ta’ l-aħħar.
51 Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li l-emendi mdaħħla fix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 jixhdu negozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ l-1957 fit-totalità tiegħu. Jekk ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma kinux formalment immodifikati mill-imsemmija emendi jew għaddew sempliċement minn tibdiliet marġinali fl-intestatura, l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet ġew madankollu kkonfermati waqt dan in-negozjar mill-ġdid. Issa, fit-tali sitwazzjoni, l-Istati Membri huma miżmuma mhux biss milli jidħlu għal obbligi internazzjonali ġodda, iżda wkoll milli jżommu fis-seħħ tali obbligi jekk dawn imorru kontra d-dritt Komunitarju.
52 Barra minn hekk, għandu jitqies li ġie stabbilit li l-emendi mdaħħla fix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 għall-ftehim ta’ l-1957 fit-totalità tiegħu jaffettwaw il-portata ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet li ma kinux formalment emendati mill-imsemmija emendi jew li kienu emendati b’mod limitat biss.
53 Għaldaqstant l-obbligi internazzjonali kollha kkontestati f’dan ir-rikors għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punti 36 sa 42; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punti 34 sa 40; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punti 36 sa 42; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 47 sa 53; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punti 42 sa 48, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 46 sa 52).
54 Jirriżulta minn din l-analiżi li l-argument tal-gvern Olandiż, ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, mhuwiex fondat.
Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq il-ksur tal-kompetenza esterna tal-Komunità
L-argumenti tal-partijiet
55 Il-Kummissjoni tqis li, kull darba li, għall-implementazzjoni ta’ politika komuni prevista mit-Trattat KE, il-Komunità ħadet dispożizzjonijiet li jdaħħlu, taħt kwalunkwe forma, regoli komuni, l-Istati Membri ma jkollhomx iktar id-dritt li jidħlu għal obbligi ma’ l-Istati terzi li jeffettwaw jew li jibdlulhom il-portata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ l-Olanda li mar kontra l-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità billi ntrabat ma’ l-Istati Uniti fuq nollijiet ta’ l-ajru pprattikati mit-trasportaturi ddeżinjati mill-Istati Uniti fuq ir-rotot intrakomunitarji u, min-naħa l-oħra, fuq iċ-CRS proposti jew użati fit-territorju Olandiż.
56 F’dak li jikkonċerna n-nollijiet ta’ l-ajru, il-Kummissjoni ssostni fir-rikors tagħha li, minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2409/92, ir-Renju ta’ l-Olanda ma setax iktar jikkonkludi waħdu jew ukoll iżomm obbligi internazzjonali li jirrigwardaw nollijiet ta’ l-ajru mitluba minn trasportaturi ta’ Stati terzi fuq ir-rotot intrakomunitarji. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11 tal-ftehim ta’ l-1957, kif emendat mill-iskambju ta’ noti tad-29 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Marzu 1992 u mill-Artikolu 6 tal-protokoll ta’ l-1978, jinkludi t-tali dmir. Barra minn hekk, fil-konklużjoni ta’ l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992, ir-Renju ta’ l-Olanda żamm din id-dispożizzjoni. Dan l-Istat Membru għaldaqstant mar kontra l-kompetenza esterna esklużiva mogħtija lill-Komunità mill-Artikolu 1(3) tar-regolament Nru 2409/92.
57 Rigward iċ-CRS, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ l-Olanda żamm l-anness tal-ftehim ta’ l-1957 li jiġbor fih il-prinċipji taċ-CRS meta ġie nnegozjat mill-ġdid dan il-ftehim fix-xahar ta’ Ottubru 1992. B’hekk, ir-Renju ta’ l-Olanda mar kontra l-kompetenza esterna esklużiva li l-Komunità għandha bis-saħħa tar-regolament Nru 2299/89.
58 Ir-Renju ta’ l-Olanda jsostni li, fl-istat attwali tad-dritt, il-kompetenza sabiex jiġi konkluż ftehim bilaterali tibqa’ f’idejn l-Istati Membri sakemm il-Kummissjoni ma tingħatax mandat espliċitu sabiex tagħmel dan. Kien ikun differenti biss jekk regoli komuni jkunu jistgħu jsiru minn obbligi bilaterali ta’ Stat Membru, li mhuwiex il-każ f’din il-kawża.
59 Anki li kieku kellu jiġi ammess li l-Komunità tista’ tikseb kompetenza esterna esklużiva minħabba l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni interna Komunitarja, tali kompetenza hija applikabbli biss minn meta tiġi fis-seħħ din il-leġiżlazzjoni. Peress li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993, ir-Regolament Nru 2409/92 ma setax jaffettwa r-Renju ta’ l-Olanda fix-xahar ta’ Ottubru 1992.
60 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tinvoka b’analoġija s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environment Wallonie (C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 45) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri għandhom jieqfu milli jadottaw dispożizzjonijiet li serjament jikkompromettu r-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva. Il-Kummissjoni tirrileva f’dan ir-rigward li l-Parlament Olandiż irratifika l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 fis-26 ta’ April 1993, jiġifieri wara l-1 ta’ Jannar 1993, data li fiha daħal fis-seħħ ir-regolament Nru 2409/92.
61 Għal dan l-argument, ir-Renju ta’ l-Olanda, sostnut fuq dan il-punt mill-gvern Franċiż, iwieġeb li l-pretiża għall-ewwel darba fir-replika, bħal ma għamlet il-Kummissjoni, li l-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità tibda mill-adozzjoni tar-regolament Nru 2409/92, pjuttost minn meta dan daħal fis-seħħ, jikkostitwixxi motiv ġdid tali li jbiddel is-suġġett tal-kawża u li t-tressieq tiegħu huwa pprojbit bl-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura. F’kull każ, is-sentenza Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti hawnhekk, minn naħa, peress li din il-kawża tirrigwarda regolament u mhux direttiva u, min-naħa l-oħra, peress li l-ebda dispożizzjoni tal-ftehim ta’ l-1957 ma tista’ serjament tikkomprometti t-twettieq tar-riżultat preskritt mir-regolament Nru 2409/92. Fl-aħħar nett, ir-ratifika ta’ l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 mill-Parlament Olandiż hija nieqsa minn kull rilevanza minħabba li dan l-iskambju ta’ noti diġà ġie applikat sa mill-14 ta’ Ottubru 1992.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
62 F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, in-nollijiet ta’ l-ajru, għandu jiġi rilevat li, skond l-Artikolu 1(2)(a) tar-regolament Nru 2409/92, dan ta’ l-aħħar mhuwiex applikabbli għan-nollijiet ta’l-ajru tal-passiġġieri u tat-trasport tal-merkanzija mitluba mit-trasportaturi ta’ l-ajru minbarra t-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji, peress li madankollu din ir-restrizzjoni hija indikata "bla ħsara għall-paragrafu 3" ta’ l-istess Artikolu. Skond l-imsemmi Artikolu 1(3), huma biss it-trasportaturi ta’ l-Ajru li jistgħu jdaħħlu prodotti ġodda jew nollijiet inferjuri għal dawk li jeżistu għal prodotti identiċi.
63 Jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li r-regolament Nru 2409/92, b’mod indirett iżda ċert, ipprojbixxa lit-trasportaturi ta’ l-ajru ta’ Stati terzi li joperaw fil-Komunità milli jintroduċu prodotti ġodda jew nollijiet inferjuri għal dawk eżistenti għal prodotti identiċi. Billi għamel hekk, il-leġiżlatur Komunitarju limita l-libertà tarriffarja ta’ dawn it-trasportaturi, meta dawn ikunu qed jaħdmu fuq rotot intrakomunitarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, safejn huwa pprovdut fl-Artikolu 1(3) tar-regolament Nru 2409/92, kisbet il-kompetenza esklużiva li tikkonkludi ma’ l-Istati terzi obbligi li jirrigwardaw din il-limitazzjoni tal-libertà tariffarja tat-trasportaturi non Komunitarji.
64 Isegwi li, minn meta daħal fis-seħħ ir-regolament Nru 2409/92, ir-Renju ta’ l-Olanda ma setax jikkonkludi iżjed waħdu u l-anqas seta’ jżomm fis-seħħ, minkejja l-innegozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ l-1957, obbligi internazzjonali li jikkonċernaw in-nollijiet ta’ l-ajru mitluba minn trasportaturi ta’ Stati terzi fuq rotot intrakomunitarji.
65 Issa, rabta ta’ dan it-tip tirriżulta mill-Artikolu 11 tal-ftehim ta’ l-1957, kif emendat mill-iskambju ta’ noti tad-29 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Marzu 1992 u mill-Artikolu 6 tal-protokoll ta’ l-1978. Ir-Renju ta’ l-Olanda żamm dan l-obbligu minkejja l-innegozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ l-1957 li wassal għall-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992. Billi mexa b’dan il-mod, ir-Renju ta’ l-Olanda mar għaldaqstant kontra l-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità li tirriżulta mill-Artikolu 1(3) tar-regolament Nru 2409/92 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punti 97 sa 100; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punti 93 sa 96; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punti 98 sa 101; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 110 sa 113; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punti 103 sa 106; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 112 sa 115, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 123 sa 126).
66 Din il-konklużjoni m’għandhiex tiġi kkontestata mill-argument tal-gvern Olandiż li jgħid li l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 sar qabel ma daħal fis-seħħ ir-regolament Nru 2409/92. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 153 sa 158 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki kieku l-imsemmi skambju ta’ noti kien provviżorjament applikabbli mill-14 ta’ Ottubru 1992, il-ftehim bejn ir-Renju ta’l-Olanda u l-Istati Uniti ġie definittivament konkluż biss wara li ġie rratifikat mill-Parlament Olandiż, fis-26 ta’ April 1993. Għaldaqstant, dan sar qabel ma daħal fis-seħħ ir-regolament Nru 2409/92.
67 F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, iċ-CRS, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju ta’ l-Olanda naqas mill-obbligi li huwa għandu taħt ir-regolament Nru 2299/89, kif emendat mir-regolament Nru 3089/93.
68 Ir-regolament Nru 3089/93 ġie adottat fid-29 ta’ Ottubru 1993 u daħal fis-seħħ, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(1) tiegħu, fil-11 ta’ Diċembru 1993.
69 Kemm jekk jirrigwarda l-adozzjoni jew id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi regolament, dawn iż-żewġ dati jiġu wara r-ratifika ta’ l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992. B’hekk il-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità, allegata mill-Kummissjoni, ma setgħetx tirriżulta mir-regolament Nru 3089/93.
70 Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat l-ilment dwar iċ-CRS taħt ir-regolament Nru 2299/89, mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni r-regolament Nru 3089/93.
71 Jirriżulta mill-Artikoli 1 u 7 tar-Regolament Nru 2299/89 li, taħt riżerva ta’ reċiproċità, dan ir-regolament huwa applikabbli wkoll għal ċittadini ta’ Stati terzi, meta jipproponu jew jużaw CRS fit-territorju tal-Komunuità.
72 Permezz ta’ l-imsemmi regolament, il-Komunità kisbet il-kompetenza esklużiva li tikkonkludi ma’l-Istati terzi l-obbligi relatati maċ-CRS proposti jew użati fit-territorju tagħha.
73 Mhuwiex ikkontestat li, bl-iskambju ta’ noti tad-29 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Marzu 1992, ir-Renju ta’ l-Olanda u l-Istati Uniti żiedu mal-ftehim ta’ l-1957 anness li jiġbor fih il-prinċipji li jirregolaw iċ-CRS, u b’mod partikolari ċ-CRS propost jew użat fit-territorju Olandiż. Ir-Renju ta’ l-Olanda żamm fis-seħħ dan l-anness minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ l-1957 li wassal għall-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992. Billi mexa b’dan il-mod, dan l-Istat Membru mar kontra l-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità li tirriżulta mir-regolament Nru 2299/89 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punti 102 sa 104; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punti 98 sa 100; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punti 103 sa 105; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 115 sa 117; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punti 108 sa 110; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 117 sa 119, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 128 sa 130).
74 Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tat-Trattat jimponi fuq l-Istati Membri li jiffaċilitaw lill-Komunità t-twettiq tal-missjoni tagħha u li jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq ta’ l-għanijiet tat-Trattat KE.
75 Fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-missjoni tal-Komunità u l-għanijiet tat-Trattat KE jiġu kompromessi jekk l-Istati Membri setgħu jikkonkludu obbligi internazzjonali li jinkludu dispożizzjonijiet li jistgħu jeffettwaw regoli adottati mill-Komunità jew ibiddlu l-portata tagħhom.
76 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li, billi żamm fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ l-1957, obbligi internazzjonali li jikkonċernaw in-nollijiet ta’ l-ajru mitluba mit-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti fuq rotot intrakomunitarji kif ukoll iċ-CRS proposta jew użata fit-territorju Olandiż, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas mill-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat kif ukoll taħt ir-regolamenti Nru 2409/92 u 2299/89 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punti 110 sa 112; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punti 106 sa 108; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punti 111 sa 113; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 124 sa 126; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punti 116 sa 118; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 124 sa 126, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 135 sa 137).
Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 52 tat-trattat
L-argumenti tal-partijiet
77 Il-Kummissjoni tallega li, bl-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992, l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ l-1957, li jikkonċerna l-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru ġie kollu kemm hu ssostitwit.
78 Il-Kummissjoni ssostni li, bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 4, kif emendat, (iktar ’il quddiem il-"klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru"), il-kumpanniji ta’ l-ajru ta’ l-Istati Membri minbarra dawk tar-Renju ta’ l-Olanda jistgħu dejjem jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-ftehim ta’ l-1957, filwaqt li dan il-ftehim huwa applikabbli awtomatikament għall-kumpanniji ta’ l-ajru Olandiżi. Il-kumpanniji ta’ l-ajru ta’ dawn l-Istati Membri huma għaldaqstant suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba li huma ma jibbenefikawx mill-iskema nazzjonali fl-Olanda, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 52 tat-trattat.
79 Il-gvern Olandiż iwieġeb li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 ma jissostitwixxix kollu kemm hu l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ l-1957, iżda sempliċiment jikkjarifika ċerti kliem. Dan l-Artikolu 4 jibqa’ l-istess fuq il-mertu. F’dan ir-rigward, l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 ma jirrappreżentax ftehim ġdid u l-ftehim ta’ l-1957 huwa protett mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 307, KE.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
80 L-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ l-1957, fil-verżjoni inizjali tiegħu, jipprovdi li:
"Kull waħda mill-partijiet kontraenti żżomm id-dritt li tirrifjuta li tagħti jew tirtira l-privileġġ li jiġu eżerċitati d-drittijiet previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim lil kumpannija ta’ l-ajru magħżula mill-parti kontraenti l-oħra, fil-każijiet kollha fejn hija tqis li ma ġiex suffiċentement stabbilit li parti sostanzjali tal-proprjetà u l-kontroll effettiv ta’ din il-kumpannija ta’ l-ajru tinsab f’idejn residenti tal-parti l-oħra kontraenti […]"
81 L-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992 emenda l-bidu ta’ dan l-artikolu b’dan il-mod, billi ħalla l-bqija ta’ l-imsemmi artikolu kif inhu:
"Kull parti kontraenti tirriżerva d-dritt li tirrifjuta li tagħti, li tissospendi, li tillimita, li tissuġġetta għal kundizzjonijiet jew li tirtira l-privileġġ li jiġu eżerċitati d-drittijiet previsti mill-preżenti ftehim […]"
82 Jirriżulta hawnhekk li l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ l-1957 ma ġiex interament issostitwit permezz ta’ l-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992, bħal ma tallega l-Kummissjoni.
83 Madankollu, għandu jiġi milqugħ, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 170 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, jekk, minn naħa formali, l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ l-1957 ġie emendat ftit biss mill-iskambju ta’ noti tax-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1992, il-kontenut u l-portata tiegħu ġew profondament mibdula minn dan l-iskambju ta’ noti, liema emendi kellhom neċessarjament rilevanza fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu wara li saret il-liberalizzazzjoni kompleta tar-rotot tal-ħames libertà fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru internazzjonali (Chicago, 7 ta’ Diċembru 1944; 1953 UNTS 389).
84 Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju invokati u, min-naħa l-oħra, li l-argument tal-gvern Olandiż ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, mhuwiex fondat.
85 Fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-qasam tat-trasport bl-ajru u għandha b’mod partikolari l-karatteristika li tkun applikabbli għall-kumpanniji ta’ l-ajru stabbiliti fi Stat Membru li jipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn Stat Membru u Stat terz.
86 F’dan il-każ, il-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru tippermetti b’mod partikolari lill-Istati Uniti li tirrifjuta jew li tirtira konċessjoni jew awtorizzazzjoni lil kumpannija ta’ l-ajru magħżula mir-Renju ta’ l-Olanda, iżda li minnha parti sostanzjali tal-proprjetà u tal-kontroll effettiv ma tkunx f’idejn dan l-Istat Membru jew ċittadini Olandiżi.
87 M’hemm l-ebda dubju li jistgħu jiġu effettwati minn din il-klawżola l-kumpanniji ta’ l-ajru stabbiliti fir-Renju ta’ l-Olanda li parti sostanzjali mill-proprjetà u l-kontroll effettiv tinsab f’idejn jew Stat Membru minbarra r-Renju ta’ l-Olanda, jew ċittadini tat-tali Stat Membru (iktar ’il quddiem il-"kumpanniji ta’ l-ajru Komunitarji").
88 Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-intestatura ta’ l-imsemmija klawżola li l-Istati Uniti għandhom prinċipalment l-obbligu li jagħtu l-konċessjonijiet jew l-awtorizzazzjonijiet mitluba mill-kumpanniji ta’ l-ajru li parti sostanzjali tal-proprjetà u tal-kontroll effettiv tagħhom tinsab f’idejn ir-Renju ta’ l-Olanda jew ċittadini Olandiżi (iktar ’il quddiem il-"kumpanniji ta’ l-ajru Olandiżi").
89 Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-kumpanniji ta’ l-ajru Komunitarji jistgħu jiġu dejjem esklużi mill-vantaġġ tal-ftehim ta’ l-1957, peress li min-naħa l-oħra dan il-vantaġġ ġie akkwiżit mill-kumpanniji ta’ l-ajru Olandiżi. B’hekk, il-kumpanniji ta’ l-ajru Komunitarji jsofru diskriminazzjoni li żżommhom milli jibbenefikaw minn trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri r-Renju ta’ l-Olanda.
90 Għaldaqstant il-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru tmur kontra l-Artikolu 52 tat-Trattat (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punti 122 sa 124 u 128 sa 133; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punti 113 sa 115 u 119 sa 124; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punti 118 sa 120 u 124 sa 129; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 131 sa 133 u 137 sa 142; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punti 122 sa 124 u 128 sa 133; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 130 sa 134 u 138 sa 143, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 144 sa 146 u 150 sa 156).
91 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih ġie akkużat ir-Renju ta’ l-Olanda taħt l-imsemmi artikolu jidher fondat.
92 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ntqalu, għandu jiġi kkonstatat li, billi kkonkluda jew żamm fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ l-1957, obbligi internazzjonali ma’ l-Istati Uniti:
– rigward nollijiet ta’ l-ajru miltuba mit-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti fuq rotot intrakomunitarji,
– rigward iċ-CRS propost jew użat fit-territorju Olandiż u
– li jirrikonoxxu lill-Istati Uniti d-dritt li tirrevoka, li tissospendi jew li tillimita d-drittijiet ta’ traffiku fil-każ fejn it-trasportaturi ta’ l-ajru magħżula mir-Renju ta’ l-Olanda ma jkunux f’idejn dan ta’ l-aħħar jew f’idejn ċittadini Olandiżi,
ir-Renju ta’ l-Olanda naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 5 u 52 tat-Trattat, kif ukoll taħt ir-Regolamenti Nru 2409/92 u 2299/89.
Fuq l-ispejjeż
93 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ l-Olanda tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
94 Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi kkonkluda jew żamm fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-ftehim dwar it-trasport bl-ajru konkluż bejn ir-Renju ta’ l-Olanda u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fit-3 ta’ April 1957, obbligi internazzjonali ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika:
– rigward nollijiet ta’ l-ajru miltuba mit-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq rotot intrakomunitarji,
– rigward is-sistemi ta’ riżervazzjoni kompjuterizzati proposti jew użati fit-territorju Olandiż u
– li jirrikonoxxu lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika d-dritt li tirrevoka, li jissospendi jew li jillimita d-drittijiet ta’ traffiku fil-każ meta t-trasportaturi ta’ l-ajru magħżula mir-Renju ta’ l-Olanda ma jkunux f’idejn dan ta’ l-aħħar jew f’idejn ċittadini Olandiżi,
ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE) u l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 43 KE), kif ukoll taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar nollijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru, u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2299/89 ta’ l-24 ta’ Lulju 1989, dwar kodiċi ta’ kondotta għal sistemi ta’ riżervazzjoni kkompjuterizzata.
2) Ir-Renju ta’ l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż.
3) Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.