SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla)

30 ta' Marzu 2006 (*)

"Direttiva 95/59 – Taxxi li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat – Sigaretti erbali – Użu esklużivament mediku"

Fil-kawża C-495/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (L-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Novembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

A. C. Smits-Koolhoven

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),

magħmula minn K. Lenaerts, aġent President tar-Raba' Awla, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta' Ottubru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal A. C. Smits-Koolhoven, minn C. H. Bouwmeester u B. S. Mulier, advocaten,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Jurgensen-Mercier, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Gross u A. Weimar, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta' Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat. (ĠU L 291, p. 40).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata mill-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema ta' l-Olanda) fil-kuntest ta' kawża bejn Smits-Koolhoven u Staatssecretaris van Financiën (Segretarju ta' l-Istat għall-Finanzi) dwar il-ġbir tat-taxxa tas-sisa fuq sigaretti erbali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       It-tabakk manifatturat huwa suġġett għal taxxa tas-sisa armonizzata fuq il-livell Komunitarju. Id-Direttiva 95/59 tiddefinixxi l-kategoriji differenti ta' prodotti suġġetti għal taxxa tas-sisa u tistabbilixxi l-metodi ta' kalkolu tagħha.

4       L-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta' "sigaretti" kif ġej:

"Is-sostanzi li ġejjin għandhom jiġu meqjusa bħala sigaretti:

a)      rollijiet ta' tabakk li jistgħu jitpejpu kif inhuma u li mhumiex sigarri jew sigarillos fit-tifsira ta' l-Artikolu 3;

b)      rollijiet ta’ tabakk li, b'sempliċi maniġġjar mhux industrijali, huma mdaħħla f'tubu tal-karti;

c)      rollijiet ta’ tabakk li, b'sempliċi maniġġjar mhux industrijali, huma mgeżwra f'karti tas-sigaretti.

[…]"

5       Il-kunċett ta' "tabakk għat-tipjip" huwa definit fl-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Direttiva.

6       L-Artikolu 7(2) ta' l-istess Direttiva jipprovdi:

"Prodotti magħmula kollha kemm huma jew in parti minn sostanzi li mhux tabakk iżda li xorta jaqgħu taħt il-kriterja stipulati fl-Artikoli 4 jew 5 għandhom ikunu meqjusa bħala sigaretti jew tabakk għat-tipjip.

Minkejja l-ewwel paragrafu, prodotti li m’għandhomx tabakk u li huma wżati esklussivament għall-użu mediku m’għandhomx jiġu meqjusa bħala tabakk manifatturat."

7       Id-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE tas-26 ta' Jannar 1965 dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' prodotti mediċinali (ĠU 1965, 22, p. 369) kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 93/39/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li temenda d-Direttivi 65/65/KEE, 75/318/KEE u 75/319/KEE dwar il-prodotti mediċinali (ĠU L 214, p. 22, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 65/65") tiddefinixxi fl-Artikolu 1(2) tagħha l-kunċett ta' "prodott mediċinali" bħala "kull sustanza jew kompożizzjoni ta' sustanzi ppreżentata bħala waħda li għandha proprjetajiet kurattivi jew preventivi tal-mard fil-bniedem jew fl-annimali" jew "kull sustanza jew kompożizzjoni ta' sustanzi li tista' tingħata lill-bniedem jew lill-annimali sabiex issir dijanjosi medika jew biex iġġib mill-ġdid, tirranġa jew tbiddel funzjonijiet fiżjoloġiċi fil-bniedem jew fl-annimali". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Skond l-Artikolu 1(1)(f) tal-liġi Olandiża dwar it-taxxa tas-sisa tal-31 ta' Ottubru 1991 (Wet op de accijns, Stb 1991, Nru 561), taxxa tas-sisa hija ntaxxata fuq il-prodotti magħmula mit-tabakk.

9       L-Artikolu 64(1) ta' din il-liġi, li jittrasponi fil-liġi Olandiża t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 95/59 jipprovdi:

"Skond il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li se jiġu stabbiliti permezz ta' regolament ta' amministrazzjoni pubblika, eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa tingħata għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tal-prodotti li ġejjin:

[…]

f) sigaretti u tabakk għat-tipjip magħmula għal kollox minn sustanzi differenti mit-tabakk u manifestament maħsuba għal finijiet mediċinali."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10     Fiż-żmien tal-fatti, Smits-Koolhoven (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti fil-kawża prinċipali" kienet tbigħ bl-ingrossa, għal eventwali bejgħ bl-imnut, prodott imsejjaħ "sigaretti erbali". Dawn kienu sigaretti mingħajr tabakk u magħmula minn ħxejjex, b'mod partikolari mill-familja ta' pjanti tal-labiatae.

11     Dawn is-sigaretti kienu magħmula minn sustanzi mingħajr effett mediku u kienu kkummerċjalizzati mingħajr riċetta tat-tabib iżda esklużivament minn spiżeriji u erbalisti. Kull pakkett ta' sigaretti kellu fuqu stiker bil-kitba "sigaretti mediċinali erbali". Barra minn hekk, il-prodott kien akkumpanjat minn avviż li jippreżenta s-sigaretti in kwistjoni bħala għajnuna għall-persuni li jixtiequ jieqfu jpejpu. Dan l-avviż kien ġie awtorizzat mill-Keuringsraad Openlijke Aanprijzing Geneesmiddelen/Keuringsraad Aanprijzing Gezondheidsproducten (iktar 'il quddiem il-"KOAG/KAG"), korp mhux statali li huwa responsabbli għall-kontroll tar-reklamar dwar il-prodotti mediċinali u l-prodotti tas-saħħa.

12     It-taxxa tas-sisa ma ġietx imħallsa għal dawn is-sigaretti. F'ittra mibgħuta lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-20 ta' Lulju 1995, l-awtorità sostniet li, f'dak li jirrigwarda l-ġbir tat-taxxa tas-sisa, is-sigaretti erbali għandhom jitqiesu bħala sigaretti u, għaldaqstant, bħala prodotti magħmula mit-tabakk, u li, peress li ma kinux maħsuba għall-finijiet mediċinali, dawn is-sigaretti ma setgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 64(1)(f) tal-liġi Olandiża dwar it-taxxa tas-sisa.

13     Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet issuġġettata għal stima tat-taxxa riveduta għall-perijodu bejn l-1 ta' Awwissu 1995 u l-15 ta' Ġunju 1999 għal dak li għandu x'jaqsam mat-taxxa tas-sisa fuq il-prodotti magħmula mit-tabakk.

14     Peress li l-ilment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġie miċħud, hija ressqet appell quddiem il-Gerechtshof te Leeuwarden (qorti ta' l-appell ta' Leeuwarden). Permezz ta' sentenza tal-5 ta' Awwissu 2002, din il-qorti kkonfermat l-istima riveduta rigward it-taxxa tas-sisa fuq il-prodotti magħmula mit-tabakk.

15     Peress li l-Gerechtshof te Leeuwarden kien adotta interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta' "finijiet mediċinali" imsemmija fl-Artikolu 64(1)(f) tal-liġi Olandiża dwar it-taxxa tas-sisa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet appell ulterjuri quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden, li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Sigaretti erbali bħal dawk in kwistjoni, li huwa magħruf li ma fihomx sustanzi li għandhom effett mediċinali, iżda li min-naħa l-oħra huma mibjugħa, bl-awtorizzazzjoni ta' [KOAG/KAG], bil-kitba 'sigaretti mediċinali erbali', bħala għajnuna għall-persuni li jixtiequ jiefqu jpejpu, jaqgħu taħt id-deroga li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 95/59 […] jipprovdi għall-prodotti li huma esklużivament għal użu mediku?"

 Fuq id-domanda preliminari

16     Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 95/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sigaretti mingħajr tabakk li ma fihomx sustanzi li għandhom effett mediku iżda li huma ppreżentati u kkummerċjalizzati bħala għajnuna għall-persuni li jixtiequ jieqfu jpejpu huma "esklużivament għall-użu mediku" skond it-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni.

17     Għandu jiġi mfakkar, b'mod preliminari, li d-Direttiva 95/59 hija parti mill-qafas ta' politika ta' armonizzazzjoni tas-sistemi tat-taxxa tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat sabiex timpedixxi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn kategoriji differenti ta' tabakk manifatturat ta' l-istess grupp (is-sentenza tad-19 ta' Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-216/98, Ġabra p. I-8921, punt 18). Sabiex tiġi garantita applikazzjoni uniformi, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta' din id-Direttiva għandha tkun awtonoma, ibbażata fuq il-kliem tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni kif ukoll fuq l-għanijiet imfittxa mill-imsemmija Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-1 ta' April 2004, Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, C-389/02, Ġabra p. I-3537, punt 19).

18     F'dan il-kuntest, għandu jingħad li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 95/59 għandu l-għan li jistabbilixxi regola ġenerali li tipprovdi li għandhom jitqiegħdu fl-istess kategorija tas-sigaretti u t-tabakk għat-tipjip, il-prodotti li, minkejja li huma magħmula esklużivament jew in parti minn sustanzi differenti mit-tabakk, jissodisfaw madankollu l-kriterji l-oħra tas-sigaretti u tat-tabakk għat-tipjip stabbiliti mill-Artikoli 4 u 5 ta' din id-Direttiva. Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(2) ta' l-istess Direttiva huma biss il-prodotti li, minn naħa, ma fihomx tabakk u, min-naħa l-oħra, huma "użati esklużivament għall-użu mediku" li ma jaqgħux taħt din ir-regola. Għaldaqstant, dan il-paragrafu joħloq distinzjoni bejn żewġ tipi ta' prodotti li ma fihomx tabakk, skond jekk għandhom jew jekk m'għandhomx din il-funzjoni, u huma biss dawk ta' l-ewwel li jibbenefikaw mid-deroga.

19     Għaldaqstant għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li permezz tagħhom tista' issir distinzjoni bejn il-prodotti li għandhom użu esklużivament mediku u l-prodotti li m'għandhomx dan l-użu jew li għandhom dan l-użu iżda mhux b'mod esklużiv.

20     Fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-qorti tar-rinviju donnha teżita bejn żewġ kriterji, jiġifieri l-kompożizzjoni tas-sigaretti u l-preżentazzjoni tagħhom. Filwaqt li n-nuqqas ta' sustanzi li għandhom effett mediku fis-sigaretti in kwistjoni jwassal għall-konklużjoni li m'hemmx użu esklużivament mediku, il-preżentazzjoni tagħhom twassal għall-konklużjoni favur l-eżistenza ta' tali użu.

21     Il-kriterju tal-kompożizzjoni ta' prodott jista' jitqies bħala rilevanti u, għaldaqstant, idoneu sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux użu mediku. Fil-fatt, tista' oġġettivament issir distinzjoni, minħabba l-effetti tiegħu, bejn prodott li fih sustanzi li l-kombustjoni u l-ġbid bin-nifs tagħhom jipproduċu effetti mediċi fuq l-organiżmu uman u prodott li ma fihx sustanzi bħal dawn.

22     Għaldaqstant, biex jiġi stabbilit jekk prodott jistax ikollu użu mediku, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-prodott fihx sustanzi li l-kombustjoni u l-ġbid bin-nifs tagħhom jipproduċu effetti mediċi, ta' natura kurattiva jew preventiva, li huma rikonoxxuti xjentifikament.

23     Issa, huwa paċifiku li s-sigaretti in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma fihomx sustanzi bħal dawn.

24     Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li, anke fin-nuqqas ta' sustanzi li jipproduċu effetti mediċi, is-sigaretti erbali in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom użu esklużivament mediku minħabba li l-fatt li wieħed ipejjep dawn is-sigaretti jgħinuh jaqta' l-vizzju tat-tabakk.

25     Madankollu jekk wieħed jaċċetta din it-teżi jkun ifisser li wieħed jirrikonoxxi li s-sigaretti kollha li ma fihomx tabakk u li jistgħu, għaldaqstant, ikunu kkunsmati bħala prodott ta' sostituzzjoni għandhom użu esklużivament mediku; argument li jmur manifestament kontra l-għan u l-ekonomija tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 95/59, hekk kif definiti fil-punt 18 ta' din is-sentenza. Dan l-argument għaldaqstant ma jistax jiġi akkolt.

26     Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, jekk, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentazzjoni tas-sigaretti tistax titqies bħala rilevanti sabiex jiġi ppruvat użu esklużivament mediku tas-sigaretti u, għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk il-mod ta' preżentazzjoni jistax jikkostitwixxi kriterju li permezz tiegħu tista' issir distinzjoni bejn is-sigaretti li għandhom tali użu u l-prodotti li m'għandhomx tali użu jew li għalihom dan l-użu iżda mhux b'mod esklużiv.

27     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, f'dan ir-rigward, li għandu jiġi rikonoxxut li s-sigaretti in kwistjoni għandhom użu esklużivament mediku peress li dawn huma ppreżentati, bl-awtorizzazzjoni tal-KOAG/KAG, bħala sigaretti li għandhom proprjetajiet kurattivi jew preventivi, huma kkummerċjalizzati bħala prodott mediċinali u huma meqjusa bħala prodott mediċinali mill-konsumatur normalment informat.

28     Din it-teżi ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-użu mediku ta' tali sigaretti ma jistax jiġi dedott biss mill-preżentazzjoni tagħhom, mill-mod ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom jew mill-impressjoni li l-pubbliku għandu tagħhom mingħajr ma jkun qed jitneħħa s-sens tar-regola ġenerali stabbilita mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu (7)(2) tad-Direttiva 95/59. Fil-fatt, ikun biżżejjed li wieħed ibiddel il-preżentazzjoni jew il-mod ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodott sabiex huwa jibbenefika mid-deroga prevista fit-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni, bil-konsegwenza li prodotti li altrimenti huma identiċi jiġu suġġetti għal trattamenti differenti f'dak li jikkonċerna t-taxxa tas-sisa.

29     Barra minn hekk, id-Direttiva 95/59 tiddistingwi ruħha f'dan ir-rigward, permezz ta' l-għan tagħha u l-kliem tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(2) tagħha, mid-Direttiva 65/65 li tipprovdi, fil-punt 2 ta' l-Artikolu 1, żewġ definizzjonijiet alternattivi u kumplimentari ta' prodott mediċinali, billi ssemmi, minn naħa, il-prodott mediċinali "minħabba preżentazzjoni" u, min-naħa l-oħra, il-prodott mediċinali "minħabba użu" (ara s-sentenzi tat-30 ta' Novembru 1983, Van Bennekom, 227/82, Ġabra p. 3883, punt 22 u tat-28 ta' Ottubru 1992, Ter Voort, C-219/91, Ġabra p. I-5485, punt 11).

30     L-ewwel nett, l-għan tad-Direttiva 65/65, li essenzjalment għandha l-objettiv li tipproteġi l-konsumatur billi tassigura li tinżamm is-saħħa pubblika, tiġġustifika tali definizzjoni wiesgħa, li tagħti lil din id-Direttiva kamp ta' applikazzjoni estensiv. Hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 17 tas-sentenza Van Bennekom, iċċitata iktar 'il fuq, il-kriterju tal-"preżentazzjoni" li jirriżulta mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmija Direttiva għandu bħala għan li jkopri mhux biss il-prodotti mediċinali li għandhom effett terapewtiku jew mediku ġenwin, iżda wkoll il-prodotti li mhumiex effikaċi biżżejjed jew li m'għandhomx l-effett li l-konsumaturi għandhom id-dritt jistennew meta wieħed iqis il-preżentazzjoni tagħhom, sabiex il-konsumatur jiġi protett mhux biss mill-prodotti mediċinali ta' ħsara jew tossiċi, iżda wkoll mid-diversi prodotti użati minflok rimedji xierqa. Issa, l-għan tad-Direttiva 95/59, mfakkar fil-punt 17 ta' din is-sentenza, huwa għal kollox differenti u ma jiġġustifikax definizzjoni wiesgħa bħal din.

31     It-tieni nett, peress li jipprovdi deroga għar-regola ġenerali, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 95/59 għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv u ma jistax japplika għall-prodotti li hija biss il-preżentazzjoni tagħhom li tissuġġerixxi l-użu mediku, mingħajr ma din tkun korroborata minn karatteristiċi oġġettivi marbuta mal-proprjetajiet ta' dawn il-prodotti.

32     Minn dan jirriżulta li kunsiderazzjonijiet marbuta mal-preżentazzjoni, mal-kummerċjalizzazzjoni jew ma' l-impressjoni ta' prodott mhumiex, minnhom infushom, biżżejjed sabiex jippermettu lil dan il-prodott jibbenefika mid-deroga prevista fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 95/59.

33     Il-fatt li l-preżentazzjoni tas-sigaretti in kwistjoni fil-kawża prinċipali tgawdi mill-awtorizzazzjoni tal-KOAG/KAG ma tistax tbiddel din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, meta din l-awtorità, li tissorvelja, f'kuntest ta' awto-regolazzjoni, l-osservanza tar-regoli ta' kondotta tajba fil-qasam ta' reklamar għall-prodotti mediċinali u l-prodotti ta' saħħa, tapprova għamla speċifika ta' reklamar, din l-approvazzjoni ma timplikax il-verifikazzjoni ta' użu esklużivament mediku eventwali tal-prodott ikkonċernat u ma tistax tkun deċiżiva għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi kurattivi jew preventivi ta' prodott.

34     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li sigaretti li m'għandhomx sustanzi li għandhom effett mediku ma jistgħux jitqiesu li għandhom użu mediku.

35     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 95/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigaretti mingħajr tabakk li ma fihomx sustanzi li għandhom effett mediku imma li huma ppreżentati u kkummerċjalizzati bħala għajnuna għall-persuni li jixtiequ jieqfu jpejpu m'għandhomx "użu esklużivament mediku" fis-sens tat-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

36     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE, tas-27 ta' Novembru 1995, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigaretti mingħajr tabakk li ma fihomx sustanzi li għandhom effett mediku iżda li huma ppreżentati u kkummerċjalizzati bħala għajnuna għall-persuni li jixtiequ jieqfu jpejpu m'għandhomx "użu esklużivament mediku" fis-sens tat-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.