Kawża C-490/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Ammissibbiltà — Artikolu 49 KE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema — Restrizzjonijiet — Kontribuzzjoni għall-fond nazzjonali ta’ vaganzi mħallsa — Traduzzjoni ta’ dokumenti — Dikjarazzjoni dwar il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema kollokati”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Proċedura prekontenzjuża — Suġġett

(Artikolu 226 KE)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Dritt ta’ azzjoni mill-Kummissjoni — Terminu ta’ żmien

(Artikolu 226 KE)

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas — Oneru fuq il-Kummissjoni

(Artikolu 226 KE)

4.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema

(Artikolu 49 KE)

5.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema

(Artikolu 49 KE)

1.        L-għan tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 226 KE huwa li jagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-okkażjoni li jikkonforma lilu nnifsu ma’ l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju jew li jsostni b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni.

(ara l-punt 25)

2.        Ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 226 KE għandhom jiġu applikati mingħajr ma l-Kummissjoni jkollha l-obbligu li tirrispetta terminu ta’ żmien determinat, bla ħsara għall-ipoteżi li fiha dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża prevista minn din id-dispożizzjoni jista’ jżid, għall-Istat akkużat, id-diffikultà li jirrifjuta l-argumenti tal-Kummissjoni u li b’hekk jikser id-drittijiet tad-difiża. Huwa l-obbligu ta’ l-Istat Membru interessat li jressaq il-prova ta’ tali effett.

(ara l-punt 26)

3.        Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħmul skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat. Hija għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika minnha ta’ l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża fuq kwalunkwe preżunzjoni.

Minbarra dan, il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata b’kunsiderazzjoni ta’ l-interprezzjoni li jagħtu l-qrati nazzjonali fir-rigward tagħhom.

(ara l-punti 48-49)

4.        Stat Membru ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 49 KE meta jimponi fuq persuni li jħaddmu barranin li jimpjegaw ħaddiema fit-territorju nazzjonali li jittraduċu fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru ċerti dokumenti li għandhom jiġu kkonservati fuq il-post tax-xogħol matul il-perijodu tax-xogħol effettiv kollu tal-ħaddiema kollokati.

L-obbligu hekk impost ċertament jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li jfisser spejjeż kif ukoll imposti amministrattivi u finanzjarji addizzjonali għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod li dawn ta’ l-aħħar ma jinsabux fuq livell ta’ ugwaljanza, minn punt tal-kompetizzjoni, mal-persuni li jħaddmu stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u li huma jistgħu b’hekk jiġu dissważi milli jipprovdi servizzi f’dan l-Istat Membru.

Madankollu, dan l-obbligu jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali marbut mal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema peress li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti li jwettqu l-kontrolli neċessarji sabiex jiggarantixxu r-rispett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam. F’każ fejn jimponi traduzzjoni fuq ċerti dokumenti biss li ma jfissirx li teżisti imposta amministrattiva jew finanzjarja iebsa għal min iħaddem, dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni soċjali segwit.

(ara l-punti 66, 68-72, 76)

5.        Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 49 KE meta jimponi fuq l-impriżi ta’ xogħol temporanju barranin li jiddikjaraw mhux biss il-prestazzjoni ta’ ħaddiem favur impriża utenti fl-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll il-post tax-xogħol ta’ dan il-ħaddiem kif ukoll kull tibdil dwar dan il-post, filwaqt li l-impriżi ta’ l-istess tip stabbiliti f’dan l-Istat Membru mhumiex suġġetti għal dan l-obbligu addizzjonali.

(ara l-punti 85, 89 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Lulju 2007 (*)

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ammissibbiltà – Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Restrizzjonijiet – Kontribuzzjoni għall-fond nazzjonali ta’ vaganzi mħallsa – Traduzzjoni ta’ dokumenti – Dikjarazzjoni dwar il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema kollokati”

Fil-kawża C‑490/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-29 ta’ Novembru 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa, G. Braun, u H. Kreppel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing, M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti, assistiti minn T. Lübbig, Rechtsanwalt,

konvenuta

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u O. Christmann, bħala aġenti,

parti intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, A. Tizzano (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li meta stipulat legiżlazzjoni li permezz tagħha:

–        l-impriżi barranin għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu lill-fond ta’ vaganzi Ġermaniż anke jekk il-ħaddiema essenzjalment jibbenefikaw minn protezzjoni simili skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-istabbiliment ta’ min iħaddimhom [Artikolu 1(3) tal-liġi fuq il-kollokament tal-ħaddiema (Arbeitnehmer-Entsendegestez), tas-26 ta’ Frar 1996 (BGBI. 1996 I, p. 227, iktar ’il quddiem l-“AEntG”)];

–        l-impriżi barranin għandhom l-obbligu li jittraduċu bil-Ġermaniż il-kuntratt ta’ xogħol jew id-dokumenti neċessarji skond id-dritt tal-pajjiż ta’ oiġini tal-ħaddiem fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE ta’ l-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta’ l-impjieg (ĠU L 288, p. 32)], il-karti tas-salarji, id-dokumenti li juru l-ħinijiet tax-xogħol u l-ħlas tas-salarji kif ukoll kull dokument ieħor meħtieġ mill-awtoritajiet Ġermaniżi (Artikolu 2 ta’ l-AEntG);

–        l-impriżi barranin ta’ xogħol temporanju għandhom l-obbligu li jiddikjaraw mhux biss kull prestazzjoni ta’ ħaddiem favur impriża utenti fil-Ġermanja, iżda wkoll kull impjieg li jista’jiġi fdat lilu mill-impriża utenti fuq post ta’ kostruzzjoni (Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG),

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l- Artikolu 49 CE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

It-Trattat KE

2        L-Artikolu 49 KE jipprovdi:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

[…]”

 Id-Direttiva 96/71/KE

3        Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, p. 1), “tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema […] fit-territorju ta’ Stat Membru.”

4        Skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

–        skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi,

u/jew

–        bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:

[…]

b)      it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;

[…]

(d)      il-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni ta’ ħaddiema, b’mod partikulari il-fornitura ta’ ħaddiema minn impriżi ta’ impjieg temporanju;

[…]

[…]”

5        L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Il-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jinnominaw uffiċċju wieħed jew aktar jew korp nazzjonali wieħed jew aktar li jagħmlu liaison.

2.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma responsabbli għall-monituraġġ tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3. Kooperazzjoni simili għandha b’mod partikulari tikkonsisti fi tweġiba għal talbiet raġjonevoli minn dawk l-awtoritajiet għal informazzjoni dwar il-prestazzjoni transnazzjonali ta’ ħaddiema, inklużi abbużi manifesti jew każijiet possibbli ta’ attivitajiet transnazzjonali illegali.

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

6        Fid-data ta’ iskadenza tat-terminu ta’ żmien iffissat fl-opinjoni motivata nnotifikata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kollokament tal-ħaddiema kien irregolat f’dan l-Istat Membru permezz ta’ l-AEntG.

7        Skond l-Artikolu 1(1) ta’ l-AEnTG, il-ftehim kollettivi tas-settur tal-bini li għandhom saħħa vinkolanti ġenerali u jirrigwardaw id-dewmien tal-vaganzi ta’ mistrieħ, il-vaganzi mħallsa u l-għoti ta’ bonus addizzjonali ta’ vaganzi huma applikabbli għal min iħaddem li huwa stabbilit barra mill-pajjiż li jibgħat ħaddiema fil-Ġermanja.

8        L-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG jipprovdi:

Jekk ftehim kollettiv li għandu saħħa vinkolanti ġenerali jipprovdi l-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet jew il-provvista ta’ servizzi minn organu komuni għas-sieħba soċjali fil-kuntest ta’ l-għoti tad-drittijiet għal vaganzi msemmija fil-paragrafu 1, in-normi legali ta’ dan il-ftehim għandhom ukoll natura vinkolanti għal min iħaddem li huwa barrani u għall-impjegati tiegħu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-Konvenzjoni, safejn din jew kull dispożizzjoni oħra jiggarantixxu li:

1.      min iħaddem li huwa barrani m’għandux obbligu li jħallas kontribuzzjonijiet kemm skond din il-liġi kif ukoll lil organu simili fl-Istat fejn l-impriża tiegħu hija rreġistrata, u

2.      li l-proċedura ta’ l-organu komuni għas-sieħba soċjali tipprovdi l-kunsiderazzjoni ta’ servizzi diġà magħmula minn min iħaddem sabiex jissodisfa d-drittjiet għal vaganzi legali, fuq bażi ta’ ftehim jew fuq bażi kuntrattwali ta’ l-impjegati tiegħu.

[…]”

9        L-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG jipprovdi:

“Kull persuna li tħaddem li hija stabbilita barra mill-pajjiż għandha l-obbligu li fil-Ġermanja tikkonserva d-dokumenti meħtieġa għall-kontroll fir-rispett ta’ l-obbligi legali li jirriżultaw mit-tieni frażi ta’ l-Artikolu 1(1), mit-tieni frażi ta’ l-Artikolu 1(2a) u mill-ħames frażi ta’ l-Artikolu 1(3a) fil-lingwa Ġermaniża, matul it-tul ta’ żmien kollu tax-xogħol effettiv tal-ħaddiem fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi u għall-anqas matul id-dewmien tal-kostruzzjoni kompluta, mingħajr madankollu ma jaqbeż sentejn, b’mod li tkun tista’ tippreżenta dawn id-dokumenti fuq il-post ta’ kostruzzjoni fuq talba ta’ l-awtoritajiet ta’ kontroll.”

10      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG jipprovdi kif ġej:

“Impriża ta’ xogħol temporanju stabbilita barra mill-pajjiż, li tipprovdi ħaddiem wieħed jew bosta ħaddiema għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi għandha […] tikkomunika bil-miktub lill-awtoritajiet doganali kompetenti, qabel il-bidu ta’ kull xogħol ta’ kostruzzjoni, dikjarazzjoni fil-lingwa Ġermaniża li tinkludi l-indikazzjonijiet segwenti:

1.      il-kunjom, l-isem, id-data ta’ twelid tal-ħaddiema pprovduti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi,

2.      bidu u tmiem tal-prestazzjoni tal-ħaddiema,

3.      post tax-xogħol (ta’ kostruzzjoni),

[…]”

 Il-proċedura prekontenzjuża

11      Wara l-eżami ta’ bosta lmenti, il-Kummissjoni, peremzz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-12 ta’ Novembru 1998 kif ukoll permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tas-17 ta’ Awwissu 1999, ġibdet l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-inkompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-AEntG ma’ l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 49 KE).

12      Peress li ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz ta’ ittri tat-8 ta’ Marzu, ta’ l-4 ta’ Mejju u tal-25 ta’ Ottubru 1999, fil-25 ta’ Lulju 2001 il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru fejn stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn li bdew jidderkorru min-notifika tagħha.

13      B’ittri ta’ l-1 ta’ Ottubru 2001, l-10 ta’ Diċembru 2001, it-3 ta’ Frar 2003 u l-4 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni bl-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-opinjoni motivata. B’ittra tat-23 ta’ Jannar 2004, dan l-Istat membru nnotifika lill-Kummissjoni verżjoni ta’ l-AEntG emendata wara l-adozzjoni tat-tielet liġi li tirregola l-prestazzjoni ta’ servizzi fuq il-kuntratt tax-xogħol (Drittes Gesetz für moderne Dienstleistungen am Arbeitsmarkt), tat-23 ta’ Diċembru 2003 (BGB1. 2003 I, p. 2848).

14      Meta kkonstatat li parti biss mill-ksur inizjalment akkużat kien ġie eliminat wara l-emenda ta’ l-AEntG, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

15      Il-Gvern Ġermaniż jissolleva erba’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ rikors, ibbażati rispettivament fuq l-għażla ta’ l-Artikolu 49 KE bħala dispożizzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ l-AEntG, dwar id-dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża, dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikors u tal-bdil tas-suġġett ta’ l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni.

 Fuq l-għażla ta’ l-Artikolu 49 KE bħala dispożizzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ l-AEntG.

16      L-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni ta’ l-AEntG għandhom jiġu vverifikati bi prijorità fid-dawl tad-Direttiva 96/71 li tikkonċerna speċifikatament il-kollokament ta’ ħaddiema effettwat fil-kuntest ta’ prestazzjoni ta’ servizzi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha tressaq il-prova li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet traspożizzjoni mhux korretta ta’ din id-Direttiva jew li dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex applikati b’mod konformi ma’ din ta’ l-aħħar.

17      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 96/71 hija intiża sabiex tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri billi tistabbilixxi lista ta’ regoli nazzjonali li Stat Membru għandu japplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jibagħtu ħaddiema fuq it-territorju tiegħu stess fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali.

18      B’hekk, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, dawn l-impriżi jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta t-termini u l-kundizzjonjiet ta’ l-impjieg li jkopru l-kwistjonijiet imsemmija minn dan l-Artikolu, li huma stabbiliti fl-Istat Membru fuq it-territorju fejn ix-xogħol hu mwettaq.

19      Madankollu, id-Direttiva 96/71 ma armonizzatx il-kontenut materjali ta’ dawn ir-regoli nazzjonali [ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Lulju 2003, fuq l-implementazzjoni tad-Direttiva 96/71 fl-Istati Membri, COM(2003) 458 finali, p. 7]. Dan il-kontenut jista’ għaldaqstant jiġi liberament definit mill-Istati Membri, fir-rispett tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b’hekk jinkludi, fir-rigward ta’ din il-kawża, l-Artikolu 49 KE.

20      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-konformità mat-Trattat tal-kontenut ta’ l-Artikolu 1(3), 2 u 3(2) ta’ l-AEntG safejn dawn l-Artikoli fihom restrizzjonijiet inammissibbli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġewwa l-Komunità.

21      Huwa paċifiku li r-restrizzjonijiet għal din il-libertà fundamentali huma projbiti mill-Artikolu 49 KE. B’hekk il-Kummissjoni aġixxiet ġustament meta invokat dan l-Artikolu sabiex tikkontesta l-konformità mad-dritt Komunitarju tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni.

22      Isegwi li l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża

23      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-rikors huwa inammissibbli minħabba raġunijiet ta’ dewmien, imputabbli lill-Kummissjoni, li kien affettwa din il-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Filwaqt li l-ittra ta’ intimazzjoni li ġiet indirizzata lilha mill-Kummissjoni tmur lura sat-12 ta’ Novembru 1998, din ta’ l-aħħar kienet ressqet ir-rikors tagħha fid-29 ta’ Novembru 2004, jiġifieri aktar minn sitt snin wara li bagħtet din l-ittra. In-negliġenza li tirriżulta minn dan id-dewmien kienet wasslet għal ksur, minn naħa, ta’ l-obbligu, għall-Kummissjoni, li tirrispetta terminu ta’ żmien raġonevoli u, min-naħa l-oħra, ta’ l-eżiġenza ta’ ċertezza legali li għaliha dan l-Istat u l-ħaddiema protetti mill-AEntG jistgħu jippretendu.

24      Skond l-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Kummissjoni, li kellha s-setgħa tagħmel dan, kellha tħaffef l-iżvolġiment tal-proċedura. Fil-fatt, wara n-notifika tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet bosta sentenzi li jikkunsidraw il-kollokament ta’ ħaddiema in ġenerali kif ukoll sentenza li kienet tirrigwarda speċifikatament l-AEntG (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et, C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831). Dawn is-sentenzi kellhom jippermettu konklużjoni aktar malajr ta’ din il-kawża.

25      Madankollu, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 226 KE huwa li jagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-okkażjoni li jikkonforma lilu nnifsu ma’ l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju jew li jsostni b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni (sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-475/98, Ġabra p. I-9797, punt 35).

26      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 226 KE għandhom jiġu applikati mingħajr ma l-Kummissjoni jkollha l-obbligu li tirrispetta terminu ta’ żmien determinat, bla ħsara għall-ipoteżi li fiha dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża prevista minn din id-dispożizzjoni jista’ jżid, għall-Istat akkużat, id-diffikultà li jirrifjuta l-argumenti tal-Kummissjoni u li b’hekk jikser id-drittijiet tad-difiża. Huwa l-obbligu ta’ l-Istat Membru interessat li jressaq il-prova ta’ tali effett (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-96/89, Ġabra p. I-2461, punti 15 u 16; tal-21 ta’ Jannar 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-207/97, Ġabra p. I-275, punt 25, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

27      Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tas-sentenzi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kollokament tal-ħaddiema, id-dewmien li seħħ bejn l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors jista’ jiġi kkunsidrat f’dan il-każ bħala eċċessiv, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma invokax la ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mid-dewmien tal-proċedura prekontenzjuża u lanqas ma wera element ieħor li jista’ jikkostitwixxi ksur bħal dan.

28      B’hekk, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Gvern Ġermaniż għandha tiġi miċħuda.

Fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikors

29      Il-Gvern Ġermaniż isostni li r-rikors huwa inammissibbli, minħabba li mhumiex indikati b’mod ċar l-ilmenti li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tagħtix indikazzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta biss id-dispożizzjonijiet ta’ l-AEntG inkwantu tali jew ukoll l-applikazzjoni magħmula mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji Ġermaniżi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’każijiet konkreti.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li kull rikors introduttiv ta’ istanza għandu jkun fih, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Konsegwentement, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni, f’kull rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE, li tindika b’mod suffiċjentement preċiż u koerenti l-ilmenti invokati, sabiex tippermetti lill-Istat Membru li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-347/88, Ġabra p. I-4747, punt 28, u ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-98/04, Ġabra p. I-4003, punt 18).

31      Madankollu, f’dan il-każ, jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar u preċiż mill-motivazzjoni kif ukoll mit-talbiet ta’ rikors tal-Kummissjoni li dan jirrigwarda l-konformità tal-kontenut ta’ l-Artikoli 1(3), 2 u 3(2) ta’ l-AEntG ma’ l-Artikolu 49. Konsegwentement dan ir-rikors huwa mingħajr ambigwità.

32      Konsegwentement, hemm lok li t-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata mill-Gvern Ġermaniż għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-bdil tas-suġġett ta’ l-ewwel ilment 

33      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-ewwel ilment huwa inammissibbli safejn is-suġġett ta’ dan l-ilment mhuwiex ifformulat b’mod identiku fl-opinjoni motivata u fir-rikors.

34      Minn naħa, il-Kummissjoni kienet iddikjarat fl-opinjoni motivata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE meta obbligat lill-impriżi barranin li jikkontribwixxu lill-fond ta’ vaganzi mħallsa Ġermaniż ta’ l-industrija tal-bini “filwaqt li [dawn] jibqgħu obbligati li jħallsu direttament il-vaganzi lill-impjegati tagħhom fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment”. Min-naħa l-oħra, fir-rikors, hija kienet ikkonkludiet li ksur tat-Trattat jirriżulta mill-obbligu impost fuq l-impriżi barranin li jikkontribwixxu lil dan il-fond “anke jekk il-ħaddiema” ta’ dawn l-impriżi “jibbenefikaw essenzjalment minn protezzjoni simili skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat ta’ stabbiliment”. B’hekk il-Kummissjoni kienet biddlet u wessgħet is-suġġett tal-kawża.

35      Il-Kummissjoni tirribatti li d-differenzi ta’ formular bejn id-dispożittiv ta’ l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors ma wasslu għal ebda bidla fis-suġġett tal-kawża.

36      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett ta’ rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE huwa ċirkuskritt mill-proċedura prekontenzjuża prevista minn din id-dispożizzjoni u li, bħala konsegwenza, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-105/91, Ġabra p. I-5871, punt 12, u ta’ l-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-11/95, Ġabra p. I-4115, punt 73).

37      Madankollu din l-eżiġenza ma tistax twassal sabiex f’kull ipoteżi timponi xebh perfett bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-ilmenti fl-ittra ta’ intimazzjoni, id-dispożittiv ta’ l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, bil-kundizzjoni tas-suġġett tal-kawża ma jkunx ġie estiż jew mibdul (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-191/95, Ġabra p. I-5449, punt 56, u tas-6 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-358/01, Ġabra p. I-13145, punt 28).

38      F’dan il-każ, jirriżulta mill-opinjoni motivata li l-kritika magħmula mill-Kummissjoni matul il-fażi prekontenzjuża tirrigwarda l-fatt li l-obbligu li tingħata kontribuzzjoni lill-fond ta’ vaganzi mħallsa Ġermaniż, impost fuq l-impriżi barranin fl-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG kien wassal għal ħlas doppju ta’ kumpensi ta’ vaganzi mħallsa, fl-Istat Membru ta’ l-Istabbiliment u f’dak tal-kollokament, u li dawn l-impriżi ma kinux eżenti minn dan il-ħlas doppju ħlief fil-każ fejn kien jeżisti fond simili għall-fond Ġermaniż fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment. Bl-istess mod, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-imposta ekonomika doppja fuq minn iħaddem li jibgħat ħaddiema fil-Ġermanja kif ukoll il-formulazzjoni restrittiva wisq ta’ l-eżenzjoni ta’ l-obbligu ta’ kontribuzzjoni previst fl-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG.

39      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma estendietx u ma bidlitx is-suġġett tar-rikors u, għaldaqstant, ma kisritx l-Artikolu 2256 KE.

40      Isegwi li r-raba’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Gvern Ġermaniż għandha wkoll tiġi miċħuda u, b’hekk, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-obbligu li tingħata kontribuzzjoni lill-fond ta’ vaganzi mħallsa Ġermaniż (Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG)

 L-argumenti tal-partijiet

41      Il-Kummissjoni ssostni li l-eżenzjoni mill-obbligu li tingħata kontribuzzjoni, prevista fl-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG, hija restrittiva wisq, anki minħabba li tirriżulta minn din, għal min iħaddem li jibgħat ħaddiema fil-Ġermanja, imposta ekonomika doppja li hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 49 KE. Skond il-Kummissjoni, l-AEntG għandha teżenta mill-obbligu ta’ kontribuzzjoni l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jibagħtu ħaddiema, mhux biss fil-każ fejn huwa garantit li huma diġà jikkontribwixxu f’sistema simili fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, iżda wkoll meta jeżistu legiżlazzjonijiet f’dan l-Istat Membru li, anki jekk dawn ma jibbażawx fuq kontribuzzjonijiet mogħtija mingħand min iħaddem, joffru lill-ħaddiem protezzjoni tad-drittijiet għal vaganzi mħallsa ekwivalenti għal dik prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

42      Il-Gvern Ġermaniż jirribatti li l-Kummissjoni ma ressqitx elementi konkreti sabiex turi li l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG imur kontra t-Trattat. Huwa jżid jgħid li din id-dispożizzjoni hija applikata mill-amministrazzjonijiet u l-qrati nazzjonali b’mod li huwa konformi ma’ l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju.

43      Fl-aħħar nett, sabiex tiġi evitata imposta ekonomika doppja għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet stabbilixxiet kollaborazzjoni bejn il-fruntieri pragmatika ma’ l-Istati Membri l-oħra, billi kkonkludiet ma’ wħud fosthom ftehim bilaterali dwar ir-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi nazzjonali ta’ vaganzi mħallsa.

44      Minbarra dan, il-qrati Ġermaniżi, u b’mod partikolari l-Bundesarbeitsgerict kienu dejjem irrispettaw il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-materja ta’ kollokament ta’ ħaddiema. B’mod partikolari, minbarra l-verifika ta’ l-eżistenza ta’ ftehim bilaterali, huma kienu dejjem ħarsu li ħaddiem kollokat jieħu benefiċċju mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fuq id-drittijiet għal vaganzi mħallsa, billi applikaw din il-leġiżlazzjoni biss jekk hija kienet tagħti lil dan il-ħaddiem vantaġġ effettiv fir-rigward ta’ l-applikazzjoni li tista’ ssir fir-rigward tiegħu mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat minn fejn huwa joriġina.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      L-ewwel net, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG timponi fuq min iħaddem barrani li jikkontribwixxi għall-fond ta’ vaganzi mħallsa Ġermaniż, sakemm huwa ma jkollux l-obbligu li jħallas kontribuzzjonijiet kemm f’dan il-fond kif ukoll f’organu simili fi Stat fejn l-impriża tiegħu hija stabbilita (punt 1) u li s-servizzi diġà mogħtija minn persuna li tħaddem, sabiex jissodisfaw id-drittijiet għal vaganzi legali, bi ftehim jew fuq bażi kuntrattwali, ta’ l-impjegati tagħhom jiġu kkunsidrati (punt 2).

46      Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq il-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-AEntG fis-sentenza Finlarte et, iċċitata iktar ’il fuq. B’mod partikolari, fil-punti 45, 49 u 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG tiddependi minn żewġ kundizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tivverifika t-twettiq tagħhom. B’hekk din il-qorti għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam ta’ vaganzi mħallsa tagħtix protezzjoni addizzjonali reali lill-ħaddiema kollokati minn fornituri ta’ servizzi stabbiliti barra mill-Ġermanja u jekk l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni kinitx proporzjonata għat-twettiq ta’ l-għan ta’ protezzjoni soċjali ta’ dawn il-ħaddiema.

47      Huwa paċifiku li, f’din il-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-obblilgu li tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux ġew imwettqa u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kull element neċessarju għall-verifika tal-konformità ta’ din id-dispożizzjoni ma’ l-Artikolu 49 KE.

48      Fil-fatt, skond ġuridprudenza stabbilita sew, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħmul skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat. Hija għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika minnha ta’ l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza, C-62/89, Ġabra p. I-925, punt 37, u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-341/02, Ġabra p. I-2733, punt 35).

49      Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata b’kunsiderazzjoni ta’ l-interprezzjoni li jagħtu l-qrati nazzjonali fir-rigward tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-382/92, Ġabra p. I-2435, punt 36, u tad-29 ta’ Mejju 1997, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-300/95, Ġabra p. I-2649, punt 37).

50      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ressqitx l-elementi neċessarji għall-verifika tan-nuqqas ta’ konformità ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG ma’ l-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, hija limitat lilha nnifisha għal interpretazzjoni litterali tal-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-AEntG mingħajr ma tat opinjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet mogħtija mis-sentenza Finlarte et, imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma invokatx in sostenn tar-rikors tagħha argument u lanqas ma għamlet referenza għal deċiżjonijiet ġuridiċi nazzjonali jew għal element ieħor intiż sabiex turi li, kuntrarjament għal dak li jaffermaw l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG huwa fil-prattika applikat jew interpretat b’mod mhux konformi mad-dritt Komunitarju.

51      Skond il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni litterali tagħha tal-punt 1 ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG hija mandakollu kkonfermata minn eżempju bbażat fuq il-leġiżlazzjoni Daniża. Fid-Danimarka, id-drittijiet għal vaganzi mhumiex imħallsa favur ħaddiem minn organu simili għall-fond ta’ vaganzi mħallsa Ġermaniż. B’hekk jekk ebda ħlas ma jsir b’dan il-mod mingħand min iħaddem stess, il-ħaddiem jista’ dejjem jiskeb għotja mis-sindakat ta’ min iħaddem. Minkejja l-eżistenza ta’ din il-garanzija, persuna li tħaddem stabbilita fid-Danimarka li tibgħat ħaddiema fil-Ġermanja, hija madankollu obbligata li tikkontribwixxi f’dan il-fond. Skond il-Kummissjoni, dan l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ma setax jiġi evitat ħlief permezz ta’ ftehim amministrattiv li jirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi nazzjonali ta’ vaganzi mħallsa li kien ġie konkluż bejn ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali madankollu jipprojbixxi li d-drittijiet li jirriżultaw mit-Trattat jiddependu mill-konklużjoni ta’ ftehim ta’ natura amminstrattiva.

52      Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess li fid-Danimarka jeżisti l-Arbejdsmarkedets Feriefond (fondi ta’ vaganzi mħallsa) simili għall-fond ta’ vaganzi mħallsa Ġermaniż u li l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG, kif applikata skond dan il-ftehim amministrattiv, teżenta mill-obbligu li ssir kontribuzzjoni f’dan il-fond Ġermaniż lill-impriżi Daniżi li jikkontribwixxu f’dawn il-fondi.

53      Barra minn hekk, jekk huwa veru li l-eżiġenza ta’ ċertezza legali tipprekludi li d-drittijiet li l-individwi jieħdu mid-dritt Komunitarju jiġu suġġetti fl-eżerċizzju tagħhom għal kundizzjonijiet u limiti ffissati minn regoli amministrattivi nazzjonali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-306/91, Ġabra p. I-2133, punt 14, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, C-354/98, Ġabra p. I-4937, punt 11), għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-kollokament transnazzjonali ta’ ħaddiema, id-diffikultajiet li jistgħu jitqajmu fl-okkażjoni tax-xebh bejn is-sistemi nazzjonali ta’ vaganzi mħallsa ma jistgħux jiġu risolti – fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-materja – mingħajr kooperazzjoni effettiva bejn l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-25 ta’ Lulju 2003). Il-konklużjoni ta’ ftehim amministrattivi intiża sabiex tassigura r-rikonoxximent reċiproku ta’ dawn is-sistema taqa’ taħt din il-kooperazzjoni u, aktar ġeneralment, taħt id-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn Stati membri fl-oqsma koperti mid-dritt Komunitarju.

54      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-impriżi barranin għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu għall-fond ta’ vaganzi mħallsa Ġermaniż ukoll meta l-ħaddiema li huma jimpjegaw jibbenfikaw essenzjalment minn protezzjoni simili konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ l-istabbiliment ta’ dawn l-impriżi.

55      B’hekk, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissojni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-obbligu li jiġu kkonservati ċerti dokumenti fil-lingwa Ġermaniża fuq il-post ta’ kostruzzjoni (Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG)

 L-argumenti tal-partijiet

56      Skond il-Kummissjoni, l-obbligu għall-impriżi barranin li jittraduċu, fil-lingwa Ġermaniża, id-dokumenti kollha meħtieġa skond l-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG, jiġifieri l-kuntratt tax-xogħol (jew dokument ekwivalenti skond id-Direttiva 91/533), il-karti tas-salarji, id-dokumenti li juru l-ħinijiet ta’ xogħol u l-ħlas tal-ħaddiema kif ukoll kull dokument ieħor meħtieġ mill-awtoritajiet Ġermaniżi jikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata u disproporzjonatata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi garantita fl-Artikolu 49 KE.

57      Fir-rigward tan-natura mhux iġġustifikata ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-AEntG, il-Kummissjoni tirrileva li, fis-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Arbade et (C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet bħala dritt li l-obbligu, għall-impriżi barranin, li jikkonservaw dokumenti fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti ma jistax jiġi mmotivat mill-għan li jiffaċililta b’mod ġenerali t-twettiq tal-missjoni ta’ kontroll ta’ l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat. Madankollu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jekk dan l-obbligu ma jistax jiġi ġġustifikat minn dan l-għan, l-obbligu - ta’ l-anqas daqshekk restrittiv – li d-dokumenti kollha in kwistjoni jiġu tradotti ma jkunx iġġustifkat ħafna.

58      F’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tad-dispożizzjoni in kwistjoni, meta rreferiet ukoll għas-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sostniet li l-obbligu ġenerali ta’ traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti kien sar superfluwu minħabba s-sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-Isati Membri prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71.

59      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkunsidra li l-obbligu ta’ traduzzjoni previst fl-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG huwa konformi ma’ l-Artikolu 49 KE.

60      Fil-fatt, skond l-awtoritajiet Ġermaniżi dan l-obbligu huwa mmotivat mill-ħtieġa li jkun jista’ jsir kontroll effettiv tar-rispett ta’ l-obbligi legali li jirriżultaw mill-AEntG u b’hekk li jassigura protezzjoni effettiva tal-ħaddiema. L-awtoritajiet ta’ kontroll għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jaqraw u li jifhmu d-dokumenti in kwistjoni , li jimplika li dawn jiġu tradotti. L-effettività tal-kontroll ma tistax, fil-fatt, tiddependi mill-kompetenzi lingwistiċi ta’ l-awtoritajiet li jassiguraw il-kontroll tal-postijiet ta’ kostruzzjoni kkonċernati.

61      Il-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż iżidu jgħidu li s-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, ma tippermttix li jiġu dedotti konklużjonijiet diretti dwar il-ġustifikazzjoni kif ukoll in-natura proporzjonata ta’ l-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG.

62      Fl-aħħar nett, dawn il-Gvernijiet iqisu li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71, ma tistax tissostitwixxi l-obbligu ta’ traduzzjoni impost fuq min iħaddem li huwa barrani.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dak li jipprovdi servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, ukoll jekk tapplika indistintivament għal dawk li jipprovdu servizzi nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet ta’ min jipprovdi servizz li huwa stabbilit fi Stat membru ieħor, fejn hu legalment jagħti servizzi simili (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 1991, Säger, C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12; tat-28 ta’ Marzu 1996, Guiot, C-272/94, Ġabra p. I-1905, punt 10, u tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Ġabra p. I-885, punt 30).

64      Anke fin-nuqqas ta’ armonizzazzoni f’din il-materja, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwantu prinċipju fundamentali tat-Trattat ma jistax jiġi limitiat ħlief permezz ta’ leġiżlazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li japplikaw għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti, f’każ fejn dan l-interess mhuwiex issalvagwardjat mir-regoli li għalihom il-fornitur ikun suġġett fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit (ara b’mod partikolari, is-sentenzi Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35; ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções, C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 19, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-445/03, Ġabra p. I-10191, punt 21).

65      Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ Stat Membru lill-fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħrajn għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan li huma jsegwu u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Säger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15; tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32, u tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37).

66      F’dan il-każ, jirriżulta mill-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG li, meta persuna li tħaddem li hija stabbilita fil-Ġermanja tħaddem persuni fuq it-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hija għandha l-obbligu li tikkonserva ċerti dokumenti, fil-lingwa Ġermaniża, matul it-tul ta’ żmien kollu ta’ xogħol effettiv tal-ħaddiema kollokati u għall-anqas matul id-dewmien tal-kostruzzjoni kompluta, mingħajr madankollu ma dan l-obbligu jiġi impost lilhinn minn terminu ta’ żmien ta’ sentejn, b’mod li tkun tista’ tippreżenta dawn id-dokumenti fuq il-post ta’ kostruzzjoni fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet ta’ kontoll. Kif il-Gvern Ġermaniż ippreċiża matul is-seduta, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni, id-dokumenti kkonċernati huma l-kuntratt ta’ xogħol, il-karti tas-salarji kif ukoll id-dokumenti li juru l-ħinijiet tax-xogħol u l-ħlas tas-salarji.

67      Peress li ma jeżistux miżuri ta’ armonizzazzjoni Komunitarji fil-materja, b’hekk sabiex jiġi evalwat il-mertu tat-tieni lment invokat mill-Kummissjoni, mal-ewwel għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet mitluba minn din id-dispożizzjoni ta’ l-AEntG jinkludux effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, sussegwentement, skond il-każ, jekk, fil-qasam ta’ l-attività kkunsidrata, raġunijiet imperattivi marbuta ma’ l-interess ġenerali jiġġustifikawx dawn ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fl-affermattiv, għandu fl-aħħar nett jiġi vverifikat jekk l-istess riżultat ma setax jinkiseb permezz ta’ regoli inqas restrittivi.

68      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, billi imponiet it-traduzzjoni fil-Ġermaniż tad-dokumenti in kwistjoni, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal libertà li jiġu pprovduti servizzi.

69      Fil-fatt, l-obbligu kif impost ifisser spejjeż kif ukoll imposti amministrattivi u finanzjarji addizzjonali għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod li dawn ta’ l-aħħar ma jinsabux fuq livell ta’ ugwaljanza, minn punt tal-kompetizzjoni, mal-persuni li jħaddmu stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u li huma jistgħu b’hekk jiġu dissważi milli jipprovdi servizzi f’dan l-Istat Membru.

70      Fit-tieni lok, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG jsegwi għan ta’ interess ġenerali marbut mal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni u għall-kontroll tar-rispett tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet dan l-għan fost ir-raġunijiet imperattivi li jiġġustifikaw dawn ir-restrizzjonijiet għal libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral, 62/81 u 63/81, Ġabra p. 223, punt 14; tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa, C-113/89, Ġabra p. I-1417, punt 18; Guiot, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16, u Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

71      Fil-fatt, billi impona l-konservazzjoni fuq il-post ta’ kostruzzjoni tad-dokumenti in kwistjoni fil-lingwa ta’ l-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG huwa intiż sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat li jwettqu, fuq il-post tax-xogħol, il-kontrolli neċessarji sabiex jiggarantixxu r-rispett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari dawk relatati mar-rimunerazzjoni u mal-ħinijiet tax-xogħol. Dawn it-tipi ta’ kontrolli fuq il-post isiru, fil-prattika, eċessivament diffiċli, jew impossibbli, jekk dawn id-dokumenti setgħu jiġu ppreżentati fil-lingwa ta’ l-Istat Membru ta’ l-istabbiliment ta’ min iħaddem, peress li din il-lingwa ma tkunx neċessarjament ipprattikata mill-uffiċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

72      Isegwi li l-obbligu previst fl-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG huwa ġġustifikat.

73      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mis-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq.

74      Żgur, jekk huwa veru li, fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhuwiex biżżejjed, sabiex tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tikkonsisti li timponi lil min iħaddem li huwa barrani li jżomm ċerti dokumenti fir-residenza ta’ persuna fiżika residenti fl-Istat Membru ospitanti, li l-preżenza ta’ dawn id-dokumenti f’dan l-Istat hija ta’ natura li tiffaċilita b’mod ġenerali t-twettiq tal-missjoni ta’ kontroll ta’ l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, dan il-punt tas-sentenza jikkonċerna madankollu l-obbligu impost fuq min iħaddem li jżomm għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ċerti dokumenti anke meta huwa ma jħaddimx aktar ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti.

75      Madankollu, dan mhuwiex il-każ hawnhekk, peress li l-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG jimponi obbligu li jiġu kkonservati dokumenti fil-lingwa Ġermaniża matul id-dewmien tax-xgoħol effettiv tal-ħaddiema kollokati fil-Ġermanja u matul id-dewmien tax-xogħol ta’ kostruzzjoni. Minbarra dan, kif jirriżulta wkoll mill-punt 74 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha sabiex tiffaċilita b’mod ġenerali t-twettiq tal-missjoni ta’ kontroll ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti, iżda sabiex tagħmel possibbli, fil-prattika, l-iżvolġiment tal-verifiki effettwati minn dawn l-awtoritajiet fuq il-positijiet ta’ kostruzzjoni.

76      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni timponi t-traduzzjoni ta’ erba’ dokumenti biss (il-kuntratt tax-xogħol, il-karti tas-salarji kif ukoll id-dokumenti li juru l-ħinijiet ta’ xogħol u l-ħlas tas-salarji) li mhumiex eċċessivament twal u li ġeneralment tintuża formulazzjoni standard għall-kitba tagħhom. Konsegwentement, peress li għal persuna li tħaddem li tibgħat ħaddiema fil-Ġermanja, dan ma jifissirx imposta amministrattiva jew finanzjarja iebsa, l-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni soċjali imsegwi.

77      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fl-istat attwali ta’ dritt, ma jeżistux miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jassiguraw dan l-għan.

78      Fil-fatt, is-sistema organizzata ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoin bejn amministrazzjonijiet nazzjonali prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71 ma tagħmilx superflwu l-obbligu ta’ traduzzjoni impost fuq min iħaddem stabbilit barra mill-Ġermanja. Jirriżulta, fil-fatt, mill-proċess li d-dokumenti mitluba mingħand min iħaddem mill-AEntG mhumiex miżmuma minn dawn l-amministrazzjonijiet, li b’hekk ma jistgħux jitrażmettuhom, flimkien mat-traduzzjoni tagħhom, fi żmien raġonevoli lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra.

79      Minbarra dan, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, attwalment ma jeżistix strument normattiv Komunitarju wieħed li jimponi l-użu ta’ dokumenti plurilingwistiċi f’każ ta’ kollokament transnazzjonali ta’ ħaddiema.

80      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-obbligu, għall-impriżi ta’ xogħol termporanju barranin, li jagħmlu dikjarazzjoni dwar il-post ta’ impjieg tal-ħaddiema kollokati (Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG)

 L-argumenti tal-partijiet

81      Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu impost fuq l-impriżi ta’ xogħol temporanju barranin li jiddikjaraw lill-awtoritajiet kompetenti mhux biss il-prestazzjoni ta’ ħaddiem favur impriża utenti, iżda wkoll il-bdil ta’ xogħol ta’ dan il-ħaddiem minn post ta’ kostruzzjoni għal ieħor, filwaqt li dan l-obbligu addizzjonali mhuwiex impost fuq impriżi ta’ xogħol temporanju stabbiliti fil-Ġermanja, jikkostitwixxi miżura li tagħmel il-prestazzjoni ta’ servizzi bejn il-fruntieri aktar diffiċli mill-prestazzjoni ta’ servizzi interni. Skond il-Kummissjoni, ebda motiv validu ma jiġġustifika din in-nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ trattament.

82      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirribatti li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, dan l-obbligu huwa ġġustifikat minħabba n-neċessità li jsiru kontrolli effettivi, fl-interess ta’ protezzjoni aħjar tal-ħaddiema. Minbarra dan, dan l-obbligu ma jwassalx għal imposta eċċissiva għall-impriża ta’ xogħol temporanju kkonċernata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi timplika, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata kontra l-fornitur minħabba n-nazzjonalità tiegħu jew minħabba ċ-ċirkustanza li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor barra dak fejn il-prestazzjoni għandha tiġi eżegwita (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda, C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 10; Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-353/89, Ġabra p. I-4069, punt 14, u ta’ l-4 ta’ Mejju 1993, Distribuidores Cinematográficos, C-17/92, Ġabra p. I-2239, punt 13).

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG għandu bħala effett li joħloq diskriminazzjoni kontra fornituri ta’ servizzi stabbilit barra mill-Ġermanja.

85      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni timponi lill-impriżi ta’ xogħol temporanju stabbiliti fi Stati Membri oħra li jikkomunikaw bil-miktub lill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti mhux biss il-bidu u t-tmiem ta’ għoti l-prestazzjoni ta’ ħaddiem favur impriża utenti fil-Ġermanja, iżda wkoll il-post tax-xogħol ta’ dan il-ħaddiem kif ukoll kull tibdil dwar dan il-post, filwaqt li l-impriżi ta’ l-istess tip stabbiliti fil-Ġermanja mhumiex suġġetti għal dan l-obbligu addizzjonali li huwa impost dejjem fuq l-impriżi utenti.

86      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjonijiet nazzjonali li mhumiex indistintivament applikabbli għall-provvista ta’ servizzi irrispettivament mill-oriġini mhumiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju ħlief jekk dawn jaqgħu taħt dispożizzjoni derogatorja espressa, bħall-Artikolu 46 KE, li għalih l-Artikolu 55 KE jirreferi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 24; Collectieve Antennevoorziening Gouda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 31). Jirriżulta mill-Artikolu 46 KE, li għandu jiġi interpretat b’mod strett, li regoli diskriminatorji jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubblika, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Gvern Ġermaniż ma invokax element wieħed li jista’ jaqa’ taħt waħda minn dawn ir-raġunijiet.

88      Isegwi li t-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

89      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, meta stipulat dispożizzjoni bħall-Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG, skond liema l-impriżi barranin ta’ xogħol temporanju għandhom l-obbligu li jiddikjaraw mhux biss il-prestazzjoni ta’ ħaddiem favur impriża utenti fil-Ġermanja, iżda wkoll kull tibdil dwar il-post tax-xogħol ta’ dan il-ħaddiem, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew miltuba. Skond l-Artikolu 69(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

91      Fil-każ preżenti, peress li l-Kummissjoni tilfet tnejn mit-tliet ilmenti invokati, hemm lok li tiġi orndata tbati ż-żewġ terzi ta’ l-ispejjeż u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi ordnata tbati terz minnhom.

92      Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Meta stipulat dispożizzjoni bħall-Artikolu 3(2) tal-liġi dwar il-kollokamnet ta’ ħaddiema (Arbeitnehmer-Entsendegestez), tas-26 ta’ Frar 1996, skond liema l-impriżi ta’ xogħol temporanju barranin għandhom l-obbligu li jiddikjaraw mhux biss il-prestazzjoni ta’ ħaddiem favur impriża utenti fil-Ġermanja, iżda wkoll kull tibdil dwar il-post tax-xogħol ta’ dan il-ħaddiem, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija orndata tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija ordnata tbati terz minnhom.

4)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.